17.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 135/11


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a), tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru 1151/2012 dwar skemi tal-kwalità għall-prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2018/C 135/07)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA MHUX MINURI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ DENOMINAZZJONIJIET TA’ ORIĠINI PROTETTI JEW TA’ INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI PROTETTI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“BLEU DES CAUSSES”

Nru tal-UE: PDO-FR-0108-AM02 – 31.3.2017

DOP ( X ) IĠP ( )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Syndicat du Bleu des Causses

BP 9 12004 Rodez Cedex

FRANCE

Tel. +33 565765353

Faks +33 565765300

Posta elettronika: helene.salinier@lactalis.fr

Is-Syndicat “Bleu des Causses” huwa magħmul minn operaturi tad-DOP “Bleu des Causses” (produtturi, kolletturi, proċessuri u speċjalisti tal-maturazzjoni) u għandu interess leġittimu li jressaq din l-applikazzjoni.

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Franza

3.   Intestatura tal-ispeċifikazzjoni affettwata mill-emenda

Isem tal-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta’ produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn: kontroll, rabta, strutturi ta’ kontroll

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li ma tistax titqies bħala emenda minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

Emenda fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata, li għaliha ma jkunx ġie ppubblikat dokument uniku (jew ekwivalenti), li ma tistax titqies bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

5.   Emenda/i

L-intestatura “Deskrizzjoni tal-prodott”

Għal aktar preċiżjoni, id-deskrizzjoni tal-prodott ġiet kompluta:

il-kliem “ġobon mill-ħalib tal-baqra” huma sostitwiti bil-kliem “ġobon magħmul esklużivament mill-ħalib tal-baqra”, sabiex tiġi evitata kwalunkwe ambigwità;

il-kliem “miżjud bit-tames” huwa miżjud, b’referenza għat-teknika tal-manifattura;

il-kliem “iffermentat u mmellaħ” huma miżjuda biex jikkaratterizzaw il-qalba.

Il-kontenut minimu tax-xaħam fil-ġobon wara li jitnixxef għal kollox żdied għal 50 gramma xaħam għal kull 100 gramma ġobon wara t-tnixxif sħiħ (50 %) minflok 45 %, minħabba ż-żieda tax-xaħam fl-għamla tal-ħalib u fil-produzzjoni tal-“Bleu des Causses” bil-ħalib sħiħ. B’hekk ġie nnotat b’mod regolari li l-ġobon “Bleu des Causses” wara t-tnixxif sħiħ ikollu kontenut ta’ xaħam li jaqbeż il-50 %.

Għalhekk il-frażi “Il-‘Blue des Causses’ huwa ġobon prodott esklużivament mill-ħalib tal-baqra mhux xkumat, miżjud bit-tames, b’qalba rħamata u mhux ippressata, mhux imsajjar, iffermentat u mmellaħ, li jkun fih mill-inqas 50 gramma xaħam għal kull 100 gramma ġobon wara li jitnixxef bis-sħiħ u b’kontenut ta’ materjal niexef li m’għandux ikun inqas minn 53 gramma għal kull 100 gramma ġobon.” tissostitwixxi l-frażi tal-ispeċifikazzjonijiet attwali “Il-Blue des Causses huwa ġobon b’ħalib tal-baqra mhux xkumat b’qalba rħamata u mhux ippressata u mhux imsajjar b’45 % xaħam meta mqabbel mal-estratt niexef, b’dan tal-aħħar ikun mill-inqas 53 gramma għal kull 100 g ġobon”.

Id-dijametru tal-ġobon għandu valur minimu ta’ 19-il ċentimetru u valur massimu ta’ 21 ċentimetru. Dawn il-valuri jissostitwixxu l-kliem “madwar 20 cm” għal preċiżjoni aħjar. L-għoli massimu żdied b’żewġ ċentimetri biex jilħaq it-12-il ċentimetru (minflok 10) u l-firxa tal-piż saret kemxejn ikbar: din ġiet stabbilita minn 2,2 sa 3,3 kilogrammi minflok 2,3 sa 3 kilogrammi. Dawn il-valuri jirriflettu b’mod aktar preċiż ir-realtà tad-dimensjonijiet attwali tal-ġobon. Fl-aħħar nett, huwa miżjud li l-ġobon huwa “ta’ forma regolari” sabiex jiġu evitati difetti fil-forma tal-ġobon.

Deskrizzjoni tat-togħma, tal-qalba u tas-sawra hija miżjuda: “Il-qalba għandha lewn abjad ivorju, b’kulur uniformi, ratba, fina, b’vina blu fl-aħdar mifruxa b’mod ugwali, li jista’ jkun fiha traċċi ta’ toqob tal-labra. Is-sawra hija ratba u kremuża. It-togħma hija pura, delizzjuża, bi rwejjaħ karatteristiċi tal-ġobon blu, li jista’ jkun fiha imrar ħafif mingħajr ma tkun eċċessivament pikkanti jew mielħa”. Din id-deskrizzjoni tgħodd għall-analiżi organolettika tal-prodott fil-kuntest tal-kontroll.

Il-frażi “Il-ġobon jista’ jibbenefika mid-denominazzjoni tal-oriġini “Bleu des Causses” biss mis-sebgħin jum mid-data ta’ meta jiżdied it-tames” hija miżjuda u tissostitwixxi l-frażijiet “It-tul totali tar-raffinar ivarja skont il-manifatturi u r-raffinaturi. Dan huwa ta’ 70 sa 130 jum”, li tinsab taħt l-intestatura “Metodu ta’ Produzzjoni” tal-ispeċifikazzjoni attwali. Il-perjodu minimu li minnu l-ġobon jista’ jibbenefika mid-DPO ma nbidilx. Issa huwa speċifikat li dan it-tul jingħadd mid-data taż-żieda bit-tames. Il-perjodu massimu tar-raffinar ta’ 130 jum, li kien indikattiv, huwa mħassar.

Huwa speċifikat li “Il-qtugħ tal-‘Bleu des Causses’ ikun permess jekk ma jiżnaturalizzax is-sawra tiegħu. Il-‘Bleu des Causses’ jista’ jiġi ppreżentat f’biċċiet minn qtugħ mekkaniku volontarju.” Meta jitqies l-iżvilupp kostanti fil-modi ta’ konsum tal-ġobon, din id-dispożizzjoni tiffissa qafas sabiex jiġu evitati derivattivi f’termini tat-tip ta’ qtugħ.

