Brussell, 17.8.2018

COM(2018) 598 final

2018/0308(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendi għall-Annessi tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) u għar-Regolamenti Annessi tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN), adottati mill-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi – WP.15 u mill-Kumitat Amministrattiv tal-ADN


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.SUĠĠETT TAL-PROPOSTA

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta għandha l-għan li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendi għall-Annessi tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) u għar-Regolamenti Annessi mal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN), kif applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2019, b’rabta mat-tmiem tal-perjodu ta’ waqfien previst li fih il-membri tal-partijiet kontraenti tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (WP.15) u l-Kumitat Amministrattiv tal-ADN jistgħu joġġezzjonaw għall-emendi proposti għall-edizzjoni tal-2019.

2.KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-Annessi u r-Regolamenti msemmija hawn fuq, magħrufa l-aktar bħala l-Annessi tal-ADR u r-Regolamenti Annessi mal-ADN, jirregolaw it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi bit-triq u fuq passaġġi tal-ilma interni, rispettivament, bejn il-membri tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) li huma wkoll Partijiet Kontraenti tal-ADR u l-ADN.

L-iżvilupp tat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq u fuq passaġġi tal-ilma interni, kemm fl-Unjoni kif ukoll bejn l-Unjoni u l-pajjiżi ġirien, huwa komponent ewlieni tal-politika komuni tat-trasport Ewropew u jiżgura t-tħaddim tajjeb tal-oqsma industrijali kollha li jipproduċu jew li jużaw prodotti kklassifikati bħala perikolużi skont l-ADR u l-ADN. Għalhekk, l-adattament għall-progress tekniku u xjentifiku ta’ dawn il-ftehimiet huwa essenzjali biex jippermetti l-iżvilupp tat-trasport u tas-setturi industrijali assoċjati fil-katina ekonomika. L-emendi għandhom l-għan li jallinjaw l-ADR u l-ADN mar-Regolamenti Mudell tan-NU, li jinkludu definizzjonijiet ġodda, kriterji ta’ klassifikazzjoni u numri NU, rekwiżiti tal-ippakkjar / tat-tikkettar, l-aġġornament ta’ standards applikabbli u ta’ dispożizzjonijiet tekniċi kif ukoll korrezzjonijiet editorjali.

Id-dispożizzjonijiet internazzjonali relatati mat-trasport ta’ oġġetti perikolużi huma stabbiliti f’diversi organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NU/KEE, l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) u diversi korpi speċjalizzati tan-Nazzjonijiet Uniti. Billi r-regoli jridu jkunu kompatibbli ma’ xulxin, ġiet żviluppata sistema internazzjonali kumplessa għall-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet involuti f’din il-ħidma. Id-dispożizzjonijiet jiġu adattati wara ċiklu ta’ sentejn.

 

2.1 Il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR)

Il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) għandu l-għan li jirregola t-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi bit-triq bejn l-Istati Membri tan-NU/KEE u stati oħrajn li japplikaw l-ADR (partijiet kontraenti tal-ADR). Il-Ftehim daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Jannar 1968. L-Unjoni Ewropea ma hijiex parti tal-Ftehim, iżda l-Istati Membri tagħha kollha huma partijiet kontraenti ta’ dan il-Ftehim.

2.2 Il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN)

Il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN) għandu l-għan li jirregola t-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi fuq passaġġi tal-ilma interni bejn l-Istati Membri tan-NU/KEE li japplikaw l-ADN (partijiet kontraenti tal-ADN). Il-Ftehim daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Frar 2008. L-Unjoni Ewropea ma hijiex parti tal-Ftehim, iżda tnax mill-Istati Membri tagħha huma partijiet kontraenti ta’ dan il-Ftehim.

2.3 Il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (WP.15) u l-Kumitat Amministrattiv tal-ADN; deċiżjonijiet adottati u segwitu

Il-grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (WP.15) u l-Kumitat Amministrattiv tal-ADN u l-Kumitat tas-Sikurezza tal-ADN (WP.15/AC.2) huma l-korpi stabbiliti b’konformità man-NU/KEE sabiex jiddeċiedu dwar l-emendi għall-ADR u għall-ADN. Dawn il-korpi huma magħmula mir-rappreżentanti tal-Istati Membri tan-NU/KEE li japplikaw l-ADR u l-ADN. Kull parti kontraenti tal-ADR u tal-ADN għandha vot wieħed.

