Brussell, 28.6.2018

COM(2018) 495 final

2010/0186(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjonijiet tal-Ftehim dwar Spazju Komuni għall-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

F’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, il-Kummissjoni nnegozjat mal-Ġeorġja l-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni (minn hawn ’il quddiem, il-“Ftehim”) b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati.

Hija parti mill-politika tal-viċinat tal-UE li dan in-netwerk ta’ ftehimiet bilaterali jiġi sostitwit permezz tal-istabbiliment ta’ Spazju Komuni għall-Avjazzjoni bejn l-UE u l-ġirien tagħha. Il-Ftehim għandu l-għan li jiftaħ is-suq b’mod gradwali f’termini tal-aċċess għal rotot u tal-kapaċità fuq bażi reċiproka; in-nuqqas ta’ diskriminazzjoni u l-provvediment ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi ekonomiċi abbażi tal-prinċipji tat-Trattati tal-UE; kif ukoll l-allinjament tal-leġiżlazzjoni tal-avjazzjoni tal-Ġeorġja mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar kwistjonijiet bħas-sikurezza, is-sigurtà u l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru.

Il-Ftehim ġie ffirmat fit-2 ta’ Diċembru 2010 1 . Min-naħa tal-UE, kemm l-Unjoni kif ukoll l-Istati Membri tagħha huma Partijiet għal dan il-Ftehim. Il-proċess ta’ ratifika tlesta mill-Istati Membri kollha, minbarra r-Repubblika tal-Kroazja, fid-9 ta’ Frar 2017.

Ir-Repubblika tal-Kroazja taderixxi mal-Ftehim skont il-proċedura prevista fl-Att ta’ Adeżjoni anness mat-Trattat ta’ Adeżjoni tal-5 ta’ Diċembru 2011 u l-Protokoll rilevanti ta’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja għal dan il-Ftehim ġie ffirmat f’Novembru 2014 2 .

Bil-għan partikolari li jitqies id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, u wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ April 2015 fil-Każ C-28/12, din il-proposta timmodifika l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni (f’COM(2010)339 final 3 ), li ġiet adottata fit-28 ta’ Ġunju 2010 u sussegwentement tressqet quddiem il-Kunsill. Sabiex jiġi ffaċilitat l-eżami mill-Kunsill, it-test rilevanti kollu qiegħed jiġi ppreżentat bħala proposta emendata.

2.BAŻI LEGALI

L-Artikolu 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tal-istess TFUE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Mhux applikabbli

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Mhux applikabbli

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Mhux applikabbli

2010/0186 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjonijiet tal-Ftehim dwar Spazju Komuni għall-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew 4 ,

Billi:

(1)Il-Kummissjoni nnegozjat f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. il-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni mal-Ġeorġja (minn hawn ’il quddiem, il-“Ftehim”) b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati.

(2)Dan il-Ftehim ġie ffirmat fit-2 ta’ Diċembru 2010, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard, b’konformità mad-Deċiżjoni 2012/708/UE tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill 5 .

(3)Il-Ftehim ġie ratifikat mill-Istati Membri kollha, minbarra r-Repubblika tal-Kroazja. Ir-Repubblika tal-Kroazja taderixxi mal-Ftehim skont il-proċedura prevista fl-Att ta’ Adeżjoni anness mat-Trattat ta’ Adeżjoni tal-5 ta’ Diċembru 2011 u l-Protokoll rilevanti ta’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja għal dan il-Ftehim ġie ffirmat f’Novembru 2014.

(4)Issa jenħtieġ li l-Ftehim jiġi approvat f’isem l-Unjoni.

(5)L-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni 2012/708/UE jinkludu dispożizzjonijiet dwar it-teħid ta’ deċiżjonijiet u dwar ir-rappreżentazzjoni fir-rigward ta’ diversi kwistjonijiet stipulati fil-ftehim. Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta’ April 2015 fil-Każ C-28/12, jenħtieġ li l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet titwaqqaf. Wara li kkunsidra t-Trattati, mhumiex meħtieġa dispożizzjonijiet ġodda dwar dawk il-kwistjonijiet, u lanqas ma huma meħtieġa dispożizzjonijiet dwar l-obbligi tal-informazzjoni tal-Istati Membri. Konsegwentement, jenħtieġ li l-Artikoli 3, 4 u 5 tad-Deċiżjoni 2012/708/KE jieqfu japplikaw fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, (minn hawn ’il quddiem il-“Ftehim”), huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna/i li jkollha/hom s-setgħa li tiddepożita/jiddepożitaw, f’isem l-Unjoni Ewropea, l-istrument ta’ approvazzjoni previst fl-Artikolu 29 tal-Ftehim, sabiex jesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tkun marbuta bil-Ftehim.

   

Artikolu 3

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni dwar deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 22 tal-Ftehim dwar is-sempliċi inklużjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’Anness III (Regoli applikabbli għall-avjazzjoni ċivili) tal-Ftehim, soġġett għal kwalunkwe aġġustament tekniku meħtieġ, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni ma’ Kumitat Speċjali maħtur mill-Kunsill.

Artikolu 4

L-Artikoli 3, 4 u 5 tad-Deċiżjoni 2012/708/UE għandhom jieqfu japplikaw fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)

   Id-Deċiżjoni 2012/708/UE tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 2010 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, minn naħa oħra, ĠU L 321, 20.11.2012, p.1.

(2)

   Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/928/UE tat-8 ta’ Ottubru 2014 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Ispazju Komuni tal-Avjazzjoni, bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa, u l-Ġeorġja min-naħa l-oħra, biex tittieħed inkunsiderazzjoni l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea, ĠU L 365, 19.12.2014, p.1.

(3)

    http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52010PC0339&from=MT  

(4)    ĠU C , , p. .
(5)    ĠU L 321, 20.11.2012.