L-intestatura “Definizzjoni taż-żona ġeografika”

Il-paragrafi “Iż-żona tal-produzzjoni tkopri r-reġjun ta’ Causses, jiġifieri parti tad-département ta’ Aveyron u d-départements ġirien ta’ Lot, Lozère, Gard u Hérault li għandhom il-karattru ta’ Causses tal-franka” u “ir-raffinar tal-ġobon isir fl-kantini ta’ Causses inklużi fiż-żona ġeografika limitata għal-cantons ta’ Campagnac, Cornus, Millau, Peyreleau, Saint-Affrique (Aveyron), għall-belt ta’ Trier (Gard) u l-muniċipalitàta’ Pégairolles-de-l’Escalette (Hérault)” fl-ispeċifikazzjonijiet, u l-paragrafi li jittrattaw is-sommarju ppubblikat, huma mħassra u sostitwiti bil-paragrafi “Il-produzzjoni tal-ħalib, il-manifattura, ir-raffinar u l-maturazzjoni tal-ġobon ‘Bleu des Causses’ isiru fiż-żona ġeografika ppreżentata fil-forma ta’ możajk ta’ artijiet bi blat magmatiku, metamorfiku jew tal-franka. Il-Causses tal-franka huma elementi karatteristiċi tal-pajsaġġ ta’ dan it-territorju. Dawn għandhom il-partikolarità li joffru minn żmien għal żmien kantini naturali mgħammra bi fleurines li jippermettu r-regolazzjoni b’mod naturali tal-umdità u tal-ventilazzjoni. Instab li dawn il-kantini huma partikolarment adattati għar-raffinar tal-‘Bleu des Causses’, li ilu jsir f’dawn l-inħawi għal żmien twil” u “Iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni tal-oriġini ‘Bleu des Causses’ tkopri kważi d-départements kollha ta’ Aveyron u parti mid-départements ta’ Lott, Lozère, Gard u Hérault”, li huma aktar preċiżi u li jippermettu l-preżentazzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika li l-Causses tal-franka huma karatteristiki tagħha. Il-kontorni taż-żona ġeografika mhumiex mibdula.

Sabiex tingħata deskrizzjoni preċiża u mhux ambigwa taż-żona ġeografika, il-muniċipalitajiet li jsawruha huma elenkati fl-ispeċifikazzjonijiet. Din id-deskrizzjoni ssegwi dik imsemmija aktar fil-qosor fis-sommarju ippubblikat. Dan ix-xogħol editorjali enfasizza nuqqas fid-deskrizzjoni taż-żona ġeografika fl-ispeċifikazzjonijiet attwali. fil-fatt, f’din tħallew barra 5 muniċipalitajiet tad-département ta’ Aveyron li jinsabu fil-qalba taż-żona ġeografika: Druelle-Balsac, Luc-la-Primaube, Le Monastère, Olemps u Sainte-Radegonde. Dawn il-muniċipalitajiet huma miżjuda fl-ispeċifikazzjonijiet. Din hija korrezzjoni ta’ żball manwali li ma jpoġġix f’dubju r-rabta bejn il-prodott u l-oriġini ġeografika tiegħu.

L-intestatura “Evidenza li turi li l-prodott ġej miż-żona ġeografika”

Obbligi ta’ dikjarazzjoni

Hija prevista dikjarazzjoni ta’ identifikazzjoni tal-operaturi, filwaqt li ġiet sostitwita d-dikjarazzjoni tal-kompetenza. L-identifikazzjoni tal-operaturi hija prerekwiżit għall-approvazzjoni tagħhom, li tirrikonoxxi l-kompetenza tagħhom li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni tal-indikazzjoni li jibbenefikaw minnha.

Żdiedu wkoll dikjarazzjonijiet bil-quddiem ta’ nuqqas ta’ intenzjoni ta’ produzzjoni u ta’ tkomplija tal-produzzjoni, li jippermettu monitoraġġ preċiż fuq l-operaturi li jixtiequ jirtiraw b’mod temporanju mid-denominazzjoni tal-oriġini, u b’hekk ġiet iffaċilitata l-ġestjoni tad-denominazzjoni tal-oriġini, speċjalment għall-kontrolli tal-produzzjoni u għall-analiżijiet organolettiċi.

Żdiedu l-kontenut u l-modalitajiet tat-trażmissjoni tad-dikjarazzjonijiet neċessarji għall-għarfien u s-sorveljanza tal-prodotti maħsuba biex jiġu kummerċjalizzati b’denominazzjoni ta’ oriġini. Dawn jippermettu li l-grupp jiżgura l-monitoraġġ tad-denominazzjoni.

Reġistri

Il-lista ta’ reġistrazzjonijiet li l-operaturi għandhom iwettqu hija miżjuda sabiex jiġi ffaċilitat il-kontroll tat-traċċabbiltà u tal-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni ddefiniti mill-ispeċifikazzjonijiet.

L-intestatura “Metodu tal-produzzjoni tal-prodott”

Produzzjoni tal-ħalib

Żdiedet definizzjoni tal-merħla tal-ħalib. Din tirrigwarda “il-baqar tal-ħalib u l-erieħ ta’ tiġdid tal-merħla kollha preżenti fl-impriża agrikola”, waqt li ġie ppreċiżat li “il-baqar tal-ħalib huma l-annimali li jkunu qegħdin jipproduċu l-ħalib u dawk li ma jipproduċuhx” u li “l-erieħ huma l-annimali bejn il-fażi tal-ftim sakemm iwelldu.” Din id-definizzjoni hija maħsuba biex tistabbilixxi b’mod ċar għal liema annimali qiegħda ssir referenza bl-użu tat-termini “merħla li tipproduċi l-ħalib”, “baqar tal-ħalib” u “erieħ” fil-kumplament tal-ispeċifikazzjonijiet, sabiex tiġi evitata kwalunkwe konfużjoni u jiġu ffaċilitati l-kontrolli.

L-ispeċifikazzjonijiet attwali ma fihom ebda dispożizzjoni dwar l-oriġini tal-għalf tal-baqar tal-ħalib, jiġifieri dispożizzjoni li tistipula li “id-dieta bażika tal-baqar tal-ħalib tiġi minn mill-inqas 80 % taż-żona ġeografika, f’termini ta’ materja niexfa, bħala medja fis-sena u fuq il-baqar tal-ħalib kollha” biex tissaħħaħ ir-rabta maż-żona ġeografika. Dan il-limitu ta’ 80 % huwa ddefinit minħabba l-karatteristiċi klimatiċi taż-żona ġeografika tal-“Bleu des Causses” (niexfa, faċilment suxxettibbli għan-nixfa).

żdiedet deskrizzjoni tal-għamla tad-dieta bażika tal-baqar tal-ħalib. Din tirrigwarda “l-għalf kollu, eskluż il-kruċifri fl-għamla ta’ għalf aħdar”. Il-kruċifri huma pprojbiti minħabba l-impatt negattiv tagħhom fuq il-karatteristiċi organolettiċi tal-ħalib (it-togħma ta’ kaboċċa).

Żdied ukoll li “barra mill-perjodu meta jirgħu, il-baqar tal-ħalib għandhom jirċievu kuljum mill-inqas 3 kg tiben għal kull baqra, espress bħala materja niexfa.” Din id-dispożizzjoni hija supplimentata bil-frażi “Tiben tfisser ħaxix maħsud u mnixxef b’rata ta’ materja niexfa ta’ aktar minn 80 %.” Din id-definizzjoni tgħodd fil-kuntest tal-kontroll.

