8.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 46/8


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2018/C 46/08)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta' oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA' EMENDA MHUX MINURI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA' DENOMINAZZJONI TA' ORIĠINI PROTETTA JEW TA' INDIKAZZJONI ĠEOGRAFIKA PROTETTA

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta' emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“TIROLER SPECK”

Nru tal-UE: PGI-AT-02162 — 8.8.2016

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Konsortium Tiroler Speck g.g.A.

Bundesstraße 33

A-6551 Pians

ÖSTERREICH

Tel. +43 544269001190

Fax +43 5442636211190

Posta elettronika: kontakt@tirolerspeck.info

L-applikazzjoni oriġinali għar-reġistrazzjoni tressqet mill-membri tal-grupp applikanti. L-applikant attwali jipproteġi l-interessi tal-produtturi tat-“Tiroler Speck” IĠP, u għaldaqstant għandu interess leġittimu fis-sottomissjoni ta' bidliet għall-Ispeċifikazzjoni.

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Awstrija

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Żona ġeografika

Prova tal-oriġini

Metodu ta' produzzjoni

Rabta

Tikkettar

Oħrajn (bidla fid-dettalji tal-entità kompetenti, isem il-grupp applikanti oriġinali, l-organu ta' spezzjoni, ir-rekwiżiti nazzjonali, emendi fil-kitba)

4.   Tip ta' emenda/i

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta' DOP jew IĠP irreġistrata li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta' DOP jew IĠP irreġistrata li għaliha ma jkun ġie rreġistrat l-ebda Dokument Uniku (jew ekwivalenti) u li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emenda/i

Il-bidliet sottomessi għall-Ispeċifikazzjoni tal-prodott huma meħtieġa minħabba l-esperjenza miksuba fit-trattament tal-aspetti prattiċi tat-terminu protett minn mindu ġiet approvata l-protezzjoni tiegħu. Dawn il-bidliet jinkludu deskrizzjoni ddettaljata tar-rekwiżiti kollha importanti tal-produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni, inkluż l-istadji tal-produzzjoni, li għandhom assolutament isiru fiż-żona ġeografika kkonċernata, u jservu biex jiggarantixxu l-kwalità tat-“Tiroler Speck” IĠP.

L-Ispeċifikazzjoni tal-prodott preċedenti kienet magħmula minn għadd ta' dokumenti u annessi separati, li issa ngħaqdu f'dokument wieħed, irrevedut u aġġornat sabiex jipprovdi deskrizzjoni aktar ċara tar-rekwiżiti, partikularment dwar il-metodu ta' produzzjoni u l-prova tal-oriġini, sabiex tinżamm il-kwalità tat-“Tiroler Speck” IĠP.

1.   Deskrizzjoni tal-prodott:

Il-punt 5b tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott jgħid:

“Il-materja prima għat-‘Tiroler Speck’ IĠP tinkiseb mill-qatgħat li ġejjin, mirquma u bla għadam, tal-laħam tal-majjal:

il-koxxa,

il-flett,

l-ispalla,

l-istonku u

l-għonq.

It-‘Tiroler Speck’ jiġi kemxejn immellaħ, imbagħad jiġi ttrattat u jinħażen f'taħlita speċjali ta' ħwawar, skont id-drawwiet u t-tradizzjoni lokali, fi kmamar separati, u f'temperatura ta' bejn 18 °C u 20 °C.

Il-kulur ta' barra jkun kannella tfakkar fid-duħħan, u l-wiċċ mal-qtugħ jagħti fl-aħmar, b'kisja bajda tax-xaħam. Għandu riħa moderata u aromatika, bi sfumaturi evidenti ta' duħħan. It-togħma hija pikkanti, karatterizzata minn taħlitiet ta' ħwawar speċjali u trattament b'affumikazzjoni partikulari, u hija kemxejn mielħa.

Karatteristiċi fiżikokimiċi u mikrobijoloġiċi:

Proporzjon ilma/proteini ta' mhux aktar minn 1,5 (tolleranza ta' 0,2),

Kontenut massimu ta' melh ta' 5 %,

Kontenut ta' nitrit tas-sodju espress bħala nitrit tas-sodju (NaNO2) 5 mg/100 g (50 mg/kg),

Kontenut ta' nitrat tal-potassju espress bħala nitrit tas-sodju (NaNO2) 25 mg/100 g (250 mg/kg),

Għadd totali tal-kolonji aerobiċi (inkluż il-batterji tal-aċidu lattiku) CFU/g < 1 x 107.”

Din is-silta hija emendata kif ġej:

“4.2.   Deskrizzjoni

4.2.1.   Ġenerali

It-‘Tiroler Speck’ IĠP huwa prodott tal-majjal artiġjanali, ippriżervat b'mod tradizzjonali, magħmul mill-koxxa, flett, żaqq, spalla jew għonq mingħajr għadam. Jitmellaħ fix-xott, jitħawwar, jitħejja għall-priżervazzjoni, jiġi affumikat fil-kesħa, u jitnixxef bl-arja.

It-‘Tiroler Speck’ IĠP jiġi prodott esklussivament fiż-żona ġeografika ddefinita, u jkun disponibbli, fil-għamla aħħarija tiegħu, ippakkjat fil-vakwu jew f'atmosfera kkontrollata, u jew f'biċċiet sħaħ, jew imqatta' jew f'fetet.

4.2.2.   Karatteristiċi organolettiċi

It-‘Tiroler Speck’ IĠP għandu dehra organolettika karatteristika, b'togħma speċifika u riħa li tfakkar fid-duħħan. Minħabba l-proċess tipiku ta' affumikazzjoni fil-kesħa u l-ħwawar li jintużaw, it-‘Tiroler Speck’ IĠP ikollu dehra ta' barra karatteristika, lewn kannella skura. Bl-eċċezzjoni tax-‘Schopfspeck’ [Speck tal-għonq], il-wiċċ mal-qtugħ juri kisja bajda tax-xaħam, u l-laħam ikun ta' lewn aħmar karg, li jibqa' jiskura lejn in-naħa tal-laħam. L-aroma tkun pikkanti b'mod intens u pjaċevoli, bi sfumaturi maturi li jintgħarfu, li magħhom tiżdied l-aroma tal-laħam tal-majjal. Meta jingħafas bejn is-swaba', il-konsistenza tkun bejn medja u soda. Meta jingidem, il-konsistenza ma tkunx ratba iżda kumpatta. It-togħma u l-aroma jkunu kemxejn pikkanti, bi sfumaturi ċari u inekwivokabbli tad-duħħan fuq togħma sħiħa tal-laħam, segwiti minn togħma perċipibbli tal-melħ. F'din il-perspettiva usa', il-varjazzjonijiet reġjonali u bidliet sottili fil-karatteristiċi organolettiċi huma komuni, skont il-partikularitajiet kulturali stabbiliti fir-reġjuni u fil-widien korrispondenti taż-żona ġeografika ddefinita. B'hekk, ċerti aspetti tan-natura tipika tal-prodott, fosthom il-profil tat-togħma jew l-isfumaturi ta' njam affumikat, jadottaw karatteristiċi reġjonali mingħajr ma jolqtu ħażin jew jibdlu l-identità ġenerali tat-‘Tiroler Speck’ IĠP.

4.2.3.   Karatteristiċi fiżikokimiċi tal-prodott

Proporzjon ilma/proteini: massimu ta' 1,7 (tolleranza + 0,2)

Kontenut ta' melħ (NaCl): massimu ta' 5,0 % (tolleranza + 1,5 % [fil-qalba] + 2,0 % [fix-xifer])”

Ġustifikazzjoni:

Il-karatteristiċi organolettiċi tipiċi tal-prodott issa huma deskritti b'aktar preċiżjoni u dettall. Il-proporzjon imla/proteini issa huwa identifikat b'mod korrett bħala “massimu ta' 1,7”, flok “massimu ta' 1,5” kif kien hemm miktub qabel. Dan kien żball tat-tipa fl-Ispeċifikazzjoni oriġinali. Il-proprjetajiet mikrobijoloġiċi tħassru għalkollox, għax abbażi tar-rekwiżiti legali fis-seħħ, kienu superfluwi. Il-kliem, parti minnu mill-Ispeċifikazzjoni oriġinali u parti miżjuda, sar aktar preċiż sabiex ġiet iċċarat u kkompletata d-deskrizzjoni tal-prodott, u b'hekk l-organu ta' spezzjoni jingħata parametri tal-prodott aktar preċiżi u affidabbli biex ikun jista' jiżgura l-kwalità tal-prodott.

