19.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 19/28


Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni ta' emenda skont l-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2018/C 19/11)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta' oppożizzjoni għall-applikazzjoni ta' emenda, skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

APPLIKAZZJONI GĦAL APPROVAZZJONI TA' EMENDA LI MHIJIEX MINURI, GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA' SPEĊJALITAJIET TRADIZZJONALI GARANTITI

Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

“BRATISLAVSKÝ ROŽOK”/“PRESSBURGER KIPFEL”/“POZSONYI KIFLI”

Nru tal-UE: TSG-SK-02120 — 15.2.2016

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Isem tal-grupp

:

Cech pekárov a cukrárov Regiónu západného Slovenska

Indirizz

:

M.R. Štefánika 10

902 01 Pezinok

SLOVENSKO/SLOVAKIA

Telefown

:

+421 336413314

Indirizz elettroniku

:

sekretariat@cechpekarov.sk

Il-grupp li qed japplika għall-emenda huwa l-istess grupp li bagħat l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' “Bratislavský rožok”/“Pressburger Kipfel”/“Pozsonyi kifli”.

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Is-Slovakkja

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda

Isem tal-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Metodu ta' produzzjoni

Oħrajn [għandu jiġi speċifikat]

Emenda tad-dettalji ta' kuntatt tal-grupp applikant

Emenda fir-rigward tar-riżerva tal-isem

Emenda tad-dettalji ta' kuntatt tal-korp taċ-ċertifikazzjoni ta' konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

Emenda tar-rekwiżiti minimi u l-proċeduri għall-verifika tal-karattru speċifiku

4.   Tip ta' emenda/emendi

Emenda tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta' STG irreġistrat li ma għandhiex tikkwalifika bħala minuri skont ir-raba' subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

5.   Emenda/emendi

1.    Emenda tad-dettalji ta' kuntatt tal-grupp applikant

L-indirizz elettroniku tal-grupp applikant qiegħed jiġi emendat minn repecu@stonline.sk għal sekretariat@cechpekarov.sk.

2.    Isem tal-prodott

Qegħdin inneħħu l-frażi Ġermaniża, “Pressburger Kipfel”, mill-isem irreġistrat tal-prodott “Bratislavský rožok”/“Pressburger Kipfel”/“Pozsonyi kifli” għaliex dan mhuwiex l-isem użat fl-Awstrija jew fil-Ġermanja għal dan it-tip ta' prodott. L-isem li jintuża l-iktar fl-Awstrija u l-Ġermanja huwa Pressburger Beugel.

L-isem il-ġdid tal-prodott li jrid jiġi rreġistrat hu “Bratislavský rožok”/“Pozsonyi kifli”.

Urejna dan it-tibdil fl-isem matul l-ispeċifikazzjoni.

L-opzjoni “Reġistrazzjoni bir-riżerva tal-isem” tingħażel minflok “Reġistrazzjoni mingħajr riżerva tal-isem”. Dan minħabba l-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

Kemm ir-Repubblika Slovakka, kif ukoll l-Ungerija, huma interessati li jżommu r-reġistrazzjoni tal-isem tal-prodott “BRATISLAVSKÝ ROŽOK”/“POZSONYI KIFLI” fir-Reġistru tad-denominazzjonijiet protetti.

3.    Deskrizzjoni tal-prodott

Fid-deskrizzjoni tal-prodott qegħdin nemendaw il-piż tal-prodott minn 40–60 g, kif ġie ddikjarat oriġinarjament, għal 40–70 g. Din l-emenda hija bbażata fuq ftehim reċiproku mal-Ungerija, fejn il-furnara jagħmlu wkoll il-prodott b'piż ta' 70 g.

Nipproponu li d-dettalji li ġejjin jitħassru mid-deskrizzjoni tal-prodott:

“Il-karatteristiċi kimiċi tal-prodott lest

kontenut ta' xaħam fil-materja niexfa — min. 20 %;

kontenut ta' zokkor fil-materja niexfa — min. 12 %.”

Ir-raġuni għal dan hija li l-kontenut tax-xaħam huwa speċifikat fil-punt 3.6 u z-zokkor fil-materja niexfa mhuwiex meħtieġ bħala indikatur.

