Brussell, 28.5.2018

SWD(2018) 250 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma

{COM(2018) 337 final}
{SEC(2018) 249 final}
{SWD(2018) 249 final}


Valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tal-proposta għal strument legali dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata? Massimu ta’ 11-il linja

Illum, terz mit-territorju tal-UE ibati minn stress fuq l-ilma s-sena kollha, u l-iskarsezza tal-ilma tħasseb lil ħafna mill-Stati Membri tal-UE. Skont il-previżjonijiet tat-tibdil fil-klima, fl-għexieren ta’ snin li ġejjin, il-problema fl-UE se tiżdied. Id-disponibbiltà mnaqqsa tħalli impatt negattiv fuq iċ-ċittadini tal-UE u s-setturi ekonomiċi (l-agrikoltura, it-turiżmu, l-industrija, l-enerġija u t-trasport). Dan jista’ jaffettwa l-kompetittività u s-Suq Intern. Bħala parti minn approċċ integrat għall-immaniġġjar tal-ilma li jinkludi l-iffrankar tal-ilma u l-effiċjenza tal-ilma, l-ilma mormi trattat minn impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi joffri alternattiva affidabbli għall-provvista tal-ilma għal diversi għanijiet bħat-tisqija agrikola jew r-risanament tal-akwifer. Illum, l-użu mill-ġdid tal-ilma fl-UE hu ħafna inqas mill-potenzjal sinifikanti tiegħu minkejja li għandu impatt ambjentali iktar baxx mit-trasferimenti tal-ilma jew id-desalinizzazzjoni u jista’ jrendi benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali. Għalhekk, l-inizjattiva tfittex li tindirizza l-problema ġenerali ta’ applikazzjoni limitata ħafna tal-użu mill-ġdid tal-ilma sabiex tikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex tittaffa l-iskarsezza tal-ilma fl-UE. Il-bżonn għal azzjoni tal-UE ġie rikonoxxut fil-Blueprint (2012) u kkonfermat fil-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari (2015) u fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni.

X’mistennija tikseb din l-inizjattiva? Massimu ta’ tmien linji

L-għan ġenerali huwa li jsir kontribut biex tittaffa l-iskarsezza tal-ilma madwar l-UE fil-kuntest tal-adattament għat-tibdil fil-klima, prinċipalment billi jiżdied l-użu mill-ġdid tal-ilma għat-tisqija agrikola kull meta dan ikun rilevanti u kosteffiċjenti, filwaqt li tiġi żgurata ż-żamma ta’ livell għoli fil-ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-ambjent. B’mod partikolari, l-istabbiliment ta’ qafas ta’ abilitazzjoni permezz ta’ approċċ komuni għall-użu mill-ġdid tal-ilma fit-tisqija agrikola madwar l-UE, jista’ jiffaċilita l-immaniġġjar iktar effiċjenti tar-riżorsi skarsi tal-ilma. L-istabbiliment ta’ rekwiżiti minimi komuni huwa mistenni li jikseb livell għoli ta’ ħarsien għall-konsumaturi, il-ħaddiema u pubbliku ieħor espost, kif ukoll għall-ambjent, b’mod partikolari r-riżorsi tal-ilma u l-ekosistemi dipendenti u l-ħamrija; b’mod inqas dirett, huwa mistenni li jħalli impatt pożittiv fuq il-perċezzjoni pubblika. 

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE? Massimu ta’ seba’ linji 

L-Istati Membri tal-UE jaqsmu 60 % tal-baċiri idrografiċi tal-UE, li jagħmel neċessarja azzjoni fil-livell tal-UE biex jiġi indirizzat l-immaniġġjar tal-ilma u t-tniġġis. Għall-użu mill-ġdid tal-ilma, jekk l-Istati Membri jaġixxu waħedhom, l-ostakoli tekniċi u l-kostijiet assoċjati jkunu għoljin bla bżonn, inkluż għall-fornituri tat-teknoloġija li huma kumpaniji fuq skala tal-UE. L-azzjoni tal-UE għat-tisqija agrikola hija ġustifikata wkoll biex jiġi evitat li rekwiżiti nazzjonali differenti jolqtu b’mod negattiv il-kundizzjonijiet ekwi, li joħloq ostakoli lis-suq intern għall-prodotti agrikoli msoqqija b’ilma reklamat. Dan il-bżonn għal azzjoni tal-UE ġie kkonfermat minn konsultazzjonijiet estensivi pubbliċi u mal-partijiet ikkonċernati. L-azzjoni reglolatorja tal-UE fir-rigward tar-risanament tal-akwifer mhijiex meqjusa bħala proporzjonata minħabba d-dimensjoni lokali b’saħħitha.

