12.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 201/8


Notifika Interpretattiva dwar l-applikazzjoni tas-sorveljanza minn qabel tal-Unjoni tal-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-ħadid u tal-azzar u ċerti prodotti tal-aluminju li joriġinaw f'ċerti pajjiżi terzi

(2018/C 201/05)

(1)   

Fit-28 ta' April 2016, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament (UE) 2016/670 li jintroduċi s-sorveljanza minn qabel tal-Unjoni għall-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw minn ċerti pajjiżi terzi (1) (minn issa 'l quddiem “ir-Regolament dwar is-Sorveljanza tal-Azzar”) sabiex jiġi permess il-ġbir rapidu u avvanzat ta' informazzjoni statistika dwar l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-azzar. Monitoraġġ bħal dan kien meħtieġ fid-dawl tal-vulnerabbiltà perċepita tas-suq tal-azzar tal-Unjoni Ewropea għal bidliet f'daqqa fis-swieq dinjija tal-azzar.

(2)   

Fl-20 ta' Ġunju 2017, ir-Regolament dwar is-Sorveljanza tal-Azzar ġie emendat mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1092 (2), prinċipalment biex jiġu ssimplifikati d-dispożizzjonijiet tiegħu u biex jiġi inkoraġġit aktar l-użu ta' dokumenti ta' sorveljanza elettronika.

(3)   

Fil-25 ta' April 2018, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2018/640 li jintroduċi s-sorveljanza minn qabel tal-Unjoni għall-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-aluminju li joriġinaw f'ċerti pajjiżi terzi (3) (minn issa 'l quddiem “ir-Regolament dwar is-Sorveljanza tal-Aluminju”) sabiex jiġi permess il-ġbir rapidu u avvanzat ta' informazzjoni statistika dwar l-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-aluminju.

(4)   

Il-Kummissjoni rċeviet mistoqsijiet dwar il-funzjonament ta' din is-sistema ta' sorveljanza mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kif ukoll minn partijiet interessati oħra.

(5)   

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi tar-Regolamenti tas-Sorveljanza tal-Azzar u l-Aluminju mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fl-Istati Membri kollha u tiġi ffaċilitata l-konformità mill-partijiet interessati kkonċernati, il-Kummissjoni tqis li huwa meħtieġ li tipprovdi interpretazzjoni tar-regoli tas-sorveljanza.

(6)   

Din in-notifika ma toħloqx regoli ġodda imma sempliċement tipprovdi kjarifika dwar l-applikazzjoni tar-Regolamenti eżistenti dwar is-Sorveljanza tal-Azzar u l-Aluminju.

(7)   

Din in-notifika hija mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti oħra stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari fil-qasam tal-leġiżlazzjoni tad-dwana tal-Unjoni. Hija wkoll mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe interpretazzjoni tar-regoli ta' sorveljanza li jistgħu jingħataw mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

1.   Prinċipji ġenerali

(8)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura r-rispett tal-pożizzjonijiet u l-impenji tal-Unjoni Ewropea skont l-obbligi tal-liġi internazzjonali, notevolment dawk li jirriżultaw mis-sħubija tal-Unjoni Ewropea mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) f'termini ta' kummerċ miftuħ u bla xkiel (4). Is-sorveljanza mhijiex intenzjonata li tfixkel il-flussi tal-kummerċ u m'għandhiex tinftiehem li tagħmel dan.

(9)

L-għan prevalenti tas-sistema ta' sorveljanza minn qabel huwa l-ġbir ta' data statistika dwar l-intenzjoni tal-operaturi ekonomiċi li jimportaw il-prodotti kkonċernati fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea. Is-sistema għandha għalhekk tkun sempliċi kemm jista' jkun għaliex isservi biss skopijiet ta' statistika. Għalhekk huwa importanti li r-regoli ta' sorveljanza ma jidhrux u ma jintużawx biex jimponu piż sproporzjonat fuq l-importaturi jew li jfixklu l-kummerċ normali b'xi mod. F'dan il-kuntest, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim tad-WTO dwar il-Proċeduri tal-Liċenzjar ta' Importazzjoni jservu bħala gwida interpretattiva addizzjonali (5).