4.    Metodu ta' produzzjoni

Nipproponu li t-tabelli li jagħtu r-riċetta għal 1 000 prodott li jiżnu 50–55 g, jitħassru mid-deskrizzjoni tal-metodu ta' produzzjoni għall-prodott tal-agrikoltura jew l-oġġett tal-ikel u li r-riċetta tinbidel bit-test li ġej:

“Il-materja prima ewlenija użata biex issir l-għaġina hija: dqiq tal-qamħ, xaħam (marġerina, marġerina sfiljurata, butir, grass, eċċ.), zokkor, melħ, ħmira (0,5–1 % tad-dqiq), bajd, ħalib tat-trab, vanilla jew zokkor tal-vanilla, qoxra tal-lumi jew qoxra tal-lumi mnixxfa, u ilma; jista' jintuża wkoll zokkor tal-kannella. L-għaġina għandu jkollha proporzjon ta' xaħam u dqiq ta' mill-inqas 30 %.

Il-mili tal-ġewż normalment isir billi mal-ġewż imqatta' jiġu miżjuda z-zokkor granulat (jew għasel), il-frak tal-ħobż ħelu, iz-zokkor tal-vanilla jew tal-vanillin u z-zokkor tal-kannella u jitħawdu flimkien mal-misħun jew mal-ħalib.

Il-mili taż-żerriegħa tal-peprin normalment isir billi maż-żerriegħa tal-peprin imqatta' jiġu miżjuda z-zokkor granulat (jew għasel), il-frak tal-ħobż ħelu, u z-zokkor tal-vanilla jew tal-vanillin u jitħawdu flimkien mal-misħun jew mal-ħalib.

Il-ġamm (għanbaqra jew berquq) jew iż-żbib jistgħu jiġu miżjuda mal-mili biex tittejjeb it-togħma tiegħu.”

Ir-raġuni ta' din l-emenda hija li produtturi differenti fis-Slovakkja u l-Ungerija jużaw proporzjonijiet differenti għall-materja prima individwali u r-riċetta mhijiex speċifika għall-prodott. Il-prodott aħħari huwa speċifiku għall-furnara individwali u l-pastiċċiera. Mhuwiex meħtieġ li jiġu speċifikati l-kwantitajiet tal-ingredjenti individwali, minħabba li parametri minimi tal-prodott aħħari huma kkontrollati. Għaldaqstant, nipproponu li r-riċetta tiġi mibdula bit-test li ġej, li jirrifletti l-materja prima li għandha tintuża u li tippermetti lill-produtturi (inklużi dawk barra mis-Slovakkja) jużaw il-materja prima disponibbli, użata normalment, u mistennija mill-konsumaturi fir-reġjun ikkonċernat u hija skont ir-riċetti tradizzjonali li jvarjaw kemxejn minn reġjun għal reġjun.

Fejn issir referenza għaz-“zokkor tal-vanillin” fid-deskrizzjoni tal-prodott, qegħdin inbiddluha għal “zokkor tal-vanilla jew tal-vanillin”.

Dan minħabba li z-zokkor tal-vanillin issa qiegħed jintuża iktar ta' spiss miz-zokkor tal-vanilla. Din l-emenda ma taffettwax il-prodott aħħari. Saret matul l-ispeċifikazzjoni.

Fit-tesk Slovakk tal-metodu ta' produzzjoni, qegħdin inbiddlu l-kelma “žemle” bi “klonky”, minħabba li huwa terminu tekniku.

Nipproponu li fid-deskrizzjoni tal-prodott, il-kliem “tidjiq fid-dijametru” jinbidel b'“għall-ponta”.

L-għan ta' dan huwa li tinkiseb iktar ċarezza bl-użu ta' terminu tekniku.

Fit-tieni paragrafu relatat mal-metodu ta' produzzjoni, nipproponu li l-kliem “(il-volum tal-likwidu ekwivalenti għal 35–40 % tal-ammont taż-żerriegħa tal-peprin)” għandu jiddaħħal fl-aħħar tas-sentenza li tgħid “Il-mili taż-żerriegħa tal-peprin jitħejja bl-użu tal-misħun”; l-għan ta' dan huwa li jiġi speċifikat l-ammont ta' likwidu użat fir-riċetta u biex tinżamm il-kwalità.

Qed inbiddlu s-sentenza “Massimu ta' 10 % bl-użin tal-qlub tal-ġewż jew taż-żerriegħa tal-peprin imqattgħin, jista' jiġi mibdul minn frak tal-ħobż ħelu” b'li ġej: “Iktar minn 10 % bl-użin ta' ġewż imqatta' jew żerriegħa tal-peprin mitħuna fil-mili, jista' jiġi mibdul minn frak tal-ħobż ħelu”. L-għan ta' dan huwa li tiġi żgurata l-kwalità u li tiġi speċifikata l-kwantita ta' frak tal-ħobż li għandha tiġi użata.

It-temperatura u l-ħin tal-ħami jeħtieġ li jiġu aġġustati sabiex titqies l-emenda fir-rigward tad-daqs tal-prodott skont 3.5, u t-tipi differenti ta' fran.