Obbligu ta’ ragħa ta’ mill-inqas 120 jum fis-sena ddaħħal għall-baqar tal-ħalib li jreddgħu, issupplimentata b’dispożizzjoni li tipprevedi erja minima ta’ 30 mitt metru kwadrat għal kull baqra pprovduta għar-ragħa, bħala medja tul il-perjodu tar-ragħa. Huwa miżjud ukoll li “l-mergħat għandhom ikunu aċċessibbli għall-annimali”. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom l-għan li jsaħħu r-rwol tar-ragħa fid-dieta tal-baqar tal-ħalib u b’hekk tissaħħaħ r-rabta maż-żona ġeografika.

Il-modalitajiet tal-għalf għall-erħiet u l-baqar xotti huma introdotti kif ġej: “Mill-inqas xahar qabel jibdew ireddgħu, l-erħiet u l-baqar xotti għandhom ikunu preżenti fir-razzett u l-għalf tagħhom għalhekk għandu jissodisfa d-dispożizzjonijiet stabbiliti mill-ispeċifikazzjonijiet għall-għalf tal-baqar tal-ħalib li jkunu qed ireddgħu.” Għalhekk, dawn l-annimali jibbenefikaw minn perjodu ta’ adattament ta’ mill-inqas xahar qabel ma l-ħalib tagħhom jintuża għall-produzzjoni tal-“Bleu des Causses”.

Iddaħħlet ukoll projbizzjoni fuq it-trobbija fil-magħluq tal-baqar tal-ħalib, sabiex tkun garantita r-rabta mat-territorju permezz tal-għalf tal-annimali.

Żdiedet dispożizzjoni li tillimita l-għoti ta’ supplimenti u ta’ addittivi għal 1 800 kg ta’ materja niexfa għal kull baqra tal-ħalib fis-sena, bħala medja għall-baqar tal-ħalib kollha, biex jiġi evitat li dan l-ikel ikollu rwol importanti ħafna fl-għalf. Barra minn hekk, il-materja prima awtorizzata fl-ikel komplementari mqassam lill-baqar tal-ħalib u l-addittivi awtorizzati ġew kollha soġġetti għal lista pożittiva, neċessarji biex l-għalf jiġi mmaniġġjat, iggarantit u kkontrollat aħjar.

Ġiet miżjuda dispożizzjoni li tipprojbixxi l-OĠM fl-għalf tal-annimali u fil-kultivazzjonijiet tal-impriża agrikola, sabiex jinżamm il-karattru tradizzjonali tal-għalf.

Il-ħalib użat

Żdiedu d-dispożizzjonijiet li ġejjin: “Wara l-ħlib, il-ħalib jinħażen f’tank imkessaħ” u “l-ħżin tiegħu fir-razzett ma jistax ikun għal aktar minn 48 siegħa minn wara l-aktar ħlib antik.” Dawn il-preċiżjonijiet għandhom l-għan li jillimitaw id-degradazzjoni tal-kwalità tal-ħalib.

Huwa miżjud li “It-tbattil taċ-ċisterni f’tankijiet fissi għandu jitwettaq b’mod obbligatorju fiż-żona ġeografika tad-denominazzjoni”. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li ssaħħaħ it-traċċabilità tal-ħalib miġbur u li tiffaċilita l-kontroll.

L-ispeċifikazzjonijiet attwali, li ma fihomx dispożizzjonijiet dwar dan is-suġġett, huma supplimentati biż-żieda tal-frażi “il-ħalib użat għall-manifattura tal-‘Bleu des Causses’ jista’ jkun nej jew ittrattat bis-sħana.” Barra minn hekk, mad-deskrizzjoni tal-prodott li tindika li l-“Bleu des Causses huwa ġobon prodott esklużivament b’ħalib tal-baqra mhux xkumat”, żdied li “il-manifattura tal-ġobon issir minn ħalib sħiħ, mhux standardizzat fix-xaħam u fil-proteina u mhux omoġenizzat”. Din tikkorrispondi mal-prattiċi implimentati tul bosta snin għat-trattament tal-ħalib għall-produzzjoni tal-“Bleu des Causses”.

Manifattura

Iddaħħal dewmien massimu ta’ 36 siegħa bejn il-wasla tal-ħalib fil-fabbrika tal-ipproċessar u ż-żieda bit-tames, biex jiġi evitat id-deterjorament tal-materja prima.

It-temperatura taż-żieda bit-tames żdiedet bi ftit u ġiet stabbilita b’valur minimu ta’ 31 °C u b’valur massimu ta’ 35 °C, li tissostitwixxi t-termini “madwar 30 °C”, għal aktar preċiżjoni. It-temperatura taż-żieda bit-tames għandha influwenza kbira fuq l-attività tat-tames u l-aġġustament tagħha fil-medda ta’ “31 °C–35 °C”, li tikkorrispondi mal-valuri li jintużaw is-soltu, huwa parametru importanti fil-kontroll tal-manifattura.

Huwa ppreċiżat li l-ħalib irid ikun “esklużivament miżjud bit-tames”, li tissostitwixxi l-frażijiet “il-koagulazzjoni hija kkawżata mit-tames” u li “L-attività taż-żieda bit-tames fil-ħalib għandha ssir esklużivament bit-tames”. Din hija modifika formali, għax il-metodu tradizzjonali tal-koagulazzjoni tal-ħalib bit-tames kien dejjem iddikjarat.

Il-kliem “li s-sikurezza tagħhom tintwera bl-użu” żdiedu wara l-kliem “kolturi inoffensivi tal-batterji, ħmira u moffa” sabiex tiġi ċċarata t-tifsira.

L-istadji tal-qtugħ u tat-taħlit tal-baqta li jsiru wara l-koagulazzjoni huma deskritti f’aktar dettall, u dan jissostitwixxi l-frażi “Il-baqta tinqata’ f’kubi, u wara jsir it-taħlit segwit minn ħin ta’ mistrieħ”.

Id-daqs tal-qamħ tal-baqta wara l-qtugħ, ta’ bejn 1 u 3 ċentimetri, ġie miżjud;

Il-ħtieġa li jinkiseb qamħ “mhux uniformi” ġiet introdotta, u dan huwa importanti fl-istadju sussegwenti għall-formazzjoni tal-fetħiet fil-ġobon: fil-fatt, il-qamħ tal-baqta “mhux uniformi” jibqa’ individwalizzat fil-ħin tal-iffurmar;

Qed tiddaħħal referenza għal fażi ta’ tisfija li ssir f’bettija u/jew fuq tapit tat-tisfija, qabel ma jsir l-iffurmar. Din il-fażi telimina parti mis-serum qabel l-iffurmar mingħajr ma jitgħaffeġ il-qamħ tal-baqta.

