Brussell, 14.9.2018

COM(2018) 626 final

2018/0327(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li jeħtieġ tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (l-OIV)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li jeħtieġ tittieħed f’isem l-Unjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV fit-23 ta’ Novembru 2018, b’rabta mal-adozzjoni prevista tar-riżoluzzjonijiet tal-OIV li jista’ jkollhom effetti legali fuq il-liġi tal-Unjoni.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Status partikolari tal-UE fl-OIV

Bħalissa, 46 Stat huma membri tal-OIV, fosthom 20 li huma Stati Membri tal-Unjoni. L-UE mhijiex membru tal-OIV. Madankollu, mill-20 ta’ Ottubru 2017, l-OIV tat lill-Unjoni l-istatus partikolari previst fl-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-OIV, li jippermettilha tintervjeni fil-ħidmiet tal-Kummissjonijiet, tas-Sottokummissjonijiet u tal-gruppi ta’ esperti u tattendi l-laqgħat tal-Assemblea Ġenerali u tal-Kumitat Eżekuttiv.

2.2.L-OIV

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (l-OIV) hija organizzazzjoni intergovernattiva xjentifika u teknika attiva fis-settur tad-dwieli, tal-inbid, tax-xorb abbażi tal-inbid, tal-għeneb tal-mejda, taż-żbib u ta’ prodotti oħra tad-dwieli. L-għanijiet tal-OIV huma li (i) tinforma dwar miżuri li permezz tagħhom jista’ jitqies it-tħassib tal-produtturi, tal-konsumaturi u ta’ partijiet oħra kkonċernati fis-settur tad-dwieli u tal-prodotti tal-inbid, (ii) tassisti lil organizzazzjonijiet internazzjonali oħra involuti f’attivitajiet ta’ standardizzazzjoni, u (iii) tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni internazzjonali ta’ prattiki u standards eżistenti.

2.3.L-att previst tal-OIV

L-Assemblea Ġenerali tal-OIV li jmiss se ssir fl-Urugwaj fit-23 ta’ Novembru 2018. F’dak il-kuntest u abbażi ta’ diskussjonijiet li saru fil-laqgħa tal-grupp ta’ esperti li saret f’April 2018 f’Pariġi, wieħed jista’ jistenna li r-riżoluzzjonijiet li ġejjin, li joħolqu effett legali fuq il-liġi tal-UE, se jkunu fuq l-aġenda tal-Assemblea Ġenerali għall-adozzjoni:

l-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet OENO-TECHNO 14-567B u 14-567C li jikklassifikaw is-sustanzi użati għall-produzzjoni tal-inbid bħala addittivi jew għajnuniet għall-ipproċessar. Skont l-Artikolu 80(3)(a) u l-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawn ir-Riżoluzzjonijiet se jkollhom effett legali fuq il-liġi tal-Unjoni;

l-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet OENO-SPECIF 15-573, 15-579, 16-603 u 16-604 li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet tal-purità u tal-identifikazzjoni tas-sustanzi użati fil-prattiki enoloġiċi. Dawn il-prattiki enoloġiċi ġew ippubblikati u rrakkomandati mill-OIV bil-kundizzjoni li jiġu adottati l-ispeċifikazzjonijiet tas-sustanzi użati (il-paragrafi 2.1.20 u 3.4.14 tal-Kodiċi Internazzjonali tal-Prattiki Enoloġiċi tal-OIV). Skont l-Artikolu 80(3)(a) u l-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 606/2009, dawn ir-Riżoluzzjonijiet se jkollhom effett legali fuq il-liġi tal-Unjoni;

l-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet OENO-SCMA 15-591A, 15-591B, 16-595, 16-597, 16-598, 16-599, 16-600, 16-606 u 17-623 li jistabbilixxu l-metodi tal-analiżi. Skont l-Artikolu 80(3)(a) u l-Artikolu 80(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawn ir-Riżoluzzjonijiet se jkollhom effett legali fuq il-liġi tal-Unjoni.