Huwa propost li t-temperatura tinbidel għal 170–220 °C, u l-ħin tal-ħami għal 15–20 minuta għall-prodotti li jiżnu 50–70 g.

Din l-emenda hija maħsuba biex tiġbor fiha t-temperaturi tal-ħami għal tipi differenti ta' fran u biex tkopri ż-żieda fil-piż massimu tal-prodott minn 60 g għal 70 g.

Nipproponu li tiżdied is-sentenza li ġejja fir-rigward tat-tikkettar: “Id-daqs tal-tipa tal-logo ma jridx ikun inqas minn 15 mm”, minħabba li dan huwa rekwiżit statutorju li ħafna produtturi jinjoraw.

Qed inżidu s-sentenza li ġejja fir-rigward tal-metodu u l-post tal-bejgħ: “Għal prodotti mhux ippakkjati minn qabel, il-logo ZTŠ (TSG) jista' jidher fuq l-indikatur tal-prezz viċin l-isem tal-prodott, jew fuq il-panel tal-informazzjoni viċin il-prodotti.”

Dan minħabba raġunijiet ta' ċarezza meta l-prodotti jinbiegħu mingħajr imballaġġ.

Qegħdin nemendaw il-kliem użat fir-rigward tal-ħżin billi nħassru l-kliem “Huwa maħżun f'temperatura ta' mhux iktar minn +10 C”, u nbiddluhom b'dan li ġej: “Ħżin: f'temperatura ambjentali. Il-prodott iżomm bejn tlieta u għaxart ijiem, skont l-ammont ta' ħmira użata.”

Ir-raġuni għal dan hija li ma kienx hemm ġustifikazzjoni għar-rekwiżit eżistenti, li naqqas il-kwalità tal-prodotti mibjugħa; ħafna drabi ma kienx jiġi ssodisfat u kien jikkawża problemi lill-produtturi minħabba l-kontenut għoli ta' xaħam tal-prodott. Ir-rekwiżit fir-rigward tat-temperatura tal-ħżin ġie inkluż fl-ispeċifikazzjoni oriġinali biss minħabba li dawn il-prodotti kienu kklassifikati bħala prodotti għall-koki li jispeċjalizzaw fl-ikel tal-għaġina.

5.    Speċifiċità tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

Qegħdin inżidu l-ħames inċiż li ġej: “Ma jistax jiġi manifatturat bħala prodott iffriżat, nofsu lest u moħmi parzjalment li wara titneħħielu l-friża u jitlesta fil-forn; dejjem irid jinħema frisk.”

Ir-raġuni għal dan hija li l-prodott għandu jkun frisk u magħmul skont ir-riċetta tradizzjonali; fil-passat qatt ma ġie ffriżat jew moħmi parzjalment.

Fis-sitt inċiż, qegħdin nemendaw il-kliem relatat mad-dlik bil-bajd qabel il-ħami, billi jitħassar il-kliem “normalment darbtejn”.

Dan biex jagħti l-libertà lill-produtturi li jiddeċiedu dwar it-tip ta' tinqix li jridu – ma hemmx bżonn inkunu preskrittivi f'dan ir-rigward. Din l-emenda ma taffettwax il-prodott aħħari.

6.    Ir-rekwiżiti minimi u l-proċeduri għall-verifika tan-natura speċifika

Mal-ewwel sentenza qegħdin inżidu li ġej: “irid jkollha proporzjon ta' xaħam u dqiq ta' mill-inqas 30 %.”

Ir-raġuni għal dan hija l-konsistenza mal-punti 3.6 u 3.7 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Qegħdin inħassru r-referenza għal “rekwiżiti kimiċi u mikrobijoloġiċi”, u nħallu biss ir-rekwiżiti fiżiċi.

Dan minħabba li l-leġiżlazzjoni ma fiha l-ebda rekwiżit mikrobijoloġiku u dawn ma humiex definiti; ma għadx hemm ġustifikazzjoni għalihom fil-kuntest tal-verifiki qabel il-kummerċjalizzazzjoni, u r-rekwiżiti kimiċi lanqas ma ġew definiti fl-ispeċifikazzjoni oriġinali. Dan ma jikkonċernax iċ-ċarezza terminoloġika.

7.    Awtoritajiet jew korpi li jivverifikaw il-konformità mal-verifika tal-prodott

L-indirizz tal-posta elettronika tal-korp li jivverifika l-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott qed jiġi emendat għal “buchlerova@svps.sk”.

Dan jirrifletti t-tibdil fl-indirizzi tal-posta elettronika fi ħdan l-organizzazzjoni.

SPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA' SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GARANTITA

“BRATISLAVSKÝ ROŽOK”/“POZSONYI KIFLI”

Nru tal-UE: TSG-SK-02120 — 15.2.2016

“Is-Slovakkja”

1.   Isem li għandu jiġi rreġistrat

“Bratislavský rožok”/“Pozsonyi kifli”

2.   Tip ta' prodott

Klassi 2.24. Prodotti ta' ħobż, għaġina, kejkijiet, ħlewwiet, gallettini u prodotti oħra tal-furnara

3.   Bażi għar-reġistrazzjoni

3.1.   Prodott

ikun ġej minn tip ta' produzzjoni, ipproċessar jew kompożizzjoni li jikkorrispondu mal-prattika tradizzjonali ta' dak il-prodott jew oġġett tal-ikel;

huwa prodott minn materja prima jew ingredjenti li jintużaw tradizzjonalment.

L-isem Slovakk “Bratislavský rožok” beda jintuża madwar l-1920, wara li l-belt ta' Pressburg, li dak iż-żmien kienet tagħmel parti miċ-Ċekoslovakkja, u l-belt kapitali tas-Slovakkja, bdiet tissejjaħ Bratislava. Minn dik is-sena, l-isem tal-għaġina ġie adattat sabiex ikun konformi mal-isem il-ġdid tal-belt, u għalhekk “Bratislavský rožok”. Wara li ġie adottat l-isem il-ġdid tal-belt, flimkien mal-isem l-antik tal-belt, fl-Awstrija bdiet tintuża l-kelma Kipfel minflok dik tas-soltu, Beugel. L-isem li kien jintuża oriġinarjament fl-Ungerija kien Pozsonyi patkó, li jfisser “in-nagħla ta' Bratislava”. Skont l-informazzjoni attwali minn bosta furnara u pastiċċiera Ungeriżi, b'mod partikolari f'Budapest, dan il-prodott huwa manifatturat u kkumerċjalizzat bl-isem ta' “Pozsonyi kifli”, li bil-lingwa Slovakka jiġi tradott għal “Bratislavský rožok”. Pozsony huwa l-isem oriġinali tal-belt li kien jintuża sal-1918. Fid-dawl tad-drawwiet stabbiliti, nipproponu li jinżamm l-isem “Pozsonyi kifli”.

3.2.   Isem

kien użat tradizzjonalment biex jirreferi għall-prodott speċifiku;

jidentifika l-karattru tradizzjonali jew il-karattru speċifiku tal-prodott.

Il-prodott huwa speċifiku fir-rigward tal-kompożizzjoni tiegħu stabbilita storikament u l-metodu ta' produzzjoni. It-terminu “Bratislavský rožok” huwa użat esklussivament biex jindika dan it-tip partikolari ta' prodott fin tal-furnar jew għaġina.

Il-karattru speċifku tal-prodott jinsab fil-wiċċ distint tiegħu, li huwa mraħħam, jiġifieri mżewwaq b'mod fin b'kulur iktar ċar mill-bqija tal-qoxra tal-wiċċ. L-uċuħ ta' prodotti oħra tal-furnar jew tal-ħelu ma jitlestewx b'dan il-mod:

il-prodott huwa differenti mit-tipi simili ta' prodotti fini tal-furnar jew ħelu fis-suq, mhux biss minħabba l-forma u l-piż tiegħu, iżda wkoll minħabba l-kwantità tal-mili. L-għaġina għandha iktar xaħam miżjud magħha minn prodotti oħrajn, u l-ebda tip ta' għaġina fina oħra mhi mraħħma fil-wiċċ;

Il-prodott għandu riħa u togħma speċifiċi, li ġejjin mill-mili taż-żerriegħa tal-peprin jew tal-ġewż użat;

il-prodott għandu dehra distinta u għandu għamla ta' nagħla jew ta' ittra Ċ.

Sabiex ikun ippreservat il-karattru tradizzjonali tal-prodott, jeħtieġ li meta jkun ippreparat, jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tar-riċetta li ġejjin:

L-għaġina għandu jkollha proporzjon ta' xaħam u dqiq ta' mill-inqas 30 %.

Il-mili għandu jammonta għal minn tal-inqas 40 % tal-piż totali tal-prodott moħmi;

il-bajda sħiħa jew l-isfar tal-bajd għandhom jindilku fuq il-prodott qabel ma jinħema biex il-prodott moħmi jkollu wiċċ imraħħam.

