Brussell, 4.12.2018

COM(2018) 784 final

2018/0403(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Singapore, min-naħa l-oħra


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fil-25 ta’ Novembru 2004, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (“FSK” jew “il-Ftehim”) ma’ sitt pajjiżi tal-ASEAN, inkluż Singapore. In-negozjati ma’ Singapore tnedew f’Ottubru 2005 u ġew finalizzati fl-aħħar ta’ Mejju 2013. Iż-żewġ naħat inizjalaw il-FSK f’Singapore fl-14 ta’ Ottubru 2013.

In-negozjati twettqu f’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Asja u l-Paċifiku (COASI), bħala kumitat konsultattiv. Il-Parlament Ewropew inżamm infurmat regolarment matul in-negozjati.

Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar tal-Ftehim fis-16/07/2018, il-Ftehim ġie ffirmat fid-19/10/2018 fi Brussell.

Din il-proposta tirrigwarda l-istrument ġuridiku li jikkonkludi l-iffirmar tal-Ftehim.

2.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

2.1.L-għan u l-kontenut tal-ftehim

Il-FSK ma’ Singapore huwa l-ħames ftehim ma’ pajjiż tal-ASEAN, wara l-ftehimiet mal-Indoneżja, il-Filippini, il-Vjetnam u l-Malasja. Dan se jieħu post il-qafas legali attwali tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-1980 bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-pajjiżi membri tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja.

Dan il-Ftehim ma’ Singapore jikkostitwixxi pass ’il quddiem lejn aktar involviment politiku u ekonomiku min-naħa tal-UE fix-Xlokk tal-Asja. Huwa se jipprovdi l-bażi għal impenn bilaterali aktar effettiv min-naħa tal-UE u l-Istati Membri tagħha ma’ Singapore billi jsaħħaħ id-djalogu politiku u jtejjeb il-kooperazzjoni f’firxa wiesgħa ta’ oqsma. 

Il-FSK ikopri l-klawżoli politiċi standard tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), l-Armi ta’ Qerda Massiva (AQM), l-Armi Ħfief u ta’ Kalibru Żgħir (“SALW” - Small Arms and Light Weapons) u l-ġlieda kontra t-terroriżmu. Huwa jinkorpora wkoll il-kooperazzjoni f’oqsma bħalma huma l-kwistjonijiet tal-kummerċ u tal-investiment, il-politika industrijali, is-saħħa, l-ambjent, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, it-taxxa, l-edukazzjoni u l-kultura, ix-xogħol, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, ix-xjenza u t-teknoloġija, u t-trasport. Il-Ftehim jindirizza wkoll il-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, jiġifieri l-kooperazzjoni legali, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni.

L-FSK jinkludi Ittra ta’ Akkumpanjament, li tifforma parti integrali mill-Ftehim. L-Ittra ta’ Akkumpanjament tikkonferma l-fehim tal-partijiet li, fil-mument tal-iffirmar tal-Ftehim, il-partijiet ma jafu, abbażi ta’ informazzjoni disponibbli oġġettivament, bl-ebda liġi domestika ta’ xulxin, jew bl-applikazzjoni tagħha, li tista’ twassal għall-invokazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni insuffiċjenti.

Il-FSK huwa kkumplimentat minn Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles u Ftehim ta’ Protezzjoni tal-Investiment, li jikkostitwixxu ftehimiet speċifiċi li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet rigward il-kummerċ u l-investiment tal-FSK, u li huma parti integrali mir-relazzjonijiet bilaterali ġenerali u mill-qafas istituzzjonali komuni, kif previst fl-Artikolu 9(2) tal-FSK. 

Il-Ftehim jistipula l-possibbiltà li tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-FSK jew ta’ kwalunkwe arranġament speċifiku msemmi taħt l-Artikolu 9(2) u l-Artikolu 43(3) tal-Ftehim f’każ ta’ ksur tal-elementi essenzjali tal-Ftehim, jiġifieri l-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-klawżola dwar in-nonproliferazzjoni.

Il-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt bil-kompitu li jiżgura l-funzjonament u l-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim.

