IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 12.6.2018
COM(2018) 474 final
2018/0258(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-istrument ta’ appoġġ finanzjarju għat-tagħmir ta’ kontroll doganali
bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri
{SWD(2018) 347}
{SWD(2018) 348}
{SEC(2018) 315}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Fit-2 ta’ Mejju 2018, il-Kummissjoni adottat pakkett dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu mill-2021 sal-2027. Il-Kummissjoni pproponiet baġit ġdid, modern u fit-tul strettament orjentat lejn il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni ta’ 27. Il-baġit propost iwaħħad l-istrumenti l-ġodda ma’ programmi mmodernizzati biex jintlaħqu b’mod effiċjenti l-prijoritajiet tal-Unjoni. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni qed tipproponi li jiġi stabbilit Fond ġdid għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fl-intestatura tal-baġit imsejħa “Il-migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Fruntieri”. Dan il-Fond il-ġdid għandu l-għan li jipprovdi appoġġ vitali u msaħħaħ lill-Istati Membri biex l-Unjoni jkollha fruntieri esterni komuni sikuri.
Il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri se jikkontribwixxi biex tkompli tiġi żviluppata l-politika komuni dwar il-viżi u biex l-Istati Membri jimplimentaw il-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri sabiex jgħin biex tiġi miġġielda l-migrazzjoni irregolari u biex jiġu ffaċilitati l-ivvjaġġar u l-kummerċ leġittimi. Il-finanzjament irid ikompli jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri biex jibnu l-kapaċitajiet tagħhom f’dawn l-oqsma u jtejbuhom u biex dawn isaħħu l-kooperazzjoni, fosthom mal-aġenziji rilevanti tal-Unjoni. Il-Fond se jikkontribwixxi wkoll biex jiżgura li l-kontrolli doganali jitwettqu b’mod iktar uniformi mal-fruntieri esterni billi jindirizza l-iżbilanċi li hemm bħalissa fost l-Istati Membri minħabba d-differenzi ġeografiċi u d-differenzi fil-kapaċitajiet u fir-riżorsi disponibbli. F’dak il-qafas, il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri (IBMF) li qed jiġi propost se jkun magħmul minn strument ta’ appoġġ finanzjarju għall-ġestjoni tal-fruntieri u għall-viżi u minn strument ta’ appoġġ finanzjarju għat-tagħmir ta’ kontroll doganali.
Din il-proposta tittratta biss l-istrument marbut mat-tagħmir ta’ kontroll doganali. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qed tressaq ukoll proposta oħra separata dwar l-istrument marbut mal-ġestjoni tal-fruntieri u mal-viżi.
Din il-proposta tipprevedi data ta’ applikazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2021 u hija ppreżentata għal Unjoni ta’ 27 Stat Membru, b’konformità man-notifika tar-Renju Unit li beħsiebu jirtira mill-Unjoni Ewropea u mill-Euratom abbażi tal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li l-Kunsill Ewropew irċieva fid-29 ta’ Marzu 2017.
Il-programm pluriennali ta’ azzjoni għad-dwana (il-programm Dwana), li ilu jeżisti sa mill-1991, jippermetti finanzjament xieraq tal-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali b’rabta mas-sistemi elettroniċi kif ukoll mal-bini tal-kapaċità amministrattiva u jikkumplementa sew l-inizjattivi u l-investimenti nazzjonali f’dan il-qasam. Madankollu, huwa ma jipprevedix il-possibbiltà li jiġi ffinanzjat it-tagħmir li jintuża biex isiru l-kontrolli doganali fil-fruntieri esterni tal-UE, u l-mezzi għal dan il-finanzjament. Sa issa, fil-livell tal-UE ngħata biss appoġġ marġinali għal din il-ħtieġa permezz ta’ strumenti oħrajn (jiġifieri permezz tal-programm Erkole III, tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali u tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej).
Waqt in-negozjati dwar il-proposta marbuta mal-programm Dwana 2020 fil-Kunsill, l-Istati Membri talbu lill-Kummissjoni twettaq “analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji tat-tagħmir ta’ rilevament u t-teknoloġija relatata biex jiġi ffaċilitat l-akkwist ta’ għodod moderni għall-kontroll tad-dwana mill-awtoritajiet doganali wara l-2020”. Din it-talba ddaħħlet fil-premessa 4 tar-Regolament (UE) Nru 1294/2013 li jistabbilixxi l-programm Dwana għall-2014 sal-2020. Barra minn hekk, fit-23 ta’ Mejju 2017, il-Kunsill adotta l-konklużjonijiet tiegħu li fihom stieden “lill-Kummissjoni biex tippreżenta rapport, mhux aktar tard minn nofs l-2018, dwar l-għoti tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex jinxtraw l-għodod xierqa għall-kontrolli tad-dwana (...)”, inkluż il-possibbiltà li talloka dawn ir-riżorsi permezz ta’ fond wieħed.
Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-Istati Membri kemm-il darba tennew li għandhom bżonn ta’ appoġġ finanzjarju b’rabta mat-tagħmir ta’ kontroll doganali u talbu li ssir analiżi fil-fond tal-kwistjoni waqt il-laqgħat tal-Grupp tal-Politika Doganali.
Bi tweġiba għal dawk it-talbiet, fil-Komunikazzjoni tagħha tal-2016 imsejħa “Żvilupp tal-Unjoni Doganali tal-UE u l-Governanza tagħha”, il-Kummissjoni rrikonoxxiet din il-kwistjoni u ħabbret li se tqis u tevalwa l-possibbiltà ta’ finanzjament tal-ħtiġijiet tat-tagħmir mill-programmi finanzjarji tagħha futuri fil-valutazzjonijiet tal-impatt tal-ġenerazzjoni li jmiss tal-programm Dwana. Wara dan, f’Marzu tal-2017 il-Kunsill ħareġ il-konklużjonijiet tiegħu dwar il-finanzjament doganali, li fihom reġa’ tenna “l-ħtieġa (...) li l-UE u l-Istati Membri tagħha jirreaġixxu għall-globalizzazzjoni tal-kummerċ u l-globalizzazzjoni simultanja tal-kriminalità u jlaħħqu magħhom, kif ukoll ilaħħqu mat-theddidiet sussegwenti li jitolbu li jkun hemm tagħmir adattat li jappoġġa l-funzjonament effettiv tal-Unjoni Doganali; [u] ta’ fondi biex l-Awtoritajiet Doganali jkunu armati bit-tagħmir tekniku meħtieġ għat-twettiq ta’ kontrolli tal-oġġetti li jaqsmu l-fruntiera esterna tal-UE”.
Għalhekk il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni biex, sa tmiem l-2017, “tqis u tevalwa l-possibbiltà tal-finanzjament tal-ħtiġijiet ta’ tagħmir tekniku minn programmi finanzjarji futuri tal-Kummissjoni; (...) [u] ittejjeb il-koordinazzjoni, u ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Doganali u awtoritajiet oħrajn tal-infurzar tal-liġi għal skopijiet ta’ finanzjament permezz ta’ sħubija aħjar fil-livell tal-UE”.
Il-Parlament Ewropew ukoll qies, f’diversi riżoluzzjonijiet tiegħu, li “l-Unjoni Doganali hija l-pedament tal-Unjoni Ewropea u wieħed mill-akbar blokki kummerċjali fid-dinja, u (...) hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku għall-benefiċċju kemm tan-negozji tal-UE kif ukoll taċ-ċittadini tagħha”. Għalhekk, huwa wkoll stieden lill-Kummissjoni “[tfassal] strateġija ċara, koerenti u ambizzjuża u skeda ta’ żmien biex jiġi żgurat li kwalunkwe element li huwa meħtieġ għall-infurzar tas-sistemi doganali tal-UE huwa kopert minn proposti xierqa li huma allinjati ma’ u tajbin għall-evoluzzjoni attwali tal-kummerċ globali u għall-implimentazzjoni tal-aġenda tal-politika kummerċjali tal-UE”. L-għan speċifiku ta’ dan l-istrument li jikkontribwixxi għal kontrolli doganali adegwati u ekwivalenti permezz tax-xiri, tal-manutenzjoni u tal-aġġornament tat-tagħmir ta’ kontroll doganali jwieġeb eżattament għal din it-talba.