Skont il-Kapitolu VII - “Votazzjoni” tat-Termini ta’ Referenza u r-Regoli ta’ Proċedura tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (WP.15), huma biss dawk li jipparteċipaw bis-sħiħ li jkollhom vot wieħed kull wieħed fid-WP.15 u d-deċiżjonijiet ta’ dan il-korp għandhom prinċipalment jittieħdu b’kunsens. Il-Grupp ta’ Ħidma WP.15 jivvota b’turija tal-idejn.

Skont l-Artikolu 17(7) tal-ADN, kull Parti Kontraenti rappreżentata fis-sessjoni tal-Kumitat Amministrattiv tal-ADN għandu jkollha vot wieħed.

L-emendi adottati matul il-perjodu ta’ sentejn 2016-2018 jinkludu serje wiesgħa ta’ adattamenti għall-progress tekniku u xjentifiku.

B’mod partikolari, ir-regoli għall-klassifikazzjoni ta’ oġġetti perikolużi ġew iċċarati fiż-żewġ ftehimiet li huma fir-rigward tal-kampjuni ta’ materjali enerġetiċi għall-iskopijiet ta’ ttestjar (it-taqsima 2.1.4.3), tal-klassifikazzjoni tal-oġġetti bħala oġġetti li jkun fihom oġġetti perikolużi, mhux speċifikati b’mod ieħor (it-taqsima 2.1.5), u tal-klassifikazzjoni ta’ sustanzi korrużivi (it-taqsima 2.2.8). Ġew introdotti diversi entrati ġodda fil-lista ta’ oġġetti perikolużi, li jibdew min-numru NU 3535 OĠĠETTI SOLIDI, LI JISTGĦU JIEĦDU N-NAR, INORGANIĊI, MHUX SPEĊIFIKATI B’MOD IEĦOR sa NU 3548 OĠĠETTI LI FIHOM OĠĠETTI MIXXELLANJI PERIKOLUŻI, MHUX SPEĊIFIKATI B’MOD IEĦOR. Ġew abbozzati struzzjonijiet ġodda għall-ippakkjar, eż. l-istruzzjoni għall-ippakkjar P911 għal ċelluli u batteriji difettużi (batteriji tal-metall tal-litju, batteriji tal-joni tal-litju; meta jinġarru individwalment jew meta jkunu f’tagħmir). Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-ippakkjar eżistenti fil-Kapitolu 3.3 ġew emendati, eż. id-dispożizzjoni speċjali 392 — applikabbli għall-ġarr ta’ sistemi ta’ konteniment ta’ gass tal-fjuwil iddisinjati u approvati biex jiġu installati fuq vetturi motorizzati li fihom il-gass — ġiet emendata sabiex tirrifletti l-iżvilupp ta’ standards u regolamenti speċifiċi, inkluż ir-Regolament (KE) Nru 79/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE 1 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 406/2010 tas-26 ta’ April 2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 79/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi motorizzati li jaħdmu bl-idroġenu 2 . Fir-rigward tal-emendi speċifiċi għall-modalità, fl-ADR, ġew introdotti regoli ġodda applikabbli għall-irbit. Fir-rigward tal-ADN, ġew introdotti l-klassifikazzjoni taż-żoni tal-bastimenti tankijiet li jeħtieġu l-protezzjoni minn splużjonjiet u l-klassifikazzjoni tal-kategorija tat-tagħmir, sabiex ir-rekwiżiti applikabbli għal tali vapuri jiġu addattat bir-rekwiżiti attwali tad-Direttiva 2014/34/UE 3 .

Waqt it-tħejjija ta’ dawn l-emendi, saru konsultazzjonijiet ma’ firxa kbira ta’ esperti mis-settur pubbliku u privat. Meta kienu qed jiġu żviluppati dawn l-emendi, saru dawn il-laqgħat tekniċi li ġejjin:

fis-Sottokumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (SCETDG) tal-ECOSEC tan-Nazzjonijiet Uniti, waqt:

(1)is-47 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mit-22 sas-26 ta’ Ġunju 2015,

(2)it-48 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mit-30 ta’ Novembru sad-9 ta’ Diċembru 2015,

(3)id-49 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mis-27 ta’ Ġunju sas-7 ta’ Lulju 2016,

(4)il-50 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mit-28 ta’ Novembru sas-6 ta’ Diċembru 2016,

fil-Laqgħa Konġunta tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID tal-OTIF-UNECE u fil-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (WP.15/AC.1), waqt:

(1)is-sessjoni tiegħu tal-ħarifa tal-2016 f’Ġinevra, mid-19 sat-23 ta’ Settembru 2016,

(2)is-sessjoni tiegħu tar-rebbiegħa tal-2017 f’Bern, mit-13 sas-17 ta’ Marzu 2017,

(3)is-sessjoni tiegħu tal-ħarifa tal-2017 f’Ġinevra, mid-19 sat-29 ta’ Settembru 2017,

(4)is-sessjoni tiegħu tar-rebbiegħa f’Bern, mit-12 sas-16 ta’ Marzu 2018,

għall-ADR, fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (WP.15) waqt:

(1)il-101 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mit-8 sal-10 ta’ Novembru 2016,

(2)il-102 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mit-8 sal-12 ta’ Mejju 2017,

(3)il-103 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mis-6 sal-10 ta’ Novembru 2017,

(4)il-104 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mill-15 sas-17 ta’ Mejju 2018,

għall-ADN, fi ħdan il-Kumitat tas-Sikurezza tal-ADN (WP.15/AC.2) waqt:

(1)id-29 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mit-22 sas-26 ta’ Awwissu 2016,

(2)it-30 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mit-23 sas-27 ta’ Jannar 2017,

(3)il-31 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mit-28 sal-31 ta’ Awwissu 2017,

(4)it-32 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mit-22 sas-26 ta’ Jannar 2018,

il-Kumitat Amministrattiv tal-ADN waqt:

(1)l-għoxrin sessjoni tiegħu f’Ġinevra, fis-26 ta’ Jannar 2018.

Waqt dawn il-laqgħat, il-Kumitati ta’ Esperti analizzaw u proċessaw il-proposti individwali għall-emendi. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-azzjoni rakkomandata ġiet maqbula b’mod unanimu. Ċerti proposti ġew rakkomandati mill-maġġoranza tal-esperti.

Għall-ADR, il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi – WP.15 ħa d-deċiżjoni dwar dawn il-proposti f’kull waħda minn dawn is-sessjonijiet imsemmija hawn fuq. Għall-ADN, il-Kumitat Amministrattiv iddeċieda dwar l-emendi fl-għoxrin sessjoni tiegħu f’Ġinevra, fis-26 ta’ Jannar 2018.

Skont l-Artikolu 14 tal-ADR, ladarba tiġi deċiża mill-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi – WP.15, kwalunkwe emenda proposta għall-Annessi tal-ADR għandha titqies bħala aċċettata sakemm, fi żmien tliet xhur mid-data li fiha s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti jiċċirkolaha, mill-inqas terz tal-Partijiet Kontraenti jew ħamsa minnhom jekk terz jaqbeż dik iċ-ċifra, ma jkunux taw notifika bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali bl-oġġezzjoni tagħhom għall-emenda proposta.

Skont l-Artikolu 20 tal-ADN, ladarba tiġi deċiża mill-Kumitat Amministrattiv tal-ADN, kwalunkwe emenda proposta għall-Annessi tal-ADR għandha titqies bħala aċċettata sakemm, fi żmien tliet xhur mid-data li fiha s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti jiċċirkolaha, mill-inqas terz tal-Partijiet Kontraenti jew ħamsa minnhom jekk terz jaqbeż dik iċ-ċifra, ma jkunux taw notifika bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali bl-oġġezzjoni tagħhom għall-emenda proposta.

L-emendi li qed jiġu adottati mid-WP.15, kif ippreżentati fid-dokumenti li jinsabu fl-Anness ta’ din il-proposta, intbagħtu lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex ikunu jistgħu jiġu nnotifikati lill-Partijiet Kontraenti tal-ADR fl-1 ta’ Lulju 2018 għall-aċċettazzjoni skont il-proċedura stipulata f’Artikolu 14 tal-ADR u huma disponibbli online 4 .

L-emendi adottati mill-Kumitat Amministrattiv tal-ADN, kif ippreżentati fid-dokumenti li jinsabu fl-Anness ta’ din il-proposta, ġew innotifikati mis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti lill-Partijiet Kontraenti tal-ADN fl-1 ta’ Lulju 2018 għall-aċċettazzjoni skont il-proċedura stipulata f’Artikolu 20 tal-ADN u huma disponibbli online 5 .

Sal-1 ta’ Ottubru 2018, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, fil-kapaċità tiegħu bħala depożitarju, jista’ jirċievi oġġezzjonijiet għall-emendi għall-ADR u l-ADN kif adottati fis-sessjonijiet imsemmija fil-punt 2.3 ta’ hawn fuq.

