IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 13.11.2018
COM(2018) 745 final
2018/0390(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa, fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq ("ir-Renju Unit") se joħroġ mill-Unjoni Ewropea fit-30 ta' Marzu 2019 (id-data tal-irtirar) u se jsir pajjiż terz. Bħalissa, iċ-ċittadini Brittaniċi huma wkoll ċittadini tal-Unjoni. Huma jgawdu d-dritt fundamentali li jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fl-Unjoni u d-dritt li jidħlu f'kull Stat Membru ieħor mingħajr ebda bżonn ta' viża tad-dħul jew formalità ekwivalenti. Persuni bin-nazzjonalità tar-Renju Unit li jkunu ċittadini Brittaniċi se jgawdu dan id-dritt sal-waqt meta d-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni ma jibqax japplika għalihom. Dan se jseħħ fit-30 ta' Marzu 2019, sakemm ma jkunx hemm Ftehim dwar il-Ħruġ skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi data oħra jew sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jistabbilix data oħra unanimament.
Għalhekk, se jkun hemm bżonn li jiġi ddeterminat jekk il-persuni b'nazzjonalità tar-Renju Unit li huma ċittadini Brittaniċi hux se jkunu suġġetti għal ħtieġa ta' viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri jew hux se jkunu eżenti minn dik il-ħtieġa. Id-determinazzjoni ta' jekk persuna b'nazzjonalità ta' pajjiż terz tkunx eżenti minn ħtieġa ta' viża hija stipulata fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001. L-Anness I tar-Regolament jelenka l-pajjiżi li l-persuni bin-nazzjonalità tagħhom huma suġġetti għall-ħtieġa ta' viża, u l-Anness II jelenka dawk il-pajjiżi li l-persuni bin-nazzjonalità tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa. Għal din id-determinazzjoni, hemm bżonn ta' azzjoni leġiżlattiva li tinkludi lir-Renju Unit f'wieħed mill-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 mid-data meta d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa applikat mill-Istati Membri kollha – bl-eċċezzjoni tal-Irlanda – u mill-Pajjiżi assoċjati ma' Schengen (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera). Dan ir-Regolament huwa parti mill-politika komuni tal-Unjoni dwar il-viżi għal soġġorni qosra ta' 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum. Ir-Renju Unit qatt ma kien marbut b'dan ir-Regolament.
Billi l-Irlanda ma tiħux sehem fl-acquis ta’ Schengen dwar il-viżi, l-arranġament bilaterali speċifiku (iż-"Żona Komuni għall-Ivvjaġġar") li għandha mar-Renju Unit u li jipprovdi vjaġġar bla viża bejn l-Irlanda u r-Renju Unit minn persuni bin-nazzjonalità ta' kwalunkwe wieħed miż-żewġ pajjiżi, mhuwiex affettwat mir-Regolament (KE) Nru 539/2001 jew minn din il-proposta għal emenda.
Il-kriterji li jenħtieġ li jitqiesu meta jkunu qed jiġu ddeterminati – abbażi ta' valutazzjoni skont il-każ – il-pajjiżi terzi li l-persuni bin-nazzjonalità tagħhom huma soġġetti għal ħtieġa ta' viża jew eżentati minnha huma stipulati fl-Artikolu -1 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Dawn jinkludu "l-immigrazzjoni illegali, l-ordni pubbliku u s-sigurtà, il-benefiċċji ekonomiċi, partikolarment f’termini ta’ turiżmu u ta’ kummerċ barrani u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi rilevanti, inklużi, b'mod partikolari, konsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta’ koerenza u reċiproċità reġjonali". Importanti wkoll li tingħata attenzjoni partikolari għas-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar maħruġin mill-pajjiżi terzi kkonċernati.
