IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.12.2018
COM(2018) 797 final
2018/0409(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni tal-ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
L-Artikolu 54(3) tar-Regolament (UE) 2016/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u l-Kosta jipprevedi li l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tista’ tikkoordina l-kooperazzjoni operazzjonali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi fir-rigward tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni. F’dan ir-rigward, l-Aġenzija tista’ twettaq azzjonijiet fil-fruntieri esterni li jinvolvu Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz li jkun ġar ta’ mill-anqas wieħed minn dawk l-Istati Membri, soġġett għall-qbil ta’ dak il-pajjiż terz ġar, inkluż fit-territorju ta’ dak il-pajjiż terz.
Skont l-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1624, f’każijiet fejn ikun previst li jintbagħtu timijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta f’pajjiż terz f’azzjonijiet fejn il-membri tat-tim ikollhom poteri eżekuttivi, jew fejn azzjonijiet oħra f’pajjiżi terzi jeħtieġu dan, għandu jintlaħaq ftehim dwar l-istatus, bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat. Dan il-ftehim dwar l-istatus għandu jkopri l-aspetti kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-azzjonijiet. Għandu b’mod partikolari jistipula l-ambitu tal-operazzjoni, ir-responsabbiltà ċivili u kriminali u l-kompiti u s-setgħat tal-membri tat-timijiet. Il-ftehim dwar l-istatus għandu jiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali matul dawn l-operazzjonijiet.
Fuq il-bażi tad-direttivi ta’ negozjati adottati mill-Kunsill, il-Kummissjoni Ewropea nnegozjat mar-Repubblika tas-Serbja l-Ftehim dwar l-azzjonijiet li twettqu mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja (“il-ftehim dwar l-istatus”) bil-ħsieb li tistabbilixxi l-qafas legali li se jippermetti l-aġir immedjat permezz tal-istabbiliment ta’ Pjanijiet Operazzjonali meta jkun hemm bżonn ta’ reazzjoni rapida. Filwaqt li l-flussi tal-migrazzjoni fir-reġjun huma ferm inqas minn dawk fis-snin 2015 u 2016, in-netwerks tal-kriminalità organizzata jadattaw malajr ir-rotot u l-metodi tagħhom biex jittraffikaw migranti irregolari għal kull ċirkostanza ġdida. Bil-ftehim dwar l-istatus fis-seħħ, l-awtoritajiet tar-Repubblika tas-Serbja responsabbli u l-Istati Membri tal-UE, ikkoordinati mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, se jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jirreaġixxu malajr għal tali żviluppi possibbli.
Il-proposta mehmuża għal Deċiżjoni tal-Kunsill tikkostitwixxi l-istrument legali għall-konklużjoni tal-ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja.
Fil-21 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni rċeviet l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill biex tiftaħ in-negozjati mar-Repubblika tas-Serbja dwar il-ftehim dwar l-istatus rigward azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja.
In-negozjati dwar ftehim dwar l-istatus infetħu fis-7 ta’ April 2017 u t-tieni ċiklu seħħ fil-11 ta’ Mejju 2017. Finalment intlaħaq ftehim fit-3 ta’ Awwissu 2018. Il-ftehim dwar l-istatus ġie inizjalat mill-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza D. Avramopoulos u l-Ministru tal-Intern tar-Repubblika tas-Serbja N. Stefanović fl-20 ta’ Settembru 2018 f’Belgrad.
Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-objettivi stabbiliti mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjati tiegħu ntlaħqu u li l-abbozz tal-ftehim dwar l-istatus hu aċċettabbli għall-Unjoni.
L-Istati Membri ġew infurmati u kkonsultati fil-Grupp ta’ Ħidma rilevanti tal-Kunsill.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika
Sittax-il Stat Membru għandhom ftehimiet bilaterali attwalment fis-seħħ mar-Repubblika tas-Serbja: dawn jinkludu serje ta’ miżuri konġunti bħal kontrolli fuq il-fruntieri, sorveljanza, pattuljar, ritorn eċċ. Arranġament ta’ ħidma bejn il-Ministeru tal-Intern tar-Repubblika tas-Serbja u l-Aġenzija Ewropea tal-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta diġà jinsab fis-seħħ, li jinkludi b’mod partikolari parteċipazzjoni regolari tar-rappreżentanti mill-Pulizija tal-Fruntieri tas-Serbja fl-Aġenzija Ewropea tal-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, bħala osservaturi fit-territorju tal-Istati Membri, bi qbil mal-Istat Membru ospitanti.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni hija mibnija fuq erba’ pilastri. Wieħed minn dawn hija l-ġestjoni tal-fruntieri: din tinvolvi ġestjoni aħjar tal-fruntiera esterna tal-UE, b’mod partikolari permezz tas-solidarjetà lejn dawk l-Istati Membri li jinsabu fuq il-fruntieri esterni, u t-titjib fl-effiċjenza tal-qsim tal-fruntieri. Kontroll imsaħħaħ tal-fruntieri tar-Repubblika tas-Serbja se jkollu wkoll effett pożittiv fuq il-fruntieri esterni tal-UE, b’mod partikolari l-fruntieri esterni tal-Bulgarija, il-Kroazja, l-Ungerija u r-Rumanija, kif ukoll il-fruntieri tar-Repubblika tas-Serbja. Aktar tisħiħ tas-sigurtà fil-fruntieri esterni huwa wkoll f’konformità mal-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għal din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-Artikolu 77(2)(b) u (d) u l-Artikolu 79(2)(c) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tat-TFUE.
Il-konklużjoni mill-Unjoni Ewropea ta’ ftehim dwar l-istatus hija prevista b’mod espliċitu fl-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) 2016/1624 li jiddikjara li, f’każijiet fejn huwa previst li t-timijiet Ewropej tal-Fruntiera u tal-Gwardja tal-Kosta jiġu skjerati pajjiż terz f’azzjonijiet fejn il-membri tat-tim ikollhom setgħat eżekuttivi, jew fejn azzjonijiet oħra f’pajjiżi terzi jeħtieġu dan, l-Unjoni għandha tikkonkludi ftehim dwar l-istatus mal-pajjiż terz ikkonċernat.
Skont l-Artikolu 3(2) TFUE, l-Unjoni għandu jkollha kompetenza esklussiva għall-konklużjoni ta’ ftehim internazzjonali meta l-konklużjoni tiegħu tkun prevista f’att leġiżlattiv tal-Unjoni. L-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) 2016/1624 jipprevedi l-konklużjoni ta’ ftehim dwar l-status mill-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat. Konsegwentement, il-ftehim mar-Repubblika tas-Serbja, li jinsab mehmuż, jaqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.
Il-kunsens tal-Parlament Ewropew huwa meħtieġ għall-konklużjoni ta’ dan il-ftehim skont l-Artikolu 218(6)(a)(v) tat-TFUE.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
•Proporzjonalità
Fid-dawl ta’ netwerks tal-kriminalità organizzata li jadattaw malajr ir-rotot u l-metodi tagħhom għat-traffikar ta’ migranti irregolari, l-involviment tal-UE hija meħtieġa biex ittejjeb il-kontrolli fil-fruntieri tar-Repubblika tas-Serbja. Il-Ftehim dwar l-istatus fis-seħħ huwa meħtieġ sabiex jippermetti lill-awtoritajiet responsabbli tar-Repubblika tas-Serbja u l-Istati Membri tal-UE, ikkoordinati mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, biex jirreaġixxu malajr għal dawn l-iżviluppi possibbli. Dan se jippermetti l-iskjerament tat-timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika fir-Repubblika tas-Serbja f’każ ta’ influss f’daqqa ta’ migranti irregolari.
