IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.12.2018
COM(2018) 895 final
2018/0436(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar regoli komuni li jiżguraw il-konnettività bażika tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit ressaq in-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li, jekk ma jiġix irratifikat il-Ftehim dwar il-Ħruġ , id-dritt primarju u sekondarju tal-Unjonijiet ma jibqax japplika għar-Renju Unit mit-30 ta’ Marzu 2019 (“id-data tal-ħruġ”). Ir-Renju Unit imbagħad isir pajjiż terz.
Fi ħdan l-Unjoni, il-libertà għall-operaturi tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq tal-Istati Membri (l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni) li jipprovdu trasport internazzjonali ta’ merkanzija bit-triq hija rregolata primarjament fuq il-bażi tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009, li jistabbilixxi r-regoli komuni għall-aċċess għall-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, rispettivament.
Fin-nuqqas ta’ ftehim dwar il-ħruġ mill-UE, is-servizzi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri ma jibqgħux jiġu rregolati mill-imsemmija Regolamenti mal-ħruġ. B’konsegwenza, sad-data tal-ħruġ il-liċenzji tal-Komunità maħruġa mir-Renju Unit għall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq jitilfu l-validità tagħhom, u b’hekk jintilef l-aċċess għas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni għad-detenturi ta’ dawn il-liċenzji. Bl-istess mod, l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni Ewropea, fuq il-bażi ta’ liċenzji Komunitarji eżistenti, jitilfu l-aċċess awtomatiku għas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit.
Minn dan isegwi li, fin-nuqqas ta’ ftehim dwar il-ħruġ, mit-30 ta’ Marzu 2019 ma jkun hemm l-ebda bażi fid-dritt tal-Unjoni għall-provvista ta’ servizzi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri minn operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Is-sistema tal-kwoti multilaterali tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport (ECMT) ssir l-uniku qafas legali li fuqu tista’ tiġi bbażata t-tkomplija tat-tali servizzi, soġġetta għall-pussess ta’ permess tal-EMCT. Vettura mgħammra b’permess mill-ECMT tista’ ġġorr merkanzija bejn kwalunkwe pajjiż mit-43 pajjiż li qed jipparteċipaw fis-sistema, li fosthom hemm 26 mis-27 Stat Membru tal-UE (kollha minbarra Ċipru), ir-Renju Unit, u 16-il pajjiż ieħor. Wara li jingħata servizz ta' trasport internazzjonali mill-pajjiż ta’ reġistrazzjoni tal-vettura għal pajjiż ieħor tal-ECMT, possibbli li jingħataw sa tliet servizzi oħra, u l-pajjiż ta’ reġistrazzjoni ma jkunx involut, qabel ma l-vettura jkollha tirritorna lejn il-pajjiż fejn hija rreġistrata.
L-għadd tal-permessi tal-ECMT huwa limitat għal kull Stat Membru. Dawn il-permessi jitqassmu fil-livell nazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru. Diġà ġew iddistribwiti xi permessi għall-2019 u l-għadd tagħhom ma jistax jiżdied fi żmien qasir. Il-kwoti tal-ECMT jiġu stabbiliti kull sena u kull bidla fl-għadd ta’ permessi allokati lil xi pajjiż tal-EMCT għandha tiġu maqbula b’mod unanimu mill-pajjiżi kollha tal-EMCT.
Pereżempju, fl-2019 se jkun hemm permessi annwali għal 23,252 vettura rreġistrata fl-UE-27. Barra minn hekk, se jkun hemm 984 permess annwali għar-Renju Unit u 23,472 permess annwali għal vetturi minn pajjiżi oħra li qed jipparteċipaw fis-sistema. Meta wieħed jikkunsidra l-volumi ta’ servizzi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u l-merkanzija li tinġarr bit-triq bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri (madwar 50 miljun tunnellata fl-2017; xi 30 miljun tunnellata mill-UE-27 lejn ir-Renju Unit u xi 20 miljun tunnellata mir-Renju Unit lejn l-UE-27) huwa evidenti li d-dipendenza biss fuq is-sistema tal-kwoti tal-EMCT attwalment ma tikkostitwixxix soluzzjoni adegwata biex tiġi żgurata l-konnettività bażika tat-trasport tal-merkanzija bit-triq immedjatament wara d-data tal-ħruġ fin-nuqqas ta’ ftehim dwar il-ħruġ. Jenħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri jaħdmu biex jiżguraw li jkun disponibbli għadd adegwat ta’ permessi fi ħdan is-sistema tal-ECMT, sabiex tiġi żgurata l-konnettività bażika.
