IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.11.2018
COM(2018) 749 final
2018/0387(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/53/UE li tawtorizza lir-Renju tal-Belġju biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn ’il quddiem, “id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jipprevjeni ċerti tipi ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.
B’ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-12 ta’ Settembru 2018, il-Belġju talab awtorizzazzjoni biex ikompli jeżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex aktar minn EUR 25 000. B’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħrajn b’ittri datati l-14 ta’ Settembru 2018. Il-Kummissjoni nnotifikat lill-Belġju permezz ta’ ittra datata s-17 ta’ Settembru 2018 li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun tista’ tqis it-talba.
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Skont il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri jistgħu japplikaw skemi speċjali għall-impriżi żgħar, inkluż il-possibbiltà li jeżentaw lil persuni taxxabbli li ma jkunux jaqbżu ċertu fatturat annwali. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma jkollhiex għalfejn timponi l-VAT fuq il-provvisti tagħha u għalhekk ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq l-input tagħha.
Skont l-Artikolu 285 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri li ma għamlux użu mill-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE, jistgħu jeżentaw lill-persuni taxxabbli li l-livell limitu tagħhom mhuwiex aktar minn EUR 5 000. Billi l-Belġju ma għamilx użu minn din l-alternattiva, ġie applikat livell limitu partikolarment baxx li fl-2012 kien jikkorrispondi għal EUR 5 580.
Fuq talba tal-Belġju, permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/53/UE il-Kunsill awtorizza lill-Belġju biex jeżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex aktar minn EUR 25 000, sal-31 ta’ Diċembru 2015. Din id-Deċiżjoni ġiet estiża sal-31 ta’ Diċembru 2018 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2348.
Il-Belġju talab estensjoni ta’ dik il-miżura għal perjodu limitat ieħor. Il-Belġju indika li l-miżura speċjali tnaqqas il-piż amministrattiv għall-persuni taxxabbli u għall-awtoritajiet tat-taxxa. Għalhekk din tikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa, kif stabbilit fl-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-VAT. Il-miżura hija u se tibqa’ fakultattiva għalkollox għall-persuni taxxabbli.
Skont il-Belġju, fi tmiem l-2017 madwar 142 000 kontribwent, jiġifieri 15 % tal-kontribwenti kollha rreġistrati, għamlu użu mill-miżura speċjali. L-impatt tal-miżura speċjali fuq id-dħul mill-VAT għadu negliġibbli.
Minħabba impatt potenzjali pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għan-negozji u għad-dipartiment tat-taxxa mingħajr impatt kbir fuq id-dħul totali mill-VAT, qed jiġi propost li tiġi estiża d-deroga għal perjodu limitat ieħor, sal-31 ta’ Diċembru 2021.
Dan l-aħħar il-Kummissjoni nediet proposta li timmodifika l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw l-iskema speċjali għall-impriżi żgħar. Għalhekk hu possibbli li tidħol fis-seħħ Direttiva li temenda dawk l-Artikoli u li tistabbilixxi data minn meta l-Istati Membri jridu japplikaw dispożizzjonijiet nazzjonali biex jimplimentawha. Jekk din id-data tiġi stabbilita qabel ma tiskadi d-deroga fil-31 ta’ Diċembru 2021, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma tibqax tapplika.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Stati Membri oħra ngħataw derogi simili. Il-Lussemburgu ngħata livell limitu ta’ EUR 30 000, l-Estonja livell limitu ta’ EUR 40 000, l-Italja livell limitu ta’ EUR 65 000, il-Kroazja livell limitu ta’ EUR 45 000, il-Latvja livell limitu ta’ EUR 40 000 u r-Rumanija livell limitu ta’ EUR 88 500.
Jenħtieġ li d-derogi mid-Direttiva tal-VAT ikunu dejjem limitati fiż-żmien biex ikunu jistgħu jiġu vvalutati l-effetti tagħhom. Barra minn hekk, bħalissa d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-impriżi żgħar qed isirilhom rieżami. Kif imħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT, u fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2017, dan l-aħħar ġiet ippreżentata l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-iskema tal-SMEs.
