Brussell, 10.9.2018

COM(2018) 621 final

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara
applikazzjoni mill-Portugall - EGF/2018/002 PT/Norte — Centro — Lisboa għall-ilbies
x0009


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 1 (ir-“Regolament dwar il-FEG”).

2.Fl-24 ta’ April 2018, il-Portugall ressaq l-applikazzjoni EGF/2018/002 PT/Norte — Centro — Lisboa tal-ilbies għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara sensji 2 fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 14 (Manifattura tal-ilbies) fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 ta’ Norte (PT11), ta’ Centro (PT16) u ta’ Lisboa (PT17) fil-Portugall.

3.F’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha tar-Regolament dwar il-FEG, wara l-valutazzjoni tagħha ta’ din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG huma ssodisfati.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI

Applikazzjoni tal-FEG

EGF/2018/002 PT/Norte — Centro — Lisboa tal-ilbies

Stat Membru

Il-Portugall

Reġjun(i) kkonċernat(i) (livell NUTS 3 2)

Norte (PT11), Centro (PT16) u Lisboa (PT17)

Data tal-tressiq tal-applikazzjoni

l-24 ta' April 2018

Data tal-konferma tal-wasla tal-applikazzjoni

l-24 ta' April 2018

Data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali

  it-8 ta' Mejju 2018

Skadenza għall-forniment tal-informazzjoni addizzjonali

id-19 ta' Ġunju 2018

Skadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni

il-11 ta' Settembru 2018

Kriterju ta’ intervent

L-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG


Għadd ta’ intrapriżi kkonċernati

2

Settur(i) ta’ attività ekonomika

(Diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2) 4

Diviżjoni 14 — Manifattura tal-ilbies

Perjodu referenzjarju (disa’ xhur):

l-1 ta’ Mejju 2017 - l-1 ta’ Frar 2018

Għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza (a)

1 161

Għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli

1 161

Għadd totali ta’ benefiċjarji fil-mira

   730

Għadd ta’ żgħażagħ fil-mira li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs)

   730

Baġit għal servizzi personalizzati (EUR)

7 742 160

Baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG 5 (EUR)

     17 646

Baġit totali (EUR)

7 759 806

Kontribuzzjoni tal-FEG (60 %) (EUR)

4 655 883

VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI

Proċedura

4.Fl-24 ta’ April 2018, il-Portugall ressaq l-applikazzjoni EGF/2018/002 fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-FEG. Il-Kummissjoni kkonfermat il-wasla tal-applikazzjoni fl-istess data u fit-8 ta’ Mejju 2018 talbet informazzjoni addizzjonali mill-Portugall. Din l-informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien sitt ġimgħat mid-data tat-talba. L-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni kompluta, li fihom il-Kummissjoni jenħtieġ li tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, tiskadi fil-11 ta’ Settembru 2018.

Eliġibbiltà tal-applikazzjoni

Intrapriżi u benefiċjarji kkonċernati

5.L-applikazzjoni tikkonċerna 1 161 ħaddiem li ngħataw is-sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 14 NACE Reviżjoni 2 (Manifattura tal-ilbies). Is-sensji seħħew fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 ta’ Norte (PT11), ta’ Centro (PT16) u ta’ Lisboa (PT17).

Intrapriżi u għadd ta’ sensji fil-perjodu referenzjarju

Ricon Group

709

Têxtil Gramax Internacional

452



Għadd totali ta’ intrapriżi: 2

Għadd totali ta’ sensji: 

1 161

Għadd totali ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li waqqfu l-attività tagħhom: 

       0

Għadd totali ta’ ħaddiema u ta’ persuni li jaħdmu għal rashom li huma eliġibbli:

1 161

Kriterji ta’ intervent

6.Il-Portugall ressaq l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG, li jeħtieġ li mill-inqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja tul perjodu referenzjarju ta’ disa’ xhur f’intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku ddefinit fil-livell ta’ diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2, u li jkunu jinsabu f’reġjun wieħed jew f’żewġ reġjuni kontigwi, jew f’iktar minn żewġ reġjuni kontigwi ddefiniti fil-livell NUTS 2, dment li jkun hemm iktar minn 500 ħaddiem milquta fi tnejn mir-reġjuni kollha flimkien fi Stat Membru. Kien hemm 1 161 sensja b’kollox, imqassma f’reġjuni tal-livell NUTS 2 kif ġej: 609 sensja f’Norte (PT11), 17 f’Centro (PT16) u 535 f’Lisboa (PT17).

