Brussell, 1.6.2018

SWD(2018) 293 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar l-istabbiliment ta' Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE)

{COM(2018) 385 final}
{SEC(2018) 275 final}
{SWD(2018) 292 final}


L-UE hija mexxej globali għall-protezzjoni ambjentali u għall-azzjoni klimatika u - kif ikkonfermat fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 1 tal-2017 tal-President Juncker - tixtieq issaħħaħ dan ir-rwol 2 .

Il-programm LIFE huwa l-uniku fond tal-UE ddedikat kollu kemm hu għall-għanijiet tal-ambjent u tal-klima. Bil-baġit modest tiegħu dan jikkonċentra fuq settur speċifiku bejn il-programmi tal-UE li jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni fuq naħa waħda, u l-programmi tal-UE li jiffinanzjaw it-teħid fuq skala kbira ta’ miżuri fuq in-naħa l-oħra.

Filwaqt li l-attivitajiet ta’ LIFE jindirizzaw ċerti problemi direttament fuq il-post, l-impatt ewlieni tal-programm huwa indirett permezz tar-rwol katalitiku tiegħu maħsub biex jimplimenta, jespandi jew iħaffef il-prattiki ta’ produzzjoni, distribuzzjoni u konsum sostenibbli billi jappoġġa:

­L-iżvilupp u l-iskambju tal-aħjar prassi u tal-għarfien;

­It-tisħiħ tal-kapaċitajiet u t-tħaffif tal-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni u ta’ politiki ambjentali u klimatiċi;

­Il-partijiet ikkonċernati li jittestjaw teknoloġiji u soluzzjonijiet fuq skala żgħira; kif ukoll

­Il-mobilizzazzjoni ta’ finanzjament minn sorsi oħra.

Din il-valutazzjoni tal-impatt takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għall-Programm LIFE futur għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika wara l-2020 u tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament Finanzjarju fir-rigward tat-tħejjija ta’ evalwazzjoni ex-ante.

L-isfidi u l-opportunitajiet għall-programm LIFE għall-QFP li jmiss

L-aħħar evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu ta’ LIFE (MTE) 3 , ikkonfermat li l-programm attwali jinsab fit-triq it-tajba biex ikun effettiv 4 , effiċjenti u rilevanti u qed jikkontribwixxi għall-istrateġija Ewropa 2020. Barra minn hekk, ħafna mill-partijiet ikkonċernati jqisu l-programm LIFE bħala strument importanti ħafna biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet ambjentali u klimatiċi. 

Madankollu, il-MTE identifikat ukoll opportunitajiet biex tkompli tissaħħaħ l-effettività globali tal-programm, li ma jseħħux jekk il-programm LIFE jissokta fil-format u fl-iskala attwali tiegħu, fil-perjodu bejn l-2021 u l-2027. Dawn jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-opportunitajiet biex titjieb il-koerenza bejn il-programm LIFE u l-fondi l-oħra tal-UE u biex jissaħħaħ ir-rwol katalitiku tal-programm. Ġew identifikati wkoll aktar opportunitajiet b’rabta mal-enfasi strateġika tal-programm, kif ukoll opportunitajiet biex tiżdied l-effiċjenza u tiġi ssimplifikata l-ġestjoni ta’ LIFE.

L-għażliet ippreferuti

Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi identifikati, diversi għażliet ġew identifikati u mbagħad skrinjati f’termini tal-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tagħhom. Dan identifika għadd ta’ għażliet għal titjib speċifiċi għall-programm il-ġdid, kif deskritt aktar fid-dettall hawn taħt.

It-tliet għażliet tpoġġew fuq lista ristretta f’dak li għandu x’jaqsam mal-kopertura u mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-programm:

1.L-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni ta’ LIFE biex jinkludi proġetti ta’ bini ta’ kapaċità marbuta mal-enerġija nadifa billi jiżdied subprogramm dwar it-Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa, se tipprovdi approċċ aktar koerenti għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ bini ta’ kapaċità fil-qasam tal-enerġija nadifa, filwaqt li ttejjeb ukoll l-aċċess għal firxa usa’ ta’ benefiċjarji.

2.It-tisħiħ tal-appoġġ ta’ LIFE għall-integrazzjoni tal-għanijiet tan-natura u tal-bijodiversità. Dan isaħħaħ il-finanzjament tan-natura u jtejjeb il-koerenza fl-istrutturar globali tal-baġit tal-UE billi jiffaċilita approċċ ta’ integrazzjoni mtejba. Madankollu, jistgħu jkunu meħtieġa aktar sforzi ta’ ppjanar u koordinazzjoni mill-awtoritajiet ambjentali.

