Brussell, 6.6.2018

SWD(2018) 328 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

GOVSATCOM

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi l-programm spazjali tal-Unjoni u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Programm Spazjali u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 912/2010, (UE) Nru 1285/2013 u (UE) Nru 377/2014 u d-Deċiżjoni 541/2014/UE

{COM(2018) 447 final}
{SWD(2018) 327 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar: Proposta għal Regolament dwar il-Ħolqien ta’ Programm għal Komunikazzjoni Satellitari Sigura għall-Utenti Governattivi (GOVSATCOM tal-UE)

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata? Massimu ta’ 11-il linja

Kulma jmur, l-ambjent operazzjonali diffiċli għall-atturi Ewropej tas-sigurtà qed isir iktar ostili, u jitfaċċaw theddidiet u riskji ġodda b’mod kostanti. B’mod parallel, ir-rekwiżiti għal komunikazzjoni satellitari sigura mill-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli nazzjonali u tal-UE jevolvu malajr ukoll. Illum, hemm nuqqas ta’ konkordanza bejn dawn ir-riskji u l-ħtiġijiet, u s-soluzzjonijiet limitati disponibbli, li sikwit ikunu fraġli, mhux xierqa, u/jew mhux siguri biżżejjed. Dan in-nuqqas ta’ konkordanza jżid u joħloq riskji għall-missjonijiet ewlenin, għall-operazzjonijiet tas-sigurtà u għall-infrastrutturi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Ix-xpruni ewlenin li jikkawżaw dan huma l-provvista frammentata u d-domanda frammentata għal komunikazzjoni satellitari sigura (SatCom), il-fatt li l-ħtiġijiet kritiċi ta’ sigurtà ta’ ħafna mill-utenti ma jiġux issodisfati jew ma jiġux issodisfati għalkollox, u l-ambjent li dejjem jinbidel f’termini ta’ theddidiet (eż. ċibernetiċi) u f’termini ta’ żviluppi teknoloġiċi.

Il-partijiet ikkonċernati affettwati huma l-atturi tas-sigurtà fil-livelli nazzjonali u tal-UE, bħall-forzi militari u tal-pulizija, il-komunità marittima, u s-servizzi responsabbli għall-azzjoni esterna, għall-protezzjoni ċivili u għall-għajnuna umanitarja, kif ukoll l-operaturi tal-infrastrutturi ewlenin. L-industrija, inklużi l-operaturi tas-satelliti, il-manifatturi tal-infrastruttura spazjali u tal-art, u l-fornituri tas-servizzi huma affettwati wkoll.

X’inhu mistenni li tikseb din l-inizjattiva? Massimu ta’ tmien linji

L-inizjattiva se tiżgura aċċess affidabbli għal kapaċitajiet u għal servizzi siguri u kosteffettivi ta’ SatCom għall-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE li jiġġestixxu l-missjonijiet u l-infrastrutturi kritiċi għas-sigurtà. Se tkopri l-kostijiet għall-istabbiliment u għat-tħaddim ta’ “Ċentru ta’ GOVSATCOM” ġdid – l-infrastruttura tal-art meħtieġa għall-interkonnessjoni bla intoppi tad-diversi utenti u fornituri ta’ SatCom sigura – u l-kostijiet operazzjonali għall-kapaċitajiet u għas-servizzi ta’ SatCom ipprovduti lill-utenti awtorizzati nazzjonali u tal-UE.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? Massimu ta’ seba’ linji 

Ir-riskji attwali u tal-ġejjieni għas-sigurtà jaffettwaw lill-UE kollha kemm hi u lill-Istati Membri tagħha. Uħud biss mill-Istati Membri għandhom is-sjieda ta’ satelliti ta’ komunikazzjoni sigura, iżda l-maġġoranza tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-UE ma għandhomx tali sjieda. L-azzjoni tal-UE u l-ekonomiji ta’ skala inerenti se jwasslu għal aċċess imtejjeb għall-utenti, għal affidabbiltà, għal reżiljenza, għal sigurtà u għal kosteffettività. Dan se jiġġenera iktar sinerġiji ċivili-militari, iktar koerenza u koordinazzjoni aħjar bejn l-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri, kif ukoll awtonomija ikbar għall-UE. L-industrija se tibbenefika minn ambjent iktar stabbli u prevedibbli li se jistimola l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp, u b’hekk tittejjeb il-kompetittività tal-industrija spazjali tal-UE. Iċ-ċittadini se jibbenefikaw minn sigurtà mtejba.