7.Il-perjodu referenzjarju ta’ disa’ xhur għall-applikazzjoni huwa validu mill-1 ta’ Mejju 2017 sal-1 ta’ Frar 2018.

Kalkolu tas-sensji u ta’ waqfien mill-attività

8.Is-sensji kollha ġew ikkalkolati mid-data tat-terminazzjoni de facto tal-kuntratt tal-impjieg jew mal-iskadenza tiegħu.

Benefiċjarji eliġibbli

9.L-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa 1 161.

Rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni

10.Sabiex tiġi stabbilita rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni, il-Portugall jargumenta li s-settur tal-ilbies għadda minn taqlib ekonomiku serju, b’mod partikolari tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-UE, wara tmiem il-Ftehim dwar il-Multifibra 6 fl-2004.

Importazzjonijiet u esportazzjonijiet ta’ ħwejjeġ fl-EU28 (f’miljuni ta’ Euro)

2004

2005

2006

2007

2008

2009

2010

IMPORTAZZJONIJIET

49 674,5

54 379,5

61 409,9

64 479,0

65 990,0

63 735,6

71 169,7

ESPORTAZZJONIJIET

14 929,5

15 684,1

17 095,7

18 368,8

19 159,5

16 218,6

17 346,2

2011

2012

2013

2014

2015

2016

IMPORTAZZJONIJIET

77 866,3

75 008,4

74 830,4

82 016,8

90 256,8

91 002,5

ESPORTAZZJONIJIET

20 555,7

22 857,5

23 888,9

24 990,4

25 944,7

26 149,1

11.Mill-2004 sal-2016, l-importazzjonijiet fl-EU28 żdiedu bi 83,19 %. Matul l-istess perjodu, l-esportazzjonijiet mill-EU28 żdiedu wkoll, għalkemm fuq skala iżgħar. L-esportazzjonijiet tal-ħwejjeġ żdiedu b’75,15 % fl-2016 meta mqabbla mal-2004. B’konsegwenza ta’ dan, il-bilanċ kummerċjali baqa’ f’defiċit.

12.Bħalissa, iċ-Ċina hija l-akbar fornitur tal-UE b’żieda ta’ 108 % tal-esportazzjonijiet tagħha lejn l-EU28 bejn l-2008 u l-2016, u warajha l-Bangladesh u t-Turkija 7 .

13.Sal-lum, is-settur tal-manifattura tal-ilbies għadu s-suġġett ta’ sitt applikazzjonijiet tal-FEG, li erbgħa minnhom kienu bbażati fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ u tnejn fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali 8 .

Avvenimenti li jikkawżaw is-sensji u l-waqfien mill-attività

14.Iż-żieda fl-importazzjonijiet lejn l-UE għamlet pressjoni biex jonqsu l-prezzijiet u dan ħalla effett negattiv fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-intrapriżi fis-settur tat-tessuti fl-UE u kkawża tendenza ġenerali fl-industrija tat-tessuti u l-ħwejjeġ biex il-produzzjoni tinħareġ lejn pajjiżi b’anqas spejjeż barra mill-UE, bħaċ-Ċina u diversi pajjiżi Asjatiċi 9 . Fil-Portugall, fir-reġjuni ta’ Norte, ta’ Centro u ta’ Lisboa, dan irriżulta fi tnaqqis kostanti fl-għadd ta’ ħaddiema fis-settur tal-ilbies (minn 130 000 fl-2005 għal 90 000 fl-2016) 10 .

Impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija u l-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

15.Fl-2017, ir-rata tal-qgħad fiż-żewġ reġjuni ta’ Norte u Lisboa (9,5 %) kienet ogħla mill-medja nazzjonali (8,9 %) u minħabba s-sensji qawwija li ngħataw fis-settur ekonomiku tal-ilbies din is-sitwazzjoni se tkompli sejra għall-agħar 11 .