L-istrument il-ġdid li qed jiġi propost għat-tagħmir ta’ kontroll doganali għandu l-għan li jtejjeb l-ekwivalenza tat-twettiq tal-kontrolli doganali fl-Istati Membri sabiex il-flussi tal-oġġetti ma jintbagħtux lejn l-iktar punti dgħajfa. Intervent tal-Unjoni li jkun iddedikat għat-tagħmir ta’ kontroll doganali se jippermetti li jiġu appoġġati x-xiri, il-manutenzjoni u l-aġġornament tat-tagħmir eliġibbli ta’ rilevament għall-kontrolli doganali f’sens wiesa’. L-istrument se jkopri wkoll it-tagħmir ta’ rilevament li jintuża għall-finijiet tal-kontroll li jmur lil hinn mill-kontrolli doganali, dejjem jekk dawn tal-aħħar jibqgħu l-għan ewlieni tat-tali tagħmir.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Din il-proposta hija konsistenti għalkollox mal-għanijiet tal-Unjoni Doganali u se tikkontribwixxi biex jintlaħqu dawk l-għanijiet. Huwa tassew importanti li jiġu żgurati kontrolli doganali ekwivalenti fil-fruntieri esterni tal-UE sabiex il-flussi tal-oġġetti ma jintbagħtux lejn l-iktar punti dgħajfa. Dan mhuwiex importanti biss minħabba l-funzjoni tradizzjonali tad-dwana li tiġbor id-dħul, iżda wkoll biex ikunu żgurati s-sigurtà u s-sikurezza. Fl-istess ħin, dawn il-kontrolli li jirregolaw il-moviment tal-oġġetti fil-fruntieri esterni ma għandhomx ifixklu l-kummerċ leġittimu, iżda jiffaċilitawh. Madankollu, bħalissa hemm żbilanċi li ġejjin, b’mod parzjali, mid-differenzi fil-kapaċitajiet u fir-riżorsi li l-Istati Membri differenti għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom. Il-ħila tagħhom li jwieġbu għall-isfidi li ġejjin minn mudelli kummerċjali u ktajjen tal-valur dinjija li qed jevolvu l-ħin kollu ma tiddependix biss fuq l-element uman, iżda wkoll fuq id-disponibbiltà ta’ tagħmir ta’ kontroll modern u affidabbli.
L-istrument propost se jikkumplimenta l-azzjonijiet previsti fil-kuntest tal-programm Dwana. B’mod partikolari, l-istrument marbut mat-tagħmir ta’ kontroll doganali se jappoġġa biss ix-xiri, il-manutenzjoni u l-aġġornament tat-tagħmir eliġibbli, filwaqt li l-programm Dwana se jappoġġa l-azzjonijiet kollha relatati magħhom, bħall-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni biex jiġu vvalutati l-ħtiġijiet tat-tagħmir jew it-taħriġ dwar it-tagħmir mixtri, meta dan ikun xieraq.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Din il-proposta hija konsistenti għalkollox mal-politiki tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà u s-sikurezza. Sa minn meta twaqqfet l-Unjoni Doganali, ir-rwol tal-awtoritajiet doganali fil-ġestjoni tal-fruntieri esterni nbidel ħafna u r-responsabbiltajiet tagħhom issa jmorru ferm lil hinn mir-rwol tradizzjonali tagħhom li jissorveljaw u jiffaċilitaw il-kummerċ tal-UE u li jħarsu l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tagħha. Ir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet doganali fil-qasam tas-sigurtà u tas-sikurezza qegħdin tabilħaqq jiżdiedu dejjem iktar. Madankollu, din ir-realtà l-ġdida ma tolqotx biss lill-awtoritajiet doganali iżda tolqot ukoll lil aġenziji u lil dipartimenti oħrajn bħall-pulizija, il-gwardjani tal-fruntiera, l-awtoritajiet tas-saħħa u l-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur. Billi tiffinanzja tagħmir b’diversi użi (għall-kontroll doganali, għall-kontroll tal-fruntieri u għas-sigurtà), filwaqt li żżomm il-kontroll doganali bħala l-għan ewlieni, din il-proposta se tippermetti li l-baġit tal-Unjoni jkollu l-ikbar impatt possibbli billi tappoġġa l-qsim konġunt tat-tagħmir ta’ kontroll u l-interoperabbiltà tiegħu u, b’hekk, tippromwovi wkoll il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji bħala komponent tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri bejn il-partijiet ikkonċernati kollha (l-awtoritajiet doganali, il-gwardjani tal-fruntiera, eċċ.), kif imsemmi fl-Artikolu 4(e) tar-Regolament (UE) 2016/1624.
Se jkun hemm sinerġiji bejn il-Programm tal-UE Kontra l-Frodi, li għandu l-għan speċifiku li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, u l-istrument marbut mat-tagħmir ta’ kontroll doganali, li jappoġġa l-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Doganali u b’hekk jikkontribwixxi biex jipproteġi l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. Għalhekk, kull wieħed minn dawk il-programmi se jkun jiffoka fuq xi ħaġa differenti, iżda se jkun hemm il-potenzjal għal azzjoni kumplimentari bejniethom.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri flimkien mar-Regolament (UE) …/2018 li jistabbilixxi l-istrument ta’ appoġġ finanzjarju għall-ġestjoni tal-fruntieri u għall-viżi. Minħabba l-firxa wiesgħa ta’ għanijiet li ż-żewġ strumenti jridu jkopru, hemm bżonn ta’ bażijiet differenti mit-Trattat. Għalhekk, mhuwiex possibbli mil-lat legali li l-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri jiġi stabbilit bħala programm wieħed ta’ nfiq. Għaldaqstant qed jiġi propost li l-Fond jiġi stabbilit bħala qafas komprensiv ta’ finanzjament magħmul minn żewġ proposti settorjali speċifiċi – u din il-proposta hija waħda minnhom.
B’rabta ma’ din il-proposta, minħabba li t-tagħmir ta’ kontroll doganali jista’ jkollu diversi għanijiet differenti iżda li jkunu relatati ma’ xulxin, għall-finanzjament ta’ dan it-tagħmir jeħtieġ li jingħaqdu flimkien diversi bażijiet ġuridiċi, li huma dawn li ġejjin:
–l-Artikolu 33 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE), li jitlob lill-Unjoni tieħu azzjoni b’rabta mal-kooperazzjoni doganali u mal-Unjoni Doganali tal-UE;
–l-Artikolu 114 tat-TFUE, li jitlob lill-Unjoni tieħu azzjoni b’rabta mas-suq intern; u
–l-Artikolu 207 tat-TFUE, li jitlob lill-Unjoni tieħu azzjoni b’rabta mal-politika kummerċjali komuni.
L-azzjoni tal-UE hija ġġustifikata wkoll mill-obbligi li ġejjin mill-ftehimiet internazzjonali, b’mod partikolari fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Għalkemm l-Unjoni Doganali hija qasam ta’ kompetenza esklużiva b’livell għoli ta’ armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, l-implimentazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni hija f’idejn l-Istati Membri individwali. Għalhekk kull Stat Membru jistabbilixxi huwa stess il-mezzi li jalloka għall-kontrolli doganali, fosthom it-tagħmir.
Madankollu, bħalissa hemm żbilanċi bejn l-Istati Membri li ġejjin anke mid-differenzi ġeografiċi ta’ bejniethom. L-Istati Membri għandhom riżorsi differenti għat-tagħmir ta’ kontroll doganali tagħhom u ħtiġijiet differenti marbutin miegħu, skont in-natura tal-fruntiera esterna tagħhom. Pereżempju, il-portijiet il-kbar b’volumi kbar ħafna joħolqu dħul ikbar li, min-naħa tiegħu, iżid l-ammonti li l-awtoritajiet doganali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom biex ikopru l-kostijiet tal-ġbir tagħhom u fl-istess ħin jippermetti sinerġiji fl-użu tat-tagħmir. Il-fruntieri twal fuq l-art b’ħafna punti tal-qsim tal-fruntiera żgħar għall-kummerċ, li jkollhom bżonn ħafna materjal u tagħmir biex ikunu mgħammra u jkunu jistgħu jitħaddmu għalkollox, joħolqu inqas dħul u, b’hekk, l-awtoritajiet doganali jkollhom inqas riżorsi għad-dispożizzjoni tagħhom biex ikopru l-kostijiet tal-ġbir tagħhom. L-azzjonijiet eżistenti tal-Unjoni wrew li huma limitati u li mhumiex sodisfaċenti. Barra minn hekk, hemm ir-riskju li jekk ma titteħidx azzjoni fil-livell tal-UE b’rabta ma’ dawn l-iżbilanċi, jiggravaw it-tensjonijiet politiċi li qed ifeġġu u fl-aħħar mill-aħħar jiżdied ir-riskju li jinħolqu possibbiltajiet għaċ-ċittadini jew għall-operaturi ekonomiċi b’intenzjoni ħażina li jużaw l-iktar punti dgħajfa tal-qsim tal-fruntiera.