B. Soluzzjonijiet

X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex? Massimu ta’ 14-il linja 

Minbarra x-xenarju bażi, analizzajna erba’ għażliet. L-għażliet kollha jissejsu fuq l-aggregazzjoni tad-domanda tal-utenti fil-livelli nazzjonali u tal-UE, fuq l-akkreditazzjoni tas-sigurtà, u fuq l-implimentazzjoni ta’ “Ċentru ta’ GOVSATCOM” intelliġenti li se jservi għall-interkonnessjoni bejn id-diversi fornituri u utenti. L-għażliet ivarjaw fuq in-naħa tal-provvista. Peress li la s-satelliti kummerċjali u lanqas dawk nazzjonali (l-Għażliet nru 1 u 2) ma jistgħu jipprovdu soluzzjoni sħiħa, ġew ikkunsidrati żewġ għażliet. It-tnejn li huma jikkombinaw il-provvista minn għejun kummerċjali nazzjonali u akkreditati għas-sigurtà, u jindirizzaw in-nuqqasijiet possibbli fit-tul fi stadju iktar tard: jew permezz ta’ sħubija pubblika-privata (PPP) bejn l-UE u l-industrija (l-Għażla nru 3), jew inkella permezz ta’ assi b’sjieda tal-UE (l-Għażla nru 4).

L-Għażla nru 3 toffri l-iktar soluzzjoni effettiva u ddiversifikata f’termini ta’ aċċess, ta’ sigurtà, u ta’ kopertura ġeografika u tal-frekwenzi, għall-utenti kollha. Din l-għażla tippermetti wkoll l-użu ta’ tagħmir eżistenti tal-utenti, u hija flessibbli u skalabbli. Mhix se twassal għad-distorsjoni tas-suq kummerċjali eżistenti ta’ SatCom, u tippermetti lill-UE taġixxi bħala klijent ewlieni maġġuri. It-twassil tas-servizzi se jkun iktar kosteffettiv bis-saħħa tal-ekonomiji ta’ skala inkorporati, u jekk ikun meħtieġ, bis-saħħa ta’ investiment parzjali mill-UE permezz ta’ PPP. L-approċċ ta’ PPP jippromwovi l-innovazzjoni permezz tal-kondiviżjoni tar-riskji teknoloġiċi. Il-kostijiet ġenerali huma ekwivalenti jew iktar baxxi meta mqabbla ma’ dak li l-utenti governattivi attwali ta’ SatCom ikollhom iħallsu xorta waħda fi swieq frammentati, u għaldaqstant il-valur miżjud għall-UE huwa konsiderevoli.

Liema għażla u min jappoġġaha? Massimu ta’ seba’ linji 

Hemm sostenn wiesa’ għall-għażliet mill-partijiet ikkonċernati kollha, iżda b’mod ġenerali l-Għażla nru 3 għandha l-ikbar sostenn: l-atturi tal-Istati Membri u tal-UE mingħajr aċċess għal SatCom sigura se jkunu moqdija ħafna aħjar, filwaqt li l-Istati Membri b’assi nazzjonali jistgħu jbigħu l-kapaċitajiet addizzjonali tagħhom u jiksbu aċċess għal servizzi ta’ ridondanza u għal servizzi addizzjonali. Il-partijiet ikkonċernati kollha tal-industrija jiffavorixxu r-rwol tal-UE bħala “konfederazzjoni” jew bħala “klijent ewlieni”, b’mod partikolari għall-aggregazzjoni tad-domanda tal-utenti, għall-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tas-sigurtà, u għall-ixprunar tal-awtonomija, tal-innovazzjoni, tar-riċerka u tal-iżvilupp tal-UE. L-operaturi tas-satelliti u l-fornituri tas-servizzi jirrifjutaw l-Għażla nru 2 (l-assi tal-Istati Membri biss) u jippreferu l-Għażliet nru 1, 3 u 4 li huma iktar kummerċjali. L-industrija tal-manifattura spazjali Ewropea tagħti sostenn għall-erba’ għażliet, billi ssostni li l-UE bħala klijent ewlieni flimkien mar-rekwiżiti strinġenti tal-awtonomija u tas-sigurtà tal-UE se jwasslu għal domanda ikbar għal satelliti magħmula fl-UE. L-industrija kollha kemm hi tapprezza wkoll l-innovazzjoni li tirriżulta minn dan, li se ttejjeb il-kompetittività tagħha fis-suq globali.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? Massimu ta’ 12-il linja

 

Abbażi tad-diversi studji, konsultazzjonijiet immirati mal-partijiet ikkonċernati, u diskussjonijiet bilaterali mal-Istati Membri u mal-industrija, l-inizjattiva se tiġġenera impatti pożittivi sinifikanti f’termini ta’:

·Sigurtà: garanzija tal-aċċess u assigurazzjoni tal-informazzjoni għall-utenti kollha, b’mod partikolari għall-Istati Membri mingħajr assi nazzjonali.

·Benefiċċji ta’ deframmentazzjoni għall-utenti: żgurar tal-aċċess għal SatCom, iktar frekwenzi, u kopertura ġeografika aħjar. Għall-industrija: swieq tal-UE iktar prevedibbli u stabbli, u klijenti (ewlenin) ġodda.