It-trasport ta’ merkanzija bit-triq bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri huwa kważi kollu f’idejn l-operaturi tat-trasport bit-triq tar-Renju Unit u tal-Unjoni. It-telf minn dawn l-operaturi tad-dritt tagħhom li jipprovdu trasport tal-merkanzija bit-triq bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri għalhekk jirriżulta fi tfixkil serju inkluż fir-rigward tal-ordni pubbliku.
Għalhekk, huwa xieraq li l-Unjoni tadotta miżuri ta’ kontinġenza temporanji u limitati biż-żmien biex jittaffew dawn l-effetti potenzjalment dannużi għall-konnettività.
Fil-Komunikazzjoni tagħha “Tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Marzu 2019: Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kontinġenza” tat-13 ta’ Novembru 2018 il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tipproponi għadd ta’ miżuri ta’ kontinġenza biex tindirizza l-possibbiltà li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni, mingħajr ftehim dwar il-ħruġ. Rigward it-trasport bit-triq, f’din il-komunikazzjoni l-Kummissjoni enfasizzat li l-permessi tal-ECMT jistgħu jippermettu biss volumi ta’ traffiku notevolment inferjuri għal dawk attwali bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.
Il-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) saħaq fuq l-appell tiegħu, tat-13 ta’ Diċembru 2018, biex issir ħidma ħalli jiġu intensifikati l-preparamenti fil-livelli kollha għall-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit, b’kunsiderazzjoni tal-eventwalitajiet kollha possibbli. Dan l-att huwa parti minn pakkett ta’ miżuri li qiegħda tadotta l-Kummissjoni bħala reazzjoni għal dan l-appell.
Il-proposta attwali għalhekk għandha l-għan li tistabbilixxi miżuri temporanji biex jirregolaw it-trasport ta’ merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni u r-Renju Unit wara l-ħruġ ta’ dan tal-aħħar mill-Unjoni (l-Artikolu 1). Dawn il-miżuri huma maħsuba biex iżommu konnettività bażika għal perjodu strettament limitat biż-żmien (l-Artikolu 9).
Fl-ewwel lok (l-Artikolu 3), ir-Regolament propost jipprevedi l-għoti unilaterali ta’ drittijiet għat-trasport bilaterali għall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit sabiex dawn ikunu jistgħu jkomplu jittrasportaw il-merkanzija bejn it-territorji rispettivi.
Id-drittijiet mogħtija lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit huma suġġetti għall-konformità mad-dritt rilevanti tal-Unjoni li japplika għat-trasport tal-merkanzija bit-triq (l-Artikolu 4) u drittijiet ekwivalenti mogħtija mir-Renju Unit lill-operaturi tat-trasport bit-triq tal-Unjoni. Ir-Regolament propost jistabbilixxi mekkaniżmu (l-Artikolu 5) biex jiġi żgurat li d-drittijiet li jgawdu minnhom l-operaturi tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq tal-Unjoni fir-Renju Unit jkunu ekwivalenti għal dawk mogħtija lill-operaturi ta’ trasport ta’ merkanzija bit-triq tar-Renju Unit skont ir-Regolament propost. Jekk dak ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa biex tadotta l-miżuri meħtieġa biex tikkoreġi s-sitwazzjoni permezz ta’ atti delegati, inkluża l-limitazzjoni tal-kapaċità permissibbli disponibbli għall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit jew għall-għadd ta’ vjaġġi jew għat-tnejn li huma. Il-valutazzjoni tal-livell ta’ ekwivalenza u l-adozzjoni tal-miżuri korrettivi min-naħa tal-Kummissjoni mhumiex biss marbuta ma’ korrispondenza formali u stretta bejn iż-żewġ sistemi ġuridiċi; dan huwa minħabba d-differenzi kbar bejn is-swieq rispettivi u sabiex jiġi evitat approċċ ta’ “blind mirroring” — li fl-aħħar mill-aħħar jista’ jirriżulta kontra l-interess tal-Unjoni.