Il-frażi “It-taħlita tal-baqta-serum tiġi ffurmata u msaffija tul 2 sa 4 ijiem b’diversi dawriet kuljum” hija sostitwita bid-dispożizzjonijiet li ġejjin li huma aktar dettaljati:

“It-taħlita tal-baqta-serum tiġi ffurmata. Tista’ tinħadem u titħallat mal-iffurmar”: Dawn l-attivitajiet għandhom l-għan li jerġgħu jissospendu l-qamħ tal-baqta;

“Il-bidu tal-iffurmar isir matul mill-inqas siegħa u 30 minuta sa massimu ta’ 3 sigħat wara ż-żieda bit-tames”. Din id-dispożizzjoni tispeċifika l-limiti li lil hinn minnhom l-intervall bejn iż-żieda bit-tames u l-iffurmar ma jibqax ottimali għall-manifattura tal-“Bleu des Causses”;

“Wara ssegwi tisfija spontanja mingħajr ippressar. Il-ġobon jiddawwar b’mod regolari biex tinkiseb it-tisfija mixtieqa u dan isir f’kamra b’temperatura ta’ bejn 15 u 22 °C tul perjodu ta’ 36 sa 72 siegħa mill-bidu tal-iffurmar.” Dawn id-dispożizzjonijiet, li huma iktar preċiżi, jikkorrispondu mal-użi tal-manifattura. L-iffissar tal-parametri tat-temperatura u tal-ħin tat-tisfija huwa importanti biex tiġi kkontrollata l-kurva tal-aċidifikazzjoni tal-“Bleu des Causses”, li hija involuta fl-għażla tal-flora tal-ġobon.

Żdiedet id-dispożizzjoni “Il-ġobon iffurmat imbagħad jgħaddi mill-fażi tal-iffissar tat-temperatura tat-tmelliħ, li ddum minn 15-il siegħa sa 30 siegħa, f’kamra b’temperatura ta’ bejn 7 °C u 14 °C”. Din il-fażi tal-iffissar tat-temperatura tat-tmelliħ tippermetti li t-temperatura tal-ġobon titnaqqas gradwalment u tiżgura t-tranżizzjoni bejn il-fażijiet tat-tisfija u tat-tmelliħ.

Il-frażi “Wara t-tneħħija mill-forom, it-tmelliħ isir b’melħ oħxon” hija ssostitwita bil-paragrafu “Wara t-tneħħija mill-forom, it-tmelliħ isir bil-melħ f’kamra b’temperatura ta’ bejn 7 °C u 14 °C. Dan isir b’mod manwali jew mekkaniku permezz tat-tqegħid superfiċjali ta’ melħ f’żewġ operazzjonijiet: tmmelliħ ta’ wiċċ minnhom u tal-għarqub, imbagħad tmelliħ tal-wiċċ l-ieħor u għal darb’oħra tal-għarqub. Is-salmura hija pprojbita.” Il-metodu u t-temperatura tat-tmelliħ huma għalhekk ippreċiżati. Fil-fatt, it-tmelliħ, skont ir-rwol tal-għażla tiegħu, huwa fażi essenzjali għall-iżvilupp tal-Penicillium roqueforti fil-“Bleu des Causses”. Barra minn hekk, ġaladarba l-melħ oħxon u l-melħ fin jistgħu jintużaw it-tnejn mingħajr ebda differenza sinifikanti fil-livell tal-prodott, il-preċiżjoni fl-użu tal-melħ “oħxon” ġiet skartata. Il-projbizzjoni fuq is-salmura hija msemmija b’mod espliċitu.

Id-dispożizzjonijiet “It-titqib isir f’kantina jew ġo fabbrika tal-ġobon bejn il-5 u 12-il jum wara d-data taż-żieda bit-tames sabiex jiġu ffurmati passaġġi ta’ ventilazzjoni fil-ġobon. Il-ħin bejn it-titqib u d-dħul fil-kantina tal-ġobon huwa ta’ massimu ta’ 5 ijiem” huma introdotti u l-frażi “Mal-wasla fil-kantini, il-ġobon jiġi mtaqqab biex jiġu ffurmati passaġġi ta’ ventilazzjoni fil-ġobon” tneħħiet. Dawn l-emendi jippermettu:

Minn banda, li tingħata definizzjoni aħjar tal-ħin tat-titqib, sakemm dan ma jsirx b’mod regolari mal-wasla fil-kantina: fil-fatt dan jista’ jsir ukoll ġo fabbrika tal-ġobon;

Mill-banda l-oħra, li jiġi stipulat l-intervall ta’ bejn iż-żieda bit-tames u t-titqib, biex tingħata deskrizzjoni aħjar tal-proċess tal-iżvilupp tal-prodott;

Fl-aħħar nett, li jiġi ppreċiżat il-ħin massimu ta’ bejn it-titqib u d-dħul tal-ġobon il-kantina. fil-fatt, waqt it-titqib li jippermetti l-penetrazzjoni tal-ossiġnu fil-qalba, huwa importanti li l-ġobon jitqiegħed fil-kantina għal 5 ijiem jew inqas biex jingħata lok għall-iżvilupp tal-Penicillium roqueforti f’kondizzjonijiet ottimali.

Raffinar u maturazzjoni

L-operazzjoni tat-tneħħija tal-melħ tal-wiċċ qabel l-ispedizzjoni fil-kantina mhix sistematikament meħtieġa, u għaldaqstant żdied li din il-fażi hija “fakultattiva”.

Il-kliem “kantini naturali ta’ raffinar li jinsabu fiż-żona ddefinita” huma sostitwiti bil-kliem “kantini naturali tal-Causses tal-franka, ivventilati b’mod naturali b’kurrenti ta’ arja friska u niedja li jiġu minn xquq naturali tal-franka msejħa “fleurines”” sabiex tingħata deskrizzjoni dettaljata tal-kantini naturali billi tiġi enfasizzata s-sistema speċifika ta’ ventilazzjoni tax-xquq naturali msejħa “fleurines”. Ir-referenza għaż-żona ddefinita tal-post tal-kantini tħassret minħabba li l-fażijiet li jiżvolġu fiż-żona ġeografika huma diġà ppreċiżati fil-kapitolu “deskrizzjoni taż-żona ġeografika”.

Id-dispożizzjoni li tippreċiża li l-ġobon jitpoġġa f’ringieli tneħħiet minħabba li jista’ jkun hemm arranġamenti differenti fil-kantina tal-ġobon, mingħajr ma din id-dispożizzjoni jkollha impatt fuq il-prodott.

Il-frażi “Il-ġobon mbagħad jgħaddi tul madwar għaxart ijiem minn proċess ta’ raffinar aerobiku f’temperatura ta’ 8 sa 13 °C skont l-istaġun” hija sostitwita bil-frażi “Sabiex jingħata lok għall-iżvilupp tajjeb tal-Penicillium roqueforti, il-ġobon jiġi mmaturat f’dawn kantini naturali, f’qagħda mikxufa u b’mod aerobiku, tul perjodu minimu ta’ 12-il jum mid-dħul tiegħu fil-kantina”:

Huwa għalhekk ippreċiżat li l-ġobon ikun mikxuf matul il-maturazzjoni fil-kantina naturali, jiġifieri mingħajr imballaġġ, li huwa importanti għall-iżvilupp tal-Penicillium roqueforti;

Il-kliem “madwar għaxart ijiem”, li mhumiex preċiżi biżżejjed, huma sostitwiti bid-definizzjoni ta’ tul minimu ta’ 12-il jum mid-dħul fil-kantina. Dan il-perjodu jikkorrispondi mal-prattika ta’ meta l-kantina tkun sħuna (f’perjodi kiesħa, it-tul tar-raffinar fil-kantina naturali jitwal);

Id-dispożizzjoni li tippreċiża li t-temperatura tal-kantina naturali għandha tkun stabbilta bejn 8 u 13 °C tħassret. fil-fatt, dan il-parametru tat-temperatura ma jistax jiġi rregolat peress li dan huwa dipendenti mill-ventilazzjoni naturali pprovduta mill-fleurines, li tvarja skont il-kundizzjonijiet klimatiċi tal-ambjent estern.

