Brussell, 3.9.2018

COM(2018) 607 final

2018/0317(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Arranġament mar-Renju tan-Norveġja, mar-Repubblika tal-Iżlanda, mal-Konfederazzjoni Svizzera u mal-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar il-parteċipazzjoni ta’ dawk l-Istati fl-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operazzjonali tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 stabbilixxa l-Aġenzija Ewropea għall-ġestjoni operattiva ta’ sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja 1 , li b’mod komuni jissejħu eu-LISA, sabiex tkun żgurata t-tmexxija operazzjonali tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II), is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-VISA (VIS) u l-Eurodac u potenzjalment tat-tħejjija, l-iżvilupp u t-tmexxija operazzjonali ta’ sistemi oħra tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, biss jekk dan ikun previst mill-istrumenti leġiżlattivi rilevanti, abbażi tal-Artikoli 67 sa 89 tat-TFUE. L-appoġġ tekniku għal kanal separat ta’ trażmissjoni elettronika sigura magħruf bħala DubliNet, stabbilit skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għall-ażil jużaw għall-iskambju tal-informazzjoni dwar l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, ġie trasferit mill-Kummissjoni lill-eu-LISA permezz ta’ ftehim fil-livell tas-servizzi fil-31 ta’ Lulju 2014. Wara d-dħul fis-seħħ fid-29 ta’ Diċembru 2017 tar-Regolament (UE) 2017/2226 2 , l-Aġenzija saret responsabbli għall-iżvilupp u t-tmexxija operazzjonali tas-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (Entry/Exit System, EES). L-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 1077/2011 jistipula li “Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni tagħhom, għandhom isiru arranġamenti sabiex, fost l-oħrajn, jiġu speċifikati n-natura u l-ambitu tar-regoli dettaljati, għall-parteċipazzjoni mill-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen u miżuri relatati mal-Eurodac fil-ħidma tal-Aġenzija, inklużi dispożizzjonijiet dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji, il-persunal u d-drittijiet għall-vot.” Il-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 37 huma l-Iżlanda, in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, li minn hawn ‘il quddiem issir referenza għalihom bħala l-“pajjiżi assoċjati”.

Il-parteċipazzjoni ta’ pajjiżi assoċjati fil-ħidma tal-Aġenzija huwa pass neċessarju meta titqies l-assoċjazzjoni tagħhom mal-acquis ta’ Schengen u ma’ miżuri relatati ma’ Dublin u mal-Eurodac u l-parteċipazzjoni tagħhom f’sistemi tal-IT fuq skala kbira mħaddma mill-Aġenzija. Fuq dik il-bażi, fid-29 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni ppreżentat rakkomandazzjoni lill-Kunsill biex jawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati dwar arranġament bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa, u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, min-naħa l-oħra, dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni ta’ dawk l-Istati fl-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operazzjonali tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

Il-Kummissjoni rċeviet l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill biex tiftaħ in-negozjati man-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein fir-rigward ta’ arranġament dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni ta’ dawn il-pajjiżi fl-Aġenzija fl-24 ta’ Lulju 2012.

In-negozjati saru b’mod konġunt mal-pajjiżi assoċjati kollha. Saru bosta sessjonijiet ta’ negozjati. Il-pajjiżi assoċjati ġew imfakkra b’ittra tal-21 ta’ April 2016 mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni li n-Norveġja u l-Iżvizzera kien se jkollhom jaċċettaw formalment ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011, fit-tifsira tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni rilevanti, qabel ma l-arranġament ikun jista’ jiġi inizjalat. L-Iżvizzera nnotifikat lill-Kunsill li hija kienet wettqet il-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħha fir-rigward tal-aċċettazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1077/2011 fil-11 ta’ April 2017. In-Norveġja nnotifikat lill-Kunsill li hija kienet wettqet il-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħha fir-rigward tal-aċċettazzjoni ta’ dan ir-Regolament fis-16 ta’ Awwissu 2017. Imbagħad kienu meħtieġa adattamenti għall-abbozzi ta’ Arranġamenti fost l-oħrajn biex jiġi adattat it-test wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-EES u biex jiġu koperti sistemi relatati ma’ Dublin futuri.

L-Istati Membri ġew infurmati u kkonsultati fil-Gruppi ta’ Ħidma tal-Kunsill rilevanti.

It-test finali tal-abbozz tal-Arraġament ġie inizjalat fil-15 ta’ Ġunju 2018.

2.RIŻULTATI TAN-NEGOZJATI

Il-Kummissjoni tikkunsidra li ntlaħqu l-għanijiet stabbiliti mil-leġiżlatur fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1077/2011 u mill-Kunsill fid-direttivi ta’ negozjar tiegħu u li l-abbozz tal-Arranġament hu aċċettabbli għall-Unjoni.

Il-kontenut finali tiegħu jista’ jitqassar kif ġej:

L-abbozz ta’ Arranġament jipprevedi l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Iżlanda, tan-Norveġja, tal-Iżvizzera u tal-Liechtenstein fl-attivitajiet tal-Aġenzija [l-Artikolu 1], rappreżentanza fil-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija bi drittijiet tal-vot limitati fuq ċerti deċiżjonijiet [l-Artikolu 2], rappreżentanza fil-Gruppi Konsultattivi tal-Aġenzija bi drittijiet tal-vot limitati fuq id-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 [l-Artikolu 3], kontribuzzjonijiet finanzjarji annwali tan-Norveġja, tal-Iżlanda, tal-Iżvizzera u tal-Liechtenstein għall-baġit tal-Aġenzija fir-rigward tas-SIS, il-VIS, DubliNet u l-EES b’somma annwali kkalkulata skont il-PDG tagħha bħala perċentwali tal-PDG tal-Istati kollha li jieħdu sehem fil-ħidma tal-Aġenzija u, fir-rigward tal-Eurodac, b’somma annwali ta’ perċentwal fiss (speċifika għal kull pajjiż assoċjat) tal-approprjazzjonijiet baġitarji rilevanti għas-sena tal-baġit. [l-Artikolu 4 u l-Anness I]. L-abbozz ta’ arranġament jiddefinixxi wkoll l-istatus legali tal-Aġenzija fl-Iżlanda, fin-Norveġja, fl-Iżvizzera u fil-Liechtenstein [l-Artikolu 5], ir-responsabbiltà tal-Aġenzija fir-rigward tal-Iżlanda, tan-Norveġja, tal-Iżvizzera u tal-Liechtenstein [l-Artikolu 6], ir-rikonoxximent mill-Iżlanda, min-Norveġja, mill-Iżvizzera u mil-Liechtenstein tal-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Aġenzija [l-Artikolu 7], il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Aġenzija fl-Iżlanda, fin-Norveġja, fl-Iżvizzera u fil-Liechtenstein, u deroga tar-regolamenti tal-persunal li tippermetti li ċittadini tal-Iżlanda, tan-Norveġja, tal-Iżvizzera u tal-Liechtenstein jiġu ingaġġati b’kuntratt mill-Aġenzija [l-Artikolu 9]. L-abbozz ta’ arranġament finalment fih dispożizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-frodi [l-Artikolu 10], is-soluzzjoni tat-tilwim [l-Artikolu 12], id-dħul fis-seħħ [l-Artikolu 14] u l-validità u t-terminazzjoni [l-Artikolu 15].

3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Din il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill qed issir skont l-Artikoli 74, 77(2)(a) u (b), 78(2)(e), 79(2)(c), 82(1)(d), 85(1), 87(2)(a) u 88(2) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 218(5) tat-TFUE.

Hija tikkostitwixxi l-istrument ġuridiku għall-iffirmar tal-Arranġament. Il-Kunsill se jiddeċiedi b’maġġoranza kwalifikata. Il-kompetenza tal-UE sabiex tikkonkludi dan l-Arranġament hija espliċitament stipulata fl-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 1077/2011 li jiddikjara li skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni tagħhom, għandhom isiru arranġamenti sabiex, fost l-oħrajn, jiġu speċifikati n-natura u l-ambitu tar-regoli dettaljati, għall-parteċipazzjoni mill-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen u miżuri relatati mal-Eurodac fil-ħidma tal-Aġenzija, inklużi dispożizzjonijiet dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji, il-persunal u d-drittijiet għall-vot. Din il-proposta hija konformi mal-Artikolu 218(5) tat-TFUE, li jipprevedi l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ deċiżjonijiet dwar ftehimiet internazzjonali. Ma jeżisti ebda strument ġuridiku ieħor li jista’ jintuża sabiex jintlaħaq l-objettiv espress fil-proposta.

L-arranġament se jippermetti l-parteċipazzjoni tan-Norveġja, tal-Iżlanda, tal-Iżvizzera u tal-Liechtenstein fil-ħidma tal-Aġenzija bi drittijiet tal-vot limitati u se jiżgura kontribuzzjonijiet finanzjarji adegwati lill-Aġenzija.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-Artikolu 4 u l-Anness I tal-abbozz tal-Arranġament jiddeskrivu d-dispożizzjonijiet relatati mal-kontribuzzjonijiet finanzjarji annwali tal-Iżlanda, tan-Norveġja, tal-Iżvizzera u tal-Liechtenstein għall-baġit tal-Aġenzija.

5.KONKLUŻJONI

Fid-dawl tar-riżultati tan-negozjati msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jiddeċiedi li l-Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda, ir-Renju tan-Norveġja, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar il-parteċipazzjoni ta’ dawk l-Istati fl-Aġenzija għall-ġestjoni operazzjonali ta’ sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni u li jawtorizza lill-President tal-Kunsill sabiex jappunta l-persuna/i debitament abilitati biex jiffirmaw f’isem l-Unjoni.

