Brussell, 26.10.2018

COM(2018) 714 final

2018/0367(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lin-Netherlands jintroduċu miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (“id-Direttiva tal-VAT” 1 ), il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu bi proposta tal-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jintroduċi miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew biex jipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.

B’ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-19 ta’ Lulju 2018, in-Netherlands talbu awtorizzazzjoni biex jintroduċu miżura ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva tal-VAT li tippermetti l-eżenzjoni mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 25 000.

Skont l-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra b’ittri datati d-9 ta’ Awwissu 2018 dwar it-talba li għamlu n-Netherlands, għajr lil Spanja u Ċipru li ġew informati b’ittri datati l-10 ta’ Awwissu 2018. B’ittra datata t-13 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni nnotifikat lin-Netherlands li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT jippermetti lill-Istati Membri japplikaw skemi speċjali għall-impriżi żgħar, inkluż il-possibbiltà ta’ eżenzjoni mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx jaqbeż ċertu livell limitu. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma jkollhiex għalfejn timponi l-VAT fuq il-provvisti tagħha u b’hekk ma tistax tnaqqas il-VAT fuq l-input tagħha.

Skont l-Artikolu 285 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri li ma jeżerċitawx din l-għażla skont l-Artikolu 14 tat-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE 2 jistgħu jeżentaw mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 5 000. In-Netherlands, wieħed minn dawn l-Istati Membri, talbu li jżidu l-livell limitu tal-eżenzjoni minn EUR 5 000 għal EUR 25 000 mill-1 ta’ Jannar 2020.

Skont l-informazzjoni tan-Netherlands, is-sistema attwali tagħhom tagħti ħelsien gradat lil persuni taxxabbli li, fuq bażi annwali u wara tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa, ma jkunu responsabbli għall-ebda VAT aktar minn EUR 1 883. Il-proċess għall-għoti tal-ħelsien gradwat mit-taxxa hu kumpless, u fih livell għoli ta’ errur. L-għadd ta’ negozji żgħar fin-Netherlands qed kulma jmur jiżdied, u għalhekk qed jiżdiedu wkoll l-ispejjeż operazzjonali għall-awtoritajiet tat-taxxa Olandiżi u l-piż amministrattiv għan-negozji, filwaqt li l-interess finanzjarju involut għadu baxx. Għaldaqstant in-Netherlands jixtiequ jimmodernizzaw is-sistema tagħhom billi jintroduċu skema fakultattiva ta’ eżenzjoni mill-VAT marbuta mal-fatturat li jkollha livell limitu tal-eżenzjoni ta’ EUR 25 000. Din il-miżura se tnaqqas l-obbligi tal-VAT għan-negozji żgħar u tissimplifika l-ġbir tal-VAT għall-awtoritajiet tat-taxxa.

In-Netherlands jenfasizzaw ukoll li din il-miżura tikkonforma mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta għal Direttiva dwar l-iskema speċjali għan-negozji żgħar ippubblikata mill-Kummissjoni Ewropea fit-18 ta’ Jannar 2018 3 .

Għalhekk qed jiġi propost li n-Netherlands jitħallew iżidu l-livell limitu tal-eżenzjoni għall-SMEs minn EUR 5 000 għal EUR 25 000 sal-31 ta’ Diċembru 2022 jew sad-data meta l-Istati Membri jridu japplikaw kwalunkwe dispożizzjonijiet nazzjonali li jeħtieġ jadottaw jekk tiġi adottata Direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li tirregola l-iskema speċjali għall-impriżi żgħar.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Stati Membri oħra ngħataw derogi simili. Il-Lussemburgu 4 ngħata livell limitu ta’ EUR 30 000, il-Polonja 5 u l-Estonja 6 livell limitu ta’ EUR 40 000, l-Italja 7 livell limitu ta’ EUR 65 000, il-Kroazja 8 livell limitu ta’ EUR 45 000, il-Latvja 9 livell limitu ta’ EUR 40 000 u r-Rumanija 10 livell limitu ta’ EUR 88 500.