•Proporzjonalità
Din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tagħha. Hija tissejjes fuq element ta’ ċentralizzazzjoni, jiġifieri l-ħolqien ta’ task forces magħmulin mill-Istati Membri li flimkien jivvalutaw il-ħtiġijiet marbutin mat-tagħmir u jidentifikaw l-aqwa standards komuni għat-tagħmir, sabiex tippromwovi x-xiri, il-manutenzjoni u l-aġġornament ta’ tagħmir minimu omoġenju jew issimplifikat għall-kontroll doganali fil-fruntieri tal-Unjoni. Hija tħalli d-deċiżjoni aħħarija dwar ix-xiri mbagħad f’idejn l-Istati Membri individwali, fil-limiti tal-ftehim tal-għotja.
Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-istrument, skont l-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (it-TUE), il-Kummissjoni għandha teżerċita l-funzjonijiet ta’ koordinazzjoni, ta’ eżekuzzjoni u ta’ ġestjoni kif stabbilit fit-Trattati.
•Għażla tal-istrument
B’konformità mal-konklużjoni tal-valutazzjoni tal-impatt rilevanti, huwa xieraq li jkun hemm intervent tal-UE permezz ta’ strument ta’ finanzjament. Il-Kummissjoni qed tipproponi strument ġdid marbut mat-tagħmir ta’ kontroll doganali li se jkun jifforma parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri fil-forma ta’ Regolament.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Minħabba li l-istrument marbut mat-tagħmir ta’ kontroll doganali huwa inizjattiva ġdida, ma jistax jibbenefika direttament mit-tagħlim miksub mill-evalwazzjonijiet tal-esperjenza fl-imgħoddi. Madankollu, l-isfidi u l-ħtiġijiet fil-qasam tat-tagħmir ta’ kontroll doganali ġew eżaminati fil-kuntest ta’ studju dwar il-programm Dwana għal wara l-2020, li tqabbad jagħmlu kuntrattur estern. B’mod partikolari, sar stħarriġ apposta u saru intervisti u studji tal-każijiet speċifiċi. Barra minn hekk, bejn l-10 ta’ Jannar 2018 u d-9 ta’ Marzu 2018 saret konsultazzjoni pubblika ġenerali miftuħa dwar il-fondi tal-UE fl-oqsma tal-investiment, tar-riċerka u tal-innovazzjoni, tal-intrapriżi żgħar u medji u tas-suq uniku, li kienet tittratta, fost l-oħrajn, l-aspetti doganali. L-Anness 2 tal-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja lil din il-proposta jagħti sommarju ta’ dawn il-kontributi kollha.
Dawn l-attivitajiet kollha kkonfermaw il-ħtieġa li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni u stennew valur miżjud Ewropew qawwi. Fil-fatt, il-volumi tal-prodotti li qegħdin dejjem jiżdiedu, kif ukoll il-ħtieġa dejjem ikbar ta’ kontrolli effiċjenti u rapidi mal-fruntiera, jissejsu mhux biss fuq il-funzjoni tradizzjonali tad-dwana li tiġbor id-dħul, iżda wkoll fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ bil-kbir il-kontroll tal-oġġetti li jidħlu mill-fruntieri esterni tal-UE u li joħorġu minnhom biex ikunu żgurati s-sigurtà u s-sikurezza. Fl-istess ħin, dawn il-kontrolli li jirregolaw il-moviment tal-oġġetti fil-fruntieri esterni ma għandhomx ifixklu l-kummerċ leġittimu, iżda jiffaċilitawh. It-tagħmir ta’ kontroll doganali huwa element essenzjali biex jintlaħqu dawn l-għanijiet u għalhekk hemm bżonn urġenti li jiġi previst strument apposta tal-Unjoni li jkollu l-għan li jindirizza l-iżbilanċi li hemm bħalissa u b’hekk jiżgura li r-regoli doganali jiġu applikati b’mod uniformi mal-fruntiera tal-UE.
•Valutazzjoni tal-impatt
Din il-proposta għandha l-appoġġ ta’ valutazzjoni tal-impatt li tkopri b’mod konġunt il-proposti dwar il-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, dwar il-Fond għas-Sigurtà Interna u dwar il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, li jinkludi lil dan l-istrument u lill-istrument ta’ appoġġ finanzjarju għall-ġestjoni tal-fruntieri u għall-viżi.
Fit-13 ta’ April 2018, il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ta opinjoni pożittiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt u rrakkomanda li tingħata spjegazzjoni iktar fid-dettall tal-istrument il-ġdid għat-tagħmir ta’ kontroll doganali, fosthom dwar kemm hu xieraq li dan jiġi ġestit b’mod dirett. Dan l-aspett tqies fl-aħħar verżjoni tal-valutazzjoni tal-impatt, li fiha ngħataw kjarifiki dwar dan kemm fit-test innifsu, kif ukoll f’Anness apposta – l-Anness 6, li kien jittratta l-istruttura ġenerali tal-istrument.
L-għażla ewlenija li ġiet ivvalutata kellha x’taqsam, fil-fatt, mal-mod ta’ ġestjoni, jiġifieri ma’ jekk ix-xiri, il-manutenzjoni u l-evoluzzjoni tat-tagħmir ta’ kontroll doganali li l-istrument ikopri kellhomx jissejsu fuq l-għoti ta’ għotjiet lill-awtoritajiet nazzjonali jew fuq il-ġestjoni kondiviża. Id-diskussjonijiet ma’ servizzi oħrajn tal-Kummissjoni li jimplimentaw il-ġestjoni kondiviża wrew biċ-ċar li, minbarra li din it-tip ta’ ġestjoni hija kumplessa, mhix se tipprovdi l-koerenza ġenerali u l-koordinazzjoni transfruntiera meħtieġa biex l-awtoritajiet doganali jkunu jistgħu jiżguraw livell ekwivalenti ta’ kontroll fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, minħabba li, fil-kuntest tal-ġestjoni kondiviża, ma jkunx hemm kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għax kull wieħed minnhom jabbozza l-pjan nazzjonali tiegħu huwa stess b’mod indipendenti, din ma tħeġġiġx il-qsim tal-esperjenzi u l-iskambju tal-għarfien espert u tal-aqwa prattiki, li huma benefiċċji importanti li wieħed jistenna li jkollu dan l-intervent għal applikazzjoni uniformi tar-regoli doganali tal-UE.
Għaldaqstant, l-għażla ppreferuta kienet il-ġestjoni diretta permezz tal-għoti ta’ għotjiet lill-awtoritajiet nazzjonali. Fil-fatt, l-intervent il-ġdid tal-UE għandu l-għan li jindirizza l-iżbilanċi li hemm bħalissa fost l-Istati Membri u li jiżgura li l-kontrolli doganali jitwettqu b’mod ekwivalenti fl-Unjoni Doganali kollha. Naturalment, dan l-għan jeżiġi koordinazzjoni li tmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, li tista’ tintlaħaq bl-aħjar mod permezz ta’ approċċ iċċentralizzat ġestit b’mod dirett. Minħabba li jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali – u mhux l-Unjoni, ikomplu jkunu s-sidien diretti tat-tagħmir li jużaw biex iwettqu dmirijiethom mal-fruntieri tal-UE, l-intervent tal-UE se jieħu l-forma ta’ għotjiet lill-Istati Membri bħala appoġġ għax-xiri, għall-manutenzjoni u għall-evoluzzjoni tat-tagħmir ta’ kontroll doganali skont standards iddefiniti minn qabel għal kull tip ta’ fruntiera. Barra minn hekk, il-ġestjoni diretta hija l-mekkaniżmu eżekuttiv għall-azzjonijiet eżistenti fil-qasam doganali, kemm fil-kuntest tal-programm Dwana u kemm fil-kuntest tal-programm Erkole III. Dan huwa wkoll approċċ adattat minħabba li se jkun jinvolvi biss għadd limitat ta’ benefiċjarji, jiġifieri s-27 Stat Membru.
•Simplifikazzjoni
L-istrument tfassal b’tali mod li jibqa’ sempliċi ħafna, b’valutazzjoni inizjali tal-ħtiġijiet min-naħa ta’ task forces u wara l-adozzjoni ta’ programm ta’ ħidma. Il-ġestjoni diretta se tissejjes fuq l-għotjiet u se tippermetti li jiġu applikati diversi simplifikazzjonijiet previsti fir-Regolament Finanzjarju u fir-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu, b’mod partikolari l-eċċezzjonijiet għas-sejħiet għall-proposti.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta ma għandha l-ebda impatt partikolari fuq id-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta tal-Kummissjoni għall-qafas pluriennali li jmiss tipprevedi EUR 9 318-il miljun (fi prezzijiet kurrenti) għall-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri għall-perjodu mill-2021 sal-2027. F’dan il-pakkett globali, ir-riżorsi finanzjarji disponibbli għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament speċifiku huma ta’ EUR 1.3 biljun (fi prezzijiet kurrenti).