2018/0317 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Arranġament mar-Renju tan-Norveġja, mar-Repubblika tal-Iżlanda, mal-Konfederazzjoni Svizzera u mal-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar il-parteċipazzjoni ta’ dawk l-Istati fl-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operazzjonali tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 74, 77(2)(a) u (b), 78(2)(e), 79(2)(c), 82(1)(d), 85(1), 87(2)(a) u 88(2) flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Ir-Regolament (UE) 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 jistipula li skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni tagħhom, għandhom isiru arranġamenti sabiex, fost l-oħrajn, jiġu speċifikati n-natura u l-ambitu tar-regoli dettaljati, għall-parteċipazzjoni mill-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen u miżuri relatati mal-Eurodac fil-ħidma tal-Aġenzija, inklużi dispożizzjonijiet dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji, il-persunal u d-drittijiet għall-vot.

(2)Fl-24 ta’ Lulju 2012 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati mal-Iżlanda, man-Norveġja, mal-Iżvizzera u mal-Liechtenstein għal Arranġament dwar il-modalitajiet tal-parteċipazzjoni tagħha fl-Aġenzija (l-“Arranġament”). In-negozjati ġew konklużi b’suċċess bl-inizjalar tal-Arranġament fil-15 ta’ Ġunju 2018.

(3)It-test ta’ dan l-arranġament, li huwa r-riżultat tan-negozjati, fih l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa biex il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen u l-miżuri relatati mal-Eurodac fil-ħidma tal-Aġenzija ssir realtà.

(4)L-arranġament jenħtieġ li jiġi ffirmat.

(5)Kif speċifikat fil-premessa 33 tar-Regolament (UE) Nru 1077/2011, ir-Renju Unit qed jieħu sehem f’dak ir-Regolament u huwa marbuta bih. L-Irlanda talbet biex tipparteċipa f’dak ir-Regolament wara l-adozzjoni tiegħu f’konformità mal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (il-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen) u l-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dawn jenħtieġ għalhekk li jagħtu effett lill-Artikolu 37 tar-Regolament(UE) Nru 1077/2011 billi jieħdu sehem f’din id-Deċiżjoni. Ir-Renju Unit u l-Irlanda għalhekk qed jieħdu sehem f’din id-Deċiżjoni.

(6)Kif speċifikat fil-premessa 32 tar-Regolament (UE) Nru 1077/2011, id-Danimarka mhix qed tieħu sehem f’dak ir-Regolament u mhix marbuta bih. Id-Danimarka għalhekk mhijiex qed tieħu sehem f’din id-Deċiżjoni. Minħabba li din id-Deċiżjoni sa fejn tikkonċerna lis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II) stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 u bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/JHA 5 , għas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE 6 u s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) stabbilita bir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 , tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha skont l-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien sitt xhur wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, jekk hijiex se timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha. F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi għall-istabbiliment tal-Istat responsabbli għall-eżaminazzjoni ta’ talba għall-ażil li ssir fid-Danimarka jew fi kwalunkwe Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea u l-"Eurodac" għat-tqabbil tal-marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni ta’ Dublin 8 , id-Danimarka trid tinnotifika lill-Kummissjoni dwar jekk hijiex se timplimenta l-kontenut ta’ din id-Deċiżjoni, safejn tirrigwarda l-Eurodac u DubliNet.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar tal-Arranġament bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein dwar il-parteċipazzjoni ta’ dawk l-Istati fl-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operazzjonali tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja huwa b’dan awtorizzat f’isem l-Unjoni suġġett għall-konklużjoni tal-imsemmi Arranġament 9 .

It-test tal-Arranġament li jrid jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat li jinnomina l-persuna/i bil-poter li tiffirma/jiffirmaw l-Arranġament f’isem l-Unjoni.



Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, ĠU L 286, 1.11.2011, p. 1.
(2)    Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011, ĠU L 327, tad-9.12.2017, p. 20.
(3)    Ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 286, 1.11.2011).
(4)    Ir-Regolament (KE) Nru 1987/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 381, 28.12.2006, p. 4).
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI tat-12 ta’ Ġunju 2007 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen tat-tieni ġenerazzjoni (SIS II) (ĠU L 205, 7.8.2007, p. 63).
(6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta’ Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (ĠU L 213, 15.6.2004, p. 5).
(7)    Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20).
(8)    ĠU L 66, 8.3.2006, p. 38.
(9)    It-test tal-arranġament se jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.

Brussell, 3.9.2018

COM(2018) 607 final

ANNESS

tal-

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Arranġament mar-Renju tan-Norveġja, mar-Repubblika tal-Iżlanda, mal-Konfederazzjoni Svizzera u mal-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar il-parteċipazzjoni ta’ dawk l-Istati fl-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operazzjonali tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja


ANNESS

ARRANĠAMENT

bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u r-Renju tan-Norveġja, ir-Repubblika tal-Iżlanda, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein, min-naħa l-oħra fuq il-parteċipazzjoni minn dawk l-Istati fl-

Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operazzjonali tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fil-qasam tal-libertà, sigurtà u ġustizzja

L-UNJONI EWROPEA,

minn naħa waħda, u

IR-RENJU TAN-NORVEĠJA,

minn hawn iżjed ’il quddiem imsejjaħ "in-Norveġja",

IR-REPUBBLIKA TAL-IŻLANDA,

minn hawn iżjed ’il quddiem imsejħa "l-Iżlanda",

IL-KONFEDERAZZJONI ŻVIZZERA,

minn hawn iżjed ’il quddiem imsejħa "l-Iżvizzera", u

IL-PRINĊIPAT TAL-LIECHTENSTEIN

minn hawn iżjed ’il quddiem imsejjaħ "il-Liechtenstein",

min-naħa l-oħra

Wara li kkunsidrat il-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen 1 , minn hawn iżjed ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżlanda u n-Norveġja”.

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi għall-istabbiliment ta’ Stat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil magħmula fi Stat Membru jew fl-Iżlanda jew fin-Norveġja 2 , minn issa ’l quddiem “il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżlanda u n-Norveġja”.

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen 3 , minn issa ’l quddiem “il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżvizzera”.

Wara li kkunsidrat il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi għall-istabbiliment ta’ liema huwa l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-ażil magħmula fi Stat Membru jew fl-Iżvizzera 4 , minn issa ’l quddiem “il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżvizzera”.

Wara li kkunsidrat il-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen 5 , minn issa ’l quddiem “il-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Liechtenstein”.

Wara li kkunsidrat il-Protokoll bejn il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta’ Liechtenstein mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar il-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi stabbilit l-Istat responsabbli għall-eżami ta’ talba għall-asil magħmula fi Stat Membru jew fl-Iżvizzera 6 , minn issa ’l quddiem “il-Protocol ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Liechtenstein”.

BILLI

(1)Permezz tar-Regolament (UE) Nru 1077/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta’ Ottubru 2011 (minn issa ’l quddiem “ir-Regolament”), l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operazzjonali ta’ sistemi tal-IT ta’ skala kbira fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja 7 (minn issa ’l quddiem “l-Aġenzija”),

(2)Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, ir-Regolament jikkostitwixxi, safejn jirrigwarda s-SIS II, il-VIS u l-EES, żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżlanda u Norveġja. Safejn jirrelata mal-Eurodac u d-DubliNet, ir-Regolament jikkostitwixxi miżura ġdida fit-tifsira tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżlanda u n-Norveġja.

(3)Fir-rigward tal-Iżvizzera, ir-Regolament jikkostitwixxi, safejn jirrigwarda is-SIS II, il-VIS u l-EES, żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżvizzera. Safejn jirrelata mal-Eurodac u d-DubliNet, ir-Regolament jikkostitwixxi miżura ġdida fit-tifsira tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżvizzera.

(4)Fir-rigward tal-Liechtenstein, ir-Regolament jikkostitwixxi, safejn jirrigwarda is-SIS II, il-VIS u l-EES, żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Liechtenstein. Safejn jirrelata mal-Eurodac u d-DubliNet, ir-Regolament jikkostitwixxi miżura ġdida fit-tifsira tal-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac.tal-Liechtenstein.

(5)Ir-Regolament jistipula skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni tagħhom, li għandhom isiru arranġamenti sabiex, fost l-oħrajn, jiġu speċifikati n-natura u l-ambitu tar-regoli dettaljati, għall-parteċipazzjoni mill-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen u miżuri relatati ma’ Dublin u mal-Eurodac fil-ħidma tal-Aġenzija, inklużi dispożizzjonijiet dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji, il-persunal u d-drittijiet għall-vot.

(6)Il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni ma jindirizzawx il-modalitajiet tal-assoċjazzjoni tal-Iżlanda, tan-Norveġja, tal-Iżvizzera u tal-Liechtenstein mal-attivitajiet tal-korpi l-ġodda stabbiliti mill-Unjoni Ewropea fil-qafas tal-iżvilupp ulterjuri tal-acquis ta’ Schengen u mal-miżuri relatati mal-Eurodac, u ċerti aspetti tal-assoċjazzjoni mal-Aġenzija għandhom jiġu ssodisfati f’arranġament addizzjonali bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehimiet.

(7)Iċ-ċifri tal-Prodott Nazzjonali Gross m’għadhomx jinġabru mill-Eurostat u għalhekk il-kontribuzzjonijiet finanzjarji tan-Norveġja u l-Iżlanda għandhom jiġu kkalkulati fuq il-bażi taċ-ċifri tal-Prodott Domestiku Gross kif inhu l-każ għall-kontribuzzjonijiet tal-Iżvizzera u tal-Liechtenstein minkejja r-referenza għall-Prodott Nazzjonali Gross skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżlanda u tan-Norveġja u l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżlanda u tan-Norveġja.

