Brussell, 1.6.2018

SWD(2018) 303 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

KONSULTAZZJONI MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI - RAPPORT FIL-QOSOR

Li jakkumpanja d-dokument

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Inizjattiva tal-UE dwar il-Pollinaturi

{COM(2018) 395 final}
{SWD(2018) 302 final}


1.Introduzzjoni

Bejn Diċembru 2017 u Marzu 2018, il-Kummissjoni kkonsultat b’mod wiesa’ 1 mal-partijiet ikkonċernati inkluż il-pubbliku ġenerali, l-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għall-konservazzjoni tan-natura u l-agrikoltura, l-akkademiċi, l-organizzazzjonijiet ambjentali mhux governattivi, is-settur tat-trobbija tan-naħal, il-biedja u setturi oħra tal-ġestjoni tal-art. Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor il-kontribuzzjonijiet li waslu wara: (i) konsultazzjoni pubblika miftuħa, li kisbet ’il fuq minn 66 000 tweġiba; (ii) sessjoni ta’ ħidma tal-esperti mifrux fuq jumejn; u (iii) il-konsultazzjoni ta’ għadd ta’ gruppi ta’ esperti u kumitati tal-Kummissjoni. Ir-rapport huwa strutturat madwar it-tliet oqsma ta’ prijorità tal-inizjattiva kif stabbilit fil-pjan direzzjonali 2 .

2.Riżultati tal-attivitajiet ta’ konsultazzjoni

2.1.Prijorità I: Intejbu l-għarfien dwar il-pollinaturi

Fil-konsultazzjoni pubblika, kważi r-rispondenti kollha (’il fuq minn 95 %) qiesu li kien importanti li jitjieb l-għarfien dwar il-pollinaturi u l-kawżi u l-konsegwenzi tat-tnaqqis tagħhom. Filwaqt li tal-anqas żewġ terzi tal-partijiet ikkonċernati fil-gruppi kollha 3 qiesu t-tnaqqis tal-pollinaturi bħala allarmanti, dawn qiesu li huwa importanti li jiġu indirizzati l-lakuni fl-għarfien li jistgħu jaħbu d-daqs tal-problema.

Waħda mil-lakuni ewlenin identifikati mill-esperti fis-sessjoni ta’ ħidma kienet in-nuqqas ta’ data dwar l-abbundanza u x-xejriet fil-popolazzjonijiet tal-pollinaturi selvaġġi. Huma enfasizzaw il-ħtieġa għal proċess ta’ monitoraġġ mal-UE kollha għall-mili tal-lakuni fid-data. L-esperti ssuġġerew l-iżvilupp ta’ għodod u approċċi differenti biex jiġi ffaċilitat il-proċess ta’ monitoraġġ, bħall-barcoding tad-DNA u t-tagħlim awtomatiku. Mod ieħor kif dan jinkiseb ikun billi l-pubbliku jiġi involut aktar fix-xjenza.

Kważi r-rispondenti kollha għall-konsultazzjoni pubblika ħassew li kien importanti li jiġu rriċerkati t-theddidiet għall-pollinaturi u l-impatti tat-tnaqqis tagħhom fuq l-ekosistemi naturali u s-soċjetà umana. Fis-sessjoni ta' ħidma, l-esperti enfasizzaw il-ħtieġa ta’ riċerka ulterjuri dwar l-effetti kkombinati ta’ theddidiet differenti, dwar ir-reżiljenza tal-popolazzjonijiet tal-pollinaturi u dwar ir-rabtiet funzjonali bejn il-pollinaturi u l-pjanti mdakkra. Huma enfasizzaw ukoll il-ħtieġa li tittejjeb id-disponibbiltà tad-data, b’mod partikolari dwar l-istatus tal-ħabitats tal-pollinaturi, l-użu u l-ġestjoni tal-art agrikola u l-użu tal-pestiċidi.

B’mod ġenerali, il-komunità xjentifika saħqet fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ riċerka, speċjalment f’reġjuni tal-UE anqas irriċerkati. Filwaqt li strumenti ta’ finanzjament differenti ġew identifikati bħala rilevanti, il-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE tqies bħala fundamentali.

2.2.Prijorità II: Nindirizzaw il-kawżi tat-tnaqqis tal-pollinaturi

Maġġoranza kbira mir-rispondenti tal-konsultazzjoni pubblika (75 % fis-settur agroalimentari u ’l fuq minn 90 % fi gruppi oħra) ikklassifikaw il-ġestjoni agrikola intensiva u l-użu tal-pestiċidi bħala l-aktar theddidiet importanti għall-pollinaturi. Tliet kwarti mir-rispondenti tas-settur agroalimentari sabu li dawn huma motivaturi importanti tat-tnaqqis. Għal gruppi oħrajn ta’ partijiet ikkonċernati, il-proporzjon kien ogħla b’mod sinifikanti (95 % jew aktar). Theddidiet oħra bħall-urbanizzazzjoni, it-tniġġis, speċijiet aljeni invażivi, mard u t-tibdil fil-klima tqiesu bħala importanti minn tal-anqas nofs ir-rispondenti f’kull grupp ta’ partijiet ikkonċernati. L-individwi taw aktar importanza lit-tibdil fil-klima u l-mard minn gruppi ta’ partijiet ikkonċernati oħra.

