Brussell, 6.6.2018

SWD(2018) 306 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

li jistabbilixxi l-programm Ewropa Diġitali għall-perjodu 2021-2027

{COM(2018) 434 final}
{SEC(2018) 289 final}
{SWD(2018) 305 final}


Il-Kummissjoni Ewropea adottat il-proposti tagħha għall-qafas finanzjarju pluriennali tal-perjodu 2021-2027. Biex jonqos id-distakk attwali fl-investimenti diġitali, il-Kummissjoni pproponiet Programm Ewropa Diġitali biex tinfluwenza u tappoġġa t-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija u tas-soċjetà tal-Ewropa.

L-intervent pubbliku fil-livell tal-UE jaqdi rwol ewlieni bħala innovatur biex jinkisbu “elementi komuni” u kapaċitajiet u biex jiġi ffaċilitat l-użu tagħhom ħalli jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà u tingħata spinta lill-innovazzjoni u l-kompetittività. L-intervent hu ġġustifikat f’oqsma fejn il-finanzjament meħtieġ hu tant fundamentali li l-ebda Stat Membru ma jista’ jaġixxi ‒ fil-ħin – waħdu, f’oqsma fejn ikun hemm bżonn jinġabru flimkien riżorsi mifruxa mal-Ewropa kollha, u f’oqsma fejn l-interoperabbiltà hi essenzjali għall-iskjerament ta’ servizzi pan-Ewropej.

Fl-Ewropa, id-distakk fl-investiment upstream hu evidenti min-nuqqas ta’ qbil bejn id-domanda dejjem tikber għal teknoloġiji riċenti u l-provvista. Biex jitjiebu l-kapaċitajiet diġitali hemm bżonn isiru investimenti li jakkwistaw teknoloġiji rilevanti, jiżguraw l-aħjar użu tagħhom b’mod interoperabbli madwar l-UE, u jiżviluppaw il-ħiliet diġitali avvanzati meħtieġa l-użu mifrux tagħhom. Dan jikkumplimenta l-programmi eżistenti tal-UE li jkopru aspetti importanti relatati mal-qasam diġitali b’mod partikolari fir-riċerka u l-innovazzjoni (Orizzont Ewropa) u fil-konnettività fiżika (CEF2).

Il-ħtieġa li jiżdiedu l-investimenti fil-kapaċitajiet diġitali u fl-użu usa’ tagħhom għandha l-appoġġ wiesa’ tal-partijiet konċernati u tal-esperti kif ukoll fl-ogħla livell politiku.

L-għan ġenerali tal-programm hu li jappoġġa t-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetà u tal-ekonomija Ewropej, u jwassal il-benefiċċji tagħha għand iċ-ċittadini u n-negozji Ewropej. Il-programm se jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-Ewropa f’oqsma ewlenin tat-teknoloġiji diġitali u jwessa’ t-tixrid u l-użu tagħhom f’oqsma ta’ interess pubbliku u fis-settur privat.

Il-programm se jkollu ħames għanijiet speċifiċi, jiġifieri (i) il-kompjuterizzazzjoni ta’ prestazzjoni għolja, (ii) l-intelliġenza artifiċjali, (iii) iċ-ċibersigurtà u l-fiduċja, (iv) il-ħiliet diġitali avvanzati u (v) l-iskjerament, l-aħjar użu tal-kapaċità diġitali u l-interoperabbiltà. Dawn l-għanijiet huma riflessi fl-istruttura tal-programm b’ħames pilastri interdipendenti.

Il-programm se jiġi implimentat direttament kif previst mir-Regolament Finanzjarju jew indirettament mal-entitajiet jew il-korpi xierqa. Se jiġi stabbilit sett ta’ indikaturi mill-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali eżistenti, strument ta’ referenza li jkejjel il-progress tad-diġitalizzazzjoni fl-UE. Barra minn hekk, se jiġu żviluppati indikaturi ġodda biex ikun hemm rispons dettaljat dwar l-impatt tad-DEP.

Din il-valutazzjoni tal-impatt hi mehmuża mal-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Programm Ewropa Diġitali.