Brussell, 12.9.2018

COM(2018) 639 final

2018/0332(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li twaqqaf il-bidliet staġonali fil-ħin u tħassar id-Direttiva 2000/84/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2018) 406 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Skont l-arranġamenti tal-UE għall-ħin tas-sajf, l-arloġġi jiddawru b’siegħa darbtejn fis-sena sabiex jadattaw għall-bdil fid-dawl ta’ binhar u sabiex isir l-aqwa użu mid-dawl ta’ binhar waqt perjodu partikolari. L-arloġġi jiddawru siegħa ’l quddiem kmieni ħafna filgħodu tal-aħħar Ħadd ta’ Marzu, u siegħa lura kmieni ħafna filgħodu tal-aħħar Ħadd ta’ Ottubru sabiex jirritornaw għall-ħin standard.

Fl-imgħoddi, għal raġunijiet storiċi, l-Istati Membri għażlu li jdaħħlu arranġamenti għall-ħin tas-sajf. Il-Ġermanja u Franza kienu l-ewwel li adottaw tali arranġamenti, waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija biex jiffrankaw il-faħam, b’mod partikulari l-faħam li kien jintuża għat-tidwil. Matul il-gwerra, il-Gran Brittanja, il-biċċa l-kbira mill-alleati tagħha, u ħafna pajjiżi Ewropej newtrali ma damux ma segwew l-eżempju. Aktar ’il quddiem, wara li spiċċaw iż-żewġ Gwerer Dinjija, bosta pajjiżi Ewropej abbandunaw dik il-miżura. L-arranġamenti moderni għall-ħin tas-sajf ġejjin mis-snin sebgħin, imnissla mill-inizjattivi tal-Italja (1966) u tal-Greċja (1971). Ir-Renju Unit u l-Irlanda neħħew l-arranġamenti għall-ħin tas-sajf fl-1968 biex jarmonizzaw ruħhom mal-bqija tal-Ewropa, iżda mbagħad reġgħu qalbu fl-1972. Spanja bdiet bil-ħin tas-sajf fl-1974, u warajha Franza fl-1976, bil-għan li jiffrankaw l-enerġija. Bejn l-1976 u l-1981, għaxar Stati Membri tal-UE daħħlu arranġamenti għall-ħin tas-sajf, l-iktar biex jiġu jaqblu mal-pajjiżi ġirien tagħhom.

Madwar id-dinja, xi 60 pajjiż josservaw arranġamenti għall-ħin tas-sajf, inkluż fl-Amerka ta’ Fuq u fl-Oċeanja. Madankollu, għadd dejjem jikber ta’ pajjiżi ġirien jew sħab kummerċjali tal-UE qegħdin jagħżlu li ma japplikawx, jew li jneħħu għalkollox, l-arranġamenti għall-ħin tas-sajf: fost l-eżempji nsibu l-Iżlanda, iċ-Ċina (1991-), ir-Russja (2011-), il-Belarussja (2011-) u t-Turkija (2016-).

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-arranġamenti għall-ħin tas-sajf iddaħħlet għall-ewwel darba fl-1980 1 , bil-għan li jitwaħħdu l-prattiki u l-iskedi nazzjonali diverġenti tal-ħin tas-sajf. B’hekk ġie żgurat approċċ armonizzat għall-bidla fil-ħin fi ħdan is-suq uniku. Mill-2001 ’l hawn, l-arranġamenti tal-UE għall-ħin tas-sajf kienu rregolati mid-Direttiva 2000/84/KE 2 , li stabbiliet l-obbligu fuq l-Istati Membri kollha li jaqilbu għall-ħin tas-sajf fl-aħħar Ħadd ta’ Marzu u li jerġgħu jdawru s-siegħa lura għall-ħin standard (“il-ħin tax-xitwa”) fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru.

B’mod parallel mal-arranġamenti tal-UE għall-ħin tas-sajf, iżda indipendentement minnhom, it-territorji tal-Istati Membri fuq il-kontinent Ewropew huma maqsumin fi tliet żoni tal-ħin jew ħinijiet standard differenti. Kull Stat Membru jiddeċiedi dwar il-ħin standard tiegħu b’mod individwali, għat-territorju kollu tiegħu jew għal partijiet differenti minnu 3 .

Is-sistema tal-bidla fil-ħin ta’ darbtejn fis-sena ilha u kulma jmur qiegħda dejjem aktar titqiegħed fid-dubju, miċ-ċittadini, mill-Parlament Ewropew, u minn għadd jikber ta’ Stat Membri. Għalhekk, il-Kummissjoni analizzat l-evidenza disponibbli, li tixħet dawl fuq kemm huwa importanti li jkollna regoli armonizzati tal-Unjoni f’dan il-qasam, sabiex niżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Din l-idea hija appoġġata wkoll mill-Parlament Ewropew 4 u minn atturi oħra (eż. fis-settur tat-trasport). Il-Kummissjoni wettqet ukoll konsultazzjoni pubblika, li rċeviet madwar 4.6 miljun tweġiba. 84 % tat-tweġibiet kienu favur li ma tibqax tiddawwar is-siegħa darbtejn fis-sena, filwaqt li 16 % esperimew ix-xewqa li nżommu l-arranġamenti attwali. Barra minn hekk, il-kwistjoni tqajmet minn ministri tat-trasport f’laqgħat riċenti tal-Kunsill f'Diċembru 2017 u Ġunju 2018, filwaqt li għadd ta’ Stati Membri indikaw il-preferenza tagħhom li ma jibqgħux japplikaw l-arranġamenti attwali għall-ħin tas-sajf.

