16.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 100/30


Notifika ta’ bidu ta’ investigazzjoni ta’ salvagwardja li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ross Indica li joriġina mill-Kambodja u mill-Mynamar

(2018/C 100/13)

Il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet talba mill-Italja skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (1) (minn issa ‘l quddiem: “ir-Regolament tas-SĠP”).

1.   Talba

L-Italja ppreżentat it-talba tagħha fis-16 ta’ Frar 2018 u talbet għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja għar-ross tat-tip “Indica”, li joriġina mill-Kambodja u mill-Myanmar billi huwa importat f’volumi u bi prezzijiet li jikkawżaw diffikultajiet serji lill-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li huma f’kompetizzjoni diretta.

2.   Prodott li qed jiġi investigat

Il-prodott li qed jiġi investigat huwa ross Indica mitħun jew nofsu mitħun li joriġina mill-Kambodja u mill-Myanmar (“il-pajjiżi kkonċernati”), li jibbenefika minn eżenzjoni mid-dazji doganali fid-dawl tar-Regolament tas-SĠP u li attwalment jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 1006 30 27, 1006 30 48, 1006 30 67 u 1006 30 98. Dawn il-kodiċijiet NM qed jingħataw biss għall-informazzjoni.

3.   Xejriet fl-importazzjonijiet u fil-prezzijiet u diffikultajiet serji

L-Italja pprovdiet evidenza prima facie li l-importazzjonijiet tar-ross Indica mill-Kambodja u mill-Myanmar żdiedu b’mod sostanzjali u l-ishma rispettivi mis-suq tal-UE, tar-ross Indica, żdiedu minn 13 % għal 21 % u minn 0 % għal 5 % f’dawn l-aħħar ħames snin ta’ kummerċjalizzazzjoni tar-ross. It-talba turi wkoll li l-prezzijiet korrispondenti tal-importazzjoni kienu aktar baxxi mill-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni b’mod sostanzjali, u dan seta’ kkawża diffikultajiet serji kemm għal dawk li jkabbru kif ukoll għal dawk li jitħnu r-ross Indica fl-Unjoni Ewropea (UE). Fil-fatt, il-produzzjoni u l-bejgħ tar-ross mitħun Indica tal-UE naqas b’ 40 % matul dawn l-aħħar ħames snin, u dan irriżulta fi tnaqqis fl-ishma mis-suq tal-UE minn 52 % għal 30 % fl-istess perjodu. Skont it-talba, il-prezzijiet tal-importazzjoni mir-ross mitħun Indica mill-Kambodja u mill-Myanmar kienu saħansitra aktar baxxi mill-prezz medju għar-ross nej (ross fil-fosdqa) prodott mill-kultivaturi. Għaldaqstant, dawn l-importazzjonijiet allegalment kellhom effetti ħżiena fuq il-prestazzjoni ġenerali tal-industrija tal-Unjoni.

4.   Proċedura

Wara li infurmat lill-istati Membri, u wara li ddeterminat li hemm biżżejjed evidenza prima facie biex tiġġustifika l-bidu ta’ proċdiment, il-Kummissjoni b’dan tibda investigazzjoni skont l-Artikolu 24 tar-Regolament tas-SĠP.

L-investigazzjoni se tiddetermina jekk il-prodott li qed jiġi huwiex importat f’volumi u/jew bi prezzijiet li jikkawżaw diffikultajiet serji għall-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li huma f’kompetizzjoni diretta.

4.1.    Perjodu ta’ investigazzjoni

Id-dejta ġenerali u l-istatistika dwar ir-ross normalment jiġu ppreżentati għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni, u jirriflettu l-istaġjonalità tal-prodott li qed jiġi investigat. Sena ta’ kummerċjalizzazzjon tkopri 12-il xahar, li tibda mill-1 ta’ Settembru u tispiċċa fil-31 ta’ Awwissu tas-sena kalendarja ta’ wara. L-investigazzjoni se tkopri l-aħħar ħames snin ta’ kummerċjalizzazzjoni, jiġifieri mill-1 ta’ Settembru 2012 sal-31 ta’ Awwissu 2017 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”).

4.2.    Proċedura għad-determinazzjoni ta’ diffikultajiet serji

Determinazzjoni ta’ diffikultajiet serji hija bbażata fuq evidenza pożittiva u tinvolvi eżami oġġettiv tal-volum u tal-prezzijiet tal-importazzjonijiet fis-suq tal-Unjoni u l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Sabiex jiġi stabbilit jekk l-industrija tal-Unjoni tiffaċċjax diffikultajiet serji, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi investigat huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

4.3.    Ambitu tal-investigazzjoni u ġbir ta’ dejta

Sabiex tiġbor l-informazzjoni li tqis meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji (1) lill-produtturi magħrufa tal-prodotti simili u li huma f’kompetizzjoni diretta fl-Unjoni, (2) lill-esportaturi/produtturi magħrufa tal-prodott taħt investigazzjoni u/jew lil kull assoċjazzjoni ta’ esportaturi/produtturi u imporatturi magħrufa tal-prodott taħt investigazzjoni.