L-Annessi tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 ġew emendati l-aħħar fl-2017 mir-Regolament (UE) 2017/372 u mir-Regolament (UE) 2017/850, li ttrasferew lill-Georgia u lill-Ukrajna mill-Anness I (viża meħtieġa) lejn l-Anness II (bla viża). Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll żewġ proposti oħra li jirrigwardaw il-Kosovo u t-Turkija. Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 bħalissa qiegħed jiġi kkodifikat; għalhekk kull referenza għal dan ir-Regolament fil-proposta se jkollha tiġi sostitwita b'referenza għar-Regolament ikkodifikat ladarba jidħol fis-seħħ, li x'aktarx ikun qabel tmiem l-2018.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Li l-listi ta' pajjiżi terzi annessi mar-Regolament (KE) Nru 539/2001 jinżammu kompluti u aġġornati huwa element kruċjali biex jiffaċilita l-qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri. Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-adattament tal-politika komuni dwar il-viżi għal sfidi ġodda, il-Kummissjoni ssottolinjat li dan hu element essenzjali għall-iżgurar tas-sigurtà u l-funzjonament xieraq taż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. Dawn huma l-istess għanijiet li qed jipprovaw jiksbu l-proposti tal-Kummissjoni biex jiġi emendat il-Kodiċi dwar il-Viżi (ir-Regolament (KE) Nru 810/2009) u r-Regolament dwar il-VIS (ir-Regolament (KE) Nru 767/2008) li bħalissa qed jiġi diskuss mill-koleġiżlaturi. Bl-istess mod, ir-regolament propost dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE għandu l-għan li jgħaqqad u jsaħħaħ, b'mod komprensiv, l-għodod ta' informazzjoni tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-fruntieri, il-migrazzjoni u s-sigurtà.
Ir-Regolament (UE) 2017/2226 li jistabbilixxi sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) ikompli jtejjeb is-sigurtà u l-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni. L-objettivi prinċipali ta’ dan ir-regolament huma li titjieb il-kwalità tal-verifiki fil-fruntieri għal persuni b'nazzjonalità ta’ pajjiżi terzi u biex tkun żgurata identifikazzjoni sistematika u affidabbli ta’ persuni b’permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta. Is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) futura għalhekk se tkun element importanti biex tiżgura użu legali ta' soġġorn mingħajr viża fiż-żona Schengen minn persuni b'nazzjonalità ta’ pajjiżi terzi u biex tipprevjeni jew tnaqqas il-migrazzjoni irregolari minn pajjiżi b'sistema ta' vjaġġar mingħajr viża.
Ir-Regolament (UE) 2018/1240 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) se jagħlaq id-distakk fl-informazzjoni li jirrigwarda lill-vjaġġaturi eżenti mir-rekwiżit li jkunu fil-pussess ta' viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni. Din is-sistema se tiddetermina l-eliġibbiltà ta' persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiżi terzi li huma eżenti mill-ħtieġa ta' viża qabel ma jivvjaġġaw lejn iż-żona Schengen, u jekk tali vvjaġġar joħloqx riskju għas-sigurtà, riskju ta' immigrazzjoni illegali jew riskju għoli ta' epidemija.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika hija l-Artikolu 77(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedi miżuri li jikkonċernaw l-politika komuni dwar il-viżi.
•Sussidjarjetà, proporzjonalità u għażla tal-istrument
Billi l-Unjoni stabbiliet politika komuni dwar il-viżi li tinkludi Regolament li jelenka l-pajjiżi li ma jeħtiġux viża u dawk li jeħtieġu viża (ir-Regolament (KE) Nru 539/2001), id-definizzjoni jew it-tibdil tal-istatus tal-viża ta' persuni b'nazzjonalità ta' pajjiżi terzi jista' jinkiseb biss permezz ta' att leġiżlattiv tal-Unjoni li jemenda dak ir-Regolament. L-Istati Membri ma jistgħux jaġixxu individwalment. L-ebda għażla (mhux leġiżlattiva) oħra mhi disponibbli biex jinkiseb l-objettiv tal-politika.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Biex tivvaluta jekk il-kriterji mnaqqxin fir-Regolament (KE) Nru 539/2001 għad-determinazzjoni ta' jekk persuni b'nazzjonalità tar-Renju Unit li huma ċittadini Brittaniċi għandhomx jeħtieġu viża jew le, il-Kummissjoni użat firxa ta' sorsi tad-data. Dawn jinkludu d-data tal-Eurostat dwar l-immigrazzjoni skont iċ-ċittadinanza, id-data tal-Uffiċċju tal-Istatistika Nazzjonali (ONS) tar-Renju Unit u tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-għadd ta' persuni bin-nazzjonalità tar-Renju Unit li jgħixu fis-27 Stat Membru tal-Unjoni (EU-27), l-istħarriġ tal-passiġġieri dwar l-għadd ta' vjaġġi minn persuni bin-nazzjonalità tal-EU-27, l-istimi li jirrigwardaw l-infiq minn vjaġġaturi mir-Renju Unit, u ċifri dwar il-kummerċ bejn l-Unjoni u r-Renju Unit. Ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-EU-27 u r-Renju Unit wara s-46 sena ta' sħubija tiegħu fl-Unjoni kienu fattur ukoll fil-valutazzjoni tal-kriterji.
