IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.9.2018
SWD(2018) 421 final
DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI
Ir-rapport ta’ twissija bikrija għal Malta
Li jakkumpanja d-dokument
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż ir-rapport ta’ twissija bikrija għall-Istati Membri li qegħdin f’riskju li ma jilħqux il-miri għall-2020 ta’ preparazzjoni għall-użu mill-ġdid/għar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali
{COM(2018) 656 final}
{SWD(2018) 413 final}
{SWD(2018) 414 final}
{SWD(2018) 415 final}
{SWD(2018) 416 final}
{SWD(2018) 417 final}
{SWD(2018) 418 final}
{SWD(2018) 419 final}
{SWD(2018) 420 final}
{SWD(2018) 422 final}
{SWD(2018) 423 final}
{SWD(2018) 424 final}
{SWD(2018) 425 final}
{SWD(2018) 426 final}
1.Introduzzjoni
Dan ir-rapport ta’ twissija bikrija huwa parti mir-rapport ta’ implimentazzjoni ġenerali tal-Kummissjoni u għandu l-għan li jassisti lill-Istati Membri li qegħdin f’riskju li ma jilħqux il-mira għall-2020 ta’ preparazzjoni għall-użu mill-ġdid/għar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali ta’ 50 % stipulata fl-Artikolu 11(2)(a) tad-Direttiva 2008/98/KE. Dan jibni fuq appoġġ preċedenti pprovdut mill-Kummissjoni biex tgħin lill-Istati Membri jikkonformaw mad-dritt tal-UE fil-qasam tal-ġestjoni tal-iskart muniċipali. Dan irriżulta fi pjanijiet direzzjonali speċifiċi għall-pajjiż li qed jitfasslu għall-Istati Membri rilevanti.
Il-valutazzjoni li tirfed ir-rapport ta’ twissija bikrija tissejjes fuq proċess kollaborattiv u trasparenti li jinvolvi lill-Istati Membri kkonċernati u analiżi approfondita tal-aktar żviluppi politiċi riċenti tagħhom. Kienet tinvolvi wkoll konsultazzjoni estensiva mal-awtoritajiet li huma responsabbli għall-ġestjoni tal-iskart.
L-azzjonijiet possibbli identifikati matul dan il-proċess jissejsu fuq l-aħjar prattiki eżistenti u għandhom l-għan li jgħinu lill-Istati Membri jilħqu l-mira għall-2020 ta’ preparazzjoni għall-użu mill-ġdid/għar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali; għalhekk jiffokaw fuq miżuri ta’ politika li jistgħu jitmexxew ’il quddiem f’terminu qasir. Jenħtieġ li dawn l-azzjonijiet jitqiesu bħala komplementari għal dawk rakkomandati fil-pjanijiet direzzjonali li tfasslu bħala parti mill-attivitajiet tal-promozzjoni tal-konformità preċedenti u għar-rakkomandazzjonijiet li saru fir-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali.
2.Sejbiet ewlenin
Fl-2016, ir-rata tar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali (li tinkludi l-kompostjar) irrapportata minn Malta lill-Eurostat kienet ta’ 7 %, filwaqt li r-rata tal-miżbliet kienet ta’ 83 %. Abbażi tal-analiżi tal-politiki eżistenti u ppjanati sew fil-qasam tal-ġestjoni tal-iskart, Malta hija meqjusa bħala f’riskju li ma tilħaqx il-mira għall-2020 ta’ preparazzjoni għall-użu mill-ġdid/għar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali ta’ 50 %.
Il-valutazzjoni li tirfed ir-rapport ta’ twissija bikrija tikkonkludi li Malta għadha qed tħabbat wiċċha ma’ diffikultajiet serji fl-implimentazzjoni tagħha tad-dritt tal-UE dwar l-iskart, prinċipalment minħabba nuqqas ta’ infrastruttura u sistemi ta’ ġbir għal prodotti riċiklabbli u l-bijoskart. Il-progress huwa mxekkel ukoll minn nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-livelli amministrattivi differenti u nuqqas ta’ kapaċità fil-livell lokali, u b’mod aktar ġenerali minn nuqqas ta’ inċentivi (inklużi strumenti ekonomiċi) biex jipprevjenu l-iskart u jittejjeb ir-riċiklaġġ. Barra minn hekk, l-iskema tar-responsabbiltà estiża tal-produttur (EPR) għall-ippakkjar f’Malta, flimkien mal-monitoraġġ u l-infurzar tagħha, kienu pjuttost ineffettivi.