Ir-Regolament propost, għalkemm għandu l-għan li temporanjament jiżgura l-konnettività bażika għat-trasport tal-merkanzija bit-triq , jistabbilixxi mekkaniżmu flessibbli biex jiżgura li l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni jgawdu minn opportunitajiet ġusti u ugwali biex jikkompetu mal-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit ladarba r-Renju Unit ma jibqax marbut bid-dritt tal-Unjoni. Ambjent b’kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni jirrikjedi li, anki wara l-ħruġ, ir-Renju Unit ikompli japplika standards għoljin u komparabbli biżżejjed fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fir-rigward ta’: kompetizzjoni ġusta inkluża r-regolamentazzjoni tal-kartelli, tal-abbuż ta’ pożizzjonijiet dominanti u tal-fużjonijiet; il-projbizzjoni ta’ sussidji mhux iġġustifikati; il-protezzjoni tal-ħaddiema u livell għoli ta’ sikurezza fit-toroq; il-protezzjoni tal-ambjent; is-sikurezza u s-sigurtà, jew inkella l-għoti ta’ liċenzji lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq jew il-kwalifika, it-taħriġ u l-kontrolli mediċi tax-xufiera professjonisti. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li ma ssirx diskriminazzjoni kontra t-trasportaturi tal-Unjoni fir-Renju Unit, de jure jew de facto. Ir-Regolament propost għalhekk jimpenja lill-Kummissjoni (l-Artikolu 6) bil-kompitu li tissorvelja l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni bejn l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni u dawk tar-Renju Unit u jagħtiha s-setgħa tadotta l-miżuri meħtieġa, permezz ta’ atti delegati, biex jiġi żgurat li dawn il-kundizzjonijiet jibqgħu dejjem f’livell ekwu.
Hawn stabbiliti l-proċeduri meħtieġa sabiex jippermettu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jivverifikaw li l-operaturi tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq li jġorru l-merkanzija fl-Unjoni skont dan ir-Regolament huma liċenzjati jew iċċertifikati mir-Renju Unit f’konformità mal-istandards rilevanti, li jkun hemm konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni rilevanti kollha u li d-drittijiet permessi ma jinqabżux.
Iddaħħlet dispożizzjoni espliċita biex tfakkar li l-Istati Membri la jistgħu jinnegozjaw u lanqas jistgħu jikkonkludu xi ftehimiet bilaterali dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq mar-Renju Unit dwar kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u li huma ma jistgħux jagħtu lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit drittijiet marbuta mat-trasport tal-merkanzija bit-triq minbarra dawk mogħtija f’dan ir-Regolament (l-Artikolu 3). Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti rispettivi ser ikunu jistgħu jikkooperaw kif meħtieġ għall-implimentazzjoni korretta ta’ dan ir-Regolament (l-Artikolu 7), b’tali mod li jkun hemm l-inqas tfixkil possibbli għall-ġestjoni tas-servizzi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq li se jkomplu jiġu pprovduti taħt il-patroċinju tiegħu wara l-ħruġ tar-Renju Unit.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet tal-politika eżistenti fil-qasam tal-politika
Dan ir-Regolament propost huwa maħsub bħala lex specialis li jindirizza wħud mill-konsegwenzi li jirriżultaw mill-fatt li r-regoli tal-Unjoni li jirregolaw it-trasport tal-merkanzija bit-triq, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1072/2009, mhux se jibqgħu japplikaw għat-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn ir-Renju Unit u l-bqija tal-Istati Membri sa mill-ħruġ tar-Renju Unit u fin-nuqqas ta’ ftehim dwar il-ħruġ. It-termini proposti huma limitati għal dak li huwa neċessarju f’dan ir-rigward, sabiex jiġi evitat tfixkil sproporzjonat, inkluż fir-rigward tal-ordni pubbliku. Dawn huma maħsuba biex japplikaw biss għal perjodu limitat ta’ żmien. Din il-proposta hija għalhekk kompletament konsistenti mal-leġiżlazzjoni eżistenti u b’mod partikolari mar-Regolament (KE) Nru 1072/2009.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Din il-proposta tikkumplementa r-regoli tal-Unjoni li jirregolaw it-trasport tal-merkanzija bit-triq, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 1072/2009. L-għan u l-kuntest speċifiċi ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll in-natura unilaterali tiegħu, neċessarjament jeħtieġu approċċ restrittiv għall-għoti tad-drittijiet, kif ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi maħsuba biex jippreżervaw l-ugwaljanza tad-drittijiet u l-kundizzjonijiet ekwi.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 91(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dan l-Artikolu jipprevedi l-bażi għall-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE li tistabbilixxi, b’mod partikolari: (i) regoli komuni li japplikaw għat-trasport internazzjonali lejn jew mit-territorju ta’ Stat Membru jew li jaqsam it-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar (Artikolu 91(1)(a) tat-TFUE); u (ii) il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-mod li bih trasportaturi mhux residenti jistgħu joperaw servizzi tat-trasport f’xi Stat Membru (Artikolu 91(1)(b) tat-TFUE).