It-tqattigħ tat-“Tiroler Speck” IĠP minn dejjem sar esklussivament fiż-żona ġeografika ddefinita tal-produzzjoni. Għalhekk fid-deskrizzjoni tal-prodott jiġi mfisser f'liema punt it-“Tiroler Speck” IĠP jilħaq l-għamla aħħarija tiegħu: speċifikament, meta jkun ippakkjat fil-vakwu jew f'atmosfera kkontrollata, u jew bħala biċċa sħiħa, jew imqatta' jew f'fetet.

2.   Prova tal-oriġini:

Billi l-Ispeċifikazzjoni ma kienet tinkludi ebda referenza għall-prova tal-oriġini, tqies xieraq li tiddaħħal informazzjoni dwar it-traċċabbiltà tal-prodott skont il-punt 4.4 tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott. Issa tinkludi dispożizzjonijiet biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà. It-tikketta ta' kull unità tat-“Tiroler Speck” IĠP prodotta għandha turi numru tal-azjenda u identifikatur tal-lott fil-forma ta' numru tal-lott jew data, sabiex kull lott ikun jista' jintrabat b'mod konklużiv mal-post ta' produzzjoni tiegħu. Kull produttur li jkun jixtieq jikkummerċjalizza l-iSpeck bl-isem “Tiroler Speck” għandu jkun inkluż f'lista ta' produtturi, li tinżamm mill-grupp applikanti. Din il-lista hija disponibbli fuq www.tirolerspeck.info Il-lista tinkludi l-azjendi kollha li jipproduċu u jippakkjaw it-“Tiroler Speck” IĠP skont id-dispożizzjonijiet ta' din l-Ispeċifikazzjoni, flimkien mad-dettalji li ġejjin: in-numru tal-azjenda, l-isem u l-indirizz tal-impriża. Jekk l-azjenda ta' kumpanija tokkupa aktar minn post wieħed, b'kull wieħed iwettaq stadju individwali tal-produzzjoni tat-“Tiroler Speck” IĠP, jew jekk tokkupa aktar minn indirizz postali wieħed fl-istess distrett, dawn jistgħu jiġu inklużi fil-lista tal-produtturi bħala grupp ta' azjendi.

L-osservazzjonijiet ta' hawn fuq rigward il-punt 5d, li kienu inklużi f'dan il-punt meta ġiet irrikonoxxuta l-indikazzjoni tal-oriġini inkwistjoni, issa tmexxew għal-punt 4.6, “Rabta maż-żona ġeografika”.

3.   Metodu ta' produzzjoni:

Il-punt 5e tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott jgħid:

“Meta jiġu pproċessati l-partijiet elenkati fil-punt 5b, għandhom jiġu rispettati l-kriterji li ġejjin:

Il-qatgħat kollha użati fil-produzzjoni tat-‘Tiroler Speck’ huma qatgħat tradizzjonali (ara l-Anness 3);

Għandhom ikunu mmellħin fix-xott (billi jingħorku b'taħlita ta' melħ u ħwawar) u mħejjija għall-priżervazzjoni;

Il-proċess ta' affumikazzjoni, u l-proċess assoċjat ta' tnixxif, isiru f'temperatura massima tad-duħħan u tal-kamra ta' 20 °C;

It-tnixxif bl-arja u l-istadju tal-maturazzjoni jsiru f'temperatura ambjentali bejn 10 °C u 15 °C, u b'umdità relattiva ta' bejn 60 % u 80 %; Għandu jiġi żgurat skambju tal-arja suffiċjenti;

It-tnixxif u l-maturazzjoni jsiru fl-istess ħin, biex tiġi evitata l-formazzjoni ta' xifer xott;

Għandu jiġi żgurat li l-prodott ikun ħieles mill-parassiti u mill-pesti;

Il-qatgħat identifikati huma soġġetti għall-projbizzjoni tal-priżervazzjoni bit-tilqim, kif ukoll tat-trattament bl-użu ta' tumbler;

Għall-valutazzjoni tal-kwalità, tintuża l-iskema tal-ittestjar inkluża fl-Anness 4.”

Din is-silta hija emendata kif ġej:

“4.5.1.   Għarfien espert — għarfien tal-produzzjoni

Il-proċess kollu tal-produzzjoni għat-‘Tiroler Speck’ IĠP isir f'azjendi tal-produzzjoni li jkunu ġew inklużi fil-lista tal-produtturi, u jridu jkunu sorveljati minn produttur espert mit-Tirol, magħruf bħala ‘Tiroler Speckmeister’.

Sabiex tinżamm il-kwalità tat-‘Tiroler Speck’ IĠP, speċjalist li jkun qed jaħdem bħala Tiroler Speckmeister għandu jgħaddi mit-taħriġ rilevanti, li jiġi offrut mill-grupp applikanti lill-ispeċjalisti kollha interessati bil-għan li jitħarsu l-livelli ta' kwalità. It-taħriġ huwa disponibbli b'xejn għal kull min jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi. Ir-rekwiżiti tekniċi ta' Tiroler Speckmeister huma ssodisfati meta jintlaħqu l-kriterji tekniċi ta' eliġibbiltà għal liċenzja tan-negozju rilevanti (pereżempju taħriġ komplut bħala master butcher jew tekniku tal-ikel), jew meta tiġi pprovduta evidenza ta' esperjenza rilevanti fil-produzzjoni ta' prodotti nejja affumikati fil-kesħa. Il-produtturi esperti jridu jirrepetu dan it-taħriġ b'mod regolari, biex jingħata lok għall-iskambju tal-esperjenza.

4.5.2.   Il-laħam bħala materja prima

Il-qatgħat tal-laħam użati għat-‘Tiroler Speck’ IĠP joriġinaw fl-Unjoni Ewropea, u jkunu magħmulin mill-qatgħat li ġejjin, bl-għadam imneħħi u mqattgħa skont prassi ta' produzzjoni tajba:

il-koxxa bil-qoxra, bin-naħa l-għolja jew mingħajrha;

il-flett bil-qoxra;

iż-żaqq bil-qoxra (bl-għadam artab jew mingħajru);

l-ispalla bil-qoxra;

l-għonq bil-qoxra.

4.5.3.   Produzzjoni

Il-qatgħat tal-laħam jitmellħu fix-xott jew jitħejjew għall-priżervazzjoni. Dan jinvolvi li l-wiċċ ta' fuq tal-laħam jingħorok bil-melħ (melħ tal-blat jew melħ tal-baħar), b'aġenti tal-ippriżervar (nitriti u/jew nitrati) u b'taħlita ta' ħwawar, li għandha tinkludi mill-inqas il-ġniebru, il-bżar iswed u t-tewm, sabiex tinħoloq salmura. Ma għandhomx jintużaw magni tal-priżervazzjoni bit-titqib, tumblers bis-salmura jew massaġġaturi bis-salmura.

L-istadju li jmiss tal-priżervazzjoni, li jtemm il-proċess tal-priżervazzjoni, isir f'temperaturi ta' bejn 2 °C u 7 °C. Dan l-istadju ta' mistrieħ is-soltu jdum bejn 7 ijiem u 35 jum. It-tul ta' żmien jiġi ddeterminat skont id-daqs tal-qatgħa tal-laħam, u jiġi kkalkolat b'mod espert sabiex il-kontenut tal-melħ li jirriżulta fil-prodott aħħari jaqbel mal-karatteristiċi fiżikokimiċi tal-prodott skont il-punt 4.2.3.

L-istadju tal-priżervazzjoni jiġi segwit minn stadju ta' tnixxif fil-kesħa, li jsir f'temperaturi ta' bejn 2 °C u 7 °C u jdum sa 14-il jum, skont ir-reġjun fiż-żona ġeografika ddefinita.