•Għażla tal-istrument
Din il-proposta hija skont l-Artikolu 218(6)(a) tat-TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill dwar ftehimiet internazzjonali, wara l-kunsens tal-Parlament Ewropew. Ma jeżisti l-ebda strument legali ieħor li jista’ jintuża sabiex jintlaħaq l-objettiv espress fil-proposta.
3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
••Ġbir u użu tal-għarfien espert
•Valutazzjoni tal-impatt
L-ebda valutazzjoni tal-impatt ma kienet meħtieġa għan-negozjati rigward il-ftehim dwar l-istatus.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Billi dan se jkun ftehim ġdid, ma setgħet titwettaq l-ebda evalwazzjoni jew kontroll tal-idoneità tal-istrumenti eżistenti.
•Drittijiet fundamentali
Il-ftehim dwar l-istatus fih dispożizzjonijiet li jiżguraw li d-drittijiet fundamentali tal-persuni affettwati mill-azzjonijiet tal-membri tat-tim involuti f’azzjoni kkoordinata mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta jkunu protetti.
Id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet fundamentali huma spjegati aktar fil-punt 5 “Elementi oħrajn”.
4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT
Il-ftehim dwar l-istatus fih innifsu ma għandux implikazzjonijiet finanzjarji. Huwa tabilħaqq l-iskjerament reali tat-timijiet tal-Aġenzija tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta fuq il-bażi ta’ Pjan Operazzjonali u l-Ftehim ta’ Għotja rilevanti li se jinvolvi spejjeż li se jiġġarrbu mill-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta. L-operazzjonijiet futuri skont il-ftehim dwar l-istatus se jiġu ffinanzjati mir-riżorsi proprji tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntieri.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Il-Kummissjoni se tiżgura l-monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tal-ftehim dwar l-istatus.
Ir-Repubblika tas-Serbja u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandhom jevalwaw kull operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera.
B’mod partikolari, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, ir-Repubblika tas-Serbja u l-Istati Membri li jipparteċipaw għal azzjoni speċifika għandhom ifasslu rapport fi tmiem kull azzjoni dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim, inkluż dwar l-ipproċessar ta’ data personali.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim
Skont dan il-Ftehim, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandha tkun tista’ tistazzjona t-timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta b’setgħat eżekuttivi fir-Repubblika tas-Serbja biex twettaq operazzjonijiet konġunti u interventi rapidi fil-fruntiera. Filwaqt li dan il-ftehim ma jestendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni (“il-ftehim ta’ riammissjoni bejn il-KE u r-Repubblika tas-Serbja”), it-timijiet tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta għandhom ukoll jitħallew, fil-kors ta’ operazzjoni ta’ ritorn speċifika, jassistu lir-Repubblika tas-Serbja fl-identifikazzjoni tal-persuni li għandhom jiġu riammessi fir-Repubblika tas-Serbja, f’konformità mal-ftehim ta’ riammissjoni bejn il-KE u r-Repubblika tas-Serbja.
Timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta jistgħu jiġu skjerati fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja biss f’reġjuni li għandhom il-konfini mal-fruntieri esterni tal-UE u l-membri tat-tim għandu jkollhom poteri eżekuttivi f’dawk l-oqsma tar-Repubblika tas-Serbja kif stabbilit fil-Pjan Operazzjonali.
It-tnedija ta’ azzjoni
L-inizjattiva biex titnieda azzjoni tista’ tiġi proposta mill-Aġenzija. L-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja jistgħu jitolbu lill-Aġenzija biex tikkunsidra t-tnedija ta’ azzjoni. It-twettiq ta’ azzjoni jeħtieġ il-kunsens tal-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja u tal-Aġenzija.
Pjan Operazzjonali
Qabel kull operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera, Pjan Operazzjonali jrid jiġi miftiehem bejn l-Aġenzija u r-Repubblika tas-Serbja. Il-Pjan Operazzjonali jrid jiġi miftiehem mill-Istat Membru jew l-Istati Membri li jmissu mal-fruntiera taż-żona ta’ operazzjoni.
Il-pjan għandu jistabbilixxi fid-dettall l-aspetti organizzattivi u proċedurali tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera, inkluż deskrizzjoni u valutazzjoni tas-sitwazzjoni, l-għan u l-objettivi operazzjonali, it-tip ta’ tagħmir tekniku li jrid jintuża, il-pjan ta’ implimentazzjoni, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi oħra, Aġenziji u korpi oħrajn tal-Unjoni jew organizzazzjonijiet internazzjonali, id-dispożizzjonijiet fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni tad-data personali, il-koordinazzjoni, l-istruttura tal-kmand, tal-kontroll, tal-komunikazzjoni u tar-rapportar, l-arranġamenti organizzattivi u loġistiċi, l-evalwazzjoni u l-aspetti finanzjarji tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera.
Kompiti u setgħat tal-membri tat-timijiet
Bħala regola ġenerali, it-timijiet għandu jkollhom l-awtorità li jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw il-poteri eżekuttivi meħtieġa għall-kontroll tal-fruntieri u għall-operazzjonijiet ta’ ritorn. Huma għandhom jirrispettaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tar-Repubblika tas-Serbja.
It-timijiet għandhom jaġixxu biss fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja taħt l-istruzzjonijiet mingħand il-gwardji tal-fruntiera jew uffiċjali tal-pulizija oħra tar-Repubblika tas-Serbja, jew fil-preżenza tagħhom.
Il-membri tat-tim għandhom ukoll, fejn xieraq, jilbsu l-uniformi tagħhom, identifikazzjoni personali viżibbli u faxxa tal-idejn blu bl-insinji tal-Unjoni Ewropea u tal-Aġenzija fuq l-uniformi tagħhom. Huma għandhom ukoll iġorru magħhom dokument ta’ akkreditazzjoni sabiex jiġu identifikati b’mod ċar mill-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tas-Serbja.
Il-membri tat-tim jistgħu jġorru armi, munizzjon u tagħmir tas-servizz kif awtorizzat skont il-liġi nazzjonali u l-liġi tar-Repubblika tas-Serbja. L-Aġenzija għandha tkun notifikata minn qabel mill-awtoritajiet tar-Repubblika tas-Serbja bl-armi, munizzjon u tagħmir permissibbli tas-servizz u tal-qafas legali rilevanti u l-kundizzjonijiet għall-użu tagħhom.
Il-membri tat-tim jistgħu jużaw il-forza, inkluż armi tas-servizz, munizzjon u tagħmir, bil-kunsens tal-Istat tagħhom stess u tal-awtoritajiet tar-Repubblika tas-Serbja, fil-preżenza ta’ gwardji tal-fruntiera jew uffiċjali tal-pulizija persunal oħra tar-Repubblika tas-Serbja, u f’konformità mal-liġi nazzjonali tar-Repubblika tas-Serbja. L-awtoritajiet tar-Repubblika tas-Serbja jistgħu jawtorizzaw lill-membri tat-tim biex jużaw il-forza anke fin-nuqqas tal-gwardji tal-fruntiera tagħhom. Il-membri tat-tim jistgħu jużaw l-armi biss meta jkun assolutament meħtieġ għad-difiża personali biex wieħed jiddefendi lilu nnifsu kontra attakk immedjat li jkun theddida fuq ħajjithom jew ħajjet persuna oħra, skont il-leġiżlazzjoni Serba.