1.   Produtturi tal-Unjoni

Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan il-proċediment, u biex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita l-produtturi tal-Unjoni individwali li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”), skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (UE) Nru 1083/2013 (2).

Għal dan l-għan, il-Kummissjoni għażlet proviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li jista’ jiġi vverifikat mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji ta’ kuntatt mogħtija fit-Taqsima 4.6 iktar ‘l isfel). Produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom jiġu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-produtturi tal-Unjoni u/jew lill-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni magħrufa kollha dwar il-kumpaniji li finalment intgħażlu biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun.

2.   Produtturi esportaturi fil-pajjiżi kkonċernati u importaturi fl-UE

Minħabba li jidher li hemm għadd potenzjalment kbir ta’ partijiet interessati, u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi u l-importaturi li jiġu investigati individwalment għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”), skont l-Artikolu 11.6 tar-Regolament (UE) Nru 1083/2013.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi, l-importaturi jew ir-rappreżentanti kollha li jaġixxu f’isimhom, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness ta’ din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati, u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi u importaturi.

Kull parti interessata li tixtieq tippreżenta kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, trid tagħmel dan fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, il-produtturi esportaturi u l-importaturi jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi u l-importaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi esportaturi u importaturi se jkunu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi u l-importaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi u l-importaturi li ntgħażlu għall-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi u lill-importaturi.

Il-produtturi esportaturi u l-importaturi kollha magħżula biex ikunu fil-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun.

4.4.    Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 30 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

4.5.    Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet kollha interessati jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għaliex tkun qiegħda ssir. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

4.6.    Struzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza

L-informazzjoni mibgħuta lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ jenħtieġ li tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew dejta soġġetta għad-drittijiet tal-awtur ta’ terzi persuni, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu a) li l-Kummissjoni tuża l-informazzjoni u d-dejta għall-iskop ta’ dan il-proċediment tad-difiża tal-kummerċ u b) li tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-dejta lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali jkunu mmarkati bħala “Ristrett (3) (Limited). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġuni għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Il-partijiet interessati li jagħtu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha, li jiġu mmarkati “Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati” (For inspection by interested parties). Jenħtieġ li dawn is-sommarji jkunu ddettaljati tant li jippermettu li l-qofol tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali tinftiehem raġonevolment.

Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġuni ġusta għat-talba għal trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tiegħu fil-format u l-kwalità mitlubin, il-Kummissjoni tista’ tinjora din l-informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ ittra elettronika inklużi dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li għandhom jitressqu fuq CD-ROM jew DVD personalment jew permezz ta’ ittra reġistrata. Meta jużaw ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ” ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2014/june/tradoc_152577.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown u indirizz elettroniku validu tagħhom u jenħtieġ li jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali operattiv u ċċekkjat kuljum. Ladarba jingħataw id-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, dment li ma jkunx hemm talba speċifika li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni jintbagħtu b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew dment li n-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx teħtieġ l-użu tal-posta reġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, jenħtieġ li l-partijiet interessati jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Posta elettronika: TRADE-SAFEGUARD-RICE@ec.europa.eu

5.   Nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess jew ma tipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-limitu tal-iskadenzi, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, jistgħu jsiru s-sejbiet provviżorji jew finali, pożittivi jew negattivi abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1083/2013.

Meta jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata ma għandux jitqies bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li biex tippreżenta t-tweġiba kif mitlub ikun iwassal għal piż żejjed mhux raġonevoli jew spiża addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja lill-Kummissjoni immedjatament.

6.   Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijet interessati li ressqu ‘l quddiem skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 1083/2013 jistgħu jitolbu wkoll li jsir intervent mill-Uffiċjal tas-Seduta. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess tal-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-talbiet minn partijiet interessati għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur biex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b’mod sħiħ.

Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li jiġu speċifikati r-raġunijiet għat-talba. Għal seduti ta’ smigħ dwar kwistjonijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, talba għal seduta ta’ smigħ trid tkun ippreżentata fl-iskadenzi speċifiċi stipulati mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta se jipprovdi wkoll opportunitajiet għal seduta ta’ smigħ li tinvolvi lill-partijiet u li tippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost affarijiet oħra, l-importazzjonjiet u l-prezzijiet, diffikultajiet serji u r-rabta tal-kawżalità.

Jekk isir smigħ verbali mal-Uffiċjal tas-Seduta għandu jieħu sehem fih ukoll is-servizz tal-Kummissjoni rilevanti.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/

7.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni tintemm, skont l-Artikolu 24(4) tar-Regolament tas-SĠP, fi żmien 12-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

8.   Proċessar ta’ dejta personali

Id-dejta personali kollha miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (4).


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008, ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1083/2013 tat-28 ta’ Awwissu 2013 li jistabbilixxi regoli marbuta mal-proċedura għall-irtirar temporanju ta’ preferenzi tariffarji u mal-adozzjoni ta’ miżuri ġenerali ta’ salvagwardja skont ir-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (ĠU L 293, 5.11.2013, p. 16).

(3)  Dokument “Ristrett” (Limited) huwa dokument li jitqies kunfidenzjali skont l-Artikolu 38(4) tar-Regolament tas-SĠP. Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(4)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS

Image

Test ta 'immaġni