Jenħtieġ li d-derogi mid-Direttiva tal-VAT ikunu dejjem limitati fiż-żmien biex l-effetti tagħhom ikunu jistgħu jiġu vvalutati. Barra minn hekk, bħalissa d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva tal-VAT dwar skema speċjali għall-impriżi żgħar qed isirilhom rieżami. Kif tħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT 11 , u fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2017 12 , dan l-aħħar ġiet ippreżentata l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-iskema tal-SMEs.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-miżura tikkonforma mal-għanijiet tal-Unjoni għan-negozji żgħar, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” – “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa 13 li tistieden lill-Istati Membri biex iqisu l-karatteristiċi speċjali tal-SMEs meta jfasslu l-leġiżlazzjoni u għalhekk biex jissimplifikaw l-ambjent regolatorju eżistenti.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hi bbażata l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru wara talba mingħandu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Minħabba l-ambitu limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hi proporzjonata mal-għan mixtieq, jiġifieri s-simplifikazzjoni għall-impriżi żgħar u għall-amministrazzjoni tat-taxxi.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, deroga mid-dispożizzjonijiet komuni tal-VAT hi possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi b’mod unanimu bi proposta tal-Kummissjoni. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hi l-aktar strument xieraq għax tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET KONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet konċernati

Din il-proposta hi bbażata fuq talba li għamlu n-Netherlands u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tawtorizza lin-Netherlands biex jeżentaw mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 25 000 mill-1 ta’ Jannar 2020. Il-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar mil-livell limitu jinħelsu minn ħafna mill-obbligi tal-VAT ġenerali, u permezz ta’ din il-miżura se jonqsilhom ukoll il-piż amministrattiv. Barra minn hekk, din tissimplifika l-ġbir tat-taxxa għall-awtoritajiet tat-taxxa Olandiżi.

Skont in-Netherlands, l-introduzzjoni tal-livell limitu ta’ EUR 25 000 mhu se jħalli l-ebda impatt sostanzjali fuq it-total tad-dħul mit-taxxa fl-istadju tal-konsum finali. Madwar 9 % tal-persuni taxxabbli huma mistennija jużaw il-livell limitu tal-eżenzjoni, u dan jikkorrispondi għal impatt fuq il-baġit tal-Istat ta’ madwar 0,09 %.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE għax in-Netherlands se jagħmlu kalkolu ta’ kumpens b’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, EURATOM) 1553/89.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Il-proposta hija limitata biż-żmien.

2018/0367 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lin-Netherlands jintroduċu miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 14 , u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Istati Membri li ma jeżerċitawx din l-għażla skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE 15 , jistgħu jeżentaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud (il-VAT) lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 5 000.

(2)B’ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-19 ta’ Lulju 2018, in-Netherlands talbu awtorizzazzjoni biex jintroduċu miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE biex japplikaw livell limitu tal-eżenzjoni ta’ EUR 25 000. B’dik il-miżura speċjali, dawk il-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 25 000 se jkunu eżentati minn ċerti obbligi jew mill-obbligi kollha fir-rigward tal-VAT, imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE.

(3)Il-livell limitu ogħla għall-iskema speċjali għall-impriżi żgħar li hemm stabbilit fl-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE hu miżura ta’ simplifikazzjoni għax dan jista’ jnaqqas l-obbligi tal-VAT tal-impriżi żgħar b’mod sinifikanti. L-iskema speċjali hi fakultattiva għall-persuni taxxabbli.

(4)Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra b’ittri datati d-9 ta’ Awwissu 2018 dwar it-talba li għamlu n-Netherlands, għajr lil Spanja u Ċipru li ġew informati b’ittri datati l-10 ta’ Awwissu 2018. B’ittra datata t-13 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni nnotifikat lin-Netherlands li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(5)Id-deroga mitluba hija skont l-għanijiet ta’ politika tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” – “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa 16 .