L-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja jistgħu, fuq talba, jikkomunikaw l-informazzjoni rilevanti li tinsab fil-bażijiet tad-data nazzjonali lill-membri tat-tim jekk ikun meħtieġ biex iwettqu l-kompiti tagħhom. L-Aġenzija tista’ wkoll tikkomunika mal-awtoritajiet kompetenti Serbi rigward l-informazzjoni meħtieġa għal finijiet operazzjonali.
Sospensjoni u t-terminazzjoni tal-azzjoni
Kemm l-Aġenzija kif ukoll l-awtoritajiet tar-Repubblika tas-Serbja jistgħu jissospendu jew itemmu l-azzjoni, jekk huma jqisu li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jew tal-Pjan Operazzjonali ma jkunux rispettati mill-parti l-oħra.
Privileġġi u immunitajiet tal-membri tat-tim
Il-membri tat-tim għandhom igawdu mill-immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tar-Repubblika tas-Serbja fir-rigward tal-atti kollha mwettqa fit-tħaddim tal-funzjonijiet uffiċjali (“on duty”) filwaqt li dawn ma jgawdux tali immunità għal atti mwettqa “off duty”.
Il-Pjan Operazzjonali għandu preċiżament jistabbilixxi l-azzjonijiet li jkollhom immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tar-Repubblika tas-Serbja.
Fil-każ ta’ allegazzjoni ta’ reat kriminali li jkun twettaq minn membru tat-tim, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija, qabel il-bidu tal-proċediment quddiem il-qorti kompetenti, għandu jiċċertifika lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja jekk l-att inkwistjoni kienx twettaq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali jew le. Id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għandu jieħu d-deċiżjoni tiegħu jew tagħha wara kunsiderazzjoni bir-reqqa ta’ kull rappreżentanza li ssir mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jkun skjera l-gwardja tal-fruntiera kkonċernat jew persunal rilevanti ieħor u l-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja.
Il-privileġġi mogħtija lill-membri tat-tim u l-immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tar-Repubblika tas-Serbja ma jeżentawhomx mill-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru ospitanti.
Sistema simili tapplika għar-responsabbiltà ċivili u amministrattiva tal-membri tat-tim.
L-immunità tal-membri tat-timijiet mill-ġuriżdizzjoni kriminali, ċivili u amministrattiva tar-Repubblika tas-Serbja tista’ tiġi rinunzjata mill-Istat Membru li jkun skjera l-gwardja tal-fruntiera jew persunal rilevanti ieħor ikkonċernati. Tali rinunzja trid dejjem tkun rinunzja espressa.
Il-ftehim jipprevedi mekkaniżmu li għandu l-għan li jikkumpensa d-danni. Il-mekkaniżmu ta’ kumpens huwa bbażat fuq l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) 2016/1624 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Jekk id-dannu huwa kkawżat minn membru tat-tim “on duty”, ir-Repubblika tas-Serbja għandha tkun responsabbli. Jekk id-dannu jkun ikkawżat minn membru tat-tim “on duty” minn Stat Membru parteċipanti minħabba negliġenza gravi jew imġiba ħażina volontarja jew jekk l-att twettaq “off duty”, ir-Repubblika tas-Serbja tista’ titlob permezz tad-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija li l-kumpens jitħallas mill-Istat Membru parteċipanti kkonċernat. Jekk persunal tal-Aġenzija jikkawża dannu, ir-Repubblika tas-Serbja tista’ titlob li l-kumpens jitħallas mill-Aġenzija.
L-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni ma tista’ tittieħed fir-rigward tal-membri tat-tim, ħlief fil-każ li jinbeda kontrihom proċediment kriminali jew ċivili mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom.
L-oġġetti tal-membri tat-tim meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom għandhom ikunu ħielsa mill-qbid. Fil-kuntest ta’ proċedimenti ċivili, il-membri tat-tim ma għandhomx ikunu soġġetti għal xi restrizzjoni fuq il-libertà personali tagħhom jew għal kwalunkwe miżura oħra ta’ kostrinġiment.
Il-membri tat-tim għandhom ikunu eżentati mid-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fir-Repubblika tas-Serbja fir-rigward tas-servizzi mwettqa għall-Aġenzija. Huma għandhom ukoll ikunu eżentati minn kull forma ta’ tassazzjoni fir-Repubblika tas-Serbja fuq is-salarju u l-emolumenti mħallsa lilhom mill-Aġenzija jew l-Istati Membri tagħhom, kif ukoll fuq kull dħul riċevut minn barra r-Repubblika tas-Serbja.
L-awtoritajiet tar-Repubblika tas-Serbja għandhom jippermettu d-dħul u l-ħruġ ta’ oġġetti għall-użu personali tal-membri tat-tim, u għandhom jagħtu eżenzjoni minn kull dazju doganali, taxxa u imposti relatati oħra (ħlief għall-ħlasijiet għal ħżin, trasport u servizzi simili) fir-rigward ta’ dawn l-oġġetti.
Il-bagalji personali tal-membri tat-tim jistgħu jiġu spezzjonati fejn ikun hemm bażi għal kunsiderazzjoni li fihom oġġetti li mhumiex għall-użu personali tal-membri tat-tim, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun projbita mil-liġi jew soġġetta għar-regolamenti tal-kwarantina tar-Repubblika tas-Serbja. L-ispezzjoni ta’ dawn il-bagalji personali għandha titwettaq biss fil-preżenza tal-membr(i) tat-tim konċernati jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-Aġenzija.
Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-proprjetà tal-membri tat-tim għandhom igawdu l-invjolabbiltà, ħlief fil-każ ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni. Il-membri tat-tim ma għandhomx ikunu obbligati jagħtu xhieda.
Dokument ta’ Akkreditazzjoni
L-Aġenzija għandha, f’kooperazzjoni mar-Repubblika tas-Serbja, toħroġ dokument ta’ akkreditazzjoni lill-membri tat-tim għall-għanijiet ta’ identifikazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet tar-Repubblika tas-Serbja bħala prova tad-drittijiet tad-detentur li jwettaq il-kompiti u jeżerċita l-poteri mogħtija taħt dan il-Ftehim u fil-Pjan Operazzjonali. Id-dokument ta’ akkreditazzjoni, flimkien ma’ dokument tal-ivvjaġġar validu, jagħti lill-membru tat-tim aċċess għar-Repubblika tas-Serbja mingħajr il-bżonn ta’ viża jew awtorizzazzjoni minn qabel; jiġi ritornat lill-Aġenzija fi tmiem l-azzjoni. L-Aġenzija se tipprovdi lill-awtoritajiet Serbi kompetenti b’kampjun tad-dokument tal-akkreditazzjoni qabel il-bidu tal-applikazzjoni tal-Ftehim u kull meta l-mudell ikun modifikat.
Drittijiet fundamentali
Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u meta jeżerċitaw il-poteri tagħhom, il-membri tat-tim għandhom jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet, inkluż fir-rigward tal-aċċess għal proċeduri tal-ażil, id-dinjità tal-bniedem u l-projbizzjoni tat-tortura, trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà, il-prinċipju tan-non-refoulement u l-projbizzjoni tat-tkeċċijiet kollettivi, id-drittijiet tat-tfal u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. Dawn ma għandhomx jiddiskriminaw b’mod arbitrarju kontra persuni fuq l-ebda bażi, inkluż is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali. Kwalunkwe miżura li tinterferixxi mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali għandha tkun proporzjonata mal-objettivi ta’ tali miżura u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.