•Valutazzjoni tal-impatt
L-emenda tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 hija meħtieġa b'konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. Minħabba l-bżonn ta' azzjoni f’waqtha u meta wieħed iqis il-konklużjonijiet tal-analiżi ta' hawn taħt, ma saritx valutazzjoni tal-impatt sħiħa. Hemm żewġ alternattivi politiċi biss: l-inklużjoni tal-persuni b'nazzjonalità tar-Renju Unit li huma ċittadini Brittaniċi fl-Anness I (viża meħtieġa) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001, jew l-inklużjoni tagħhom fl-Anness II (bla viża) tar-Regolament.
Il-Kummissjoni kkonkludiet li jenħtieġ li l-persuni tar-Renju Unit li huma ċittadini Brittaniċi jkunu eżenti mill-ħtieġa ta' viża meta jivvjaġġaw lejn l-Unjoni għal soġġorni qosta. Bħala ċittadini tal-Unjoni, il-persuni b'nazzjonalità tar-Renju Unit li huma ċittadini Brittaniċi bħalissa jgawdu minn libertà ta' moviment skont it-Trattati u skont id-Direttiva 2004/38/KE. Huma jistgħu jiċċaqalqu u jirrisjedu fl-Unjoni mingħajr ma jkunu meħtieġa jkollhom viża. Filwaqt li persuni b'nazzjonalità tar-Renju Unit li huma ċittadini Brittaniċi mhux se jibqgħu ċittadini tal-Unjoni mid-data tal-ħruġ tar-Renju Unit u mhux se jibqgħu jgawdu mill-moviment liberu tal-persuni ladarba d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika, ikun ta' benefiċċju li jinżammu konnessjonijiet mill-qrib bejn iċ-ċittadini Brittaniċi u dawk tal-Unjoni, kif ukoll li jkun iffaċilitat l-ivvjaġġar għal finijiet ta' negozju u ta' turiżmu. Billi r-Renju Unit huwa kklassifikat bħala ekonomija b'introjtu kbir mill-Bank Dinji u billi huwa membru tal-OECD, huwa jidħol fil-profil ta' pajjiż, li fil-prinċipju, jippreżenta riskji baxxi ta' migrazzjoni irregolari lejn l-Unjoni.
Il-verifiki fuq persuni b'nazzjonalità ta' pajjiż terz li jsiru fil-fruntieri esterni, li se japplikaw għal persuni bin-nazzjonalità tar-Renju Unit li huma ċittadini Brittaniċi ladarba d-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni ma jibqax japplika għalihom, jidhru li jkunu biżżejjed biex jiġġestixxu r-riskju għas-sigurtà. Barra minn hekk, ir-Renju Unit joħroġ passaporti bijometriċi li jikkonformaw mal-istandards tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali. Minbarra dan, jekk jinqala' kwalunkwe riskju migratorju jew għas-sigurtà relatat ma' persuni b'nazzjonalità tar-Renju Unit li huma ċittadini Brittaniċi li jkun jeħtieġ azzjoni urġenti għas-sospensjoni tal-ivvjaġġar bla viża, is-sitwazzjoni tkun tista' tiġi indirizzata skont il-mekkaniżmu ta' sospensjoni previst fl-Artikolu 1a tar-Regolament (KE) Nru 539/2001.
L-EU-27 huma l-ikbar sieħeb kummerċjali tar-Renju Unit, li jammonta għal 44% tal-esportazzjonijiet kollha tar-Renju Unit u 54% tal-importazzjonijiet tar-Renju Unit fl-2017. Filwaqt li l-volum tal-kummerċ jista' jonqos wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, l-Unjoni u r-Renju Unit x'aktarx li jżommu relazzjonijiet kummerċjali importanti minħabba l-prossimità ġeografika u l-interkonnessjonijiet storikament mill-qrib fl-ekonomiji tagħhom. Barra minn hekk, bħalissa hemm madwar 800 000 persuna bin-nazzjonalità tar-Renju Unit li qed jgħixu fl-EU-27 (eskluża l-Irlanda) u madwar bejn wieħed u ieħor 50 000 persuna bin-nazzjonalità tar-Renju Unit iġorru lejn EU-27 kull sena. Dawn l-aspetti jikkontribwixxu għall-volum għoli ta' vvjaġġar mir-Renju Unit lejn l-EU-27: Kumplessivament, ir-residenti fir-Renju Unit wettqu 53 miljun vjaġġ lejn l-EU-27 fl-2016, hux għal negozju, divertiment jew finijiet oħrajn, u nefqu madwar EUR 28 biljun waqt li kienu fl-Istati Membri l-oħrajn. L-impożizzjoni ta' ħtieġa ta' viża fuq persuni b'nazzjonalità tar-Renju Unit li huma ċittadini Brittaniċi tista' tnaqqas il-benefiċċju ekonomiku għall-Unjoni li jirriżulta minn dawn il-vjaġġi, tnaqqas ir-relazzjonijiet kummerċjali u tagħmel dannu għall-interess ekonomiku tal-Unjoni.