Sakemm ma jitqajmux għadd suffiċjenti ta’ oġġezzjonijiet mill-Partijiet, l-emendi kkonċernati skont din il-proposta huma mistennija li jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2019 u jsiru vinkolanti.

3. IL-POŻIZZJONI LI GĦANDHA TITTIEĦED F’ISEM L-UNJONI

3.1 Sfond

L-Unjoni Ewropea ma hijiex parti kontraenti tal-ADR u l-ADN. Madankollu, il-fatt li l-Unjoni Ewropea ma tiħux sehem fi ftehim internazzjonali ma jipprekludihiex milli teżerċita l-kompetenza tagħha billi tistabbilixxi, permezz tal-istituzzjonijiet tagħha, pożizzjoni li għandha tittieħed f’isimha fil-korp stabbilit permezz ta’ dan il-Ftehim, b’mod partikolari permezz tal-Istati Membri li huma partijiet kontraenti tal-imsemmi ftehim li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tagħha (ara s-sentenza l-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12 (“OIV”), il-paragrafu 52 u l-każistika msemmija).

Bħalissa hemm 50 Parti Kontraenti tal-ADR, u l-Istati Membri kollha tal-UE huma partijiet kontraenti ta’ dan il-Ftehim. Hemm ukoll 17-il Parti Kontraenti tal-ADN, u 12-il Stat Membru tal-UE huma partijiet kontraenti ta’ dan il-Ftehim.

Mill-1 ta’ Jannar 1997 l-Unjoni Ewropea applikat id-dispożizzjonijiet tal-ADR għat-trasport bit-triq ta’ oġġetti perikolużi fit-territorju tal-UE, inizjalment skont id-Direttiva tal-Kunsill 94/55/KE tal-21 ta' Novembru 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq 6 . Fl-2008, id-Direttiva 94/55/KE ġiet sostitwita bid-Direttiva 2008/68/KE li ssegwi l-prinċipji tal-predeċessur tagħha. Mill-1 ta’ Jannar 2009, l-Unjoni Ewropea applikat id-dispożizzjonijiet tal-ADN għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi mill-passaġġi fuq l-ilma interni.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/68/KE, rigward pajjiżi terzi, jistabbilixxi li “it-trasport ta’ oġġetti perikolużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandu jiġi awtorizzat kemm-il darba jkun konformi mar-rekwiżiti tal-ADR, l-RID jew l-ADN, ħlief jekk ikun indikat mod ieħor fl-Annessi”.

Barra minn hekk, l-emendi msemmija hawn fuq, sal-punt li dawn isiru vinkolanti, se jkollhom inċidenza fuq it-tħaddim tad-Direttiva 2008/68/KE fir-rigward tal-Artikolu 8 tagħha. Skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadatta l-Anness I, it-Taqsima I.1 u l-Anness III, it-Taqsima III.1 tad-Direttiva 2008/68/KE għall-progress xjentifiku u tekniku, “partikolarment sabiex jitqiesu l-emendi għall-ADR, l-RID u l-ADN”.

3.2 Il-pożizzjoni tal-UE

L-Anness ta’ din il-proposta jipprevedi lista dettaljata tal-emendi previsti, li tispeċifika li jistgħu jiġu aċċettati mill-Unjoni. L-emendi previsti huma meqjusa xierqa għat-trasport sikur ta’ oġġetti perikolużi b’mod kosteffettiv, meta jiġi kkunsidrat il-progress teknoloġiku, u għalhekk jistgħu jiġu appoġġati. L-emendi proposti jiffavorixxu t-trasport sikur u żgur ta’ oġġetti perikolużi billi għandhom l-għan li jġibu fix-xejn il-perikli intrinsiċi ta’ dawn l-oġġetti.

4. BAŻI ĠURIDIKA

4.1 Bażi Ġuridika Proċedurali

4.1.1 Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika indipendentement minn jekk l-Unjoni hijiex membru tas-sede jew parti tal-ftehim 7 .

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li għandhom effetti legali meta jiġu applikati r-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp (“is-sede”) inkwistjoni. Dan jinkludi strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni” 8 .

4.1.2 L-applikazzjoni għall-każ preżenti

Id-WP.15 huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR).

Il-Kumitat Amministrattiv tal-ADN huwa korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN).