•Sussidjarjetà
L-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 jirriżerva għall-Unjoni l-kompetenza biex tikkonkludi l-ftehimiet rilevanti mal-pajjiżi terzi. Fin-nuqqas ta’ ftehim bħal dan, l-att propost għandu jistabbilixxi l-konnettività bażika sakemm ikunu qed jingħataw l-istess drittijiet min-naħa tar-Renju Unit. Din it-tip ta’ konnettività tkun żgurata b’mod ugwali għat-traffiku minn u lejn il-punti kollha fl-Unjoni, u b’hekk jiġu evitati d-distorsjonijiet fis-suq intern. Għalhekk jirriżulta li l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni hija indispensabbli billi dan ir-riżultat ma jistax jinkiseb permezz ta’ azzjoni fil-livell tal-Istati Membri.
•Proporzjonalità
Ir-Regolament propost huwa kkunsidrat proporzjonat peress li huwa kapaċi jevita t-tfixkil sproporzjonat b’mod li jiżgura wkoll il-kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni għall-operaturi tat-trasport bit-triq tal-Unjoni. Għalhekk, ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-objettiv. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, għall-kundizzjonijiet li taħthom id-drittijiet rilevanti huma mogħtija, li jipprevedu, inter alia, il-ħtieġa li r-Renju Unit jikkonferixxi drittijiet ekwivalenti u l-ħtieġa tal-kompetizzjoni ġusta, kif ukoll il-limitazzjoni taż-żmien tar-reġim stabbilit.
•Għażla tal-istrument
Peress li l-att jirregola kwistjonijiet relatati mill-qrib mar-Regolament (KE) Nru 1072/2009 u huwa maħsub, bħal dawn ir-Regolamenti, sabiex jiżgura kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni armonizzati għalkollox, dan għandu jieħu l-forma ta’ Regolament. Dan iwieġeb ukoll fl-aħjar mod għall-urġenza tas-sitwazzjoni/kuntest, peress li ż-żmien disponibbli qabel il-ħruġ (mingħajr konklużjoni ta’ ftehim dwar il-ħruġ) huwa qasir wisq biex jippermetti t-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu f’Direttiva.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Dan mhuwiex applikabbli minħabba n-natura ta’ darba, eċċezzjonali u temporanja tal-avveniment li tagħmel din il-proposta neċessarja u li ma tirrelatax mal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni eżistenti.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
L-isfidi li jirriżultaw mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u s-soluzzjonijiet possibbli tqajmu minn diversi partijiet ikkonċernati u rappreżentanti tal-Istati Membri.
Tema rikorrenti fil-fehmiet ippreżentati kienet il-ħtieġa għal intervent regolatorju sabiex jinżamm ċertu livell ta’ konnettività fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. F’dak li jirrigwarda l-aċċess għas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni, il-partijiet ikkonċernati mhumiex f'qagħda li jieħdu miżuri ta’ kontinġenza tagħhom stess sabiex itaffu l-impatt negattiv li jista' jġib miegħu n-nuqqas ta’ ftehim dwar il-ħruġ.
Fid-29 ta’ Novembru 2018, il-Kummissjoni organizzat workshop tal-UE-27 dwar l-istat ta’ tħejjija fil-Grupp ta’ Ħidma “Artikolu 50” tal-Kunsill, li matulu r-rappreżentanti tal-Istati Membri enfasizzaw, b’mod partikolari, il-ħtieġa li jiġu adottati miżuri ta’ kontinġenza fil-livell tal-UE sabiex tiġi żgurata l-konnettività bażika bejn l-UE-27 u r-Renju Unit f’każ li ma jintaħaqx ftehim dwar il-ħruġ. B’mod partikolari ġie enfasizzat li s-sistema multilaterali tal-kwoti tal-ECMT ma tirrappreżentax soluzzjoni alternattiva suffiċjenti u adegwata meta jitqiesu l-limitazzjonijiet kwantitattivi u kwalitattivi tagħha.
Dawn il-kummenti tqiesu kif jixraq waqt it-tħejjija tal-proposta.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-partijiet ikkonċernati rilevanti qasmu mal-Kummissjoni diversi valutazzjonijiet dwar il-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit għas-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq. Dawn il-valutazzjonijiet jikkonkludu li l-unika soluzzjoni alternattiva disponibbli fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, jiġifieri s-sistema multilaterali tal-kwoti tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport (ECMT), mhijiex adegwata biex tissodisfa l-ħtiġijiet tas-settur. In-nuqqas ta’ permessi disponibbli għall-2019 (ara iktar ’l fuq) x’aktarx jikkawża tfixkil sinifikanti u l-fluss bilaterali ta’ merkanzija bit-triq (madwar 50 miljun tunnellata fis-sena) jista’ ma jibqax kopert bis-sħiħ. Aktar minn 80 % tal-operazzjonijiet tat-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn ir-Renju Unit u l-UE-27 bħalissa qed isiru minn trasportaturi stabbiliti fl-UE-27. Huwa fl-interess tal-UE-27 li jiġi previst qafas ġuridiku li ma jirrestrinġix indebitament l-operazzjonijiet tat-trasport bilaterali tal-merkanzija bit-triq.