Ir-Renju Unit huwa membru tal-Kunsill tal-Ewropa. L-Unjoni u r-Renju Unit jagħtu importanza simili għal konsiderazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, kif turi l-aderenza tar-Renju Unit għall-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-valuri kondiviżi li ġejjin mill-impenn konġunt għad-demokrazija u l-istat tad-dritt se jkomplu lil hinn mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. Dan jenħtieġ li jkun rifless ukoll fil-faċilitazzjoni tal-ivvjaġġar bejn l-Unjoni u r-Renju Unit billi jiġi pprovdut status ta' bla viża għall-persuni b'nazzjonalità tar-Renju Unit.
Il-gvern tar-Renju Unit iddikjara l-intenzjoni tiegħu li ma jirrikjedix li ċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-EU-27 ikollhom viża għal soġġorni qosra għal finijiet ta' turiżmu u ta' negozju. L-intenzjoni issa se jkollha tiġi fformalizzata biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jserrħu fuqha u jenħtieġ li l-koleġiżlaturi jqisu l-progress li sar waqt il-proċess leġiżlattiv dwar il-proposta preżenti. Jekk 'il quddiem ir-Renju Unit jiddeċiedi unilateralment li jimponi ħtieġa ta' viża fuq xi ċittadini tal-Unjoni jew fuq iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, għandu jiġi attivat il-mekkaniżmu ta’ reċiproċità skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Dan imbagħad iwassal għall-introduzzjoni ta' ħtieġa ta' viża.
Iċ-ċittadini tal-parti l-kbira tal-pajjiżi Ewropej li mhumiex membri tal-Unjoni kif ukoll il-persuni b'nazzjonalità Brittanika li mhumiex ċittadini Brittaniċi bħalissa jistgħu jivvjaġġaw fiż-żona Schengen bla viża. Minħabba l-prossimità kbira tar-Renju Unit mal-Unjoni, kunsiderazzjonijiet ta' koerenza reġjonali wkoll jippuntaw lejn l-inklużjoni tar-Renju Unit fil-lista ta' pajjiżi bla viża.
Kull riskju relatat mal-ivvjaġġar bla viża ta' persuni b'nazzjonalità tar-Renju Unit li huma ċittadini Brittaniċi lejn l-Unjoni li jibqa' jenħtieġ li jiġi mitigat mill-miżuri adottati reċentement biex titjieb il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, partikolarment is-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) u s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), li se japplikaw għall-persuni b'nazzjonalità tar-Renju Unit ladarba d-dritt tal-Unjoni dwar il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni ma jibqax japplika għalihom, bħalma japplikaw għal persuni b'nazzjonalità ta' pajjiż terz bla viża oħrajn.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
•Drittijiet fundamentali
Din il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza negattiva għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea. Li l-persuni b'nazzjonalità tar-Renju Unit li huma ċittadini Brittaniċi jitħallew jivvjaġġaw lejn l-Unjoni bla viża se jiffaċilita l-ivvjaġġar, pereżempju fil-kuntest tad-dritt għall-ħajja familjari.
4.IMPLIKAZZJONI GĦALL-BAĠIT
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Ir-Regolament emendat se jkun japplika mill-jum wara dak li fih id-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit. Dan se jkun it-30 ta' Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jistabbilix unanimament data oħra, jew id-data stipulata minn Ftehim dwar il-Ħruġ irratifikat skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Ir-Regolament se jkun implimentat direttament mill-Istati Membri; għalhekk ma hemm bżonn tal-ebda pjan ta’ implimentazzjoni.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-Artikolu 1 jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 fi tliet aspetti:
–Ir-referenza għar-Renju Unit se titħassar mill-punt (d) tal-Artikolu 4(2), peress li dan il-punt japplika biss għall-Istati Membri li ma japplikawx l-acquis ta' Schengen. L-Istati Membri se jkomplu jkunu jistgħu jeżentaw mill-ħtieġa ta' viża refuġjati rikonoxxuti u persuni apolidi u persuni oħrajn li ma għandhom in-nazzjonalità tal-ebda pajjiż li jirrisjedu fir-Renju Unit skont il-punt (b) tal-Artikolu 4(2).