Il-frażi “Imbagħad, dan ikun soġġett għal tindif ‘tal-epidermide’ u għal imballaġġ partikolari qabel ma jitqiegħed f’kamra kiesħa għat-tkomplija tar-raffinar anerobiku” hija sostitwita bil-frażijiet “Imbagħad, il-ġobon jitpoġġa f’imballaġġ individwali, newtrali u temporanju (operazzjoni msejħa ‘ssiġillar’) qabel ma jitqiegħed f’kamra mkessħa biex isegwi fażi ta’ maturazzjoni anerobika. It-temperatura ta’ din il-kamra ma tistax tkun inqas minn – 4 °C u lanqas ogħla minn + 4 °C”:

Peress li l-operazzjoni tat-tindif tal-epidermide ta’ qabel l-imballaġġ tista’ ma tkunx sistematika għaliex din m’għandhiex influwenza fuq il-karatteristiċi tal-ġobon, id-dispożizzjoni “ikun soġġett għal tindif tal-epidermide” tneħħiet;

Il-kunċett ta’ “imballaġġ partikulari” huwa sostitwit b’deskrizzjoni iktar preċiża tal-imballaġġ, li huwa individwali, newtrali (jiġifieri mingħajr reġistrazzjonijiet għajr dawk meħtieġa għat-traċċabbiltà) u temporanja. Din l-operazzjoni tissejjaħ “issiġillar”;

Il-fażi tar-“raffinar f’kamra kiesħa” issa hija msemmija bit-termini tekniċi aktar preċiżi ta’ “maturazzjoni f’kamra mkessħa”, li tiżvolġi b’mod anerobiku;

Il-medda tat-temperatura ta’ din il-fażi ta’ maturazzjoni hija ppreċiżata (minn – 4 °C sa + 4 °C), sabiex jiġu rregolati aħjar il-kundizzjonijiet tal-produzzjoni tal-“Bleu des Causses”.

Huwa miżjud li “il-ġobon ma jistax jinħareġ mill-kamra tal-maturazzjoni qabel is-70 jum jew wara l-190 jum mid-data taż-żieda bit-tames”. Din il-frażi tissostitwixxi l-frażi “It-tul totali tar-raffinar ivarja skont il-manifatturi u r-raffinaturi. Dan huwa ta’ 70 sa 130 jum”, li kienet inqas preċiża. It-tul totali tal-maturazzjoni ta’ 130 jum tneħħa. Minflok, id-definizzjoni ta’ tul massimu ta’ 190 jum f’kamra mkessħa mid-data taż-żieda bit-tames tiggarantixxi l-konformità mal-karatteristiċi organolettiċi tal-prodott.

Il-projbizzjoni fuq il-preżervazzjoni f’atmosfera modifikata tal-ġobon frisk u tal-ġobon li jkun se jiġi raffinat ġiet estiża għall-ġobon li jkun qiegħed jimmatura, minħabba li l-preżervazzjoni f’atmosfera modifikata mhix kompatibbli mal-proċess tal-maturazzjoni.

Il-frażijiet “Wara l-ħruġ il-ġobon jitqiegħed f’kamra ta’ serħan” tul 4 sa 6 ijiem. Imbagħad jitnaddaf fuq il-wiċċ u jiġi kklassifikat skont il-kriterji tal-piż, tal-għamla, tal-kwalità” tneħħew. fil-fatt, il-fażijiet tat-tqegħid f’kamra ta’ serħan (kamra fejn il-ġobon jinħażen wara l-ħruġ mill-kamra ta’ maturazzjoni, waqt l-istennija tal-kondizzjonament tiegħu), tat-tindif tal-wiċċ u tal-klassifikazzjoni skont il-kriterji tal-piż, tal-għamla u tal-kwalità, jistgħu ma jiġux ipprattikati b’mod sistematiku, dejjem skont il-ħtiġijiet tal-fabbrika tal-ġobon, mingħajr ma jiġu affettwati l-ispeċifiċitajiet tal-prodott.

L-intestatura “Tikkettar”

L-obbligu li jitqiegħed il-logo “INAO” tneħħa u ġie sostitwit mill-obbligu li jitqiegħed is-simbolu “AOP” (DPO) tal-Unjoni Ewropea.

Sabiex jiġu speċifikati r-referenzi li jistgħu jkunu kontigwi mal-isem tad-denominazzjoni, il-frażi li ġejja hija miżjuda: “Irrispettivament mill-kliem regolamentari applikabbli għall-ġobon kollu, l-użu ta’ kull kwalifika oħra mehmuża direttament mal-isem tad-denominazzjoni fuq it-tikketta, fir-reklamar, fuq il-fatturi jew fuq id-dokumenti kummerċjali huwa pprojbit, għajr għal marki kummerċjali u marki ta’ produzzjoni partikolari u n-nota ‘immaturat f’kantini naturali.’” Dan jinkludi l-aktar il-possibbiltà li ssir referenza għar-raffinar f’kantini naturali, li hija waħda mill-ispeċifiċitajiet tal-“Bleu des Causses”.

Oħrajn

Mas-subintestatura “Kontroll tal-prodott”, żdied li l-analiżi analitika u organolettika tal-prodott “issir permezz ta’ kampjuni fuq ġobnijiet li jkollhom mill-inqas 70 jum mid-data taż-żieda tat-tames, skont il-proċeduri ppjanati mill-pjan tal-kontroll”. fil-fatt, din l-informazzjoni tintuża fil-pjan tal-kontroll tad-denominazzjoni tal-oriġini mfassal minn korp ta’ kontroll.

L-intestatura “Elementi li jiġġustifikaw ir-rabta mal-ambjent ġeografiku” ġiet riformulata u strutturata fi tliet partijiet sabiex issir enfażi aħjar fuq il-komponenti differenti tar-rabta mal-ambjent ġeografiku. Għalhekk, il-parti “speċifiċità taż-żona ġeografika” tinkludi l-fatturi naturali billi tenfasizza b’mod partikolari l-erożjoni tal-Causses tal-franka fl-oriġini tal-kantini u tal-fleurines, kif ukoll il-fatturi umani permezz tas-sommarju tal-parti storika u b’enfasi tal-għarfien speċifiku tal-produtturi tal-“Bleu des Causses” (inkluż l-adattament tat-trobbija tal-bhejjem għat-territorju, il-manifattura tal-ħalib sħiħ, it-taħlit tal-qamħ tal-baqta f’kantina tal-manifattura, it-tisfija mingħajr ippressar, it-titqib, it-tmelliħ, ir-raffinar f’kantini naturali, il-maturazzjoni anerobika). Il-parti ta’ “speċifiċità tal-prodott” ġiet aġġornata bl-elementi introdotti fid-deskrizzjoni tal-prodott. Fl-aħħar nett, il-punt “Rabta kawżali” jispjega l-interazzjonijiet bejn il-fatturi naturali u umani u l-prodott.