Fit-tabella ta’ hawn taħt jiġu elenkati l-azzjonijiet possibbli li jappoġġaw l-isforzi li qed tagħmel Malta biex itejjeb il-prestazzjoni tagħha fil-ġestjoni tal-iskart.
|
Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet possibbli biex titjieb il-prestazzjoni
|
|
Responsabbiltà għall-ġbir tal-iskart u għall-ġestjoni tad-data
|
|
1)L-emenda tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali dwar ir-responsabbiltà għall-iskart u r-riċiklaġġ, li tiċċara r-rwol tal-Wasteserv u ta’ partijiet ikkonċernati oħrajn fis-sistemi tal-ġbir tal-iskart minn unitajiet domestiċi (inkluż l-ippakkjar u l-bijoskart), fosthom billi:
-il-kunsilli lokali jsiru responsabbli għall-ġbir tal-iskart domestiku kollu. Dan jinkludi skart residwu, riċiklabbli u l-iskart organiku.
-jiġu ċċarati r-rwoli u r-responsabbiltajiet flimkien mal-obbligi tal-finanzjament. Dan jippermetti li s-servizzi (u l-finanzjament tagħhom) provduti minn organizzazzjonijiet ta’ responsabbiltà tal-produtturi (PROs), il-kunsilli lokali, il-Wasteserv u operaturi kummerċjali jiġu kkoordinati aħjar.
|
|
2)L-istabbiliment tar-rekwiżiti ta’ rappurtar dwar il-kunsilli lokali għall-iskart ġestit fil-lokalità tagħhom, inkluż ir-rekwiżit li jirraportaw data dwar l-iskart domestiku u r-riċiklaġġ, kif ukoll dwar kwalunkwe fluss ta’ skart kummerċjali jew fluss ieħor ta’ skart li jamministraw. Dan jippermetti li jiġu identifikati aktar faċilment l-atturi bi prestazzjoni ħażina għal azzjonijiet immirati aħjar. Jippermetti wkoll li l-kunsilli bi prestazzjoni dgħajfa jinżammu responsabbli.
|
|
3)L-implimentazzjoni ta’ programm li jilqa’ milli n-negozji kummerċjali jutilizzaw is-servizzi tal-ġbir tal-iskart domestiku, inkluż:
- obbligu fuq il-kunsilli lokali biex jipprovdu/jirranġaw għall-ġbir tal-iskart kummerċjali mill-istabbilimenti fil-lokalità tagħhom jekk jintalbu jagħmlu dan.
-ħlas adegwat tas-servizz li jrid jitħallas min-negozji għall-ġbir u r-rimi tal-iskart lill-awtorità jew lill-kumpanija li tagħmel dan l-arranġament.
|
|
4)Il-kompilazzjoni ta’ data indipendenti dwar ir-riċiklaġġ tal-iskart domestiku u tal-iskart kummerċjali, filwaqt li kwalunkwe telf ta’ riċiklat fil-faċilitajiet għas-separazzjoni jiġi attribwit bl-iktar mod preċiż possibbli lil sorsi kummerċjali jew domestiċi.
|
|
5)It-twettiq ta’ awditu importanti tal-prestazzjoni tal-ġbir biex jiġu identifikati l-ineffiċjenzi tas-sistema li jipprevjenu rendimenti ogħla ta’ materjal riċiklabbli.
|
|
Ġbir separat
|
|
6)L-iżvilupp ta’ standards minimi nazzjonali ta’ servizz għall-ġbir tal-iskart (inkluż il-bijoskart) biex jispeċifikaw, pereżempju, it-tip u l-volum tal-kontenituri, il-frekwenza minima u massima tal-ġbir u t-tip ta’ vettura użata, filwaqt li jitqiesu t-tip ta’ unitajiet residenzjali, it-tip tal-klima, eċċ.