B. Soluzzjonijiet

X’għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex? Massimu ta’ 14-il linja 

Sabiex tiġi indirizzata l-problema u jintlaħqu l-għanijiet, ġew ikkunsidrati l-għażliet politiċi li ġejjin għat-tisqija agrikola: (1) strument legali li jiżgura s-sikurezza tal-prodotti agrikoli b’approċċ ta’ universalità u ħarsien tas-saħħa pubblika lokali u tal-ambjent, (2) strument legali li jiżgura s-sikurezza tal-prodotti agrikoli b’approċċ imfassal apposta u ħarsien tas-saħħa pubblika lokali u tal-ambjent, u (3) dokument ta’ gwida dwar is-sikurezza tal-prodotti agrikoli u l-ħarsien tas-saħħa pubblika lokali u tal-ambjent. L-analiżi u t-tqabbil tal-għażliet jikkonkludu li l-għażla preferuta għat-tisqija agrikola hija n-numru (2) minħabba li hi kapaċi tipprovdi volum ogħla ta’ ilma mormi trattat bi spejjeż iktar baxxi mill-għażliet l-oħra, u b’hekk jiġi żgurat l-aħjar riżultat biex jinkiseb l-għan ġenerali.

Għall-għażla tal-istrument legali, qed jiġu diskussi l-possibbiltajiet ta’ Direttiva jew Regolament u ż-żewġ għażliet qed jitqiesu li huma xierqa, u kull waħda minnhom għandha ċerti vantaġġi u żvantaġġi. Filwaqt li Regolament huwa aktar adatt għan-natura ablitanti tal-inizjattiva, Direttiva tista’ tippermetti aktar flessibbiltà fit-termini tal-istabbiliment ta’ rekwiżiti nazzjonali iktar stretti (filwaqt li fl-istess ħin jimponi piż ta’ traspożizzjoni fuq l-Istati Membri kollha, inkluż dawk fejn l-użu mill-ġdid tal-ilma mhuwiex rilevanti bħalissa).

Liema għażla u min jappoġġaha? Massimu ta’ seba’ linji 

Il-kunċett ġenerali tal-użu mill-ġdid tal-ilma hu ġeneralment appoġġat mill-partijiet ikkonċernati kollha u mill-pubbliku. B’mod partikolari għat-tisqija agrikola, l-Istati Membri li diġà qed jipprattikaw l-użu mill-ġdid tal-ilma, jappoġġaw bis-sħiħ l-għażla ta’ strument legali tal-UE. L-Istati Membri l-oħra huma ġeneralment favorevoli sakemm l-użu mill-ġdid tal-ilma ma jsirx obbligatorju. Is-settur agrikolu hu appoġġat ukoll diment li jiġu garantiti l-flessibbiltà għal kundizzjonijiet lokali u l-kosteffiċjenza. Il-kumpaniji privati huma l-iktar pożittivi fost il-partijiet ikkonċernati kollha u jaraw ukoll il-potenzjal ekonomiku. L-NGOs huma ġeneralment favorevoli.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla preferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? Massimu ta’ 12-il linja 