Sabiex tiġi aġġornata l-intestatura “Referenzi għall-istruttura ta’ kontroll”, l-isem u d-dettalji tal-istrutturi ta’ kontroll ġew immodifikati.

Fl-aħħar nett, tabella li tippreżenta l-punti prinċipali li għandhom jiġu kkontrollati u l-metodu ta’ evalwazzjoni tagħhom żdiedet b’mod konformi mar-regolamentazzjoni nazzjonali fis-seħħ.

DOKUMENT UNIKU

“BLEU DES CAUSSES”

Nru tal-UE: PDO-FR-0108-AM02 — 31.3.2017

DOP ( X ) IĠP ( )

1.   Isem/Ismijiet

“Bleu des Causses”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.3. Ġobon

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1

Il-“Blue des Causses” huwa ġobon prodott esklużivament mill-ħalib tal-baqra mhux xkumat, miżjud bit-tames, b’qalba rħamata u mhux ippressata, mhux imsajjar, iffermentat u mmellaħ, li jkun fih mill-inqas 50 gramma xaħam għal kull 100 gramma ġobon wara li jitnixxef bis-sħiħ u b’kontenut ta’ materjal niexef li m’għandux ikun inqas minn 53 gramma għal kull 100 gramma ġobon.

Dan jiġi fil-forma ta’ ċilindru ċatt, b’forma regolari, b’dijametru minn 19 cm sa 21 cm, għoli minn 8 sa 12 cm u b’piż minn 2,2 sa 3,3 kg.

Il-wiċċ tal-ġobon għandu jkun nadif, mingħajr xaħam żejjed u lanqas tbajja’.

I-qalba għandha lewn abjad ivorju, b’kulur uniformi, ratba, fina, b’vina blu fl-aħdar mifruxa b’mod ugwali, li jista’ jkun fiha traċċi ta’ toqob tal-labra. Is-sawra hija ratba u kremuża.

It-togħma hija pura, delizzjuża, bi rwejjaħ karatteristiċi tal-ġobon blu, li jista’ jkun fiha imrar ħafif mingħajr ma tkun eċċessivament pikkanti jew mielħa.

Il-ġobon jista’ jibbenefika mid-denominazzjoni tal-oriġini “Bleu des Causses” biss mis-sebgħin jum mid-data ta’ meta jiżdied it-tames.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Id-dieta bażika tal-baqar tal-ħalib tiġi minn mill-inqas 80 % taż-żona ġeografika, f’termini ta’ materja niexfa, bħala medja fis-sena u fuq il-baqar tal-ħalib kollha.

Id-dieta bażika tal-baqar tal-ħalib hija magħmula mill-għalf kollu, esklużi il-kruċifri fl-għamla ta’ għalf aħdar.

Barra mill-perjodu meta jirgħu, il-baqar tal-ħalib jirċievu kuljum mill-inqas 3 kg tiben għal kull baqra, espress bħala materja niexfa. Tiben tfisser ħaxix maħsud u mnixxef b’rata ta’ materja niexfa ta’ aktar minn 80 %.

Matul il-perjodu meta jkun disponibbli l-ħaxix, sakemm ikun jippermetti t-temp, huwa impost obbligu li l-baqar tal-ħalib li jkunu qed jipproduċu l-ħalib jitħallew jirgħu. Fi kwalunkwe każ, il-perjodu li matulu jirgħu ma jistax ikun inqas minn 120 jum fis-sena.

L-għoti ta’ supplimenti u addittivi huwa limitat għal 1 800 kilogramma ta’ materjal niexef bħala massimu għal kull baqra tal-ħalib u fis-sena, bħala medja għall-baqar tal-ħalib kollha.

Mid-dispożizzjonijiet preċedenti jirriżulta li mill-inqas 56 % tal-materja niexfa tar-razzjon alimentari totali pprovdut lill-mergħa li tipproduċi l-ħalib hija prodotta fiż-żona ġeografika. L-għalf kollu, inkluż l-għalf supplimentari, mhux neċessarjament jiġi miż-żona ġeografika, peress li fiha ftit hemm ħamrija adattata għall-kultivazzjoni u l-kundizzjonijiet klimatiċi, b’għoljiet imxarrba u blat niexef tal-franka, jillimitaw il-produzzjoni tiegħu.

Huma awtorizzati biss bħala għalf supplimentari u addittivi mogħtija lill-baqar tal-ħalib il-materji prima u l-addittivi ppreċiżati f’lista pożittiva.

Fl-għalf tal-annimali huma awtorizzati biss il-pjanti, il-prodotti sekondarji u l-għalf komplementari derivat minn prodotti mhux transġeniċi. Il-kultivazzjoni tal-għelejjel transġeniċi hija pprojbita f’kull żona tal-azjendi agrikoli li jipproduċu l-ħalib maħsub għall-ipproċessar f’ġobon bid-denominazzjoni ta’ oriġini “Bleu des Causses”. Din il-projbizzjoni hija valida għal kull speċi veġetali li tista’ tingħata lill-annimali tal-azjenda bħala għalf u kull kultivazzjoni ta’ speċi li tista’ tikkontaminah.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-produzzjoni tal-ħalib, il-manifattura, ir-raffinar u l-maturazzjoni tal-ġobniet isiru fiż-żona ġeografika.

3.5.   Regolamenti speċifiċi applikabbli għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ. tal-prodott li għalih tagħmel referenza d-denominazzjoni

Il-qtugħ tal-“Bleu des Causses” ikun permess jekk ma jiżnaturalizzax is-sawra tiegħu. Il-“Bleu des Causses” jista’ jiġi ppreżentat f’biċċiet minn qtugħ mekkaniku volontarju.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih tirreferi d-denominazzjoni reġistrata

It-tikkettar ta’ kull ġobon għandu jkollu l-isem tad-denominazzjoni tal-oriġini “Bleu des Causses” miktub b’tipa ta’ dimensjonijiet mill-inqas ugwali għal żewġ terzi ta’ dawk tal-aktar tipi kbar li jidhru fuq it-tikketta.

Irrispettivament mill-kliem regolamentari applikabbli għall-ġobon kollu, l-użu ta’ kull kwalifika oħra mehmuża direttament mal-isem tad-denominazzjoni fuq it-tikketta, fir-reklamar, fuq il-fatturi jew fuq id-dokumenti kummerċjali huwa pprojbit, għajr għal marki kummerċjali u marki ta’ produzzjoni partikolari u n-nota “immaturat f’kantini naturali.”