•Valutazzjoni tal-impatt
L-ebda evalwazzjoni tal-impatt ma hija meħtieġa, minħabba n-natura eċċezzjonali tas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tal-perjodu limitat li matulu l-bidla fl-istatus tar-Renju Unit qed tiġi implimentata. Ma huma disponibbli l-ebda opzjonijiet ta’ politika materjalment u legalment differenti minn dik proposta.
•Drittijiet fundamentali
Din il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
2018/0436 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar regoli komuni li jiżguraw il-konnettività bażika tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit ressaq in-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ xi ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara li tkun saret in-notifika, jiġifieri mit-30 ta’ Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dan il-perjodu.
(2)Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, itemm, fir-rigward tar-relazzjoni tiegħu mas-sebgħa u għoxrin Stat Membru li jifdal u fin-nuqqas ta’ xi dispożizzjonijiet speċjali, id-drittijiet u l-obbligi kollha li joriġinaw mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-aċċess għas-suq, kif stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(3)Is-sistema multilaterali tal-kwoti tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport (ECMT) hija l-unika qafas ġuridiku ieħor disponibbli li jista’ jipprovdi bażi għat-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni u r-Renju Unit wara d-data tal-ħruġ. Madankollu, minħabba l-għadd limitat ta’ permessi attwalment disponibbli skont is-sistema tal-ECMT u l-ambitu limitat tagħha fir-rigward tat-tipi ta’ operazzjonijiet tat-trasport bit-triq koperti, is-sistema attwalment mhijiex adegwata biex tindirizza bis-sħiħ il-ħtiġijiet tat-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.
(4)Sabiex jiġi evitat tfixkil serju kawża ta' dan, inkluż fir-rigward tal-ordni pubbliku, huwa għalhekk meħtieġ li jiġi stabbilit sett temporanju ta’ miżuri li jippermettu lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq liċenzjati fir-Renju Unit iġorru merkanzija bit-triq bejn it-territorju ta’ dan tal-aħħar u l-bqija tas-sebgħa u għoxrin Stat Membru. Sabiex jiġi żgurat ekwilibriju ġust bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri li jifdal, jenħtieġ li d-drittijiet mogħtija jkunu soġġetti għall-għoti ta’ drittijiet ekwivalenti u għal ċerti kundizzjonijiet li jiżguraw il-kompetizzjoni ġusta.
(5)Sabiex jirriflettu l-karattru temporanju tagħhom, jenħtieġ li s-sett ta’ miżuri jkunu limitati għal perjodu qasir ta’ żmien, sabiex jippermettu li jsiru l-arranġamenti meħtieġa għall-konnettività bażika fl-ambitu tas-sistema tal-EMCT, u mingħajr preġudizzju għan-negozjati possibbli u d-dħul fis-seħħ ta’ ftehim futur li jikopri t-trasport ta’ merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.
(6)Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak il-għan.
(7)Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u japplika mill-jum wara dak meta t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fih, sakemm ma jkunx intlaħaq ftehim dwar il-ħruġ mar-Renju Unit u dan ikun daħal fis-seħħ sa dik id-data.
(8)Fejn meħtieġ biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-suq, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni, biex terġa’ tiġi stabbilita l-ekwivalenza tad-drittijiet mogħtija mill-Unjoni lill-operaturi ta’ trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit ma’ dawk mogħtija mir-Renju Unit lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni u biex jiġi offrut rimedju għall-okkorrenzi ta’ kompetizzjoni inġusta għad-detriment tal-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, anke fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jitwettqu f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li fih jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati. Għandu jiġi żgurat li kwalunkwe att delegat bħal dan ma jaffettwax bla bżonn il-funzjonament korrett tas-suq intern.
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri temporanji li jirregolaw it-trasport tal-merkanzija bit-triq bejn l-Unjoni u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“Ir-Renju Unit”) wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“vettura” tfisser vettura bil-mutur irregistrata fir-Renju Unit jew vetturi kkombinati, li talanqas il-vettura bil-mutur tagħhom tkun irreġistrata fir-Renju Unit, u użata esklussivament għat-trasport tal-merkanzija. Il-vettura tista’ tkun proprjetà tal-impriża, jew inxtrat minnha b’kondizzjonijiet differiti jew tista’ tkun mikrija sakemm, fil-każ tal-aħħar, tikkonforma mal-kondizzjonijiet tad-Direttiva 2006/1/KE.