L-atti li ġew adottati mid-WP.15 u mill-Kumitat Amministrattiv tal-ADN jikkostitwixxu atti li jkollhom effetti legali. Bil-kundizzjonijiet deskritti hawn fuq, l-atti adottati se jkunu vinkolanti skont il-liġi internazzjonali b’konformità mal-Artikolu 14 tal-ADR u l-Artikolu 20 tal-ADN u huma kapaċi jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, speċifikament id-Direttiva 2008/68/KE. Dan huwa minħabba li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/68/KE rigward il-pajjiżi terzi jistabbilixxi li “it-trasport ta’ oġġetti perikolużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandu jiġi awtorizzat kemm-il darba jkun konformi mar-rekwiżiti tal-ADR, l-RID jew l-ADN, ħlief jekk ikun indikat mod ieħor fl-Annessi.” Barra minn hekk, l-atti se jkollhom inċidenza fuq it-tħaddim tad-Direttiva 2008/68/KE fir-rigward tal-Artikolu 8 tagħha. Skont din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadatta l-Anness I, it-Taqsima I.1 u l-Anness III, it-Taqsima III.1 tad-Direttiva 2008/68/KE għall-progress xjentifiku u tekniku, “partikolarment sabiex jitqiesu l-emendi għall-ADR, l-RID u l-ADN”.

L-atti previsti ma jissupplimentawx jew ma jemendawx il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218 (9) tat-TFUE.

4.2 Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1 Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-għan u mill-kontenut tal-att previst li dwarhom tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2 L-applikazzjoni għall-każ preżenti

L-għan ewlieni u l-kontenut tad-Deċiżjoni għandhom x’jaqsmu mat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq u fuq passaġġi tal-ilma interni. Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 91 tat-TFUE.

4.3 Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta jenħtieġ tkun l-Artikolu 91 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5. PUBBLIKAZZJONI TAL-ATT PREVIST

Għal raġunijiet ta’ trasparenza u ta’ referenza xierqa, id-deċiżjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (WP.15) u tal-Kumitat tas-Sikurezza tal-ADN għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jissemma meta jidħlu fis-seħħ.

2018/0308 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendi għall-Annessi tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) u għar-Regolamenti Annessi tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN), adottati mill-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi – WP.15 u mill-Kumitat Amministrattiv tal-ADN

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (“ADR”) daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Jannar 1968. Il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (“ADN”) daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Frar 2008.

(2)Skont l-Artikolu 14 tal-ADR, kwalunkwe Parti Kontraenti tista’ tipproponi emenda waħda jew aktar għall-Annessi ta’ dan il-Ftehim u, għaldaqstant, il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi – WP.15 jista’ jadotta emendi għall-Annessi tal-ADR. Skont l-Artikolu 20 tal-ADN, il-Kumitat tas-Sikurezza u l-Kumitat Amministrattiv jistgħu jadottaw emendi għar-Regolamenti Annessi tal-ADN.

(3)L-emendi adottati matul il-perjodu ta’ sentejn 2016-2018 mid-WP.15 u mill-Kumitat Amministrattiv tal-ADN dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq u fuq passaġġi tal-ilma interni ġew innotifikati lill-partijiet kontraenti tal-ADR u tal-ADN fl-1 ta’ Lulju 2018.

(4)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ dawk l-emendi għall-ADR u għall-ADN, peress li dawk l-atti se jkunu kapaċi li jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi 9 . Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija jew fuq passaġġi tal-ilma interni fl-Istati Membri jew bejniethom, billi tirreferi għall-ADR u l-ADN. Għalhekk, l-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva jipprevedi li t-trasport ta’ oġġetti perikolużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandu jiġi awtorizzat kemm-il darba jkun konformi mar-rekwiżiti tal-ADR, l-RID jew l-ADN, ħlief jekk ikun indikat mod ieħor fl-Annessi. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadatta l-Anness I, it-Taqsima I.1 u l-Anness III, it-Taqsima III.1 tad-Direttiva 2008/68/KE għall-progress xjentifiku u tekniku, “partikolarment sabiex jitqiesu l-emendi għall-ADR, l-RID u l-ADN”.

(5)L-Unjoni ma hijiex parti kontraenti tal-ADR u l-ADN. Madankollu, dan il-fatt ma jipprekludihiex milli teżerċita l-kompetenza tagħha billi tistabbilixxi, permezz tal-istituzzjonijiet tagħha, pożizzjoni li għandha tittieħed f’isimha fis-sede stabbilit permezz ta’ dak il-ftehim, b’mod partikolari permezz tal-Istati Membri li huma partijiet kontraenti tal-imsemmi ftehim li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tagħha.