Ir-rispondenti tal-konsultazzjoni pubblika qiesu li l-aktar azzjonijiet importanti biex jiġi indirizzat it-tnaqqis tal-pollinaturi huma: (i) il-valutazzjoni tar-riskji tal-pestiċidi għall-pollinaturi; u (ii) l-appoġġ għall-ħabitats tagħhom, b’mod partikolari f’żoni rurali, kemm ġewwa s-siti ta’ Natura 2000 kif ukoll barra minnhom. Madankollu, maġġoranza kbira mir-rispondenti (tal-anqas nofs kull grupp tal-partijiet ikkonċernati) qiesu wkoll li kien importanti li jiġu indirizzati theddidiet oħra għall-pollinaturi, inkluż li s-settur privat u l-komunitajiet lokali jiġu involuti fl-azzjonijiet.

L-esperti tas-sessjoni ta’ ħidma primarjament iffukaw fuq l-irkupru u ż-żamma tal-ħabitats tal-pollinaturi f’pajsaġġi rurali u urbani u fuq l-indirizzar tat-theddidiet tal-pestiċidi għall-pollinaturi. Il-maġġoranza tal-esperti identifikaw id-Direttiva dwar il-Ħabitats u l-politika agrikola komuni tal-UE bħala strumenti ewlenin għall-protezzjoni u l-appoġġ tal-ħabitats tal-pollinaturi. L-esperti qablu b’mod wiesa’ li l-involviment tal-bdiewa jkun fundamentali għall-ħolqien ta’ ambjent favorevoli għall-pollinaturi f’żoni rurali. Huma enfasizzaw ukoll l-importanza taż-żoni urbani u l-potenzjal ta’ infrastruttura kbira bħat-trasport u l-enerġija biex jiġu fornuti l-ħabitats u biex jiġi żgurat li dawn ikunu konnessi mal-pajsaġġ usa’.

Sabiex titnaqqas it-theddida tal-pestiċidi, l-esperti saħqu fuq il-ħtieġa li tittejjeb il-valutazzjoni tar-riskju u li jitnaqqas l-esponiment tal-pollinaturi għall-pestiċidi. L-esperti qiesu wkoll li huwa importanti li fil-valutazzjoni jiġu inklużi speċijiet ta’ pollinaturi selvaġġi u li jiġu inklużi miżuri espliċiti sabiex jitnaqqsu l-impatti tal-pestiċidi fuq il-pollinaturi skont id-Direttiva tal-UE dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi 4 .

2.3.Prijorità III: Inżidu s-sensibilizzazzjoni, intejbu l-kollaborazzjoni u l-iskambju tal-għarfien

Aktar minn 90 % tar-rispondenti tal-konsultazzjoni pubblika enfasizzaw l-importanza tas-sensibilizzazzjoni, li l-pubbliku jiġi involut f’soluzzjonijiet u li jiġu ffaċilitati kemm il-kollaborazzjoni kif ukoll l-iskambju tal-għarfien. Ir-rispondenti enfasizzaw il-ħtieġa għal inizjattiva tal-UE sabiex tiġi appoġġjata l-azzjoni fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali. Filwaqt li s-suġġerimenti dwar kif l-għarfien isir disponibbli b'mod mifrux kienu jvarjaw, il-partijiet ikkonċernati qablu b’mod ġenerali dwar il-ħtieġa għal pjattaforma ta’ għarfien b’aċċess miftuħ u ċentrali.

L-esperti appoġġjaw b’mod ġenerali l-involviment tal-pubbliku fix-xjenza u rrikonoxxew ir-rwol katalitiku li l-istituzzjonijiet edukattivi bħall-iskejjel u l-mużewijiet jista’ jkollhom f’dan. Filwaqt li hemm għadd ta’ pjattaformi eżistenti li jappoġġjaw il-kollaborazzjoni tal-partijiet ikkonċernati, l-esperti jaħsbu li l-kapaċità ta’ kollaborazzjoni jenħtieġ li tissaħħaħ aktar.

3.Konklużjoni

Tqiesu l-kontribuzzjonijiet kollha għall-konsultazzjoni, iżda minħabba l-firxa wiesgħa ta’ fehmiet espressi, id-dokument ta’ politika finali jista’ mhux neċessarjament jirriflettihom kollha. L-inizjattiva se tindirizza l-ħtiġijiet tal-għarfien identifikati permezz ta’ azzjonijiet li jlaqqgħu flimkien l-għarfien li jeżisti diġà f’dan il-qasam, tagħmlu aċċessibli b’mod wiesa' filwaqt li tikseb għarfien ġdid biex timla l-lakuni. L-inizjattiva se tindirizza wkoll theddidiet stabbiliti sew għall-pollinaturi, kemm direttament (il-ġestjoni agrikola intensiva u l-użu tal-pestiċidi, l-ispeċijiet aljeni invażivi) kif ukoll indirettament (it-tibdil fil-klima, il-mard u t-tniġġis). L-inizjattiva se tappoġġja l-kollaborazzjoni u l-azzjoni fil-livelli kollha sabiex tippermetti rispons ikkoordinat tal-UE għall-problema. Hija se tfittex ukoll li tinvolvi s-soċjetà ġenerali billi tippromwovi u tappoġġja l-azzjoni meħuda mill-pubbliku ġenerali u mis-settur privat.

(1)

  http://ec.europa.eu/environment/nature/conservation/species/pollinators/index_en.htm

(2)

  https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/initiative/136668/attachment/090166e5b6db6927

(3)

L-analiżi tal-konsultazzjoni pubblika tikkategorizza lir-rispondenti bħala individwi u f’erba’ gruppi ta’ organizzazzjoni (agroalimentari, apikultura, natura/ambjent u oħrajn).

(4)

Id-Direttiva 2009/128/KE.