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tal-“Bleu des Causses” hija ppreżentata fil-forma ta’ możajk ta’ artijiet bi blat magmatiku, metamorfiku jew tal-franka. Il-Causses tal-franka huma elementi karatteristiċi tal-pajsaġġ ta’ dan it-territorju. Dawn għandhom il-partikolarità li joffru fil-pront kantini naturali li xi kultant ikunu mgħammra bi fleurines li jippermettu r-regolar b’mod naturali tal-umdità u tal-ventilazzjoni. Dawn il-kantini huma partikolarment adattati għar-raffinar tal-“Bleu des Causses”, li jsir tul żmien twil.

Iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni tal-oriġini “Bleu des Causses” tkopri kważi d-départements kollha ta’ Aveyron u parti mid-départementi ta’ Lott, Lozère, Gard u Hérault. Din testendi fit-territorju li ġej:

Id-département ta’ Aveyron

Il-cantons ta’ Aveyron et Tarn, Causse-Comtal, Causses-Rougiers, Ceor-Ségala, Enne et Alzou, Lot et Dourdou, Lot et Montbazinois, Lot et Palanges, Lot et Truyère, Millau-1, Millau-2, Monts du Réquistanais, Nord-Lévezou, Raspes et Lévezou, Rodez-1, Rodez-2, Rodez-Onet, Saint-Affrique, Tarn et Causses, Vallon, Villefranche-de-Rouergue, Villeneuvois u Villefranchois.

Il-muniċipalitajiet ta’ Campouriez, Cassuéjouls, Condom-d’Aubrac, Curières, Florentin-la-Capelle, Huparlac, Laguiole, Montézic, Montpeyroux, Saint-Amans-des-Cots, Saint-Chély-d’Aubrac, Saint-Symphorien-de-Thénières, Soulages-Bonneval.

Id-département ta’ Gard

Il-muniċipalità ta’ Trèves.

Id-département ta’ Hérault

Il-muniċipalità ta’ Pégairolles-de-l’Escalette.

Id-département ta’ Lot

Il-cantons ta’ Cahors-1, Cahors-2, Cahors-3, Causse et Vallées, Luzech, Marches du Sud-Quercy.

Il-muniċiaplitajiet ta’ Boissières, Le Boulvé, Boussac, Calamane, Calès, Cambes, Cassagnes, Catus, Cœur-de-Causse, Corn, Crayssac, Duravel, Durbans, Espère, Flaujac-Gare, Floressas, Francoulès, Gignac, Gigouzac, Ginouillac, Grézels, Les Junies, Labastide-du-Vert, Lacapelle-Cabanac, Lachapelle-Auzac, Lagardelle, Lamothe-Cassel, Lamothe-Fénelon, Lanzac, Lherm, Livernon, Loupiac, Mauroux, Maxou, Mechmont, Montamel, Montcabrier, Montfaucon, Montgesty, Nadaillac-de-Rouge, Nuzéjouls, Payrac, Pescadoires, Pontcirq, Prayssac, Puy-l’Évêque, Reilhac, Reilhaguet, Le Roc, Saint-Chamarand, Saint-Cirq-Souillaguet, Saint-Denis-Catus, Saint-Martin-le-Redon, Saint-Matré, Saint-Médard, Saint-Pierre-Lafeuille, Saint-Projet, Saux, Séniergues, Sérignac, Soturac, Soucirac, Souillac, Touzac, Ussel, Uzech, Le Vigan, Vire-sur-Lot.

Id-département ta’ Lozère

Il-cantons ta’ Langogne, Saint-Chély-d’Apcher.

It-territorju kollu tal-muniċipalitajiet ta’: Allenc, Antrenas, Aumont-Aubrac, Badaroux, Les Bessons, Brenoux, Le Buisson, Chadenet, Chaulhac, La Chaze-de-Peyre, La Fage-Saint-Julien, Fau-de-Peyre, Fraissinet-de-Fourques, Gatuzières, Hures-la-Parade, Ispagnac, Javols, Julianges, Lanuéjols, Le Malzieu-Forain, Le Malzieu-Ville, Marvejols, Mas-Saint-Chély, Mende, Meyrueis, Montbrun, Les Monts-Verts, Paulhac-en-Margeride, Quézac, Recoules-de-Fumas, Le Rozier, Saint-Bauzile, Saint-Étienne-du-Valdonnez, Saint-Laurent-de-Muret, Saint-Léger-de-Peyre, Saint-Léger-du-Malzieu, Saint-Pierre-de-Nogaret, Saint-Pierre-des-Tripiers, Saint-Privat-du-Fau, Saint-Sauveur-de-Peyre, Sainte-Colombe-de-Peyre, Sainte-Hélène, Vebron.

Partijiet mill-muniċipalitajiet ta’: Cans-et-Cévennes (biss għat-territorju tal-muniċipalità ddelegata ta’ Saint-Laurent-de-Trèves), Florac-Trois-Rivières (biss għat-territorju tal-muniċipalità ddelegata ta’ Florac).

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tad-denominazzjoni tal-oriġini “Bleu des Causses” tagħmel parti mit-tarf tax-xlokk tal-Massif Central. Il-firxiet tal-muntanji osservati fit-tramuntana, fil-lvant u fin-nofsinhar taż-żona jimmarkaw il-limiti: Monts d’Aubrac fit-tramuntana, Margeride u Cevennes lejn il-lvant u Monts de Lacaune fin-nofsinhar. Il-limitu tal-punent huwa mmaterjalizzat mit-tarf tal-lvant ta’ Bassin Aquitain. Iż-żona ġeografika tippreżenta prinċipalment riżalti b’muntanji ta’ daqs medju li jiċkienu lejn il-punent malli jmissu l-Bassin Aquitain. Għalhekk din toffri ċerta diversità ta’ pajsaġġi kkaratterizzati b’mod partikolari minn suċċessjoni ta’ għoljiet għoljin tal-ġebla franka, imsejħa Causses.

L-erożjoni, li prinċipalment hija idrawlika, hija l-oriġini tal-iffurmar tal-kantini karstiċi. F’dawn l-iskavi kbar jeżistu fis-sottoswol tal-ġebla tal-franka tal-Causses hemm għadd kbir ta’ fleurines, jiġifieri xquq li minnhom joħorġu kurrenti ta’ arja kiesħa u niedja. Fil-fatt, l-arja ta’ barra li tidħol fis-sottoswol permezz tal-ħafna xquq fuq il-wiċċ, issir umduża u tiksaħ meta tiġi f’kuntatt mal-ħitan umdi tal-blat jew mal-ilmijiet ta’ taħt l-art; din issir aktar densa u għandha tendenza naturali li tgħaddi mill-fetħiet l-aktar baxxi, jiġifieri mill-fleurines tal-kantini. Dan il-moviment huwa saħansitra iktar attiv u t-temperatura tal-kantina aktar baxxa mill-arja ta’ barra li tkun aktar niexfa u aktar sħuna.