F’din il-panorama, il-Kummissjoni tqis li hemm bżonn li jibqa’ jiġi ssalvagwardjat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, permezz ta’ skema armonizzata applikabbli għall-Istati Membri kollha, li tqis madankollu l-iżvilupp riċenti deskritti hawn fuq. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li ma jibqgħux japplikaw il-bidliet staġonali fil-ħin fl-Unjoni, u li jiġi żgurat li d-deċiżjoni dwar il-ħin standard tal-Istati Membri tibqa’ kompetenza tagħhom, partikularment rigward jekk jimxux għall-ħin standard li jikkorrispondi għall-ħin tas-sajf tagħhom b’mod permanenti, jew jekk japplikawx il-ħin standard attwali tagħhom b’mod permanenti.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti f’dan il-qasam ta’ politika

Din il-proposta biex tintemm il-bidla fil-ħin ta’ darbtejn fis-sena tirrikjedi li d-Direttiva 2000/84/KE titħassar b’mod simultanju.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-evidenza tissuġġerixxi li hemm bżonn approċċ armonizzat f’dan il-qasam għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern. Billi tneħħi l-bidla fil-ħin ta’ darbtejn fis-sena għall-Istati Membri kollha, din il-proposta se żżomm regola komuni f’dan il-qasam, li hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern tal-Unjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-għan ta’ din il-proposta huwa li tiżgura l-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Għaldaqstant, l-Artikolu 114 tat-TFUE huwa l-bażi ġuridika x-xierqa. Dan huwa wkoll il-bażi ġuridika tad-Direttiva 2000/84/KE.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Kif turi l-evidenza, huwa importanti li jkun hemm regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, sabiex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Peress li l-arranġamenti attwali għall-ħin tas-sajf qegħdin jitqiegħdu dejjem aktar fid-dubju, l-unika alternattiva eżistenti, biex jibqa’ jiġi żgurat approċċ armonizzat, hija t-tneħħija kkoordinata tal-bidliet fil-ħin ta’ darbtejn fis-sena, kif imfassla f’din il-proposta. Għaldaqstant, bil-għan li jibqa’ jkun hemm approċċ armonizzat, il-Kummissjoni tipproponi li ma jibqax jinbidel il-ħin skont l-istaġun fl-Unjoni, u li tibqa’ f’idejn kull Stat Membru d-deċiżjoni dwar il-ħin standard tiegħu, b’mod partikulari rigward jekk jibdilx il-ħin standard tiegħu (siegħa ’l quddiem) sabiex jiġi jaqbel mal-ħin tas-sajf attwali tiegħu b’mod permanenti, jew inkella japplikax il-ħin standard li jikkorrispondi mal-“ħin tax-xitwa” attwali tiegħu b’mod permanenti.

Proporzjonalità

Il-proposta tal-Kummissjoni tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità billi ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ li jinkiseb l-għan li jibqa’ jiġi ssalvagwardjat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern fir-rigward tal-arranġamenti tal-ħin. Għal dan il-għan, tipprevedi arranġamenti tal-ħin armonizzati fl-Unjoni, mingħajr ma jitneħħa d-dritt tal-Istati Membri li jiddeċiedu jekk japplikawx il-ħin tas-sajf jew il-“ħin tax-xitwa”. Il-proposta ma tolqotx id-dritt tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar il-ħin jew il-ħinijiet standard li għandhom jiġu applikati fit-territorji taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom.

Għażla tal-istrument

Billi l-Istati Membri jibqgħu bil-libertà li jagħżlu l-ħin jew il-ħinijiet standard tagħhom, u b’mod partikulari, fl-2019 ser ikollhom jagħżlu jekk japplikawx il-ħin tas-sajf jew il-“ħin tax-xitwa”, u billi f’dan ir-rigward se jkun hemm bżonn li jiġu adottati dispożizzjonijiet legali nazzjonali, Direttiva hija l-iktar strument xieraq għal din il-proposta.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post / kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Matul is-snin saru għadd ta’ studji dwar l-arranġamenti għall-ħin tas-sajf. Fosthom saru diversi studji u rapporti kkummissjonati jew imħejjija mill-Kummissjoni: pereżempju, analiżi tal-impatt tal-arranġament tal-UE għall-ħin tas-sajf fuq is-setturi ekonomiċi ewlenin kif ukoll fuq is-saħħa u d-divertiment fl-1999 5 , rapport tal-Kummissjoni dwar l-impatt tad-Direttiva dwar il-ħin tas-sajf fl-2007 6 , u studju tal-implikazzjonijiet possibbli ta’ sistema mhux armonizzata tal-ħin tas-sajf fl-UE fl-2014 7 . Fi Frar 2016, il-Bundestag Ġermaniż ippubblika rapport dwar l-impatt tal-ħin tas-sajf 8 , u f'Ottubru 2017, is-Servizz tar-Riċerka tal-Parlament Ewropew ippreżenta rapport li jiġbor fil-qosor il-qagħda attwali tal-evidenza eżistenti dwar il-ħin tas-sajf 9 .