4.   Deskrizzjoni

4.1.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1, inklużi il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi jew organolettiċi ewlenin tiegħu li juru l-karattru speċifiku tal-prodott (Artikolu 7(2) ta' dan ir-Regolament)

Oġġett fin tal-furnar jew għaġina biż-żerriegħa tal-peprin jew bil-mili tal-ġewż u wiċċ imraħħam ileqq.

Karatteristiċi organolettiċi

Kulur: qoxra kannella għal kannella skur; fuq il-wiċċ maqtugħ, hemm mili biss ftit millimetri 'l ġewwa mill-kisi b'għaġina mhux raffinata – il-mili taż-żerriegħa tal-peprin huwa griż skur għal iswed, u l-mili tal-ġewż huwa kannella;

Dehra: fuq il-qoxra ta' fuq, wiċċ uniformi kannella jleqq għal kannella skur b'tikek delikati bi sfumatura iktar ċara, li tixbah lill-irħam;

Konsistenza: kisi sod u delikat li jitfarrak meta jinqasam;

Riħa u togħma: togħma delikata, tipika tal-mili użat (jiġifieri, togħma tipika tal-ġewż jew taż-żerriegħa tal-peprin), pjaċevolment ħelwa, b'aroma tal-ingredjenti użati.

Karatteristiċi fiżiċi

Għamla: għamla ta' nagħla, għall-ponta fix-xfarijiet, għall-mili taż-żerriegħa tal-peprin, u għamla ta' ittra Ċ għall-mili tal-ġewż;

Piż: normalment 40–70 g.

4.2.   Deskrizzjoni tal-metodu ta' produzzjoni li għalih japplika l-isem fil-punt 1 li għandhom isegwu l-produtturi, inklużi, fejn xieraq, in-natura u l-karatteristiċi tal-materja prima jew l-ingredjenti użati, u l-metodu ta' preparazzjoni tal-prodott (Artikolu 7(2) ta' dan ir-Regolament)

Il-materja prima ewlenija użata biex issir l-għaġina hija: dqiq tal-qamħ, xaħam (marġerina, marġerina sfiljurata, butir, grass, eċċ.), zokkor, melħ, ħmira (0,51–1 % tad-dqiq), bajd, ħalib tat-trab, vanilla jew zokkor tal-vanilla, qoxra tal-lumi jew qoxra tal-lumi mnixxfa, u ilma; jista' jintuża wkoll zokkor tal-kannella. L-għaġina għandu jkollha proporzjon ta' xaħam u dqiq ta' mill-inqas 30 % u l-mili għandu jammonta għal mill-inqas 40 % tal-piż tal-prodott lest.

Il-mili tal-ġewż normalment isir billi mal-ġewż imqatta' jiġu miżjuda z-zokkor granulat (jew għasel), il-frak tal-ħobż ħelu, iz-zokkor tal-vanilla jew tal-vanillin u z-zokkor tal-kannella u jitħawdu flimkien mal-misħun jew mal-ħalib.

Il-mili taż-żerriegħa tal-peprin normalment isir billi maż-żerriegħa tal-peprin imqatta' jiġu miżjuda z-zokkor granulat (jew għasel), il-frak tal-ħobż ħelu, u z-zokkor tal-vanilla jew tal-vanillin u jitħawdu flimkien mal-misħun jew mal-ħalib.

Il-ġamm (għanbaqra jew berquq) jew iż-żbib jistgħu jiġu miżjuda mal-mili biex tittejjeb it-togħma tiegħu.

Metodu ta' produzzjoni

L-għaġina hija mħejjija billi d-dqiq jitħallat mal-ilma, jew l-ilma li miegħu jkun miżjud il-ħalib tat-trab, il-ħmira, il-melħ, iz-zokkor u x-xaħam li jittiekel. Ix-xaħam jistal-ewwel jitħallat mad-dqiq, u l-materja prima l-oħra tiġi miżjuda iktar tard. L-għaġina mħallta titħalla togħla għal 30–40 minuta. Wara li l-għaġina tkun tidher li żdiedet fil-volum, tiġi magħġuna mill-ġdid għal ftit ħin, u wara tinqasam f'biċċiet li jiġu ffurmati fi blalen. Wara li jogħlew għal 15–20 minuta, dawn jinfetħu fi strixxi ellettiċi ta' 12–15-il cm tul l-itwal assi tagħhom. Il-ħxuna tal-istrixxa tal-għaġina mrembla trid tkun minn żewġ sa tliet millimetri. Il-biċċiet ċilindriċi tal-mili taż-żerriegħa tal-peprin jew tal-ġewż jitpoġġew fuq l-istrixxi tal-għaġina mrembla biex jifformaw ċilindri twal minn 12 sa 15-il cm, li gradwalment ikunu bil-ponta fix-xfarijiet. Meta l-mili jiġi mgeżwer, l-għaġina għandha tingħaqad bl-istess mod u l-punt fejn jingħaqad għandu jkun fuq in-naħa t'isfel tal-prodott meta jiġi ffurmat f'forma ta' nofs qamar fuq it-turtiera tal-ħami. Jekk ikollu l-mili taż-żerriegħa tal-peprin, il-prodott jingħata l-għamla ta' nagħla, mentri jekk ikollu l-mili tal-ġewż, jingħata l-għamla ta' ittra Ċ. L-għamliet għandhom ikunu differenti biżżejjed biex wieħed jinduna mill-ewwel x'mili jkollhom.