Il-klima tirriżulta prinċipalment minn influwenzi oċeaniċi u Mediterranji. L-influwenza tal-klima tal-muntanji tal-Massif Ċentrali tinħass ukoll fuq it-tarf tat-tramuntana taż-żona ġeografika u fuq il-qċaċet. L-għoljiet li kultant ivarjaw u l-espożizzjoni għar-riħ joħolqu kuntrasti bejn l-għoljiet l-iktar imxarrba u l-għoljiet tal-franka l-aktar niexfa. Iż-żona ġeografika kollha tgawdi minn dawl qawwi tax-xemx li ġeneralment idum aktar minn 2 000 siegħa fis-sena. L-irziezet tal-ħalib jinsabu f’żoni ġeneralment baxxi u nixfin b’ħamrija tal-franka iżda parti kbira mill-ħamrija tal-kantina hija ġibsija, li tippermetti l-kultivazzjoni tal-ħaxix u tal-qamħ.

Il-“Bleu des Causses” dejjem tħejja fir-reġjun tal-Causses tal-franka li jestendi fuq id-département ta’ Aveyron u d-départements ġirien. Il-manifattura tal-“Bleu des Causses” ġiet partikolarment żviluppata wara l-adozzjoni tal-liġi tas-26 ta’ Lulju 1925 li tipprojbixxi l-manifattura u l-maturazzjoni tal-ġobon għajr il-ħalib tan-nagħaġ (tal-baqar b’mod partikolari) fil-muniċipalità ta’ Roquefort. Dan il-fattur iffavorixxa l-istrutturar fuq iż-żona ġeografika ta’ settur ta’ ġobon blu bil-ħalib tal-baqra. Fil-bidu dan kien jissejjaħ “Bleu de l’Aveyron”, u dan il-ġobon ġie ddefinit b’digriet fl-1945. Ġie rikonoxxut bid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “Bleu des Causses” b’digriet fil-21 ta’ Mejju 1979.

F’żona ddominata min-ngħaġ, it-trobbija tal-bhejjem ġiet sostnuta b’uċuħ tar-raba’ għall-għalf adattati għall-art u għall-klima taż-żona ġeografika, li jipprovdu 80 % tad-dieta bażika tal-baqar tal-ħalib.

Illum, il-manifattura tal-“Bleu des Causses” tħaddem ċertu għarfien speċifiku. Il-ħalib jintuża f’għamla sħiħa, mingħajr omoġenizzazzjoni. Wara l-qtugħ, il-biċċiet tal-baqta jiġu mħallta fil-kantina tal-produzzjoni sabiex jitgħattew, jiġifieri jiġu mdawra b’folja rqiqa li ma tħallihomx jeħlu flimkien waqt l-iffurmar. Ladarba jiġi ffurmat, il-ġobon jissaffa spontanjament, mingħajr ippressar, u dan jippreżerva l-ispazji bejn il-qmuħ. It-titqib isir b’sensiela ta’ labar qabel il-fażi tal-maturazzjoni f’kantina naturali magħmula minn passaġġi tal-arja, li jippermettu li l-ossiġnu jidħol fil-qalba.

Il-ġobon imbagħad jiġi raffinat f’kamra umda naturali u vventilat minn fleurines naturali, li jippermettu l-iżvilupp tal-Penicillium roqueforti. Meta dan il-moffa tiżviluppa sew, din tgħaddi għall-“issiġillar” tal-ġobon, jiġifieri għall-imballaġġ individwali, sabiex tinkiseb maturazzjoni fil-fażi anerobika.

Il-“Blue des Causses” huwa ġobon b’ħalib sħiħ tal-baqra, b’qalba bajda ivorju, b’kulur uniformi, b’vina blu fl-aħdar mifruxa b’mod ugwali. Is-sawra hija ratba u kremuża.

It-togħma hija pura, delizzjuża, bi rwejjaħ karatteristiċi tal-ġobon blu, li jista’ jkun fiha imrar ħafif mingħajr pikkanti eċċessivi jew eċċess ta’ melħ.

Ir-rikonoxximent tal-“Bleu des Causses”, ġobon blu magħmul mill-ħalib tal-baqra, huwa riżultat tal-organizzazzjoni ta’ komunità umana li tixtieq ittejjeb il-produzzjoni tal-ħalib tal-baqra f’żona ddominata mill-produzzjoni tan-nagħaġ, b’rispons għal regoli stretti li jirregolaw il-manifattura tal-ġobon Roquefort, ġobon blu bil-ħalib tan-nagħġa.

Il-manifattura tal-“Bleu des Causses” tinvolvi għarfien żviluppat fiż-żona ġeografika li jippermetti il-produzzjoni ta’ ġobon b’qalba bajda ivorju b’vina regolari. L-użu tal-ħalib sħiħ, mingħajr omoġenizzazzjoni, jikkontribwixxi għall-kulur tal-qalba. L-ikkurar tal-qamħ tal-baqta f’bettiji, it-tisfija spontanja mingħajr ippressar u t-titqib joħolqu fetħiet regolari fil-qalba tal-ġobon, li huma l-lok tal-iżvilupp tal-Penicillium roqueforti ta’ matul ir-raffinar, li jippermetti li l-vina tinfirex b’mod regolari.

Ir-raffinar tal-“Bleu des Causses” huwa marbut mill-qrib maż-żona ġeografika tal-Causses tal-franka fejn hemm kantini bil-fleurines naturali li l-eżistenza tagħhom hija marbuta mal-formazzjoni ġeoloġika tal-art. Bis-saħħa tal-fleurines, li huma xquq ffurmati b’mod naturali matul iż-żmien fl-art tal-franka li hija karatteristika tal-Causses, jinħolqu kurrenti tal-arja bejn il-wiċċ tal-għoljiet u l-kantini ta’ taħt l-art, li jġibu l-frisk u l-umdità. Dawn il-kurrenti jgħinu biex jinħoloq ambjent favorevoli għall-iżvilupp tal-Penicillium roqueforti ġewwa l-ġobon. Din il-moffa tikkawża l-vina blu fl-aħdar tal-“Bleu des Causses”.

Il-maturazzjoni anerobika li ssegwi r-raffinar fil-kantina naturali tippermetti li jitnaqqas l-iżvilupp tal-Penicillium roqueforti, filwaqt li tħallu l-enżimi tiegħu jkomplu bl-azzjoni tagħhom (proteolisi u lipolisi). Huwa matul din il-fażi li l-ġobon jakkwista sawra kremuża u omoġenja u t-togħma karatteristika tal-ġobon blu u jitlef l-imrar tiegħu biex jikseb togħma pura u delizzjuża.

B’hekk, il-karatteristiċi organolettiċi ewlenin tal-“Bleu des Causses” huma prinċipalment ir-riżultat tal-azzjoni tal-moffa tal-Penicillium roqueforti li sseħħ matul ir-raffinar f’kantina naturali u l-maturazzjoni.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

https://info.agriculture.gouv.fr/gedei/site/bo-agri/document_administratif-4a26bad1-2827-4edb-b58e-b06c876f6781/telechargement


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.