Fejn jidħlu l-impatti tal-arranġamenti għall-ħin tas-sajf, l-evidenza kif imsemmija fir-rapporti ta’ hawn fuq turi dan li ġej:

·Is-suq intern: F’dan l-istadju, l-evidenza hi konklużiva fuq punt wieħed: jekk ikunu permessi bidliet tal-ħin mhux ikkoordinati bejn l-Istati Membri, is-suq uniku se jbati minħabba spejjeż ogħla għall-kummerċ transfruntiera, inkonvenjenzi u tfixkil possibbli fit-trasport, fil-komunikazzjonijiet u fl-ivvjaġġar, u livell aktar baxx ta’ produttività fis-suq intern għall-oġġetti u s-servizzi.

·L-enerġija: Minkejja li l-enerġija kienet wieħed mill-fatturi ewlenin li waslu għall-arranġamenti attwali, ir-riċerka tindika li l-effett ġenerali tal-ħin tas-sajf fuq l-iffrankar tal-enerġija huwa marġinali. Madankollu, hemm it-tendenza li r-riżultati jvarjaw skont ċerti fatturi, bħall-pożizzjoni ġeografika. Fost l-eżempji rrappurtati fl-Istati Membri nsibu:

·Fl-2016, it-TSO Taljan Terna rrapporta li l-iffrankar tal-enerġija annwali bis-saħħa tal-ħin tas-sajf kien ta’ madwar 580 Gwh fl-Italja (~0,2 % tal-konsum tal-elettriku annwali), li jfisser iffrankar annwali ta’ madwar EUR 94,5 miljun 10 .

·Fi Franza, skont stima tal-ADEME (Agence de l'Environnement et de la Maitrise de l'Energie) fl-2010, l-iffrankar fit-tidwil kien ta’ madwar 440 GWh (~0,1 % tal-konsum tal-elettriku annwali), u forsi kien jinkludi xi ffrankar fl-enerġija termali. Fl-1995 l-EDF ħareġ l-istima li l-iffrankar kien ta’ madwar 1 200 Gwh, għalkemm stimi li ħarġu aktar ’il quddiem joqorbu iktar lejn ir-riżultati tal-2010 11 .

·L-Assoċjazzjoni Ġermaniża tal-Industriji tal-Ilma u tal-Elettriku (BDEW) stqarret fl-2015 li l-iffrankar fil-Ġermanja sar irrelevanti, billi l-enerġija għat-tidwil naqset għal madwar 8 % tal-konsum tal-enerġija, filwaqt li l-enerġija għall-attivitajiet ta’ divertiment żdiedet 12 .

·Fi Spanja, l-Istitut għad-Diversifikazzjoni u l-Iffrankar tal-Enerġija (IDAE) irrapporta għall-2015 tnaqqis ta’ 5 % fil-konsum totali tal-elettriku għat-tidwil minħabba l-ħin tas-sajf, li huwa ekwivalenti għal iffrankar annwali ta’ EUR 300 miljun 13 .

·L-istudju tal-2014 ikkummissjonat mill-Kummissjoni sab li l-arranġamenti għall-ħin fis-sajf joħolqu problemi amministrattivi għall-operaturi tal-gass meta jibbukkjaw mal-Operaturi tas-Sistema ta’ Trażmissjoni 14 .

L-implimentazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda għat-tidwil (u ta’ arloġġi intelliġenti, apparati tal-ipprogrammar eċċ.) diġà tneħħi mill-potenzjal ta’ ffrankar tal-enerġija mill-arranġamenti għall-ħin tas-sajf.

·Is-saħħa: Ċerti studji juru li l-arranġamenti għall-ħin tas-sajf kapaċi jwasslu għal effetti pożittivi marbutin ma’ żieda fl-attivitajiet ta’ divertiment fl-apert. Min-naħa l-oħra, ċerti sejbiet tar-riċerka kronobijoloġika jissuġġerixxu li l-effett fuq il-bijoritmu tal-bniedem jista’ jkun aktar gravi minn dak li kien maħsub. Pereżempju, ir-rapport tal-Bundestag tal-2016 jirreferi għal sejbiet li jindikaw li r-ritmu bijoloġiku tal-bniedem ma jaġġustax ruħu tajjeb għall-bidla fil-ħin tar-rebbiegħa daqskemm kien maħsub, u li ċerti kronotipi ta’ nies ikollhom bżonn bosta ġimgħat biex jaġġustaw ruħhom, filwaqt li l-bidla fil-ħin tal-ħarifa toħloq inqas problemi. Madankollu, l-evidenza dwar l-impatti ġenerali fuq is-saħħa (jiġifieri l-bilanċ bejn il-pożittiv issoponut u l-effetti negattivi) tibqa’ inkonklużiva.

·Is-sikurezza fit-toroq: L-evidenza għadha inkonklużiva fir-rigward tar-relazzjoni bejn l-arranġamenti għall-ħin tas-sajf u l-aċċidenti tat-traffiku fit-toroq. Ċerti studji juru li t-tiċħid mill-irqad wara li l-arloġġ jitmexxa ’l quddiem fir-rebbiegħa jista’ jżid ir-riskju ta’ aċċidenti. Madankollu, huwa ġeneralment diffiċli li wieħed jattribwixxi direttament l-effett tal-arranġamenti għall-ħin tas-sajf fuq ir-rati tal-aċċidenti meta mqabbel ma’ fatturi oħrajn.