Wara perjodu ta' tisħin ta' mhux iktar minn 24 siegħa f'temperaturi ta' mhux iktar minn 28 °C, isir l-istadju tal-affumikazzjoni fil-kesħa. Id-duħħan għandu jinħoloq bl-użu ta' njam li jkun tal-anqas 50 % tal-fagu jew tal-fraxxnu.

L-affumikazzjoni fil-kesħa hija proċess speċjali, speċifiku għar-reġjun, li jsir f'temperaturi tad-duħħan mhux ogħla minn 22 °C. F'kamra tal-affumikazzjoni, il-qatgħat tal-laħam ippriżervati u mnixxfa fil-kesħa jgħaddu minn fażijiet alternanti ta' affumikazzjoni u ta' tqegħid fin-niexef mingħajr duħħan, ħal perjodu ta' bejn 4 ijiem u 14-il jum. It-tul ta' żmien u l-intensità tal-fażijiet ta' affumikazzjoni jiġu ddeterminati mit-Tiroler Speckmeister.

Fl-aħħar nett, il-laħam jiġi mmaturat waqt it-tnixxif bl-arja. Fejn ma jkunx hemm disponibbli post xieraq bl-arja kkundizzjonata, il-produzzjoni tat-‘Tiroler Speck’ tista' ssir biss fi staġuni li fihom it-temperaturi prevalenti jkunu taħt is-17 °C u l-umdità tkun bejn 60 % u 90 %. It-Tiroler Speckmeister jikkalkula t-tul ta' żmien tal-proċess ta' tnixxif bl-arja abbażi tal-kundizzjonijiet klimatiċi attwali fir-reġjun u skont il-qatgħat tal-laħam.

4.5.4.   It-tqattigħ u l-ippakkjar

Fejn meħtieġ, il-wiċċ tat-‘Tiroler Speck’ IĠP imnixxef għalkollox jitnaddaf u jiġi llostrat, imbagħad jew jitqatta' f'biċċiet għall-użu domestiku jew titneħħielu l-qoxra, jitħejja u jitqatta' f'fetet, jew isir ‘lest għall-kċina’, u jiġi ppakkjat jew fil-vakwu jew f'atmosfera kkontrollata.

Il-ħin li jgħaddi bejn it-tqattigħ u l-ippakkjar għandu jkun qasir sabiex jiġu evitati ħsarat mill-ossidazzjoni jew minn tnixxif eċċessiv. It-tqattigħ għandu jsir minn Tiroler Speckmeister, jew taħt is-superviżjoni tiegħu jew tagħha.

Waqt it-tqattigħ, kull lott lest għandu jgħaddi minn verifika sensorjali biex tiżgura li ma hemm ebda devjazzjoni mhux mixtieqa fil-lewn jew fit-togħma. Jekk ikun hemm xi difett (taħsir, difetti fl-ilwien, jew il-formazzjoni mhux mixtieqa ta' xifer xott), għandhom jittieħdu passi minnufih biex jiġu aġġustati l-parametri ta' kontroll (fosthom it-temperatura, l-umdità jew it-tul taż-żmien ta' kull stadju) għal-lottijiet jew unitajiet li jkunu għadhom fil-proċess ta' produzzjoni. Biex din l-assigurazzjoni tal-kwalità tkun tista' ssir fil-pront, l-attivitajiet tal-produzzjoni tal-unitajiet ippakkjati tat-‘Tiroler Speck’ IĠP isiru esklussivament fl-azjenda tal-produzzjoni jew fil-grupp ta' azjendi.

Bħala eżenzjoni mir-rekwiżit li t-tqattigħ isir taħt is-superviżjoni ta' Tiroler Speckmeister, l-Ispeck li jiġi tikkettat bħala ‘Tiroler Speck’ IĠP jista' jinbiegħ f'biċċiet sħaħ lil stabbilimenti fis-settur tal-bejgħ tal-ikel bl-imnut, dejjem jekk jitqatta' f'fetet fil-preżenza tax-xerrej, u dejjem jekk dan is-sehem ta' ‘Tiroler Speck’ IĠP mhux imqatta' ma jaqbiżx l-10 % tal-lott korrispondenti tal-ġurnata, kif ukoll bil-kundizzjoni li meta jiġi vverifikat bħala parti mill-proċess ta' tqattigħ (f'qatgħat, fetet, kubi, eċċ.), l-ammont li jifdal ma juri ebda sinjal li l-lott fih xi difetti li jistgħu jissuġġerixxu li l-laħma sħiħa pprovduta kienet difettuża.

Madankollu, jekk minħabba arranġamenti speċifiċi jkun meħtieġ perjodu ta' ħżin wara t-tnixxif u qabel ma jibda t-tqattigħ, dan irid isir biss fi ppakkjar fil-vakwu jew f'atmosfera kkontrollata (l-ippakkjar inizjali) sabiex jiġi evitat telf fil-kwalità minħabba tnixxif eċċessiv jew taħsir mikrobijoloġiku mit-tkabbir tal-moffa. It-‘Tiroler Speck’ IĠP imbagħad jitqatta' jew f'biċċiet għall-użu domestiku, jew bil-qoxra mneħħija, ippreparat u mqatta' f'fetet jew magħmul ‘lest għall-kċina’, u ppakkjat jew fil-vakwu jew f'atmosfera kkontrollata (l-ippakkjar aħħari).

Bħala eżenzjoni mir-rekwiżit li l-ippakkjar aħħari jsir fl-azjenda ta' produzzjoni jew fil-grupp ta' azjendi, il-lottijiet li jkunu saru b'mod konġunt bl-għan esklussiv li tittejjeb il-kwalità tat-‘Tiroler Speck’ IĠP bħala parti minn ġenerazzjoni u tixrid tal-għarfien, jistgħu jiġu prodotti b'mod konġunt minn għadd ta' azjendi tal-produzzjoni awtorizzati inklużi fil-lista tal-produtturi. F'dan il-każ, l-istadji individwali tal-produzzjoni jew partijiet tal-proċess ta' produzzjoni, inkluż it-tqattigħ u l-ippakkjar, l-għażla tal-materjal ta' ppakkjar u l-kalkolu assoċjat tal-ħajja tal-prodott fuq l-ixkaffa, isiru minn azjendi differenti u mhux bilfors iridu jsiru fi ħdan azjenda tal-produzzjoni waħda jew grupp ta' azjendi wieħed.”

Ġustifikazzjoni:

Saru emendi għall-proċess ta' produzzjoni bil-għan li tiġi assigurata l-kwalità inekwivokabbli tat-“Tiroler Speck”, li tissejjes speċifikament fuq l-għarfien espert li l-produtturi jkollhom tal-metodu ta' produzzjoni tradizzjonali. Il-kliem tat-test li diġà kien deher fl-Ispeċifikazzjoni oriġinali sar iktar preċiż, u issa jagħti deskrizzjoni fid-dettall ta' dan il-metodu ta' produzzjoni tradizzjonali. B'mod partikulari, ingħatat definizzjoni aktar preċiża tal-metodu ta' pproċessar, billi jissemma li t-tqattigħ u l-ippakkjar immedjati tat-“Tiroler Speck” wara li jkun ġie prodott ikollhom impatt fuq il-karatteristiċi tal-prodott. L-inklużjoni tad-dispożizzjoni li t-“Tiroler Speck” għandu jitqatta' f'biċċiet jew f'fetet, u jiġi ppakkjat fiż-żona ġeografika ddefinita minnufih wara l-aħħar stadju tal-produzzjoni (it-tnixxif bl-arja), hija maħsuba biex tiżgura li tinżamm il-kwalità tat-“Tiroler Speck” IĠP.

