Brussell, 13.12.2018

COM(2018) 831 final

2018/0421(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Protokoll, bejn l-Unjoni Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein, għal mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun stabbilit l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru jew fl-Iżvizzera rigward l-aċċess għall-Eurodac għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 1 li jirriformula r-Regolament Nru 2725/2000 tal-11 ta’ Diċembru 2000 dwar l-istabbiliment ta’ “Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Dublin ġie adottat u daħal fis-seħħ fl-19 ta’ Lulju 2013. Ir-Regolament ilu japplika mill-20 ta’ Lulju 2015.

Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 jippermetti, inter alia, li awtoritajiet li jinfurzaw il-liġi jikkonsultaw lill-Eurodac għal raġunijiet ta’ prevenzjoni, detezzjoni u investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra. Dan għandu l-għan li jippermetti li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi li jitolbu għat-tqabbil tad-data tal-marki tas-swaba’ ma’ dawk maħżuna fil-bażi tad-data ċentrali tal-EURODAC meta jkunu qed ifittxu li jistabbilixxu l-identità eżatta jew li jiksbu aktar informazzjoni dwar persuna li tkun issuspettata li wettqet terroriżmu jew reat serju.

Fis-26 ta’ Ottubru 2004, il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli biex jeżamina talba għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru jew fl-Iżvizzera (minn hawn ’il quddiem: il-Ftehim tas-26 ta’ Ottubru 2004) ġie konkluż 2 . Fit-28 ta’ Frar 2008, il-Protokoll bejn il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru jew fl-Iżvizzera (minn hawn ’l quddiem: il-Protokoll tat-28 ta’ Frar 2008) ġie konkluż 3 .

L-Iżvizzera u l-Liechtenstein japplikaw l-elementi tal-ażil tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 skont il-Ftehim tas-26 ta’ Ottubru 2004 u l-Protokoll tat-28 ta’ Frar 2008. Madankollu, l-aċċess għall-infurzar tal-liġi tal-Eurodac jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim u l-Protokoll imsemmija.

Id-Danimarka, l-Iżvizzera, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżlanda, f’laqgħa li kellhom fl-14 ta’ Mejju 2014 ma’ rappreżentanti mill-Kummissjoni, ikkonfermaw l-interess tagħhom li jidħlu f’negozjati mal-Unjoni Ewropea biex jestendu d-dispożizzjonijiet tal-infurzar tal-liġi tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 għalihom, permezz ta’ ftehim internazzjonali.

Fl-14 ta’ Diċembru 2015 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u, inter alia, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, fuq in-naħa l-oħra, dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera u l-Liechtenstein fil-proċedura għat-tqabbil u għat-trażmissjoni tad-data għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi kif previst fil-Kapitolu VI tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi.

In-negozjati ġew iffinalizzati, u tnieda Ftehim fil-forma ta’ Protokoll għal mal-Ftehim tas-26 ta’ Ottubru 2004, li jestendi l-applikazzjoni tal-Ftehim tas-26 ta’ Ottubru 2004 fl-infurzar tal-liġi.

L-estensjoni tad-dispożizzjonijiet tal-infurzar tal-liġi tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 għall-Iżvizzera u l-Liechtenstein tippermetti li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Iżvizzera u tal-Liechtenstein jitolbu t-tqabbil tad-data tal-marki tas-swaba’ mad-data mdaħħla minn Stati parteċipanti oħra u miżmuma fil-bażi tad-data tal-Eurodac meta jfittxu li jistabbilixxu l-identità jew li jiksbu aktar informazzjoni dwar persuna li tkun issuspettata li wettqet reat serju jew terroriżmu, jew dwar vittma. Min-naħa l-oħra, din tippermetti li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati parteċipanti l-oħra kollha, kemm jekk Stati Membri oħra tal-UE kif ukoll jekk Pajjiżi Assoċjati, jitolbu t-tqabbil tad-data tal-marki tas-swaba’ mad-data mdaħħla mill-Iżvizzera u l-Liechtenstein u maħżuna fil-bażi tad-data tal-Eurodac, għall-istess finijiet.

L-objettiv ta’ dan il-Protokoll huwa li jistabbilixxi drittijiet u obbligi legalment vinkolanti biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni effettiva tal-Iżvizzera u l-Liechtenstein fl-elementi tal-infurzar tal-liġi tar-Regolament (UE) Nru 603/2013. Il-Protokoll jistabbilixxi li l-Istati parteċipanti kollha, kemm jekk Stati Membri oħra tal-UE, Pajjiżi Assoċjati, jew l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b’aċċess għall-Eurodac, jista’ jkollhom ukoll aċċess għad-data ta’ xulxin għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta hija konsistenti mal-politiki tal-UE li jirrigwardaw l-aċċess għall-bażi tad-data tal-Eurodac

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija konsistenti mal-politiki tal-UE fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal din il-proposta, għal Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-Artikolu 87(2)(a), l-Artikolu 88(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), flimkien mal-Artikolu 218(5) tat-TFUE.

