Brussell, 2.7.2018

COM(2018) 505 final

2018/0268(NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju u l-Komunità Ewropea (2018–2024)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Abbażi tad-Direttivi tan-negozjati rilevanti 1 , il-Kummissjoni nnegozjat mal-Gvern tal-Kosta tal-Avorju bil-ħsieb li tikkonkludi Protokoll ġdid għall-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju  2 . Wara dawn in-negozjati, ġie inizjalat Protokoll ġdid fis-16 ta’ Marzu 2018. Il-Protokoll ikopri perjodu ta’ sitt snin mid-data tal-applikazzjoni proviżorja tiegħu, jiġifieri mid-data li fiha jkun iffirmat, kif huwa indikat fl-Artikolu 15.

Il-Protokoll il-ġdid għandu l-għan ewlieni li lill-bastimenti tal-Unjoni jagħtihom opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-Kosta tal-Avorju, skont l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli u filwaqt li jirrispetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT). Dan il-Protokoll il-ġdid jikkunsidra r-riżultati ta’ evalwazzjoni tal-aħħar Protokoll (2014-2018) u ta’ valutazzjoni li tħares lejn il-ġejjieni dwar jekk għandux jiġi konkluż Protokoll ġdid. It-tnejn li huma twettqu minn esperti esterni. Il-Protokoll se jippermetti wkoll lill-Unjoni Ewropea u lir-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju jaħdmu flimkien aktar mill-qrib biex jippromwovu l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet tal-Kosta tal-Avorju u jappoġġa l-isforzi tal-Kosta tal-Avorju biex tiżviluppa l-ekonomija blu tagħha, fl-interess taż-żewġ partijiet.

Il-Protokoll jistipula opportunitajiet tas-sajd f'dawn il-kategoriji:

   28 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartarun;

   8 bastiment tas-sajd bil-konz tal-wiċċ.

Jenħtieġ li jiġi stabbilit il-metodu kif dawn l-opportunitajiet tas-sajd se jiġu allokati fost l-Istati Membri.

2.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-evalwazzjonijiet ex post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Matul l-evalwazzjonijiet ex-post u ex-ante, il-partijiet interessati ġew ikkonsultati dwar il-possibbiltà ta’ Protokoll ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju. Fil-laqgħat tekniċi li saru ġew ikkonsultati l-esperti mill-Istati Membri u mill-industrija. Dawn il-konsultazzjonijiet wasslu għall-konklużjoni li jkun ta’ ġid għall-Unjoni Ewropea u għar-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju li jiġi konkluż Protokoll ġdid għall-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-sajd.

3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

Din il-proċedura nbdiet b’mod parallel mal-proċeduri marbutin mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-firma tal-Protokoll, kif ukoll mad-Deċiżjoni tal-Kunsill rigward il-konklużjoni tal-Protokoll innifsu.

2018/0268 (NLE)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd skont il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn ir-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju u l-Komunità Ewropea (2018–2024)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fis-17 ta’ Marzu 2008, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill 242/2008 (KE) 3 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju, min-naħa l-oħra (minn hawn ’il quddiem, “il-Ftehim”);

(2)L-aħħar Protokoll tal-Ftehim jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2018.

(3)Il-Kummissjoni nnegozjat, f’isem l-Unjoni Ewropea, Protokoll ġdid dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim (minn hawn ’il quddiem, “il-Protokoll”). Wara dawn in-negozjati, ġie inizjalat abbozz ta' Protokoll ġdid fis-16 ta’ Marzu 2018.

(4)F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2018/.../UE 4 , il-Protokoll il-ġdid li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja stipulati fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju (minn hawn ’il quddiem, “il-Protokoll”) ġie ffirmat nhar ... [jekk jogħġbok daħħal id-data tal-firma].

(5)L-opportunitajiet tas-sajd jenħtieġ li jiġu allokati fost l-Istati Membri għall-perjodu sħiħ ta’ applikazzjoni tal-Protokoll.

(6)Fl-Artikolu 12 tiegħu, ir-Regolament (EU) 2017/2403 jipprevedi li, matul sena speċifika jew kwalunkwe perjodu rilevanti ieħor tal-implimentazzjoni ta’ protokoll ta’ SFPA b’kont meħud tal-perjodi ta’ validità tal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd mhux użati, jenħtieġ li l-Istati Membri jiġu infurmati bil-ħsieb li ssir l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd mhux użati.

(7)Il-Protokoll se japplika b’mod proviżorju mid-data li fiha jiġi ffirmat sabiex ikun żgurat li l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni jinbdew malajr. Għaldaqstant, jenħtieġ ukoll li dan ir-Regolament jibda japplika mill-istess data.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

(1)    L-opportunitajiet tas-sajd stabbiliti bil-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju huma b’dan allokati fost l-Istati Membri kif ġej:

(a)    bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni:

Spanja:        [16-il]    bastiment

Franza:        [12-il]    bastiment

(b)    bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ:

Spanja:        [6]    bastimenti

Il-Portugall:        [2]    bastimenti

(2)    Ir-Regolament (UE) 2017/2403 dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-Ftehim fis-settur tas-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-tal-Kosta tal-Avorju.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Adottati waqt it-3595 laqgħa tal-Kunsill tal-Edukazzjoni taż-Żgħażagħ, tal-Kultura u tal-Isport tal-15 ta’ Frar 2018.
(2)    ĠU L 170, 22.6.2013, p. 2.
(3)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 242/2008 tas-17 ta’ Marzu 2008 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-settur tas-sajd bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju, min-naħa l-oħra (ĠU L75, 18.03.2008, p.51).
(4)    ĠU L , , p. .