·L-agrikultura: L-arranġamenti għall-ħin tas-sajf qajmu tħassib rigward it-tfixkil tal-bijoritmu tal-annimali u l-bdil fl-iskedi tat-taħlib u tal-għalf minħabba l-bidla fil-ħin. Madankollu, jidher li dak it-tħassib qiegħed jisparixxi progressivament bis-saħħa tal-implimentazzjoni ta’ tagħmir ġdid, tidwil artifiċjali u teknoloġiji awtomatizzati.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika bejn l-4 ta’ Lulju u s-16 ta’ Awwissu 2018 sabiex tiġbor il-fehmiet taċ-ċittadini Ewropej, tal-partijiet ikkonċernati u tal-Istati Membri dwar l-arranġamenti tal-UE għall-ħin tas-sajf kif stabbiliti fid-Direttiva 2000/84/KE, kif ukoll dwar kull bidla potenzjali f’dawk l-arranġamenti, speċifikament it-tneħħija tal-bidla fil-ħin ta’ darbtejn fis-sena.

Avolja l-perjodu ta’ konsultazzjoni kien iqsar mill-perjodu standard ta’ 12-il ġimgħa, waslu madwar 4.6 miljun tweġiba, 99 % minnhom min-naħa taċ-ċittadini. It-tweġibiet intbagħtu mill-Istati Membri kollha, għalkemm ir-rati ta’ risposta varjaw skont il-pajjiż: il-Ġermanja, l-Awstrija u l-Lussemburgu kellhom l-ogħla rati ta’ risposta, u warajhom il-Finlandja, l-Estonja u Ċipru. 84 % ta’ dawk li wieġbu jixtiequ li titneħħa għalkollox il-bidla fil-ħin ta’ darbtejn fis-sena, filwaqt li 16 % jixtiequ li tinżamm. Meta mqassma skont l-Istati Membri, ir-riżultati juru li kollox ma’ kollox, iċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati fl-Istati Membri kollha huma favur li titneħħa l-bidla fil-ħin ta’ darbtejn fis-sena, għajr fil-Greċja u f’Ċipru, fejn maġġoranza żgħira ta’ dawk li wieġbu jippreferu li jinżammu l-arranġamenti attwali; f’Malta l-preferenzi huma maqsumin kważi nofs u nofs. Fil-kategorija tal-awtoritajiet pubbliċi, maġġoranza tar-rispondenti indikat ukoll il-preferenza tagħhom li titneħħa l-bidla fil-ħin ta’ darbtejn fis-sena. Ir-raġuni ewlenija mogħtija minn dawk li wieġbu li jixtiequ li s-sistema attwali titwaqqaf kienet is-saħħa, u t-tieni raġuni kienet in-nuqqas ta’ ffrankar fl-enerġija.

Iktar dettalji dwar il-konsultazzjoni pubblika fuq l-arranġamenti tal-UE għall-ħin tas-sajf jinsabu fir-rapport li jakkumpanja r-riżultati 15 .

Valutazzjoni tal-impatt

Ir-raġuni biex issir leġiżlazzjoni fil-livell tal-UE f’dan il-qasam kienet li jiġu armonizzati prattiki u skedi nazzjonali diverġenti tal-ħin tas-sajf. L-ewwel darba li l-Kummissjoni qajmet il-kwistjoni dwar l-effetti negattivi tal-prattiki nazzjonali diverġenti tal-ħin tas-sajf fuq is-suq intern – jiġifieri fuq it-trasport, il-komunikazzjonijiet u l-kummerċ transfruntiera – kienet f’Komunikazzjoni 16 fl-1975. L-istudju ICF tal-2014, ikkummissjonat mill-Kummissjoni, analizza l-implikazzjonijiet (ipotetiċi) ta’ skemi mhux armonizzati tal-ħin tas-sajf, speċifikament għall-funzjonament tas-suq intern, iżda wkoll għan-negozji u għaċ-ċittadini, u kkonkluda li arranġamenti asinkroniċi kieku jwasslu għal kostijiet ogħla, iktar inkonvenjenzi, u inqas produttività fis-suq intern għall-prodotti u s-servizzi.

Studji oħra 17 jixħtu dawl ukoll fuq il-benefiċċji ta’ approċċ armonizzat għas-suq intern, kif ukoll fuq ir-riskju ta’ frammentazzjoni jekk ma jkunx hemm armonizzazzjoni. F’oqsma oħra, l-evidenza jew tindika impatti marġinali mill-arranġamenti għall-ħin tas-sajf (eż. effetti relattivament żgħar ta’ ffrankar tal-enerġija), jew inkella għadha ma laħqitx konklużjoni (eż. dwar l-impatti ġenerali fuq is-saħħa jew fuq is-sikurezza fit-toroq).

Fi Frar 2018, riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew talbet lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tad-Direttiva, u jekk meħtieġ, toħroġ bi proposta għar-rieżami tagħha. Fl-istess waqt, ir-riżoluzzjoni stqarret li “huwa kruċjali li jinżamm reġim tal-ħin unifikat tal-UE anke wara li tintemm il-bidla fil-ħin ta’ darbtejn fis-sena.”

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni hija li r-regoli komuni f’dan il-qasam jibqgħu kruċjali biex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. L-alternattivi ta’ politika ewlenin biex jiżguraw tali reġim armonizzat huma li 1) jinżammu l-arranġamenti tal-UE għall-ħin tas-sajf kif stabbiliti fid-Direttiva 2000/84/KE, jew 2) li jitwaqqfu l-bidliet fil-ħin ta’ darbtejn fis-sena għall-Istati Membri kollha; dan mhux se jolqot l-għażla taż-żona tal-ħin, u se tibqa’ deċiżjoni ta’ kull Stat Membru jekk jagħżlux il-ħin tas-sajf permanenti (billi jibdlu l-ħin standard attwali tagħhom) jew inkella jibqgħu bl-hekk imsejjaħ “ħin tax-xitwa” (li jikkorrispondi għall-ħin “standard” attwali tagħhom).

