Brussell, 19.12.2018

COM(2018) 893 final

2018/0433(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar regoli komuni biex tiġi żgurata konnettività bażika fl-ajru fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ 1 ma jiġix irratifikat, il-liġi primarja u sekondarja tal-Unjoni ma tibqax tapplika għar-Renju Unit mit-30 ta’ Marzu 2019 (“id-data tal-ħruġ”). Minn dik id-data, ir-Renju Unit isir pajjiż terz.

It-trasport internazzjonali bl-ajru ma jistax iseħħ mingħajr il-kunsens espliċitu tal-Istati involuti; din hija konsegwenza tas-sovranità kompleta u esklużiva fuq l-ispazju tal-ajru fuq it-territorju tagħhom. Is-soltu l-Istati jorganizzaw it-trasport bl-ajru bejniethom permezz ta’ Ftehimiet dwar is-Servizzi tal-Ajru (ASA) fuq livell bilaterali li jistabbilixxu d-drittijiet speċifiċi mogħtija b’mod reċiproku u l-kundizzjonijiet biex jiġu eżerċitati. Id-drittijiet tat-traffiku u s-servizzi marbuta b’mod dirett mal-eżerċitar tagħhom jiġu esklużi apposta mill-ambitu tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi 2 .

Fl-Unjoni, il-libertà għat-trasportaturi tal-ajru tal-Istati Membri (it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni) li jipprovdu servizzi tal-ajru intra-UE tirriżulta b’mod esklużiv mir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità, li jistabbilixxi wkoll ir-regoli għall-għoti tal-liċenzji ta’ dawk it-trasportaturi tal-ajru.

Fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet li jistipulaw mod ieħor fi ftehim dwar il-ħruġ, is-servizzi tal-ajru bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri ma jibqgħux jiġu rregolati minn dak ir-Regolament ladarba jseħħ il-ħruġ. Barra minn hekk, ċerti trasportaturi tal-ajru, peress li għandhom liċenzja operattiva maħruġa mir-Renju Unit, jew peress li l-post prinċipali tan-negozju tagħhom jinsab fir-Renju Unit, jew peress li l-maġġoranza tas-sjieda tagħhom tkun tar-Renju Unit jew il-kontroll effettiv tagħhom isir minnu, ma jibqgħux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f’dak Regolament biex jikkwalifikaw bħala trasportaturi tal-Unjoni.

B’konsegwenza ta’ dan, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet li jistipulaw mod ieħor fi ftehim dwar il-ħruġ, mit-30 ta’ Marzu 2019 mhux se jkun hemm bażi ġuridika għall-provvista ta’ servizzi tal-ajru bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri mit-trasportaturi rispettivi. It-trasportaturi fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti hawn fuq jitilfu l-liċenzja operattiva tal-Unjoni tagħhom, u b’konsegwenza ta’ dan, ma jibqgħux igawdu mid-dritt li jipprovdu servizzi tal-ajru intra-Unjoni.

Is-servizzi diretti tat-trasport bl-ajru bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri huma kważi għalkollox f’idejn ir-Renju Unit u t-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni. Għalhekk, jekk dawk it-trasportaturi tal-ajru jitilfu d-dritt li jipprovdu servizzi tal-ajru bejn ir-Renju Unit u l-Istati Membri, dan iwassal għal tfixkil serju. Il-biċċa l-kbira tar-rotot tal-ajru bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, jekk mhux kollha, ma jibqgħux jiġu moqdija. B’kuntrast ma’ dan, ir-rotot intra-Unjoni li ma jibqgħux jiġu moqdija mit-trasportaturi tar-Renju Unit wara l-ħruġ, jibqgħu aċċessibbli għalkollox għat-trasportaturi tal-Unjoni.

F’xenarju ta’ nuqqas ta’ qbil, huwa mistenni li l-konsegwenzi għall-ekonomiji rispettivi jkunu ħorox, kif deskritt hawn taħt: il-ħin u l-kostijiet tal-ivvjaġġar bl-ajru jiżdiedu b’mod sinifikanti peress li jibdew jintużaw rotot alternattivi, u dan ikollu impatt fuq l-infrastruttura tat-trasport bl-ajru ta’ dawk ir-rotot alternattivi, filwaqt li d-domanda għat-trasport bl-ajru tonqos. B’riżultat ta’ dan, jintlaqat mhux biss is-settur tat-trasport bl-ajru, iżda wkoll setturi oħra tal-ekonomija li jiddependu ferm fuq it-trasport bl-ajru. L-ostakli għall-kummerċ li jirriżultaw minn dan ixekklu n-negozju fi swieq ’il bogħod kif ukoll ir-rilokazzjoni tan-negozju. It-tfixkil tal-konnettività tat-trasport bl-ajru tkun tirrappreżenta t-telf ta’ assi strateġiku għall-Unjoni u għall-Istati Membri.

Fil-Komunikazzjoni tagħha “Tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Marzu 2019: Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kontinġenza” tat-13 ta’ Novembru 2018 3 , il-Kummissjoni ħabbret li biħsiebha tipproponi miżuri biex jiġi żgurat li t-trasportaturi tal-ajru mir-Renju Unit jitħallew itiru fuq it-territorju tal-Unjoni Ewropea, jagħmlu waqfiet tekniċi (eż. l-għoti ta’ fjuwil mill-ġdid mingħajr l-imbarkazzjoni/iż-żbark tal-passiġġieri), kif ukoll jinżlu fl-Unjoni Ewropea u jtiru lura lejn ir-Renju Unit. Dawk il-miżuri jkunu soġġetti għall-kundizzjoni li r-Renju Unit japplika miżuri ekwivalenti għat-trasportaturi tal-ajru mill-Unjoni Ewropea.