·Ekonomija: soluzzjonijiet kosteffettivi permezz ta’ ekonomiji ta’ skala.

·Awtonomija tal-UE: disponibbiltà ta’ iktar kapaċitajiet u ta’ kapaċitajiet aħjar Ewropej ta’ SatCom, u inqas dipendenza fuq pajjiżi terzi;

·Kompetittività: impatt pożittiv fuq il-kompetittività tas-settur spazjali tal-UE.

·Il-benefiċċji soċjali diretti u indiretti għaċ-ċittadini Ewropej, pereżempju s-servizzi tal-pulizija, militari, tal-gwardji tal-fruntieri, tal-protezzjoni ċivili, eċċ. ikollhom l-għodod biex joperaw b’mod iktar effettiv.

·Azzjoni Esterna tal-UE iktar effettiva madwar id-dinja, inklużi l-operazzjonijiet tal-PSDK u l-għajnuna umanitarja.

X’inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? Massimu ta’ 12-il linja

Fl-istadju operazzjonali għalkollox, il-programm jista’ jiswa sa EUR 100-150 miljun fis-sena mill-baġit tal-UE, abbażi ta’ ħtiġijiet identifikati tal-utenti. Il-fażi tal-iżvilupp se tiswa sa EUR 100 miljun; jekk ikun meħtieġ, jista’ jiġi previst baġit addizzjonali mill-2025 ’il quddiem biex jagħmel tajjeb għal-lakuni fl-infrastruttura spazjali. Apparti l-kostijiet tal-programm, mhu mistenni l-ebda impatt negattiv mil-lat ekonomiku, soċjali jew ambjentali. Ma hemm l-ebda kostijiet ta’ konformità.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikroimpriżi? Massimu ta’ tmien linji

L-aggregazzjoni tad-domanda u l-istabbiliment ta’ standards ta’ sigurtà ta’ GOVSATCOM tal-UE se jkollhom effetti pożittivi fuq in-negozji. B’mod partikolari, se jnaqqsu l-kost tan-negozju għas-settur privat (l-UE bħala klijent ewlieni, minflok mijiet ta’ kuntratti ad hoc). Il-bażi tal-utenti se tkun ikbar bis-saħħa ta’ utenti u ta’ applikazzjonijiet ġodda, u se tkun iktar stabbli u prevedibbli. B’hekk se tistimola l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp. L-approċċ ta’ PPP se jiffavorixxi l-investimenti privati minħabba l-kondiviżjoni tar-riskji teknoloġiċi.

Ġeneralment, l-impatti fuq l-SMEs (u l-mikroimpriżi) jiġu evalwati bħala limitati. Madankollu, minħabba r-rwol essenzjali tagħhom għall-innovazzjoni, ir-regoli speċifiċi biex jiġi ffaċilitat l-involviment tagħhom f’akkwisti ta’ GOVSATCOM tal-UE jistgħu jkunu ta’ benefiċċju.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? Massimu ta’ erba’ linji

·Għall-Istati Membri b’satelliti nazzjonali ta’ SatCom, ikun hemm impatti pożittivi moderati: servizz aħjar għall-atturi tas-sigurtà, reżiljenza ikbar, u l-possibbiltà li jbigħu l-kapaċità addizzjonali.

·Għall-Istati Membri mingħajr kapaċitajiet nazzjonali, ikun hemm impatti pożittivi qawwija: servizz aħjar għall-atturi tas-sigurtà, reżiljenza ikbar bis-saħħa ta’ aċċess garantit għal soluzzjonijiet siguri ta’ SatCom fil-livell tal-UE li jiswew ħafna flus jew li jkun impossibbli li jifilħuhom finanzjarjament fil-livell nazzjonali.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? Massimu ta’ sitt linji

L-ebda impatt sinifikanti ieħor ma ġie identifikat matul il-valutazzjoni tal-impatt, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet fundamentali jew fir-rigward ta’ aspetti reġjonali/internazzjonali. Il-partijiet ikkonċernati industrijali indikaw l-effetti potenzjalment pożittivi ta’ standards armonizzati tas-sigurtà tal-UE li jistgħu jwasslu għal iktar kuntratti għall-impriżi Ewropej akkreditati; il-konformità tista’ ssir punt kummerċjali pożittiv tal-bejgħ għal servizzi simili madwar id-dinja.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika? Massimu ta’ erba’ linji 

Il-prestazzjoni u l-evoluzzjoni tal-Programm għandhom jiġu mmonitorjati regolarment biex titqies l-evoluzzjoni tad-domanda u tal-provvista, u biex ikun hemm reazzjoni għal theddidiet u għal riskji ġodda. Għal dan l-għan, fl-abbozz tar-Regolament għandhom jiġu inklużi dispożizzjonijiet adegwati, bħal atti ta’ implimentazzjoni għall-portafoll tas-servizzi u rieżami ta’ nofs it-terminu tal-programm.