|
Wara evalwazzjoni tad-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni ta’ Vetturi bil-Mutur, li ġiet l-ewwel adottata fl-1972 u emendata diversi drabi, ġie konkluż li għalkemm id-Direttiva b’mod ġenerali taħdem tajjeb, żewġ aspetti kienu qed jinfluwenzaw b’mod negattiv l-effikaċja tagħha:
1.In-nuqqas ta’ protezzjoni għall-vittmi ta’ inċidenti b’vetturi bil-mutur. Żewġ fatturi jikkontribwixxu għal dan:
oL-ewwel nett, meta assiguratur ta’ vetturi bil-mutur isir insolventi qabel ma jħallas il-pretensjonijiet li jirriżultaw lid-detenturi tal-poloz tiegħu, ma hemmx regoli fil-livell tal-UE li jiżguraw ħlas malajr lill-vittmi, speċjalment meta l-assiguratur jkun qed jipprovdi assigurazzjoni transfruntiera permezz tal-libertà li jipprovdi servizzi. F’każijiet reċenti dwar insolvenzi bħal dawn, seħħ dewmien sinifikanti fil-ħlas ta’ kumpens lil vittmi.
oL-ammonti ta’ kopertura minimi obbligatorji għall-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur, stabbiliti f’din id-Direttiva sa mill-2005, ma humiex l-istess fl-Istati Membri kollha minħabba perjodi ta’ referenza differenti, li ma għadhomx adegwati, għal diversi Stati Membri.
2.Trattament differenzjali u aġir mhux ugwali li jaffettwaw b’mod negattiv lid-detenturi tal-poloz. F’dan il-każ hemm żewġ fatturi:
oMeta detentur ta’ polza jċaqlaq ir-residenza fi Stat Membru ieħor tal-UE, l-istorja tal-pretensjonijiet tiegħu (li bħala riżultat tikklassifikah b’“bonus, fin-nuqqas ta’ talbiet” jew b’“bonus-malus”) mhux dejjem tittieħed inkonsiderazzjoni mill-assiguraturi tal-vetturi bil-mutur fl-Istat Membru ta’ residenza l-ġdid.
oLivell għoli ta’ sewqan mhux assigurat jirriżulta fi primjums tal-assigurazzjoni ogħla għad-detenturi tal-poloz milli kieku ma jkunx il-każ (il-fondi ta’ garanzija jiżguraw il-ħlas lill-vittmi f’każijiet bħal dawn, iżda dawn huma ffinanzjati minn imposta fuq il-poloz tal-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur, li jaffettwaw lid-detenturi tal-poloz).
Barra minn hekk, għadd ta’ sentenzi reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea pprovdew kjarifiki importanti li jikkonfermaw il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (liema vetturi u liema sitwazzjonijiet huma suġġetti għall-obbligu li jkunu koperti b’assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur). Għal dan is-suġġett l-għażla ta’ politika proposta kienet il-kodifikazzjoni tal-każistika eżistenti u għalhekk taqa’ barra l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-valutazzjoni tal-impatt.
|