|
|
Appoġġ tekniku lill-kunsilli lokali
|
|
7)L-iżvilupp ta’ sistema fil-livell nazzjonali li tipprovdi appoġġ tekniku lill-kunsilli lokali, speċifikament fl-oqsma li ġejjin:
a.l-għażla tas-servizzi tal-ġbir;
b.l-akkwist tas-servizzi;
c.il-ġestjoni tas-servizzi;
d.il-kampanji ta’ komunikazzjoni;
flimkien ma’ kondiviżjoni attiva ta’ ideat u prattiki tajbin li jistgħu jtejbu l-effiċjenza f’termini ta’ tnaqqis fil-kostijiet u titjib fil-prestazzjoni.
|
|
Komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni
|
|
8)L-iżvilupp ta’ sett ta’ materjal ta’ komunikazzjoni nazzjonali indirizzat lill-pubbliku għall-użu fil-livell lokali, b’messaġġi ċari u konsistenti, u b’enfasi partikolari fuq il-bijoskart. Dan il-materjal għandu jintuża bħala parti mill-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, f’fuljetti u f’siti tal-faċilitajiet ċiviċi.
|
|
Inċentivi ekonomiċi għall-unitajiet domestiċi u għall-kunsilli lokali
|
|
9)L-introduzzjoni ta’ inċentivi ekonomiċi komplementari għall-unitajiet domestiċi fil-forma ta’ skemi ta’ ħlas skont kemm tarmi.
|
|
10)L-introduzzjoni ta’ miri obbligatorji tar-riċiklaġġ minn fuq għal isfel għall-kunsilli lokali, minbarra l-istandards minimi ta’ servizz, bħala inċentiv għall-kunsilli biex jieħdu ħsieb jimplimentaw u joperaw servizzi ta’ riċiklaġġ ta’ kwalità għolja u jilħqu l-miri tagħhom kif xieraq, akkumpanjati minn multi speċifiċi għan-nuqqas ta’ konformità, eż. billi tiżdied b’mod sinifikanti t-taxxa fuq il-miżbliet jew bl-applikazzjoni ta’ tariffi għan-nuqqas ta’ konformità għal kull tunnellata ta’ skart mormi ’l fuq mil-livell fil-mira.
|
|
Infiq tal-fondi tal-UE
|
|
11)F’termini tar-rekwiżiti ta’ finanzjament fis-snin li ġejjin, għandu jkun hemm fokus speċifiku fuq proġetti li jappoġġaw livelli ogħla fil-ġerarkija tal-iskart, inkluż il-ġbir separat, l-impjanti għat-trattament tal-bijoskart u l-faċilitajiet għas-separazzjoni.
|
|
Skemi ta’ Responsabbiltà Estiża tal-Produttur (EPR)
|
|
12)Monitoraġġ dettaljat tas-suq mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (jew permezz ta’ awditi annwali minn partijiet terzi) biex il-produtturi kollha jiġu awditjati u jiksbu fehim aktar ċar tal-iskart mill-ippakkjar (u flussi oħra ta’ skart).
|
|
13)Tisħiħ tal-kapaċità tar-regolatur biex ikun hemm infurzar aħjar tar-reġistrazzjoni tal-produtturi u tal-ġbir tat-tariffi, fosthom għall-ippakkjar importat.
|
|
14)Reviżjoni bir-reqqa tal-iskemi EPR li jidentifikaw in-nuqqasijiet fis-sistema attwali (u wkoll biex jivvalutawha fid-dawl ta’ rekwiżiti minimi ġenerali ġodda għall-iskemi EPR stabbiliti fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart riveduta).
|
|
15)Konsiderazzjoni ta’ żieda fil-miri tal-ippakkjar li għandhom jintlaħqu mill-PROs.
|
|
16)Żgurar li l-kostijiet tal-ġbir u tar-riċiklaġġ jew tar-rimi tal-ippakkjar ikunu koperti bis-sħiħ mill-produtturi tal-iskart mill-ippakkjar. Dan jgħin biex jonqos il-piż fuq l-awtoritajiet lokali b’rabta mal-finanzjament meħtieġ għall-ġbir separat u l-ġestjoni suċċessiva tal-iskart.
|
|
17)Implimentazzjoni ta’ sistema ta’ rifużjoni ta’ depożitu għall-kontenituri tax-xorb b’konformità mal-ippjanar tal-gvern.
|