IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.7.2018
COM(2018) 551 final
2018/0292(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-applikazzjoni mill-Unjoni tar-Regolamenti Nri 9, 63 u 92 tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa dwar id-dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ vetturi bi tliet roti, mopeds u sistemi tas-sajlensers tal-egżost ta’ sostituzzjoni għal vetturi tal-kategorija L fir-rigward tal-emissjonijiet tal-ħsejjes
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) tiżviluppa rekwiżiti armonizzati fuq livell internazzjonali li huma maħsubin biex ineħħu l-ostakli tekniċi għall-kummerċ tal-vetturi bil-mutur bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti li tikkonċerna l-adozzjoni ta’ preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għal vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jiġu użati fuq vetturi bir-roti u l-kondizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija abbażi ta’ dawn il-preskrizzjonijiet (“il-Ftehim Rivedut tal-1958”) u biex jiġi żgurat li vetturi bħal dawn joffru livell għoli ta’ saħħa, sikurezza u protezzjoni ambjentali.
L-Unjoni Ewropea hija parti kontraenti għall-Ftehim Rivedut tal-1958, bħalma huma wkoll l-Istati Membri, u tapplika l-parti l-kbira Regolamenti tan-NU adottati skont dan il-Ftehim, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li ma jipprovdux livell ta’ protezzjoni simili għal jew ogħla minn dak tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Dan kien il-każ, sa issa, bir-Regolamenti Nri 9 tan-NU dwar l-emissjonijiet ta’ ħoss ta’ vetturi bi tliet roti, 63 dwar l-emissjonijiet ta’ ħoss ta’ mopeds u 92 dwar is-sistemi tas-sajlensers tal-egżost ta’ sostituzzjoni għall-vetturi tal-kategorija L (“ir-Regolamenti tan-NU Nri 9, 63 u 92”, rispettivament). Madankollu, dawk ir-Regolamenti tan-NU reċentement inġiebu għall-istess livell ta’ protezzjoni ambjentali kif miksub permezz tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-approvazzjoni tat-tip, li issa tippermetti lill-Unjoni tibda tapplika dawk ir-Regolamenti tan-NU. L-għan ta’ dawn ir-regolamenti huwa li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet ekwivalenti għall-kontroll tal-ħoss tal-muturi u kjarifiki għat-test tal-kejl tal-ħoss tal-vettura wieqfa ta’ vetturi bħal dawn.
Fil-livell tal-UE, l-Annessi IV, V u VI tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli, b’referenza għall-Anness IX tar-Regolament (UE) Nru 134/2014 dwar ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni ambjentali u tal-prestazzjoni tal-unità tal-propulsjoni ta’ vetturi b’żewġ roti jew bi tlieta u l-kwadriċikli u l-komponenti tagħhom, is-sistemi u l-unitajiet tekniċi separati, jagħtu l-mandat tal-approvazzjoni tat-tip għal vetturi bil-mutur b’żewġ roti jew bi tlieta, skont il-proċeduri tal-kejl u l-valuri ta’ limitu għal-livelli tal-ħoss kif stabbilit fl-Annessi IV, V u VI tar-Regolament (UE) Nru 168/2013.
Din id-Deċiżjoni tal-Kunsill tiddetermina l-applikazzjoni mill-Unjoni tar-Regolamenti tan-NU Nri 9, 63 u 92 u tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnotifika lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti b’dan.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika
Din il-proposta tikkumplimenta u hija konformi għalkollox mal-politika tas-suq intern tal-Unjoni fir-rigward tal-industrija tal-karozzi.