Bħal fl-imgħoddi, wieħed jista’ jistenna li l-aġenda tal-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tal-OIV se tibqa’ tevolvi u li mal-aġenda se jiżdiedu aktar riżoluzzjonijiet li joħolqu effetti legali fuq il-liġi tal-Unjoni. Sabiex tiżgura l-effiċjenza tal-ħidma tal-Assemblea Ġenerali filwaqt li tirrispetta r-regoli tat-Trattati, fiż-żmien dovut il-Kummissjoni se tissupplimenta jew temenda l-proposta attwali biex tippermetti lill-Kunsill jadotta l-pożizzjoni li jeħtieġ tittieħed ukoll b’rabta ma’ dawn ir-Riżoluzzjonijiet.

3.Pożizzjoni li jeħtieġ tittieħed f’isem l-Unjoni

L-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet li se jiġu sottomessi għall-votazzjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV li jmiss ġew diskussi b’mod estensiv mill-esperti xjentifiċi u tekniċi tas-settur tal-inbid. Dawn jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards tal-inbid u se jistabbilixxu qafas li se jiżgura kompetizzjoni ġusta fin-negozjar tal-prodotti tas-settur tal-inbid. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu appoġġati.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni hix membru tal-korp jew parti mill-ftehim jew le 1 .

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tal-liġi internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Dan jinkludi strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont il-liġi internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 2 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (l-OIV) hija organizzazzjoni intergovernattiva xjentifika u teknika attiva fis-settur tad-dwieli, tal-inbid, tax-xorb abbażi tal-inbid, tal-għeneb tal-mejda, taż-żbib u ta’ prodotti oħra tad-dwieli. L-għanijiet tal-OIV huma li (i) tinforma dwar miżuri li permezz tagħhom jista’ jitqies it-tħassib tal-produtturi, tal-konsumaturi u ta’ partijiet oħra kkonċernati fis-settur tad-dwieli u tal-prodotti tal-inbid, (ii) tassisti lil organizzazzjonijiet internazzjonali oħra involuti f’attivitajiet ta’ standardizzazzjoni, u (iii) tikkontribwixxi għall-armonizzazzjoni internazzjonali ta’ prattiki u standards eżistenti. Bħalissa, 46 Stat huma membri tal-OIV, fosthom 20 li huma Stati Membri tal-Unjoni. L-UE mhijiex membru tal-OIV. Madankollu, mill-20 ta’ Ottubru 2017, l-OIV tat lill-Unjoni l-istatus partikolari previst fl-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-OIV, li jippermettilha tintervjeni fil-ħidmiet tal-Kummissjonijiet, tas-Sottokummissjonijiet u tal-gruppi ta’ esperti u tattendi l-laqgħat tal-Assemblea Ġenerali u tal-Kumitat Eżekuttiv.

Fil-livell tal-UE, skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli 3 (ir-Regolament dwar l-OKS), ċerti riżoluzzjonijiet adottati u ppubblikati mill-OIV jaffettwaw il-liġi tal-UE.

Ir-Regolament dwar l-OKS jipprevedi referenzi għall-OIV fid-dispożizzjonijiet li ġejjin:

-fil-prattiki enoloġiċi adottati u ppubblikati mill-OIV li l-Kummissjoni trid tqis meta tawtorizza prattiki bħal dawn (l-Artikolu 80(3)(a) tar-Regolament dwar l-OKS);

- fl-istess prattiki enoloġiċi meta jintużaw, qabel l-awtorizzazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 80(3) tar-Regolament dwar l-OKS, għall-produzzjoni tal-inbejjed f’pajjiżi terzi (l-Artikolu 90(2) tar-Regolament dwar l-OKS);

-f’ċerti speċifikazzjonijiet tal-purità u tal-identifikazzjoni tas-sustanzi użati fil-prattiki enoloġiċi sabiex, f’din il-kwistjoni fl-UE, ir-regoli adottati u ppubblikati mill-OIV isiru jorbtu ipso facto (l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 tal-10 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tal-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli, il-prattiki enoloġiċi u r-restrizzjonijiet applikabbli 4 );

-f’ċerti metodi ta’ analiżi biex tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-prodotti tas-settur tal-inbid adottati u ppubblikati mill-OIV li l-Kummissjoni trid tibbaża fuqhom sakemm dawn ma jkunux ineffettivi jew mhux xierqa fid-dawl tal-għan mixtieq mill-Unjoni (l-Artikolu 80(5) tar-Regolament dwar l-OKS).