Il-mili taż-żerriegħa tal-peprin jitħejja billi ż-żerriegħa tal-peprin titgħalla jew tinstamat fil-misħun (bil-volum tal-likwidu jkun ekwivalenti għal 35–40 % tal-ammont taż-żerriegħa tal-peprin). Iz-zokkor jiddewweb fi kwantità żgħira ta' ilma u jitħalla jiftaħ jagħli (jista' jintuża l-għasel minflok iz-zokkor). Iż-żerriegħa tal-peprin mitħuna u mħallta mal-ħalib tat-trab, il-frak tal-ħobż ħelu u ż-żbib jiġu miżjuda gradwalment fiz-zokkor imdewweb u jitħawdu b'mod kostanti biex jiġi prodott pejst magħqud mhux ħażin. Meta jiksaħ u jagħqad il-mili taż-żerriegħa tal-peprin, tiġi miżjuda l-qoxra tal-lumi friska jew il-pejst tal-lumi, flimkien mal-kannella u ammont żgħir taz-zokkor tal-vanilla, fejn meħtieġ, biex tittejjeb it-togħma tiegħu. Il-mili tal-ġewż ma jissajjarx, iżda l-ġewż mitħun sempliċiment jitħallat maz-zokkor (jew l-għasel), ż-żbib, il-ħalib tat-trab, il-misħun, iz-zokkor tal-vanilla jew iz-zokkor tal-vanillin, u l-kannella mitħuna. Sa 10 % bil-piż tal-ġewż imqatta' jew żerriegħa tal-peprin mitħun fil-mili, jista' jiġi sostitwit bil-frak tal-ħobż ħelu.

Wara li jibirdu, iż-żewġ tipi ta' mili għandhom ikunu ħoxnin biżżejjed biex ir-rombli żgħar jiġu ffurmati bl-idejn.

Il-prodotti ffurmati jitpoġġew fuq it-turtiera tal-ħami u jindilku biss b'bajda sħiħa jew bl-isfar tal-bajd. Il-prodotti midluka bil-bajd fuq it-turtieri, jitħallew f'post frisk b'ċirkolazzjoni tal-arja biex il-bajda fuq il-wiċċ tagħhom tinxef ftit. Ladarba l-wiċċ ikun nixef u jkunu għolew ftit, jergħu jindilku mill-ġdid bil-bajd, jitħallew jinxfu u wara jitpoġġew fil-forn. Meta jkunu għolew, jinħmew bħala prodotti tal-għaġina b'bażi ta' ħmira. Waqt li jkunu qegħdin jogħlew, u b'mod partikolari waqt il-ħami, il-bajd imnixxef li jkun imdellek fil-wiċċ, jinkiser ftit u joħloq l-istruttura mraħħma tipika tal-qoxra tal-wiċċ tal-prodott.

Il-prodotti jinħmew mingħajr fwar f'temperatura ta' 170–220 °C.

Il-ħin tal-ħami jiddependi mid-daqs tal-prodotti. Għall-prodotti li jiżnu 40–50 g huwa ta' 10–12-il minuta, filwaqt li dawk li jiżnu 50–70 g jieħdu 15–20 minuta.

Wara li jiksħu, il-prodotti moħmija jitħejjew għad-dispaċċ u l-bejgħ.

It-telf tekniku minħabba l-ħami jammonta għal madwar 10 %, skont il-piż tal-prodott u l-konsistenza tal-mili.

Tikkettar: l-isem tal-prodott “Bratislavský rožok” enfasizzat jew l-ekwivalenti tiegħu bl-Ungeriż; il-logo tal-Komunità jew il-logo u l-iskrizzjoni Zaručená tradičná špecialita (Speċjalità tradizzjonali garantita). It-taqsira ZTŠ (TSG) tista' tidher fuq l-imballaġġ. Id-daqs tat-tipa tal-logo ma għandux ikun inqas minn 15-il mm.