Għalkemm f’termini assoluti dan huwa ammont sinifikanti, huwa jirrappreżenta biss parti mid-diskrepanza stmata fl-investiment. Skont l-informazzjoni li nġabret mingħand l-Istati Membri fl-2014 u fl-2015, ġie stmat li d-diskrepanza fl-investiment kienet ta’ madwar EUR 2.3 biljun fuq ħames snin. Madankollu, l-intervent tal-Unjoni mhux bilfors jenħtieġ li jkopri d-diskrepanza kollha stmata fl-investiment, minħabba li l-livell tal-intervent tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi analizzat fil-kuntest usa’ tad-dazji doganali bħala riżorsi proprji, li minnhom bħalissa l-Istati Membri jżommu 20 % – li kien jirrappreżenta ammont ta’ EUR 4.7 biljun fl-2015 – biex ikopru l-ispejjeż u l-investimenti tagħhom fil-qasam doganali.
Barra minn hekk, jenħtieġ li l-livell tal-intervent tal-Unjoni jiġi vvalutat fi proporzjon mal-volum totali tal-kummerċ barrani tal-Unjoni, li l-kontrolli doganali jagħtu kontribut biex jiġi mmonitorjat, iżda wkoll biex jiġi ffaċilitat. Huma u jimplimentaw il-politika kummerċjali tal-Unjoni, ta’ kuljum l-awtoritajiet doganali jittrattaw volum enormi ta’ kummerċ – fl-2016, il-valur statistiku kollu tal-fluss kummerċjali fl-EU-28 kien ta’ EUR 3.46 triljun (li minnhom EUR 1.75 triljun kienu marbutin mal-esportazzjoni u EUR 1.71 triljun kienu marbutin mal-importazzjoni) jew ta’ EUR 9.5 biljun kuljum. B’hekk, l-intervent tal-UE li qed jiġi propost se jirrappreżenta inqas minn 0,01 % mill-volum tal-kummerċ barrani.
L-istrument se jiġi implimentat b’ġestjoni diretta u abbażi ta’ prijoritajiet. Flimkien mal-partijiet ikkonċernati se jiġu stabbiliti programmi ta’ ħidma billi jiġu vvalutati l-ħtiġijiet, u dawn il-programmi se jistipulaw il-prijoritajiet għal perjodu speċifiku.
L-istrument marbut mat-tagħmir ta’ kontroll doganali se jkollu impatt fuq id-dħul tal-Unjoni u fuq dak tal-Istati Membri. Għalkemm dan l-impatt ma jistax jiġi kkwantifikat, l-istrument mistenni jiffaċilita u jissimplifika l-ħidma tal-awtoritajiet doganali biex jiġbru d-dazji doganali, kif ukoll il-VAT u d-dazji tas-sisa fuq l-importazzjoni. Minħabba li se titjieb il-kwalità tal-kontrolli, l-amministrazzjonijiet doganali se jkunu iktar effiċjenti fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Minħabba li dan huwa qasam ġdid ta’ intervent tal-UE, se jkun importanti ħafna li jiġi żgurat li l-istrument marbut mat-tagħmir ta’ kontroll doganali jkun iffukat u jagħti r-riżultati. Barra minn hekk, se jkun meħtieġ li jsiru ċerti għażliet tal-politika qabel ma jiġu implimentati għalkollox l-azzjonijiet: filwaqt li l-attivitajiet tal-programm Dwana 2020 li għaddejjin bħalissa ppermettew li titqies is-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni tal-UE fuq l-art u li din tiġi mmappjata f’termini tal-uffiċjali doganali preżenti u tat-tagħmir disponibbli f’kull punt ta’ qsim tal-fruntiera kkonċernat, bħalissa hemm biss informazzjoni limitata dwar il-fruntieri tal-baħar u tal-ajru u dwar iċ-ċentri postali.
F’dan il-kuntest, tfassal mudell apposta adattat għaċ-ċirkustanzi u għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-istrument. Dan jissejjes fuq ir-rekwiżit ta’ koordinazzjoni ċentrali li tmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi u li tkun ibbażata fil-fond fuq l-għarfien espert u l-esperjenza fil-livell nazzjonali. Erba’ elementi importanti li jikkorrispondu mal-erba’ passi identifikati se jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali u speċifiċi identifikati:
Kull wieħed minn dawn l-erba’ elementi importanti huwa spjegat fid-dettall fl-Anness 6 tal-valutazzjoni tal-impatt. Fi ftit kliem, il-proċess se jkun dan li ġej:
–l-ewwel pass se jkun li jiġu vvalutati l-ħtiġijiet ta’ kull tip ta’ fruntiera: dik fuq l-art, tal-baħar, tal-ajru u taċ-ċentri postali. B’mod konkret, dan se jirriproduċi l-esperjenza taċ-CELBET – it-tim ta’ esperti dwar il-fruntiera fuq l-art tal-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk, li ħoloq inventarju tat-tagħmir użat fil-fruntiera tal-UE fuq l-art billi pproċessa iktar minn 9 200 attribut minn 172 punt ta’ qsim tal-fruntiera, li identifika l-karatteristiċi ewlenin ta’ dawn il-punti tal-qsim tal-fruntiera u ppropona tipoloġija għalihom (pereżempju punti tal-qsim tal-fruntiera bit-triq jew bil-ferrovija, bit-traffiku bit-trakkijiet jew bi traffiku mhux kummerċjali biss), li identifika l-istandards tat-tagħmir proposti għal kull kategorija u li fl-aħħar għamel analiżi tad-diskrepanzi li kien hemm bejn l-inventarju u l-istandards iddefiniti li ppermettiet li jiġu stmati l-fondi meħtieġa;
–it-tieni pass se jiffoka fuq il-programmazzjoni u se jwassal b’mod ewlieni għall-iżvilupp tal-programm ta’ ħidma u tal-ftehimiet tal-għotja korrispondenti. Minħabba li se jkun hemm valutazzjoni separata għal kull tip ta’ fruntiera, ix-xogħol mhux se jkun limitat għall-verifika tal-eliġibbiltà, iżda se jkun ikopri minflok l-organizzazzjoni tal-allokazzjoni tal-fondi skont il-prijoritajiet doganali, it-theddid fil-qasam doganali u l-volumi tal-kummerċ. Barra minn hekk, se jkun meħtieġ li jsiru ċerti għażliet tal-politika meta jiġi adottat il-programm ta’ ħidma;
–it-tielet pass se jkun l-implimentazzjoni: ladarba jiġu ffirmati l-ftehimiet tal-għotja, l-Istati Membri se jiksbu t-tagħmir skont il-kundizzjonijiet kuntrattwali;
–ir-raba’ u l-aħħar pass se jkun il-monitoraġġ u l-kontroll.
Sabiex ikunu żgurati monitoraġġ u rapportar regolari, il-proposta tistabbilixxi qafas speċifiku għall-monitoraġġ tar-riżultati li jinkisbu permezz tal-istrument u tal-azzjonijiet li jkunu saru fil-kuntest tiegħu. It-tali monitoraġġ u r-rapportar se jissejsu fuq indikaturi li jkejlu l-effetti tal-azzjonijiet li jkunu saru fil-kuntest tal-istrument meta mqabblin ma’ xenarji ta’ referenza ddefiniti minn qabel. Ir-rekwiżiti proporzjonati tar-rapportar se jkunu jinkludu xi informazzjoni minima dwar it-tagħmir li jkun jiswa iktar minn ċertu ammont ta’ flus.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni interim u evalwazzjoni finali. Dawn l-evalwazzjonijiet se jitwettqu skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016, li fih it-tliet istituzzjonijiet ikkonfermaw li l-evalwazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni u tal-politika eżistenti jenħtieġ li jiffurmaw il-bażi tal-valutazzjonijiet tal-impatt tal-għażliet għal iktar azzjoni. Fl-evalwazzjonijiet se jiġu vvalutati l-effetti tal-istrument fir-realtà, abbażi ta’ indikaturi u ta’ miri u ta’ analiżi ddettaljata ta’ kemm l-istrument jista’ jitqies li huwa rilevanti, effettiv u effiċjenti, ta’ jekk jipprovdix biżżejjed valur miżjud tal-UE u ta’ jekk huwiex koerenti mal-politiki l-oħrajn tal-UE. Dawn se jinkludu t-tagħlim miksub sabiex jiġu identifikati n-nuqqasijiet u l-problemi, kif ukoll il-potenzjal li jista’ jkun hemm biex ikomplu jitjiebu l-azzjonijiet jew ir-riżultati tagħhom u biex ikun jista’ jitkabbar kemm jista’ jkun l-impatt tagħhom. Dawn se jinkludu wkoll l-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-kostijiet regolatorji, tal-benefiċċji u tal-iffrankar.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Kapitolu I: Dispożizzjonijiet ġenerali
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri flimkien mar-Regolament (UE) [2018/XXX] li jistabbilixxi l-istrument ta’ appoġġ finanzjarju għall-ġestjoni tal-fruntieri u għall-viżi. Iż-żewġ strumenti huma marbutin mill-qrib ma’ xulxin: l-istrument li din il-proposta tkopri joffri appoġġ għat-tagħmir maħsub għall-kontroll tal-oġġetti fil-fruntieri tal-Unjoni, filwaqt li x-xiri tat-tagħmir appoġġat mill-istrument l-ieħor (li jappoġġa wkoll azzjonijiet oħrajn marbutin mal-ġestjoni integrata tal-fruntieri) se jiffoka biss fuq il-kontrolli fil-kuntest tal-ġestjoni tal-fruntieri u tal-viżi. Peress li se jintużaw bażijiet differenti mit-Trattat minħabba l-firxa wiesgħa ta’ għanijiet li jridu jiġu koperti, jeħtieġ li l-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri jiġi stabbilit bħala qafas komprensiv ta’ finanzjament magħmul minn żewġ proposti settorjali speċifiċi.