Għalhekk, il-proposta attwali għandha l-għan li tistabbilixxi miżuri proviżorji biex jiġi rregolat it-trasport bl-ajru bejn l-Unjoni u r-Renju Unit wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni (l-Artikolu 1). Dawn il-miżuri huma maħsuba biex tinżamm konnettività bażika għal perjodu tranżizzjonali qasir (l-Artikolu 12).

L-ewwel nett (skont l-Artikolu 3) ir-Regolament propost jipprevedi l-għoti unilaterali tal-ewwel, tat-tieni, tat-tielet u tar-raba’ libertajiet tad-drittijiet tat-traffiku lit-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit sabiex dawn ikunu jistgħu jkomplu jtiru fuq it-territorju tal-Unjoni u jagħmlu waqfiet tekniċi fih, kif ukoll jaqdu r-rotot diretti bejn it-territorji rispettivi. Ma ssir l-ebda distinzjoni bejn l-operat tal-passiġġieri u tal-merkanzija, jew bejn is-servizzi bi skeda u mingħajr skeda. B’mod konsistenti mal-għan tar-Regolament propost li tiġi żgurata l-konnettività bażika, il-kapaċità li biha t-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit se jitħallew joffru s-servizzi tagħhom tiġi ffriżata fil-livelli ta’ qabel il-Brexit, espressi bin-numru ta’ titjiriet (“frekwenzi”). L-ebda mill-apparati tal-flessibbiltà operazzjonali tas-soltu (pereżempju l-arranġamenti kooperattivi tal-kummerċjalizzazzjoni, il-kiri tal-inġenji tal-ajru, il-bidla tal-gejġ jew il-koterminalizzazzjoni) ma ġew previsti għat-trasportaturi tar-Renju Unit biex jipprovdu servizzi tal-ajru skont ir-Regolament.

Ladarba d-drittijiet jingħataw lit-trasportaturi tar-Renju Unit soġġett għal prinċipju ta’ “reċiproċità”, ir-Regolament propost (l-Artikolu 4) jistabbilixxi mekkaniżmu biex jiġi żgurat li d-drittijiet li jgawdu t-trasportaturi tal-Unjoni fir-Renju Unit jibqgħu ekwivalenti għal dawk mogħtija lit-trasportaturi tar-Renju skont ir-Regolament propost. Jekk dak ma jkunx il-każ, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta l-miżuri meħtieġa biex tikkoreġi s-sitwazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, inkluż il-limitazzjoni jew il-ħruġ ta’ awtorizzazzjonijiet operattivi tat-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit. Il-valutazzjoni tal-livell ta’ ekwivalenza u l-adozzjoni ta’ miżuri korrettivi mill-Kummissjoni mhumiex marbuta biss ma’ korrispondenza formali u stretta bejn iż-żewġ ordinamenti ġuridiċi; dan minħabba d-differenzi sinifikanti bejn is-swieq rispettivi u sabiex jiġi evitat approċċ fejn kollox jiġi rifless fil-għama – li fl-aħħar mill-aħħar jaf imur kontra l-interess tal-Unjoni.

Bħalma l-Unjoni tagħmel fil-bqija tal-ftehimiet kollha tagħha dwar is-servizzi tal-ajru, dan ir-Regolament li qed jiġi propost — anke jekk l-għan tiegħu hu li jiżgura b’mod temporanju l-konnettività bażika — jistabbilixxi mekkaniżmu flessibbli biex jiġi żgurat li t-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni jgawdu opportunitajiet ġusti u indaqs biex jikkompetu mat-trasportaturi tar-Renju Unit ladarba l-liġi tal-Unjoni ma tibqax vinkolanti fuq ir-Renju Unit. Sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni jeħtieġ li, anke wara l-ħruġ, ir-Renju Unit ikompli japplika standards għoljin biżżejjed fil-qasam tat-trasport bl-ajru rigward: il-kompetizzjoni ġusta, inkluż ir-regolamentazzjoni tal-kartelli, l-abbuż minn pożizzjoni dominanti u l-fużjonijiet; il-projbizzjoni ta’ sussidji mhux iġġustifikati mill-gvern; il-protezzjoni tal-ħaddiema; il-protezzjoni tal-ambjent; is-sikurezza u s-sigurtà. Barra minn hekk, irid jiġi żgurat li ma jkunx hemm diskriminazzjoni kontra t-trasportaturi tal-Unjoni fir-Renju Unit, kemm de iure u kemm de facto. Għalhekk, ir-Regolament propost jagħti l-kompitu lill-Kummissjoni (l-Artikolu 5) biex timmonitorja l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn it-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni u tar-Renju Unit u jagħtiha s-setgħa li tadotta l-miżuri meħtieġa, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, sabiex tiżgura li dawk il-kundizzjonijiet jibqgħu jiġu ssodisfati f’kull waqt.

Il-proċeduri meħtieġa huma stabbiliti sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jivverifikaw li t-trasportaturi tal-ajru, l-inġenji tal-ajru u l-ekwipaġġi li jtiru fit-territorji tagħhom skont dan ir-Regolament jingħataw il-liċenzja jew jiġu ċċertifikati mir-Renju Unit skont l-istandards tas-sikurezza rikonoxxuti internazzjonalment, li jkun hemm konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti kollha fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni, u li ma jkunx hemm eċċess tad-drittijiet permessi (l-Artikoli 6 sa 9).