Kull Parti jrid ikollha mekkaniżmu ta’ lmenti sabiex tittratta l-allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali mwettaq mill-persunal tagħha. L-Aġenzija stabbiliet mekkaniżmu ta’ lment imsemmi fl-Artikolu 72 tar-Regolament (UE) 2016/1624 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u għalhekk tissodisfa dan l-obbligu. L-Ombudsman tar-Repubblika tas-Serbja (“il-Protettur taċ-Ċittadini”) jista’ jittratta dawn l-allegazzjonijiet, ħlief jekk l-awtoritajiet tar-Repubblika tas-Serbja jiddeċiedu li jistabbilixxu mekkaniżmu inkarigat speċifikament biex jittratta l-ilmenti mressqa taħt dan il-Ftehim.
Ipproċessar ta’ data personali
Il-membri tat-tim għandhom jipproċessaw id-data personali meta dan ikun meħtieġ u proporzjonat skont ir-regoli applikabbli għall-Aġenzija u l-Istati Membri tal-UE. L-ipproċessar ta’ data personali mir-Repubblika tas-Serbja għandu jkun soġġett għal liġijiet nazzjonali tagħha.
L-Aġenzija, l-Istati Membri parteċipanti u l-awtoritajiet tar-Repubblika tas-Serbja għandhom iħejju rapport komuni dwar l-ipproċessar ta’ data personali mill-membri tat-tim fi tmiem kull azzjoni. Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-Uffiċjal tad-Drittijiet Fundamentali tal-Aġenzija u lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data, kif ukoll lill-awtorità kompetenti għall-protezzjoni tad-data personali fir-Repubblika tas-Serbja. L-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali tal-Aġenzija u l-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data għandhom jirrapportaw lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.
Tilwim u interpretazzjoni
Il-kwistjonijiet kollha li jirriżultaw b’rabta mal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu eżaminati b’mod konġunt mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja u minn rappreżentanti tal-Aġenzija, li għandhom jikkonsultaw lill-Istat Membru jew l-Istati Membri ġirien tar-Repubblika tas-Serbja.
Fin-nuqqas ta’ soluzzjoni minn qabel, it-tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt biss b’negozjar bejn ir-Repubblika tas-Serbja u l-Kummissjoni Ewropea, li għandha, kull meta jkun meħtieġ, tikkonsulta lil kwalunkwe Stat Membru ġar tar-Repubblika tas-Serbja.
L-awtoritajiet kompetenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim
Għar-Repubblika tas-Serbja, l-awtorità kompetenti għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim huwa l-Ministru responsabbli għall-Affarijiet Interni. Għall-Unjoni Ewropea, hija l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.
Dikjarazzjonijiet Konġunti
Iż-żewġ partijiet isostnu li l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta se tappoġġa lir-Repubblika tas-Serbja biex tikkontrolla b’mod effiċjenti l-fruntiera tagħha ma’ kwalunkwe pajjiż li ma jkunx membru tal-Unjoni Ewropea b’mezzi oħra għajr l-iskjerament ta’ timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta b’setgħat eżekuttivi.
Iż-żewġ partijiet jaqblu li l-istatus u d-delimitazzjoni taħt il-liġi internazzjonali tat-territorju tas-Serbja u tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea bl-ebda mod ma huma affettwati la minn dan il-Ftehim u lanqas minn kull att imwettaq fl-implimentazzjoni tiegħu mill-partijiet jew f’isimhom, inkluż l-istabbiliment ta’ pjanijiet operazzjonali jew il-parteċipazzjoni f’operazzjonijiet transfruntiera.
L-assoċjazzjoni mill-qrib tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-Acquis ta’ Schengen hi bl-istess mod riflessa f’dikjarazzjoni konġunta mal-Ftehim.
2018/0409 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar il-konklużjoni tal-ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(b) u (d) u l-Artikolu 79(2)(c), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1)Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2018/XXX ta’ [...], il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja (“il-ftehim dwar l-istatus”) kien iffirmat minn [...] fi [... ..], soġġett għall-konklużjoni tiegħu.
(2)Skont l-Artikolu 54(4) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1624, f’każijiet fejn ikun previst li jintbagħtu timijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta f’pajjiż terz biex iwettqu azzjonijiet li għalihom il-membri tat-tim ikollhom poteri eżekuttivi, jew fejn meħtieġ minn azzjonijiet oħra f’pajjiżi terzi, għandu jintlaħaq ftehim dwar l-istatus, bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz ikkonċernat. Dan il-ftehim dwar l-istatus jenħtieġ li jkopri l-aspetti kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-azzjonijiet.
(3)Skont il-ftehim dwar l-istatus, it-timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta jistgħu jintbagħtu timijiet ta’ gwardji tal-fruntieri malajr fuq it-territorju tar-Repubblika tas-Serbja, iwieġbu għall-bidla attwali fil-flussi migratorji lejn ir-rotta kostali u jassistu fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni u l-ġlieda kontra t-traffikar ta’ migranti irregolari.
(4)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li r-Renju Unit ma jiħux sehem fihom, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE; għaldaqstant ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha.
(5)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li l-Irlanda ma tiħux sehem fihom, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE; Għaldaqstant l-Irlanda mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.
(6)B’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.
(7)Il-ftehim dwar l-istatus għandu għalhekk jiġi approvat f’isem l-Unjoni Ewropea,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja (“il-Ftehim”), huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni.
It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill jaħtar il-persuna bis-setgħa li tipproċedi, f’isem l-Unjoni Ewropea, għan-notifika li hemm provvediment għaliha fl-Artikolu 13(2) tal-Ftehim, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tintrabat bil-Ftehim.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.12.2018
COM(2018) 797 final
ANNESS
tal-
Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill
dwar il-konklużjoni tal-ftehim dwar l-istatus bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja
ANNESS
FTEHIM
bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja
L-UNJONI EWROPEA,
u R-REPUBBLIKA TAS-SERBJA,
Minn hawn ’il quddiem imsejħin “il-Partijiet”,
BILLI jistgħu jinħolqu sitwazzjonijiet fejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta tista’ tikkoordina kooperazzjoni operattiva bejn Stati Membri tal-UE u r-Repubblika tas-Serbja, inkluż fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja,
BILLI jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas legali fil-forma ta’ ftehim dwar l-istatus għal sitwazzjonijiet meta l-membri tat-tim tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta jista’ jkollhom setgħat eżekuttivi fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja,
Billi l-Partijiet għandhom jieħdu debitament inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet mehmuża meta jimplimentaw dan il-Ftehim dwar l-istatus,
Meta wieħed JIKKUNSIDRA li fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet kollha fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta jenħtieġ li tirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali,
IDDEĊIDEW LI JIKKONKLUDU L-FTEHIM LI ĠEJ:
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim
1. Dan il-Ftehim għandu jkopri l-aspetti kollha ta’ kooperazzjoni bejn ir-Repubblika tas-Serbja u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta li hija meħtieġa biex ikunu jistgħu jsiru azzjonijiet mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u l-Kosta fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja, fejn il-membri tat-tim tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta jkollhom setgħat eżekuttivi.
