IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.1.2019
COM(2018) 853 final
2018/0429(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni tal-Protokoll għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar Sistema Ċivili Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, tar-Repubblika tal-Kroazja u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
Il-proposta mehmuża hija l-istrument legali għall-konklużjoni ta’ Protokoll għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar Sistema Ċivili Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, tar-Repubblika tal-Kroazja u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea.
Skont l-Atti tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, tar-Repubblika tal-Kroazja u tar-Rumanija, dawn it-tliet Stati Membri għandhom jaderixxu mal-ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu ffirmaw jew ikunu kkonkludew permezz ta’ protokoll għal dawk il-ftehimiet.
Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar Sistema Ċivili Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), ġie ffirmat fid-9 ta’ Settembru 2006 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2016.
Wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ [….] favur l-iffirmar ta’ Protokoll għall-Ftehim sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, tar-Rumanija u tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll ġie ffirmat mar-rappreżentant tar-Repubblika tal-Korea nhar [….].
Bil-Protokoll propost, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika tal-Kroazja u r-Rumanija jsiru Partijiet Kontraenti tal-Ftehim u l-UE tintrabat li tipprovdi verżjoni awtentika tal-Ftehim bil-Bulgaru, bil-Kroat u bir-Rumen.
2.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA
Wara l-iffirmar tal-Protokoll, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill jawtorizza l-konklużjoni ta’ Protokoll għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar Sistema Ċivili Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, tar-Repubblika tal-Kroazja u tar-Rumanija mal-UE.
2018/0429 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni tal-Protokoll għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar Sistema Ċivili Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, tar-Repubblika tal-Kroazja u tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 172 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-Atti tal-Adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u tar-Repubblika tal-Kroazja, u b’mod partikulari l-Artikolu 6(2) tagħhom,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1)Il-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar Sistema Ċivili Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), ġie ffirmat fid-9 ta’ Settembru 2006 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2016.
(2)Il-Bulgarija u r-Rumanija saru Stati Membri tal-Unjoni fl-1 ta’ Jannar 2007 u l-Kroazja saret Stat Membru tagħha fl-1 ta’ Lulju 2013.
(3)Skont l-Artikolu 6(2) tal-Atti tal-Adeżjoni tal-Bulgarija, tar-Rumanija u tal-Kroazja rispettivament, l-adeżjoni għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar Sistema Ċivili Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, irid jintlaħaq qbil dwarha permezz ta’ Protokoll għall-Ftehim (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”). Skont l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-Adeżjoni, fil-każ tat-tali adeżjoni trid tapplika proċedura ssimplifikata, li permezz tagħha l-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu f’isem l-Istati Membri, u l-pajjiżi terzi kkonċernati jridu jikkonkludu protokoll bejniethom.
(4)Fit-23 ta’ Ottubru 2006 u fl-14 ta’ Settembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ in-negozjati mal-pajjiżi terzi kkonċernati sabiex tikkonkludi protokolli għall-ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jkunu kkonkludew.
(5)In-negozjati mal-Korea ntemmu b’suċċess permezz ta’ skambju ta’ noti verbali.
(6)Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill [XXX], il-Protokoll ġie ffirmat nhar […], suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard.
(7)Għalhekk jenħtieġ li l-Protokoll jiġi approvat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Protokoll għall-Ftehim ta’ Kooperazzjoni dwar Sistema Ċivili Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija, tar-Repubblika tal-Kroazja u tar-Rumanija, b’dan huwa approvat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna li jkollha s-setgħa tagħmel in-notifika prevista fl-Artikolu 4 tal-Protokoll f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha li jintrabtu bil-Protokoll.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President