(2)"trasport bilaterali" tfisser:
(a)vjaġġ mgħobbi li jsir minn vettura li l-postijiet tat-tluq u tal-wasla tagħha jkunu fit-territorju tal-Unjoni u fit-territorju tar-Renju Unit rispettivament, li jgħaddi jew bla ma jgħaddi minn xi Stat Membru wieħed jew aktar jew minn pajjiżi terzi;
(b)vjaġġ bla tagħbija li huwa involut ma’ trasport imsemmi fil-punt (a);
(3) “operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni” tfisser impriża involuta fit-trasport tal-merkanzija bit-triq li jkollha liċenzja Komunitarja valida skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1072/2009;
(4)“operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit” tfisser impriża stabbilita fir-Renju Unit li hija awtorizzata li teżerċita t-trasport tal-merkanzija bit-triq u għandha fil-pussess tagħha liċenzja valida fir-Renju Unit;
(5)“liċenzja tar-Renju Unit” tfisser liċenzja maħruġa mir-Renju Unit għall-finijiet ta’ trasport internazzjonali, inkluż it-trasport bilaterali;
(6)“id-dritt tal-kompetizzjoni” tfisser il-liġi li tindirizza l-imġiba li ġejja, fejn din tista’ taffettwa s-servizzi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq:
(a)Imġiba li tikkonsisti fi:
(i)ftehimiet bejn l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u prattiki miftiehma li għandhom bħala l-għan tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni jew li jaffettwawhom;
(ii)abbużi ta’ pożizzjoni dominanti minn operatur(i) tat-trasport tal-merkanzija bit-triq wieħed jew aktar;
(iii)miżuri meħuda jew miżmuma fis-seħħ mir-Renju Unit fil-każ ta’ impriżi pubbliċi u impriżi li r-Renju Unit jagħtihom drittijiet speċjali jew esklużivi u li jmorru kontra l-punti (i) jew (ii); kif ukoll
(b)konċentrazzjonijiet bejn l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, li jimpedixxu b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva, b’mod partikolari b’riżultat tal-ħolqien jew tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti;
(7)“sussidju” jfisser kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija lil xi operatur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq minn gvern jew minn kwalunkwe korp pubbliku ieħor fi kwalunkwe livell, li jikkonferixxi benefiċċju, u jinkludi:
(a)it-trasferiment dirett ta’ fondi bħalma huma l-għotjiet, is-self jew l-infużjoni tal-kapital ta’ ekwità, it-trasferiment dirett potenzjali ta’ fondi, it-teħid ta’ obbligazzjonijiet, bħalma huma l-garanziji fuq is-self, l-injezzjonijiet tal-kapital, is-sjieda, il-protezzjoni kontra l-falliment jew l-assigurazzjoni;
(b)dak li għadu kif issemma hawn fuq jew in-nuqqas ta’ ġbir ta’ dħul li kieku jkun dovut;
(c)il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi oħra minbarra l-infrastruttura ġenerali, jew ix-xiri ta’ merkanzija jew servizzi; jew
(d)li jsiru pagamenti għal mekkaniżmu ta’ fużjoni, jew li jitħalla f’idejn entità privata sabiex tagħmel tip ta’ funzjoni(jiet) wieħed jew iktar imsemmija hawn fuq f’(a), (b) u (c) li normalment jiġu vestiti fil-gvern u fil-prattika, u f’ebda sens, ma jkunu differenti mill-prattika normali li tiġi segwita mill-gvernijiet.