Hemm dispożizzjoni espliċita biex tfakkar li l-Istati Membri ma jridux jinnegozjaw jew jagħmlu ftehimiet bilaterali dwar is-servizzi tal-ajru mar-Renju Unit fuq kwistjonijiet li huma parti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u li lanqas ma jridu jagħtu xi drittijiet lit-trasportaturi tar-Renju Unit, b’rabta mat-trasport bl-ajru, għajr dawk mogħtija f’dan ir-Regolament (l-Artikolu 3). Madankollu, ovvjament l-awtoritajiet kompetenti rispettivi jkunu jistgħu jikkooperaw kif ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni tajba tar-Regolament (l-Artikolu 10), sabiex ikun hemm l-inqas tfixkil possibbli għall-ġestjoni tas-servizzi tal-ajru li se tkompli tiġi pprovduta taħt il-patroċinju tagħha wara l-ħruġ tar-Renju Unit.

Fit-13 ta’ Diċembru 2018, il-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) tenna s-sejħa tiegħu biex tiġi intensifikata l-ħidma fir-rigward tat-tħejjija fil-livelli kollha għall-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit, filwaqt li jitqiesu l-eżiti possibbli kollha. Dan l-att huwa parti minn pakkett ta’ miżuri li l-Kummissjoni qiegħda tadotta bħala tweġiba għal din is-sejħa.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Dan ir-Regolament propost huwa maħsub bħala lex specialis li tindirizza xi konsegwenzi minħabba l-fatt li r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 mhux se jibqa’ japplika iktar għat-trasport bl-ajru bejn ir-Renju Unit u l-bqija tal-Istati Membri mal-ħruġ tar-Renju Unit u fin-nuqqas ta’ ftehim dwar il-ħruġ. It-termini proposti huma limitati għal dak li huwa meħtieġ f’dan ir-rigward, sabiex jiġi evitat tfixkil sproporzjonat. Dawn huma maħsuba biex japplikaw għal perjodu limitat. Għalhekk, din il-proposta hija konsistenti għalkollox mal-leġiżlazzjoni eżistenti u b’mod partikolari mar-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta tikkumplementa r-Regolament tal-Unjoni (KE) Nru 1008/2008. Għalkemm l-approċċ tal-ftehimiet tal-Unjoni dwar it-trasport bl-ajru ma’ pajjiżi terzi ġie rrispettat f’xi oqsma (eż. l-awtorizzazzjonijiet operattivi), l-għan u l-kuntest speċifiċi tar-Regolament, kif ukoll in-natura unilaterali tiegħu, jeħtieġu neċessarjament approċċ iktar restrittiv fl-għoti tad-drittijiet, kif ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi maħsuba għaż-żamma tal-ugwaljanza tad-drittijiet u ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-att propost jikkumplementa r-Regolament tal-Unjoni (KE) Nru 1008/2008, sabiex tiġi żgurata l-konnettività bażika minkejja l-fatt li dak ir-Regolament ma jkunx baqa’ japplika fir-rigward tal-operat tat-trasport inkwistjoni. Tali konnettività tiġi żgurata b’mod ugwali għat-traffiku lejn il-punti kollha fl-Unjoni u minnhom, u b’hekk jiġu evitati d-distorsjonijiet fis-suq intern. Għaldaqstant l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni hija indispensabbli u r-riżultat ma jistax jinkiseb permezz ta’ azzjoni fil-livell tal-Istati Membri. .

Proporzjonalità

Ir-Regolament propost huwa kkunsidrat proporzjonat peress li kapaċi jevita tfixkil sproporzjonat b’tali mod li jiżgura wkoll kundizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni għat-trasportaturi tal-Unjoni. Dan ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkiseb dan l-għan. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, għall-kundizzjonijiet li bihom jingħataw id-drittijiet rilevanti, li fost affarijiet oħra jirrigwardaw il-ħtieġa li jingħataw drittijiet ekwivalenti mir-Renju Unit u li jkun hemm kompetizzjoni ġusta, u għal-limitazzjoni tar-reġim fiż-żmien.

Għażla tal-istrument

Ladarba l-att jirregola kwistjonijiet marbuta mill-qrib mar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 u huwa maħsub, bħal dan ir-Regolament, biex jiżgura kundizzjonijiet armonizzati għalkollox ta’ kompetizzjoni, jenħtieġ li jkollu forma ta’ Regolament. Din il-forma twieġeb l-aħjar għall-urġenza tas-sitwazzjoni/tal-kuntest, ladarba ż-żmien disponibbli qabel il-ħruġ (mingħajr konklużjoni tal-ftehim dwar il-ħruġ) huwa qasir wisq biex jippermetti li ssir traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet li jkun hemm f’Direttiva.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Dan mhuwiex applikabbli minħabba n-natura eċċezzjonali, temporanja u ta’ darba tal-avveniment li wasslet għal din il-proposta li ma tirrigwardax l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni eżistenti.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-isfidi li jfeġġu mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE u s-soluzzjonijiet possibbli tqajmu minn diversi partijiet ikkonċernati tal-avjazzjoni u rappreżentanti tal-Istati Membri.

