Brussell, 8.6.2018

SWD(2018) 322 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi l-programm “Dwana” għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana

{COM(2018) 442 final}
{SEC(2018) 295 final}
{SWD(2018) 321 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar Proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-programm “Dwana” għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

F'dawn l-aħħar snin, il-prestazzjoni doganali kienet influwenzata minn xejriet bħall-globalizzazzjoni li wasslu għal żieda esponenzjonali fil-volumi tal-oġġetti, minn data korrispondenti, u minn theddid għas-sigurtà u kriminalità transnazzjonali li dejjem qegħdin jiżdiedu. Bi tweġiba għal dan, ingħata bidu għall-modernizzazzjoni tal-unjoni doganali permezz tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni 1 li tirrikjedi diversi sistemi elettroniċi Ewropej ġodda. It-teknoloġiji li jinbidlu malajr (diġitalizzazzjoni, konnettività, Internet tal-oġġetti, katina ta’ blokok ta’ transazzjonijiet), il-mudelli kummerċjali ġodda (kummerċ elettroniku, ottimizzazzjoni tal-katina tal-provvista) u l-mezzi finanzjarji pubbliċi mnaqqsa joħolqu sfidi ġodda għall-amministrazzjoni doganali.

F'dan l-isfond, il-funzjonament tal-unjoni doganali jbati minn problema ta’ uniformità insuffiċjenti u amministrazzjonijiet doganali nieqsa mill-effiċjenza. L-ixprunaturi fil-qalba ta’ din il-problema huma tlieta: il-kapaċità mhux ugwali tal-amministrazzjonijiet doganali; l-interpretazzjoni u l-implimentazzjoni mhux uniformi tal-leġiżlazzjoni (KDU u oħrajn); l-ostakli għall-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali u ma' partijiet ikkonċernati oħra.

L-effett ta’ din il-problema ta’ prestazzjoni huwa li l-unjoni doganali ma laħqitx il-potenzjal sħiħ tagħha, li min-naħa tiegħu jipperikola l-funzjonament tas-suq intern, ixekkel il-ġustizzja soċjali u jdgħajjef il-kompetittività tal-UE.

X’mistennija li tikseb din l-inizjattiva?

1. Il-Programm għandu l-għan ġenerali li jappoġġa lill-unjoni doganali u lill-awtoritajiet doganali biex jipproteġi l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza fi ħdan l-Unjoni u jipproteġi lill-Unjoni minn kummerċ inġust u illegali, filwaqt li jiffaċilita attività kummerċjali leġittima.

2. Il-Programm għandu l-għan speċifiku li jappoġġa t-tħejjija u l-implimentazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni u tal-politika doganali kif ukoll il-kooperazzjoni doganali u l-bini tal-kapaċità amministrattiva, inkluża l-kompetenza umana, u l-iżvilupp u l-operat tas-sistemi elettroniċi Ewropej.

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? 

Minkejja li d-dwana hija qasam ta’ kompetenza esklużiva bi grad għoli ta’ leġiżlazzjoni armonizzata tal-UE, l-implimentazzjoni tibqa’ kompletament f’idejn l-Istati Membri individwali u għaldaqstant l-unjoni doganali tista’ tkun b’saħħitha biss daqs l-aktar ħolqa dgħajfa tagħha. L-indirizzar tal-isfidi globali u trans-Ewropej b’mod effiċjenti u koerenti madwar l-Ewropa ma jistax jinkiseb mill-UE jew mill-Istati Membri b’mod individwali. Hemm bżonn ta’ kooperazzjoni u integrazzjoni operattiva bejn l-amministrazzjonijiet doganali nazzjonali. Il-valur miżjud jinsab l-aktar fil-qasam tal-IT, fejn il-programm jippermetti l-iżvilupp u t-tħaddim ta’ serje ta’ sistemi elettroniċi Ewropej iddefiniti b’mod komuni b’kost inqas milli kieku saru fil-livell nazzjonali.

B. Soluzzjonijiet

X'għażliet ta' politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta, jew le? Għaliex? 

Ġew ikkunsidrati diversi għażliet ta’ politika, li jiddependu prinċipalment fuq il-livell ta’ ambizzjoni politika għall-programm. L-għażliet ewlenin huma “għażla 2 – massa kritika” u “għażla 3 – kontinwità msaħħa” (l-għażla ppreferuta):

-Għażla 2 – Massa kritika: din l-għażla għandha l-għan li tiffinanzja s-sistemi elettroniċi kollha tal-KDU u xi sistemi elettroniċi ġodda (mhux tal-KDU), filwaqt li tiżgura l-kontinwità tal-operazzjonijiet doganali tal-UE u tikkonforma mal-obbligi l-ġodda taħt il-leġiżlazzjoni doganali tal-UE. Dan ix-xenarju, li l-unika ambizzjoni tiegħu hija li jikseb l-implimentazzjoni tal-KDU u tal-leġiżlazzjoni li diġà ġiet proposta, jimponi kunsiderazzjoni mill-ġdid bir-reqqa tal-ambizzjoni doganali tal-UE.