Bl-istess mod, skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2870/2000 tad-19 ta’ Diċembru 2000 li jistabbilixxi l-metodi Komunitarji ta’ referenza għall-analiżi tax-xorb spirituż 5 , ċerti riżoluzzjonijiet adottati u ppubblikati mill-OIV jaffettwaw il-liġi tal-UE. L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2870/2000 jipprevedi referenza għar-riżoluzzjonijiet tal-OIV meta l-metodi analitiċi ta’ referenza tal-Komunità ma jkunux stabbiliti għall-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni tas-sustanzi li jkunu f’xarba spirituża partikolari.

Fl-aħħar nett, l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, it-tikkettar u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-prodotti tal-inbid aromatizzat 6 jipprevedi wkoll referenzi għall-OIV. Skont din id-dispożizzjoni, sabiex tistabbilixxi l-proċessi tal-produzzjoni awtorizzati, il-Kummissjoni trid tqis il-proċessi tal-produzzjoni rrakkomandati u ppubblikati mill-OIV u trid tadotta l-metodi tal-analiżi bbażati fuq kwalunkwe metodu rilevanti rrakkomandat u ppubblikat mill-OIV, sakemm dawn ma jkunux ineffikaċi jew mhux xierqa fid-dawl tal-għan mixtieq.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-għan u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement wieħed inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-att previst għandu għanijiet u komponenti fil-qasam tal-agrikoltura. Dawn l-elementi tal-att previst huma marbuta b’mod inseparabbli ma’ xulxin u l-ebda wieħed minnhom ma hu inċidentali għall-ieħor.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hi magħmula mill-Artikolu 43 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 43 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Mhux applikabbli

2018/0327 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li jeħtieġ tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (l-OIV)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Waqt l-Assemblea Ġenerali li jmiss tagħha, li se ssir fit-23 ta’ Novembru 2018, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (l-OIV) se teżamina u possibbilment tadotta riżoluzzjonijiet li se jaffettwaw il-liġi tal-Unjoni. L-Unjoni mhijiex membru tal-OIV. Madankollu, fl-20 ta’ Ottubru 2017, l-OIV tat lill-Unjoni l-istatus partikolari previst fl-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-OIV.

(2)20 Stat Membru huma membri tal-OIV. Dawk l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà jipproponu emendi għall-abbozzi tar-riżoluzzjonijiet tal-OIV u se jintalbu jadottaw uħud mill-abbozzi tar-riżoluzzjonijiet tal-OIV waqt l-Assemblea Ġenerali tal-OIV li jmiss li se ssir fit-23 ta’ Novembru 2018.

(3)Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward ta’ dawk il-kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħha jenħtieġ li tiġi adottata mill-Kunsill u li tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-OIV waqt il-laqgħat tal-OIV, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

(4)Skont ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 8 , ċerti riżoluzzjonijiet adottati u ppubblikati mill-OIV jaffettwaw il-liġi tal-Unjoni.

(5)L-Artikolu 80(3)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li, meta tawtorizza l-prattiki enoloġiċi, il-Kummissjoni jeħtieġ tqis il-prattiki enoloġiċi u l-metodi ta’ analiżi rrakkomandati u ppubblikati mill-OIV.

(6)L-Artikolu 80(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li, meta tistabbilixxi l-metodi ta’ analiżi sabiex tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-prodotti tas-settur tal-inbid, il-Kummissjoni jeħtieġ tibbaża dawk il-metodi fuq kwalunkwe metodu rilevanti rrakkomandat u ppubblikat mill-OIV, sakemm dawn il-metodi ma jkunux ineffettivi jew mhux xierqa fid-dawl tal-għan mixtieq mill-Unjoni.