–Ir-Renju Unit, fir-rigward ta' ċittadini Brittaniċi, se jiddaħħal fl-Anness II, jiġifieri l-lista ta' pajjiżi terzi bla viża.
–It-titolu tal-parti 3 tal-Anness II jinbidel b'"PERSUNI B'NAZZJONALITÀ BRITTANIKA LI MHUMIEX ĊITTADINI BRITTANIĊI" sabiex titneħħa r-referenza attwali għad-dritt tal-Unjoni. Il-lista sħiħa ta' persuni b'nazzjonalità Brittanika li mhumiex ċittadini Brittaniċi se tinżamm biex tkun żgurata ċ-ċertezza tad-dritt. L-istatus tal-viża ta' dawn il-persuni b'nazzjonalità Brittanika kienet ġiet iddeterminata l-ewwel mir-Regolament (KE) Nru 1932/2006, li elenka xi kategoriji ta' dawn il-persuni b'dik in-nazzjonalità fl-Anness I (viża meħtieġa) u oħrajn fl-Anness II (bla viża) abbażi ta' valutazzjoni tal-kriterji elenkati fir-Regolament (KE) Nru 539/2001. Ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-15 ta' Mejju 2014 ittrasferiehom kollha lejn l-Anness II (bla viża). Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni ma jaffettwax l-istatus tal-viża ta' dawn il-persuni b'nazzjonalità Brittanika li mhumiex ċittadini Brittaniċi.
L-Artikolu 3 jiżgura li l-emendi għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 japplika mill-jum ta’ wara dakinhar li d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit, u b'hekk jevita kull inċertezza tad-dritt rigward l-istatus ta' bla viża tal-persuni b'nazzjonalità tar-Renju Unit li huma ċittadini Brittaniċi.
2018/0390 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa, fir-rigward tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, ir-Renju Unit se jsir pajjiż terz u d-dritt tal-Unjoni mhux se jibqa' japplika għalih mit-30 ta' Marzu 2019, sakemm ma tiġix stabbilita data oħra fi ftehim ta’ ħruġ, jew sakemm il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, ma jistabbilix data oħra unanimament.
(2)Skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, iċ-ċittadini tal-Unjoni għandhom id-dritt jiċċaqalqu u jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, inkluż id-dritt li jidħlu fl-Istati Membri mingħajr viża jew formalitajiet ekwivalenti.
(3)B'konsegwenza tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, it-Trattat u d-Direttiva 2004/38/KE mhux se jibqgħu japplikaw għal persuni b'nazzjonalità tar-Renju Unit li huma ċittadini Brittaniċi u ma' dawn lanqas ma jibqa' japplika d-dritt tagħhom li jidħlu fl-Istati Membri bla viża. Għalhekk hemm bżonn li r-Renju Unit jiġi inkluż f'wieħed mill-annessi [tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001]. L-Anness I jelenka l-pajjiżi terzi li l-persuni bin-nazzjonalità tagħhom irid ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u l-Anness II jelenka dawk il-persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiżi terzi li huma eżenti minn dik il-ħtieġa.
(4)Il-kriterji li jenħtieġ li jitqiesu meta jkunu qed jiġu ddeterminati – abbażi ta' valutazzjoni skont il-każ – il-pajjiżi terzi li l-persuni bin-nazzjonalità tagħhom huma soġġetti għal ħtieġa ta' viża jew eżentati minnha huma stipulati [fl-Artikolu -1 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001]. Dawn jinkludu l-immigrazzjoni illegali, l-ordni pubbliku u s-sigurtà, il-benefiċċji ekonomiċi, partikolarment f’termini ta’ turiżmu u ta’ kummerċ barrani u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi rilevanti, inklużi, b'mod partikolari, konsiderazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ukoll l-implikazzjonijiet ta’ koerenza u reċiproċità reġjonali.