(10)

Ir-regoli ta' sorveljanza minn qabel li jinsabu fir-Regolamenti dwar is-Sorveljanza tal-Azzar u l-Aluminju huma kumplimentari għal-leġiżlazzjoni tad-dwana tal-Unjoni Ewropea u għalhekk jinħtieġ li jiġu kkoordinati magħhom. Fil-prattika, dokumenti ta' sorveljanza jakkumpanjaw talba għal ċirkolazzjoni libera fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea, kull meta l-oġġetti jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

(11)

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (6) jippromwovi l-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni kif stabbilit fid-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ (7). Dan huwa element ewlieni biex tiġi żgurata l-faċilitazzjoni tal-kummerċ u, fl-istess ħin, l-effettività tal-kontroll doganali, biex b'hekk jitnaqqsu l-ispejjeż għan-negozju u r-riskju għas-soċjetà. Dan huwa maħsub li jiġi segwit permezz ta' sistema ta' skambju armonizzat ta' informazzjoni fuq il-bażi ta' mudell tad-data u formati ta' messaġġi aċċettati internazzjonalment.

(12)

Ir-regoli tas-sorveljanza ma jistabbilixxux sistema ta' regoli armonizzati (8), jew netwerk iddedikat għall-ħruġ ta' dokumenti ta' sorveljanza. L-applikazzjoni tar-regoli ta' sorveljanza m'għandhiex tipperikola l-għan tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ ġenerali.

2.   L-applikazzjoni tal-importatur

(13)

L-Artikolu 2(6) tar-Regolament dwar is-Sorveljanza tal-Azzar u l-Artikolu 2(5) tar-Regolament dwar is-Sorveljanza tal-Aluminju jiddeskrivu l-elementi tal-applikazzjoni tal-importatur u jiċċaraw li l-importatur jista' jitlob dokument ta' sorveljanza direttament jew permezz ta' rappreżentant.

(14)

Għalhekk, it-terminu “applikant” ifisser “importatur”. It-terminu “dikjarant” (9) ifisser il-persuna li tiddepożita d-dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera. Id-dikjarant jista' jkun jew l-importatur jew ir-rappreżentant tiegħu.

3.   Il-kontenut tal-applikazzjoni

(15)

L-Artikolu 2(6)(f) tar-Regolament dwar is-Sorveljanza tal-Azzar u l-Artikolu 2(5)(f) tar-Regolament dwar is-Sorveljanza tal-Aluminju jeżiġu li l-applikant jiddikjara: “Jiena, is-sottoskritt, niċċertifika li l-informazzjoni pprovduta f'din l-applikazzjoni hija minnha u mogħtija b'bona fide, u li jiena stabbilit fl-Unjoni.”

(16)

F'każ li r-rappreżentant ma jkunx stabbilit fl-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (10) li jiddefinixxi l-obbligi ta' operaturi ekonomiċi mhux stabbiliti fit-territorju doganali tal-Unjoni fir-rigward tar-reġistrazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, japplika.

(17)

Skont dak l-artikolu, kwalunkwe rappreżentant mhux stabbilit fl-Unjoni Ewropea u li għandu numru EORI validu skont ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 u li jkollu mandat minn importatur stabbilit fl-Unjoni għandu jkun jista' jitlob u jirċievi dokument ta' sorveljanza skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament dwar is-Sorveljanza tal-Azzar f'isem dak l-importatur.

4.   Importazzjonijiet koperti mid-dokument ta' Sorveljanza

(18)

Għall-fini tad-dokument ta' sorveljanza, it-terminu “importazzjoni” huwa interpretat bl-istess mod bħall-għan tad-dikjarazzjoni doganali korrispondenti:

Għandu jintalab dokument ta' sorveljanza wieħed għal kull kodiċi TARIC kopert. Jekk kodiċi TARIC differenti jidher fuq l-istess ordni/fattura, għandu jintalab dokument ta' sorveljanza separat għal kull kodiċi TARIC differenti.

Dokument ta' sorveljanza wieħed jista' jkopri bosta vjaġġi (sakemm il-kwantitajiet fuq id-dokument ta' sorveljanza ma jkunux użati b'mod sħiħ minn vjaġġ wieħed).

Dokument wieħed ta' sorveljanza jista' jintuża għal diversi ordnijiet ta' xiri (li jikkonċerna vjaġġ wieħed għall-istess kodiċi TARIC u l-istess applikant).

It-talba għad-dokumenti ta' sorveljanza għandu jkollha l-kodiċi TARIC li taħtu jaqa' l-prodott rilevanti.