16.Ir-rata tal-qgħad fis-settur tal-ilbies fid-distretti fejn seħħew is-sensji hija ogħla minn dik fir-reġjuni — Norte, Centro u Lisboa — li jappartjenu għalihom 12 .

REĠJUN

2017

NORTE

6,88

Penafiel

7,13

CENTRO

4,66

Coimbra

5,60

LISBOA

5,18

Lisboa (id-distrett)

7,39

Għalhekk is-sensji kellhom impatt negattiv sinifikanti fuq is-sitwazzjoni eżistenti tas-swieq tax-xogħol lokali 13 .

17.Aktar minn 20 % tal-ħaddiema fil-mira għandhom aktar minn 55 sena u 88 % huma nisa.

18.L-impatt mistenni tas-sensji huwa marbut mad-diffikultajiet biex ħaddiema b’ħiliet baxxi jkunu jistgħu jsibu impjieg ġdid. Il-ħaddiema li ngħataw is-sensja fil-biċċa l-kbira tagħhom huma b’ħiliet baxxi (78 % ma għandhomx edukazzjoni sekondarja għolja). Id-data fir-rigward tal-perjodu bejn l-2014 u l-2017 turi li r-rata tal-qgħad ta’ persuni b’livell ta’ edukazzjoni ogħla hija dejjem iktar baxxa mir-rata tal-qgħad totali (pereżempju 6,5% kontra 8,9 % fl-2017). Min-naħa l-oħra, ir-rata tal-qgħad ta’ persuni b’inqas jew bl-ebda livell ta’ edukazzjoni hija normalment ogħla mir-rata tal-qgħad nazzjonali (bil-livelli edukattivi kollha inklużi).

Ir-rata tal-qgħad skont il-livell tal-edukazzjoni 14

L-ebda livell edukattiv

Primarju

Sekondarju

Post sekondarju

Terzjarju

Total

2017

11,1 %

9,5 %

9,9 %

6,5 %

8,9 %

2016

13,1 %

11,8 %

12,2 %

8,4 %

11,1 %

2015

13,2 %

13,3 %

13,9 %

9,2 %

12,4 %

2014

13,9 %

15 %

15,3 %

10 %

13,9 %

Benefiċjarji fil-mira u azzjonijiet proposti

Benefiċjarji fil-mira

19.Huwa stmat li 730 ħaddiem li ngħataw is-sensja huma mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri. It-tqassim ta’ dawn il-ħaddiema skont is-sess, iċ-ċittadinanza u l-grupp ta’ età huwa kif ġej:

Kategorija

Għadd ta’
benefiċjarji fil-mira

Sess:

Irġiel:

83

(11,37 %)

Nisa:

 647

(88,63 %)

Ċittadinanza:

Ċittadini tal-UE:

730

(100,00 %)

Ċittadini mhux tal-UE:

 0

(0,00 %)

Grupp ta’ età:

15-24 sena:

 12

(1,64 %)

25-29 sena:

 21

(2,88 %)

30-54 sena:

547

(74,93 %)

55-64 sena:

 150

(20,55 %)

aktar minn 64 sena:

 0

(0,00 %)

20.Barra minn hekk, il-Portugall se jipprovdi servizzi personalizzati kkofinanzjati mill-FEG lil massimu ta’ 730 żagħżugħ/a barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) taħt l-età ta’ 30 sena fid-data ta’ tressiq tal-applikazzjoni, peress li 1 161 mis-sensji msemmija fil-paragrafu 9 jseħħu fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 ta’ Norte (PT11), Centro (PT16) u Lisboa (PT17) li kellhom rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għal żgħażagħ ta’ bejn il-15 u l-24 sena ta’ mill-inqas 20 % bbażata fuq id-data annwali disponibbli għall-2017.

21.Għalhekk, l-għadd totali stmat ta’ benefiċjarji fil-mira li huma mistennija jieħdu sehem fil-miżuri, inklużi n-NEETs, huwa ta’ 1 460.