(5)Filwaqt li jitqiesu l-kriterji kollha elenkati [fl-Artikolu -1 tar-Regolament (KE) Nru 539/2001], huwa xieraq li l-persuni b'nazzjonalità tar-Renju Unit li huma ċittadini Brittaniċi jiġu eżentati mill-ħtieġa ta' viża meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Istati Membri. Fid-dawl tal-prossimità ġeografika, ir-rabta bejn l-ekonomiji, il-livell ta’ kummerċ u l-ammont ta' movimenti ta' persuni għal żmien qasir bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni għal negozju, divertiment jew finijiet oħra, l-ivvjaġġar bla viża għandu jiffaċilita t-turiżmu u l-attività ekonomika, u b'hekk iġib benefiċċji għall-Unjoni.
(6)Il-gvern tar-Renju Unit iddikjara l-intenzjoni tiegħu li ma jeħtieġx li ċ-ċittadini tal-EU-27 ikollhom viża meta jivvjaġġaw lejn ir-Renju Unit għal soġġorni qosra għal negozju jew għal turiżmu minn dakinhar li d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit. F'każ li r-Renju Unit jintroduċi ħtieġa ta' viża għall-persuni bin-nazzjonalità ta' mill-inqas Stat Membru wieħed fil-futur, jenħtieġ li japplika l-mekkaniżmu ta’ reċiproċità previst [fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001]. Jenħtieġ li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jaġixxu bla dewmien biex japplikaw il-mekkaniżmu.
(7)Jenħtieġ li b'hekk ir-Renju Unit ikun inkluż fl-Anness II [tar-Regolament (KE) Nru 539/2001] fir-rigward taċ-ċittadini Brittaniċi.
(8)Fir-rigward tal-Iżlanda u tar-Renju tan-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp fid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim milħuq bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, applikazzjoni u żvilupp tal-acquis ta' Schengen, koperti mit-taqsima msemmija fil-punt B tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE.
(9)Fir-rigward tal-Konfederazzjoni Żvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen skont it-tifsira tal-Ftehim iffirmat mill-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen koperti mit-taqsima msemmija fil-punti (B) u (C) tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqraw flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE.
(10)Fir-rigward tal-Prinċipat tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipalità tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, koperti mit-taqsima msemmija fil-punti (B) u (C) tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqraw flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE.
(11)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li r-Renju Unit ma jipparteċipax fih, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE; għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qiegħed jieħu sehem fl-adozzjoni tiegħu.
(12)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen, li l-Irlanda ma tipparteċipax fih, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE. L-Irlanda għalhekk mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.
(13)Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, jew inkella li huwa marbut miegħu skont, rispettivament, it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011.
(14)Jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-30 ta' Marzu 2019, dakinhar li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni.
(15)Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika minn dakinhar li d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit.
(16)Għalhekk jenħtieġ li [r-Regolament (KE) Nru 539/2001] jiġi emendat,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
[Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001] huwa emendat kif ġej:
1.Fl-[Artikolu 4(2)], il-punt (d) jibidel b’dan li ġej:
"(d) mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Ftehim Ewropew dwar l-Abolizzjoni tal-Viżi għar-Refuġjati ffirmat fi Strasburgu fl-20 ta’April 1959, refuġjati rikonoxxuti u persuni apolidi u persuni oħrajn li m'għandhom in-nazzjonalità tal-ebda pajjiż li jirrisjedu fl-Irlanda u li huma detenturi ta' dokument tal-ivvjaġġar maħruġ mill-Irlanda, li huwa rikonoxxut mill-Istat Membru kkonċernat.";
2.fil-Parti 1 tal-Anness II, jiddaħħal dan li ġej:
"ir-Renju Unit (ħlief persuni bin-nazzjonalità Brittanika msemmija fil-Parti 3)”;
3.it-titolu tal-Parti 3 tal-Anness II jinbidel b'dan li ġej:
"PERSUNI B'NAZZJONALITÀ BRITTANIKA LI MHUMIEX ĊITTADINI BRITTANIĊI".
Artikolu 2
F'każ li r-Renju Unit jintroduċi ħtieġa ta' viża għall-persuni bin-nazzjonalità ta' tal-inqas Stat Membru wieħed, għandu japplika l-mekkaniżmu ta’ reċiproċità previst [fl-Artikolu 1(4) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001]. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaġixxu bla dewmien biex japplikaw il-mekkaniżmu.
Artikolu 3
1.Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-30 ta' Marzu 2019.
Dan għandu japplika mill-jum ta' wara dak meta d-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit.
2.Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.
Magħmul fi Strasburgu,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President