Il-Kummissjoni tqis li hemm bżonn li ssir azzjoni minn issa sabiex jibqa’ jiġi ssalvagwardajt il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi l-iktar riċenti, u jiġi evitat tfixkil sinifikanti potenzjali għas-suq intern.

Abbażi tal-evidenza disponibbli tal-effetti tal-arranġamenti tal-UE għall-ħin tas-sajf, kif imsemmi b’referenzi aktar ’il fuq, nistgħu niġbdu l-konklużjoni li reġim armonizzat kontinwu – fejn l-Istati Membri kollha jneħħu l-bidla fil-ħin ta’ darbtejn fis-sena – ikun jibqa’ ta’ ġid għall-funzjonament tas-suq intern. Ma tantx hemm konklużjonijiet dwar l-effetti f’oqsma oħra, li x’aktarx jiddependu mill-pożizzjoni ġeografika, u minn jekk l-Istati Membri jagħżlux li jibqgħu bil-ħin tas-sajf permanenti jew bil-ħin tax-xitwa permanenti.

Kif diġà msemmi aktar ’il fuq, huma f’idejn kull Stat Membru l-għażla tal-ħin standard u d-deċiżjoni dwar jekk imorrux għall-ħin tas-sajf permanenti jew għall-ħin tax-xitwa permanenti. Hemm bżonn li l-impatt ta’ din l-għażla tiġi vvalutata fil-livell nazzjonali. Kollox ma’ kollox, l-impatti x’aktarx li jvarjaw skont il-pożizzjoni ġeografika ta’ kull Stat Membru. L-Istati Membri tat-Tramuntana diġà għandhom bidla staġonali kbira fid-dawl ta’ binhar disponibbli matul is-sena. Minħabba f’hekk jgħaddu minn xtiewi mudlama bi ftit li xejn dawl ta’ binhar, u minn sjuf imdawla bi ljieli qosra. Għall-Istati Membri li jinsabu iktar fin-Nofsinhar, dawn id-differenzi mhumiex daqshekk estremi, u t-tqassim tan-nhar u tal-lejl ma jinbidilx daqshekk matul is-sena. Il-pożizzjoni tal-pajjiżi fi ħdan iż-żona tal-ħin tagħhom x’aktarx li tkun ta’ importanza kbira wkoll. Iktar ma pajjiż jinsab lejn il-Punent taż-żona tal-ħin, iktar tard titla’ u tinżel ix-xemx, filwaqt li fin-naħa tal-Lvant taż-żona tal-ħin, l-għodwiet ikunu iktar imdawla u x-xemx tinżel iktar kmieni 18 .

Bidla fis-sistema tkun twassal ukoll għal kostijiet ta’ tranżizzjoni. Filwaqt li l-kostijiet attwali ġġenerati mill-bidla fil-ħin ta’ darbtejn fis-sena se jisparixxu, ikun hemm kostijiet tranżizzjonali għall-qalba lejn reġim tal-ħin ġdid mingħajr bidliet staġonali. Is-sistemi informatiċi jkollhom jiġu riprogrammati u rikonfigurati. Dan se jkun kruċjali għall-iskedar tal-ħin u tal-kalendarji tas-softwer (sistemi tas-saħħa, sistemi għall-ibbukkjar ta’ vjaġġi) u għas-softwer li jiddependi fuq il-ħin, kif ukoll għat-teknoloġiji “intelliġenti” 19 . Fit-trasport, l-iskedi jkollhom jiġu aġġustati. Għaldaqstant, kif saħqu ċerti partijiet ikkonċernati fit-tweġibiet tagħhom għall-konsultazzjoni pubblika, se jkun essenzjali li jingħata ċertu żmien għat-tħejjija ta’ tali bidla.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-proposta tfittex li tissodisfa l-għan li tiżdied l-effettività u li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u regolatorji għan-negozji u għaċ-ċittadini. Dan tagħmlu prinċipalment billi tissemplifika l-arranġamenti tal-ħin fl-Unjoni, bit-tneħħija tal-bidliet staġonali regolari fil-ħin, u bl-introduzzjoni ta’ arranġamenti ta’ ħin permanenti, li mistennija jkunu ta’ implimentazzjoni aktar faċli u joħolqu inqas piż.

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Mhux applikabbli.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Sabiex jiġu vvalutati l-impatti ta’ din id-Direttiva, b’mod partikulari fir-rigward tal-effetti tagħha fuq il-funzjonament tas-suq intern, iżda wkoll fir-rigward tal-impatti fuq il-partijiet ikkonċernati u l-ħajja taċ-ċittadini, il-Kummissjoni se tirrapporta dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2024. Sa dak iż-żmien għandu jkun hemm biżżejjed informazzjoni dwar l-effetti tad-Direttiva.

Biex il-Kummissjoni tkun tista’ tirrapporta dwar l-impatt tad-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu għajnuna u kull informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1(1), flimkien mal-Artikolu 4(1), jipprevedi li mill-1 ta’ April 2019 ’il quddiem, l-Istati Membri mhux se jibqgħu japplikaw il-bidliet fil-ħin standard tagħhom – jew fil-ħinijiet standard tagħhom fil-każ tal-Istati Membri li għal raġunijiet ġeografiċi għandhom iktar minn wieħed – skont l-istaġun tas-sena. L-Istati Uniti xorta se jaqilbu għall-arranġamenti għall-ħin tas-sajf skont id-Direttiva 2000/84/KE fil-31 ta’ Marzu 2019, iżda mill-1 ta’ April 2019 ’il quddiem, mhux se jkomplu japplikaw il-bidliet staġonali fil-ħin.

