9.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 90/16


Avviż għall-attenzjoni ta' Salim Mustafa Muhammad Al-Mansur, Umar Mahmud Irhayyim Al-Kubaysi u Al-Kawthar Money Exchange, li l-ismijiet tagħghom żdiedu mal-lista msemmija fl-Artikoli 2, 3 u 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u l-organizzazzjonijiet tal-Al-Qaida, bis-saħħa tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/349

(2018/C 90/07)

1.

Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/1693 (1) issejjaħ lill-Unjoni biex tiffriża l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tal-membri tal-ISIL (Da'esh) u l-organizzazzjoni Al-Qaida u individwi, gruppi, impriżi jew entitajiet oħra assoċjati magħhom, kif imsemmi fil-lista mfassla skont il-UNSCR 1267(1999) u 1333(2000) li għandha tkun aġġornata regolarment mill-Kumitat tan-NU mwaqqaf skont UNSCR 1267(1999).

Il-lista mfassla minn dan il-Kumitat tan-NU tinkludi:

ISIL (Da'esh) u Al Qaida;

persuni, entitajiet, korpi u gruppi fiżiċi jew ġuridiċi assoċjati mal-ISIL (Da'esh) u l-Al Qaida; u

persuni, entitajiet u korpi ġuridiċi li jappartjenu għal kwalunkwe minn dawn il-persuni, entitajiet, korpi jew gruppi assoċjati, ikkontrollati minnhom jew inkella jappoġġawhom.

Atti jew attivitajiet li jindikaw li individwu, grupp, impriża, jew entità huma “assoċjati mal-” ISIL (Da’esh) u l-Al Qaida, jinkludu:

(a)

parteċipazzjoni fil-finanzjament, l-ippjanar, l-iffaċilitar, it-tħejjija, jew it-twettiq ta’ atti jew attivitajiet li jsiru minn, flimkien ma’, taħt l-isem ta’, f’isem, jew b’appoġġ għall-ISIL (Da’esh) u l-Al-Qaida jew minn kull ċellola, grupp affiljat, grupp li ħareġ minnhom jew derivattiv tagħhom;

(b)

il-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment ta’ armi u materjal relatat ma’ xi ħadd minnhom;

(c)

reklutaġġ għal xi ħadd minnhom; jew

(d)

xi forma oħra ta’ appoġġ għall-atti jew l-attivitajiet ta’ xi ħadd minnhom.

2.

il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fis-6 ta’ Marzu 2018 approva ż-żieda tal-entrati ta’ Salim Mustafa Muhammad Al-Mansur, Umar Mahmud Irhayyim Al-Kubaysi u Al-Kawthar Money Exchange kontra l-ISIL (Da’esh) u l-Al-Qaida, mal-lista tal-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

Salim Mustafa Muhammad Al-Mansur, Umar Mahmud Irhayyim Al-Kubaysi u Al-Kawthar Money Exchange jistgħu fi kwalunkwe ħin jippreżentaw talba lill-Ombudsperson tan-NU, flimkien ma’ kwalunkwe dokumentazzjoni ta’ appoġġ, sabiex id-deċiżjoni biex jiġu inklużi fil-lista tan-NU msemmija aktar ’il fuq terġa’ tiġi kkunsidrata. Talba bħal din għandha tintbagħat fl-indirizz li ġej:

United Nations — Office of the Ombudsperson

Room TB-08041D

New York, NY 10017

UNITED STATES OF AMERICA

Tel +1 2129632671

Fax: +1 2129631300/3778

E-mail: ombudsperson@un.org

Għal aktar informazzjoni ara https://www.un.org/sc/suborg/en/sanctions/1267/aq_sanctions_list/procedures-for-delisting.

3.

B’segwitu għad-Deċiżjoni tan-NU msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/349 (2), li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 tas-27 ta’ Mejju 2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati mal-ISIL (Da’esh) u mal-organizzazzjoni Al-Qaida (3). L-emenda, magħmula f’konformità mal-Artikolu 7(1)(a) u 7a(1) tar-Regolament (KE) Nru 881/2002, iżżid l-ismijiet ta’ Salim Mustafa Muhammad Al-Mansur, Umar Mahmud Irhayyim Al-Kubaysi u Al-Kawthar Money Exchange mal-lista fl-Anness I ta’ dak ir-Regolament (“Anness I”).

Il-miżuri li ġejjin tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 japplikaw għall-individwi u l-entitajiet li jinsabu fl-Anness I:

(1)

l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu għall-individwi u l-entitajiet ikkonċernati, jew huma proprjetà ta’ jew miżmuma minnhom, u l-projbizzjoni (fuq kulħadd) li jagħmlu disponibbli finanzjament u riżorsi ekonomiċi lil kwalunkwe mill-individwi u entitajiet ikkonċernati jew għall-benefiċċju tagħhom, kemm jekk direttament kif ukoll jekk indirettament (l-Artikoli 2 u 2a); kif ukoll

(2)

il-projbizzjoni fuq l-għoti, il-bejgħ, il-forniment jew it-trasferiment ta’ pariri tekniċi, assistenza jew taħriġ relatati ma’ attivitajiet militari lil kwalunkwe mill-individwi jew entitajiet ikkonċernati, kemm direttament kif ukoll indirettament (l-Artikolu 3).

4.

L-Artikolu 7a tar-Regolament (KE) Nru 881/2002 jipprovdi għal proċess ta’ rieżami fejn osservazzjonijiet dwar ir-raġunijiet għall-elenkar huma ppreżentati minn dawk li ġew elenkati. L-individwi u l-entitajiet miżjudin fl-Anness I permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/349 jistgħu jagħmlu talba għar-raġunijiet tal-elenkar tagħhom lill-Kummissjoni. Din it-talba għandha tintbagħat lil:

European Commission

“Restrictive measures”

Rue de la Loi/Wetstraat 200

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

5.

Qed tinġibdel l-attenzjoni wkoll tal-individwi u l-entitajiet ikkonċernati għall-possibbiltà li joġġezzjonaw għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/349 quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, f’konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fir-raba’ u fis-sitt paragrafi tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

6.

Għal ordni valida, qed tinġibed l-attenzjoni tal-individwi u l-entitajiet inklużi fl-Anness I għall-possibbiltà li ssir applikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru(i) rilevanti, kif elenkati fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 881/2002, sabiex jiksbu awtorizzazzjoni biex jużaw fondi ffriżati u riżorsi ekonomiċi għal bżonnijiet essenzjali jew pagamenti speċifiċi skont l-Artikolu 2a ta’ dak ir-Regolament.


(1)  ĠU L 255, 21.9.2016, p. 25.

(2)  ĠU L 67, 9.3.2018, p. 28.

(3)  ĠU L 139, 29.5.2002, p. 9.