Tema komuni fil-fehmiet li ġew ippreżentati kienet il-ħtieġa għal intervent regolatorju sabiex jinżamm ċertu livell ta’ konnettività fl-ajru. Fir-rigward tad-drittijiet tat-traffiku, il-partijiet ikkonċernati mhumiex kapaċi jieħdu l-miżuri ta’ kontinġenza tagħhom stess sabiex itaffu l-impatt ta’ ħsara tan-nuqqas possibbli ta’ ftehim dwar il-ħruġ. Minn tal-inqas sitt rappreżentanti tat-trasportaturi tal-ajru u tal-gruppi tat-trasportaturi tal-ajru (il-biċċa l-kbira minnhom permezz tal-Kunsill Internazzjonali tal-Ajruporti tal-Ewropa) kienu tal-fehma li jenħtieġ li jinżamm l-istatus quo mat-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit billi jinżamm l-istess livell ta’ aċċess għas-suq bħal dak ta’ qabel il-ħruġ. Madankollu, min-naħa l-oħra, partijiet ikkonċernati oħra (il-biċċa l-kbira minnhom rappreżentanti tat-trasportaturi tal-ajru tal-EU-27) saħqu li jenħtieġ li ma jinżammx l-istatus quo fin-nuqqas ta’ allinjament regolatorju sħiħ, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq. Fit-12 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni organizzat workshop tal-EU-27 dwar it-tħejjija, li matulha l-esperti tal-avjazzjoni ċivili tal-Istati Membri saħqu b’mod partikolari dwar il-ħtieġa li jiġu adottati miżuri ta’ kontinġenza fil-livell tal-UE sabiex tiġi żgurata konnettività bażika bejn l-EU-27 u r-Renju Unit f’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim dwar il-ħruġ.

Dawn il-kummenti ngħataw il-kunsiderazzjoni dovuta fit-tħejjija tal-proposta.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Diversi forom ta’ valutazzjoni tal-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit għas-settur tat-trasport bl-ajru ġew kondiviżi mal-Kummissjoni mill-partijiet ikkonċernati rilevanti. Dawn il-valutazzjonijiet ikkonkludew li n-nuqqas ta’ traffiku tal-ajru bejn l-EU-27 u r-Renju Unit jikkawża tfixkil sinifikanti fl-EU-27. Il-konnettività fl-ajru taqdi rwol kruċjali fl-ekonomija usa’. Apparti li tiffaċilita l-mobbiltà, l-avjazzjoni hija xprun qawwi tal-kummerċ, tat-tkabbir u tal-impjiegi. Il-kontribuzzjoni diretta tal-avjazzjoni lill-PDG tal-UE hija ta’ EUR 110 biljun, filwaqt li l-impatt kumplessiv, inkluż it-turiżmu, huwa saħansitra ta’ EUR 510 biljun permezz tal-effett multiplikatur 4 . Bħala total, il-passiġġieri li vvjaġġaw bejn l-EU-27 u r-Renju Unit fl-2016 kienu jirrappreżentaw 16 % tat-traffiku intra-UE kollu, għalkemm din iċ-ċifra kienet tvarja b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri tal-UE u tista’ tirrappreżenta iktar minn 25 %. Barra minn hekk, fl-2017, 19,3 % tat-trasport bl-ajru intra-UE twettaq minn trasportaturi tal-ajru b’liċenzja mir-Renju Unit, filwaqt li 44,7 % tat-traffiku bejn l-EU-27 u r-Renju Unit twettaq minn trasportaturi tal-ajru b’liċenzja mill-EU-27. Huma disponibbli opzjonijiet alternattivi tat-trasport, b’mod partikolari b’kollegamenti ferrovjarji u bil-baħar, iżda għal numru żgħir ta’ pajjiżi biss bħal pereżempju l-Belġju, Franza u l-Irlanda. Għal pajjiżi oħra iktar imbiegħda fil-Lvant u fin-Nofsinhar tal-Unjoni, il-ħinijiet tal-ivvjaġġar ferrovjarju u bit-triq huma wisq biex jissostitwixxu l-ivvjaġġar bl-ajru. B’konsegwenza ta’ dan, jeħtieġ li jittaffa l-impatt ta’ ħsara sinifikanti tat-telf totali ta’ konnettività fl-ajru fuq l-ekonomija u ċ-ċittadini tal-EU-27.

Valutazzjoni tal-impatt

Mhux meħtieġa valutazzjoni tal-impatt, minħabba n-natura eċċezzjonali tas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet limitati tal-perjodu li matulu se tiġi implimentata l-bidla tal-istatus tar-Renju Unit. L-ebda opzjoni ta’ politika differenti materjalment u legalment mhi disponibbli għajr dik proposta.

Drittijiet fundamentali

Din il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Mhux applikabbli.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Mhux applikabbli.

2018/0433 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar regoli komuni biex tiġi żgurata konnettività bażika fl-ajru fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 5 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 6 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati mhumiex se jibqgħu japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim dwar il-ħruġ jew ma jkunx hemm tali ftehim, sentejn wara dik in-notifika, jiġifieri mit-30 ta’ Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dak il-perjodu.

(2)Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 jistipula l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-liċenzja operattiva tal-Unjoni lit-trasportaturi tal-ajru u jistabbilixxi l-libertà li jiġu pprovduti servizzi tal-ajru intra-UE.

(3)Fin-nuqqas ta’ xi dispożizzjonijiet speċjali, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni jtemm id-drittijiet u l-obbligi kollha li jirriżultaw mil-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-aċċess għas-suq kif stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 1008/2008, sa fejn jikkonċerna r-relazzjoni bejn ir-Renju Unit u s-27 Stat Membru l-oħra.

(4)Għalhekk, jeħtieġ li jiġi stabbilit sett temporanju ta’ miżuri li jippermettu lit-trasportaturi b’liċenzja fir-Renju Unit jipprovdu servizzi tat-trasport bl-ajru bejn it-territorju tar-Renju Unit u s-27 Stat Membru l-oħra. Sabiex jiġi żgurat ekwilibriju kif suppost bejn ir-Renju Unit u l-bqija tal-Istati Membri, jenħtieġ li d-drittijiet jingħataw bil-kundizzjoni li jingħataw drittijiet ekwivalenti mir-Renju Unit lit-trasportaturi b’liċenzja fl-Unjoni Ewropea u jkunu soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet li jiżguraw kompetizzjoni ġusta.