L-Artikolu 1(2) jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li jagħżlu li jagħmlu bidla staġonali oħra fil-ħin jew ħinijiet standard tagħhom il-Ħadd, is-27 ta’ Ottubru 2019, fis-1:00 a.m. Ħin Universali Koordinat (UTC). Wara dik il-bidla, dawk l-Istati Membri li jkunu għażlu li japplikaw l-Artikolu 1(2) mhux se jibqgħu japplikaw bidliet staġonali għall-ħin jew ħinijiet standard tagħhom.

L-Artikolu 2 jissottolinja li l-Istati Membri jibqgħu bil-libertà li jagħmlu bidliet fil-ħin jew ħinijiet standard tagħhom li ma jkunux marbutin ma’ bidliet staġonali. Madankollu, billi bidliet mhux previsti għall-ħin standard imwettqa minn Stati Membri individwali jaf jolqtu ħażin il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, sabiex jiġi evitat tali tfixkil, jenħtieġ li l-Istati Membri jgħarrfu lill-Kummissjoni fi żmien xieraq bl-intenzjoni tagħhom li jibdlu l-ħin standard tagħhom. Minn meta jkun fadal inqas minn sitt (6) xhur sakemm bidla notifikata tidħol fis-seħħ, jenħtieġ li l-Istati Membri jimplimentaw il-bidliet notifikati sabiex jiġu evitati l-inċertezza legali u l-possibbiltà ta’ aktar tfixkil fis-suq intern. Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-Istati Membri kollha u se tippubblika din l-informazzjoni, bil-għan li l-awtoritajiet nazzjonali, l-operaturi ekonomiċi u ċ-ċittadini jiġu infurmati b’mod xieraq u f’waqtu, u jkunu jistgħu jħejju għall-bidla.

Sabiex jiġi vvalutat jekk id-Direttiva tkunx laħqet l-għan imsemmi li jiġi ssalvagwardjat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern u sabiex jiġu evalwati l-impatti tagħha, skont l-Artikolu 3, il-Kummissjoni se tressaq rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri, kif ukoll informazzjoni rilevanti oħra.

L-Artikolu 4 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-Direttiva sal-1 ta’ April 2019. Dan jimplika adozzjoni rapida ta’ din il-proposta min-naħa tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, sa mhux iktar tard minn Marzu 2019. L-Istati Membri għandhom japplikaw id-Direttiva mill-1 ta’ April 2019. Dan ifisser li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw, sas-27 ta’ April 2019, abbażi ta’ konsultazzjonijiet u valutazzjonijiet possibbli fil-livell nazzjonali u b’koordinazzjoni ma’ Stati Membri oħra, jekk humiex beħsiebhom jaqilbu, f’Ottubru 2019 u għal perjodu fit-tul, fuq ħin standard li jikkorrispondi għall-“ħin tax-xitwa” attwali tagħhom, flok fuq il-ħin tas-sajf attwali tagħhom.

Mid-dħul fis-seħħ komplut ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri mhux se jibqgħu japplikaw bidliet staġonali għall-ħinijiet standard tagħhom skont id-Direttiva 2000/84/KE. Għaldaqstant, l-Artikolu 5 jipprevedi li dik id-Direttiva titħassar.



2018/0332 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li twaqqaf il-bidliet staġonali fil-ħin u tħassar id-Direttiva 2000/84/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 20 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Fl-imgħoddi, l-Istati Membri għażlu li jdaħħlu arranġamenti għall-ħin tas-sajf fil-livell nazzjonali. Għal dik ir-raġuni, kien importanti għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern li jiġu ffissati dati u ħinijiet komuni għall-bidu u t-tmiem tal-perjodu tal-ħin tas-sajf madwar l-Unjoni. Skont id-Direttiva 2000/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 21 , illum il-ġurnata l-Istati Membri kollha japplikaw arranġamenti għall-ħin tas-sajf mill-aħħar Ħadd f’Marzu sal-aħħar Ħadd ta’ Ottubru tal-istess sena.

(2)Fir-riżoluzzjoni tagħha tat-8 ta’ Frar 2018, il-Parlament Ewropew appella lill-Kummissjoni biex twettaq valutazzjoni tal-arranġamenti għall-ħin tas-sajf skont id-Direttiva 2000/84/KE, u jekk meħtieġ, toħroġ bi proposta għar-rieżami tagħha. Dik ir-riżoluzzjoni kkonfermat ukoll li huwa essenzjali li jibqa’ jkun hemm approċċ armonizzat għall-arranġamenti tal-ħin fl-Unjoni kollha.

(3)Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza disponibbli, li tixħet dawl fuq l-importanza li jkun hemm regoli tal-Unjoni armonizzati f’dawn il-qasam sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern kif ukoll sabiex jiġu evitati, fost l-oħrajn, it-tfikxil għall-iskedar tal-operati tat-trasport u għall-funzjonament tas-sistemi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni, kostijiet ogħla għall-kummerċ transfruntiera, jew inqas produttività għall-oġġetti u s-servizzi. L-evidenza mhijiex konklużjoni rigward jekk il-benefiċċji tal-arranġamenti għall-ħin tas-sajf humiex ikbar mill-inkonvenjenzi marbutin mal-bidla fil-ħin ta’ darbtejn fis-sena.