QABLU FUQ DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1
L-estent tal-parteċipazzjoni

In-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fl-attivitajiet tal-Aġenzija kif deskritt fir-Regolament u skont it-termini stabbiliti mill-Arranġament preżenti.

Artikolu 2
Bord tat-Tmexxija

1.In-Norveġja, l-Iżlanda , l-Iżvizzera u l-Liechtenstein għandhom jiġu rappreżentati fil-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija kif stabbilit fl-Artikolu 13(5) tar-Regolament.

2.Għandhom ikunu limitati għas-sistemi ta’ informazzjoni li jipparteċipaw fihom, iżda għandu jkollhom id-dritt tal-vot:

·fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar l-ittestjar u dwar speċifikazzjonijiet tekniċi dwar l-iżvilupp u t-tmexxija operazzjonali tas-sistemi u l-infrastruttura tal-komunikazzjoni;

·fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar kompiti relatati ma’ taħriġ dwar l-użu tekniku tas-SIS II, tal-VIS Eurodac u tal-EES skont l-Artikoli 3, 4, 5 u 5a tar-Regolament rispettivament ħlief fuq l-istabbiliment tal-kurrikulu komuni ewlieni;

·fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar kompiti relatati ma’ taħriġ dwar l-użu tekniku ta’ sistemi oħrajn ta’ informazzjoni fuq skala kbira, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament għajr għall-istabbiliment tal-kurrikulu komuni ewlieni;

·fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar l-adozzjoni tar-rapporti dwar il-funzjonament tekniku tal-VIS tas-SIS II u l-EES, skont l-Artikolu 12(1)(t) tar-Regolament;

·fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar l-adozzjoni tar-rapport annwali dwar l-attivitajiet tas-Sistema Ċentrali tal-Eurodac, skont l-Artikolu 12(1)(u) tar-Regolament;

·fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar l-adozzjoni tar-rapporti dwar l-iżvilupp tal-EES, skont l-Artikolu 12(1)(sa);

·fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar il-pubblikazzjoni ta’ statistika relatata mas-SIS II skont l-Artikolu 12(1)(w) tar-Regolament;

·fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar il-ġbir ta’ statistika dwar ix-xogħol tas-Sistema Ċentrali tal-Eurodac, skont l-Artikolu 12(1)(x) tar-Regolament;

·fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar il-pubblikazzjoni ta’ statistika relatata mal-EES taħt l-Artikolu 12(1)(xa);

·fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar il-pubblikazzjoni annwali tal-lista ta’ awtoritajiet kompetenti awtorizzati biex ifittxu direttament id-data li tinsab fis-SIS II, skont l-Artikolu 12(1)(y) tar-Regolament;

·fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar il-pubblikazzjoni annwali tal-lista ta’ unitajiet skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 skont l-Artikolu 12(1)(z) tar-Regolament;

·fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar il-lista ta’ awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 65(2) tar-Regolament (UE) 2017/2226;

·fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar rapporti dwar il-funzjonament tekniku ta’ sistemi tal-IT fuq skala kbira fdati lill-Aġenzija b’att jew b’miżura leġiżlattiva ġdida li tikkostitwixxi żvilupp għad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżlanda u tan-Norveġja, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżvizzera u tal-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Liechtenstein jew b’att leġislattiv ġdid jew b’miżura ġdida fit-tifsira tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżlanda u n-Norveġja, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżvizzera u tal-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni tal-Liechtenstein;

·fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar il-pubblikazzjoni ta’ statistika relatata ma’ sistemi oħrajn tal-IT fuq skala kbira fdati lill-Aġenzija b’att leġiżlattiv ġdid jew b’miżura leġiżlattiva ġdida li jikkostitwixxu żvilupp għad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżlanda u tan-Norveġja, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżvizzera u tal-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Liechtenstein jew b’att leġiżlattiv ġdid jew b’miżura leġiżlattiva ġdida fit-tifsira tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżlanda u n-Norveġja, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżvizzera u tal-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni tal-Liechtenstein;

·fir-rigward ta’ deċiżjonijiet dwar il-pubblikazzjoni annwali tal-lista ta’ awtoritajiet kompetenti li għandhom aċċess għad-data rreġistrata f’sistemi oħrajn tal-IT fuq skala kbira fdati lill-Aġenzija b’att leġiżlattiv ġdid jew b’miżura leġiżlattiva ġdida li jikkostitwixxu żvilupp għad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżlanda u tan-Norveġja, tal-Ftehim ta’Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżvizzera u tal-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Liechtenstein jew b’att leġiżlattiv ġdid jew b’miżura leġiżlattiva ġdida fit-tifsira tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżlanda u n-Norveġja, tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżvizzera u tal-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni tal-Liechtenstein;

Jekk id-deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq jittieħdu fil-kuntest tal-programm ta’ ħidma pluriennali u/jew annwali, il-proċeduri ta’ votazzjoni tal-Bord tat-Tmexxija għandhom jiżguraw li n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein ikunu jistgħu jivvutaw.

3.In-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein għandhom jitħallew jesprimu opinjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha li fuqhom mhumiex intitolati li jivvutaw.

Artikolu 3
Gruppi Konsultattivi

1.In-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein għandhom ikunu rrappreżentati fil-Gruppi Konsultattivi tal-Aġenzija kif stabbilit fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament.

2.Huma għandu jkollhom drittijiet tal-vot fir-rigward tal-opinjonijiet tal-Gruppi Konsultattivi dwar id-deċiżjonijiet li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 2.

3.Huma għandhom jitħallew jesprimu opinjonijiet dwar il-kwistjonijiet kollha li fuqhom mhumiex intitolati li jivvutaw.

Artikolu 4
Kontribuzzjonijiet finanzjarji

1.Il-kontribuzzjonijiet individwali tan-Norveġja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein u l-Iżvizzera għad-dħul tal-Aġenzija għandhom ikunu limitati għas-sistemi ta’ informazzjoni li fihom jipparteċipa l-istat rispettiv.

2.In-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein għandhom jikkontribwixxu għad-dħul tal-Aġenzija, fir-rigward tas-SIS II u tal-VIS, somma annwali kkalkulata skont il-persentaġġ tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) tal-pajjiż tagħhom fir-rigward tal-PDG tal-Istati parteċipanti kollha skont il-formula deskritta fl-Anness I, skont l-Artikolu 11(3) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżvizzera u l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen ta’ Liechtenstein, li jirreferi għall-metodu ta’ kontribuzzjoni msemmi fl-Artikolu 11(3) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżvizzera u b’deroga mill-Artikolu 12(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżlanda u tan-Norveġja, li jirreferi għall-Prodott Nazzjonali Gross.

3.In-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein għandhom jikkontribwixxu għad-dħul tal-Aġenzija, fir-rigward tal-EES, somma annwali kkalkulata skont il-persentaġġ tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) tal-pajjiż tagħhom fir-rigward tal-PDG tal-Istati parteċipanti kollha skont il-formula deskritta fl-Anness I, skont l-Artikolu 11(3) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżvizzera u l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen ta’ Liechtenstein, li jirreferi għall-metodu ta’ kontribuzzjoni msemmi fl-Artikolu 11(3) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżvizzera u b’deroga mill-Artikolu 12(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżlanda u tan-Norveġja, li jirreferi għall-Prodott Nazzjonali Gross.

4.In-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein għandhom jikkontribwixxu għad-dħul tal-Aġenzija, fir-rigward tal-Eurodac, somma annwali, ikkalkulata skont il-formula deskritta fl-Anness I skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżlanda u tan-Norveġja, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżvizzera u l-Artikolu 6 tal-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Liechtenstein.

5.In-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein għandhom jikkontribwixxu għad-dħul tal-Aġenzija fir-rigward ta’ DubliNet, somma annwali kkalkulata skont il-perċentwal tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) tal-pajjiż tagħhom fir-rigward tal-PDG tal-Istati parteċipanti kollha kkalkulata skont il-formula deskritta fl-Anness I, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżvizzera, għall-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Liechtenstein, li jirreferi għall-metodu ta’ kontribuzzjoni msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżvizzera, u b’deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżlanda u Norveġja li jirreferi għal Prodott Nazzjonali Gross.

6.Għal dak li għandu x’jaqsam mat-titoli 1 u 2 tal-baġit tal-Aġenzija, il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafi 2 u 4 hija dovuta mill-1 ta’ Diċembru 2012, id-data li fiha l-aġenzija assumiet ir-responsabbiltajiet tagħha. Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 5 hija dovuta mill-31 ta’ Lulju 2014, id-data li fiha l-appoġġ tekniku għat-tmexxija operazzjonali ta’ DubliNet ġie trasferit lill-Aġenzija. Il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 3 hija dovuta mid-29 ta’ Diċembru 2017, id-data li fiha l-Aġenzija saret responsabbli għall-iżvilupp u t-tmexxija operazzjonali tal-EES. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għandhom jitħallsu mill-jum ta’ wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Arranġament, inkluż l-ammonti dovuti għall-perjodu bejn l-1 ta’ Diċembru 2012 u d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

F’dak li għandu x’jaqsam mat-titolu 3 tal-baġit tal-Aġenzija, il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafi 2 u 4 hija dovuta u pagabbli mill-1 ta’ Diċembru 2012, il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 5 mill-31 ta’ Lulju 2014 u l-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 3 mid-29 ta’ Diċembru 2017 fuq il-bażi tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni rispettivi.

