IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 13.11.2018
COM(2018) 744 final
2018/0385(COD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar l-adattament tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza fl-enerġija [kif emendata mid-Direttiva 2018/XXX/UE] u r-Regolament (UE) 2018/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija], minħabba l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tadatta d-Direttiva 2012/27/UE [kif emendata mid-Direttiva 2018/XXX/UE] dwar l-effiċjenza fl-enerġija u r-Regolament (UE) 2018/XXX [Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija] hija meħtieġa minħabba l-irtirar li ġej tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit ippreżenta n-notifika tal-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li, sakemm ma jkunx hemm ftehim ta’ rtirar ratifikat li jistabbilixxi data oħra, il-liġi primarja u sekondarja kollha tal-Unjoni ma tibqax tapplika għar-Renju Unit mit-30 ta’ Marzu 2019, 00:00h (CET) (“id-data tal-irtirar”). Għaddejjin negozjati mar-Renju Unit bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim ta’ rtirar.
Barra minn hekk, b’konformità mal-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, jista’ b’mod unanimu jiddeċiedi li t-Trattati ma jibqgħux japplikaw f’data aktar tard.
Din il-proposta tkopri d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija [kif emendata mid-Direttiva 2018/XXX/UE] u r-Regolament (UE) 2018/XXX [Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija]. Iċ-ċifri tal-konsum tal-enerġija għall-2030 mogħtija fiż-żewġ atti ġuridiċi jkopru 28 Stati Membri (EU28).
Id-Direttiva 2012/27/UE, kif emendata mid-Direttiva 2018/XXX/UE, tistabbilixxi mira tal-effiċjenza fl-enerġija tal-Unjoni ta’ mill-inqas 32.5 % għall-2030 u teħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu kontribuzzjonijiet nazzjonali indikattivi tal-effiċjenza fl-enerġija. Huma u jagħmlu dan l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-konsum tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030. Ir-Regolament (UE) 2018/XXX [Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija] jeħtieġ li fil-proċess tal-iffissar tal-kontributi tagħhom għall-mira tal-effiċjenza fl-enerġija tal-Unjoni tal-2030, l-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni l-konsum tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030. Il-konsum tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni huwa rilevanti wkoll għall-valutazzjoni tal-progress tal-Kummissjoni Ewropea lejn il-kisba kollettiva tal-miri tal-Unjoni.
Id-Direttiva riveduta dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija tittraduċi l-mira ewlenija tal-effiċjenza fl-enerġija tal-Unjoni għall-2030 ta’ mill-inqas 32.5 % f’valuri assoluti ta’ mhux aktar minn 1,273 Mtoe ta’ konsum ta’ enerġija primarja u mhux aktar minn 956 Mtoe ta’ konsum ta’ enerġija finali għall-Unjoni ta’ 28 Stat Membru. Dawn il-valuri huma kkalkulati billi jitnaqqas it-tbassir tax-xenarju ta’ referenza tal-PRIMES 2007 għall-UE fl-2030 b’32.5 %. It-tbassir rispettiv għall-EU 27 eskluż ir-Renju Unit fil-livelli ta’ konsum assolut ta’ mhux aktar minn 1,128 Mtoe ta’ konsum ta’ enerġija primarja u mhux aktar minn 846 Mtoe ta’ konsum ta’ enerġija finali fl-2030.
Bl-irtirar tar-Renju Unit, iċ-ċifri tal-konsum tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030 għandhom għalhekk jiġu aġġustati għas-sitwazzjoni ta’ 27 Stat Membru. Minħabba li din il-bidla hija bbażata fuq l-istess ċifri tal-mudell tal-enerġija sottostanti, dan jista’ jitqies bħala adattament tekniku.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għall-proposta huwa t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 192(1) u 194(2) tiegħu. Dawn huma wkoll il-bażi ġuridika għad-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija [kif emendata mid-Direttiva 2018/XXX/UE] u r-Regolament (UE) 2018/XXX [Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija] li din il-proposta qed temenda. Peress li t-Trattat fih bażi ġuridika speċifika għall-enerġija, huwa xieraq li jintuża.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-prinċipji ta’ sussidjarjetà u ta’ proporzjonalità huma osservati b’mod sħiħ. L-azzjoni tal-Unjoni hija neċessarja skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà (l-Artikolu 5(3) tat-TUE) minħabba li tikkonċerna l-adattamenti tekniċi għall-atti legali adottati mill-Unjoni.
•Proporzjonalità
Il-proposta tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità (l-Artikolu 5(4) tat-TUE) għax ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan mixtieq. L-emendi proposti għall-qasam leġiżlattiv attwali se jadattawh għall-perjodu ta’ żmien tal-2030 u jiżguraw il-konsistenza. L-iskop tal-elementi proposti huwa limitat għal dawk l-aspetti li jeħtieġu azzjoni mill-Unjoni.
•Għażla tal-istrument
Peress li din il-proposta temenda Direttiva eżistenti u Regolament eżistenti, Deċiżjoni emendatorja tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill hija l-istrument xieraq.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
Minħabba li din il-proposta hija waħda ta’ natura purament teknika u ma tinvolvix għażliet politiċi, il-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u l-valutazzjonijiet tal-impatt ma kinux jagħmlu sens.
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
•Valutazzjoni tal-impatt
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
•Drittijiet fundamentali
m.a.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Minħabba li din il-proposta hi ta’ natura purament teknika, mhumiex meħtieġa dokumenti dwar it-traspożizzjoni.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
m.a.