2.2.Bażi ġuridika sostantiva

Skont il-każistika, jekk eżami ta’ miżura tal-UE jiżvela li għandha żewġ għanijiet jew li tinkludi żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn ikun identifikabbli bħala l-għan jew il-komponent ewlieni jew predominanti, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, il-miżura għandha tkun ibbażata fuq bażi ġuridika waħda, jiġifieri, dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti. B’mod eċċezzjonali, jekk jiġi stabbilit, min-naħa l-oħra, li l-miżura ssegwi għadd ta’ objettivi simultanjament, jew għandha diversi komponenti, li huma konnessi mill-qrib mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, sabiex diversi dispożizzjonijiet tat-Trattat ikunu applikabbli, il-miżura għandha tkun ibbażata fuq id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti (ara, għal dan il-għan, is-sentenza tal-10 ta’ Jannar 2006, il-Kummissjoni vs il-Parlament u l-Kunsill, C-178/03, EU:C:2006:4, il-paragrafi 42 u 43; tal-11 ta’ Ġunju 2014, il-Kummissjoni vs il-Kunsill, C-377/12, EU:C:2014:1903, il-paragrafu 34; u tal-14 ta’ Ġunju 2016, il-Parlament vs. il-Kunsill, C-263/14, EU:C:2016:435, il-paragrafu 44).

F’dan il-każ partikolari, il-fini jew il-komponent predominanti huwa l-kooperazzjoni ma’ pajjiż terz. Dan huwa għaliex id-Deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-Artikolu 212 TFUE.

2.3.Bażi ġuridika proċedurali

L-Artikolu 218(6) tat-TFUE jipprevedi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tawtorizza il-konklużjoni ta’ ftehim. L-Artikolu 218(8) TFUE jipprevedi li l-Kunsill għandu jaġixxi permezz ta’ maġġoranza kwalifikata minbarra għaċ-ċirkostanzi elenkati fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE fejn il-Kunsill għandu jaġixxi b’mod unanimu. Ir-regola tal-votazzjoni għal dan il-każ partikolari hija, għalhekk, il-maġġoranza kwalifikata.

2.4.Konklużjoni

Għalhekk, jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 212 TFUE, flimkien mal-Artikoli 218(6)(a) TFUE. Ma hija meħtieġa l-ebda dispożizzjoni addizzjonali bħala bażi ġuridika 1 .

3.ELEMENTI OĦRAJN: ĦTIEĠA TAD-DEĊIŻJONI PROPOSTA

L-Artikolu 216 tat-TFUE jipprevedi li l-Unjoni tista’ tikkonkludi ftehim ma’ pajjiż ieħor jew aktar meta t-Trattati jipprevedu dan jew meta l-konklużjoni ta’ ftehim tkun meħtieġa sabiex jinkiseb, fil-qafas tal-politiki tal-Unjoni, wieħed mill-għanijiet stabbiliti mit-Trattati, jew inkella tkun prevista f’att tal-Unjoni legalment vinkolanti jew inkella x’aktarx tolqot regoli komuni jew li tbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom.

It-Trattati jipprevedu li jiġu konklużi ftehimiet bħall-FSK, jiġifieri fl-Artikolu 212 tat-TFUE. Barra minn hekk, il-konklużjoni tal-FSK hija meħtieġa għall-għan li jinkisbu, fil-qafas tal-politiki tal-Unjoni, l-għanijiet imsemmija fit-Trattati, inklużi fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, in-nonproliferazzjoni tal-armi ta’ qerda massiva, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, il-kummerċ, il-migrazzjoni, l-ambjent, l-enerġija, it-tibdil fil-klima, it-trasport, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, is-saħħa eċċ.

2018/0403 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Singapore, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 212, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2018/1047 2 , il-Ftehim ta’ Sħubija u Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Singapore, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġie ffirmat fid-19 ta’ Ottubru 2018, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard.

(2)    L-għan tal-Ftehim huwa li jipprovdi l-bażi għal impenn bilaterali iktar effettiv mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ma’ Singapore billi jsaħħaħ il-kooperazzjoni u d-djalogu fuq firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet bilaterali, reġjonali u multilaterali u jikkostitwixxi pass ’il quddiem lejn aktar involviment politiku u ekonomiku min-naħa tal-Unjoni fix-Xlokk tal-Asja.

(3)Jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat f’isem l-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Singapore, min-naħa l-oħra, id-Dikjarazzjoni Konġunta u l-Ittra ta’ Akkumpanjament li huma parti integrali mill-Ftehim, huma b’hekk approvati f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Ftehim, tad-Dikjarazzjonijiet Konġunti u tal-Ittra ta’ Akkumpanjament, huma mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna/(i) bis-setgħa, li jipproċedu, f’isem l-Unjoni, għan-notifika stipulata fl-Artikolu 49(1) tal-Ftehim sabiex jesprimu l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat bil-Ftehim.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha 3 .

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Il-Kawża C-377/12 il-Kummissjoni vs il-Kunsill, ECLI: EU: C: 2014: 1903 u l-Kawża C-244/17 il-Kummissjoni vs il-Kunsill, ECLI:EU:C:2018:662.
(2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1047 tas-16 ta’ Lulju 2018 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika ta’ Singapore, min-naħa l-oħra (ĠU L 189, 26.7.2018, p. 2).
(3)    Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.