Is-sistema tad-WP.29 issaħħaħ l-armonizzazzjoni internazzjonali tal-istandards tal-vetturi. Il-Ftehim tal-1958 għandu rwol ewlieni f’dan l-għan għaliex il-manifatturi tal-UE jistgħu joperaw b’sett komuni ta’ Regolamenti tal-approvazzjoni tat-tip bl-għarfien li l-prodott se jkun rikonoxxut mill-Partijiet Kontraenti bħala konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Din l-iskema, pereżempju, ippermettiet li r-Regolament (UE) Nru 134/2014 japplika diġà r-Regolament tan-NU Nru 41 dwar l-approvazzjoni tal-muturi fir-rigward tal-ħoss, filwaqt li ppermettiet lir-Regolament (UE) Nru 3/2014 dwar is-sikurezza funzjonali ta’ vetturi b’żewġ roti jew bi tlieta u l-kwadriċikli u r-Regolament (UE) Nru 44/2014 dwar il-kostruzzjoni u rekwiżiti ġenerali tal-istess vetturi li japplikaw fuq bażi obbligatorja 31 Regolament tan-NU.
Intuża approċċ simili fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 661/2009 dwar is-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, li jirrevoka aktar minn 50 Direttiva tal-UE u jissostitwixxihom bir-Regolamenti korrispondenti żviluppati skont il-Ftehim tal-1958 u skont id-Direttiva 2007/46/KE, li ssostitwixxiet is-sistemi ta’ approvazzjoni tal-Istati Membri bi proċedura ta’ approvazzjoni tal-Unjoni, u stabbilixxiet qafas armonizzat li fih id-dispożizzjonijiet amministrattivi u r-rekwiżiti tekniċi ġenerali għall-vetturi l-ġodda kollha, is-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati. Dik id-Direttiva inkorporat ir-Regolamenti tan-NU fis-sistema tal-UE tal-approvazzjoni tat-tip, bħala rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip jew bħala alternattivi għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Mill-adozzjoni ta’ dik id-Direttiva, ir-Regolamenti tan-NU ġew inkorporati dejjem aktar fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qafas tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija konformi mal-għanijiet tar-Regolamenti (UE) Nru 168/2013 u 134/2014, u għaldaqstant hija konformi mal-għanijiet tas-saħħa, tas-sikurezza u ambjentali tal-UE u mal-għan li jsir progress lejn l-armonizzazzjoni internazzjonali tal-leġiżlazzjoni dwar il-vetturi tal-kategorija L (vetturi b’żewġ jew bi tliet roti u kwadriċikli).
Barra minn hekk, il-proposta hija konformi mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE bil-għan tal-applikazzjoni tal-Ftehim Rivedut tal-1958 mill-Komunità Ewropea. Is-sistema tad-WP.29 hija wkoll marbuta mal-politika tal-Unjoni dwar il-kompetittività, li fuqha din l-inizjattiva għandha impatt pożittiv. Din il-proposta hija konsistenti wkoll mal-politiki tal-Unjoni għat-trasport u l-enerġija, li jitqiesu sew fil-proċess għall-abbozzar u l-adozzjoni tar-Regolamenti tan-NU li jaqgħu taħt il-Ftehim tal-1958.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Meta wieħed iqis l-għan u l-kontenut tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, il-bażijiet ġuridiċi huma l-Artikoli 114 u 207 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE. Il-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill hija dik stipulata fl-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE.
•Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)
Ir-rekwiżiti dwar il-ħoss huma diġà armonizzati fil-livell tal-UE, iżda l-leġiżlazzjoni rilevanti hija skaduta u teħtieġ aġġornament fir-rigward tal-progress tekniku li sar mindu ġiet adottata. L-applikazzjoni tal-istrumenti internazzjonali bħalma huma Regolamenti tan-NU ekwivalenti u l-inkorporazzjoni tagħhom fis-sistema tal-UE għall-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi bil-mutur tista' ssir biss mill-Unjoni Ewropea. Dan mhux biss jevita l-frammentazzjoni tas-Suq Intern, iżda wkoll jassigura standards uniformi dwar is-saħħa, is-sikurezza u l-ambjent fl-Unjoni kollha. Joffri wkoll vantaġġi derivati minn ekonomiji ta’ skala: il-prodotti jistgħu jsiru għas-suq tal-Unjoni kollu u anki għas-suq internazzjonali, minflok jiġu manifatturati apposta biex jingħataw l-approvazzjoni tat-tip għal kull Stat Membru.
