|
27.4.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 148/9 |
Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni
tat-8 ta’ Diċembru 2017
li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE
(Il-Kawża At.40208 — Ir-Regoli ta’ Eliġibbiltà tal-Unjoni tal-Iskejzjar Internazzjonali)
(notifikat bid-dokument C(2017) 8240)
(it-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)
(2018/C 148/06)
Fit-8 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-Deċiżjoni, wara li qieset l-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.
Introduzzjoni
|
(1) |
Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Unjoni tal-Iskejzjar Internazzjonali (“ISU”) tikser l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE bl-adozzjoni u l-infurzar tar- Regoli ta’ Eliġibbiltà tagħha. Ir-Regoli ta’ Eliġibbiltà tal-ISU jillimitaw il-possibilitajiet biex l-atleti jieħdu sehem f’avvenimenti tal-iskejzjar b’veloċità għolja organizzati minn partijiet terzi u b’hekk jeskludu l-aċċess għas-suq għall-organizzazzjoni u l-isfruttament kummerċjali ta’ avvenimenti internazzjonali tal-iskejzjar b’veloċità għolja billi jċaħħdu l-organizzaturi potenzjali ta’ avvenimenti tal-iskejzjar b’veloċità għolja mis-servizzi neċessarji pprovduti minn atleti. |
Proċedura
|
(2) |
Id-Deċiżjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 toriġina minn ilment ta’ żewġ professjonisti li jipprattikaw l-iskejzjar b’veloċità għolja (l-“Ilmentaturi”) tat-23 ta’ Ġunju 2014 fejn allegaw li r-regoli ta’ Eliġibbiltà tal-ISU mhumiex kumpatibbli mal-Artikoli 101 u 102 TFUE. |
|
(3) |
Fil-5 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni ddeċediet li tibda proċedimenti kontra l-ISU bil-ħsieb li tieħu deċiżjoni skont il-Kapitlu III tar-Regolament 1/2003, u fis-27 ta’ Settembru 2016 adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”). |
|
(4) |
L-ISU wieġbet id-DO fis-16 ta’ Jannar 2017. Fl-1 ta’ Frar 2017, saret Seduta Orali. Fis-27 ta’ April 2017 u fit-30 ta’ Ottubru 2017, l-ISU għamlet tentattiv biex tindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni billi toffri impenji. Madankollu, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-proposti ta’ impenn tal-ISU ma kienux biżżejjed biex isolvu t-tħassib tal-kompetizzjoni identifikati b’mod f’waqtu. Fis-6 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni bagħtet Ittra tal-Fatti lill-ISU, li wieġbet lura fil-25 ta’ Ottubru 2017. |
|
(5) |
Fit-23 ta’ Novembru 2017, ġie kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiki Restrinġenti u Pożizzjonijiet Dominanti. |
Il-fatti tal-każ
|
(6) |
L-ISU hija federazzjoni internazzjonali tal-isport li tamministra l-iskejzjar dinji u l-iskejzjar b’veloċità għolja fuq is-silġ; hija tikkonsisti minn assoċjazzjonijiet nazzjonali individwali (“il-Membri”) li jamministraw dawk l-isports fuq livell nazzjonali. Ir-Regoli ta’ Eliġibbiltà tal-ISU jiffurmaw parti mill-Istatuti u r-Regolamenti Ġenerali, adotatti mill-Kungress tal-ISU. Dawn ir-regoli huma vinkolanti fuq il-Membri, il-klabbs affiljati tagħhom u l-membri individwali. |
|
(7) |