7.Meta att leġiżlattiv ġdid jew miżura leġiżlattiva ġdida li jikkostitwixxu żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżlanda u tan-Norveġja, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżvizzera u l-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Liechtenstein jestendu l-mandat tal-Aġenzija billi jafdawha bl-iżvilupp u/jew bit-tmexxija operazzjonali ta’ sistemi oħrajn ta’ informazzjoni fuq skala kbira, in-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein għandhom jikkontribwixxu għad-dħul tal-Aġenzija, somma annwali kkalkulata skont il-perċentwali tal-PDG tal-pajjiż tagħhom fir-rigward tal-PDG tal-Istati parteċipanti kollha kkalkulata skont il-formula deskritta fl-Anness I, skont l-Artikolu 11(3) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżvizzera, u l-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Liechtenstein, li jirreferi għall-metodu ta’ kontribuzzjoni msemmi fl-Artikolu 11(3) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżvizzera, u b’deroga mill-Artikolu 12(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżlanda u Norveġja li jirreferi għal Prodott Nazzjonali Gross.

8.Meta att leġiżlattiv ġdid jew miżura leġiżlattiva ġdida fit-tifsira tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżlanda u tan-Norveġja, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżvizzera u l-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Liechtenstein jestendi l-mandat tal-Aġenzija billi jafdaha bl-iżvilupp u/jew bil-ġestjoni operazzjonali ta’ sistemi oħra ta’ informazzjoni fuq skala kbira, in-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein għandhom jikkontribwixxu għad-dħul tal-Aġenzija somma annwali kkalkulata skont il-perċentwal tal-PDG tal-pajjiż tagħhom fir-rigward tal-PDG tal-Istati parteċipanti kollha kkalkulata skont il-formula deskritta fl-Anness I, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżvizzera, għall-Artikolu 3 tal-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Liechtenstein, li jirreferi għall-metodu ta’ kontribuzzjoni msemmi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżvizzera, u b’deroga mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżlanda u Norveġja li jirreferi għal Prodott Nazzjonali Gross.

9.Jekk in-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein diġà kkontribwixxew għall-iżvilupp jew ġestjoni operazzjonali ta’ sistema tal-IT fuq skala kbira permezz ta’ strumenti oħrajn ta’ finanzjament tal-UE, jew jekk l-iżvilupp u/jew ġestjoni operazzjonali ta’sistema tal-IT fuq skala kbira hija ffinanzjata minn tariffi jew dħul assenjat ieħor, il-kontribuzzjonijiet rilevanti tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein għall-Aġenzija għandhom jiġu aġġustati kif xieraq.

Artikolu 5
L-istatus ġuridiku

L-Aġenzija għandu jkollha personalità legali skont il-liġi tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein u għandha tgawdi f’dawn l-Istati l-aktar kapaċità legali estensiva mogħtija lil persuni legali taħt il-liġi ta’ dawn l-Istati. B’mod partikolari, din tista’, tikseb jew tiddisponi minn proprjetà mobbli jew immobbli u tista’ tkun parti għal proċeduri legali.

Artikolu 6
Responsabbiltà

Ir-responsabbiltà tal-Aġenzija għandha tkun regolata mill-Artikolu 24 (1), (3) u (5) tar-Regolament.

Artikolu 7
Il-Qorti tal-Ġustizzja

In-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein għandhom jirrikonoxxu l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-Aġenzija, kif previst fl-Artikolu 24(2) u (4) tar-Regolament.

Artikolu 8
Il-privileġġi u l-immunitajiet

In-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein għandhom japplikaw għall-aġenzija u l-persunal tagħha, ir-regoli li jirregolaw il-privileġġi u l-immunitajiet stabbiliti fl-Anness II għal dan l-Arranġament, li huma derivati mill-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll kwalunkwe regola adottata skont dak il-Protokoll fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-persunal tal-Aġenzija.

Artikolu 9
Persunal tal-Aġenzija 

1.Skont l-Artikolu 20(1) u 37 tar-Regolament, ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg Applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, ir-regoli adottati b’mod konġunt mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea sabiex ikunu applikati dawn ir-Regolamenti tal-Persunal u r-regoli adottati mill-Aġenzija skont l-Artikolu 20(8) tar-Regolament japplikaw għaċ-ċittadini tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein reklutati bħala membri tal-persunal mill-Aġenzija.

2.B’deroga mill-Artikolu 12 (2) (a) u l-Artikolu 82 (3) (a) tal-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Ħaddiema Oħra tal-Unjoni Ewropea, ċittadini tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein li jgawdu d-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini jistgħu jiġu ingaġġati permezz ta’ kuntratt mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija skont ir-regoli eżistenti għall-għażla u l-ingaġġ tal-persunal adottati mill-Aġenzija.

3.L-Artikolu 20 (6) tar-Regolament għandu japplika mutatis mutandis għaċ-ċittadini tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein.

4.Iċ-ċittadini tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein ma jistgħux, madankollu, jinħatru fil-kariga ta’ Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

Artikolu 10
L-uffiċjali sekondati u l-esperti

Fir-rigward ta’ uffiċjali u esperti sekondati, japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(i) kwalunkwe emolument, benefiċċju u ħlas ieħor imħallas mill-Aġenzija għandu jkun eżentat mit-taxxi nazzjonali;

(ii) sakemm jibqgħu koperti mis-sistema tas-sigurtà soċjali fil-pajjiż li minnu huma ssekondati lill-Aġenzija, għandhom ikunu eżenti mill-kontribuzzjonijiet obbligatorji kollha lill-organizzazzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-pajjiżi ospitanti tal-Aġenzija. Konsegwentement, matul dak iż-żmien m’għandhomx ikunu koperti mir-regolamenti tas-sigurtà soċjali tal-pajjiż ospitanti tal-Aġenzija li jaħdmu fih, sakemm ma jingħaqdux volontarjament mas-sistema tas-sigurtà soċjali ta’ dak il-pajjiż.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan is-subparagrafu għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-membri tal-familja li jiffurmaw parti mill-unità domestika tal-esperti sekondati, sakemm ma jkunux impjegati minn min iħaddem minn barra l-Aġenzija jew jirċievu benefiċċji tas-sigurtà soċjali minn pajjiż ospitanti tal-Aġenzija.

Artikolu 11
Il-ġlieda kontra l-frodi

1.Sal-punt li hija kkonċernata n-Norveġja, id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 35 tar-Regolament għandhom jiġu applikati u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Qorti tal-Awdituri jistgħu jeżerċitaw is-setgħat mogħtija lilhom.

L-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri għandhom jinformaw lir-Riksrevisjonen fi żmien xieraq minn qabel bi kwalunkwe intenzjoni li jwettqu kontrolli jew awditjar fil-post li, jekk l-awtoritajiet Norveġiżi jixtiequ dan, jistgħu jsiru b’mod konġunt mar-Riksrevisjonen.

2.Sal-punt li hija kkonċernata l-Iżlanda, id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 35 tar-Regolament għandhom jiġu applikati u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Qorti tal-Awdituri jistgħu jeżerċitaw is-setgħat mogħtija lilhom.

L-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri għandhom jinformaw lir-Ríkisendurskoðun fi żmien xieraq bi kwalunkwe intenzjoni li jwettqu kontrolli jew awditjar fil-post li, jekk l-awtoritajiet Iżlandiżi hekk jixtiequ, jistgħu jsiru b’mod konġunt mar-Ríkisendurskoðun. 

3.Fir-rigward tal-Iżvizzera, id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-Artikolu 35 tar-Regolament dwar il-kontroll finanzjarju mill-UE fl-Iżvizzera dwar il-parteċipanti Żvizzeri fl-attivitajiet tal-Aġenzija huma stabbiliti fl-Anness III.

4.Fir-rigward tal-Liechtenstein, id-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-Artikolu 35 tar-Regolament dwar il-kontroll finanzjarju mill-UE fil-Liechtenstein dwar il-parteċipanti mil-Liechtenstein fl-attivitajiet tal-Aġenzija huma stabbiliti fl-Anness IV.

Artikolu 12
Soluzzjoni ta’ tilwim

1.Fil-każ ta’ disputa dwar l-applikazzjoni ta’ dan l-arranġament, il-kwistjoni għandha tiġi ppreżentata bħala suġġett ta’ disputa fl-aġenda tal-Kumitat Imħallat f’livell ministerjali.

2.Il-Kumitat Imħallat għandu jkollu disgħin jum mid-data tal-adozzjoni tal-aġenda li fiha tkun iddaħħlet id-disputa li matulu jkun jista’ jsolvi d-disputa.

3.Fil-każ fejn id-disputa li tkun tikkonċerna suġġetti relatati ma’ Schengen ma tistax tiġi solvuta mill-Kumitat Imħallat fil-perjodu ta’ disgħin jum previst fil-paragrafu 2, għandu jiġi osservat perjodu ieħor ta’ tletin jum biex jintlaħaq ftehim finali. Jekk ma tintlaħaqx soluzzjoni finali, dan l-Arranġament għandu jintemm fir-rigward tal-Istat fejn hemm id-disputa sitt xhur wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ tletin jum.

4.Fil-każ fejn disputa li tkun tikkonċerna suġġetti relatati ma’ Eurodac ma tkunx tista’ tiġi solvuta mill-Kumitat Konġunt/Imħallat fil-perjodu ta’ disgħin jum previst fil-paragrafu 2, għandu jiġi osservat perjodu ieħor ta’ tletin jum biex jintlaħaq ftehim finali. Jekk il-Kumitat Konġunt/Imħallat ma jkunx ħa deċiżjoni fl-aħħar ta’ dak il-perjodu, dan l-Arranġament għandu jiġi kkunsidrat mitmum fir-rigward tal-Istat fejn hemm id-disputa fit-tmiem tal-aħħar jum ta’dak il-perjodu.

Artikolu 13
Annessi

L-Annessi għal dan l-Arranġament għandhom jikkostitwixxu parti integrali minn dan l-Arranġament.