2018/0385 (COD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar l-adattament tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-effiċjenza fl-enerġija [kif emendata mid-Direttiva 2018/XXX/UE] u r-Regolament (UE) 2018/XXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija], minħabba l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 192(1) u 194(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni, skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, sakemm ma tiġix stabbilita data oħra fi ftehim dwar l-irtirar, jew il-Kunsill Ewropew, bi qbil mar-Renju Unit, b’mod unanimu, jistabbilixxi data oħra, id-dritt tal-Unjoni mhux se jibqa’ japplika għar-Renju Unit mit-30 ta’ Marzu 2019. Ir-Renju Unit imbagħad isir pajjiż terz.
(2)Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, kif emendata mid-Direttiva 2018/XXX/UE, teħtieġ lill-Istati Membri jistabbilixxu kontribuzzjonijiet nazzjonali indikattivi tal-effiċjenza fl-enerġija lejn il-mira tal-effiċjenza fl-enerġija tal-Unjoni ta’ mill-inqas 32,5 % għall-2030. Huma u jagħmlu dan l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-konsum tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030.
(3)Ir-Regolament (UE) 2018/XXX [Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija] jeħtieġ li fil-proċess tal-iffissar tal-kontributi tagħhom lejn il-miri tal-Unjoni fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija, l-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni l-konsum tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030. Il-konsum tal-enerġija fil-livell tal-Unjoni huwa rilevanti wkoll għall-valutazzjoni tal-progress tal-Kummissjoni lejn il-kisba kollettiva tal-miri tal-Unjoni.
(4)Minħabba l-irtirar tar-Renju Unit mill-Unjoni, huwa meħtieġ li teknikament jiġu adattati ċ-ċifri mbassra tal-konsum ta’ enerġija għall-Unjoni Ewropea fl-2030 sabiex jirriflettu l-Unjoni ta’ 27 Stat Membru (“EU 27”). It-tbassir magħmul għall-mira ewlenija tal-Unjoni ta’ mill-inqas 32.5 % juri li l-konsum ta’ enerġija primarja għandu jilħaq 1,273 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti taż-żejt (Mtoe) u 956 Mtoe ta’ konsum ta’ enerġija finali fl-2030 għall-Unjoni ta’ 28 Stati Membri. It-tbassir ekwivalenti għall-EU 27 minbarra r-Renju Unit juri li l-konsum ta’ enerġija primarja għandu jilħaq 1,128 Mtoe u l-konsum ta’ enerġija finali għandu jilħaq 846 Mtoe fl-2030. Dan jeħtieġ l-adattament taċ-ċifri għal-livelli ta’ konsum tal-enerġija fl-2030.
(5)L-istess tbassir għall-konsum tal-enerġija fl-2030 huma rilevanti wkoll għall-Artikoli 6 u 29 u r-Regolament (UE) 2018/XXX [Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija].
(6)Id-Direttiva 2012/27/UE [kif emendata bid-Direttiva 2018/XXX/UE] u r-Regolament (UE) 2018/XXX [Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija] jenħtieġ li jiġu emendati skont dan,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/27/UE [kif emendat bid-Direttiva 2018/XXX/UE], il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“5. Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi kontribuzzjonijiet indikattivi nazzjonali tal-effiċjenza fl-enerġija lejn il-miri tal-Unjoni għall-2030 kif imsemmi fl-Artikolu 1(1) ta’ din id-Direttiva skont l-Artikoli [4] u [6] tar-Regolament (UE) 2018/XXX [Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija]. Meta jistabbilixxu dawk il-kontribuzzjonijiet, l-Istati Membri għandhom iqisu li l-konsum tal-enerġija tal-Unjoni għall-2030 ma għandux ikun aktar minn 1,128 Mtoe tal-enerġija primarja u/jew mhux aktar minn 846 Mtoe tal-enerġija finali. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawn il-kontribuzzjonijiet lill-Kummissjoni bħala parti mill-pjanijiet nazzjonali integrati għall-enerġija u l-klima kif imsemmi fi, u b’konformità mal-proċedura skont l-Artikoli [3] u [7] sa [12] tar-Regolament (UE) 2018/XXX [Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija].”
Artikolu 2
Ir-Regolament (UE) 2018/XXX [Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija] huwa emendat kif ġej:
(a)Fl-Artikolu 6(1), fl-ewwel subparagrafu:
(i)iċ-ċifra ta’ “1,273 Mtoe” hija sostitwita bi “1,128 Mtoe”;
(ii)iċ-ċifra ta’ “956 Mtoe” hija sostitwita bi “846 Mtoe”.
(b)Fl-Artikolu 29(3), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija, bħala parti mill-valutazzjoni tagħha msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-progress lejn il-kisba kollettiva ta’ konsum tal-enerġija massimu fil-livell tal-Unjoni ta’ 1,128 Mtoe ta’ enerġija primarja u 846 Mtoe ta’ enerġija finali fl-2030 b’konformità mal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2012/27/UE [kif emendata mid-Direttiva 2018/XXX/UE].”
Artikolu 3
L-Artikoli 1 u 2 ta’ din id-Deċiżjoni huma mingħajr preġudizzju għal-limitu ta’ żmien previst fl-Artikolu 28 tad-Direttiva 2012/27/UE [kif emendata bid-Direttiva 2018/XXX/UE] u l-Artikolu 59 tar-Regolament (UE) 2018/XXX [Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija].
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandha tapplika mill-jum wara dak li fih id-dritt tal-Unjoni ma jibqax japplika għar-Renju Unit.
Magħmul fi Strasburgu,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President