Skont ir-Regoli ta’ Eliġibbiltà tal-2014 tal-ISU, li ilhom fis-seħħ minn meta l-Kummissjoni rċeviet ilment u fis-sustanza, diġà kienu fis-seħħ mill-1998, atleta tal-iskejzjar b'veloċità għolja ssir ineliġibbli għal ħajjitha kollha milli tipparteċipa fl-avvenimenti internazzjonali tal-iskejzjar b’veloċità għolja tal-ISU (inkluż fil-Kampjonati tad-Dinja u fil-Kampjonati Ewropej u fil-Logħob Olimpiku tax-Xitwa) jekk hu/hi jipparteċipa/tipparteċipa fi kwalunkwe avveniment tal-iskejzjar li mhuwiex awtorizzat mill-ISU jew minn wieħed mill-Membri tagħha. Skont ir-Regoli ta’ Eliġibbiltà tal-2016 (fis-seħħ bħalissa) professjonisti li jipprattikaw l-iskejzjar f’avvenimenti mhux awtorizzati huma soġġetti għal sanzjonijiet li jvarjaw minn twissija għal perjodi ta’ ineliġibbiltà li jvarjaw minn minimu mhux speċifikat għal massimu ta’ tul tal-ħajja. Sa Ottubru 2015, meta l-ISU adottat il-Komunikazzjoni Nru 1974 li tistabbilixxi l-proċedura għal organizzaturi indipendenti ta’ avvenimenti tal-iskejzjar b’veloċità għolja biex jirċievu awtorizzazzjoni mill-Kunsill tal-ISU, ma kien hemm l-ebda proċedura formali ta’ awtorizzazzjoni fis-seħħ. |
|
(8) |
Fil-passat saru tentattivi minn kompetituri potenzjali biex jistabbilixxu avvenimenti alternattivi ta’ skejzjar b’veloċità għolja. Id-Deċiżjoni tiddeskrivi dħul tentattiv li sar minn Icederby li ma kienx irnexxa. Icederby ipprova jorganizza serje ta’ avvenimenti (“Icederby Grand Prix”) għal sitt snin konsekuttivi mill-2014-2020. F’Diċembru 2011, huwa kkuntattja lill-ISU biex jidħol fi ftehim ta’ sħubija u biex jippreżenta l-pjan ta’ azzjoni tiegħu. Għall-ewwel, Icederby kellu l-intenzjoni li jippermetti l-imħatri b’rabta mal-Grand Prix li kien ippjana fil-pajjiżi ospitanti fejn l-imħatri huma legali. F’Jannar 2012, l-ISU aġġornat il-Kodiċi ta’ Etika tagħha li inkludiet l-obbligu li joqogħdu lura milli jipparteċipaw f’kull tip ta’ mħatri. Sentejn wara, Icederby informa lill-ISU li l-ebda mħatri ma kienu se jiġu organizzati b’rabta mad-Dubai Icederby Grand Prix minħabba li l-logħob tal-imħatri huwa illegali fid-Dubai. Minkejja dan, l-ISU ma awtorizzatx lil Dubai Icederby Grand Prix 2014 u infurmat lill-Membri tagħha u l-atleti kollha tal-iskejzjar li kienu se jkunu soġġetti għal projbizzjoni tul il-ħajja stabbilita mir-Regoli ta’ Eliġibbiltà jekk ikunu ħadu sehem f’dan l-avveniment. |
|
(9) |
L-Ilmentaturi kellhom l-intenzjoni li jikkompetu fid-Dubai Icederby Grand Prix 2014. Madankollu, peress li ma riedux jirriskjaw l-imponiment ta’ projbizzjoni tul il-ħajja skont ir-Regoli ta’ Eliġibbiltà, huma qagħdu lura milli jipparteċipaw f’dak l-avveniment. Fl-aħħar mill-aħħar, Icederby iddeċieda li ma jorganizzax id-Dubai Icederby Grand Prix 2014 minħabba d-diffikultà li sab biex jiżgura l-parteċipazzjoni tal-atleti li jipprattikaw l-iskejzjar b’veloċità għolja. |
Valutazzjoni legali
|
(10) |
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-Regoli ta’ Eliġibbiltà tal-ISU jammontaw għal deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi li mhijiex kumpatibbli mal-Artikolu 101(1) tat-TFUE u li ma tissodisfax l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi tal-Artikolu 101(3) tat-TFUE. |
a. Is-suq rilevanti
|
(11) |
Id-Deċiżjoni ssib li r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni sseħħ fis-suq globali għall-organizzazzjoni u l-isfruttament kummerċjali tal-avvenimenti internazzjonali tal-iskejzjar b’veloċità għolja, irrispettivament minn jekk l-organizzazzjoni jew l-isfruttament kummerċjali jagħmlu parti mill-istess suq tal-prodott rilevanti u irrispettivament minn jekk jeżistu aktar distinzjonijiet bejn (i) avvenimenti individwali tal-iskejzjar b’veloċità għolja u serje ta’ avvenimenti ta’ skejzjar b’veloċità għolja; (ii) avvenimenti long-track u short-track tal-iskejzjar