L-ebda benefiċċju ma jitqies li jkun ġie mogħti minn kontribuzzjoni finanzjarja li tkun saret minn gvern jew korp pubbliku ieħor jekk operatur tas-suq privat immotivat biss minn prospetti ta’ profittabbiltà, li jinsab fl-istess sitwazzjoni bħal korp pubbliku inkwistjoni, ikun wettaq l-istess kontribuzzjoni finanzjarja;
(8)“awtorità tal-kompetizzjoni indipendenti” tfisser awtorità li hija responsabbli mill-applikazzjoni u mill-infurzar tad-dritt tal-kompetizzjoni kif ukoll mill-kontroll tas-sussidji, u tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)l-awtorità hija operazzjonalment indipendenti u hija mgħammra b’mod adegwat bir-riżorsi meħtieġa biex twettaq il-kompiti tagħha;
(b)fit-twettiq tad-dmirijiet tagħha u waqt li teżerċita s-setgħat tagħha, l-awtorità tgawdi mill-garanziji neċessarji ta’ indipendenza minn indħil politiku jew minn kwalunkwe influwenza esterna oħra u taġixxi b’mod imparzjali; kif ukoll
(c)id-deċiżjonijiet tal-awtorità huma soġġetti għal rieżami ġudizzjarju;
(9)“diskriminazzjoni” tfisser divrenzjar ta’ kull tip mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva fir-rigward tal-provvista tal-oġġetti jew tas-servizzi, inklużi s-servizzi pubbliċi, użati għat-tħaddim ta’ servizzi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, jew fir-rigward tat-trattament tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti għat-tali servizzi;
(10)“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorju tal-Istati Membri li għalih japplikaw it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, bil-kundizzjonijiet stipulati f’dawk it-Trattati;
Artikolu 3
Id-dritt li jitwettaq it-trasport bilaterali
1.l-operaturi tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq tar-Renju Unit jistgħu, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, iwettqu t-trasport bilaterali.
2.It-trasport bilaterali tat-tipi li ġejjin jistgħu jitwettqu minn persuni naturali jew ġuridiċi stabbiliti fir-Renju Unit, mingħajr il-ħtieġa għal liċenzja tar-Renju Unit fis-sens tal-Artikolu 2(5):
(a)it-trasport tal-posta bħala servizz universali;
(b)it-trasport ta’ vetturi li jkunu ġarrbu ħsarat jew li m’għadhomx jaħdmu;
(c)it-trasport ta’ merkanzija fuq vetturi bil-mutur li l-massa bit-tagħbija permissibbli tagħhom, li jinkludi anke t-toqol tal-karrijiet, ma teċċedix it-3,5 tunnellati;
(d)it-trasport ta’ prodotti mediċinali, apparat, tagħmir u artikoli oħra li huma meħtieġa għall-kura medika f’każijiet ta’ emerġenza, partikolarment fil-każi ta’ diżastri naturali,
(e)it-trasport tal-merkanzija sakemm
(i) il-merkanzija li tinġarr tkun il-proprjetà tal-impriża jew li tkun inbiegħet, inxtrat, ingħatat b’kera jew inkriet, kienet prodotta, estratta, ipproċessata jew imsewwija mill-impriża;
(ii) l-iskop tal-vjaġġ ikun li tinġarr il-merkanzija lejn jew mill-impriża jew biex tiġi mċaqalqa, kemm jekk ġewwa l-impriża jew barra minnha, għall-ħtiġijiet tagħha;
(iii) vetturi bil-magna użati għat-tali trasport iridu jsuquhom l-impjegati tal-impriża jew għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha fuq obbligu kuntrattwali;
(iv) il-vetturi li jġorru l-merkanzija jkunu proprjetà tal-impriża jew ikunu nxtraw minnha bi ħlas bin-nifs jew mikrijin, sakemm fil-każ tal-aħħar dawn ikunu jilħqu l-kondizzjonijiet tad-Direttiva 2006/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar l-użu ta’ vetturi mikrija mingħajr xufiera għat-trasport bit-triq tal-merkanzija ( 12 ); kif ukoll
u dan it-trasport ma jkunx ħlief anċillari għall-attivitajiet kollha tal-impriża;
3.L-Istati Membri ma għandhom la jinnegozjaw u lanqas jidħlu fi kwalunkwe ftehim jew arranġamenti bilaterali mar-Renju Unit dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Mingħajr preġudizzju għal ftehimiet multilaterali eżistenti, dawn ma għandhomx mod ieħor jagħtu lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit kwalunkwe drittijiet minbarra dawk mogħtija f’dan ir-Regolament.
Artikolu 4
Ir-regoli tekniċi u soċjali
Matul it-trasport bilaterali skont dan ir-Regolament, ir-regoli li ġejjin għandhom jiġu osservati:
(a)fir-rigward ta’ ħaddiema mobbli u xufiera li jaħdmu għal rashom, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Istati Membri skont id-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(b)fir-rigward ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali marbuta mat-trasport bit-triq, ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(c)fir-rigward ta’ takografi fit-trasport bit-triq, ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(d)fir-rigward ta’ dimensjonijiet u piżijiet massimi awtorizzati ta’ ċerti vetturi tat-triq, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Istati Membri skont id-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE;
(e)fir-rigward tal-installazzjoni u tal-użu ta’ apparat li jillimita l-veloċità għal ċerti kategoriji ta’ vetturi bil-mutur, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Istati Membri skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/6/KEE;
(f)fir-rigward tal-użu obbligatorju taċ-ċintorini tas-sikurezza u tas-sistemi tat-trażżin għat-tfal fil-vetturi, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Istati Membri skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/671/KEE;
(g)fir-rigward tal-istazzjonar tal-ħaddiema, ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Istati Membri skont id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Artikolu 5
Ekwivalenza tad-drittijiet
1.Il-Kummissjoni għandha timmonitorja d-drittijiet mogħtija mir-Renju Unit lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni u l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tagħhom.