Metodu u post tal-bejgħ: “Bratislavský rožok” jinbiegħ bil-waħdiet fil-ħwienet speċjalizzati tal-produttur jew fi ħwienet tal-ħelu, kafetteriji u ħwienet tal-fast-food. Għal prodotti mhux ippakkjati minn qabel, il-logo ZTŠ (TSG) jista' jidher fuq l-indikatur tal-prezz viċin l-isem tal-prodott, jew fuq il-pannel tal-informazzjoni viċin il-prodotti.

Ħżin: f'temperatura ambjentali.

Il-prodott iżomm bejn tlieta u għaxart ijiem, skont l-ammont ta' ħmira użata.

Il-prodott huwa magħmul bl-idejn u mhux prodott bil-massa.

Ma jistax jiġi manifatturat bħala prodott iffriżat, nofsu lest u moħmi parzjalment li wara titneħħielu l-friża u jitlesta fil-forn; dejjem irid jinħema frisk.

4.3.   Deskrizzjoni tal-elementi ewlenin li jistabbilixxu l-karattru tradizzjonali tal-prodott (Artikolu 7(2) ta' dan ir-Regolament)

Il-karattru tradizzjonali tal-prodott huwa bbażat fuq il-kompożizzjoni tradizzjonali, jiġifieri, il-mili jrid jammonta għal minn tal-inqas 40 % tal-piż totali tal-prodott lest.

Prodott b'isem speċifiku li ilu jsir għal aktar minn żewġ sekli fil-pajjiżi ġirien tal-Ungerija u l-Awstrija, li sa 90 sena ilu, is-Slovakkja kellha kostituzzjoni waħda magħhom.

Il-ktieb ta' Vladimír Tomčík, S vareškou dvoma tisícročiami, jikkwota entrati fil-kotba li jindikaw li fl-1590, “Bratislavský rožok” kien qiegħed jisserva fit-taverni, għalkemm is-sigriet tal-produzzjoni tiegħu hija ħafna aktar antika.

Fil-pubblikazzjoni ta' Tivadar Ortvay, Ulice a námestia mesta Bratislavy, ippubblikata fi Bratislava fl-1905, il-paġna 305 tgħid li mhux ħafna 'il bogħod mill-ħanut tal-ħelu ta' Viktor Mayer, il-forn l-antik ta' Scheuermann (issa Lauda) jaħmi n-nagħal taż-żerriegħa tal-peprin u tal-ġewż, speċjalitajiet li għalihom hija magħrufa Bratislava. [Ulice a námestia mesta Bratislavy, História mesta podľa názvov ulíc a námestí, podľa pôvodných výskumov, Dr Tivadar Ortvay, Bratislava, 1905; stampat minn F.K. Wigand]. Il-paġni 304 u 305 tal-ktieb elenkat fl-Anness 1 bl-Ungeriż, isemmu l-forn ta' Sheuermann fir-rigward ta' dak li issa sar Hviezdoslavovo námestie. Il-parti rilevanti tat-test tgħid: “Viċin hemm il-forn l-antik ta' Sheuermann (issa Lauda) li jagħmel in-nagħal taż-żerriegħa tal-peprin u tal-ġewż u li wasslu għall-fama ta' Bratislava għal din l-ispeċjalità. Il-qarmeċ ta' Bratislava (bratislavský suchár) hija speċjalità oħra minn dawn …”.

Il-paġna 52 ta' Chlieb náš každodenný ta' V. Szemes u V. Karovič, ippubblikat fi Bratislava fl-1992, tgħid: Fl-1785, għal Jum San Nikola, il-furnar Schiermann poġġa tip ġdid ta' għaġina mimlija fit-tieqa tal-ħanut tiegħu, li tniżżlet fl-istorja bħala l-prešpurské beugle. Aħna nqisu d-differenza fl-ismijiet Scheuermann u Schiermann bħala żball tipografiku; l-ortografija korretta hija Scheuermann.

Il-“Bratislavský rožok” ġie magħmul sussegwentement minn bosta furnara fi Bratislava. Wieħed mill-aktar famużi kien Ágoston Schwappach, li l-forn tiegħu kien stabbilit fl-1834 u kien użat biex ibigħ in-nagħal taż-żerriegħa tal-peprin u tal-ġewż. Tnejn mis-suċċessuri tal-produtturi tal-“Bratislavský rožok”, Scheuermann u Lauda, kienu l-furnar prim Johann Korče (1851-1919), li kien kavallier tal-Ordni ta' Franz Josef, u ibnu, il-furnar prim Hans Korče. Il-familja Korče kellha bħala suċċessur lil Emil Kastner.