b’veloċità għolja; u (iii) avvenimenti rikurrenti tal-iskejzjar b’veloċità għolja (bħall-Kampjonati tad-Dinja u l-Kampjonati Ewropej tal-Iskejzjar b’Veloċità Għolja) u avvenimenti tal-iskejzjar b’veloċità għolja li jsiru darba biss kull għadd ta’ snin (bħal-Logħob Olimpiku tax-Xitwa). L-ISU tista’ tinfluwenza l-kompetizzjoni fuq is-suq rilevanti minħabba li hija l-korp governattiv u r-regolatur uniku tal-isport tal-iskejzjar b’veloċità għolja u tiddeċiedi esklussivament fuq l-awtorizzazzjoni tal-avvenimenti internazzjonali tal-iskejzjar b’veloċità għolja. Is-setgħa sostanzjali tagħha fis-suq tidher mill-fatt li apparti l-ISU u l-Membri tagħha, l-ebda impriża oħra ma kienet kapaċi tidħol b’suċċess fis-suq rilevanti. |
b. Deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi
|
(12) |
Il-Kummissjoni tqis li l-ISU hija assoċjazzjoni ta’ impriżi skont it-tifsira tal-Artikolu 101 tat-TFUE. Hija timpenja ruħha f’attività ekonomika sakemm hija twettaq attivitajiet kummerċjali relatati mal-organizzazzjoni u l-isfruttament kummerċjali ta’ avvenimenti internazzjonali tal-iskejzjar b’veloċità għolja. B’mod speċifiku, l-ISU hija assoċjazzjoni li hija magħmula minn assoċjazzjonijiet nazzjonali individwali li jamministraw l-iskejzjar b’veloċità għolja u li jwettqu attività ekonomika fil-livell nazzjonali. Peress li l-Membri nnifishom jikkwalifikaw bħala impriżi, l-ISU hija assoċjazzjoni ta’ impriżi skont it-tifsira tal-Artikolu 101 tat-TFUE. |
|
(13) |
Skont ir-Regolamenti Ġenerali tal-ISU, ir-regoli ta’ Eliġibbiltà huma vinkolanti fuq il-Membri kollha u l-klabbs affiljati sa fejn huma kkonċernati kwistjonijiet internazzjonali. Għalhekk, ir-Regoli ta’ Eliġibbiltà jikkoordinaw l-imġiba tal-Membri tal-ISU u jikkostitwixxu deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) tat-TFUE. |
c. Restrizzjoni bl-iskop
|
(14) |
Fid-Deċiżjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-Regoli ta’ Eliġibbiltà għandhom bħala l-għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1) tat-TFUE, fir-rigward tal-kontenut, l-objettivi u l-kuntest legali u ekonomiku. |
|
(15) |
Ir-Regoli ta’ Eliġibbiltà tal-2014 stabbilixxew li atleta jsir ineliġibbli biex jipparteċipa fil-kompetizzjonijiet tal-ISU jekk jipparteċipa f’avveniment tal-iskejzjar li mhuwiex awtorizzat mill-ISU. B’mod partikolari, jekk atleta jsir ineliġibbli bħala konsegwenza ta’ parteċipazzjoni f’avveniment mhux awtorizzat, l-atleta ma jistax japplika biex jerġa’ jidħol. Għalhekk, ksur tar-Regoli ta’ Eliġibbiltà tal-2014 irriżulta fi projbizzjoni tul il-ħajja. Is-sanzjoni kienet tapplika irrispettivament minn jekk l-avveniment mhux awtorizzat ipperikola s-saħħa u s-sigurtà tal-atleta jew l-integrità tal-isport. Il-Kostituzzjoni nnifisha tal-ISU żvelat li r-Regoli ta’ Eliġibbiltà tal-2014 jimmiraw li jħarsu “l-interessi ekonomiċi u l-interessi oħrajn tal-ISU”. Ir-Regoli ta’ Eliġibbiltà tal-2014 illimitaw il-possibbiltajiet għall-atleti professjonali tal-iskejzjar b’veloċità għolja f’avvenimenti internazzjonali tal-iskejzjar b’veloċità għolja organizzati minn partijiet terzi, u b’hekk waqqfu lill-organizzaturi kompetituri (potenzjali) ta’ avvenimenti tal-iskejzjar b’veloċità għolja milli jużaw is-servizzi tal-atleti li huma meħtieġa biex jiġu organizzati dawn l-avvenimenti. |
|
(16) |