(4)Għaddej dibattitu pubbliku mqanqal dwar l-arranġamenti għall-ħin tas-sajf, u ċerti Stati Membri diġà esperimew il-preferenza tagħhom li tali arranġamenti ma jibqgħux japplikaw. Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, hemm bżonn li jibqa’ jiġi ssalvagwardjat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, u li jiġi evitat kull tfikxil sinifikanti li jista’ jinqala’ minħabba diverġenzi bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam. Għaldaqstant, jixraq li l-arranġamenti għall-ħin tas-sajf jinqatgħu b’mod koordinat.

(5)Jenħtieġ li din id-Direttiva tkun mingħajr ħsara għad-dritt li kull Stat Membru jiddeċiedi dwar il-ħin jew ħinijiet standard għat-territorji taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu u li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tat-Trattati, kif ukoll dwar bidliet fil-ħin ulterjuri. Madankollu, sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjoni tal-arranġamenti għall-ħin tas-sajf minn ċerti Stati Membri biss ma tfixkilx il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, jenħtieġ li l-Istati Membri jżommu lura milli jibdlu l-ħin standard tagħhom f’territorju partikolari taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom għal raġunijiet marbutin ma’ bidliet staġonali, anki jekk tali bidla tiġi ppreżentata bħala bidla taż-żona tal-ħin. Barra minn hekk, sabiex jiġi minimizzat it-tfixkil, fost l-oħrajn, għat-trasport, għall-komunikazzjonijiet jew għal setturi oħra kkonċernati, jenħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni fi żmien xieraq bl-intenzjoni tagħhom li jibdlu l-ħin standard tagħhom, u sussegwentement japplikaw il-bidliet notifikati. Abbażi ta’ dik in-notifika, jenħtieġ li l-Kummissjoni tgħarraf lill-Istati Membri kollha l-oħra sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa. Jenħtieġ li tgħarraf ukoll lill-pubbliku ġenerali u lill-partijiet ikkonċernati billi tippubblika dik l-informazzjoni.

(6)Għaldaqstant, hemm bżonn li tintemm l-armonizzazzjoni tal-perjodu kopert mill-arranġamenti għall-ħin tas-sajf kif stabbiliti fid-Direttiva 2000/84/KE, u li jiddaħħlu regoli komuni li jipprevjenu li l-Istati Membri japplikaw arranġamenti differenti tal-ħin skont l-istaġun billi jibdlu l-ħin standard tagħhom aktar minn darba matul is-sena, u li jistabbilixxu l-obbligu ta’ notifika tal-bidliet previsti fil-ħin standard. Din id-Direttiva timmira li jikkontribwixxi, b’mod determinanti, għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, u għaldaqstant jenħtieġ li tissejjes fuq l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif interpretat skont il-ġurisprudenza konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(7)Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika mill-1 ta’ April 2019, sabiex l-aħħar perjodu tal-ħin tas-sajf soġġett għar-regoli tad-Direttiva 2000/84/KE ikun jibda, f’kull Stat Membru, fis-1:00 a.m., Ħin Universali Koordinat (UTC), fil-31 ta’ Marzu 2019. L-Istati Membri li, wara dak il-perjodu tal-ħin tas-sajf, ikunu beħsiebhom jadottaw ħin standard li jikkorrispondi għall-ħin applikat matul ix-xitwa skont id-Direttiva 2000/84/KE, jenħtieġ li jibdlu l-ħin standard tagħhom fis-1:00 a.m., Ħin Universali Koordinat, fis-27 ta’ Ottubru 2019, sabiex bidliet simili u fit-tul li jsiru fi Stati Membri differenti jseħħu b’mod simultanju. Huwa mixtieq li l-Istati Membri jieħdu d-deċiżjonijiet dwar il-ħin standard li kull wieħed minnhom ikun se japplika mill-2019 ’il quddiem b’mod ikkoordinat.

(8)Jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva tkun immonitorjata. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tressaq rapport bir-riżultati ta’ dan il-monitoraġġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport jenħtieġ li jissejjes fuq l-informazzjoni mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni mill-Istati Membri fi żmien suffiċjenti biex ir-rapport ikun jista’ jitressaq fil-mument speċifikat.

(9)Billi l-għanijiet ta’ din id-Direttiva rigward l-arranġamenti tal-ħin armonizzati ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda, minflok, jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(10)Jenħtieġ li l-arranġamenti tal-ħin armonizzati jiġu applikati skont id-dispożizzjonijiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tat-Trattati kif speċifikat fl-Artikolu 355 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(11)Għaldaqstant, id-Direttiva 2000/84/KE jenħtieġ li titħassar,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

1.L-Istati Membri ma għandhomx japplikaw bidliet staġonali għall-ħin jew ħinijiet standard tagħhom.

2.Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri xorta jistgħu japplikaw bidla staġonali fil-ħin jew ħinijiet standard tagħhom fl-2019, dejjem jekk jagħmlu dan fis-1:00 a.m., Ħin Universali Koordinat, fis-27 ta’ Ottubru 2019. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw din id-deċiżjoni skont l-Artikolu 2.