(5)Sabiex jiġi rifless il-karattru temporanju tiegħu, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament tkun limitata għal perjodu qasir ta’ żmien, mingħajr preġudizzju għan-negozjar possibbli u għad-dħul fis-seħħ ta’ ftehim fil-ġejjieni li jkopri l-ftehim dwar il-provvista ta’ servizzi tal-ajru bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.

(6)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-adozzjoni ta’ miżuri biex jiġi ggarantit livell ġust ta’ reċiproċità bejn id-drittijiet mogħtija b’mod unilaterali mill-Unjoni u mir-Renju Unit lit-trasportaturi tal-ajru ta’ xulxin, u biex jiġi żgurat li t-trasportaturi tal-Unjoni jkunu jistgħu jikkompetu mat-trasportaturi tar-Renju Unit b’kundizzjonijiet ġusti fil-provvista ta’ servizzi tal-ajru. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 .

(7)Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jistabbilixxi miżuri proviżorji li jirregolaw it-trasport bl-ajru bejn l-Unjoni u r-Renju Unit f’każ ta’ nuqqas ta’ ftehim dwar il-ħruġ, ma jkunx jista’ jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, ikun jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. B’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan.

(8)Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament jidħlu fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza u japplikaw, fi prinċipju, mill-għada tal-jum meta t-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit u fih, sakemm ma jidħolx fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit sa dik id-data. Madankollu, sabiex ikunu jistgħu jsiru l-proċeduri amministrattivi meħtieġa minn kmieni kemm jista’ jkun, jenħtieġ li ċerti dispożizzjonijiet japplikaw mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi sett temporanju ta’ miżuri li jirregolaw it-trasport bl-ajru bejn l-Unjoni u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”) wara l-ħruġ tiegħu mill-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.“trasport bl-ajru” tfisser it-trasport b’inġenji tal-ajru ta’ passiġġieri, ta’ bagalji, ta’ merkanzija, u ta’ posta, b’mod separat jew ikkombinat, għall-pubbliku għal remunerazzjoni jew b’kiri, inkluż is-servizzi tal-ajru bi skeda u mingħajr skeda;

2.“trasport internazzjonali bl-ajru” tfisser it-trasport bl-ajru li jgħaddi mill-ispazju tal-ajru fuq it-territorju ta’ iktar minn Stat wieħed;

3.“trasportatur tal-ajru tal-Unjoni” tfisser trasportatur tal-ajru b’liċenzja operattiva valida mogħtija minn awtorità kompetenti għall-għoti tal-liċenzji skont il-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008;

4.“trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit” tfisser trasportatur tal-ajru:

(a)li jkollu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu fir-Renju Unit; u

(b)li jissodisfa waħda miż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(i)ir-Renju Unit u/jew iċ-ċittadini tar-Renju Unit ikollhom sjieda ta’ iktar minn 50 % tal-impriża u jkollhom il-kontroll effettiv tagħha, b’mod dirett jew indirett permezz ta’ impriża intermedjarja waħda jew iktar; jew

(ii)l-Istati Membri tal-Unjoni u/jew iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni u/jew Stati Membri oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea u/jew iċ-ċittadini ta’ tali Stati, bi kwalunkwe kombinazzjoni, waħedhom jew flimkien mar-Renju Unit u/jew iċ-ċittadini tar-Renju Unit ikollhom sjieda ta’ iktar minn 50 % tal-impriża u jkollhom il-kontroll effettiv tagħha, b’mod dirett jew indirett permezz ta’ impriża intermedjarja waħda jew iktar;

(c)fil-każ imsemmi fil-punt (b)(ii), kellu liċenzja operattiva valida skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 fil-jum qabel dak tal-ewwel jum ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imsemmi fl-Artikolu 12(2);

5.“kontroll effettiv” tfisser relazzjoni magħmula minn drittijiet, kuntratti jew kwalunkwe mezz ieħor li, b’mod separat jew konġunt u wara li jiġu kkunsidrati l-fatti jew il-liġi involuti, jagħtu l-possibbiltà li tiġi eżerċitata, b’mod dirett jew indirett, influwenza deċiżiva fuq impriża, b’mod partikolari permezz:

(a)tad-dritt li jintużaw l-assi kollha ta’ impriża jew parti minnhom;

(b)tad-drittijiet jew tal-kuntratti li jkollhom influwenza deċiżiva fuq il-kompożizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet tal-korpi ta’ impriża jew inkella li jkollhom influwenza deċiżiva fuq it-tmexxija tan-negozju tal-impriża;

6.“liġi tal-kompetizzjoni” tfisser il-liġi li tindirizza l-imġiba li ġejja, fejn jaf taffettwa s-servizzi tat-trasport bl-ajru:

(a)l-imġiba li tikkonsisti minn:

(i)ftehimiet bejn it-trasportaturi tal-ajru, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet tat-trasportaturi tal-ajru u prattiki miftiehma li jkollhom bħala l-għan tagħhom jew li jaffettwaw il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni;

(ii)abbużi minn pożizzjoni dominanti ta’ trasportatur tal-ajru wieħed jew iktar;

(iii)miżuri meħuda jew miżmuma fis-seħħ mir-Renju Unit f’każ ta’ impriżi pubbliċi u impriżi li r-Renju Unit jagħtihom drittijiet speċjali jew esklużivi u li jmorru kontra l-punti (i) jew (ii); u

(b)konċentrazzjonijiet bejn it-trasportaturi tal-ajru li jxekklu b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva, b’mod partikolari bħala riżultat tal-ħolqien jew tat-tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti;