B’hekk dan l-istrument huwa orjentat b’mod ewlieni lejn l-appoġġ għall-Unjoni Doganali u għall-awtoritajiet doganali. Għalhekk, b’konformità mal-bażi ġuridika, it-tagħmir se jkun maħsub b’mod ewlieni għall-kontrolli doganali. Madankollu, dan għandu jinftiehem li jkopri mhux biss il-leġiżlazzjoni doganali iżda wkoll il-leġiżlazzjoni l-oħra marbuta mal-moviment tal-oġġetti bejn it-territorju doganali tal-Unjoni u t-territorju ’l barra minnu, jiġifieri l-leġiżlazzjoni l-oħra marbuta mal-aspetti esterni tas-suq intern, mal-politika kummerċjali komuni u ma’ politiki komuni oħrajn tal-Unjoni li jaffettwaw il-kummerċ, u mas-sigurtà ġenerali tal-katina tal-provvista.
L-istrument għandu l-għan li jappoġġa lill-Unjoni Doganali u lill-awtoritajiet doganali sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, sabiex jiġu żgurati s-sigurtà u s-sikurezza u sabiex l-Unjoni titħares mill-kummerċ illegali u inġust filwaqt li jiġu ffaċilitati l-attivitajiet kummerċjali leġittimi. B’mod konkret, l-istrument se jikkontribwixxi biex ikun hemm kontrolli doganali adegwati u ekwivalenti permezz tax-xiri, tal-manutenzjoni u tal-aġġornament ta’ tagħmir ta’ kontroll doganali li jkun rilevanti, modern u affidabbli.
L-istrument se jiġi implimentat permezz tal-ġestjoni diretta, b’mod partikolari permezz tal-għotjiet. Sabiex ikunu żgurati l-effiċjenza tat-tagħmir kollu mixtri bl-appoġġ tal-programmi tal-Unjoni u l-interoperabbiltà tat-tali tagħmir, il-Kummissjoni se tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni fil-kuntest tat-tħejjija tal-programmi ta’ ħidma.
Kapitolu II: Eliġibbiltà
L-istrument se jippermetti l-finanzjament tax-xiri, tal-manutenzjoni u tal-aġġornament tat-tagħmir eliġibbli, li se jkun maħsub b’mod ewlieni għat-twettiq tal-kontrolli doganali. Minħabba li ħafna mit-tagħmir ta’ kontroll doganali jista’ jintuża bl-istess mod jew b’kumbinazzjoni wkoll għall-kontrolli tal-konformità ma’ leġiżlazzjoni oħra (pereżempju mad-dispożizzjonijiet dwar il-viżi jew dwar il-pulizija), it-tagħmir li jkollu skopijiet oħrajn minbarra l-kontrolli doganali mhuwiex eskluż – għall-kuntrarju, l-użu tiegħu għat-tali skopijiet huwa permess b’mod espliċitu. Dan se jkabbar kemm jista’ jkun l-impatt tal-azzjonijiet li dan l-istrument jista’ jiffinanzja.
Sabiex ikun żgurat li l-fondi jiġu allokati b’mod iffukat u abbażi ta’ prijoritajiet, l-istrument jinkludi kriterji speċifiċi tal-eliġibbiltà kif ukoll il-kostijiet li mhumiex eliġibbli. B’mod konkret, minbarra lista ċara tal-kostijiet li mhumiex eliġibbli, it-tagħmir għandu jkun eliġibbli biss jekk ikollu x’jaqsam tal-inqas ma’ wieħed mis-sitt skopijiet li ġejjin: l-ispezzjoni mhux invażiva; l-indikazzjoni ta’ oġġetti moħbija fuq il-persuni; id-detezzjoni tar-radjazzjoni u l-identifikazzjoni tan-nuklidi; l-analiżi tal-kampjuni fil-laboratorji; il-kampjunar u l-analiżi tal-kampjuni fuq il-post; u t-tiftix b’apparat portabbli. L-Anness 1 jistabbilixxi lista indikattiva tat-tagħmir għal kull skop ta’ kontroll doganali. Minħabba li l-ħtiġijiet jistgħu jevolvu maż-żmien, il-Kummissjoni għandha s-setgħa tirrevedi din il-lista ta’ skopijiet tal-kontrolli, kif ukoll l-Anness 1, permezz ta’ atti delegati.
Meta jkun xieraq, minbarra x-xiri, il-manutenzjoni u l-aġġornament tat-tagħmir eliġibbli, l-istrument se jappoġġa wkoll ix-xiri jew l-aġġornament tat-tagħmir ta’ kontroll doganali għall-ittestjar ta’ unitajiet individwali ġodda tat-tagħmir jew ta’ funzjonalitajiet ġodda f’kundizzjonijiet operattivi. Dan il-pass huwa meħtieġ qabel ma l-Istati Membri jibdew jixtru t-tali tagħmir ġdid fuq skala kbira. L-ittestjar f’kundizzjonijiet operattivi huwa pass addizzjonali lil hinn mill-azzjonijiet ta’ riċerka li jitwettqu fil-qafas tal-programm Orizzont. Sabiex jinkisbu l-benefiċċji kollha li jista’ jkun hemm mill-finanzjament tal-Unjoni, kif ukoll biex jiġi evitat li jkun hemm finanzjament doppju, bħala parti mit-tħejjija tal-programmi ta’ ħidma, il-Kummissjoni se tiżgura li ż-żewġ strumenti jkunu kkoordinati kif xieraq bejniethom.
Sabiex jinkiseb l-ogħla valur miżjud possibbli tal-UE, l-istrument se jkun miftuħ għall-amministrazzjonijiet kollha tal-Istati Membri li jkunu qed iwettqu dmirijiet fil-qasam tad-dwana u dmirijiet relatati magħhom. Sabiex tkun eliġibbli għall-finanzjament, awtorità doganali ta’ Stat Membru se jkollha tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet stabbilita fl-Artikolu 11(3).
Ir-Regolament (UE) [2018/XXX] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi l-programm “Dwana” għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana biex jiġu appoġġati l-Unjoni Doganali u l-awtoritajiet doganali. Sabiex jitħarsu l-koerenza u l-koordinazzjoni orizzontali tal-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni, jixraq li dawn l-azzjonijiet jiġu implimentati kollha fil-kuntest ta’ att legali wieħed u ta’ sett wieħed ta’ regoli. Għalhekk, dan l-istrument se jappoġġa biss ix-xiri, il-manutenzjoni u l-aġġornament tat-tagħmir eliġibbli ta’ kontroll doganali, filwaqt li l-programm Dwana għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana se jappoġġa l-azzjonijiet relatati magħhom, bħall-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni biex jiġu vvalutati l-ħtiġijiet jew it-taħriġ marbut mat-tagħmir ikkonċernat.
Kapitolu III: Għotjiet
L-għotjiet se jingħataw skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju. Minħabba l-identità speċifika tal-benefiċjarji tal-istrument, li huma awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, u skont id-derogi previsti fir-Regolament Finanzjarju, l-għotjiet se jingħataw mingħajr sejħa għall-proposti.
Għalkemm diversi programmi jistgħu jikkontribwixxu għal azzjoni waħda, jenħtieġ li jiġi eskluż il-finanzjament doppju. Għalhekk hemm dispożizzjoni apposta li tevita li l-fondi tal-Unjoni pprovduti minn diversi strumenti jintużaw biex ikopru l-istess kostijiet.
Kapitolu IV: Programmazzjoni, monitoraġġ, evalwazzjoni u kontroll
L-istrument se jiġi implimentat permezz ta’ programmi ta’ ħidma li l-Kummissjoni tadotta skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni.