2.Dan il-Ftehim ma jestendix il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni (“il-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u s-Serbja”). Fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ ritorn kif definit fl-Artikolu 2(d), dan il-Ftehim jikkonċerna biss l-għoti ta’ appoġġ operattiv għal operazzjonijiet ta’ ritorn li jitwettqu skont il-ftehim ta’ riammissjoni bejn l-UE u s-Serbja.
3.Dan il-Ftehim għandu jkopri r-Repubblika tas-Serbja. Dan il-Ftehim ma għandux ikopri l-Kosovo.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a)
“azzjoni” tfisser operazzjoni konġunta, intervent rapidu fil-fruntiera jew operazzjoni ta’ ritorn;
(b)
“Operazzjoni konġunta” tfisser kwalunkwe azzjoni mmirata biex tindirizza l-immigrazzjoni illegali jew kriminalità transfruntiera jew li għandha l-għan li tipprovdi aktar assistenza teknika u operattiva fil-fruntieri esterni ta’ Stat Membru ġar u r-Repubblika tas-Serbja u mwettqa fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja;
(c)
“Intervent rapidu fil-fruntiera” tfisser azzjoni mmirata biex tindirizza b’mod rapidu sitwazzjoni b’diffikultajiet speċifiċi u sproporzjonati fil-fruntieri tar-Repubblika tas-Serbja li jmissu Stat Membru u mwettqa fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja għal perjodu limitat ta’ żmien;
(d)
“Operazzjoni ta’ ritorn” tfisser operazzjoni li tkun organizzata u koordinata mill-Aġenzija u li tinvolvi tisħiħ tekniku u operazzjonali li jiġi pprovdut minn Stat Membru wieħed jew aktar li fiha persuni li dwarhom ittieħdet id-deċiżjoni finali dwar ir-ritorn jiġu rimpatrijati minn Stat Membru wieħed jew aktar jew fuq bażi furzata jew fuq bażi volontarja lejn ir-Repubblika tas-Serbja f’konformità mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Serbja dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni;
(e)
“Kontrolli tal-fruntieri” tfisser il-kontroll ta’ persuni, dokumenti tal-ivvjaġġar, il-mezzi tat-trasport u l-oġġetti li jinġarru meta tinqasam fruntiera ta’ stat, li jikkonsistu f’verifiki fuq il-fruntieri fil-punti tal-qsim tal-fruntieri u s-sorveljanza tal-fruntieri bejn il-punti tal-qsim tal-fruntieri;
(f)
“Membru ta’ tim” tfisser membru jew tal-persunal tal-Aġenzija jew membru ta’ tim ta’ gwardji tal-fruntiera u persunal rilevanti ieħor minn Stati Membri parteċipanti, inklużi gwardji tal-fruntiera u persunal rilevanti ieħor li huma sekondati mill-Istati Membri lill-Aġenzija biex jieħdu sehem f’azzjoni;
(g)
“Stat Membru” tfisser kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;
(h)
“Stat Membru tal-oriġini” tfisser l-Istat Membru li membru ta’ tim ikun gwardja tal-fruntiera jew membru rilevanti ieħor tal-persunal tiegħu;
(i)
“Data personali” tfisser kwalunkwe data relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli; persuna identifikabbli hija persuna li tista’ tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b’mod partikolari b’referenza għal identifikatur bħal isem, numru ta’ identifikazzjoni jiġifieri numru ta’ identifikazzjoni uniku għaċ-ċittadin, data dwar il-post, identifikatur onlajn jew aktar karatteristiċi speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna fiżika;
(j)
“Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru li jipparteċipa fl-azzjoni fir-Repubblika tas-Serbja billi jipprovdi tagħmir tekniku, gwardji tal-fruntieri u persunal rilevanti ieħor mibgħut bħala parti mit-tim;
(k)
“Aġenzija” tfisser l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 2016/1624 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.
Artikolu 3
Tnedija tal-Azzjoni u l-Pjan Operazzjonali
1. L-inizjattiva biex titnieda azzjoni tista’ tiġi proposta lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja mill-Aġenzija. L-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja jistgħu jitolbu lill-Aġenzija biex tikkunsidra t-tnedija ta’ azzjoni.
2. It-twettiq ta’ azzjoni teħtieġ il-kunsens kemm tal-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja kif ukoll tal-Aġenzija.
3. Pjan Operazzjonali konġunta għandu jiġi miftiehem bejn l-Aġenzija u r-Repubblika tas-Serbja għal kull operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 54(3) tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta huma rispettati.
Il-pjan għandu jistabbilixxi fid-dettall l-aspetti ta’ organizzazzjoni u proċedura tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera, inkluż deskrizzjoni u valutazzjoni tas-sitwazzjoni, l-għan u l-objettivi operazzjonali, it-tip ta’ tagħmir tekniku li jrid jintuża, il-pjan ta’ implimentazzjoni, il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi oħra, Aġenziji u korpi oħrajn tal-Unjoni jew organizzazzjonijiet internazzjonali, id-dispożizzjonijiet fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-protezzjoni tad-data personali, il-koordinazzjoni, l-istruttura tal-kmand, tal-kontroll, tal-komunikazzjoni u tar-rapportar, l-arranġamenti organizzazzjonali u loġistiċi, l-evalwazzjoni u l-aspetti finanzjarji tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera. L-evalwazzjoni tal-operazzjoni konġunta jew tal-intervent rapidu fil-fruntiera għandha titwettaq b’mod konġunt bejn l-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja u l-Aġenzija.
Artikolu 4
Kompiti u setgħat tal-membri tat-timijiet
1.Il-membri tat-tim għandhom ikollhom l-awtorità li jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat eżekuttivi meħtieġa għall-kontroll tal-fruntieri u għall-operazzjonijiet ta’ ritorn.
2.Il-membri tat-tim għandhom jirrispettaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tar-Repubblika tas-Serbja.
3.Il-membri tat-tim jistgħu jwettqu l-kompiti u jeżerċitaw is-setgħat fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja biss fuq struzzjonijiet minn u fil-preżenza ta’ gwardji tal-fruntiera jew uffiċjali tal-pulizija oħra tar-Repubblika tas-Serbja. L-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja għandha tagħti struzzjonijiet lit-tim skont il-Pjan Operazzjonali meta xieraq. L-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja tista’ tawtorizza lill-membri tat-timijiet biex jaġixxu f’isimha sakemm ir-responsabbiltà ġenerali u funzjonijiet ta’ kontroll u kmand jibqgħu taħt il-gwardji tal-fruntiera jew l-uffiċjali tal-pulizija tar-Repubblika tas-Serbja preżenti l-ħin kollu.
L-Aġenzija, permezz tal-Uffiċjal tal-Koordinazzjoni tagħha, tista’ tikkomunika l-opinjonijiet tagħha lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja dwar l-istruzzjonijiet mogħtija lit-tim. F’dak il-każ, l-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja għandha tikkunsidra dawn il-fehmiet u ssegwihom sa fejn ikun possibbli.
F’każijiet fejn l-istruzzjonijiet maħruġa lit-tim ma jkunux konformi mal-Pjan Operazzjonali, l-Uffiċjal tal-Koordinazzjoni għandu jirrapporta immedjatament għand id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija. Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jieħu miżuri xierqa, inkluża s-sospensjoni jew it-terminazzjoni tal-azzjoni.