L-emendi individwali jorbtu mal-punti li ġejjin:

—   Għarfien espert — għarfien tal-produzzjoni:

Billi l-Ispeċifikazzjoni preċedenti ma kienet tinkludi ebda osservazzjoni ewlenija dwar l-għarfien tradizzjonali tal-produtturi, l-Ispeċifikazzjoni saret iktar speċifika f'dan ir-rigward, u ngħataw deskrizzjonijiet tal-kredenzjali tal-ispeċjalisti. It-titlu ta' “Tiroler Speckmeister”, li sar stabbilit sew fiż-żona ġeografika ddefinit, huwa inkluż fl-Ispeċifikazzjoni bħala terminu għal persunal bil-ħiliet u bl-għarfien meħtieġa biex jipproduċu l-prodott. Żdiedet ukoll deskrizzjoni tal-attivitajiet kontinwi bil-għan li tingħadda t-tradizzjoni minn ġenerazzjoni għall-oħra u li tiġi żgurata l-kwalità. B'hekk it-telfien jew it-tħollija tal-għarfien espert jistgħu jitrażżnu b'mod effiċjenti, u jista' jinżamm l-għarfien tradizzjonali tal-prodott.

—   Il-laħam bħala materja prima:

Il-qatgħat tal-laħam li għandhom jintużaw tmexxew mill-punt oriġinali 5b “Deskrizzjoni” u l-punt D “Tqattigħ” tal-Anness 3 (Kundizzjonijiet għall-produzzjoni tal-laħam tal-majjal u rekwiżiti għal-laħam frisk — qatgħat tal-laħam) lejn it-taqsima dwar il-metodu ta' produzzjoni taħt punt għalih, “Il-laħam bħala materja prima”.

L-“Iskema tal-ittestjar għall-analiżi sensorjali tal-prodott aħħari” inkluża fl-Anness 4 tal-Ispeċifikazzjoni tħassret, billi l-metodu ta' produzzjoni huwa ppreżentat b'mod aktar iddettaljat u komplut, u l-assigurazzjoni tal-kwalità issa hija deskritta taħt il-punt 4.7.

—   Produzzjoni:

Il-produzzjoni tat-“Tiroler Speck” hija deskritta f'passi dettaljati, mit-tmelliħ jew tħejjija għall-priżervazzjoni tal-qatgħat tal-laħam sal-istadju tal-maturazzjoni matul it-tnixxif bl-arja, filwaqt li jissemmew il-parametri tekniċi li għandhom jiġu osservati biex jiżguraw il-kwalità.

Sabiex tiġi ċċarata l-importanza tas-superviżjoni kontinwa tal-proċess ta' produzzjoni għall-kwalità tal-prodott, l-Ispeċifikazzjoni tgħid espliċitament li l-proċess ta' produzzjoni għandu jsir kollu kemm hu f'azjenda tal-produzzjoni jew fi grupp ta' azjendi (ara d-definizzjoni ta' “grupp ta' azjendi” taħt il-punt 2 tal-applikazzjoni għal emenda jew taħt il-punt 4.4. tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott), sabiex fil-każ ta' nuqqas perċipibbli ta' kwalità, ikun jista' jsir aġġustament rapidu u f'waqtu tal-parametri ta' kontroll (fosthom it-temperatura, l-umdità jew it-tul ta' żmien ta' kull pass fil-proċess) għal-lottijiet li jkunu għadhom fil-proċess ta' produzzjoni.

Madankollu, biex jitrawwem u jiġi żviluppat l-għarfien tat-“Tiroler Speck” IĠP, ġiet inkluża wkoll il-“produzzjoni konġunta”, li fiha passi individwali jew partijiet tal-proċess ta' produzzjoni, inkluż it-tqattigħ u l-ippakkjar, l-għażla tal-materjal tal-ippakkjar u l-kalkolu assoċjat tal-ħajja tal-prodott fuq l-ixkaffa, isiru minn għadd ta' azjendi rreġistrati għall-produzzjoni tat-“Tiroler Speck” IĠP taħt il-punt 4.4. tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott, u mhux bilforsi iridu jsiru f'azjenda tal-produzzjoni waħda jew fi grupp ta' azjendi wieħed. Għaldaqstant, l-effetti fuq il-kwalità tal-prodott assoċjat ma' dan il-metodu ta' produzzjoni jistgħu jitqabblu, u tista' ssir valutazzjoni esperta tagħhom. L-għarfien iddettaljat li jinkiseb b'dan il-mod jifforma parti mit-taħriġ kontinwu għat-Tiroler Speckmeister dwar l-ippriżervar u l-iżvilupp tal-għarfien tat-“Tiroler Speck” IĠP għall-finijiet tal-assigurazzjoni tal-kwalità.

—   It-tqattigħ u l-ippakkjar:

Ir-restrizzjoni tat-tqattigħ u tal-ippakkjar tat-“Tiroler Speck” għaż-żona ġeografika ddefinita hija ġġustifikata b'mod oġġettiva, speċjalment fid-dawl tal-fatt li l-kriterji kwalitattivi jiġġustifikaw din ir-restrizzjoni, u li din taqbel mad-drawwiet bonafidi u stabbiliti tal-produtturi lokali. Il-proċess ta' tqattigħ f'biċċiet jew f'fetet għandu jkun limitat f'termini ta' fejn jista' jsir, billi dan ikollu impatt fuq il-karatteristiċi tal-prodott.

Matul il-proċess tat-tirqim u l-produzzjoni tal-qatgħat tal-laħam, kif ukoll meta t-“Tiroler Speck” IĠP jiġi maqtugħ f'fetet lesti għall-konsum, il-karatteristiċi interni tal-laħam jinkixfu. Dawn il-passi tal-produzzjoni jgħaddu minn valutazzjoni esperta taħt is-superviżjoni ta' Tiroler Speckmeister, bil-għan li jevalwa l-konformità mar-rekwiżiti tal-punt 4.2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott u li jiggarantixxi l-kwalità tal-prodott mingħajr ebda difett. B'hekk jiġi żgurat li l-prodott jiġġustifika l-immaġni prestiġjuża u r-reputazzjoni tiegħu. Jekk jidhru difetti ċari waqt it-tqattigħ (bħal taħsir, difetti fl-ilwien jew il-formazzjoni mhux mixtieqa ta' xifer xott), għandhom jittieħdu passi minnufih, taħt is-superviżjoni tat-Tiroler Speckmeister, sabiex jiġu aġġustati l-parametri ta' kontroll (fosthom it-temperatura, l-umdità jew it-tul ta' żmien ta' kull stadju fil-proċess) għall-firxa tal-lottijiet jew unitajiet li jkunu għadhom fil-produzzjoni, bil-għan li tinżamm il-kwalità tal-prodott u li jiġi evitat l-iżvilupp ta' difetti f'lottijiet ulterjuri. Biex dan ir-rappurtar dwar il-kwalità jkun jista' jsir fil-pront, l-attivitajiet għall-produzzjoni tal-unitajiet ippakkjati tat-“Tiroler Speck” IĠP isiru esklussivament f'azjendi tal-produzzjoni jew fi gruppi ta' azjendi, bl-eċċezzjoni tal-lottijiet li jsiru b'mod konġunt sabiex tittejjeb il-kwalità, li jistgħu jiġu prodotti minn għadd ta' azjendi flimkien (produzzjoni konġunta).

Ladarba l-produzzjoni tat-“Tiroler Speck” mhux imqatta' tkun lesta, il-prodott ikun suxxettibbli għal tnixxif eċċessiv jew għal taħsir mikrobijoloġiku minħabba t-tkabbir tal-moffa. Għaldaqstant, jeħtieġ li l-prodott jiġi ppakkjat fil-post tal-produzzjoni qabel ma jinħareġ għad-distribuzzjoni. Jekk minħabba arranġamenti speċifiċi t-“Tiroler Speck” ikun jirrikjedi perjodu ta' ħżin wara t-tnixxif u qabel it-tqattigħ, għandu jsir stadju inizjali tal-ippakkjar, jew fil-vakwu jew f'atmosfera kkontrollata, sabiex jiġi evitat aktar telf fil-kwalità. Wara dan, il-prodott ikun jista' jitqatta' f'biċċiet jew jitneħħa mill-qoxra, jiġi mirqum u jitqatta' f'fetet, jew jiġi ppakkjat f'forma “lesta għall-kċina”, u jitqiegħed fl-ippakkjar aħħari tiegħu, jew fil-vakwu jew f'atmosfera kkontrollata.