Għaldaqstant, il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.
•Proporzjonalità
Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għaliex ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex tilħaq l-għanijiet li tiżgura t-tħaddim tajjeb tas-Suq Intern filwaqt li fl-istess ħin ikun hemm livell għoli ta’ sikurezza pubblika u protezzjoni ambjentali.
•Għażla tal-istrument
L-istrument li qed jiġi propost: Deċiżjoni tal-Kunsill.
Huwa meqjus xieraq l-użu ta' Deċiżjoni tal-Kunsill billi dan jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•L-evalwazzjonijiet ex post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Hi u tiżviluppa l-proposta, il-Kummissjoni Ewropea kkonsultat mal-partijiet ikkonċernati u mal-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati. Saret konsultazzjoni ġenerali dwar l-approċċ previst rigward l-emissjonijiet tal-ħoss tal-vetturi li ġabret flimkien l-Istati Membri, il-manifatturi (ir-rappreżentanti Ewropej u dawk nazzjonali u kumpaniji individwali), il-manifatturi tal-komponenti, l-organizzazzjonijiet tat-trasport u r-rappreżentanti tal-utenti fil-laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Muturi. Il-kontenut tat-tliet Regolamenti NU/KEE ġie appoġġat mill-partijiet ikkonċernati differenti kollha fi ħdan dak il-grupp u wkoll fil-qafas tal-Grupp ta’ Ħidma tan-NU/KEE dwar il-Ħoss (GRB). L-approċċ propost fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolamenti tan-NU Nri 9, 63 u 92 ġie ppreżentat ukoll fil-Kumitat Tekniku – Vetturi bil-Mutur (TCMV), li huwa Kumitat tal-Komitoloġija dwar il-vetturi tat-triq stabbilit bl-Artikolu 40 tad-Direttiva 2007/46/KE, u ma waslu l-ebda kummenti.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
L-għarfien espert estern mhuwiex rilevanti fil-każ ta’ din il-proposta. Madankollu dan ġiet eżaminat mill-Kumitat Tekniku dwar il-Vetturi bil-Mutur. Għal dak li jirrigwarda l-kontenut tar-Regolamenti tan-NU Nri 9, 63 u 92, ta’ min jinnota li twettaq studju fl-2015/2016, li sar fuq talba tal-Kummissjoni, li ppropona titjib f’dawk it-tliet Regolamenti, sabiex tal-anqas jiġi ppreżentat l-istess livell ta’ rekwiżiti bħal fir-Regolamenti (UE) Nru 168/2013 u 134/2014. Wara li sar dak l-istudju u abbażi tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni pproponiet l-emendi neċessarji għal dawn it-tliet Regolamenti tan-NU, li ġew adottati mid-WP.29 fis-sessjoni tiegħu ta’ Marzu 2017 u sussegwentement irriżultaw fir-Reviżjonijiet imsemmija fil-punt 1 t’hawn fuq (Kuntest tal-Proposta).
•Valutazzjoni tal-impatt
L-applikazzjoni tar-Regolamenti tan-NU Nri 9, 63 u 92 ma twassalx għal reviżjoni tal-limiti tal-emissjonijiet tal-ħoss u/jew tal-limiti stabbiliti, kif stipulat attwalment fir-Regolament (UE) Nru 168/2013. Barra minn hekk, il-metodi tal-ittestjar stabbiliti f'dawn it-tliet Regolamenti tan-NU huma ekwivalenti, fl-ambitu u l-approċċ xjentifiku, għal dawk previsti fir-Regolament (UE) Nru 134/2014. Għaldaqstant, il-proċess tal-applikazzjoni propost mhux mistenni jkollu impatt soċjali, ambjentali u ekonomiku għall-Unjoni Ewropea jew għaż-ŻEE minħabba l-ekwivalenza ġenerali kemm tal-metodi tal-ittestjar għall-emissjonijiet tal-ħoss proposti, kif ukoll tal-limiti tal-emissjoni tal-ħoss u tal-limiti kkonċernati.