3.L-estensjoni tal-eliġibilità ta’ LIFE għall-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej (OCTs) tal-UE, speċifikament għall-azzjonijiet tan-natura u tal-bijodiversità fi ħdan is-subprogramm tan-Natura u tal-Bijodiversità, tindirizza lakuna potenzjali fil-finanzjament tal-iskema BEST 5 .

Jekk il-baġit jinżied speċifikament biex jinkludi t-Tranżizzjoni lejn Enerġija Nadifa u/jew biex jinkludi subprogramm għan-Natura, dawn l-għażliet (l-għażla 1 u 2) jenħtieġ li jiġu inklużi fl-istruttura tal-Programm LIFE.

Disa’ għażliet tpoġġew fuq lista ristretta b’rabta mal-mekkaniżmi ta’ twettiq tal-programm u mal-ġestjoni tal-programm

Sabiex jitjiebu l-prestazzjoni u r-rwol katalitiku ta’ LIFE, ġew eżaminati żewġ għażliet li jikkonċernaw l-aċċessibbiltà ta’ LIFE għall-applikanti mill-Istati Membri kollha tal-UE. L-għażla li jingħata appoġġ ċentralizzat lin-netwerk tal-NCP kollu minflok lill-proġetti nazzjonali ta’ bini ta’ kapaċità attwali (għal ċerti Stati Membri biss) hija vvalutata b’mod pożittiv. L-għażla li jinżiedu r-rati ta’ kofinanzjament tkun teħtieġ li tiġi kkunsidrata ulterjorment ladarba l-istruttura globali u l-baġit tal-programm LIFE għall-QFP li jmiss jiġu deċiżi u bbażati fuq id-domanda matul iż-żmien.

Ġew ikkunsidrati erba’ għażliet kumplimentari oħra biex itejbu l-prestazzjoni u r-rwol katalitiku tal-Programm. Fosthom, l-estensjoni tal-Proġetti Integrati Strateġiċi hija meqjusa bħala l-aktar mekkaniżmu b’saħħtu bbażat fuq l-esperjenza pilota ta’ proġetti integrati fil-programm LIFE attwali. Madankollu, dan ikun jeħtieġ baġit addizzjonali meta mqabbel mal-Programm attwali.

L-għażliet biex tissaħħaħ ir-replikazzjoni u biex jiżdiedu kemm il-flessibbiltà tal-programm kif ukoll il-possibbiltà li jiġu mmirati kwistjonijiet ewlenin u emerġenti billi jiġu ssimplifikati r-Regolament u l-MAWP, ma għandhom l-ebda implikazzjoni negattiva serja, u għalhekk jenħtieġ li jiġu introdotti t-tnejn li huma. Fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji, ikun ta’ benefiċċju jekk l-approċċi żviluppati fi ħdan l-istrumenti pilota LIFE attwali jiġu aġġornati skont InvestEU.

Kif se tiġi mmonitorjata u evalwata l-prestazzjoni?

Il-prestazzjoni se tkompli tiġi mkejla fil-livell ta’ programmi u subprogrammi, billi tibni fuq l-approċċ attwali bbażat fuq il-proġetti. Madankollu, ġew identifikati kriterji tal-prestazzjoni addizzjonali biex isaħħu l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-effett katalitiku tal-programm LIFE u l-kontribut tiegħu biex tiġi appoġġata t-trasformazzjoni tas-soċjetà. Il-piż tal-applikazzjoni tiegħu hija prinċipalment f’idejn il-Kummissjoni sabiex jiġi evitat l-infiħ tar-rekwiżiti attwali għar-rappurtar u biex jiġi żgurat rappurtar preċiż u robust.

Żewġ evalwazzjonijiet fil-fond se jitlestew f’nofs it-terminu (sal-2024) u mal-għeluq tal-perjodu ta’ programmazzjoni (sal-2027).

(1)       https://ec.europa.eu/commission/state-union-2017_mt  
(2)      L-analiżi tal-ħtieġa kontinwa għal azzjoni f’diversi oqsma ta’ politika ambjentali u dwar it-tibdil fil-klima sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE, mal-Ftehim ta’ Pariġi u mal-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija hija ppreżentata fl-Anness 4.
(3)      KE (2017) Rapport dwar l-Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE).   SWD(2017) 355 final . Ecorys (2017) Support for an external and independent LIFE Mid Term Evaluation Report
(4)      Abbażi tal-analiżi tal-Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni użati biex jivvalutaw il-prestazzjoni tal-proġetti.
(5)      L-inizjattiva BEST – l-iskema volontarja għas-Servizzi tal-Bijodiversità u tal-Ekosistema fit-Territorji Extra-Ewropej – għandha l-għan li tappoġġa l-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-użu sostenibbli tas-servizzi tal-ekosistema inklużi approċċi bbażati fuq l-ekosistema għall-adattament u għall-mitigazzjoni fir-Reġjuni Ultraperiferiċi (ORs) tal-UE u l-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej (OCTs).