Artikolu 14
Dħul fis-seħħ

1.Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jaġixxi ta’ depożitarju ta’ dan l-Arranġament.

2.L-Unjoni Ewropea, in-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein għandhom japprovaw dan l-Arranġament skont il-proċeduri tagħhom stess.

3.Id-dħul fis-seħħ ta’ dan l-Arranġament għandu jeħtieġ l-approvazzjoni mill-Unjoni Ewropea u ta’ mill-anqas Parti oħra għal dan l-Arranġament.

4.Dan l-Arranġament għandu jidħol fis-seħħ għal kwalunkwe Parti f’dan l-Arranġament fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara d-depożitu tal-istrument ta’ approvazzjoni tiegħu mad-depożitarju.

Artikolu 15
Validità u terminazzjoni

1.Dan l-Arranġament għandu jkun għal perjodu mhux limitat.

2.Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan l-Arranġament ma għandux jibqa’ fis-seħħ sitt xhur wara li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżlanda u tan-Norveġja jiġi denunzjat mill-Iżlanda jew min-Norveġja jew b’deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, jew jiġi tterminati b’mod ieħor skont il- proċeduri deskritti fl-Artikolu 8(4), 11(3) jew 16 ta’ dak il-Ftehim. Ma għandux jibqa’ fis-seħħ sitt xhur wara li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżlanda u tan-Norveġja jiġi tterminat jew miċħud skont il-proċeduri deskritti fl-Artikolu 4(7), 8(3) jew 15 ta’ dak il-Ftehim.

Il-ftehim imsemmi fl-Artikolu 17 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżlanda u tan-Norveġja għandu jkopri wkoll il-konsegwenzi tat-tmiem tal-Arranġament preżenti.

3.Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan l-Arranġament m’għandux jibqa’ fis-seħħ sitt xhur wara li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżvizzera jiġi ddenunzjat mill-Iżvizzera jew b’deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, jew jiġi tterminat b’mod ieħor skont il-proċeduri deskritti fl-Artikoli 7(4 ), 10(3) jew 17 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżvizzera. Ma għandux jibqa’ fis-seħħ sitt xhur wara li l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżvizzera jintemm jew jiġi denunzjat skont il-proċeduri deskritti fl-Artikolu 4(7), 7(3) jew 16 ta’ dak il-Ftehim.

4.Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan l-Arranġament m’għandux jibqa’ fis-seħħ sitt xhur wara li l-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Liechtenstein jiġi denunzjat mil-Liechtenstein jew b’deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, jew jiġi tterminat b’mod ieħor skont il-proċeduri deskritti fl-Artikolu 3, 5(4), 11(1) jew 11(3) tal-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Liechtenstein jiġi denunzjat mill-Liechtenstein. Ma għandux jibqa’ fis-seħħ sitt xhur wara li l-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Liechtenstein jiġi tterminat jew miċħud skont il-proċeduri deskritti fl-Artikolu 3, 5(7), 11(1) jew 11(3) ta’ dak il-Protokoll.

5.Dan l-Arranġament għandu jitfassal f’oriġinal wieħed bil-lingwa Bulgara, Spanjola, Ċeka, Daniża, Ġermaniża, Estonjana, Griega, Ingliża, Franċiża, Irlandiża, Kroata, Taljana, Latvjana, Litwana, Ungeriża, Maltija, Olandiża. Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Finlandiża, Żvediża, Iżlandiża u Norveġiża, b’kull wieħed minn dawk it-testi ugwalment awtentiku.



ANNESS I

Il-formula biex tiġi kkalkulata l-kontribuzzjoni

1.Il-kontribuzzjoni finanzjarja tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein għad-dħul tal-Aġenzija msemmija fl-Artikolu 32(1)(b) tar-Regolament hija kkalkulata kif ġej:

Titolu 3

1.1.Fir-rigward tas-SIS II, il-VIS u l-EES u kwalunkwe sistema oħra ta’ informazzjoni fuq skala kbira li hija fdata lill-Aġenzija b’att leġiżlattiv jew b’miżura leġiżlattiva, li jikkostitwixxu żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fit-tifsira tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżlanda u tan-Norveġja Ftehim, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Iżvizzera u l-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni ta’ Schengen tal-Liechtenstein, iċ-ċifri finali l-aktar aġġornati tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) ta’ kull pajjiż assoċjat disponibbli meta ssir il-fatturazzjoni fis-sena n+1 għas-sena n għandha tkun diviża bis-somma tal-figuri tal-PDG tal-Istati kollha li jkunu qed jipparteċipaw fl-Aġenzija u disponibbli għas-sena n. Il-persentaġġ miksub jiġi mmultiplikat bil-ħlasijiet totali għat-titlu 3 tal-baġit tal-Aġenzija għas-sistemi msemmija hawn fuq imwettqa fis-sena n sabiex tinkiseb il-kontribuzzjoni għal kull pajjiż assoċjat.

1.2.Fir-rigward tal-Eurodac, il-kontribut ta’ kull pajjiż assoċjat għandu jikkonsisti f’somma annwali ta’ persentaġġ fiss (għal-Liechtenstein ta’ 0,071%, għan-Norveġja ta’ 4,995%, għall-Iżlanda ta’ 0,1% u għall-Iżvizzera ta’ 7,286%) tal-approprjazzjonijiet tal-baġit rilevanti għas-sena baġitarja. Il-kontribuzzjoni ta’ kull pajjiż assoċjat hija kkalkulata fis-sena n+1 u tinkiseb permezz tal-multiplikazzjoni tal-persentaġġ fiss bil-ħlasijiet totali għat-titolu 3 tal-baġit tal-Aġenzija għall-Eurodac eżegwit fis-sena n.

1.3.Fir-rigward ta’ DubliNet u ta’ sistemi oħrajn ta’ informazzjoni fuq skala kbira li huma fdati f’idejn l-Aġenzija b’att leġiżlattiv jew b’miżura leġiżlattiva fit-tifsira tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżlanda u tan-Norveġja, il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ta’ Dublin/Eurodac tal-Iżvizzera u l-Protokoll ta’ Assoċjazzjoni Dublin/Eurodac tal-Liechtenstein, iċ-ċifri finali l-aktar aġġornati tal-PDG ta’ kull pajjiż assoċjat disponibbli meta ssir il-fatturazzjoni fis-sena n+1 għas-sena n għandhom jiġu diviżi bis-somma taċ-ċifri tal-PDG tal-Istati kollha li jipparteċipaw fl-Aġenzija disponibbli għas-sena n. Il-persentaġġ miksub jiġi mmultiplikat bil-ħlasijiet totali għat-titlu 3 tal-baġit tal-Aġenzija għas-sistemi msemmija hawn fuq imwettqa fis-sena n sabiex tinkiseb il-kontribuzzjoni għal kull pajjiż assoċjat.

Titoli 1 u 2

1.4.Il-kontribut ta’ kull pajjiż assoċjat mat-titoli 1 u 2 tal-baġit tal-Aġenzija għas-sistemi msemmija taħt 1.1, 1.2 u 1.3 għandu jinkiseb billi ċ-ċifri finali l-aktar aġġornati tal-PDG ta’ kull pajjiż assoċjat disponibbli meta ssir il-fatturazzjoni fis-sena n+1 għas-sena n jiġu diviżi bit-total taċ-ċifri tal-PDG tal-Istati kollha parteċipi fl-Aġenzija disponibbli għas-sena n. Il-persentaġġ miksub jiġi mmultiplikat bil-ħlasijiet totali għat-titoli 1 u 2 tal-baġit tal-Aġenzija għas-sistemi msemmija taħt 1.1, 1.2 u 1.3 eżegwiti fis-sena n.

1.5.Jekk ikun hemm sistemi tal-IT addizzjonali fuq skala kbira fdati lill-Aġenzija li fihom il-pajjiżi assoċjati ma jipparteċipawx, il-kalkolu dwar il-kontribuzzjoni tal-pajjiżi assoċjati mat-titoli 1 u 2 għandu jiġi rivedut kif xieraq.

2.Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha titħallas f’Euro.

3.Kull pajjiż assoċjat għandu jħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja tiegħu mhux aktar tard minn 45 jum wara li jirċievi n-nota ta’ debitu. Kull dewmien fil-ħlas tal-kontribuzzjoni għandu jwassal għal ħlas ta’ imgħax ta’ inadempjenza fuq l-ammont pendenti mid-data li fih ikun dovut. Ir-rata tal-imgħax għandha tkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li tkun fis-seħħ fl-ewwel jum kalendarju tax-xahar li fih taħbat id-data tal-iskadenza, miżjuda bi 3.5 punti perċentwali.

4.Il-kontribuzzjoni finanzjarja ta’ kull pajjiż assoċjat għandha tiġi adattata skont dan l-Anness f’każ ta’ emenda għall-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni Ewropea mdaħħla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 41 tar-Regolament Finanzjarju 8 .



ANNESS II

Il-privileġġi u l-immunitajiet

1.Il-postijiet u l-binjiet tal-Aġenzija għandhom ikunu invjolabbli. Għandhom ikunu eżentati minn tiftix, rekwiżizzjoni, konfiska jew esproprjazzjoni. Il-proprjetà u l-assi tal-Aġenzija ma għandhomx ikunu s-suġġett għal kwalunkwe miżura amministrattiva jew legali ta’ restrizzjoni mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.

2.L-arkivji tal-Aġenzija għandhom ikunu invjolabbli.

3.L-Aġenzija, l-assi, l-introjtu u proprjetà oħra tagħha għandhom ikunu eżentati mit-taxxi diretti kollha.

L-oġġetti u s-servizzi esportati lejn l-Aġenzija għall-użu uffiċjali tagħha min-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein m’għandhom ikunu soġġetti għal ebda dazju u taxxa indiretta.