Flimkien mat-tqattigħ imsemmi, il-proċess tal-ippakkjar minn dejjem sar esklussivament fiż-żona ġeografika ddefinita, sabiex tiġi żgurata valutazzjoni esperta tal-konsistenza ta' ġewwa, kif ukoll biex isir rappurtar pożittiv tal-kwalità taħt is-superviżjoni ta' Tiroler Speckmeister sabiex jinżamm livell għoli ta' kwalità.

Bħala eżenzjoni mir-rekwiżit li t-tqattigħ isir taħt is-superviżjoni ta' Tiroler Speckmeister, l-Ispeck li jiġi tikkettat bħala “Tiroler Speck” IĠP jista' jinbiegħ f'biċċiet sħaħ lil stabbilimenti fis-settur tal-bejgħ tal-ikel bl-imnut, dejjem jekk jitqatta' f'fetet fil-preżenza tax-xerrej, u dejjem jekk dan is-sehem ta' “Tiroler Speck” IĠP mhux imqatta' ma jaqbiżx l-10 % tal-lott korrispondenti tal-ġurnata, kif ukoll bil-kundizzjoni li meta jiġi vverifikat bħala parti mill-proċess ta' tqattigħ (f'qatgħat, fetet, kubi, eċċ.), l-ammont li jifdal ma juri ebda sinjal li l-lott fih xi difetti li jistgħu jissuġġerixxu li l-laħma sħiħa pprovduta kienet difettuża.

Din l-eżenzjoni ddaħħlet sabiex it-“Tiroler Speck” mhux imqatta' jkun jista' jiġi fornut lil dawk is-setturi tal-konsum (is-settur tal-bejgħ tal-ikel bl-imnut u s-settur tal-forniment kollettiva tal-ikel) li ma jkollhom speċjalist fuq il-post bħal Tiroler Speckmeister biex iqatta' t-“Tiroler Speck” f'fetet. Sabiex ir-rabta tal-oriġini deskritta fil-punt 4.4. tkun tista' tintuża biex tiggarantixxi l-kwalità tat-“Tiroler Speck” IĠP li jiġi fornut mhux imqatta', ġie impost limitu massimu ta' 10 % tal-lott tal-ġurnata. It-“Tiroler Speck” IĠP ippakkjat jista' jiġi fornut liż-żewġ setturi tal-konsum imsemmija sa dak il-limitu, billi kwantitajiet żgħar ħafna tat-“Tiroler Speck” biss jiġu fornuti mhux imqattgħa, u l-kontroll tal-kwalità dejjem jitwettaq fuq lott tal-produzzjoni, b'mod li jippermetti li jinsiltu konklużjonijiet rilevanti għall-unità kollha jew għal-lott kollu.

Dan jiżgura li l-verifiki fuq il-post jitwettqu mill-produttur, biex jiggarantixxu l-kwalità u l-awtentiċità tal-prodott. Li kieku t-“Tiroler Speck” IĠP kellu jitqatta' f'fetet u jiġi ppakkjat barra miż-żona tal-produzzjoni, kien jiġi ttrasportat lejn kwalunkwe numru ta' faċilitajiet tal-ipproċessar, u kien jinbiegħ għadd ta' drabi matul il-proċess. Minħabba l-inkapaċità ta' monitoraġġ ta' tali kanali kummerċjali, it-traċċabbiltà u l-verifiki effettivi jkunu impossibbli, billi mingħajr numru ta' identifikazzjoni mdaħħal fir-reġistru tal-produtturi (numru tal-azjenda u identifikatur tal-lott fil-forma ta' numru tal-lott jew data, li permezz tagħhom tista' tiġi vverifikata t-traċċabbiltà tal-prodotti ppakkjati għal kull settur tas-suq, u kull lott ikun jista' jintrabat b'ċertezza ma' post tal-produzzjoni), it-“Tiroler Speck” ippakkjat ma jkunx jista' jitqies awtentiku. Ir-ritorn ta' dan l-istadju lejn iż-żona tal-produzzjoni, kif issa huwa previst, flimkien mal-verifiki fuq il-post korrispondenti, jitqies miżura meħtieġa u proporzjonata biex tiġi żgurata l-kwalità tat-“Tiroler Speck” IĠP iffinalizzat.

Mindu saret ir-reġistrazzjoni inizjali tal-indikazzjoni tal-oriġini, it-“Tiroler Speck” IĠP ġie ddistribwit l-aktar f'qatgħat jew f'fetet mill-produttur. Billi dan ma kienx imsemmi espliċitament fl-Ispeċifikazzjoni oriġinali, ir-regoli dwar il-proċess ta' tqattigħ u ppakkjar issa ġew inklużi speċifikament għal aktar ċarezza.

4.   Rabta maż-żona ġeografika:

Il-punt 5f tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott jgħid:

“Tul bosta ġenerazzjonijiet, il-produzzjoni tat-‘Tiroler Speck’ stabbiliet ruħha bħala metodu ta' produzzjoni tradizzjonali fil-pajsaġġ muntanjuż u agrikolu tat-Tirol, fejn ma kienx possibbli li l-laħam frisk jiġi rrefriġerat. It-tnixxif tal-laħam fl-arja nadifa tal-muntanji, u l-affumikazzjoni ħafifa tiegħu bl-użu ta' taħlitiet speċifiċi ta' ħwawar u ta' njam tal-fagu jew tal-fraxxnu — it-tnejn li huma stadji neċessarji fil-proċess —, huma rappreżentattivi tal-karatteristiċi partikulari tat-‘Tiroler Speck’.

Ir-riċetti tal-ħwawar u l-metodi ta' produzzjoni għat-‘Tiroler Speck’ baqgħu jintirtu minn ulied kull ġenerazzjoni ta' bdiewa. Din it-tradizzjoni, mgħoddija minn persuna għall-oħra, maż-żmien issarrfet f'immaġni pubblika prestiġjuża tal-produzzjoni kummerċjali tat-‘Tiroler Speck’ tal-lum il-ġurnata. Dan il-prodott ilu ħafna ġenerazzjonijet apprezzat minħabba l-valur nutrizzjonali għoli tiegħu, il-ħajja twila tal-prodott fuq l-ixkaffa, u l-varjetà ta' użi possibbli.”

Din is-silta hija emendata kif ġej:

“4.6   Rabta maż-żona ġeografika

It-‘Tiroler Speck’ ilu s-sekli parti integrali mill-gastronomija rurali lokali.

Referenzi dokumentarji jipprovdu indikazzjoni tal-wirt antik tat-‘Tiroler Speck’ fit-Tirol. Fil-ktieb ‘Geschichte der Tiroler Metzgerhandwerks’ [L-Istorja tal-Bejgħ tal-Laħam fit-Tirol] (Universitätsverlag Wagner 1982), Nikolaus Graff u Hermann Holzmann isemmu, fost l-oħrajn, il-prezz ta' libra Speck flimkien ma' zlazet tal-majjal, bid-data tat-23 ta' Lulju 1573. L-importanza tal-Ispeck fid-dieta tal-popolazzjoni tat-Tirol tissemma wkoll f'siltiet oħra tal-istess ktieb. Jirrapporta, pereżempju, li anki fl-isfera privata, il-laħam tal-majjal kien jinbiegħ fis-suq f'qatgħat kbar biex minnu jsir l-Ispeck. Il-biċċa l-kbira tal-laħam tal-majjal imbagħad kien jitħejja għall-priżervazzjoni u jiġi affumikat, u kien imfittex is-sena kollha bħala Speck u majjal affumikat.