7.“sussidju” tfisser kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija lil trasportatur tal-ajru jew lil ajruport mill-gvern jew minn kwalunkwe korp pubbliku ieħor fi kwalunkwe livell, li tagħti benefiċċju, u li tinkludi:

(a)it-trasferiment dirett ta’ fondi, bħal pereżempju l-għotjiet, is-self jew l-infużjoni ta’ ekwità, it-trasferiment dirett potenzjali ta’ fondi, is-suppożizzjoni ta’ obbligazzjonijiet, bħal pereżempju l-garanziji għal self, l-injezzjonijiet ta’ kapital, is-sjieda, il-protezzjoni kontra l-falliment, jew l-assigurazzjoni;

(b)ir-rinunzja jew in-nuqqas ta’ ġbir tad-dħul li suppost kien dovut;

(c)il-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi għajr l-infrastruttura ġenerali, jew ix-xiri ta’ oġġetti jew ta’ servizzi; jew

(d)it-twettiq ta’ pagamenti f’mekkaniżmu ta’ finanzjament jew inkarigu jew direzzjoni lil korp privat biex iwettaq funzjoni waħda jew iktar mill-funzjonijiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) li normalment ikunu responsabbiltà tal-gvern jew ta’ korp pubbliku ieħor u l-prattika fl-ebda sens reali ma tvarja minn prattiki li normalment jiġu segwiti mill-gvernijiet;

L-ebda benefiċċju ma jitqies li jingħata minn kontribuzzjoni finanzjarja mwettqa minn gvern jew minn korp pubbliku ieħor li kieku operatur tas-suq privat xprunat unikament minn prospetti li jwaslulu profitt, fl-istess sitwazzjoni bħall-korp pubbliku inkwistjoni, kellu jwettaq l-istess kontribuzzjoni finanzjarja;

8.“awtorità tal-kompetizzjoni indipendenti” tfisser awtorità li tkun responsabbli għall-applikazzjoni u għall-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni kif ukoll għall-kontroll tas-sussidji, u li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)l-awtorità tkun operattivament indipendenti u tkun mgħammra b’mod xieraq bir-riżorsi meħtieġa biex twettaq il-kompiti tagħha;

(b)fit-twettiq tad-dmirijiet tagħha u fl-eżerċitar tas-setgħat tagħha, l-awtorità jkollha l-garanziji meħtieġa ta’ indipendenza minn influwenza politika jew minn influwenza esterna oħra u taġixxi b’mod imparzjali; u

(c)d-deċiżjonijiet tal-awtorità jkunu soġġetti għal rieżami ġudizzjarju;

9.“diskriminazzjoni” tfisser differenzjazzjoni ta’ kwalunkwe tip mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva fir-rigward tal-provvista ta’ oġġetti u ta’ servizzi, inkluż is-servizzi pubbliċi, fir-rigward tal-operat tas-servizzi tat-trasport bl-ajru, jew fir-rigward tat-trattament tagħhom minn awtoritajiet pubbliċi rilevanti għal tali servizzi;

10.“servizz tat-trasport bl-ajru bi skeda” tfisser sensiela ta’ titjiriet li jkun fihom il-karatteristiki kollha li ġejjin:

(a)fuq kull titjira jkunu disponibbli postijiet u/jew kapaċità tat-trasport tal-merkanzija u/jew tal-posta għal xiri individwali mill-pubbliku (jew direttament mit-trasportatur tal-ajru jew inkella mill-aġenti awtorizzati tiegħu);

(b)l-operat tiegħu jkun jaqdi t-traffiku bejn l-istess żewġ ajruporti jew iktar, jew:

(i)skont skeda ppubblikata, jew inkella

(ii)b’titjiriet li tant ikunu regolari jew frekwenti li jikkostitwixxu sensiela sistematika rikonoxxibbli;

11.“servizz tat-trasport bl-ajru mingħajr skeda” tfisser servizz kummerċjali tat-trasport bl-ajru li jitwettaq għajr bħala servizz tal-ajru bi skeda;

12.“territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorju fuq l-art, l-ilmijiet interni u l-baħar territorjali tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dawk it-Trattati, u l-ispazju tal-ajru fuqhom;

13.“territorju tar-Renju Unit” tfisser it-territorju fuq l-art, l-ilmijiet interni u l-baħar territorjali tar-Renju Unit u l-ispazju tal-ajru fuqhom;

14. “Konvenzjoni” tfisser il-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, li nfetħet għall-iffirmar f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1944.

Artikolu 3

Drittijiet tat-traffiku

1.It-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, jistgħu:

(a)itiru minn fuq it-territorju tal-Unjoni mingħajr ma jinżlu;

(b)jagħmlu waqfiet fit-territorju tal-Unjoni għal finijiet mhux tat-traffiku, skont it-tifsira tal-Konvenzjoni;

(c)iwettqu servizzi internazzjonali tat-trasport bl-ajru bi skeda u mingħajr skeda għall-passiġġieri, għal kombinazzjoni ta’ passiġġieri u merkanzija u għas-servizzi kollha tal-merkanzija bejn kwalunkwe żewġ punti, fejn wieħed minnhom ikun jinsab fit-territorju tar-Renju Unit u l-ieħor ikun jinsab fit-territorju tal-Unjoni;

2.Soġġett għall-Artikoli 4 u 5, fil-provvista ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru bi skeda skont dan ir-Regolament, il-kapaċità staġonali totali li trid tiġi pprovduta mit-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit għal rotot bejn ir-Renju Unit u kull Stat Membru ma għandhiex taqbeż in-numru totali ta’ frekwenzi operati minn dawk it-trasportaturi fuq dawk ir-rotot matul l-istaġuni tax-xitwa u tas-sajf tal-IATA tal-2018 rispettivament.

