|
In-nuqqas ta’ protezzjoni effettiva għall-informaturi fl-UE jxekkel l-infurzar effettiv tad-dritt tal-UE. Filwaqt li l-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ nazzjonali u l-korpi ta’ infurzar qed jissaħħew permezz ta’ azzjoni speċifika tal-UE (jiġifieri l-ħolqien tal-aġenziji tal-UE, l-appoġġ għas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, eċċ.), il-ksib effettiv, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ ksur tad-dritt tal-UE għadhom problematiċi. F’ċerti oqsma, il-ksur tad-dritt tal-UE li jista’ jagħmel ħsara lill-interess pubbliku huwa diffiċli li jinkixef billi huwa diffiċli li tinġabar evidenza. Rapporti mingħand informaturi b’aċċess intern għal din l-evidenza jistgħu jkunu kruċjali f’dawn il-każijiet. Konsegwentement, l-iżgurar li l-informaturi jħossuhom siguri li jirrappurtaw ksur jista’ jsaħħaħ l-azzjoni ta’ infurzar u jtejjeb l-effettività tagħha. F’dawn l-aħħar snin, il-leġiżlatur tal-UE għaraf il-ħtieġa għal protezzjoni għall-informaturi bħala parti mill-infurzar tad-dritt tal-UE u introduċa xi elementi ta’ protezzjoni u mezzi ta’ rappurtar f’xi ftit atti tal-Unjoni speċifiċi għal settur. Madankollu, il-protezzjoni għadha limitata u settorjali ħafna u ma tkoprix l-oqsma ewlenin kollha fejn il-protezzjoni insuffiċjenti għall-informaturi twassal għal sottorappurtar ta’ ksur tad-dritt tal-UE li jista’ jirriżulta fi ħsara serja għall-interess pubbliku. Bl-istess mod, ħafna mill-Istati Membri joffru protezzjoni b’mod frammentat biss u l-livell tal-protezzjoni jvarja. In-nuqqas ta’ protezzjoni suffiċjenti u konsistenti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali jirriżulta f’sottorappurtar mill-informaturi li min-naħa tiegħu jwassal għal “opportunitajiet mitlufa” biex jinkixef u jiġi evitat ksur tad-dritt tal-UE u jdgħajjef l-effettività tal-infurzar tiegħu.
|
|
L-objettiv ġenerali huwa li jiġi indirizzat is-sottorappurtar tal-ksur tad-dritt tal-UE li jwassal għal ħsara serja għall-interess pubbliku f’oqsma fejn protezzjoni b’saħħitha tal-informaturi tista’ tikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex tikxef, tipprevjeni u tiskoraġġixxi din il-ħsara.
L-objettivi speċifiċi huma li: (i) Tissaħħaħ il-protezzjoni tal-informaturi u tiġi evitata r-ritaljazzjoni kontrihom; (ii) tingħata ċarezza u ċertezza ġuridika; u (iii) jiġu appoġġjati s-sensibilizzazzjoni u l-ġlieda kontra fatturi soċjokulturali li jwasslu għal sottorappurtar.
|
|
L-azzjoni tal-UE biex tiġi introdotta l-protezzjoni għall-informaturi hija meħtieġa f’dawk l-oqsma fejn i) jenħtieġ li jissaħħaħ l-infurzar, ii) is-sottorappurtar mill-informaturi huwa fattur ewlieni li jaffettwa l-infurzar, u iii) ksur tad-dritt tal-UE jista’ jikkawża ħsara serja lill-interess pubbliku. Abbażi ta’ dawn il-kriterji, il-protezzjoni għall-informaturi hija meħtieġa biex jissaħħaħ l-infurzar tar-regoli dwar: i) l-akkwist pubbliku; (ii) is-servizzi finanzjarji, il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; (iii) is-sikurezza tal-prodotti; (Iv) is-sikurezza tat-trasport; (v) il-protezzjoni tal-ambjent; (vi) is-sikurezza nukleari; (vii) is-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, is-saħħa u l-benessri tal-annimali; (viii) is-saħħa pubblika; (ix) il-protezzjoni tal-konsumatur; (x) il-protezzjoni tal-privatezza u d-data personali, u sikurezza tan-netwerks u tas-sistemi ta’ informazzjoni. Tapplika wkoll għal ksur relatat mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, ksur li jagħmel ħsara lill-interessi finanzjarji tal-UE u, fid-dawl tal-impatt negattiv tagħhom fuq il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, għal evitar tat-taxxa korporattiva. L-għoti ta’ protezzjoni insuffiċjenti għall-informaturi fi Stat Membru partikolari jista’ jkollu impatti negattivi mhux biss fuq il-funzjonament tal-politiki tal-UE f’dak l-Istat Membru, iżda anke riperkussjonijiet fi Stati Membri oħra u fl-UE kollha kemm hi. Protezzjoni inugwali tal-informaturi madwar l-UE timmina l-kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni meħtieġa għas-suq uniku biex jiffunzjona tajjeb u għan-negozju biex jopera f’ambjent kompetittiv b’saħħtu. B’mod partikolari, il-korruzzjoni u l-frodi fl-akkwist pubbliku li jibqgħu ma jinqabdux iżidu l-kostijiet għat-twettiq tan-negozju, ifixkel il-kompetizzjoni u jbaxxi l-attrattività għall-investiment. Skemi li ma jinqabdux ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa minn kumpaniji li jirnexxilhom jevitaw li jħallsu sehemhom tat-taxxi jfixklu l-kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u jirriżultaw fi tnaqqis ta’ dħul mit-taxxa għal Stati Membri individwali u għall-UE kollha kemm hi (pereżempju “Luxleaks”). Riperkussjonijiet oħra huma riskji transfruntiera li jirriżultaw minn atti li jfixklu l-kompetizzjoni, prodotti perikolużi, prodotti tal-ikel u tal-għalf li jitqiegħdu fis-suq uniku, it-tniġġis tal-ambjent jew riskji għas-sikurezza nukleari, is-saħħa pubblika, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali, is-sigurtà tan-netwerk u tas-sistemi ta’ informazzjoni u s-sikurezza tat-trasport fi Stat Membru wieħed li jkollhom riperkussjonijiet fuq Stati Membri oħra, u lakuni fil-protezzjoni tal-informaturi f’sitwazzjonijiet transfruntiera, li jirriskjaw li ma jkunux protetti kompletament. Azzjoni tal-UE biss, li tiżgura livell għoli konsistenti ta’ protezzjoni madwar l-UE billi tipprovdi standards minimi ta’ armonizzazzjoni, tista’ tindirizza l-iżbilanċ fil-livell tal-protezzjoni. Barra minn hekk, azzjoni tal-UE biss tista’ tallinja r-regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tal-informaturi f’atti tal-Unjoni speċifiċi għal settur.
|