Il-livell għoli ta' kwalità u r-reputazzjoni tajba tat-‘Tiroler Speck’ jitnisslu mill-fatturi klimatiċi u l-għarfien espert tat-Tiroler Speckmeister. Il-klima tal-Alpi interni, b'karatteristiċi subkontinentali u b'differenzi klimatiċi reġjonali, b'sajf primarjament umdu u ħarifa xotta, wasslet għall-iżvilupp ta' tekniċi speċjali ta' akkumulazzjoni fil-ħżin: għat-‘Tiroler Speck’ IĠP ġie żviluppat metodu ta' produzzjoni speċjali li jiddependi mill-istaġun u mit-temp. Tul bosta ġenerazzjonijiet, il-produzzjoni tat-‘Tiroler Speck’ stabbiliet ruħha bħala metodu ta' produzzjoni tradizzjonali fil-pajsaġġ muntanjuż u agrikolu tat-Tirol, fejn ma kienx possibbli li l-laħam frisk jiġi rrefriġerat. L-għarfien tal-proċess ta' tnixxif fl-arja nadifa tal-muntanji tat-Tirol baqa' jintiret minn ġidd għal ġidd. Dan l-għarfien, flimkien mal-proċess ta' affumikazzjoni ħafifa bl-użu ta' taħlitiet speċifiċi ta' ħwawar u ta' njam tal-fagu jew tal-fraxxnu, jagħtu lit-‘Tiroler Speck’ il-karatteristiċi speċjali tiegħu.

Il-livell għoli ta' għarfien espert li trawwem fiż-żona ġeografika ddefinita b'rabta mat-tekniki ta' produzzjoni u l-kontroll tal-proċess tal-maturazzjoni, u li baqa' jingħadda minn ġenerazzjoni għall-oħra, huwa essenzjali għall-karatteristiċi organolettiċi li jikkostitwixxu l-kwalità tal-prodott. Ir-riċetta tal-ħwawar u l-metodu ta' produzzjoni għat-‘Tiroler Speck’ baqgħu jintirtu minn ulied kull ġenerazzjoni ta' bdiewa. Din it-tradizzjoni, mgħoddija minn persuna għall-oħra, maż-żmien issarrfet f'immaġni pubblika prestiġjuża tal-produzzjoni kummerċjali tat-‘Tiroler Speck’ tal-lum il-ġurnata. Dan il-prodott ilu ħafna ġenerazzjonijet apprezzat minħabba l-valur nutrizzjonali għoli tiegħu, il-ħajja twila tal-prodott fuq l-ixkaffa, u l-varjetà ta' użi possibbli.

L-għarfien u t-tradizzjoni artiġjanali tat-Tiroler Speckmeister jiżguraw li tinżamm il-kwalità tal-prodott. Is-sekli ta' esperjenza prattika tat-Tiroler Speckmeister rigward l-effetti li l-materja prima u l-kundizzjonijiet klimatiċi jkollhom fuq il-kwalità tal-prodott (inkluż l-għarfien tal-fatturi li kapaċi jħarbtu l-proċess, il-kawżi tal-abnormalitajiet, il-karatteristiċi l-ħin kollu jinbidlu tal-materja prima u tal-fatturi ambjentali, u l-effetti reċiproċi tal-parametri ta' produzzjoni) jaqdu rwol ewlieni biex jinkiseb l-istandard għoli ta' kwalità tal-prodott aħħari. Is-superviżjoni tal-proċess ta' produzzjoni mit-Tiroler Speckmeister, li jirċievi taħriġ espert kontinwu, tipprevjeni kwalunkwe effett ta' ħsara fuq il-prodott u telf fil-kwalità. Sabiex jitrawwem u jkompli jiġi żviluppat l-għarfien tat-‘Tiroler Speck’, għadd ta' azjendi, kif deskritt fil-punt 4.5, jaħdmu flimkien fuq il-produzzjoni tiegħu. L-impatt li dan ikollu fuq il-kwalità tal-prodott huwa parti mit-taħriġ kontinwu tat-Tiroler Speckmeister dwar l-ippriżervar, l-iżvilupp u t-titjib tal-għarfien espert tiegħu jew tagħha.”

Ġustifikazzjoni:

L-Ispeċifikazzjoni ġiet adattata għar-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 billi l-osservazzjonijiet storiċi, bħall-evidenza dokumentata u t-tradizzjonijiet antiki marbutin mat-“Tiroler Speck”, li għall-bidu kienu deskritti fit-taqsima dwar il-prova tal-oriġini, issa tmexxew taħt il-punt 4.6, “Rabta maż-żona ġeografika”.

Ġew deskritti fit-tul l-effetti tal-klima u l-fatturi umani fiż-żona ġeografika. Ġiet ipprovduta deskrizzjoni fid-dettall tal-għarfien espert tal-produtturi reġjonali, li bilkemm issemma fl-Ispeċifikazzjoni preċedenti. Dan l-għarfien espert jinkludi l-għarfien tradizzjonali ta' tekniki speċjali tal-ħżin, li fihom ġie żviluppat għat-“Tiroler Speck” IĠP metodu ta' produzzjoni speċjali li jiddependi mill-istaġun u mit-temp, kif ukoll il-ħiliet avvanzati għat-tekniki ta' produzzjoni u ta' kontroll tal-proċess ta' monitoraġġ — ħiliet li huma essenzjali biex joħorġu l-karatteristiċi organolettiċi tal-prodott.

Barra minn hekk, saret enfażi fuq dawk il-karatteristiċi organolettiċi li jrendu l-prodott speċjali u jikkontribwixxu għall-kwalità u għad-dehra tiegħu.

5.   It-tikkettar:

Il-verżjoni oriġinali tal-punt 5h tgħid kif ġej:

“L-indikazzjoni ġeografika protetta ‘Tiroler Speck’ ma għandhiex tinqaleb f'lingwi oħra. Għandha tidher fuq it-tikketta b'ittri leġibbli u li ma jitħassrux, u li jispikkaw fuq kull tikkettar ieħor.

Eżatt wara l-isem għandu jidher it-terminu ‘Indikazzjoni Ġeografika Protetta’ u/jew it-taqsira ‘IĠP’, fil-lingwa komuni marbuta mal-prodott. Jistgħu jidhru wkoll ismijiet, ismijiet kummerċjali u tikketti privati, dejjem jekk ma jqarrqux bix-xerrej.

It-‘Tiroler Speck’ jista' jinbiegħ jew sħiħ, ippakkjat fil-vakwu jew f'atmosfera kkontrollata, jew inkella bħala biċċa sħiħa, jew imqatta' jew f'fetet.”

Din is-silta hija mibdula b'li ġej:

“Fuq kull unità ppakkjata u lesta għall-bejgħ, għandhom jidhru f'post prominenti, b'mod leġibbli u li ma jitħassarx, in-numru tal-azjenda, identifikatur tal-lott fil-forma ta' numru tal-lott jew data, u l-kliem ‘Tiroler Speck IĠP’. Barra minn dan, jistgħu jidhru wkoll il-qatgħa tal-laħam li jkun intuża u/jew ir-reġjun tal-produttur fiż-żona ġeografika ddefinita.

Eżempji ta' tikkettar:

‘Tiroler Speck IĠP - bejken’

‘Tiroler Speck IĠP - magħmul mill-perżut’

‘Tiroler Speck IĠP Speck tal-flett miz-Zillertal’

‘Tiroler Speck IĠP magħmul miż-żaqq tal-majjal, mir-reġjun ta' Ötztal’

Tista' tintuża wkoll indikazzjoni fil-lingwa komuni taż-żona ta' kummerċjalizzazzjoni, dejjem jekk jingħata wkoll it-terminu Ġermaniż ‘Tiroler Speck g.g.A.’.

Jistgħu jintwerew ukoll ismijiet, ismijiet kummerċjali u tikketti privati, dejjem jekk l-ippakkjar li jirriżulta ma jqarraqx.”

Ġustifikazzjoni:

Regoli tat-tikkettar ddettaljati u komprensivi jgħinu biex jittejbu t-trasparenza u l-informazzjoni mogħtija lill-konsumaturi. L-użu ta' informazzjoni addizzjonali ġie rregolat ukoll, sabiex jiġu indikati b'mod aktar preċiż il-qatgħa tal-laħam li tkun intużat u/jew ir-reġjun tal-produttur fiż-żona ġeografika ddefinita. B'hekk issir enfażi fuq il-karattru reġjonali tal-prodott, u tingħata deskrizzjoni fid-dettall tal-prodott, li tinkludi informazzjoni addizzjonali dwar il-qatgħat tal-laħam użati. Dan kollu jipprovdu deskrizzjoni aktar preċiża tal-prodott, kif ukoll informazzjoni aktar immirata għall-konsumaturi.