Fil-każ ta’ oġġetti u servizzi pprovduti lill-Aġenzija fin-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein għall-użu uffiċjali tagħha, eżenzjoni mill-VAT għandha tingħata bħala rifużjoni jew rimessa.

Fil-każ ta’ oġġetti pprovduti lill-Aġenzija fin-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein għall-użu uffiċjali tagħha, eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għandha tingħata bħala rifużjoni jew rimessa.

Kwalunkwe taxxa indiretta oħra pagabbli mill-Aġenzija fin-Norveġja, fl-Iżlanda, fl-Iżvizzera u fil-Liechtenstein għandhom jiġu rimborżati jew ikkanċellati.

Bħala regola, l-applikazzjonijiet għal rifużjoni għandhom jiġu pproċessati fi żmien tliet xhur.

Ma għandha tingħata l-ebda eżenzjoni fir-rigward tat-taxxi u tad-dovuti li jammontaw għal sempliċiment imposti għal servizzi ta’ utilità pubblika.

Il-modalitajiet ta’ eżenzjoni mill-VAT, dazju tas-sisa u taxxi oħra indiretti fin-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein huma stabbiliti fl-Appendiċijiet għal dan l-Anness. In-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija bi kwalunkwe modifika għall-Appendiċi rispettivi tagħhom. Tali notifika għandha, jekk possibbli, tingħata xahrejn qabel mal-modifiki jidħlu fis-seħħ. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tinforma lill-Istati Membri tal-Unjoni bil-modifiki.

4.L-Aġenzija għandha tkun eżentata mid-dazji doganali, il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet kollha fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet fir-rigward tal-oġġetti maħsuba għall-użu uffiċjali tagħha: l-oġġetti importati b’dan il-mod ma għandhomx jintremew, irrispettivament jekk hux bi ħlas jew le, fit-territorju tal-pajjiż li fih ġew importati, ħlief skont kundizzjonijiet approvati mill-gvern ta’ dak il-pajjiż.

L-Aġenzija għandha tkun eżentata wkoll minn kwalunkwe dazju doganali u minn kwalunkwe projbizzjoni u restrizzjoni fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet fir-rigward tal-pubblikazzjonijiet tagħha.

5.Għall-komunikazzjonijiet uffiċjali tagħha u t-trażmissjoni tad-dokumenti kollha tagħha, l-Aġenzija għandha tgawdi fit-territorju ta’ kull pajjiż assoċjat it-trattament mogħti minn dak l-Istat lill-missjonijiet diplomatiċi.

Il-korrispondenza uffiċjali u komunikazzjonijiet uffiċjali oħrajn tal-Aġenzija ma għandhomx ikunu soġġetti għaċ-ċensura.    

6.Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni, kif ukoll dawk tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera, u l-Leichtenstein, li jkunu qed jipparteċipaw fil-ħidma tal-Aġenzija, il-konsulenti u l-esperti tekniċi tagħhom, għandhom, fit-twettiq ta’ dmirijiethom u matul il-vjaġġi tagħhom lejn u mill-post tal-laqgħa, igawdu mill-privileġġi, immunitajiet u faċilitajiet abitwali.

7.Fit-territorju tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein u tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, membri tal-persunal tal-Aġenzija fit-tifsira tal-Artikolu 1 tar-Regolament (Euratom, KEFA, KEE) Nru 549/69 tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 1969 9 għandhom:

(a)soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattati relatati, minn naħa waħda, mar-regoli dwar ir-responsabbiltà tal-uffiċjali u impjegati oħrajn lejn l-Unjoni u, min-naħa l-oħra, mal-ġuriżdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’tilwim bejn l-Unjoni u l-uffiċjali u membri tal-persunal tagħha, ikollhom immunità minn proċedimenti legali fir-rigward tal-atti mwettqa minnhom fil-kapaċità uffiċjali tagħhom, inkluż kliemhom mitkellem jew miktub. Għandhom ikomplu jgawdu minn din l-immunità wara li jkunu waqfu mill-kariga tagħhom;

(b) fir-rigward tar-regolamenti dwar il-munita jew il-kambju, jingħataw l-istess faċilitajiet kif jingħataw b’mod abitwali lil uffiċjali ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

8.Il-membri tal-persunal tal-Aġenzija għandhom iħallsu taxxa għall-benefiċċju tal-Unjoni fuq is-salarji, il-pagi jew l-emolumenti mħallsa lilhom mill-Aġenzija, f’konformità mal-kundizzjonijiet u mal-proċedura stabbilita mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill.

Membri tal-persunal tal-Aġenzija fit-tifsira tal-Artikolu 2 tar-Regolament (Euratom, KEFA, KEE) Nru 549/69 tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 1969 għandhom ikunu eżentati minn taxxi nazzjonali, federali, kantonali, reġjonali, muniċipali u kommunali fuq is-salarji, il-pagi u emolumenti mħallsa mill-Aġenzija. Fir-rigward tal-Iżvizzera, din l-eżenzjoni għandha tingħata skont il-prinċipji tal-liġi nazzjonali tagħha.

Il-membri tal-persunal tal-Aġenzija m’għandhomx ikunu obbligati li jkunu membri tas-sistema tas-sigurtà soċjali Norveġiża, Iżlandiża, Żvizzera jew tal-Liechtenstein sakemm huma diġà koperti mill-iskema ta’ benefiċċji tas-sigurtà soċjali għal uffiċjali u impjegati oħrajn tal-Unjoni. Membri tal-familja ta’ membri tal-persunal tal-Aġenzija li jiffurmaw parti mill-unità domestika tagħhom għandhom ikunu koperti mir-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard tal-UE sakemm ma jkunux impjegati minn impjegatur ieħor minbarra l-Aġenzija u sakemm ma jirċevux benefiċċji tas-sigurtà soċjali minn Stat Membru jew min-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera jew il-Liechtenstein.

9.Fl-applikazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul, tat-taxxa fuq il-ġid u tat-taxxi mal-mewt u fl-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet dwar l-evitar tat-tassazzjoni doppja konklużi bejn in-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera jew il-Liechtenstein u l-Istati Membri tal-Unjoni, membri tal-persunal tal-Aġenzija fit-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (Euratom, KEFA, KEE) Nru 549/69 tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 1969, li, unikament minħabba t-twettiq tad-doveri tagħhom fis-servizz tal-Aġenzija, jistabbilixxu r-residenza tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni li mhuwiex il-pajjiż tad-domiċilju tagħhom għal finijiet ta’ taxxa fil-mument tad-dħul fis-servizz tal-Aġenzija, għandhom jitqiesu, kemm fil-pajjiż tar-residenza attwali tagħhom kif ukoll fil-pajjiż tad-domiċilju għal skopijiet ta’ taxxa, bħala li żammew id-domiċilju tagħhom fil-pajjiż tal-aħħar sakemm ikun Stat Membru tal-Unjoni, jew in-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera jew il-Liechtenstein. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll għall-konjuġi, diment li tal-aħħar ma jkunx/tkunx separatament involut/a f’impjieg bi ħlas, u għat-tfal dipendenti fuq u fil-kura tal-persuni msemmija f’din id-dispożizzjoni.

Il-proprjetà mobbli li tappartjeni għall-persuni msemmija fil-paragrafu preċedenti u li jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjon fejn qed jgħixu għandha tkun eżentata mid-dazji tal-mewt f’dak il-pajjiż; tali proprjetà għandha, għall-valutazzjoni ta’ tali dazju, tiġi kkunsidrata bħala li tinsab fil-pajjiż ta’ domiċilju għall-finijiet ta’ taxxa, soġġett għad-drittijiet tal-pajjiżi terzi u għall-applikazzjoni possibbli tad-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar it-tassazzjoni doppja.

Kwalunkwe domiċilju miksub biss minħabba l-qadi ta’ dmirijiet fis-servizz ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn ma għandux jitqies fl-applikazzjoni taż-żewġ paragrafi preċedenti.

10.Il-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet għandhom jingħataw lill-membri tal-persunal tal-Aġenzija fl-interessi tal-Aġenzija biss.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija għandu jkun meħtieġ jirtira l-immunità mogħtija lil wieħed mill-membri tal-persunal tiegħu fil-każijiet kollha fejn tali immunità tfixkel il-kors tal-ġustizzja u kull fejn jidhirlu li t-tneħħija ta’ din l-immunità ma tmurx kontra l-interessi tal- Aġenzija jew tal-Unjoni.

11.L-Aġenzija għandha, għall-iskop li tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness, tikkoopera mal-awtoritajiet responsabbli tal-pajjiżi assoċjati jew l-Istati Membri kkonċernati.

Appendiċi 1 tal-Anness II

In-Norveġja:

Eżenzjoni mill-VAT għandha tingħata permezz ta’ rifużjoni.

Ir-rifużjoni tal-VAT għandha tingħata mal-preżentazzjoni tal-formoli Norveġiżi pprovduti għal dan il-għan lid-Diviżjoni Prinċipali tal-Uffiċċju Amministrattiv tal-VAT fin-Norveġja (Skatt Øst). Bħala regola, applikazzjonijiet għal rifużjoni għandhom jiġu pproċessati fi ħdan it-tliet xhur li jiġu wara d-data li fiha jkunu ġew ippreżentati flimkien mad-dokumenti ta’ appoġġ meħtieġa.

L-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa u kwalunkwe taxxa indiretta oħra għandha tingħata bħala rifużjoni. Għandha tapplika l-istess proċedura bħal dik għar-rifużjonijiet tal-VAT.

Appendiċi 2 tal-Anness II

L-Iżlanda:

Eżenzjoni mill-VAT għandha tingħata permezz ta’ rifużjoni.