5.   Applikazzjoni tal-limiti tal-eżenzjonijiet

(19)

Il-limitu tal-eżenzjoni stabbilit skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament dwar is-Sorveljanza tal-Azzar japplika biss għal kodiċi TARIC individwali. Kull importazzjoni magħmula taħt kodiċi TARIC speċifiku, u li l-piż nett tagħha ma jaqbiżx l-2 500 kg (jew 5 000 kg fil-każ ta' importazzjonijiet li jaqgħu taħt l-intestatura HS 7318, skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2017/1092) tista' tidħol fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr dokument ta' sorveljanza.

(20)

B'mod simili, il-limitu tal-eżenzjoni stabbilit skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament dwar is-Sorveljanza tal-Aluminju japplika biss għal kodiċi TARIC individwali. Kull importazzjoni magħmula taħt kodiċi TARIC speċifiku, u li l-piż nett tagħha ma jaqbiżx l-2 500 kg tista' tidħol fit-territorju doganali tal-Unjoni mingħajr dokument ta' sorveljanza.

(21)

Il-volum u d-devjazzjonijiet tal-prezz bejn id-dokument ta' sorveljanza u t-transazzjonijiet ta' importazzjoni attwali msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament dwar is-Sorveljanza tal-Azzar u l-Artikolu 3 tar-Regolament dwar is-Sorveljanza tal-Aluminju għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta' kodiċi TARIC individwali. Ma jistgħux ikunu bbażati, per eżempju, fuq il-prezz medju jew il-kwantitajiet ta' kodiċi TARIC differenti ta' fattura waħda jew aktar jew ta' transazzjoni waħda jew aktar.

(22)

Jiġifieri, jekk, għal kull kodiċi TARIC, il-prezz unitarju tal-prodotti ppreżentat lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jiddevja b'inqas minn 5 % f'waħda miż-żewġ direzzjonijiet (fi kliem ieħor, il-prezz huwa 5 % ogħla jew irħas mill-prezz indikat fuq id-dokument ta' sorveljanza) u/jew il-kwantità totali tal-prodotti ppreżentati taħt kull kodiċi TARIC individwali għall-importazzjoni jaqbeż il-kwantità indikata fuq id-dokument ta' sorveljanza b'inqas minn 5 %, allura r-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa għandu madankollu jingħata.

(23)

M'hemmx għalfejn ngħidu li fejn il-kwantità totali tal-prodotti ppreżentati lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti taħt kull kodiċi TARIC individwali taqa' taħt il-kwantità indikata fid-dokument ta' sorveljanza, ir-Regolamenti dwar is-Sorveljanza tal-Azzar u l-Aluminju jipprovdu li r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa għandu jingħata wkoll.

(24)

Devjazzjoni fil-prezz jew fil-kwantità ta' aktar minn 5 % mhijiex aċċettabbli taħt ir-Regolamenti dwar is-Sorveljanza tal-Azzar u l-Aluminju. Fejn devjazzjoni tal-prezz jew tal-kwantità taqbeż il-limitu ta' 5 % stipulat fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament dwar is-Sorveljanza tal-Azzar u l-Artikolu 3(1) tar-Regolament dwar is-Sorveljanza tal-Aluminju, huwa meħtieġ dokument ta' sorveljanza ġdid.

6.   Evidenza tal-intenzjoni tal-importazzjoni

(25)

L-evidenza tal-intenzjoni ta' importazzjoni msemmija taħt l-Artikolu 2(6), l-aħħar sentenza tar-Regolament dwar is-Sorveljanza tal-Azzar u l-Artikolu 2(5) l-aħħar sentenza tar-Regolament dwar is-Sorveljanza tal-Aluminju tikkonsisti f'kull evidenza ta' sostenn kummerċjali. Din tista' tkun, pereżempju, kopja tal-kuntratt ta' bejgħ, ordni ta' xiri, jew kwalunkwe evidenza kummerċjali oħra bħal korrispondenza (inklużi l-iskambji tal-posta elettronika) li tikkonferma l-ordni tal-merkanzija kkonċernata.

(26)

Il-lista ta' hawn fuq mhix eżawrjenti u kwalunkwe tip raġonevoli ieħor ta' evidenza kummerċjali jista' wkoll jitqies suffiċjenti mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti.

7.   Trażmissjoni ta' dokumenti

(27)

Il-Kummissjoni tħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet kompetenti biex jiżguraw li t-trażmissjoni tad-dokumenti bejn l-importatur jew ir-rappreżentant tiegħu (talba għal dokument ta' sorveljanza) u l-awtoritajiet tal-liċenzjar (ħruġ tad-dokument ta' sorveljanza) tkun rapida u sempliċi u, fejn possibbli, isseħħ b'mezzi elettroniċi.