6.   Oħrajn:

6.1.   Id-dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

Isem:

Austrian Patent Office

Indirizz:

1200 Vienna

Dresdner Straße 87

ÖSTERREICH

Tel.

+43 1534240

Fax

+43 153424535

Posta elettronika:

Herkunftsangaben@patentamt.at

6.2.   Organizzazzjoni:

Isem:

Konsortium Tiroler Speck g.g.A.

Indirizz:

Bundesstraße 33

6551 Pians

ÖSTERREICH

Tel.

+43 544269001190

Fax

+43 5442636211190

Posta elettronika:

kontakt@tirolerspeck.info

Kompożizzjoni: Produttur

Ġustifikazzjoni:

L-isem tal-grupp applikanti nbidel mindu ġiet approvata l-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika, u għalhekk ġie aġġornat flimkien tad-dettalji emendati tal-awtorità kompetenti.

6.3.   Organu ta' spezzjoni:

It-taqsima li tinkludi d-dettalji ta' kuntatt tal-organu ta' spezzjoni ġiet emendata minħabba l-qalba lejn organu ta' spezzjoni privat. L-ispezzjonijiet issa jitwettqu mill-organu ta' spezzjoni li ġej:

Kontrollservice BIKO Tirol

Wilhelm-Greil-Straße 9,

A-6020 Innsbruck

Tel. +43 592923100

Fax +43 592923199

Posta elettronika: office@biko.at

Il-kompiti tal-ispezzjonijiet ġew iddefiniti u rregolati b'aktar preċiżjoni, b'mod li l-ispezzjonijiet jinkludu t-teħid ta' kampjuni mis-suq u/jew mill-azjenda, kif ukoll spezzjoni fuq il-post tal-azjenda għall-verifika tal-karatteristiċi tal-prodott u tad-dokumentazzjoni msemmija fil-prova tal-oriġini. Għaldaqstant, l-iktar punti importanti tal-ispezzjoni huma ddefiniti fl-Ispeċifikazzjoni.

6.4.   Rekwiżiti nazzjonali:

It-taqsima “Rekwiżiti nazzjonali” tħassret għalkollox.

6.5.   Emendi editorjali:

6.5.1.

Il-mappa (l-Anness 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott) u n-nota korrispondenti fit-taqsima “Żona ġeografika ddefinita” nbidlu bit-tismija tal-“Provinċja tat-Tirol” bħala ż-żona ġeografika. B'hekk iż-żona ġeografika hija deskritta b'mod ċar u mingħajr ambigwetà; il-mappa ma għadhiex meħtieġa.

6.5.2.

L-Anness 3, li kien imsemmi fit-taqsimiet “Żona ġeografika ddefinita” u “Metodu ta' produzzjoni”, u li kien jinkludi l-kundizzjonijiet għall-produzzjoni tal-laħam tal-majjal u r-rekwiżiti għal-laħam frisk (qatgħat tal-laħam), tħassar għalkollox. Ir-rekwiżiti f'dan ir-rigward huma stipulati b'mod ċar fil-Pakkett tal-UE dwar l-Iġjene, fid-Dritt Ewropew dwar l-Għalf u fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 dwar OKS unika, u wrew li huma suffiċjenti biex jiżguraw il-kwalità tal-prodott. Għaldaqsant, ma għadux meħtieġ li l-għalf ikun konformi mar-regolamenti Awstrijaċi. Billi dejta dwar il-kontenut polieniku tal-għalf użat fil-produzzjoni tal-laħam spiss ma tkunx disponibbli ladarba l-laħam jitqiegħed fis-suq, u billi l-analiżijiet imwettqa bħala parti mis-sistema ta' kontroll intern juru li, mill-2008 'l hawn, il-livelli ta' aċidu xaħmi baqgħu kostanti, b'medja pluriennali ta' 12,22 g/100 g (li tikkorrispondi għall-valur limitu inizjalment imfittex), il-kriterju dwar il-kontenut polieniku mhuwiex meħtieġ lanqas, u għalhekk id-dispożizzjonijiet fil-punti mill-A sas-C fl-Anness 3 tneħħew.

DOKUMENT UNIKU

TIROLER SPECK

Nru tal-UE: PGI-AT-02162 — 8.8.2016

DOP ( ) IĠP ( X )

1.   Isem

“Tiroler Speck”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

L-Awstrija

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta' prodott

Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajrin, immellħin, affumikati, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f'(1)

It-“Tiroler Speck” IĠP huwa prodott tal-majjal artiġjanali, ippriżervat b'mod tradizzjonali, magħmul mill-koxxa, flett, żaqq, spalla jew għonq mingħajr għadam, li mbagħad jitmellaħ fix-xott, jitħawwar b'taħlita partikulari ta' ħwawar — fosthom tal-anqas il-ġniebru, il-bżar iswed u t-tewm — jiġi affumikat fil-kesħa skont proċess speċifiku għar-reġjun bl-użu ta' mill-inqas 50 % injam tal-fagu jew tal-fraxxnu, u jitnixxef bl-arja. Il-lewn ta' barra jkun kannella skura, u l-wiċċ mal-qtugħ jagħti fl-aħmar, b'saff abjad tax-xaħam. Ir-riħa tkun pikkanti, b'mod intens u aromatiku, u bi sfumaturi ċari ta' maturazzjoni u aroma tad-duħħan. It-togħma tkun kemxejn pikkanti, u tibda minn sfumaturi ċari u inekwivokabbli tad-duħħan, tgħaddi għal togħma sħiħa tal-laħam, u tagħqad b'togħma rikonoxxibbli tal-melħ.

Karatteristiċi fiżikokimiċi u mikrobijoloġiċi:

Proporzjon ilma/proteini: massimu ta' 1,7 (tolleranza + 0,2)

Kontenut ta' melħ (NaCl): massimu ta' 5,0 % (tolleranza + 1,5 % [fil-qalba] + 2,0 % [fix-xifer])

It-“Tiroler Speck” jiġi prodott esklussivament fiż-żona ġeografika ddefinita, u jkun disponibbli, fil-għamla aħħarija tiegħu, ippakkjat fil-vakwu jew f'atmosfera kkontrollata, u jew f'biċċiet sħaħ, jew imqatta' jew f'fetet.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-qatgħat tal-laħam użati għat-“Tiroler Speck” IĠP joriġinaw fl-Unjoni Ewropea, u jkunu magħmula mill-koxxa bil-qoxra, bin-naħa l-għolja tagħha jew mingħajrha, mill-flett bil-qoxra, miż-żaqq bil-qoxra (bl-għadam artab jew mingħajru), mill-ispalla bil-qoxra, u mill-għonq bil-qoxra, kollha bil-għadam imneħħi, u maqtugħin skont prassi tajba ta' manifattura.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-passi kollha tal-produzzjoni (mit-tmelliħ tal-prodott aħħari) jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

It-“Tiroler Speck” IĠP għandu jitqatta' minn espert imħarreġ fil-produzzjoni tat-“Tiroler Speck” IĠP, magħruf bħala “Tiroler Speckmeister”, jew inkella jitqatta' taħt is-superviżjoni tiegħu jew tagħha. Waqt it-tqattigħ, kull lott lest għandu jgħaddi minn verifika sensorjali biex tiżgura li ma hemm ebda devjazzjoni mhux mixtieqa fil-lewn jew fit-togħma. Jekk ikun hemm xi difett (taħsir, difetti fl-ilwien, jew il-formazzjoni mhux mixtieqa ta' xifer xott), għandhom jittieħdu passi minnufih biex jiġu aġġustati l-parametri ta' kontroll (fosthom it-temperatura, l-umdità jew it-tul taż-żmien ta' kull stadju) għal-lottijiet jew unitajiet li jkunu għadhom fil-proċess ta' produzzjoni. Biex din l-assigurazzjoni tal-kwalità ssir fil-pront, l-attivitajiet għall-produzzjoni tal-unitajiet ippakkjati tat-“Tiroler Speck” IĠP isiru esklussivament fl-azjenda tal-produzzjoni jew fil-grupp ta' azjendi (jiġifieri azjenda b'iktar minn post wieħed, b'kull post iwettaq stadji individwali tal-produzzjoni tat-“Tiroler Speck” IĠP, jew b'aktar minn indirizz postali wieħed fl-istess distrett).