(6)In-Netherlands jistennew li ladarba jiżdied il-livell limitu, dan se jwassal biex jonqsu l-obbligi tal-VAT u b’hekk jonqu l-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż ta’ konformità għall-impriżi żgħar; għalhekk jenħtieġ li n-Netherlands jiġu awtorizzati japplikaw il-miżura speċjali għal perjodu taż-żmien limitat, sal-31 ta’ Diċembru 2022. L-iskema speċjali għall-impriżi żgħar hija fakultattiva, u għalhekk il-persuni taxxabbli xorta waħda se jkunu jistgħu jagħżlu li jħaddmu l-arranġamenti normali tal-VAT.

(7)Peress li l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li jirregolaw l-iskema speċjali għall-impriżi żgħar huma soġġetti għal rieżami, tista’ tidħol fis-seħħ Direttiva li temenda dawn l-Artikoli u li tistabbilixxi data meta l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali qabel ma jiskadi l-perjodu ta’ validità tad-deroga fil-31 ta’ Diċembru 2022. Jekk jiġri dan, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma tibqax tapplika.

(8)Abbażi tal-informazzjoni mogħtija min-Netherlands, il-livell limitu miżjud se jkollu biss impatt negliġibbli fuq l-ammont ġenerali tad-dħul mit-taxxa tan-Netherlands miġbur fl-istadju finali tal-konsum.

(9)Id-deroga ma tħalli l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mit-taxxa fuq il-valur miżjud għax in-Netherlands se jagħmlu kalkolu ta’ kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE EURATOM) Nru 1553/89 17 ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, in-Netherlands huma awtorizzati jeżentaw mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 25 000.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-aktar data kmieni minn dawn iż-żewġ dati li ġejjin:

(a)    Il-31 ta’ Diċembru 2022;

(b)    id-data meta l-Istati Membri jridu japplikaw kwalunkwe dispożizzjonijiet nazzjonali li jeħtieġ jadottaw jekk tiġi adottata Direttiva li temenda l-Artikoli 281 sa 294 tad-Direttiva 2006/112/KE li tirregola l-iskema speċjali għall-impriżi żgħar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lin-Netherlands.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2)    It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE tal-11 ta’ April 1967 dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat minn negozju – L-istruttura u l-proċeduri għall-applikazzjoni tas-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 71, 14.4.1967, p. 1303/67).
(3)    Il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud rigward l-iskema speċjali għall-impriżi żgħar, 18.1.2018, COM(2018) 21 final.
(4)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/319 tal-21 ta’ Frar 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/677/UE li tawtorizza lil-Lussemburgu biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 47, 24.2.2017, p. 7).
(5)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2090 tal-21 ta’ Novembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni 2009/790/KE li tawtorizza lir-Repubblika tal-Polonja biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 324, 30.11.2016, p. 7).
(6)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/563 tal-21 ta’ Marzu 2017 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Estonja biex tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 80, 25.3.2017, p. 33).
(7)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1988 tat-8 ta’ Novembru 2016 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/678/UE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tkompli tapplika miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 306, 15.11.2016, p. 11).
(8)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1768 tal-25 ta’ Settembru 2017 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Kroazja tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 250, 28.9.2017, p. 71).
(9)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2408 tat-18 ta’ Diċembru 2017 li tawtorizza lir-Repubblika tal-Latvja biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 342, 21.12.2017, p. 8).
(10)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1855 tal-10 ta’ Ottubru 2017 li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżura speċjali ta’ deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 265, 14.10.2017, p. 19).
(11)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT, Lejn żona unika tal-VAT fl-UE – Iż-żmien biex niddeċiedu, Brussell, 7.4.2016, COM(2016)148 final.
(12)    Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2017 – It-twettiq bil-fatti ta’ Ewropa li tipproteġi, li tagħti s-setgħa u li tiddefendi, Strasburgu, 25.10.2016, COM(2016)710 final.
(13)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” – “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa, Brussell, 25.6.2008, COM(2008)394 final.
(14)    ĠU 347, 11.12.2006, p. 1.
(15)    It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE tal-11 ta’ April 1967 dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-fatturat minn negozju – L-istruttura u l-proċeduri għall-applikazzjoni tas-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 71, 14.4.1967, p. 1303/67).
(16)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” “Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa COM(2008) 394 final tal-25 ta’ Ġunju 2008.
(17)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9).