Eliġibbiltà tal-azzjonijiet proposti

22.Is-servizzi personalizzati li jridu jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja huma dawn l-azzjonijiet li ġejjin:

Taħriġ u taħriġ mill-ġdid. Dan jinkludi traineeships, taħriġ vokazzjonali u kontinwu u pjanijiet ta’ integrazzjoni indirizzati lil ħaddiema u lin-NEETs. L-attivitajiet tfasslu biex jaqblu f’dak li joffru mad-domanda tas-suq tax-xogħol u biex jgħinu lill-parteċipanti jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom.

Promozzjoni tal-intraprenditorija. Din il-miżura se tipprovdi lill-parteċipanti b’għotja biex jippromwovu l-impjieg indipendenti flimkien ma’ taħriġ imprenditorjali u l-possibbiltà li jissieħbu ma’ Startup Incubation appoġġata mis-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi Portugiż (IEFP).

Allokazzjonijiet Dawn jinkludu: 1) allokazzjonijiet għat-taħriġ biex ikopru l-ispejjeż imġarrba waqt it-taħriġ mill-persuni li qed ifittxu x-xogħol jew in-NEETs; 2) allokazzjonijiet għall-mobbiltà biex jikkumpensaw għall-ivvjaġġar mill-post ta’ residenza lejn u minn attivitajiet ta’ taħriġ rispettivi; 3) allokazzjonijiet għall-ikel biex jgħinu jkopru l-ispejjeż lill-parteċipanti meta jkollhom jieklu barra.

23.L-azzjonijiet proposti, deskritti hawnhekk, huma miżuri attivi tas-suq tax-xogħol skont l-azzjonijiet eliġibbli stipulati fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jissostitwux miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali.

24.Il-Portugall ipprovda l-informazzjoni meħtieġa dwar l-azzjonijiet li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata b’konformità mal-liġi nazzjonali jew skont ftehimiet kollettivi. Ikkonferma li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhijiex se tissostitwixxi dawn l-azzjonijiet.

Baġit stmat

25.L-ispejjeż totali stmati huma EUR 7 759 806, li jinkludu n-nefqa għal servizzi personalizzati ta’ EUR 7 742 160, u n-nefqa għal attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar ta’ EUR 17 646.

26.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mingħand il-FEG hija ta’ EUR 4 655 883 (60 % tal-ispejjeż totali).

Azzjonijiet

Għadd stmat ta’ parteċipanti

Stima tal-ispejjeż għal kull parteċipant
(f’EUR) *

Spejjeż totali stmati

(f’EUR) **

Servizzi personalizzati (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(a) u (c) tar-Regolament dwar il-FEG)

Taħriġ u taħriġ mill-ġdid (Estágios Profissionais/Cursos de Formação Profissional/Plano de Integração)

1 571***

3 147 

4 943 633 

Promozzjoni tal-intraprenditorija (Bolsa de criação de emprego por conta própria/Formação em empreendedorismo/Possibilidade de integração do Ninho de Empresas do IEFP)

30

15 000 

450 000 

Subtotal (a):

Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati

5 393 633 

(69,67%)

Allokazzjonijiet u inċentivi (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG)

Allowances għat-taħriġ, il-mobbiltà u l-ikel (Bolsa de formação, transporte e alimentação) 

861

2 728 

2 348 527

Subtotal (b):

Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati:

2 348 527 

(30,33 %)

Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament dwar il-FEG

1. Attivitajiet ta’ tħejjija

0,00

2. Ġestjoni

15 236 

3. Informazzjoni u pubbliċità

0,00

4. Kontroll u rapportar

2 410 

Subtotal (c):

Perċentwal tal-ispejjeż totali:

17 646 

(0,23 %)

Spejjeż totali (a + b + c):

7 759 806 

Kontribuzzjoni tal-FEG (60 % tal-ispejjeż totali)

4 655 883 

   * Biex jiġu evitati d-deċimali, l-istimi tal-ispejjeż għal kull ħaddiem tqarrbu għall-eqreb numru sħiħ. Madankollu it-tqarrib ma għandu l-ebda impatt fuq l-ispiża totali ta’ kull miżura li jibqa’ bħal fl-applikazzjoni mressqa mill-Portugall.