Sabiex jiġu evitati ħsarat mill-ossidazzjoni jew minn tnixxif eċċessiv, jew minn taħsir mikrobijoloġiku minħabba t-tkabbir tal-moffa, u għaldaqstant biex jiġi evitat telf fil-kwalità, il-ħin li jgħaddi bejn it-tqattigħ u l-ippakkjar għandu jinżamm fil-qasir. Huwa għalhekk li l-ippakkjar tat-“Tiroler Speck” IĠP, f'biċċiet sħaħ jew imqatta' jew f'fetet, fil-vakwu jew f'atmosfera kkontrollata, għandu jsir fiż-żona ġeografika ddefinita. Madankollu, jekk minħabba arranġamenti speċifiċi jkun meħtieġ perjodu ta' ħżin qabel ma jibda t-tqattigħ, dan irid isir biss fi ppakkjar fil-vakwu jew f'atmosfera kkontrollata (l-ippakkjar inizjali) sabiex jiġi evitat telf fil-kwalità minħabba tnixxif eċċessiv jew taħsir mikrobijoloġiku mit-tkabbir tal-moffa. It-“Tiroler Speck” IĠP imbagħad jitqatta' jew f'biċċiet għall-użu domestiku, jew bil-qoxra mneħħija, ippreparat u mqatta' f'fetet jew magħmul “lest għall-kċina”, u ppakkjat jew fil-vakwu jew f'atmosfera kkontrollata (l-ippakkjar aħħari).

It-“Tiroler Speck” IĠP jista' jinbiegħ f'biċċiet sħaħ lil stabbilimenti fis-settur tal-bejgħ tal-ikel bl-imnut, dejjem jekk jitqatta' f'fetet fil-preżenza tax-xerrej, u dejjem jekk dan is-sehem ta' “Tiroler Speck” IĠP mhux imqatta' ma jaqbiżx l-10 % tal-lott korrispondenti tal-ġurnata, kif ukoll bil-kundizzjoni li meta jiġi vverifikat bħala parti mill-proċess ta' tqattigħ (f'qatgħat, fetet, kubi, eċċ.), l-ammont li jifdal ma juri ebda sinjal li l-lott fih xi difetti li jistgħu jissuġġerixxu li l-laħma sħiħa pprovduta kienet difettuża.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Fuq kull unità ppakkjata u lesta għall-bejgħ, għandhom jidhru f'post prominenti, b'mod leġibbli u li ma jitħassarx, in-numru tal-azjenda, identifikatur tal-lott fil-forma ta' numru tal-lott jew data, u l-kliem “Tiroler Speck IĠP”. Jistgħu jidhru wkoll il-qatgħa tal-laħam li jkun intuża u/jew ir-reġjun tal-produttur fiż-żona ġeografika ddefinita.

Tista' tintuża wkoll indikazzjoni fil-lingwa komuni taż-żona ta' kummerċjalizzazzjoni, dejjem jekk jingħata wkoll it-terminu Ġermaniż “Tiroler Speck g.g.A.”.

Jistgħu jintwerew ukoll ismijiet, ismijiet kummerċjali u tikketti privati, dejjem jekk l-ippakkjar li jirriżulta ma jqarraqx.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Il-Provinċja tat-Tirol.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Fil-pajsaġġ muntanjuż tat-Tirol, li huwa ikkaratterizzat bl-art agrikola, il-produzzjoni tat-“Tiroler Speck” bħala metodu ta' priżervazzjoni tal-laħam frisk ġiet żviluppata u rfinata tul bosta ġenerazzjonijiet. L-għarfien tar-riċetta speċjali ta' ħwawar u l-metodu ta' produzzjoni tradizzjonali għat-“Tiroler Speck” baqgħu jintirtu minn ulied kull ġenerazzjoni ta' bdiewa. Din it-tradizzjoni, mgħoddija minn persuna għall-oħra, maż-żmien issarrfet f'immaġni pubblika prestiġjuża tal-produzzjoni kummerċjali tat-“Tiroler Speck” tal-lum il-ġurnata. Il-proċess ta' tnixxif fl-arja muntanjuża nadifa tat-Tirol, il-proċess ta' affumikazzjoni ħafifa bl-użu ta' taħlitiet speċifiċi ta' ħwawar, u l-użu tal-injam tal-fagu jew tal-fraxxnu għad-duħħan — ilkoll elementi neċessarji tal-proċess ta' produzzjoni — jikkostitwixxu proċedura speċjali u speċifika għar-reġjun, li tagħti lit-“Tiroler Speck” id-dehra karatteristika tagħha kannella skura. Bl-eċċezzjoni tax-“Schopfspeck” [Speck tal-għonq], il-wiċċ mal-qtugħ juri kisja bajda tax-xaħam, u l-laħam ikun ta' lewn aħmar karg, li jibqa' jiskura lejn in-naħa tal-laħam. Il-karatteristiċi inekwivokabbli ta' dan il-prodott huma l-aroma pikkanti pjaċevoli, bi sfumaturi maturi li jintgħarfu mill-ewwel, u t-togħma kemxejn pikkanti b'laqtiet tad-duħħan u tal-melħ, li magħhom tiżdied l-aroma tal-laħam tal-majjal. F'din il-perspettiva usa', il-varjazzjonijiet reġjonali u bidliet sottili fil-karatteristiċi organolettiċi huma komuni, skont il-partikularitajiet kulturali stabbiliti fir-reġjuni u fil-widien korrispondenti taż-żona ġeografika ddefinita. B'hekk, ċerti aspetti tan-natura tipika tal-prodott, fosthom il-profil tat-togħma jew l-isfumaturi ta' njam affumikat, jadottaw karatteristiċi reġjonali mingħajr ma jolqtu ħażin jew jibdlu l-identità ġenerali tat-“Tiroler Speck” IĠP.

Il-metodu ta' produzzjoni tradizzjonali li żviluppa fiż-żona ġeografika jissejjes fuq l-għarfien espert tal-produtturi, li baqa' jingħadda minn ġidd għal ġidd tul is-sekli.

L-għarfien u t-tradizzjoni artiġjanali tat-Tiroler Speckmeister jiżguraw li tinżamm il-kwalità għolja tal-prodott. Is-sekli ta' esperjenza prattika tat-Tiroler Speckmeister rigward l-effetti li l-materja prima u l-kundizzjonijiet klimatiċi jkollhom fuq il-kwalità tal-prodott (inkluż l-għarfien tal-fatturi li kapaċi jħarbtu l-proċess, il-kawżi tal-abnormalitajiet, il-karatteristiċi l-ħin kollu jinbidlu tal-materja prima u tal-fatturi ambjentali, u l-effetti reċiproċi tal-parametri ta' produzzjoni) jaqdu rwol ewlieni biex jinkiseb l-istandard għoli ta' kwalità tal-prodott aħħari. Għaldaqstant, it-Tiroler Speckmeister ikejjel it-tul ta' żmien tal-proċess ta' tnixxif bl-arja abbażi tal-kundizzjonijiet klimatiċi attwali fir-reġjun u skont il-qatgħa tal-laħam. B'hekk jiżgura proċess ta' tnixxif bil-galbu, u prodott ta' kwalità liema bħalha bil-karatteristiċi tipiċi kollha tiegħu (lewn ta' barra kannella skura, konsistenza bejn medja u soda, togħma tal-ġniebru bi sfumaturi tal-melħ u aroma tad-duħħan li jintgħarfu faċilment).

Is-superviżjoni tal-proċess ta' produzzjoni mit-Tiroler Speckmeister, li jirċievi taħriġ espert kontinwu, tipprevjeni kwalunkwe effett ta' ħsara fuq il-prodott u telf fil-kwalità.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott

(L-Artikolu 6(1), it-tieni subparagrafu tar-Regolament)

https://www.patentamt.at/herkunftsangaben/tirolerspeck/


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.