Artikolu 2

1.Mingħajr ħsara għall-Artikolu 1, jekk Stat Membru jiddeċiedi li jibdel il-ħin jew il-ħinijiet standard tiegħu fi kwalunkwe territorju taħt il-ġuriżdizzjoni tiegħu, għandu jinnotifika lill-Kummissjoni tal-anqas sitt (6) xhur qabel ma l-bidla tidħol fis-seħħ. Fejn Stat Membru jkun bagħat tali notifika u ma jkunx irtiraha tal-anqas sitt (6) xhur qabel id-data tal-bidla prevista, l-Istat Membru għandu japplika din il-bidla.

2.Fi żmien xahar min-notifika, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri l-oħra b’dan u tippubblika dik l-informazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

1.Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2024.

2.L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mit-30 ta’ April 2024.

Artikolu 4

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard mill-1 ta’ April 2019, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta' dawk id-dispożizzjonijiet.

Għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ April 2019.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza mal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 5

Id-Direttiva 2000/84/KE titħassar b’effett mill-1 ta’ April 2019.

Artikolu 6

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 7

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU L 205, 7.8.1980, p. 17.
(2)    Id- Direttiva 2000/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar arranġamenti għall-ħin tas-sajf, ĠU L 31, 2.2.2001.
(3)    Illum il-ġurnata, it-territorji tal-Istati Membri fuq il-kontinent Ewropew ikopru tliet żoni tal-ħin: il-Ħin tal-Ewropa tal-Punent jew il-Ħin Medju ta’ Greenwich (GMT), il-Ħin tal-Ewropa Ċentrali (GMT+1), u l-Ħin tal-Ewropa tal-Lvant (GMT+2). Tmien Stati Membri fl-Unjoni (il-Bulgarija, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, il-Greċja, il-Latvja, il-Litwanja u r-Rumanija) japplikaw il-GMT+2 bħala l-ħin standard tagħhom. 17-il Stat Membru (l-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Repubblika Slovakka, is-Slovenja, Spanja u l-Iżvezja) japplikaw il-GMT+1, filwaqt li tliet Stati Membri (l-Irlanda, il-Portugall u r-Renju Unit) japplikaw il-GMT. Arranġamenti speċifiċi japplikaw, b’mod partikulari, għall-Azores u għall-Gżejjer Kanarji.
(4)    Riżoluzzjoni tal-PE: B8-0070/2018 / P8_TA-PROVE(2018)0043, tat-8 ta’ Frar 2018.
(5)    Reincke and van den Broek, Research voor Beleid, “Summertime, In-depth investigation into the effects of summer-time clock arrangements in the European Union”, 1999 (studju li sar f’isem il-Kummissjoni Ewropea).
(6)    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2000/84/KE dwar arranġamenti għall-ħin tas-sajf, KUMM(2007) 739 finali, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52007DC0739&from=MT  
(7)    ICF International, The application of summertime in Europe: a report to the European Commission Directorate-General for Mobility and Transport (DG MOVE), Settembru 2014 , https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/facts-fundings/studies/doc/2014-09-19-the-application-of-summertime-in-europe.pdf
(8)    Cavaziel and Revermann, Bilanz der Sommerzeit: Endbericht zum TA-Projekt, TAB, Office of Technology Assessment at the German Bundestag, Report No 165, Frar 20 16, http://www.tab-beim-bundestag.de/de/untersuchungen/u20100.html
(9)    Eż. L-arranġamenti tal-UE għall-ħin tas-sajf skont id-Direttiva 2000/84/KE: Valutazzjoni tal-impatt ex post, Ottubru 2017 , http://www.europarl.europa.eu/thinktank/en/document.html?reference=EPRS_STU%282017%29611006
(10)

   Barbarulo, Eliana, “Terna: con ora legale risparmio energetico pari a 94,5 mln di euro”, 26/03/2016, http://www.ambientequotidiano.it/2016/03/26/ora-legale-risparmio-energetico/ .

(11)    ADEME, “Changement d’heure : quels impacts ?”, 23/10/2014, http://www.presse.ademe.fr/2014/10/les-impacts-du-changement-dheure.html .  
(12)    Preżentazzjoni ta’ Michael Wunnerlich, Bundesverband der Energie- und Wasserwirtschaft, fi “Is it Time to Revisit summertime, Public Hearing by the Committees JURI, ITRE and TRAN” fit-23/05/2015 fil-Parlament Ewropew.
(13)    Instituto para la Diversificación y Ahorro de la Energia, “La madrugada del domingo, 25 de octubre, finaliza la ‘Hora de Verano’”, Ottubru 2015, http://www.idae.es/index.Php/id.327/mod.noticias/mem.detalle
(14)    ICF International, The application of summertime in Europe: a report to the European Commission Directorate-General for Mobility and Transport (DG MOVE), Settembru 2014
(15)    SWD(2018) 406.
(16)    Il-Kummissjoni Ewropea, Introduction of summer time in the Community, COM(1975) 319, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?qid=1508082547523&uri=CELEX:51975DC0319
(17)    Fosthom ir-rapport tas-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew tal-2017.
(18)    Ara https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/sunset-sunrise-table.pdf għal iktar dettalji dwar il-ħinijiet ta’ tlugħ u nżul ix-xemx fil-bliet kapitali kollha tal-Ewropa, skont reġim ta’ ħin tas-sajf permanenti kontra reġim ta’ ħin standard (tax-xitwa) permanenti.
(19)    ICF International, The application of summertime in Europe: a report to the European Commission Directorate-General for Mobility and Transport (DG MOVE), Settembru 2014 .
(20)    ĠU C , , p. .
(21)    Id-Direttiva 2000/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar arranġamenti għall-ħin tas-sajf (ĠU L 31, 2.2.2001, p. 21).