It-tħejjija tal-programmi ta’ ħidma se tkun appoġġata minn valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet kif spjegat fil-qosor hawn fuq u kif spjegat fid-dettall fl-Anness 6 tal-valutazzjoni tal-impatt. Dawn il-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet se jitwettqu fil-kuntest tal-programm Dwana 2020 u, mill-2021 ’il quddiem, fil-kuntest tal-programm Dwana l-ġdid.
Qed jiġi implimentat qafas komprensiv għall-monitoraġġ, għall-evalwazzjoni u għar-rapportar sabiex ikun żgurat li l-istrument jilħaq l-għanijiet tiegħu. B’mod partikolari, is-sistema ta’ rapportar dwar l-evalwazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-evalwazzjoni tal-istrument tinġabar b’mod effiċjenti, effettiv u f’waqtu u li din tinġabar bil-livell ix-xieraq ta’ granularità, u t-tali data u t-tali informazzjoni għandha tintbagħat lill-Kummissjoni b’mod li jkun konformi mad-dispożizzjonijiet legali l-oħrajn – pereżempju, meta jkun hemm bżonn, id-data personali għandha ssir anonima. Għal dan il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti proporzjonati tar-rapportar fuq dawk li jirċievu l-fondi tal-Unjoni.
Kapitolu V: Eżerċizzju tad-delega u proċedura ta’ kumitat
Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati għall-finijiet li ġejjin:
–biex tirrevedi l-iskopijiet tal-kontrolli, jiġifieri l-kriterji essenzjali tal-eliġibbiltà, minħabba li dawn jistgħu jevolvu ħafna maż-żmien fid-dawl tal-prijoritajiet doganali, tat-theddid fil-qasam doganali u tat-teknoloġija; kif ukoll
–biex temenda l-Anness 2 biex tirrevedi l-indikaturi jew biex tikkumplimentahom, meta dan jitqies li jkun meħtieġ, u biex tissupplimenta lil dan ir-Regolament b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni.
Il-Kumitat se jgħin lill-Kummissjoni. Sabiex ikunu żgurati l-koerenza u l-koordinazzjoni orizzontali tal-azzjonijiet doganali kollha li jsiru kemm fil-kuntest ta’ dan l-istrument kif ukoll fil-kuntest tal-programm Dwana, qed jiġi propost li jiġi stabbilit kumitat wieħed. Minħabba li diġà jeżisti kumitat fil-kuntest tal-programm Dwana 2020 u minħabba li qed jiġi propost li dan jinżamm fil-kuntest tal-programm Dwana l-ġdid, qed jiġi propost li dan il-Kumitat tal-Programm Dwana jkollu kompetenza wkoll b’rabta ma’ dan l-istrument.
Kapitolu VI: Dispożizzjonijiet tranżitorji u finali
Se jiġi żgurat li tingħata informazzjoni mmirata li tkun koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, fosthom lill-mezzi tax-xandir u lill-pubbliku.
2018/0258 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-istrument ta’ appoġġ finanzjarju għat-tagħmir ta’ kontroll doganali
bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 33, 114 u 207 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)L-2 140 uffiċċju doganali li jinsabu fil-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea jridu jkunu mgħammra kif xieraq sabiex ikun żgurat li l-Unjoni Doganali taħdem sew. Hemm ħtieġa urġenti li jkun hemm kontrolli doganali adegwati u ekwivalenti mhux biss minħabba l-funzjoni tradizzjonali tad-dwana li tiġbor id-dħul, iżda dejjem iktar ukoll minħabba l-ħtieġa li jissaħħaħ b’mod sinifikanti l-kontroll tal-oġġetti li jidħlu mill-fruntieri esterni tal-UE u li joħorġu minnhom biex ikunu żgurati s-sigurtà u s-sikurezza. Madankollu, fl-istess ħin, jenħtieġ li dawn il-kontrolli marbutin mal-moviment tal-oġġetti fil-fruntieri esterni ma jfixklux il-kummerċ leġittimu mal-pajjiżi terzi, iżda jiffaċilitawh.
(2)Bħalissa hemm żbilanċ fit-twettiq tal-kontrolli doganali min-naħa tal-Istati Membri. Dan l-iżbilanċ ġej kemm mid-differenzi ġeografiċi ta’ bejniethom u kemm mid-differenzi fil-kapaċitajiet u fir-riżorsi rispettivi tagħhom. Il-ħila tal-Istati Membri li jwieġbu għall-isfidi li ġejjin minn mudelli kummerċjali u ktajjen tal-valur dinjin li qed jevolvu l-ħin kollu ma tiddependix biss fuq l-element uman, iżda wkoll fuq id-disponibbiltà ta’ tagħmir ta’ kontroll doganali modern u affidabbli. Għalhekk, biex jiġi indirizzat l-iżbilanċ eżistenti, huwa importanti li jiġi pprovdut tagħmir ekwivalenti għall-kontrolli doganali. Dan se jtejjeb l-ekwivalenza tat-twettiq tal-kontrolli doganali fl-Istati Membri u b’hekk jevita li l-flussi tal-oġġetti jintbagħtu lejn l-iktar punti dgħajfa.
(3)L-Istati Membri kemm-il darba tennew li għandhom bżonn ta’ appoġġ finanzjarju u talbu li ssir analiżi fil-fond tat-tagħmir meħtieġ. Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2017 dwar il-finanzjament doganali, il-Kunsill stieden lill-Kummissjoni “tevalwa l-possibbiltà tal-finanzjament tal-ħtiġijiet ta’ tagħmir tekniku minn programmi finanzjarji futuri tal-Kummissjoni; (...) [u] ittejjeb il-koordinazzjoni, u (...) il-kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Doganali u awtoritajiet oħrajn tal-infurzar tal-liġi għal skopijiet ta’ finanzjament”.
(4)Skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-kontrolli doganali jridu jinftehmu mhux biss bħala s-superviżjoni tal-leġiżlazzjoni doganali iżda wkoll bħala s-superviżjoni ta’ leġiżlazzjoni oħra li tirregola d-dħul, il-ħruġ, it-tranżitu, il-moviment, il-ħażna u l-użu aħħari ta’ oġġetti ttrasportati bejn it-territorju doganali tal-Unjoni u pajjiżi jew territorji ’l barra minn dak it-territorju, u l-preżenza u l-moviment fit-territorju doganali tal-Unjoni ta’ oġġetti mhux tal-Unjoni u ta’ oġġetti mqiegħda taħt il-proċedura tal-użu aħħari. Din il-leġiżlazzjoni l-oħra li tagħti kompiti speċifiċi ta’ kontroll lill-awtoritajiet doganali tinkludi dispożizzjonijiet dwar it-tassazzjoni, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mad-dazji tas-sisa u mat-taxxa fuq il-valur miżjud, dispożizzjonijiet dwar l-aspetti esterni tas-suq intern, dispożizzjonijiet dwar il-politika kummerċjali komuni u dwar politiki komuni oħrajn tal-Unjoni li jaffettwaw il-kummerċ, dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà ġenerali tal-katina tal-provvista u dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.
(5)L-għoti ta’ appoġġ biex ikun hemm kontrolli doganali ta’ livell adegwat u ekwivalenti fil-fruntieri esterni tal-Unjoni jippermetti li jitkabbru kemm jista’ jkun il-benefiċċji tal-Unjoni Doganali. Barra minn hekk, intervent tal-Unjoni li jkun iddedikat għat-tagħmir ta’ kontroll doganali u li jikkoreġi l-iżbilanċi li hemm bħalissa jikkontribwixxi għall-koeżjoni ġenerali bejn l-Istati Membri. Meta wieħed iqis l-isfidi li d-dinja qed tħabbat wiċċha magħhom, b’mod partikolari l-ħtieġa kontinwa li jiġu protetti l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha filwaqt li jiġi ffaċilitat il-fluss tal-kummerċ leġittimu, sar essenzjali li jkun hemm tagħmir modern u affidabbli ta’ kontroll fil-fruntieri esterni.
(6)Għalhekk jixraq li jiġi stabbilit strument ġdid ta’ appoġġ finanzjarju għat-tagħmir ta’ kontroll doganali.
(7)Minħabba li l-għadd ta’ responsabbiltajiet li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri qed jieħdu fuqhom qiegħed dejjem jiżdied, u ħafna drabi dawk ir-responsabbiltajiet jestendu għall-qasam tas-sigurtà u għandhom x’jaqsmu ma’ kompiti li jitwettqu fil-fruntieri esterni, jeħtieġ li jiġi żgurat li l-kontrolli doganali u l-kontrolli ta’ mal-fruntiera jitwettqu b’mod ekwivalenti fil-fruntieri esterni billi l-Istati Membri jingħataw appoġġ finanzjarju adegwat min-naħa tal-Unjoni. Huwa daqstantieħor importanti li tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji fil-fruntieri tal-Unjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-kontrolli tal-oġġetti u tal-persuni fost l-awtoritajiet nazzjonali ta’ kull Stat Membru li huma responsabbli għall-kontroll tal-fruntieri jew għal kompiti oħrajn li jitwettqu mal-fruntieri.