(7)L-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jipprevedi li l-prodotti tas-settur tal-inbid importati fl-Unjoni jeħtieġ ikunu magħmulin skont prattiki enoloġiċi awtorizzati mill-Unjoni f’konformità ma’ dak ir-Regolament jew, qabel dik l-awtorizzazzjoni, magħmulin skont prattiki enoloġiċi rrakkomandati u ppubblikati mill-OIV.

(8)L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 606/2009 jipprevedi li l-ispeċifikazzjonijiet tal-purità u tal-identifikazzjoni tas-sustanzi użati fil-prattiki enoloġiċi jeħtieġ ikunu dawk stabbiliti u ppubblikati mill-OIV, meta dawn ma jkunux stabbiliti mill-Kummissjoni.

(9)L-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet OENO-TECHNO 14-567B1, 14-567B2 u 14-567C jikklassifikaw is-sustanzi użati għall-produzzjoni tal-inbid bħala addittivi jew għajnuniet għall-ipproċessar. Skont l-Artikolu 80(3)(a) u l-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawn ir-Riżoluzzjonijiet se jkollhom effett legali fuq il-liġi tal-Unjoni.

(10)L-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet OENO-SPECIF 15-573, 15-579, 16-603 u 16-604 jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet tal-purità u tal-identifikazzjoni tas-sustanzi użati fil-prattiki enoloġiċi. Dawn il-prattiki enoloġiċi ġew ippubblikati u rrakkomandati mill-OIV bil-kundizzjoni li jiġu adottati l-ispeċifikazzjonijiet tas-sustanzi użati (il-paragrafi 2.1.20 u 3.4.14 tal-Kodiċi Internazzjonali tal-Prattiki Enoloġiċi tal-OIV). Skont l-Artikolu 80(3)(a) u l-Artikolu 90(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 606/2009, dawn ir-Riżoluzzjonijiet se jkollhom effett legali fuq il-liġi tal-Unjoni.

(11)L-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet OENO-SCMA 15-591A, 15-591B, 16-595, 16-597, 16-598, 16-599, 16-600, 16-606 u 17-623 jistabbilixxu l-metodi tal-analiżi. Skont l-Artikolu 80(3)(a) u l-Artikolu 80(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, dawn ir-Riżoluzzjonijiet se jkollhom effett legali fuq il-liġi tal-Unjoni.

(12)Dawn l-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet ġew diskussi b’mod estensiv mill-esperti xjentifiċi u tekniċi tas-settur tal-inbid. Dawn jikkontribwixxu għall-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards tal-inbid u se jistabbilixxu qafas li se jiżgura kompetizzjoni ġusta fin-negozjar tal-prodotti tas-settur tal-inbid. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu appoġġati.

(13)Sabiex ikun hemm il-flessibbiltà meħtieġa matul in-negozjati qabel il-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tal-OIV, l-Istati Membri li huma membri tal-OIV jenħtieġ li jkunu awtorizzati jaqblu ma’ bidliet f’dawn ir-Riżoluzzjonijiet sakemm dawn il-bidliet ma jbiddlux is-sustanza tagħhom,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li jeħtieġ tiġi adottata f’isem l-Unjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV fit-23 ta’ Novembru 2018 hija stipulata fl-Anness u għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma membri tal-OIV, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 2

1.Meta l-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 x’aktarx tkun se tiġi affettwata minn informazzjoni xjentifika jew teknika ġdida li tkun ippreżentata qabel il-laqgħat tal-OIV jew matulhom, l-Istati Membri li huma membri tal-OIV għandhom jitolbu li l-votazzjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OIV tiġi posposta sa ma l-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi stabbilita abbażi tal-elementi l-ġodda.