Għalhekk qed jiġi propost li l-miżura ta’ deroga tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2021 jew sad-data meta l-Istati Membri jridu japplikaw kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li jeħtieġ jadottaw jekk tiġi adottata Direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-miżura tikkonforma mal-għanijiet tal-Unjoni għan-negozji żgħar, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” – “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa li tistieden lill-Istati Membri biex iqisu l-karatteristiċi speċjali tal-SMEs meta jfasslu l-leġiżlazzjoni u għalhekk biex jissimplifikaw l-ambjent regolatorju eżistenti.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru wara talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.
Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hi proporzjonata mal-għan mixtieq, jiġifieri s-simplifikazzjoni għal għadd addizzjonali ta’ persuni taxxabbli żgħar u għad-dipartiment tat-taxxa.
•Għażla tal-istrument
L-istrument li qed jiġi propost: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.
Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hi possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu bi proposta tal-Kummissjoni. Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq billi tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Din il-proposta hija bbażata fuq talba li għamel il-Belġju u tirrigwarda biss lil dan l-Istat Membru.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Ma kienx hemm ħtieġa ta’ għarfien espert estern.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill timmira li tissokta bil-miżura ta’ simplifikazzjoni għal tliet snin oħra u b’hekk tneħħi ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li joperaw b’fatturat annwali li mhuwiex aktar minn EUR 25 000 u għalhekk tħalli impatt potenzjali pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv għan-negozji u għad-dipartiment tat-taxxa mingħajr impatt kbir fuq id-dħul totali mill-VAT. Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga u l-applikazzjoni limitata tagħha fiż-żmien, fi kwalunkwe każ, l-impatt tal-miżura se jkun limitat.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandhiex implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE għaliex il-Belġju se jwettaq kalkolu tal-kumpens b’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, EURATOM) 1553/89.
5.ELEMENTI OĦRA
Il-proposta tinkludi klawżola ta’ estinzjoni; limitu taż-żmien awtomatiku.
2018/0387 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/53/UE li tawtorizza lir-Renju tal-Belġju biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/53/UE ir-Renju tal-Belġju ġie awtorizzat japplika sal-31 ta’ Diċembru 2015, miżura speċjali biex jeżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex aktar minn EUR 25 000. Din l-awtorizzazzjoni ġiet sussegwentement estiża sal-31 ta’ Diċembru 2018 bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2348.
(2)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fil-12 ta’ Settembru 2018, il-Belġju talab estensjoni ulterjuri tal-miżura speċjali għal perjodu limitat.
(3)Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra, bit-talba tal-Belġju, permezz ta’ ittra datata l-14 ta’ Settembru 2018. Il-Kummissjoni nnotifikat lill-Belġju permezz ta’ ittra datata s-17 ta’ Settembru 2018 li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun tista’ tqis it-talba.
(4)Skont il-Belġju, il-miżura speċjali tnaqqas il-piż amministrattiv u l-kostijiet ta’ konformità għall-impriżi żgħar u għall-awtoritajiet tat-taxxa u għalhekk tikkontribwixxi għas-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa, kif stabbilit fl-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112EC. Il-miżura hija u se tibqa’ fakultattiva għalkollox għall-persuni taxxabbli.
(5)Minħabba l-impatt potenzjali pożittiv fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv u tal-kostijiet ta’ konformità għan-negozji ż-żgħar u għad-dipartiment tat-taxxa mingħajr ebda impatt kbir fuq id-dħul totali mill-VAT li jrid jiġi ġġenerat, qed jiġi propost li tiġi estiża l-miżura speċjali għal perjodu ieħor limitat, sal-31 ta’ Diċembru 2021.
(6)Billi l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw l-iskema speċjali għall-impriżi żgħar huma soġġetti għal reviżjoni, tista’ tidħol fis-seħħ Direttiva li temenda dawn l-Artikoli u li tistabbilixxi data meta l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ validità tad-deroga fil-31 ta’ Diċembru 2021. Jekk jiġri dan, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma tibqax tapplika.
(7)Id-deroga ma tħalli l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT għax il-Belġju se jagħmel kalkolu tal-kumpens b’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89.
(8)Għaldaqstant jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2013/53/UE tiġi emendata skont dan,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/53/UE huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-aktar data kmieni minn dawn iż-żewġ dati li ġejjin:
(a)
il-31 ta’ Diċembru 2021;
(b)
id-data meta l-Istati Membri jridu japplikaw kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali li jeħtieġ jadottaw jekk tiġi adottata Direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li tirregola l-iskema speċjali għall-impriżi żgħar.”
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2019.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President