4.Il-membri tat-timijiet għandhom jilbsu l-uniformi tagħhom meta jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom. Il-membri tat-tim għandhom mill-inqas jilbsu b’mod viżibbli identifikazzjoni personali u faxxa tal-idejn blu bl-insinji tal-Unjoni Ewropea u tal-Aġenzija. Għall-finijiet ta’ identifikazzjoni fir-rigward tal-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja, il-membri tat-timijiet għandhom, f’kull ħin iġorru magħhom id-dokument ta’ akkreditazzjoni msemmi fl-Artikolu 7.
5.Meta jkunu qegħdin iwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, il-membri tat-timijiet jistgħu jġorru armi, munizzjon u tagħmir kif awtorizzat skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ta’ oriġini. Ir-Repubblika tas-Serbja għandha, qabel ma jintbagħtu l-membri tat-tim, tinforma lill-Aġenzija dwar l-armi, il-munizzjon u t-tagħmir tas-servizz permissibbli u dwar il-kundizzjonijiet biex jintużaw. L-Aġenzija għandha tippreżenta minn qabel lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja il-lista ta’ armi tas-servizz tal-membri tat-tim, jiġifieri l-informazzjoni dwar it-tip u n-numru tas-serje ta’ armi u t-tip u l-kwantità ta’ munizzjon.
6.Waqt li jkunu qed iwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, il-membri tat-tim għandhom ikunu awtorizzati jużaw il-forza, inkluż l-armi, il-munizzjon u tagħmir tas-servizz, bil-kunsens tal-Istat Membru tal-oriġini u tar-Repubblika tas-Serbja, fil-preżenza ta’ gwardji tal-fruntiera jew uffiċjali tal-pulizija oħra tar-Repubblika tas-Serbja u f’konformità mal-liġi nazzjonali tar-Repubblika tas-Serbja. Ir-Repubblika tas-Serbja tista’ tawtorizza lill-membri tat-tim biex jużaw il-forza mingħajr il-preżenza ta’ gwardji tal-fruntiera jew uffiċjali tal-pulizija oħra tar-Repubblika tas-Serbja. Il-membri tat-tim jistgħu jużaw l-armi biss meta jkun assolutament meħtieġ għad-difiża proprja li jiddefendu lilhom infushom kontra attakk immedjat li jkun theddida għal ħajjithom kontrihom stess jew persuna oħra, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tar-Repubblika tas-Serbja.
7.L-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja tista’, fuq talba, tikkomunika l-informazzjoni rilevanti li tinsab fil-bażijiet ta’ data nazzjonali tagħha lill-membri tat-tim jekk ikun meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet operazzjonali speċifikati fil-Pjan Operazzjonali u għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet. Il-membri tat-tim jistgħu jikkomunikaw biss informazzjoni li jikkonċernaw il-fatti li jkunu meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tagħhom u biex jeżerċitaw il-poteri tagħhom. L-Aġenzija tista’ tikkomunika lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja l-informazzjoni rilevanti li hija meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet operazzjonali speċifikati fil-pjan operazzjonali u għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet konġunti.
8. Għall-finijiet li jintlaħqu l-għanijiet operazzjonali speċifikati fil-Pjan Operazzjonali u l-azzjonijiet ta’ implimentazzjoni, l-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja u l-membri tat-tim jistgħu jiskambjaw informazzjoni u sejbiet oħra.
9. Il-membri tat-tim imsemmi fil-paragrafi 1 u 3 sa 6 ma jinkludux il-persunal tal-Aġenzija.
Artikolu 5
Sospensjoni u Terminazzjoni tal-Azzjoni
1. Id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija jista’ jissospendi jew itemm l-azzjoni, wara li jkun informa lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja bil-miktub, jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jew il-Pjan Operazzjonali ma jkunux rispettati mir-Repubblika tas-Serbja. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja bir-raġunijiet għal dan.
2. Ir-Repubblika tas-Serbja tista’ tissospendi jew ittemm l-azzjoni, wara li tinforma lill-Aġenzija bil-miktub, jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim jew tal-Pjan Operazzjonali ma jkunux implimentati b’mod xieraq mill-Aġenzija jew minn kwalunkwe Stat Membru parteċipant. L-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja għandha tinnotifika lill-Aġenzija bir-raġunijiet għal dan.
3. B’mod partikolari, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija jew ir-Repubblika tal-Serbja tista’ tissospendi jew tittermina l-azzjoni f’każijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali, ksur tal-prinċipju tan-non-refoulement jew tar-regoli tal-protezzjoni tad-data.
4. It-terminazzjoni tal-azzjoni ma għandha taffettwa l-ebda dritt jew obbligu li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim jew il-Pjan Operazzjonali qabel tali terminazzjoni.
Artikolu 6
Privileġġi u immunitajiet tal-membri tat-tim
1. Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-propjetà tal-membri tat-tim għandhom igawdu l-invjolabbiltà, ħlief fil-każ ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni li huma permessi skont il-paragrafu 6.
2. Il-membri tat-tim għandhom igawdu minn immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tar-Repubblika tas-Serbja fir-rigward tal-atti mwettqa matul l-eżerċizzju u għall-finijiet tiegħu tal-funzjonijiet uffiċjali fil-kors tal-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali.
Fil-każ ta’ allegazzjoni ta’ reat kriminali imwettaq minn membru tat-tim, l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 12, paragrafu 1 ta’ dan il-Ftehim, għandu jinnotifika minnufih lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini.
Wara kunsiderazzjoni bir-reqqa ta’ kwalunkwe rappreżentanza tal-Istat Membru ta’ domiċilju u tar-Repubblika tas-Serbja, u bbażat fuq informazzjoni pprovduta miż-żewġ Partijiet, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għandha tiċċertifika jekk l-att inkwistjoni ikunx twettaq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tal-membru tat-tim fil-kors tal-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali.
F’każ li d-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija jiċċertifika li l-att ikun twettaq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tal-membru tat-tim fil-kors tal-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali, il-membru tat-tim għandu jgawdu minn immunità tal-ġuriżdizzjoni kriminali tar-Repubblika tas-Serbja għal atti mwettqa matul l-eżerċizzju u għal finijiet tiegħu tal-funzjonijiet uffiċjali fil-kors tal-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali.
3. Il-membri tat-tim għandhom igawdu minn immunità mill-ġuriżdizzjoni ċivili u amministrattiva tar-Repubblika tas-Serbja fir-rigward tal-atti kollha li jwettqu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom matul l-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali.
Jekk jinbeda xi proċediment ċivili kontra l-membri tat-tim quddiem xi qorti, l-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 12, paragrafu 1, ta’ dan il-Ftehim, għandha tinnotifika immedjatament lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija u lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini.
Wara kunsiderazzjoni bir-reqqa ta’ kwalunkwe rappreżentanza tal-Istat Membru ta’ domiċilju u tar-Repubblika tas-Serbja, u bbażat fuq informazzjoni pprovduta miż-żewġ Partijiet, id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għandha tiċċertifika jekk l-att inkwistjoni ikunx twettaq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tal-membru tat-tim fil-kors tal-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali.