L-ISU rrevediet ir-Regoli ta’ Eliġibbiltà tagħha fl-2016, imma r-Regoli ta’ Eliġibbiltà tal-2016 ma jbiddlux il-konklużjoni tal-Kummissjoni li jirrestrinġu l-kompetizzjoni skont l-iskop. Filwaqt li tneħħa l-imponiment awtomatiku ta’ projbizzjoni tul il-ħajja fir-Regoli ta’ Eliġibbiltà tal-2016, il-projbizzjonijiet riveduti xorta huma punittivi b’mod sproporzjonat fid-dawl ta’ karriera relattivament qasira tal-atleti li jipprattikaw l-iskejzjar b’veloċità għolja u għalhekk mhumiex differenti ħafna fl-iskop tagħhom li jipprevjenu lill-atleti milli jipparteċipaw f’avvenimenti alternattivi ta’ skejzjar b’veloċità għolja, u milli jwaqqfu lill-organizzaturi ta’ avvenimenti tal-iskejzjar b’veloċità għolja. |
d. Restrizzjoni minħabba l-effett
|
(17) |
Minkejja li mhuwiex neċessarju li jiġu analizzati l-effetti tar-Regoli ta’ Eliġibbiltà, il-Kummissjoni madankollu tqis li dawn għandhom ukoll effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni. Fl-assenza tar-Regoli ta’ Eliġibbiltà, l-atleti jkunu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom lill-organizzaturi tal-avvenimenti tal-iskejzjar b’veloċità għolja u mhux biss lill-ISU jew lill-Membri tagħha, u ma jkun hemm l-ebda ostakolu insormontabbli ieħor, u fil-fatt, possibbilitajiet konkreti għal kompetituri potenzjali biex isiru attivi fl-organizzazzjoni u fl-isfruttament kummerċjali ta’ avvenimenti internazzjonali ta’ skejzjar b’veloċità għolja. |
|
(18) |
Ir-Regoli ta’ Eliġibbiltà jservu biex iżommu s-setgħa tas-suq tal-ISU u tal-Membri tagħha. Effettivament, l-ebda parti terza ma hija attiva fl-organizzazzjoni u fl-isfruttament kummerċjali ta’ avvenimenti internazzjonali tal-iskejzjar b’veloċità għolja. Id-dħul ta’ Icederby x’aktarx kien jirnexxi li kieku ma kienx għall-effett deterrenti tar-Regoli ta’ Eliġibbiltà u minħabba f’hekk, l-inabbiltà tiegħu biex jassigura l-atleti. Icederby kieku, kien se jorganizza l-avvenimenti tiegħu tul l-istaġun kwiet tal-ISU billi joffri avvenimenti tal-iskejzjar b’veloċità għolja addizzjonali lill-konsumaturi u flussi addizzjonali ta’ dħul lill-atleti. |
|
(19) |
Dan juri li r-Regoli ta’ Eliġibbiltà għandhom impatt negattiv fuq bosta parametri ta’ kompetizzjoni, b’mod partikolari: (i) l-output, u (ii) l-għażla tal-konsumatur u l-innovazzjoni. L-ewwel nett, l-output hu ristrett peress li parteċipanti ġodda potenzjali huma mxekkla milli jakkwistaw is-servizzi tal-atleti u mhumiex kapaċi jorganizzaw avvenimenti addizzjonali tal-iskejzjar b’veloċità għolja mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-ISU. It-tieni nett, ir-Regoli ta’ Eliġibbiltà jaffettwaw l-għażla tal-konsumatur u l-innovazzjoni b’mod negattiv minħabba li kompetituri potenzjali jistgħu joffru formats differenti u innovattivi ta’ avvenimenti tal-iskejzjar b’veloċità għolja. Pereżempju, Icederby kellhom l-għan li jintroduċu format ġdid ta’ skejzjar b’veloċità għolja, fejn l-atleti tal-iskejzjar b’veloċità għolja short track u long track jikkompetu ma 'ġenb xulxin. |
e. Ma jintlaħqux il-kriterji tal-“Meca-Medina”
|
(20) |
Ir-Regoli ta’ Eliġibbiltà jirrigwardjaw l-organizzazzjoni tal-isport kompetittiv. Fir-rigward tal-Meca-Medina, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali regoli ġeneralment huma soġġetti għal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE. F’ċerti ċirkostanzi, dawn jistgħu jaqgħu barra mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-TFUE, u jqisu (i) il-kuntest globali meta ttieħdu r-regoli jew jipproduċu l-effetti tagħhom u b’mod partikolari l-għanijiet tagħhom, (ii) jekk l-effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni li jirriżultaw minnha humiex inerenti għat-tfittxija tal-imsemmija għanijiet u (iii) jekk humiex proporzjonati għalihom. |