3.L-Istati Membri la għandhom jinnegozjaw u lanqas jidħlu fi kwalunkwe ftehim jew arranġament bilaterali mar-Renju Unit fir-rigward ta’ kwistjonijiet li huma parti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, ma għandhomx jagħtu xi drittijiet lit-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit, għajr dawk mogħtija permezz ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Ekwivalenza tad-drittijiet

1.Il-Kummissjoni għandha timmonitorja d-drittijiet mogħtija mir-Renju Unit lit-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni u l-kundizzjonijiet għall-eżerċitar tagħhom.

2.Fejn il-Kummissjoni tiddetermina li d-drittijiet mogħtija mir-Renju Unit lit-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni mhumiex de iure jew de facto ekwivalenti għal dawk mogħtija lit-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit skont dan ir-Regolament, jew li dawk id-drittijiet mhumiex disponibbli b’mod ugwali għat-trasportaturi kollha tal-Unjoni, sabiex twassal l-ekwivalenza u permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tista’:

(a)taġġusta l-kapaċità disponibbli għat-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit skont il-limitu stabbilit fl-Artikolu 3(2) u tirrikjedi li l-Istati Membri jadattaw l-awtorizzazzjonijiet operattivi tat-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit, kemm dawk eżistenti u kemm dawk ġodda li jkunu għadhom kemm ingħataw, skont dan;

(b)tirrikjedi li l-Istati Membri jirrifjutaw, jissospendu jew jirrevokaw dawn l-awtorizzazzjonijiet operattivi; jew

(c)tadotta miżuri xierqa oħra.

Artikolu 5

Kompetizzjoni ġusta

1.Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-kundizzjonijiet li bihom jikkompetu t-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni u l-ajruporti tar-Renju Unit għall-provvista ta’ servizzi tat-trasport bl-ajru koperti b’dan ir-Regolament.

2.Fejn tiddetermina li, bħala riżultat ta’ xi sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, dawn il-kundizzjonijiet u ferm inqas favorevoli minn dawk li jgawdu t-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit, il-Kummissjoni, sabiex tirrimedja għal dik is-sitwazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni adottati skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tista’:

(a)taġġusta l-kapaċità disponibbli għat-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit skont il-limitu stabbilit fl-Artikolu 3(2) u tirrikjedi li l-Istati Membri jadattaw l-awtorizzazzjonijiet operattivi tat-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit, kemm dawk eżistenti u kemm dawk ġodda li jkunu għadhom kemm ingħataw, skont dan;

(b)tirrikjedi li l-Istati Membri jirrifjutaw, jissospendu jew jirrevokaw dawn l-awtorizzazzjonijiet operattivi għal uħud mit-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit jew għal kollha kemm huma; jew

(c)tadotta miżuri xierqa oħra.

3.L-atti ta’ implimentazzjoni skont il-paragrafu 2 jistgħu jiġu adottati biex jirrimedjaw għas-sitwazzjonijiet li ġejjin:

(a)l-għoti ta’ sussidji mir-Renju Unit;

(b)in-nuqqas ta’ liġi tal-kompetizzjoni jew ta’ applikazzjoni effettiva tagħha mir-Renju Unit;

(c)in-nuqqas ta’ twaqqif jew ta’ żamma ta’ awtorità indipendenti tal-kompetizzjoni mir-Renju Unit;

(d)l-applikazzjoni mir-Renju Unit ta’ standards tal-protezzjoni tal-ħaddiema, tas-sikurezza, tas-sigurtà jew tal-ambjent li jkunu inferjuri għal dawk stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet rilevanti fil-liġi tal-Unjoni, ikunu inferjuri għal dawk applikati mill-Istati Membri kollha jew, fi kwalunkwe każ, ikunu inferjuri għall-istandards internazzjonali rilevanti;

(e)kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni kontra t-trasportaturi tal-ajru tal-Unjoni.

4.Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ titlob għal informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit, mit-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit jew mill-ajruporti tar-Renju Unit. Fejn l-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit, it-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit jew l-ajruporti tar-Renju Unit ma jipprovdux l-informazzjoni mitluba fiż-żmien raġonevoli preskritt mill-Kummissjoni, jew jipprovdu informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni tista’ tipproċedi skont il-paragrafu 2.

Artikolu 6

Awtorizzazzjoni operattiva

1.Mingħajr preġudizzju għal-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-Unjoni dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni, sabiex jeżerċitaw id-drittijiet mogħtija lilhom skont l-Artikolu 3, it-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit għandhom ikunu meħtieġa jiksbu awtorizzazzjoni operattiva minn kull Stat Membru li fih jixtiequ joperaw.

2.Mal-wasla ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni operattiva mingħand trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħti l-awtorizzazzjoni operattiva xierqa mingħajr dewmien bla bżonn, diment li:

(a)it-trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit li japplika jkollu liċenzja operattiva valida skont il-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit; u

(b)jiġi eżerċitat u jinżamm kontroll regolatorju effettiv mir-Renju Unit fuq it-trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit li japplika, l-awtorità kompetenti tkun identifikata b’mod ċar u t-trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit ikollu ċertifikat tal-operatur tal-ajru mogħti mingħand dik l-awtorità.

3.Mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li jingħata biżżejjed żmien għat-twettiq tal-valutazzjonijiet meħtieġa, it-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit huma intitolati jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom għal awtorizzazzjonijiet operattivi mill-jum tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandu jkollhom is-setgħa li japprovaw dawk l-applikazzjonijiet minn dak il-jum diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għal tali approvazzjoni. Madankollu, kwalunkwe awtorizzazzjoni li tingħata għandha ssir effettiva mhux qabel l-ewwel jum ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imsemmi fl-Artikolu 12(2).