F’każ li d-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija jiċċertifika li l-att ikun twettaq fil-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali ta’ membru tat-tim matul l-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali, il-membru tat-tim għandhom igawdu minn immunità mill-ġuriżdizzjoni ċivili u amministrattiva tar-Repubblika tas-Serbja għall-atti mwettqa waqt u għall-fini tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali matul l-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali.
4. L-immunità tal-membri tat-timijiet mill-ġuriżdizzjoni kriminali, ċivili u amministrattiva tar-Repubblika tas-Serbja f’konformità mal-paragrafi 2 u 3 tista’ tiġi rinunzjata mill-Istat Membru tal-oriġini skont il-każ. Tali rinunzja għandha dejjem tkun rinunzja espressa.
5. Il-membri tat-tim ma għandhomx ikunu obbligati jagħtu xhieda.
6.Fil-każ ta’ dannu kkawżat minn membru tat-tim fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali fil-kors tal-azzjonijiet li jsiru f’konformità mal-pjan operazzjonali, ir-Repubblika tas-Serbja għandha tkun responsabbli għal kwalunkwe ħsara.
Fil-każ ta’ dannu kkawżat minn negliġenza gravi jew kondotta skorretta volontarja jew jekk l-att ma jkunx twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim minn Stat Membru parteċipanti, ir-Repubblika tas-Serbja tista’ titlob, permezz tad-direttur eżekuttiv, li l-kumpens jitħallas mill-Istat Membru parteċipanti kkonċernat.
Fil-każ ta’ dannu kkawżat minn negliġenza gravi jew kondotta skorretta volontarja jew jekk l-att ma jkunx twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali minn membru tat-tim li huwa membru tal-persunal tal-Aġenzija, ir-Repubblika tas-Serbja tista’ titlob li l-kumpens jitħallas mill-Aġenzija.
F’każ ta’ dannu kkawżat fir-Repubblika tas-Serbja, minħabba force majeure, la r-Repubblika tas-Serbja, u lanqas l-Istat Membru parteċipanti, u lanqas l-Aġenzija, ma għandu jkollhom l-ebda responsabbiltà.
7. L-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni ma tista’ tittieħed fir-rigward tal-membri tat-tim, ħlief fil-każ li jinbeda kontrihom proċediment kriminali jew ċivili mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom. L-oġġetti tal-membri tat-tim, li jkunu ċertifikati mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija bħala meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom, għandhom ikunu ħielsa minn sekwestru biex tiġi ssodisfata sentenza, deċiżjoni jew ordni. Fil-kuntest ta’ proċedimenti ċivili, il-membri tat-tim ma għandhomx ikunu soġġetti għal xi restrizzjoni fuq il-libertà personali tagħhom jew għal kwalunkwe miżura oħra ta’ kostrinġiment.
8. L-immunità tal-membri tat-tim mill-ġuriżdizzjoni tar-Repubblika tas-Serbja ma għandhiex teżentahom mill-ġuriżdizzjonijiet tal-Istati Membri tal-oriġini rispettivi tagħhom.
9. Il-membri tat-tim għandhom, fir-rigward tas-servizzi mwettqa għall-Aġenzija, ikunu eżentati mid-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fir-Repubblika tas-Serbja.
10. Il-membri tat-tim għandhom ikunu eżentati minn kwalunkwe forma ta’tassazzjoni fir-Repubblika tas-Serbja fuq is-salarju u l-emolumenti mħallsa lilhom mill-Aġenzija jew mill-Istati Membri tal-oriġini kif ukoll fuq kwalunkwe introjtu li jirċievu minn barra mir-Repubblika tas-Serbja.
11. Ir-Repubblika tas-Serbja għandha, f’konformità ma’ dawk il-liġijiet u r-regolamenti li tista’ tadotta, tippermetti d-dħul ta’ oġġetti għall-użu personali tal-membri tat-tim, u għandha tagħti eżenzjoni minn kull dazju doganali, taxxa u imposti relatati oħra ħlief għall-ħlasijiet għal ħżin, trasport u servizzi simili, rigward oġġetti bħal dawn. Ir-Repubblika tas-Serbja tippermetti wkoll l-esportazzjoni oġġetti bħal dawn.
12. Il-bagalji personali tal-membri tat-tim jistgħu jiġu spezzjonati f’każijiet fejn jiġi kkunsidrat li fihom oġġetti li mhumiex għall-użu personali tal-membri tat-tim, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun projbita mil-liġi jew soġġetta għar-regolamenti tal-kwarantina tar-Repubblika tas-Serbja. L-ispezzjoni ta’ dawn il-bagalji personali għandha titwettaq biss fil-preżenza tal-membr(i) tat-tim konċernati jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-Aġenzija.
Artikolu 7
Dokument ta’ Akkreditazzjoni
1. L-Aġenzija għandha, f’kooperazzjoni mar-Repubblika tas-Serbja, toħroġ dokument fil-lingwa/i uffiċjali tar-Repubblika tas-Serbja u f’lingwa uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea lil kull membru tat-tim għall-għanijiet ta’ identifikazzjoni fil-konfront tal-awtoritajiet nazzjonali tar-Repubblika tas-Serbja u bħala prova tad-drittijiet tad-detentur biex iwettaq il-kompiti u jeżerċita s-setgħat imsemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan il-Ftehim u fil-Pjan Operazzjonali. Id-dokument għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar il-membru: l-isem u n-nazzjonalità; il-grad jew it-titlu tal-impjieg; ritratt riċenti diġitalizzat u l-kompiti li huwa awtorizzat iwettaq matul l-iskjerament. Għandu wkoll isemmi li d-detentur ta’ dan id-dokument għandu dritt li jirrisjedi fit-territorju tar-Repubblika tas-Serbja għal kemm iddum l-azzjoni mingħajr proċeduri addizzjonali.
2. Id-dokument ta’ akkreditazzjoni, flimkien ma’ dokument tal-ivvjaġġar validu, jagħti lill-membru tat-tim aċċess għar-Repubblika tas-Serbja mingħajr il-bżonn ta’ viża jew awtorizzazzjoni minn qabel.
3. Id-dokument tal-akkreditazzjoni għandu jiġi ritornat lill-Aġenzija fi tmiem l-azzjoni.
4. Qabel il-bidu tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim u kull meta l-mudell tagħha huwa modifikat, l-aġenzija tipprovdi lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja kampjun ta’ dokument ta’ akkreditazzjoni msemmi fil-paragrafu 1.
Artikolu 8
Drittijiet Fundamentali
1. Il-membri tat-tim għandhom, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u meta jeżerċitaw is-setgħat tagħhom, jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet, inkluż fir-rigward tal-aċċess għal proċeduri tal-ażil, id-dinjità tal-bniedem u l-projbizzjoni tat-tortura, trattament inuman jew degradanti, id-dritt għal-libertà, il-prinċipju tan-non-refoulement u l-projbizzjoni tat-tkeċċijiet kollettivi, id-drittijiet tat-tfal u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja. Waqt it-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, ma għandhomx jiddiskriminaw kontra persuni fuq kwalunkwe bażi ta’ inkluż sess, razza jew oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età, orjentazzjoni sesswali. Kwalunkwe miżura li tinterferixxi mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali meħuda fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom għandha tkun proporzjonata mal-objettivi ta’ tali miżura u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawn id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.
2. Kull Parti għandha tuża mekkaniżmu eżistenti ta’ lmenti sabiex tittratta l-allegazzjonijiet ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali mwettaq mill-persunal tagħha fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tagħhom matul operazzjoni konġunta jew intervent rapidu fil-fruntiera jew operazzjoni ta’ ritorn imwettqa skont dan il-Ftehim.