** It-totali ma jaqblux minħabba t-tqarrib taċ-ċifri.

*** L-għadd ta’ parteċipanti huwa ogħla min-numru totali stmat ta’ benefiċjarji fil-mira, billi xi parteċipanti jieħdu sehem f’aktar minn attività waħda ta’ taħriġ.

27.L-ispejjeż tal-azzjonijiet identifikati fit-tabella ta’ hawn fuq bħala azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG ma jaqbżux il-35 % tal-ispejjeż totali tal-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati. Il-Portugall ikkonferma li dawn l-azzjonijiet huma soġġetti għall-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fit-tfittix ta’ impjieg jew l-attivitajiet ta’ taħriġ.

28.Il-Portugall ikkonferma li l-ispejjeż tal-investimenti għall-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, għall-istart-ups u għall-akkwiżizzjoni tal-impjegati mhumiex se jaqbżu l-EUR 15 000 għal kull benefiċjarju.

Perjodu ta’ eliġibbiltà tal-infiq

29.Il-Portugall beda jipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta’ Ġunju 2018. Għalhekk, mill-1 ta’ Ġunju 2018 sal-1 ta’ Ġunju 2020, in-nefqa fuq l-azzjonijiet se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.

30.Il-Portugall beda jakkumula n-nefqa amministrattiva sabiex jimplimenta l-FEG fl-1 ta’ Ġunju 2018. Għaldaqstant, in-nefqa għal attivitajiet ta’ tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Ġunju 2018 sal-1 ta’ Diċembru 2020.

Komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni

31.Is-sors ta’ prefinanzjament jew kofinanzjament nazzjonali huwa s-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi Portugiż (IEFP).

32.Il-Portugall ikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se jirċievu wkoll kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni.

Proċeduri għall-konsultazzjoni mal-benefiċjarji fil-mira, mar-rappreżentanti tagħhom, mas-sħab soċjali jew mal-awtoritajiet lokali u reġjonali

33.Il-Portugall indika li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal b’konsultazzjoni ma’ grupp ta’ ħidma, li kien jinkludi s-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi, ir-rappreżentanti tat-trejdjunjins, l-Istitut tas-Sigurtà Soċjali u l-Awtorità għall-Kundizzjonijiet tax-Xogħol.

Sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

34.L-applikazzjoni tinkludi deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. Il-Portugall innotifika lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tiġi ġestita u kkontrollata mill-istess korpi li huma responsabbli għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE).

Impenji mogħtija mill-Istat Membru kkonċernat

35.Il-Portugall ipprovda l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom, se jiġu rispettati l-prinċipji tal-ugwaljanza fit-trattament u tan-nondiskriminazzjoni,

ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u dik tal-UE rigward sensji kollettivi se jkunu ġew issodisfati,

l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, u se jiġi evitat kwalunkwe finanzjament doppju,

l-azzjonijiet proposti se jikkumplimentaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tikkonforma mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Proposta baġitarja

36.Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 15 .

37.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament dwar il-FEG, u wara li qieset l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira, l-azzjonijiet proposti u l-istima tal-ispejjeż, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-FEG għall-ammont ta’ EUR 4 655 883, li jirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali tal-azzjonijiet proposti, sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.

38.Id-deċiżjoni proposta biex jiġi mmobilizzat il-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stabbilit fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 16 .

Atti relatati

39.Fl-istess ħin li tressaq din il-proposta għal deċiżjoni sabiex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, proposta għal trasferiment tal-ammont ta’ EUR 4 655 883 lejn il-linja baġitarja rilevanti.

40.Fl-istess ħin li tadotta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tadotta deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni li se jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw id-deċiżjoni proposta biex jiġi mmobilizzat il-FEG.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara
applikazzjoni mill-Portugall - EGF/2018/002 PT/Norte — Centro — Lisboa għall-ilbies
   

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 17 , u b’mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 18 , u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG) għandu l-iskop li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li jaħdmu għal rashom u li kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jassistihom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)Il-FEG ma jridx jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 19 .