Għat-tisqija agrikola, strument legali tal-UE b’approċċ imfassal apposta u ġestjoni tar-riskju jinvolvi benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali. Fil-kuntest ta’ approċċ integrat għall-immaniġġjar tal-ilma u l-adattament għat-tibdil fil-klima, il-bdiewa jistgħu jibbenefikaw minn provvista tal-ilma iktar sikura, inkluż waqt il-perjodi ta’ nixfa meta s-sorsi tat-tisqija jistgħu ma jkunux disponibbli. B’mod partikolari, jikkontribwixxi biex jittaffa l-istress fuq l-ilma permezz ta’ żieda fl-użu mill-ġdid tal-ilma bi prezzijiet affordabbli li jistgħu jilħqu is-6,6 biljun m3 fis-sena meta mqabbla mal-linja bażi ta’ 1,7 biljun m3. Barra minn hekk, joħloq kundizzjonijiet ekwi għall-investituri u jagħti ċertezza għad-distribuzzjoni tal-prodotti rilevanti fis-suq intern, u b’hekk jikkontribwixxi wkoll għal żieda fil-kunfidenza pubblika fl-użu mill-ġdid tal-ilma għat-tisqija.

X'inhuma l-kostijiet tal-għażla preferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? Massimu ta’ 12-il linja 

Għat-tisqija agrikola, strument legali tal-UE b’approċċ imfassal apposta huwa mistenni li jeħtieġ investimenti biex jiġu trattati l-volumi disponibbli tal-ilma ta’ EUR 38 / (m3/jum), filwaqt li b’approċċ ta’ universalità dawn jiżdiedu għal EUR 271 / (m3/jum). Investiment ta’ inqas minn EUR 700 miljun jippermetti trattament ta’ iktar minn 6,6 biljun m3 taħt l-istess livell limitu tal-kost skont l-approċċ imfassal apposta meta mqabbel ma’ investiment ta’ madwar EUR 600 miljun għal madwar 800 miljun m3 kull sena skont l-approċċ ta’ universalità, fiż-żewġ każijiet b’kost totali ta’ ilma reklamat taħt EUR 0.5/m3.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi? Massimu ta’ tmien linji

L-inizjattiva hija maħsuba li jkollha impatt fuq il-fornituri tat-teknoloġija, kif ukoll fuq in-negozji agrikoli, li t-tnejn li huma jinkludu l-SMEs. Se toħloq opportunitajiet ġodda għall-SMEs orjentati lejn l-użu mill-ġdid tal-ilma, bħall-ħolqien ta’ impjiegi u l-użu ta’ soluzzjonijiet innovattivi ta’ teknoloġiji għall-użu mill-ġdid tal-ilma, sistemi ta’ monitoraġġ u tekniki analitiċi innovattivi biex jikkonformaw mar-rekwiżiti l-ġodda. In-negozji agrikoli, inklużi l-SMEs, li huma l-akbar konsumaturi tal-ilma ħelu fl-Istati Membri, se jibbenefikaw mill-aċċess sikur għar-riżorsi tal-ilma. L-investimenti kapitali biex titwaqqaf l-infrastruttura tat-tisqija jistgħu jkunu kost importanti. Il-mikrointrapriżi, u l-azjendi agrikoli ta’ daqs żgħir u medju mhux se jiġu affettwali b’mod sproporzjonat.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? Massimu ta’ erba’ linji

Il-piż amministrattiv addizzjonali se jkun minimu. Il-flussi tar-rapporti eżistenti skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi se jintużaw l-aktar, u se jiġu żviluppati biss rekwiżiti addizzjonali u limitati ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar. L-Istati Membri se jkollhom bżonn jistabbilixxu l-proċeduri tal-permessi neċessarji. Ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ dwar il-kwalità tal-ilma reklamat se jieħdu ħsiebhom l-operaturi.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? Massimu ta’ sitt linji

L-inizjattiva se tikkontribwixxi għat-tranżizzjoni għal Ekonomija Ċirkolari u l-implimentazzjoni tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli nru 6 dwar l-Ilma Nadif u s-Sanitazzjoni. Barra minn hekk, tista’ tikkomplementa l-modernizzazzjoni u s-simplifikazzjoni li għaddejjin tal-Politika Agrikola Komuni.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika? Massimu ta’ erba’ linji 

L-istrument legali abbozzat se jinkludi Kumitat ta’ proċedura li jadatta l-annessi (ir-rekwiżiti minimi u l-kompiti ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju) għall-progress xjentifiku kif meħtieġ. Se jinkludi klawżola ta’ rieżami ġenerali (wara sitt snin).