(8)Għalhekk jeħtieġ li jiġi stabbilit Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Fond”).
(9)Minħabba l-partikolarijiet legali li japplikaw għat-Titolu V tat-TFUE, kif ukoll il-bażijiet ġuridiċi differenti li japplikaw għall-politiki dwar il-fruntieri esterni u għall-politiki dwar il-kontroll doganali, mhuwiex possibbli mil-lat legali li l-Fond jiġi stabbilit bħala strument wieħed.
(10)Għalhekk jenħtieġ li l-Fond jiġi stabbilit bħala qafas komprensiv għall-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri, magħmul mill-Istrument ta’ appoġġ finanzjarju għat-tagħmir ta’ kontroll doganali (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-Istrument”), li qed jiġi stabbilit b’dan ir-Regolament, u mill-istrument ta’ appoġġ finanzjarju għall-ġestjoni tal-fruntieri u għall-viżi, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru …/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(11)Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-Istrument, li għandu jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali, skont it-tifsira tal-punt 17 tal-Ftehim interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba.
(12)Ir-Regolament (UE, Euratom) [2018/XXX] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “ir-Regolament Finanzjarju”) japplika għal dan l-Istrument. Dan jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inklużi r-regoli dwar l-għotjiet.
(13)Ir-Regolament (UE) [2018/XXX] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jistabbilixxi l-programm “Dwana” għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana sabiex jiġu appoġġati l-Unjoni Doganali u l-awtoritajiet doganali. Sabiex jitħarsu l-koerenza u l-koordinazzjoni orizzontali tal-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni, jixraq li dawn l-azzjonijiet jiġu implimentati kollha fil-kuntest ta’ att legali wieħed u ta’ sett wieħed ta’ regoli. Għalhekk, jenħtieġ li dan l-Istrument jappoġġa biss ix-xiri, il-manutenzjoni u l-aġġornament tat-tagħmir eliġibbli ta’ kontroll doganali, filwaqt li l-programm Dwana għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana jappoġġa l-azzjonijiet relatati magħhom, bħall-azzjonijiet ta’ kooperazzjoni biex jiġu vvalutati l-ħtiġijiet jew it-taħriġ marbut mat-tagħmir ikkonċernat.
(14)Barra minn hekk, meta jkun xieraq, jenħtieġ li l-Istrument jappoġġa wkoll ix-xiri jew l-aġġornament tat-tagħmir ta’ kontroll doganali għall-ittestjar ta’ unitajiet individwali ġodda tat-tagħmir jew ta’ funzjonalitajiet ġodda f’kundizzjonijiet operattivi qabel ma l-Istati Membri jibdew jixtru t-tali tagħmir ġdid fuq skala kbira. L-ittestjar f’kundizzjonijiet operattivi jenħtieġ li jsir b’segwitu, b’mod partikolari, għar-riżultati tar-riċerka dwar it-tagħmir ta’ kontroll doganali li titwettaq fil-qafas tar-Regolament (UE) [2018/XXX].
(15)Ħafna mit-tagħmir ta’ kontroll doganali jista’ jintuża bl-istess mod jew b’kumbinazzjoni wkoll għall-kontrolli tal-konformità ma’ leġiżlazzjoni oħra, bħad-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni tal-fruntieri, dwar il-viżi jew dwar il-kooperazzjoni bejn il-pulizija. Għalhekk, il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri nħaseb bħala żewġ strumenti kumplimentari li għandhom kamp ta’ applikazzjoni differenti iżda koerenti b’rabta max-xiri tat-tagħmir. Minn naħa, l-istrument għall-ġestjoni tal-fruntieri u għall-viżi stabbilit bir-Regolament [2018/XXX] se jeskludi t-tagħmir li jista’ jintuża kemm għall-ġestjoni tal-fruntieri u kemm għall-kontroll doganali. Min-naħa l-oħra, l-istrument ta’ appoġġ finanzjarju għat-tagħmir ta’ kontroll doganali stabbilit b’dan ir-Regolament mhux biss se jagħti appoġġ finanzjarju lit-tagħmir li l-għan ewlieni tiegħu jkun li jintuża għall-kontrolli doganali, iżda se jippermetti wkoll li dan jintuża wkoll għal skopijiet oħrajn bħall-kontrolli mal-fruntiera u s-sigurtà. Dan it-tqassim tar-rwoli se jrawwem il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji bħala komponent tal-approċċ għal ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, kif imsemmi fl-Artikolu 4(e) tar-Regolament (UE) 2016/1624, u b’hekk se jippermetti lill-awtoritajiet doganali u lill-awtoritajiet tal-fruntieri jikkollaboraw bejniethom u se jżid kemm jista’ jkun l-impatt tal-baġit tal-Unjoni permezz tal-qsim konġunt tat-tagħmir ta’ kontroll u tal-interoperabbiltà tiegħu.
(16)B’deroga mir-Regolament Finanzjarju, jenħtieġ li azzjoni tkun tista’ tiġi ffinanzjata minn diversi programmi jew strumenti tal-Unjoni biex ikun jista’ jkun hemm il-kooperazzjoni u l-interoperabbiltà bejn oqsma differenti u sabiex din il-kooperazzjoni u din l-interoperabbiltà jkunu jistgħu jiġu appoġġati meta dan ikun xieraq. Madankollu, fit-tali każijiet, il-kontribuzzjonijiet ma jistgħux ikopru l-istess kostijiet, skont il-prinċipju tal-projbizzjoni tal-finanzjament doppju stabbilit fir-Regolament Finanzjarju.
(17)Minħabba l-evoluzzjoni rapida tal-prijoritajiet doganali, tat-theddid fil-qasam doganali u tat-teknoloġiji, jenħtieġ li l-programmi ta’ ħidma ma jitħejjewx għal perjodi twal taż-żmien. Fl-istess ħin, il-ħtieġa li jiġu stabbiliti programmi annwali ta’ ħidma żżid il-piż amministrattiv kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-Istati Membri, mingħajr ma dan ikun meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-Istrument. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li, fil-prinċipju, il-programmi ta’ ħidma jkunu jkopru iktar minn sena finanzjarja waħda.
(18)Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(19)Għalkemm l-implimentazzjoni ċentrali hija essenzjali biex jintlaħaq l-għan speċifiku li jiġu żgurati kontrolli doganali ekwivalenti, minħabba n-natura teknika ta’ dan l-Istrument, hemm bżonn ta’ ħidma preparatorja fil-livell tekniku. Għalhekk jenħtieġ li l-implimentazzjoni tiġi appoġġata minn valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet li jkunu jiddependu fuq l-għarfien espert u l-esperjenza fil-livell nazzjonali permezz tal-involviment tal-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri. Jenħtieġ li dawk il-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet jissejsu fuq metodoloġija ċara li tkun tinkludi għadd minimu ta’ passi li jiżguraw li tinġabar l-informazzjoni meħtieġa.
(20)Sabiex ikunu żgurati monitoraġġ u rapportar regolari, jenħtieġ li jiġi stabbilit qafas xieraq għall-monitoraġġ tar-riżultati li jinkisbu permezz tal-Istrument u tal-azzjonijiet li jkunu saru fil-kuntest tiegħu. Jenħtieġ li t-tali monitoraġġ u r-rapportar jissejsu fuq indikaturi li jkejlu l-effetti tal-azzjonijiet li jkunu saru fil-kuntest tal-Istrument. Jenħtieġ li r-rekwiżiti tar-rapportar ikunu jinkludu xi informazzjoni dwar it-tagħmir ta’ kontroll doganali li jkun jaqbeż ċertu limitu tal-kostijiet.
(21)Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, jeħtieġ li dan l-Istrument jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz ta’ rekwiżiti speċifiċi tal-monitoraġġ, filwaqt li jiġu evitati r-regolamentazzjoni żejda u l-piżijiet amministrattivi, b’mod partikolari fuq l-Istati Membri. Meta jkun xieraq, dawn ir-rekwiżiti jistgħu jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu bħala l-bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-Istrument fil-prattika.