(3)Fl-24 ta’ April 2018, il-Portugall ressaq applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward ta' sensji fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt il-klassifikazzjoni Statistika ta’ attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (“NACE”) Reviżjoni 2 Diviżjoni 14 (Manifattura tal-ilbies) fin-Nomenklatura ta' Unitajiet Territorjali għall-Istatistika (“NUTS”) 20 livell 2 ir-reġjuni ta’ Norte (PT11), ta’ Centro (PT16) u ta’ Lisboa (PT17), fil-Portugall. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, il-Portugall iddeċida li jipprovdi servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG lil 730 żagħżugħ/a li jinsabu barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ (NEETs) ukoll.

(5)Għaldaqstant, il-FEG jenħtieġ li jiġi mmobilizzat sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 4 655 883 għall-applikazzjoni mressqa mill-Portugall.

(6)Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista' jkun, din id-deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 4 655 883 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li fih tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Hija għandha tapplika minn [the date of its adoption]*.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2)    Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament dwar il-FEG.
(3)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta’ Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).
(4)    ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.
(5)    B’konformità mar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
(6)    Il-Ftehim dwar il-Multifibra daħal fis-seħħ fl-1974 u skada fl-2004.     https://www.odi.org/sites/odi.org.uk/files/odi-assets/publications-opinion-files/6604.pdf https://www.wto.org/english/tratop_e/texti_e/texintro_e.htm#MFA
(7)    Bejn l-2008 u l-2016, l-importazzjonijiet mill-Bangladesh u t-Turkija żdiedu b’314 % u 119 %, rispettivament. http://epp.eurostat.ec.europa.eu/newxtweb/
(8)    Ibbażati fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ: EGF/2018/002 PT (proposta attwali għal deċiżjoni), kif ukoll, EGF/2007/008 MT/Textiles, COM(2008) 94, EGF/2010/003 ES/Galicia textile, COM (2010) 437 u EGF/2017/006 ES/Galicia apparel, COM (2017) 686. Ibbażati fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali: EGF/2009/018 LT/Wearing apparel, COM(2010) 56 u EGF/2010/014 SI Mura, COM(2010) 582.
(9)    Sors: Cointega, raggruppament tat-tessuti tal-moda ta’ Galicia (www.cointega.com).
(10)     http://epp.eurostat.ec.europa.eu/newxtweb/-EUROSTAT : L-istatistika strutturali kummerċjali (sbs) L-istatistika dettaljata annwali tal-intrapriżi
(11)     https://www.ine.pt/xportal/xmain?xpid=INE&xpgid=ine_indicadores&indOcorrCod=0006186&contexto=bd&selTab=tab2
(12)    IEFP, IP - Direção de Serviços de Estudos, Planeamento e Controlo de Gestão     https://www.iefp.pt/documents/10181/6814977/SIE+-+Desemprego+registado+por+concelhos+dezembro+2017.pdf/ab672c06-ce47-42c4-af0a-8d4c1ac62003 https://www.ine.pt/xportal/xmain?xpid=INE&xpgid=ine_indicadores&indOcorrCod=0008273&contexto=bd&selTab=tab2
(13)     https://www.iefp.pt/documents/10181/7971477/Informa%C3%A7%C3%A3o+Mensal+janeiro+2018.pdf/bea9ab6a-899c-4e92-a63b-5f2d12b5d259     https://www.iefp.pt/documents/10181/6817457/Informa%C3%A7%C3%A3o+Mensal+dezembro+2017.pdf/31a5727c-fd90-47f0-8e7c-8fc087d5e18b https://www.iefp.pt/documents/10181/5565497/Informa%C3%A7%C3%A3o+Mensal+dezembro+2016.pdf/663d49b3-2cbe-4869-9f7c-4856af399891 https://www.iefp.pt/documents/10181/3943898/Informa%C3%A7%C3%A3o+Mensal+dezembro+2015.pdf/ff648dba-07db-4853-aced-ae4a44ceed61
(14)     https://www.pordata.pt/Portugal/Taxa+de+desemprego+total+e+por+n%C3%ADvel+de+escolaridade+completo+(percentagem)-1009
(15)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(16)    ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(17)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(18)    ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(19)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
(20)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta’ Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).