Skont il-qafas tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli, saret analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji dwar il-ħoss u t-tbagħbis fil-vetturi tal-kategorija L, li wriet id-deterjorament tal-emissjoni tal-ħoss f’vetturi tal-kategorija L minħabba t-tbagħbis. F’dan ir-rigward, ir-Regolamenti tan-NU Nri 9, 63 u 92 jintroduċu metodi ta’ ttestjar, valuri ta’ limitu għall-emissjonijiet tal-ħoss kif ukoll elementi u miżuri kosteffikaċi kontra t-tbagħbis li huma armonizzati b’mod sħiħ mal-qafas leġiżlattiv tal-UE għall-vetturi tal-kategorija L.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
F’termini ta’ piż amministrattiv, l-inizjattiva ma għandhiex riperkussjonijiet, peress li r-Regolamenti tan-NU għall-applikazzjoni fl-Unjoni mhux se jintroduċu rappurtar ġdid jew obbligi amministrattivi oħra għall-intrapriżi, inklużi l-SMEs. Anzi, it-tnaqqis tal-piż amministrattiv huwa fil-mira għaliex l-applikazzjoni ta’ rekwiżiti armonizzati fil-livell globali tippermetti lill-manifatturi jippreżentaw dokumentazzjoni tal-approvazzjoni ta’ sistemi u komponenti mhux biss fl-UE iżda anki fis-swieq tal-esportazzjoni minn Partijiet Kontraenti għall-Ftehim tal-1958 barra mill-UE.
Il-proposta għandha impatt tassew pożittiv fuq il-kompetittività u l-kummerċ internazzjonali tal-karozzi tal-UE. L-aċċettazzjoni ta’ regolamenti tal-vetturi armonizzati internazzjonalment mis-sħab kummerċjali tal-UE hija rikonoxxuta bħala l-aqwa mod kif jitneħħew ostakli mhux tariffarji għall-kummerċ u biex jinfetaħ u jitwessa’ l-aċċess għas-suq għall-intrapriżi tal-karozzi tal-UE.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT
Din l-inizjattiva ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-Direttivi)
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
L-inizjattiva tipproponi l-applikazzjoni fl-Unjoni tar-Regolamenti tan-NU Nri 9, 63 u 92 dwar l-approvazzjoni tat-tip fir-rigward tal-emissjonijiet tal-ħoss ta’ vetturi bi tliet roti, mopeds u s-sistemi tas-sajlensers tal-egżost ta’ sostituzzjoni għal vetturi tal-kategorija L, rispettivament.
2018/0292 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar l-applikazzjoni mill-Unjoni tar-Regolamenti Nri 9, 63 u 92 tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa dwar id-dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ vetturi bi tliet roti, mopeds u sistemi tas-sajlensers tal-egżost ta’ sostituzzjoni għal vetturi tal-kategorija L fir-rigward tal-emissjonijiet tal-ħsejjes
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 114 u 207 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE, l-Unjoni ssieħbet fil-Ftehim tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti li jikkonċerna l-adozzjoni tal-preskrizzjonijiet tekniċi uniformi għal vetturi bir-roti, tagħmir u partijiet li jistgħu jkunu ffittjati u/jew ikunu użati ma’ vetturi bir-roti u l-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent reċiproku tal-approvazzjonijiet mogħtija fuq il-bażi ta’ dawn il-preskrizzjonijiet (“Ftehim Rivedut tal-1958”).