2.Fejn tiddetermina li d-drittijiet mogħtija mir-Renju Unit lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni mhumiex, de jure jew de facto, ekwivalenti għal dawk mogħtija lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit skont dan ir-Regolament, jew li dawk id-drittijiet mhumiex disponibbli b’mod ekwu għall-operaturi kollha tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista’, sabiex terġa’ tiġi stabbilita l-ekwivalenza, permezz ta’ atti delegati:
(a)tistabbilixxi limiti għall-kapaċità permissibbli disponibbli għall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit jew għall-għadd ta’ vjaġġi jew għat-tnejn;
(b)tissospendi l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament; jew
(c)tadotta kwalunkwe miżura oħra xierqa.
Artikolu 6
Kompetizzjoni ġusta
1.Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-kundizzjonijiet li taħthom l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tal-Unjoni jikkompetu mal-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit biex jipprovdu s-servizzi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq koperti minn dan ir-Regolament.
2.Meta tiddeċiedi li, bħala riżultat ta’ kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 3, l-imsemmija kundizzjonijiet huma sostanzjalment inqas favorevoli minn dawk li jgawdu minnhom l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit, il-Kummissjoni tista’, sabiex tirrimedja dik is-sitwazzjoni, permezz ta’ atti delegati:
(a)tistabbilixxi limiti permissibbli tal-kapaċità disponibbli għall-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit jew għall-għadd ta’ vjaġġi jew għat-tnejn;
(b)tissospendi l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament; jew
(c)tadotta kwalunkwe miżura oħra xierqa.
3.Atti delegati skont il-paragrafu 2 jistgħu jiġu adottati sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjonijiet li ġejjin:
(a)l-għoti ta’ sussidji mir-Renju Unit;
(b)in-nuqqas, mir-Renju Unit biex ikollu fis-seħħ jew li japplika b’mod effettiv id-dritt tal-kompetizzjoni;
(c)in-nuqqas mir-Renju Unit biex jistabbilixxi jew iżomm awtorità tal-kompetizzjoni indipendenti;
(d)l-applikazzjoni mir-Renju Unit ta’ standards fir-rigward tal-protezzjoni tal-ħaddiema, tas-sikurezza, tas-sigurtà jew tal-ambjent jew inkella tal-għoti ta’ liċenzji lill-operaturi tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq jew tal-kwalifiki, tat-taħriġ u tal-kontrolli mediċi għax-xufieraa professjonisti, li huma inferjuri għal dawk stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni jew, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet rilevanti fid-dritt tal-Unjoni, inferjuri għal dawk applikati mill-Istati Membri kollha jew, fi kwalunkwe każ, inferjuri għall-istandards rilevanti internazzjonali;
(e)l-applikazzjoni mir-Renju Unit tar-regoli fir-rigward tal-pedaġġi tat-triq u tat-tassazzjoni li jkunu differenti mir-regoli stabbiliti fid-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill; kif ukoll
(f)kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni kontra l-operaturi tat-trasport ta’ merkanzija bit-triq tal-Unjoni.
4.Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni mingħand l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit jew mill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit. Meta l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit jew l-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq tar-Renju Unit ma jipprovdux l-informazzjoni mitluba fil-perjodu ta’ żmien raġonevoli stipulat mill-Kummissjoni, jew jipprovdu informazzjoni skorretta, il-Kummissjoni tista’ tipproċedi skont il-paragrafu 2.
Artikolu 7
Konsultazzjoni u kooperazzjoni
1.L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkonsultaw l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit u jikkooperaw magħhom skont il-ħtieġa sabiex jassiguraw l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
2.L-Istati Membri għandhom, fuq talba, jipprovdu lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed kwalunkwe informazzjoni miksuba skont il-paragrafu 1 jew kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 5 u tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 8
Eżerċizzju tad-delega
1.Qabel l-adozzjoni ta’ att delegat skont l-Artikolu 5(2) jew l-Artikolu 6(2), il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti maħtura minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016*.
2.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Artikolu 9
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-jum ta’ wara meta t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk sa dik id-data jkun daħal ftehim dwar il-ħruġ li jkun ġie konkluż mar-Renju Unit f’konformità mal-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2019.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President