Brussell, 17.5.2018

SWD(2018) 184 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija

{COM(2018) 279 final}
{SEC(2018) 231 final}
{SWD(2018) 183 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-impatt dwar Proposta għal Regolament dwar il-komunikazzjoni elettronika ta’ informazzjoni u ta’ dokumentazzjoni dwar it-trasport tal-merkanzija

A. Ħtieġa għal azzjoni

Għaliex? X’inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?

Ħafna mill-operaturi ekonomiċi jippreferu jużaw id-dokumenti fuq karta għaliex l-awtoritajiet tal-Istati Membri ta’ spiss ma jaċċettawx li l-informazzjoni jew id-dokumenti pprovduti bħala prova tal-konformità mal-kundizzjonijiet regolatorji għat-trasport tal-merkanzija jiġu kkomunikati b’mod elettroniku. Dan jirriżulta f’telf tal-potenzjal ekonomiku minħabba l-ineffiċjenzi.

X’mistennija tikseb din l-inizjattiva?

Li jiġi ffaċilitat l-użu aktar mifrux tat-teknoloġiji diġitali biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-informazzjoni regolatorja fil-leġiżlazzjoni attwali applikabbli għat-trasport tal-merkanzija fl-UE, fil-modalitajiet kollha tat-trasport. Il-piż amministrattiv għall-operaturi tal-loġisitika se jitnaqqas u t-trasport multimodali se jiġi ffaċilitat. Huwa mistenni li bejn l-2018 u l-2040*, il-benefiċċji netti kumplessivi jammontaw għal madwar EUR 27 biljun.

X’inhu l-valur miżjud tal-azzjoni fil-livell tal-UE? 

L-inizjattivi unilaterali tal-Istati Membri jistgħu jżidu l-livell ta’ diġitalizzazzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni regolatorja, iżda fin-nuqqas ta’ azzjoni simili lil hinn mill-fruntieri tagħhom, l-effett ta’ tali inizjattivi jkun limitat. L-inizjattivi unilaterali jistgħu saħansitra jkomplu jfarrku l-qafas legali u tekniku attwali u jżidu l-kumplessità għan-negozji tal-UE.

B. Soluzzjonijiet

Liema kienu l-għażliet ta’ politika leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li ġew ikkunsidrati? Hemm għażla ppreferuta jew le? Għaliex? 

Tqiesu erba’ għażliet ta’ politika - differenti fl-ambitu materjali tal-intervent - prinċipalment rigward il-firxa ta’ dokumenti tat-trasport tal-merkanzija u l-informazzjoni regolatorja koperti mill-obbligu tal-aċċettazzjoni mill-awtoritajiet, kif ukoll rigward il-qawwa regolatorja tal-miżuri differenti.

Żewġ għażliet, l-għażla 3 u l-għażla 4, tqiesu bħala l-aktar effikaċi biex jinkisbu l-għanijiet ta’ politika. Dawn l-għażliet jinkludu ambitu wiesa’ ta’ informazzjoni regolatorja kif ukoll aktar rekwiżiti vinkolanti, speċifikati b’mod aħjar, rigward l-aċċettazzjoni tal-informazzjoni elettronika. L-għażla 3 hija dik ippreferuta. Din tqis il-preferenza tal-partijiet ikkonċernati li jiġi evitat approċċ ta’ “soluzzjoni waħda għal kulħadd”.

Liema alternattiva u min jappoġġaha? 

Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati jappoġġaw varjetà usa’ ta’ interventi regolatorji f’termini kemm ta’: (a) id-dokumentazzjoni/informazzjoni koperta mill-obbligu tal-aċċettazzjoni għall-awtoritajiet; kif ukoll (b) il-livell ta’ speċifikazzjoni ta’ rekwiżiti vinkolanti biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tas-soluzzjonijiet tal-IT li jintużaw. Madankollu, il-partijiet ikkonċernati fis-setturi tal-ferroviji u tal-avjazzjoni mhumiex favur standards tekniċi ġodda jew soluzzjonijiet ġeneriċi għal kulħadd, kif tipproponi l-għażla 4.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażla ppreferuta (jekk hemm, inkella x’inhuma dawk ewlenin)? 

Bis-saħħa tat-tnaqqis fil-kostijiet amministrattivi, l-industrija mistennija tiffranka daqs EUR 20-27 biljun matul il-perjodu 2018-2040*. Dan huwa ekwivalenti għal 75-102 miljun siegħa xogħol iffrankati kull sena.