Artikolu 9
Ipproċessar ta’ data personali
1. L-ipproċessar tad-data personali għandu jsir biss f’każijiet meta jkun meħtieġ għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim mir-Repubblika tas-Serbja, mill-Aġenzija jew mill-Istati Membri parteċipanti.
2. L-ipproċessar ta’ data personali mill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja għandu jkun soġġett għal liġijiet nazzjonali tagħha.
3. L-ipproċessar ta’ data personali għal għanijiet amministrattivi mill-Aġenzija u mill-Istat(i) Membru/i parteċipanti, inkluż f’każ ta’ trasferiment ta’ data personali lejn ir-Repubblika tas-Serbja, għandu jkun soġġett għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja f’materji kriminali u miżuri adottati mill-Aġenzija għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 kif imsemmi fl-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) Nru 2016/1624.
4. F’każ li l-ipproċessar ikun jinvolvi trasferiment ta’ data personali, l-Istati Membri u l-Aġenzija għandhom jindikaw, fil-mument tat-trasferiment tad-data personali lir-Repubblika tas-Serbja, kwalunkwe restrizzjoni fuq l-aċċess tagħha jew l-użu tagħha, f’termini ġenerali jew speċifiċi, inkluż għal trasferiment, tħassir jew qerda. Fejn il-ħtieġa għal tali restrizzjonijiet issir ċara wara t-trasferiment tad-data personali, dawn għandhom jinformaw lir-Repubblika tas-Serbja dwar dan.
5. Data personali miġbura u pproċessata għal għanijiet amministrattivi matul l-azzjoni tista’ tiġi pproċessata mill-Aġenzija, mill-Istati Membri parteċipanti u r-Repubblika tas-Serbja f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.
Għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, l-awtorità kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja għandha żżommu rekord ta’ data personali miġbura u pproċessata skont dan l-Artikolu. Id-data koperta minn dan ir-rekord għandu jkun: isem u kunjom, data tat-twelid, post tat-twelid, pajjiż ta’ oriġini, in-numru u t-tip ta’ dokumenti personali jew dokumenti oħra, il-post u l-ħin tal-ipproċessar tad-data u r-raġuni tal-ġbir u l-ipproċessar tad-data.
Id-data f’dan ir-reġistru għandu jinżamm għal tliet snin mid-data tal-ġbir.
6. L-Aġenzija, l-Istati Membri parteċipanti u r-Repubblika tas-Serbja għandhom iħejju rapport komuni dwar l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 sa 5 fi tmiem kull azzjoni. Dan ir-rapport għandu jintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja, lill-Uffiċjal għad-Drittijiet Fundamentali tal-Aġenzija u lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data. It-tnejn tal-aħħar għandhom jirrapportaw għand id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.
Artikolu 10
Tilwim u interpretazzjoni
1. Il-kwistjonijiet kollha li jirriżultaw marbutin mal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu eżaminati b’mod konġunt mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja u minn rappreżentanti tal-Aġenzija.
2. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe soluzzjoni minn qabel, id-disputi li jikkonċernaw l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu riżolti biss b’negozjar bejn l-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tas-Serbja u l-Kummissjoni Ewropea.
3. Għall-finijiet tal-paragrafi (1) u (2), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ikunu f’kuntatt kostanti mal-Istat Membru jew l-Istati Membri li għandhom il-fruntiera maż-żona operattiva.
Artikolu 11
Rabta ma’ obbligi oħra internazzjonali
Dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi assunti mir-Repubblika tas-Serbja jew tal-Unjoni Ewropea abbażi ta’ trattati u ftehimiet internazzjonali f’konformità mal-prinċipji tal-liġi internazzjonali ġeneralment aċċettati u għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tagħhom.
Artikolu 12
Awtoritajiet kompetenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim
1. L-awtorità kompetenti għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim fir-Repubblika tas-Serbja għandha tkun il-Ministeru tal-Intern.
2. L-awtorità kompetenti tal-Unjoni Ewropea għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tkun l-Aġenzija.
Artikolu 13
Dħul fis-seħħ, tul ta’ żmien, sospensjoni u terminazzjoni tal-Ftehim
1. Il-Partijiet għandhom japprovaw il-Ftehim skont il-proċeduri legali interni tagħhom.
2. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar ta’ wara d-data meta l-Partijiet ikunu għarrfu lil xulxin li lestew il-proċeduri legali interni tagħhom imsemmijin fil-paragrafu 1.
3. Dan il-Ftehim jista’ jiġi tterminat jew sospiż permezz ta’ ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet jew b’mod unilaterali minn waħda mill-Partijiet. F’dan il-każ tal-aħħar, il-Parti li jkollha l-intenzjoni tittermina jew tissospendi għandha tinnotifika bil-miktub lill-Parti l-oħra b’dan b’mezzi diplomatiċi.
Is-sospensjoni għandha tidħol fis-seħħ għaxart (10) ijiem tax-xogħol wara li tirċievi notifika.
It-terminazzjoni għandha tieħu effett mill-ewwel jum tat-tieni x-xahar li jsegwi dak tan-notifika tagħha.
4. In-notifiki li jsiru skont dan l-Artikolu għandhom jintbagħtu, fil-każ tal-Unjoni Ewropea, lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u, fil-każ tar-Repubblika tas-Serbja, lill-Ministeru responsabbli għall-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tas-Serbja.
Magħmul fi …. nhar il- ……
f’żewġ kopji bil-Bulgaru, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ingliż, bl-Ispanjol, bl-Iżvediż, bil-Kroat, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bin-Netherlandiż, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bit-Taljan, bl-Ungeriż u bis-Serb, b’kull test minn dawn ikollu l-istess awtentiċità.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA LI TIRRIGWARDA L-ARTIKOLU 2(b)
Il-Partijiet Kontraenti jsostnu li l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta se jappoġġaw lir-Repubblika tas-Serbja biex tikkontrolla b’mod effiċjenti l-fruntiera tiagħha ma’ kwalunkwe pajjiż li ma jkunx membru tal-Unjoni Ewropea b’mezzi oħra għajr l-iskjerament tat-timijiet Ewropej ta’ Gwardji tal-Fruntiera u tal-Kosta b’setgħat eżekuttivi.
Dikjarazzjoni konġunta dwar l-istatus u d-delimitazzjoni tat-territorji
L-istatus u d-delimitazzjoni taħt il-liġi internazzjonali fit-territorju tas-Serbja u t-territorji li fihom japplika t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-ebda mod ma hija affettwata la minn dan il-Ftehim u lanqas minn kull att imwettaq fl-implimentazzjoni tiegħu mill-partijiet jew f’isimhom, inkluż l-istabbiliment ta’ pjanijiet operazzjonali jew il-parteċipazzjoni f’operazzjonijiet transfruntiera.
DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, TAN-NORVEĠJA, TAL-IŻVIZZERA U TAL-LIECHTENSTEIN
Il-Partijiet Kontraenti jirrimarkaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Islanda, l-Isvizzera u l-Liechtenstein, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta’ Mejju 1999 u tas-26 ta’ Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.
F’tali ċirkostanzi huwa mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, minn naħa waħda, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar azzjonijiet imwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fir-Repubblika tas-Serbja f’termini simili għal dawk ta’ dan il-Ftehim.