-Għażla 3 – Kontinwità “msaħħa”: din l-għażla tipproponi li tindirizza b’mod effettiv l-isfidi attwali u futuri tal-unjoni doganali. Hija għandha l-għan li tippermetti l-azzjonijiet meħtieġa biex issaħħaħ il-prestazzjoni tal-amministrazzjonijiet doganali tal-UE. B’mod konkret, il-bini tal-kapaċità fl-IT jiżgura l-integrazzjoni tal-proġetti doganali (mhux tal-KDU) ġodda tal-IT u li l-innovazzjoni hija possibbli. Il-kooperazzjoni tiżdied u titjieb biex issaħħaħ il-kapaċitajiet tal-amministrazzjonijiet doganali sabiex jinvolvu ruħhom ma’ awtoritajiet oħra, jiżguraw il-konformità, jiġġieldu l-frodi u jżidu s-sigurtà, jaħdmu aktar f’raggruppamenti fuq bażi tematika jew ġeografika u jakkumpanjaw l-integrazzjoni aktar profonda miġjuba mill-ambjent il-ġdid tal-IT. B’mezzi addizzjonali limitati, din l-għażla żżid b’mod sinifikanti l-valur miżjud ġenerali tal-UE tal-programm.

Liema għażla u min jappoġġaha? 

Il-partijiet ikkonċernati kollha jiffavorixxu l-għażla 3. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Qorti tal-Awdituri kollha esprimew l-appoġġ tagħhom għal programm doganali ambizzjuż tal-UE li jikkontribwixxi għal implimentazzjoni aħjar u aktar uniformi tal-unjoni doganali. Il-konsultazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati iffukaw prinċipalment fuq l-amministrazzjonijiet doganali bħala l-benefiċjarji diretti tal-programm. Huma appoġġaw b’saħħa wkoll il-kontinwazzjoni ta’ dan il-programm li jaħdem sew u ssuġġerew li jitgawdew il-benefiċċji esponenzjali billi jiġu msaħħa marġinalment l-azzjonijiet tiegħu skont l-għażla 3.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X'inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

L-amministrazzjonijiet doganali huma l-benefiċjarji diretti tal-programm. Taħt l-għażla 3, il-programm se jipprovdilhom il-qafas (operattiv, organizzazzjonali, metodoloġiku u baġitarju) meħtieġ għall-kooperazzjoni. Il-bini tal-kapaċità amministrattiva, inkluża l-kapaċità tal-IT u dik umana, se tgħinhom jevolvu aktar lejn amministrazzjonijiet moderni li jkunu kapaċi jittrattaw l-għadd akbar ta’ kompiti ewlenin imposti fuqhom. L-għażla ppreferuta tkun li jittejjeb il-funzjonament tal-unjoni doganali u tal-awtoritajiet doganali billi tissaħħaħ b’mod sostanzjali l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-pajjiżi terzi, kif ukoll billi tissaħħaħ il-prestazzjoni tal-amministrazzjonijiet doganali kullimkien fl-UE. Bl-istess mod, maż-żmien din l-għażla tippermetti l-evoluzzjoni tal-kapaċità fl-IT f’konformità mal-politika doganali tal-UE. It-titjib tal-prestazzjoni doganali permezz ta’ soluzzjonijiet u kooperazzjoni konġunti tal-IT jaffettwa direttament il-fluwidità tal-kummerċ leġittimu tal-oġġetti deħlin u ħerġin mit-territorju tal-Unjoni peress li d-dwana se tidentifika u twaqqaf aħjar u aktar malajr l-oġġetti mhux siguri u illegali fil-fruntieri. Iċ-ċittadini u n-negozji qed jibbenefikaw l-aktar b’mod indirett mill-azzjonijiet li saru taħt il-programm, bis-saħħa ta’ netwerks ta’ komunikazzjoni u sistemi elettroniċi Ewropej li jippermettu l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali. Minħabba nuqqas ta’ data kwantitattiva komprensiva, il-benefiċċji ġew ivvalutati prinċipalment abbażi tal-informazzjoni kwalitattiva li nġabret.

X'inhuma l-kostijiet tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

Ma huwa mistenni l-ebda impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali negattiv speċifiku.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

Il-programm ma jinkludi l-ebda miżura mmirata direttament lejn in-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi. Xi benefiċċji indiretti għan-negozji se jirriżultaw minn portali komuni, minn għodod ta’ taħriġ disponibbli u mill-progress li sar lejn tieqa unika.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

Il-programm għandu l-għan li jiffinanzja azzjonijiet favur l-amministrazzjonijiet doganali. In-nefqa ewlenija se sseħħ permezz tal-akkwist pubbliku għall-iżvilupp u għat-tħaddim tas-sistemi elettroniċi Ewropej. Peress li dawk is-sistemi mhux qed jiġu ċentralizzati għalkollox, hemm bżonn ukoll ta’ investimenti fil-livell nazzjonali biex jiddaħħlu fis-seħħ.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

Ma hemm l-ebda impatt sinifikanti ieħor. 

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Biex tiġi ffaċilitata l-evalwazzjoni tal-programm, se jiġi stabbilit qafas għall-monitoraġġ tar-riżultati miksuba mill-programm. Se tiġi żgurata t-trasparenza sħiħa b’rappurtar regolari dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Se titwettaq evalwazzjoni interim li tħares lejn il-kisba tal-għanijiet tal-programm, l-effiċjenza tiegħu u l-valur miżjud tiegħu fil-livell Ewropew. Evalwazzjoni finali se tittratta l-impatt fit-tul u l-effetti ta' sostenibbiltà tal-programm. 

(1)

Il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) huwa parti mill-modernizzazzjoni tad-dwana u jservi bħala r-regolament qafas il-ġdid dwar ir-regoli u l-proċeduri għad-dwana fl-UE kollha. Id-dispożizzjonijiet sostantivi tiegħu daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2016.