(2)Ir-rekwiżiti armonizzati tar-Regolament Nru 9 dwar Dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ vetturi tal-kategoriji L2, L4 u L5 fir-rigward tal-emissjoni tal-ħoss, ir-Regolament Nru 63 dwar Dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ vetturi tal-kategorija1 fir-rigward tal-emissjoni tal-ħoss u r-Regolament Nru 92 dwar Dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ sistemi tas-sajlensers tal-egżozt mhux oriġinali għas-sostituzzjoni (NORESS) għal vetturi tal-kategoriji L1, L2, L3, L4 u L5 fir-rigward tal-emissjoni tal-ħoss tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (“Ir-Regolamenti tan-NU Nri 9, 63 u 92”), huma maħsuba biex ineħħu l-ostakli tekniċi għall-kummerċ fil-vetturi bil-mutur bejn il-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim Revedut tal-1958 u sabiex jiżguraw li t-tali vetturi joffru livell għoli ta’ sikurezza u protezzjoni. Il-vetturi tal-kategorija L jikkonsistu f’vetturi ħfief bħal roti motorizzati, mopeds b'żewġ jew tliet roti, muturi bi u mingħajr sidecar, triċikli u kwadriċikli.
(3)Ir-Regolament (UE) Nru 168/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 134/2014 jagħtu mandat għall-adozzjoni ta’ livelli permissibbli tal-ħoss, rekwiżiti għas-sistemi tal-egżost ta’ sostituzzjoni u proċeduri għall-ittestjar ta’ vetturi bil-mutur b’żewġ jew tliet roti u kwadriċikli.
(4)L-Annessi IV, V u VI tar-Regolament (UE) Nru 168/2013 u l-Anness IX tar-Regolament (UE) Nru 134/2014 fihom rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi tal-kategorija L fir-rigward tal-livell permissibbli tal-ħoss u s-sistema tal-egżost.
(5)Fid-data tal-adeżjoni tagħha għall-Ftehim Rivedut tal-1958, l-Unjoni aderixxiet għal numru ta’ Regolamenti tan-NU elenkati fl-Anness II tad-Deċiżjoni 97/836/KE; Ir-Regolamenti tan-NU Nri 9, 63 u 92 ma ġewx inklużi f’dik il-lista.
(6)Kif previst fl-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni 97/836/KE, u skont l-Artikolu 1(7) tal-Ftehim tal-1958 Rivedut, l-Unjoni tista' tiddeċiedi li tapplika wieħed, xi wħud jew kull wieħed mir-Regolamenti tan-NU li ma kinitx għadha aderixxiet għalih fiż-żmien tal-adeżjoni tagħha għall-Ftehim tal-1958 Rivedut.
(7)B’segwitu għall-emendi reċenti tar-Regolamenti tan-NU Nri 9, 63 u 92 li allinjawhom mad-dispożizzjonijiet tekniċi rilevanti tar-Regolamenti (UE) Nru 168/2013 u (UE) Nru 134/2014, issa huwa xieraq li l-Unjoni tapplika r-Regolamenti tan-NU Nri 9, 63 u 92 sabiex ikun hemm rekwiżiti armonizzati komuni fuq livell internazzjonali. Dan jenħtieġ li jippermetti lill-kumpaniji tal-Unjoni li jsegwu sett wieħed ta' rekwiżiti rikonoxxuti mad-dinja kollha, b'mod partikolari fil-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim Rivedut tal-1958,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Unjoni Ewropea għandha tapplika r-Regolament Nru 9 dwar Dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ vetturi tal-kategoriji L2, L4 u L5 fir-rigward tal-emissjoni tal-ħoss, ir-Regolament Nru 63 dwar Dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ vetturi tal-kategorija L1 fir-rigward tal-emissjoni tal-ħoss u r-Regolament Nru 92 dwar Dispożizzjonijiet uniformi li jikkonċernaw l-approvazzjoni ta’ sistemi tas-sajlensers tal-egżozt mhux oriġinali għas-sostituzzjoni (NORESS) għal vetturi tal-kategoriji L1, L2, L3, L4 u L5 fir-rigward tal-emissjoni tal-ħoss tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tkun notifikata mill-Kummissjoni lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President