Artikolu 7

Pjanijiet, programmi u skedi operazzjonali

1.It-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit għandhom jippreżentaw il-pjanijiet, il-programmi u l-iskedi operazzjonali għas-servizzi tal-ajru lill-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru kkonċernat, għall-approvazzjoni tagħhom. Kwalunkwe preżentazzjoni ta’ dan it-tip għandha ssir minn tal-inqas 30 jum qabel il-bidu tal-operat.

2.Soġġett għall-Artikolu 6, il-pjanijiet, il-programmi u l-iskedi operazzjonali għall-istaġun tal-IATA li jkun għaddej fl-ewwel jum ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imsemmi fl-Artikolu 12(2) u dawk għall-ewwel staġun ta’ wara jistgħu jiġu ppreżentati, u approvati, qabel dik id-data.

Artikolu 8

Rifjut, revoka, sospensjoni u limitazzjoni ta’ awtorizzazzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw, jew skont il-każ, jirrevokaw jew jissospendu l-awtorizzazzjoni operattiva ta’ trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit fejn:

(a)it-trasportatur tal-ajru ma jikkwalifikax bħala trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit skont dan ir-Regolament; jew

(b)ma jkunx hemm konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(2).

2.L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw, jirrevokaw, jissospendu, jillimitaw jew jimponu kundizzjonijiet fuq l-awtorizzazzjoni operattiva ta’ trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit, jew jillimitaw jew jimponu kundizzjonijiet fuq l-operat tiegħu fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)ma jkunx hemm konformità mar-rekwiżiti applikabbli tas-sikurezza u tas-sigurtà;

(b)ma jkunx hemm konformità mar-rekwiżiti applikabbli marbuta mal-ammissjoni u mal-operat fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat ta’ inġenji tal-ajru għat-trasport bl-ajru, jew mat-tluq mit-territorju tiegħu;

(c)ma jkunx hemm konformità mar-rekwiżiti applikabbli marbuta mal-ammissjoni u mal-operat fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat ta’ passiġġieri, ta’ ekwipaġġ, ta’ bagalji, ta’ merkanzija u/jew ta’ posta fuq inġenji tal-ajru (inkluż regolamenti marbuta mad-dħul, l-awtorizzazzjoni, l-immigrazzjoni, il-passaporti, id-dwana, il-kwarantina, jew fil-każ tal-posta, regolamenti dwar il-posta).

3.L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw, jirrevokaw, jissospendu, jillimitaw jew jimponu kundizzjonijiet fuq l-awtorizzazzjonijiet operattivi tat-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit, jew jillimitaw jew jimponu kundizzjonijiet fuq l-operat tagħhom, fejn dawn ikunu meħtieġa mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 4 jew 5.

4.L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bi kwalunkwe deċiżjoni li jirrifjutaw jew jirrevokaw l-awtorizzazzjoni operattiva ta’ trasportatur tal-ajru tar-Renju Unit skont il-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 9

Ċertifikati u liċenzji

Iċ-ċertifikati tal-ajrunavigabbiltà, iċ-ċertifikati tal-kompetenza u l-liċenzji maħruġa jew ivvalidati mir-Renju Unit u li jkunu għadhom fis-seħħ għandhom jiġu rikonoxxuti bħala validi mill-Istati Membri għall-fini tal-operat tas-servizzi tat-trasport bl-ajru mit-trasportaturi tal-ajru tar-Renju Unit skont dan ir-Regolament, diment li tali ċertifikati jew liċenzji jkunu nħarġu jew ġew ivvalidati bis-saħħa tal-istandards internazzjonali rilevanti stabbiliti skont il-Konvenzjoni, u b’konformità magħhom.

Artikolu 10

Konsultazzjoni u kooperazzjoni

1.L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkonsultaw u jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit kif ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.Jekk jiġu mitluba jagħmlu dan, l-Istati Membri, mingħajr dewmien bla bżonn, għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bi kwalunkwe informazzjoni miksuba skont il-paragrafu 1 jew bi kwalunkwe informazzjoni oħra rilevanti għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 4 u tal-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Kumitat

Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-kumitat stabbilit fl-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

Artikolu 12

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.Għandu japplika mill-għada tal-jum li fih il-liġi tal-Unjoni ma tibqax tapplika għar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Madankollu, l-Artikoli 6(3) u 7(2) għandhom japplikaw mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.Dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jkun daħal fis-seħħ sad-data msemmija fl-ewwel sottoparagrafu tal-paragrafu 2.

4.Dan ir-Regolament ma għandux jibqa’ japplika mid-data li tiġi l-ewwel miż-żewġ dati li ġejjin:

(a)id-data li fiha jidħol fis-seħħ ftehim bejn l-Unjoni u r-Renju Unit li jirregola l-provvista tat-trasport bl-ajru bejniethom, jew, skont il-każ, id-data li fiha jiġi applikat b’mod proviżorju; jew

(b)it-30 ta’ Marzu 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)     https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/draft_withdrawal_agreement_0.pdf .
(2)    L-Anness 1B tal-Ftehim ta’ Marrakesh li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, magħmul f’Marrakesh fil-15 ta’ April 1994
(3)    COM(2018) 880 final
(4)    Steer Davies Gleave – Study on employment and working conditions in air transport and airports: final report, 2015
(5)    ĠU C , , p. .
(6)    ĠU C , […], p. .
(7)    Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni) (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3).
(8)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).