8.   Dokumenti stampati u elettroniċi (11)

(28)

Skont ir-Regolamenti dwar is-Sorveljanza tal-Azzar u l-Aluminju, l-applikazzjoni għal dokument ta' sorveljanza tista' ssir elettronikament. Ir-rekwiżiti tal-karta japplikaw biss għall-formola ta' sorveljanza nnifisha (jiġifieri l-formola stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2015/478 u l-Anness I tar-Regolament (UE) 2015/755 rispettivament).

(29)

Għaldaqstant, l-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jistabbilixxu sistemi elettroniċi biex jipproċessaw l-applikazzjoni. Jistgħu wkoll joħorġu dokumenti ta' sorveljanza elettronika flimkien ma' dokumenti stampati li jistgħu jiġu trażmessi lis-sistema doganali elettronika nazzjonali, minħabba li d-dikjarazzjonijiet tad-dwana jistgħu jinħarġu b'mod elettroniku fil-qafas ta' operazzjonijiet doganali. Dan huwa kompletament konformi mal-objettivi ta' politika msemmija hawn fuq - kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni Ewropea - biex jippromwovu t-tranżizzjoni għad-dwana elettronika. Il-Kummissjoni, għalhekk, tħeġġeġ il-ħruġ elettroniku ta' dokumenti ta' sorveljanza u l-ipproċessar elettroniku tagħhom bil-għan li tissimplifika l-proċeduri ta' sorveljanza.

(30)

Madankollu, skont il-qafas legali attwali li jkopri s-sorveljanza (12), għad iridu jinħarġu dokumenti stampati, b'mod partikolari fuq talba tal-applikant jew tal-awtoritajiet nazzjonali ta' Stat Membru ieħor.

(1)  ĠU L 115, 29.4.2016, p. 37.

(2)  ĠU L 158, 21.6.2017, p. 8.

(3)  ĠU L 106, 26.4.2018, p. 7.

(4)  Il-Komunità Ewropea kkonkludiet il-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“WTO”). L-Anness 1A għal dak il-Ftehim fih, inter alia, il-Ftehim Ġenerali dwar Tariffi u Kummerċ 1994 (“GATT 1994”) u Ftehim dwar Proċeduri ta' Liċenzjar ta' Importazzjoni: https://www.wto.org/english/docs_e/legal_e/23-lic.pdf

(5)  Ara b'mod partikolari l-Ftehim tal-liċenzjar tal-Importazzjoni tad-WTO, l-Artikolu 1.7: L-ebda applikazzjoni m'għandha tkun miċħuda għal żbalji ta' dokumentazzjoni żgħar li ma jbiddlux data bażika li jkun hemm fiha. L-ebda penali akbar milli meħtieġa biex isservi biss bħala twissija m'għandha tkun imposta fir-rigward ta' xi omissjoni jew żball fid-dokumentazzjoni jew proċeduri li huwa ovvju li saru mingħajr ħsieb ta' ingann jew traskuraġni kbira. Ara wkoll l-Artikolu 2(2)(a): “il-proċeduri ta' liċenzar awtomatiku m'għandhomx ikunu amministrati b'dak il-mod li jkollhom effetti restrittivi fuq importazzjonijiet suġġetti għal-liċenzar awtomatiku […]”.

(6)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(7)  ĠU L 23, 26.1.2008, p. 21.

(8)  Ir-Regolament (UE) 2017/1092, li jemenda r-Regolament ta' Sorveljanza tal-Azzar, irrevoka d-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 2(9) ta' dan tal-aħħar: “Id-dokument tas-sorveljanza jista' jinħareġ bil-mezzi elettroniċi safejn u sakemm l-uffiċċji tad-dwana involuti jkollhom aċċess għad-dokument permezz ta' network tal-kompjuters.”

(9)  L-Artikolu 2(6)(b) tar-Regolament dwar is-Sorveljanza tal-Azzar, ibbażat fuq l-Artikolu 11(2)(b) tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16) u l-Artikolu 8(2)(b) tar-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 33).

(10)  ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1.

(11)  Ara l-Artikolu 11(2), (3), (8), (9), (10) u l-Anness II tar-Regolament (UE) 2015/478; l-Artikolu 8(2), (3), (8), (9), (10) u l-Anness I tar-Regolament (UE) 2015/755

(12)  L-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2015/478