|
(21) |
Il-Kummissjoni tqis li r-Regoli ta’ Eliġibbiltà ma jservux biss l-għanijiet leġittimi iżda wkoll interessi oħrajn tal-ISU inklużi l-interessi ekonomiċi tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li r-Regoli ta’ Eliġibbiltà la huma inerenti fit-tfittxija tal-objettivi leġittimi u lanqas ma huma proporzjonati sabiex jintlaħqu għanijiet leġittimi, b’mod partikolari fid-dawl tan-natura sproporzjonata tas-sanzjonijiet tal-ineliġibbiltà (sa projbizzjoni tul il-ħajja) u l-fatt li l-atleti huma pprojbiti milli jipparteċipaw f’avvenimenti mhux awtorizzati mingħajr ma l-awtorizzazzjoni ta’ avvenimenti ta’ partijiet terzi tkun ibbażata fuq kriterji ċari, oġġettivi, trasparenti u mhux diskriminatorji. Ir-Regoli ta’ Eliġibbiltà għalhekk ma jaqgħux barra mill-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-TFUE. |
f. L-ebda eżenzjoni taħt l-Artikolu 101(3) tat-TFUE
|
(22) |
L-ISU ma kinitx kapaċi turi li ntlaħqu il-kundizzjonijiet kumulattivi tal-Artikolu 101(3) tat-TFUE. B’mod partikolari, ir-Regoli ta’ Eliġibbiltà la huma indispensabbli u lanqas ma huma proporzjonati. Hemm modi inqas restrittivi kif wieħed jakkwista l-effiċjenzi mbassra. Barra minn hekk, ir-regoli jeliminaw il-kompetizzjoni għal kollox billi joħolqu ostaklu insurmontabbli tad-dħul għal partijiet terzi li jixtiequ jorganizzaw u jisfruttaw kummerċjalment l-avvenimenti internazzjonali tal-iskejzjar b’veloċità għolja. |
g. Ir-Regoli ta’ Appell u ta’ Arbitraġġ tal-ISU jsaħħu r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni
|
(23) |
Skont ir-Regoli ta’ Appell u ta’ Arbitraġġ, appelli kontra l-implimentazzjoni tar-Regoli ta’ Eliġibbiltà huma soġġetti għall-ġurisdizzjoni esklużiva tal-Qorti tal-Arbitraġġ għall-Isport (CAS) li hija bbażata f’Lausanne, fl-Iżvizzera. Il-Kummissjoni ma tikkonkludix illi ir-Regoli ta’ Appell u ta’ Arbitraġġ jikkostitwixxu ksur tad-dritt ta' l-atleti għal smiegħ ġust. Imma, il-Kummissjoni tqis fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta' ineliġibbiltà potenzjalment antikompetittivi tal-ISU, ir-Regoli ta’ Appell u ta’ Arbitraġġ jsaħħu r-restrizzjoni tal-libertà kummerċjali tagħhom u l-esklużjoni ta’ kompetituri potenzjali. |
Multi
|
(24) |
Fil-kuntest speċifiku tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni ma timponix multa fuq l-ISU għar-raġunijiet kumulattivi li ġejjin: (i) din hija l-ewwel deċiżjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 adottata mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ regoli stipulati minn korpi governattivi tal-isports, filwaqt li n-natura speċifika tal-isport hija rikonoxxuta fl-Artikolu 165 tat-TFUE; (ii) ir-Regoli ta’ Eliġibbiltà tal-ISU ilhom fis-seħħ mill-adozzjoni tagħhom fl-1998 u ilhom magħrufa pubblikament minn dak iż-żmien; u (iii) l-ISU hija federazzjoni internazzjonali tal-isports li, apparti li hija involuta f’attivitajiet kummerċjali, taġixxi biex tippromwovi l-isport tal-iskejzjar b’veloċità għolja madwar id-dinja, inkluż billi tagħti parti mid-dħul tagħha għall-iżvilupp tal-isport. |
|
(25) |
Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li ħlasijiet perjodiċi ta’ penali għandhom jiġu imposti fuq l-ISU f’każ li ma ttemmx il-ksur fi żmien 90 jum mid-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni. |