Mistennija impatti ambjentali pożittivi, minħabba tnaqqis fis-sehem modali tat-trasport bit-triq. F’termini kumulattivi, l-emissjonijiet tas-CO2 huma stmati li jitnaqqsu b’aktar minn 1,300 elf tunnellata matul il-perjodu 2018-2040*, ekwivalenti għal iffrankar ta’ kostijiet esterni ta’ EUR 74 miljun. Il-kostijiet tal-konġestjoni huma pproġettati li jitnaqqsu bi kważi EUR 300 miljun* matul l-istess perjodu. Barra minn hekk, b’medja ta’ 1-5 kopji għal kull dokument għal kull vjaġġ li mhux se jibqgħu jiġu stampati, se jiġu ffrankati madwar 2-8 biljun folja ta’ karta, jew l-ekwivalenti ta’ 180-900 elf siġra kull sena.

X’inhuma l-kostijiet tal-alternattiva preferuta (jekk hemm, inkella x'inhuma dawk ewlenin)? 

Il-kostijiet għall-awtoritajiet pubbliċi huma stmati li jilħqu madwar EUR 268 miljun mill-2018 sal-2040*, li minnhom EUR 17-il miljun huma relatati maċ-ċertifikazzjoni tal-fornituri tas-soluzzjoni u EUR 251 miljun mal-infurzar. L-awtoritajiet nazzjonali se jkunu mistennija jinvestu f’sistemi ġodda tal-IT, inkella li jaġġustaw dawk eżistenti.

Għan-negozji, il-kostijiet tal-konformità mistennija jkunu madwar EUR 4.4 biljun.

L-impatti fuq l-impjiegi jistgħu jkunu kemxejn negattivi f’każ li l-persunal jisfa bla xogħol kaġun ta’ tnaqqis fl-attivitajiet ta’ ġestjoni tad-dokumenti. Dan ipatti għalih it-tkabbir settorjali ġenerali. Id-domanda akbar għal soluzzjonijiet u sistemi tal-IT aktarx iġġib aktar opportunitajiet għall-fornituri tal-IT, u dan iwassal għal żieda fl-impjiegi b’ħiliet għolja.

Jista’ jkun hemm riperkussjonijiet kemxejn negattivi minħabba ż-żieda fit-tniġġis tal-arja mit-trasport fuq l-ilma, stmat madwar EUR 41 miljun fil-perjodu 2018-2040*.

Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?

In-negozji, inklużi l-SMEs, se jkollhom l-għażla dwar kif jiddiġitalizzaw il-proċessi tagħhom abbażi tal-karta. Iċ-ċertezza li d-dokumenti/informazzjoni elettroniċi jistgħu jiġu aċċettati se tħeġġeġ id-diġitalizzazzjoni. Investimenti ta’ darba huma mistennija jġibu magħhom iffrankar saħansitra fl-ewwel sena, bis-saħħa ta’ tnaqqis fil-ħin meħtieġ għall-attivitajiet ta’ rappurtar minħabba l-konformità regolatorja u t-titjib fl-effiċjenza tan-negozju. L-operaturi tat-trasport bit-triq, li madwar 99 % minnhom huma SMEs, mistennija jibbenefikaw minn madwar 60 % tal-iffrankar tal-kostijiet amministrattivi kollha tal-industrija.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

L-amministrazzjonijiet nazzjonali se jkunu mistennija jinvestu f’sistemi ġodda tal-IT, inkella li jaġġustaw dawk eżistenti. Dawn il-kostijiet x’aktarx ma jkunux sinifikanti. Fl-istess ħin, in-nefqa ta’ EUR 268 miljun marbuta mal-infurzar se twassal għal infurzar aħjar kif ukoll għal iffrankar fil-kostijiet ta’ kuljum għan-negozji.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

It-trasport tal-merkanzija minn pajjiż għal ieħor u bejn modalità u oħra mistenni jorħos u jsir eħfef. Dan jista’ jwassal għal ħinijiet tat-trasport iqsar u prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi. Għall-operaturi tat-trasport, l-iffrankar tal-kostijiet operazzjonali jkun ta’ madwar EUR 12-il biljun fil-perjodu 2018-2040*.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Evalwazzjoni tal-politika se ssir fi żmien 5 snin mid-data tal-bidu tal-applikazzjoni tal-att bażiku legali. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni se jieħu l-forma ta’ ġbir tal-informazzjoni mill-Istati Membri kull sentejn.

* Imqabbel max-xenarju bażi, jiġifieri xenarju fejn ma jkun hemm l-ebda intervent koordinat fil-livell tal-UE.