(6)L-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti għall-ADR u japplikawh, u 12-il Stat Membru huma partijiet kontraenti u japplikaw l-ADN.

(7)L-emendi adottati, kif imsemmi hawn fuq, jikkonċernaw standards tekniċi jew preskrizzjonijiet tekniċi uniformi, u għandhom l-għan li jiżguraw it-trasport effiċjenti u sikur ta’ oġġetti perikolużi filwaqt li jqisu l-progress xjentifiku u tekniku fis-settur u l-iżvilupp ta’ sustanzi ġodda u oġġetti li jippreżentaw periklu matul it-trasport tagħhom. L-iżvilupp tat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq u fuq passaġġi tal-ilma interni, kemm fl-Unjoni kif ukoll bejn l-Unjoni u l-pajjiżi ġirien tagħha, huwa komponent ewlieni tal-politika komuni tat-trasport u jiżgura t-tħaddim tajjeb tal-oqsma industrijali kollha li jipproduċu jew li jużaw prodotti kklassifikati bħala perikolużi skont l-ADR u l-ADN.

(8)L-emendi proposti huma kollha ġġustifikati u ta’ benefiċċju, u għalhekk għandhom jiġu appoġġjati mill-Unjoni.

(9) Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma partijiet kontraenti tal-ADR u l-ADN, waqt li jaġixxu b’mod konġunt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendi adottati mill-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi – WP.15 u mill-Kumitat Amministrattiv tal-ADN għall-Annessi tal-ADR u għar-Regolamenti Annessi tal-ADN, rispettivament, kif imsemmi fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, hija stipulata f’dan l-Anness.

Bidliet minuri għal din il-pożizzjoni jistgħu jiġu miftiehma mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill, b’konformità mal-Artikolu 2.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma partijiet kontraenti tal-ADR u l-ADN, waqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3

Referenza għad-deċiżjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (WP.15) u tal-Kumitat tas-Sikurezza tal-ADN għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jissemma meta jidħlu fis-seħħ.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 35, 4.2.2009, p. 32.
(2)    ĠU L 122, 18.5.2010, p. 1.
(3)    ĠU L 96, 29.3.2014, p. 309.
(4)    http://www.unece.org/trans/main/dgdb/wp15/wp15rep.html.
(5)    http://www.unece.org/trans/main/dgdb/adn/adn_rep.html.
(6)    ĠU L 319, 12.12.1994, p. 7. .
(7)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafu 64.
(8)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(9)    ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13.

Brussell, 17.8.2018

COM(2018) 598 final

ANNESS

ta' [...]

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-emendi għall-Annessi tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta' Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) u għar-Regolamenti Annessi tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta' Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN), adottati mill-Grupp ta' Ħidma dwar it-Trasport ta' Oġġetti Perikolużi - WP.15 u mill-Kumitat Amministrattiv tal-ADN


ANNESS

Proposta

Id-Dokument ta’ Referenza

Notifika

Il-kwistjoni

Kummenti

Pożizzjoni tal-UE

1

ECE/TRANS/WP.15/240

C.N.304.2018. TREATIES-XI.B.14

Abbozz ta’ emendi għall-Annessi A u B tal-ADR

Kunsens tekniku fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi – WP.15.

Qbil mal-emendi.

2

ECE/TRANS/WP.15/240/Add.1

C.N.304.2018. TREATIES-XI.B.14

Abbozz ta’ emendi għall-Annessi A u B tal-ADR - Addendum (Maħruġ mill-ġdid fit-8 ta’ Ġunju 2018) 

Kunsens tekniku fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi – WP.15.

Qbil mal-emendi.

3

ECE/TRANS/WP.15/240/Corr.1

C.N.304.2018. TREATIES-XI.B.14

Abbozz ta’ emendi għall-Annessi A u B tal-ADR - Rettifika (Maħruġ mill-ġdid fit-8 ta’ Ġunju 2018)

Kunsens tekniku fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi – WP.15.

Qbil mal-emendi.

ECE/ADN/45

C.N.297.2018. TREATIES-XI.D.6

Abbozz ta’ emendi għar-Regolamenti annessi mal-ADN

Kunsens tekniku fil-Kumitat Amministrattiv tal-ADN.

Qbil mal-emendi.