L-eżenzjoni mill-VAT għandha tingħata jekk il-prezz proprju tax-xiri tal-oġġetti u tas-servizzi msemmija fil-fattura jew dokument ekwivalenti jkollu total ta’ mill-inqas 36.400 krona Iżlandiża (li jinkludi t-taxxa).

Ir-rifużjoni tal-VAT għandha tingħata mal-preżentazzjoni tal-formoli Iżlandiżi pprovduti għal dan il-għan lid-Direttorat tad-Dħul Intern Izlandiż (Ríkisskattstjóri). Bħala regola, applikazzjonijiet għal rifużjoni għandhom jiġu pproċessati fi ħdan it-tliet xhur li jiġu wara d-data li fiha jkunu ġew ippreżentati flimkien mad-dokumenti ta’ appoġġ meħtieġa.

L-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa u kwalunkwe taxxa indiretta oħra għandha tingħata bħala rifużjoni. Għandha tapplika l-istess proċedura bħal dik għar-rifużjonijiet tal-VAT.

Appendiċi 3 tal-Anness II

L-Iżvizzera:

Eżenzjoni mill-VAT, dazju tas-sisa u kull taxxa oħra indiretta għandha tingħata bħala rimessa mal-preżentazzjoni tal-formoli Żvizzeri, pprovduti għal dan il-għan, lill-fornitur ta’oġġetti jew servizzi.

Eżenzjoni mill-VAT għandha tingħata jekk il-prezz proprju tax-xiri tal-oġġetti u tas-servizzi msemmija fil-fattura jew dokument ekwivalenti jkollu total ta’ mill-inqas 100 frank Żvizzeru (inkluż it-taxxa).

Appendiċi 4 tal-Anness II

Il-Liechtenstein:

Eżenzjoni mill-VAT, dazju tas-sisa u kull taxxa oħra indiretta għandha tingħata bħala rimessa mal-preżentazzjoni tal-formoli tal-Liechtenstein, ipprovduti għal dan il-għan, lill-fornitur ta’ oġġetti jew servizzi.

Eżenzjoni mill-VAT għandha tingħata jekk il-prezz proprju tax-xiri tal-oġġetti u tas-servizzi msemmija fil-fattura jew dokument ekwivalenti jkollu total ta’ mill-inqas 100 frank Żvizzeru (inkluż it-taxxa).



ANNESS III

Kontroll finanzjarju fir-rigward ta’ parteċipanti Żvizzeri fl-attivitajiet tal-Aġenzija

Artikolu 1
Komunikazzjoni diretta

L-Aġenzija u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jikkomunikaw direttament mal-persuni jew mal-entitajiet kollha stabbiliti fl-Iżvizzera u li jkunu qed jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Aġenzija, bħala kuntratturi, parteċipanti fil-programmi tal-Aġenzija, riċevituri ta’ pagamenti mill-baġit tal-Aġenzija jew tal-UE, jew sottokuntratturi. Tali persuni jistgħu jibagħtu direttament lill-Kummissjoni Ewropa u lill-Aġenzija l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni rilevanti kollha li huma meħtieġa jissottomettu abbażi tal-istrumenti msemmija f’dan l-Arranġament u tal-kuntratti jew tal-ftehimiet konklużi u abbażi ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda skonthom.

Artikolu 2
L-awditi

1.F’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 10 , mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej 11 u mal-istrumenti l-oħrajn msemmija f’dan l-Arranġament, il-kuntratti jew il-ftehimiet konklużi u d-deċiżjonijiet meħuda mal-benefiċjarji stabbiliti fl-Iżvizzera jistgħu jipprovdu għal awditi xjentifiċi, finanzjarji, teknoloġiċi jew awditi oħrajn li jistgħu jitwettqu fi kwalunkwe mument fil-post tal-benefiċjarji u tas-sottokuntratturi tagħhom mill-uffiċjali tal-Aġenzija u tal-Kummissjoni Ewropea jew minn persuni oħra b’mandat mill-Aġenzija u mill-Kummissjoni Ewropea.

2.L-uffiċjali tal-Aġenzija u tal-Kummissjoni Ewropea u persuni oħrajn b’mandat mill-Aġenzija u mill-Kummissjoni Ewropea għandu jkollhom aċċess xieraq għas-siti, għax-xogħlijiet u għad-dokumenti u għall-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettqu tali awditi, inkluż fil-forma elettronika. Dan id-dritt għall-aċċess għandu jiġi espliċitament stipulat fil-kuntratti jew fil-ftehimiet konklużi għall-implimentazzjoni tal-istrumenti msemmija f’dan l-Arranġament.

3.Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandha l-istess drittijiet bħal dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

4.L-awditi jistgħu jseħħu sa ħames snin wara l-iskadenza ta’ dan l-Arranġament jew skont it-termini tal-kuntratti jew ftehimiet konklużi u d-deċiżjonijiet meħuda.

5.L-Uffiċċju tal-Awditjar Federali Svizzeru għandu jiġi avżat qabel l-awditi mwettqa fit-territorju Svizzeru. Din l-informazzjoni ma għandhiex tkun kundizzjoni legali għat-twettiq tal-eżerċizzji tal-awditjar.

Artikolu 3
Verifiki fuq il-post

1.Fi ħdan il-qafas ta’ dan l-Arranġament, il-Kummissjoni Ewropea (l-OLAF) tista’ twettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fit-territorju Żvizzeru, skont it-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 u fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bil-għan li tistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.

2.Il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jitħejjew u jitmexxew mill-OLAF f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Uffiċċju tal-Awditjar Federali Żvizzeru jew mal-awtoritajiet Żvizzeri kompetenti oħrajn maħturin mill-Uffiċċju tal-Awditjar Federali Żvizzeru, li għandhom jiġu nnotifikati fi żmien xieraq dwar l-iskop, il-finijiet u l-bażi legali tal-verifiki u l-ispezzjonijiet, sabiex ikunu jistgħu jipprovdu l-għajnuna kollha meħtieġa. Għal dan il-għan, l-uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti Żvizzeri jistgħu jipparteċipaw fil-verifiki u fl-ispezzjonijiet fuq il-post.

3.Jekk l-awtoritajiet Żvizzeri kkonċernati jkunu jixtiequ hekk, il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jsiru b’mod konġunt mill-OLAF u minnhom.

4.Fejn il-parteċipanti fil-programm jirreżistu verifika jew spezzjoni fuq il-post, l-awtoritajiet Żvizzeri, filwaqt li jaġixxu f’konformità mar-regoli nazzjonali, għandhom jagħtu tali assistenza lill-ispetturi tal-OLAF kif ikunu jeħtieġu biex jippermettulhom iwettqu d-dover tagħhom fit-twettiq tal-verifika jew l-ispezzjoni fuq il-post.

5.L-OLAF għandu jirrapporta lill-Uffiċċju tal-Awditjar Federali Żvizzeru jew lil awtoritajiet kompetenti oħrajn Żvizzeri maħturin mill-Uffiċċju tal-Awditjar Federali Żvizzeru, mill-aktar fis possibbli, dwar kull fatt jew suspett relatat ma’ irregolarità li huwa jkun induna bihom waqt li kien qed iwettaq il-verifika jew l-ispezzjoni fuq il post. F’kull każ, l-OLAF għandu jinforma lill-awtorità msemmija fuq bir-riżultat ta’ dawn il-verifiki u l-ispezzjonijiet.

Artikolu 4
Informazzjoni u konsultazzjoni

1.Għall-għanijiet tal-implimentazzjoni korretta ta’ dan l-Anness, l-awtoritajiet Żvizzeri u tal-UE kompetenti għandhom regolarment jaqsmu l-informazzjoni bejniethom u, fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti għandhom iwettqu konsultazzjonijiet.

2.L-awtoritajiet kompetenti Żvizzeri għandhom jinformaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien bi kwalunkwe fatt jew suspett li nnutaw marbut ma’ irregolarità f’konnessjoni mal-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-kuntratti jew tal-ftehimiet konklużi fl-applikazzjoni tal-istrumenti msemmija f’dan l-Arranġament.

Artikolu 5
Kunfidenzjalità

L-informazzjoni kkomunikata jew miksuba f’kull forma skont dan l-Anness għandha tkun koperta bis-segretezza professjonali u mħarsa bl-istess mod bħalma tkun imħarsa informazzjoni simili mil-liġi Żvizzera u mid-dispożizzjonijiet korrispondenti applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-UE.

Din l-informazzjoni ma għandhiex tiġi kkomunikata lil persuni oħrajn ħlief dawk li fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE, fl-Istati Membri jew fl-Iżvizzera, li l-funzjonijiet tagħhom jirrikjedu li jkunu jafuha, u lanqas ma tista’ tintuża għal għanijiet oħrajn ħlief dawk li jservu biex jiżguraw il-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Partijiet Kontraenti.

Artikolu 6
Miżuri amministrattivi u penali

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali Żvizzera, miżuri amministrattivi u penali jistgħu jiġu imposti mill-Aġenzija jew mill-Kummissjoni Ewropea skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 12 , mar-Regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni 13 u mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea 14 .

Artikolu 7
Irkupru u infurzar

Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Aġenzija jew mill-Kummissjoni Ewropea fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Arranġament li jimponu obbligu ta’ benefiċċju fi flus fuq il-persuni għajr minn Stati għandhom ikunu infurzabbli fl-Iżvizzera. L-ordni tal-infurzar għandha tinħareġ, mingħajr l-ebda kontroll ieħor għajr għall-verifika tal-awtentiċità tal-att, mill-awtorità maħtura mill-gvern Żvizzeru, li għandu jinforma lill-Aġenzija jew lill-Kummissjoni Ewropea b’dan. L-infurzar għandu jseħħ f’konformità mar-regoli ta’ proċedura Żvizzeri. Il-legalità tad-deċiżjoni ta’ infurzar għandha tkun soġġetta għall-kontroll mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Is-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bis-saħħa ta’ klawsola ta’ arbitraġġ, huma infurzabbli skont l-istess termini.