Il-forn ta' Gustáv Wendler fi Štefánikova ulica fi Bratislava, li kien jibgħat il-“Bratislavský rožok” bil-posta, kien magħruf ukoll.

Fl-eks ġurnal ta' Bratislava tal-1863, Pressburger Wegweiser, fost affarijiet oħra, in-negozju tal-furnar u tal-ħelu ta' Anton Pressberger, jirreklama “beugle taż-żerriegħa tal-peprin u tal-ġewż”.

Il-gazzetta ta' Vjenna, Neue Freie Presse tas-16 ta' April 1938, għandha riċetta għal “Pressburger Kipfel – Bratislavské rožky”. Ir-riċetta u l-metodu ta' produzzjoni deskritti huma kważi identiċi għal dawk użati llum.

Fil-ktieb tagħhom tal-1870, Terézia Vansová u Ján Babilon ukoll iddiskrivew il-“Bratislavský rožok”.

Numru ta' furnara u pastiċċiera għamlu l-“Bratislavský rožok” f'diversi bliet Ewropej, b'mod partikolari fl-Awstrija, fir-Repubblika Ċeka u fl-Ungerija. Skont informazzjoni miġbura minn esperti tal-forn f'diversi pajjiżi, prodott bl-isem ta' “Bratislavský rožok” isir f'diversi bliet, jew tal-inqas l-għamla, ir-riċetta bejn wieħed u ieħor u l-metodu ta' produzzjoni huma magħrufa. Taħriġ prattiku dwar kif isir il-“Bratislavský rožok”, b'mod partikolari wara l-1950, ingħata f'kulleġġi vokazzjonali għall-furnara jew il-pastiċċiera fl-eks Ċekoslovakkja. L-isem “Bratislavský rožok” beda jintuża fl-1918, wara li ġiet stabbilita ċ-Ċekoslovakkja u l-bidla fl-isem tal-belt minn dak oriġinali ta' Pressburg jew Pozsony għal Bratislava. L-isem tal-prodott inbidel ukoll. L-isem oriġinali, Beugel, bl-Ungeriż inbidel għal patkó, li jfisser “nagħla taż-żiemel”. Mid-dehra, it-terminu rožok beda jintuża flimkien mal-isem il-ġdid tal-belt. Bl-Ungeriż, l-isem “Pozsonyi kifli” (“Bratislavský rožok”), jiġifieri, l-isem l-antik tal-belt, bl-isem il-ġdid għall-għamla, għadu jintuża sal-lum. L-istess fl-Awstrija, fejn l-isem “Pressburger Kipfel” jintuża iktar u t-terminu Beugel bilkemm jinstema'.

Bl-istorja tiegħu, il-“Bratislavský rožok” għadu popolari sal-lum. Skont stimi li saru, isir b'mod regolari minn 20 forn u pastiċċerija u almenu darba f'ġimgħa minn għadd ieħor ta' produtturi fis-Slovakkja.

Fl-1999 u l-2005, il-Slovenské družstvo pekárov (il-kooperattiva tal-furnara tas-Slovakkja) inkludiet il-“Bratislavský rožok” fost il-prodotti għall-kompetizzjoni ppreżentati fil-finali tat-Tazza Lesaffre f'Pariġi, u kienu mfaħħra ħafna mill-ġurati.

Fil-bidu tal-2007, għall-ewwel darba fl-istorja saret il-kompetizzjoni internazzjonali għall-aqwa “Bratislavský rožok”, bħala parti mill-eżibizzjoni Danubius Gastro fi Bratislava, li attirat disa' timijiet minn tliet pajjiżi (il-paġna ta' quddiem tal-Bratislavské noviny, tal-25 ta' Jannar 2007).

Il-gazzetti ta' Bratislava u bosta perjodiċi nazzjonali kitbu numru ta' artikli dwar il-kompetizzjoni.

Fil-25 ta' Lulju 2008, il-ġurnal ta' kuljum Nový čas, ħareġ artiklu dwar il-“Bratislavský rožok”. L-artikolu fih ukoll ir-riċetta tradizzjonali tal-1938, u d-deskrizzjoni tal-għamla tal-prodott tgħid li: “… meta jkollu l-mili taż-żerriegħa tal-peprin, ikun f'għamla ta' nagħla, u meta jkollu l-mili tal-ġewż, ikun f'għamla ta' ittra Ċ.”

Artikolu bl-isem ta' “Bratislavský rožok – tradícia s dlhou históriou” fil-paġna 52 tar-rivista Epicure, jgħid li “bil-mili taż-żerriegħa tal-peprin, il-prodott ikollu għamla ta' nagħla, u bil-mili tal-ġewż, ikollu għamla ta' ittra Ċ”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.