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Il-Ftehim tas-26 ta’ Ottubru 2004 huwa ftehim internazzjonali eżistenti konkluż mill-UE u mill-Iżvizzera. Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE, l-objettivi tal-Protokoll ta’ dan il-Ftehim jistgħu jinkisbu biss permezz ta’ proposta mill-Kummissjoni fil-livell ta’ UE.

Proporzjonalità

Sabiex l-Iżvizzera u l-Liechtenstein ikunu jistgħu jipparteċipaw f’aspetti relatati mal-infurzar tal-liġi tal-Eurodac, huwa meħtieġ l-involviment tal-UE sabiex tiġi appoġata u msaħħa l-kooperazzjoni tal-pulizija bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u dawk tal-Iżvizzera u tal-Liechtenstein għal raġunijiet ta’ prevenzjoni, detezzjoni u investigazzjoni ta’ reati terroristiċi u reati kriminali serji oħra. Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità għaliex ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex l-Iżvizzera u l-Liechtenstein jilħqu l-objettivi ta’ parteċipazzjoni effettiva fl-elementi tal-infurzar tal-liġi tar-Regolament Eurodac (UE) Nru 603/2013.

Għażla tal-istrument

Skont l-Artikolu 218(5) TFUE, tenħtieġ Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-iffirmar tal-Ftehim

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kunsill (il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Ażil) ġie kkonsultat dwar il-kontenut u l-progress tan-negozjati. Il-Parlament Ewropew (il-Kumitat LIBE) ġie infurmat.

4.ELEMENTI OĦRAJN

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-proposta tipprevedi deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar tal-Protokoll bejn l-UE u l-Iżvizzera u l-Liechtenstein f’isem l-Unjoni Ewropea. It-TFUE jipprevedi li l-Kunsill jadotta proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni li tawtorizza l-iffirmar u l-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali.

Il-Protokoll jistabbilixxi l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 għall-Iżvizzera u l-Liechtenstein dwar l-aċċess għall-Eurodac għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi. Għaldaqstant jippermetti li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi maħtura tal-Istati parteċipanti l-oħra u tal-Europol jitolbu t-tqabbil tad-data tal-marki tas-swaba’ mad-data trażmessa lis-Sistema Ċentrali tal-Eurodac mill-Iżvizzera u l-Liechtenstein. Jippermetti wkoll li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi maħtura tal-Iżvizzera u tal-Liechtenstein jitolbu t-tqabbil tad-data tal-marki tas-swaba’ mad-data trażmessa lis-Sistema Ċentrali tal-Eurodac mill-Istati parteċipanti l-oħra.

Il-Protokoll jiggarantixxi li l-livell attwali tal-UE ta’ protezzjoni tad-data personali jkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali skont il-Protokoll mill-awtoritajiet tal-Iżvizzera u l-Liechtenstein u tal-Istati Membri. Tali proċessar tad-data personali jenħtieġ li jkun suġġett għal standard ta’ protezzjoni ta’ data personali skont il-liġi nazzjonali tagħhom li tkun konformi mad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI.

Il-Protokoll jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-Eurodac mill-Iżvizzera u l-Liechtenstein għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi permezz tal-implimentazzjoni legali u teknika preċedenti tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI fir-rigward ta’ data dattiloskopika.

Il-Protokoll jipprevedi li l-mekkaniżmi rigward l-emendi previsti fil-Ftehim tas-26 ta’ Ottubru 2004 jenħtieġ li japplikaw għall-emendi kollha rigward l-aċċess għall-Eurodac għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi.

2018/0421 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Protokoll, bejn l-Unjoni Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein, għal mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun stabbilit l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru jew fl-Iżvizzera rigward l-aċċess għall-Eurodac għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 87(2)(a), l-Artikolu 88(2)(a) u l-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fl-14 ta’ Diċembru 2015, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tibda negozjati mal-Iżvizzera u l-Liechtenstein dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni mill-Iżvizzera u mill-Liechtenstein fil-proċedura għat-tqabbil u t-trasmissjoni tad-data għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi kif previst fil-Kapitolu VI tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 .

(2)In-negozjati ġew konklużi u l-Protokoll għal mal-Ftehim tas-26 ta’ Ottubru 2004 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera, dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli biex jeżamina talba għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru jew fl-Iżvizzera, tnieda fit-22 ta’ Novembru 2017.

(3)Dan il-Protokoll jenħtieġ li jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni Ewropea, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(4)F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, dawn l-Istati Membri nnotifikaw ix-xewqa tagħhom li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(5)F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein, għal mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun stabbilit l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil ippreżentata fi Stat Membru jew fl-Iżvizzera rigward l-aċċess għall-Eurodac għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea, suġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Protokoll.

Artikolu 2

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandu jistabbilixxi l-istrument tas-setgħat sħaħ għall-iffirmar tal-Protokoll, suġġett għall-konklużjoni tiegħu, għall-persuna indikata / persuni indikati min-negozjatur tal-Protokoll.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (riformulazzjoni) (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 1).
(2)    ĠU L 53, 27.2.2008, p. 5.
(3)    ĠU L 160, 18.6.2011, p. 39.
(4)    Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 1).