2.Wara l-koordinazzjoni, b’mod partikolari fuq il-post, u mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri li huma membri tal-OIV, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, jistgħu jaqblu ma’ bidliet fl-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet imsemmijin fl-Anness li ma jbiddlux is-sustanza tagħhom.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-kawża C-399/12, Il-Ġermanja vs. Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafu 64.
(2)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-kawża C-399/12, Il-Ġermanja vs. Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(3)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(4)    ĠU L 193, 24.7.2009, p. 1.
(5)    ĠU L 333, 29.12.2000, p. 20.
(6)    ĠU L 84, 20.3.2014, p. 14.
(7)    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
(8)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 606/2009 tal-10 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2008 fir-rigward tal-kategoriji tal-prodotti tad-dwieli, il-prattiki enoloġiċi u r-restrizzjonijiet applikabbli (ĠU L 193, 24.7.2009, p. 1).

Brussell, 14.9.2018

COM(2018) 626 final

ANNESS

ta'

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li jeħtieġ tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tad-Dielja u l-Inbid (l-OIV)


ANNESS

L-Istati Membri, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni, għandhom jappoġġaw biss, u soġġett għal kwalunkwe eżami futur abbażi ta’ żviluppi ġodda, l-abbozzi tar-Riżoluzzjonijiet li ġejjin fl-istadju 7 fir-rigward tal-prattiki enoloġiċi, tal-ispeċifikazzjonijiet tal-purità u tal-identifikazzjoni tas-sustanzi użati fil-prattiki enoloġiċi u tal-metodi ta’ analiżi sabiex tiġi ddeterminata l-kompożizzjoni tal-prodotti tas-settur tal-inbid.

Nru

Referenza tar-Riżoluzzjoni

Titolu

1

OENO-TECHNO 14-567B

Distinzjoni bejn l-addittivi u l-għajnuniet għall-ipproċessar – il-Parti 2 (Glutatijon, CO2)

2

OENO-TECHNO 14-567C

Distinzjoni bejn l-addittivi u l-għajnuniet għall-ipproċessar - il-Parti 3 (Tannini)

3

OENO-SPECIF 15-573

Determinazzjoni tal-attività emiċellulażi fil-preparazzjonijiet enzimatiċi

4

OENO-SPECIF 16-603

Monografija dwar il-ħmira inattivata b’livelli garantiti ta’ glutatijon

5

OENO-SPECIF 16-604

Reviżjoni tar-Riżoluzzjoni OENO 7/2007 dwar il-karbonju enoloġiku

6

OENO-SPECIF 15-579

Monografija dwar il-karbonat tal-potassju

7

OENO-SCMA 15-591A

Diossidu tal-kubrit ħieles – aġġornament tal-metodu OIV-MA-AS323-04A

8

OENO-SCMA 15-591B

Diossidu tal-kubrit totali – aġġornament tal-metodu OIV-MA-AS323-04A

9

OENO-SCMA 16-595

Determinazzjoni tal-etanal totali fl-inbejjed permezz tal-kromatografija likwida bi prestazzjoni għolja

10

OENO-SCMA 16-597

Modifika tal-metodu għad-determinazzjoni tal-aċidità totali fil-ħall

11

OENO-SCMA 16-598

Determinazzjoni tal-aċidu L-lattiku fl-inbejjed u fil-mosti

12

OENO-SCMA 16-599

Determinazzjoni tal-aċidu L-maliku fl-inbejjed u fil-mosti

13

OENO-SCMA 16-600

Determinazzjoni tad-D-glukożju u tad-D-fruttożju fl-inbejjed u fil-mosti

14

OENO-SCMA 16-606

Validazzjoni tal-analiżi tal-komposti volatili tal-inbejjed permezz tal-kromatografija b’fażi gassuża (ir-Riżoluzzjoni OENO-SCMA 14-553)

15

OENO-SCMA 16-623

Determinazzjoni tat-2, 4, 6-trikloroanisol li jista’ jiġi rilaxxat fl-inbejjed permezz tat-tappijiet tas-sufra