ANNESS IV

Il-kontroll finanzjarju fir-rigward tal-parteċipanti mil-Liechtenstein fl-attivitajiet tal-Aġenzija

Artikolu 1
Komunikazzjoni diretta

L-Aġenzija u l-Kummissjoni Ewropea għandhom jikkomunikaw direttament mal-persuni jew mal-entitajiet kollha stabbiliti fil-Liechtenstein u li jkunu qed jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Aġenzija, bħala kuntratturi, parteċipanti fil-programmi tal-Aġenzija, riċevituri ta’ pagamenti mill-baġit tal-Aġenzija jew tal-Komunità, jew sottokuntratturi. Tali persuni jistgħu jibagħtu direttament lill-Kummissjoni Ewropa u lill-Aġenzija l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni rilevanti kollha li huma meħtieġa jissottomettu abbażi tal-istrumenti msemmija f’dan l-Arranġament u tal-kuntratti jew tal-ftehimiet konklużi u abbażi ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda skonthom.

Artikolu 2
L-awditi

1.F’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 15 , mar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej 16 u mal-istrumenti l-oħrajn imsemmija f’dan l-Arranġament, il-kuntratti jew il-ftehimiet konklużi u d-deċiżjonijiet meħuda mal-benefiċjarji stabbiliti fil-Liechtenstein jistgħu jipprovdu għal awditi xjentifiċi, finanzjarji, teknoloġiċi jew awditi oħrajn li jistgħu jitwettqu fi kwalunkwe mument fil-post tal-benefiċjarji u tas-sottokuntratturi tagħhom mill-uffiċjali tal-Aġenzija u tal-Kummissjoni Ewropea jew minn persuni oħra b’mandat mill-Aġenzija u mill-Kummissjoni Ewropea.

2.L-uffiċjali tal-Aġenzija u tal-Kummissjoni Ewropea u persuni oħrajn b’mandat mill-Aġenzija u mill-Kummissjoni Ewropea għandu jkollhom aċċess xieraq għas-siti, għax-xogħlijiet u għad-dokumenti u għall-informazzjoni kollha meħtieġa biex iwettqu tali awditi, inkluż fil-forma elettronika. Dan id-dritt għall-aċċess għandu jiġi espliċitament stipulat fil-kuntratti jew fil-ftehimiet konklużi għall-implimentazzjoni tal-istrumenti msemmija f’dan l-Arranġament.

3.Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandu jkollha l-istess drittijiet bħall-Kummissjoni Ewropea.

4.L-awditi jistgħu jseħħu sa ħames snin wara l-iskadenza ta’ dan l-Arranġament jew skont it-termini tal-kuntratti jew ftehimiet konklużi u d-deċiżjonijiet meħuda.

5.L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar tal-Liechtenstein għandu jiġi mgħarraf minn qabel bl-awditjar li jsir fit-territorju tal-Liechtenstein. Din l-informazzjoni ma għandhiex tkun kundizzjoni legali għat-twettiq tal-eżerċizzji tal-awditjar.

Artikolu 3
Verifiki fuq il-post

1.Fi ħdan il-qafas ta’ dan il-Ftehim, il-Kummissjoni Ewropea (l-OLAF) tista’ twettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post fit-territorju tal-Liechtenstein, skont it-termini u l-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 u fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill bil-għan li tistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea.

2.Il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post jitħejjew u jitmexxew mill-OLAF b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar tal-Liechtenstein jew ma’ awtoritajiet kompetenti oħrajn fil-Liechtenstein maħtura mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditjar, li għandhom ikunu informati fil-ħin dwar l-oġġett, l-iskop u l-bażi ġuridika tal-kontrolli u l-ispezzjonijiet, sabiex ikunu jistgħu jagħtu l-għajnuna meħtieġa. Għal dan il-għan, l-uffiċjali tal-awtoritajiet kompetenti fil-Liechtenstein jistgħu jieħdu sehem fil-verifiki u fl-ispezzjonijiet fuq il-post.

3.Jekk l-awtoritajiet tal-Liechtenstein ikkonċernati jkunu jixtiequ hekk, il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jsiru b’mod konġunt mill-OLAF u minnhom.

4.Jekk il-parteċipanti fil-programm jopponu verifika jew spezzjoni fuq il-post, l-awtoritajiet tal-Liechtenstein, filwaqt li jaġixxu b’konformità mar-regoli nazzjonali, iridu jagħtu assistenza kif meħtieġ lill-ispetturi tal-OLAF biex ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom fit-twettiq ta’ kontroll jew ta’ spezzjoni fuq il-post.

5.L-OLAF għandu jirrapporta lill-Uffiċċju tal-Awditjar Federali tal-Liechtenstein jew lill-awtoritajiet tal-Liechtenstein kompetenti l-oħrajn maħturin mill-Uffiċċju tal-Awditjar Nazzjonali tal-Liechtenstein, mill-aktar fis possibbli, dwar kull fatt jew suspett relatat ma’ irregolarità li huwa jkun induna bihom waqt li kien qed iwettaq il-verifika jew l-ispezzjoni fuq il post. F’kull każ, l-OLAF għandu jinforma lill-awtorità msemmija fuq bir-riżultat ta’ dawn il-verifiki u l-ispezzjonijiet.

Artikolu 4
Informazzjoni u konsultazzjoni

1.Għall-finijiet tal-implimentazzjoni korretta ta’ dan l-Anness, l-awtoritajiet kompetenti tal-Liechtenstein u tal-UE għandhom jiskambjaw regolarment l-informazzjoni bejniethom u, f’każ li jkun hemm talba minn waħda mill-Partijiet Kontraenti, iwettqu konsultazzjonijiet.

2.L-awtoritajiet kompetenti tal-Liechtenstein għandhom jinfurmaw mingħajr dewmien lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni Ewropea bi kwalunkwe fatt jew suspett li jkun ġie nnotifikat lilhom relatat ma’ xi irregolarità marbut mal-konklużjoni u l-implimentazzjoni tal-kuntratti jew tal-ftehimiet stipulati fl-applikazzjoni tal-istrumenti msemmija f’dan l-Arranġament.

Artikolu 5
Kunfidenzjalità

Informazzjoni kkomunikata jew miksuba fi kwalunkwe forma skont dan l-Anness għandha tkun koperta bis-segretezza professjonali u mħarsa bl-istess mod bħalma informazzjoni simili hija mħarsa permezz tal-liġi tal-Liechtenstein u permezz ta’ dispożizzjonijiet korrispondenti applikabbli għall-istituzzjonijiet tal-UE. Din l-informazzjoni ma għandhiex tiġi kkomunikata lil persuni oħrajn ħlief lil dawk fl-istituzzjonijiet tal-UE, fl-Istati Membri jew fil-Liechtenstein, li l-funzjonijiet tagħhom jirrikjedu li jkunu jafuha, u lanqas ma tista’ tintuża għal skopijiet oħrajn ħlief dawk li jservu biex jiżguraw il-protezzjoni effettiva tal-interessi finanzjarji tal-Partijiet Kontraenti.

Artikolu 6
Miżuri amministrattivi u penali

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-liġi kriminali tal-Liechtenstein, miżuri u penali amministrattivi jistgħu jiġu imposti mill-Aġenzija jew mill-Kummissjoni Ewropea skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 u mar-Regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea. 17 18 19

Artikolu 7
Irkupru u infurzar

Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Aġenzija jew mill-Kummissjoni Ewropea fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Arranġament li jimponu obbligu ta’ benefiċċju fi flus fuq persuni oħrajn għajr l-Istati għandhom ikunu infurzabbli fil-Liechtenstein. L-ordni ta’ infurzar għandha tinħareġ, mingħajr aktar kontrolli apparti mill-verifika tal-awtentiċità tal-att, mill-awtorità maħtura mill-gvern tal-Liechtenstein, li għandu jinfurma b’dan lill-Aġenzija jew lill-Kummissjoni Ewropea. L-infurzar iseħħ f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tal-Liechtenstein. Il-legalità tad-deċiżjoni ta’ infurzar għandha tkun soġġetta għall-kontroll mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Is-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bis-saħħa ta’ klawsola ta’ arbitraġġ, huma infurzabbli skont l-istess termini.

(1)    ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36
(2)    ĠU L 93, 3.4.2001, p. 40
(3)    ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52
(4)    ĠU L 53, 27.2.2008, p. 5
(5)    ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21
(6)    ĠU L 160, 18.6.2011, p. 39
(7)    ĠU L 286, 1.11.2011, p.1, kif emendat l-aħħar mir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20).
(8)    ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1
(9)    Ir-Regolament (Euratom, KEFA, KEE) Nru 549/69 tal-Kunsill tal-25 ta’ Marzu 1969 li jistabbilixxi l-kategoriji ta’ uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej lil liema d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 u l-Artikolu 14 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet japplikaw,ĠU L 74, 27.3.1969 p.1 kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 371/2009, ĠU L 121, 15.5.2009, p. 1.
(10)    ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1
(11)    ĠU L 357, 31.12.2002 p. 72, kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 652/2008 ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23.
(12)    ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1
(13)    ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1.
(14)    ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1
(15)    ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1
(16)    ĠU L 357, 31.12.2002 p. 72, kif emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 652/2008 ĠU L 181, 10.7.2008, p. 23.
(17)    Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(18)    Ir-Regolament delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad-29/10/2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, ĠU L 362, 31.12.2012, p. 1.
(19)    ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1