(22)Sabiex tingħata tweġiba xierqa għall-prijoritajiet tal-politika, għat-theddid u għat-teknoloġiji li qed jevolvu, jenħtieġ li s-setgħa ta’ adozzjoni tal-atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-emendar tal-iskopijiet tal-kontrolli doganali għall-azzjonijiet li huma eliġibbli skont l-Istrument u tal-emendar tal-lista tal-indikaturi li jintużaw biex titkejjel il-kisba tal-għanijiet speċifiċi. Hu tassew importanti li matul il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawn il-konsultazzjonijiet isiru b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li fih jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.
(23)Skont ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95, ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939, l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż il-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet u ta’ frodi, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett u, fejn xieraq, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi. B’mod partikolari, skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (l-OLAF) jista’ jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe reat ieħor li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-UPPE) jista’ jinvestiga u jressaq każijiet ta’ frodi u attivitajiet illegali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Skont ir-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-UPPE u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.
(24)Ir-regoli finanzjarji orizzontali li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw abbażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawn ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju u jistabbilixxu, b’mod partikolari, il-proċedura biex jiġi stabbilit il-baġit u biex dan jiġi implimentat permezz ta’ għotjiet, akkwist, premjijiet u implimentazzjoni indiretta, u jipprevedu verifiki tar-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE għandhom x’jaqsmu wkoll mal-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati b’rabta mal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, minħabba li r-rispett għall-istat tad-dritt huwa prerekwiżit essenzjali għal ġestjoni finanzjarja tajba u għal finanzjament effettiv min-naħa tal-UE.
(25)Jenħtieġ li t-tipi ta’ finanzjament u l-metodi ta’ implimentazzjoni skont dan ir-Regolament jingħażlu abbażi tal-ħila tagħhom li jiksbu l-għan speċifiku tal-azzjonijiet u li jagħtu r-riżultati, filwaqt li jitqiesu, b’mod partikolari, il-kostijiet tal-kontrolli, il-piż amministrattiv u r-riskju ta’ nuqqas ta’ konformità li mistenni jkun hemm. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jitqies l-użu ta’ somom f’daqqa, ta’ rati fissi u ta’ kostijiet unitarji, kif ukoll il-finanzjament mhux marbut mal-kostijiet imsemmi fl-Artikolu 125(1) tar-Regolament Finanzjarju.
(26)Minħabba li l-għan ta’ dan ir-Regolament, li jistabbilixxi strument li jappoġġa lill-Unjoni Doganali u lill-awtoritajiet doganali, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom minħabba l-iżbilanċi oġġettivi li jeżistu bejniethom fil-livell ġeografiku iżda jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni minħabba l-livell ekwivalenti tal-kontrolli doganali u l-kwalità ekwivalenti tagħhom li approċċ ikkoordinat u finanzjament iċċentralizzat se jgħinu biex jipprovdu, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan,
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-istrument ta’ appoġġ finanzjarju għat-tagħmir ta’ kontroll doganali (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “l-Istrument”), bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Fond”), biex jipprovdi appoġġ finanzjarju għax-xiri, għall-manutenzjoni u għall-aġġornament tat-tagħmir ta’ kontroll doganali.
2.Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Fond flimkien mar-Regolament [2018/XXX] li jistabbilixxi l-istrument ta’ appoġġ finanzjarju għall-ġestjoni tal-fruntieri u għall-viżi bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri.
3.Huwa jistabbilixxi l-għanijiet tal-Istrument, il-baġit għall-perjodu mill-2021 sal-2027, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta’ dan it-tip ta’ finanzjament.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“awtoritajiet doganali” tfisser l-awtoritajiet iddefiniti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;
(2)“kontrolli doganali” tfisser l-atti speċifiċi ddefiniti fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;
(3)“tagħmir ta’ kontroll doganali” tfisser tagħmir maħsub b’mod ewlieni għat-twettiq tal-kontrolli doganali;
(4)“tagħmir mobbli ta’ kontroll doganali” tfisser kull mezz tat-trasport li, minbarra li jista’ jiċċaqlaq, huwa maħsub biex ikun unità individwali tat-tagħmir ta’ kontroll doganali huwa stess jew huwa mgħammar għalkollox bit-tagħmir ta’ kontroll doganali;
(5)“manutenzjoni” tfisser l-interventi preventivi, korrettivi u ta’ previżjoni, fosthom il-verifiki operattivi u funzjonali, is-servizzi ta’ manutenzjoni, it-tiswija u t-tiġdid, iżda mhux l-aġġornament, li huma meħtieġa biex unità individwali tat-tagħmir ta’ kontroll doganali tinżamm fil-kundizzjoni operattiva speċifikata tagħha jew terġa’ tinġieb fiha sabiex tkun tista’ tinkiseb il-ħajja utli massima tagħha;
(6)“aġġornament” tfisser l-interventi evoluttivi meħtieġa biex unità individwali eżistenti tat-tagħmir ta’ kontroll doganali tinġieb minn kundizzjoni operattiva speċifikata antikwata għal kundizzjoni operattiva speċifikata moderna.
Artikolu 3
Għanijiet tal-Istrument
1.Bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-Istrument għandu l-għan ġenerali li jappoġġa lill-Unjoni Doganali u lill-awtoritajiet doganali sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, sabiex jiġu żgurati s-sigurtà u s-sikurezza fl-Unjoni u sabiex l-Unjoni tiġi protetta mill-kummerċ illegali u inġust filwaqt li jiġu ffaċilitati l-attivitajiet kummerċjali leġittimi.
2.L-Istrument għandu l-għan speċifiku li jikkontribwixxi biex ikun hemm kontrolli doganali adegwati u ekwivalenti permezz tax-xiri, tal-manutenzjoni u tal-aġġornament ta’ tagħmir ta’ kontroll doganali li jkun rilevanti, modern u affidabbli.
Artikolu 4
Baġit
1.Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Istrument għall-perjodu mill-2021 sal-2027 għandu jkun ta’ EUR 1 300 000 000 fi prezzijiet kurrenti.
2.L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1 jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż ta’ tħejjija, ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ awditu, ta’ evalwazzjoni u ta’ attivitajiet oħrajn għall-ġestjoni tal-Istrument u għall-evalwazzjoni tal-kisba tal-għanijiet tiegħu. Barra minn hekk, dan jista’ jkopri l-ispejjeż relatati mal-istudji, mal-laqgħat tal-esperti, mal-azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni, sa fejn dawn ikunu relatati mal-għanijiet tal-Istrument, kif ukoll l-ispejjeż marbutin man-netwerks tat-teknoloġija tal-informazzjoni li jiffukaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju tal-informazzjoni, fosthom l-għodod korporattivi tat-teknoloġija tal-informazzjoni u assistenza teknika u amministrattiva oħra meħtieġa b’rabta mal-ġestjoni tal-Istrument.
Artikolu 5
Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament mill-UE
1.L-Istrument għandu jiġi implimentat b’ġestjoni diretta skont ir-Regolament Finanzjarju.
2.L-Istrument jista’ jipprovdi finanzjament fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju u, b’mod partikolari, permezz tal-għotjiet.
3.Meta l-azzjoni appoġġata tkun tinvolvi x-xiri jew l-aġġornament tat-tagħmir, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni li jiżgura l-effiċjenza tat-tagħmir kollu mixtri bl-appoġġ tal-programmi u tal-istrumenti tal-Unjoni u l-interoperabbiltà tat-tali tagħmir.
KAPITOLU II
ELIĠIBBILTÀ
Artikolu 6
Azzjonijiet eliġibbli
1.Sabiex l-azzjonijiet ikunu eliġibbli għall-finanzjament skont dan l-Istrument, iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:
(a)jimplimentaw l-għanijiet imsemmijin fl-Artikolu 3;
(b)jappoġġaw ix-xiri, il-manutenzjoni u l-aġġornament tat-tagħmir ta’ kontroll doganali li jkollu wieħed mill-iskopijiet tal-kontrolli doganali li ġejjin jew iktar:
(1)l-ispezzjoni mhux invażiva;
(2)l-indikazzjoni ta’ oġġetti moħbija fuq il-persuni;
(3)id-detezzjoni tar-radjazzjoni u l-identifikazzjoni tan-nuklidi;
(4)l-analiżi tal-kampjuni fil-laboratorji;
(5)il-kampjunar u l-analiżi tal-kampjuni fuq il-post;
(6)it-tiftix b’apparat portabbli.
L-Anness 1 jistabbilixxi lista indikattiva tat-tagħmir ta’ kontroll doganali li jista’ jintuża għall-iskopijiet tal-kontrolli doganali msemmijin fil-punti (1) sa (6).
2.B’deroga mill-paragrafu 1, f’każijiet iġġustifikati kif xieraq, l-azzjonijiet jistgħu jkopru wkoll ix-xiri, il-manutenzjoni u l-aġġornament tat-tagħmir ta’ kontroll doganali għall-ittestjar ta’ unitajiet individwali ġodda tat-tagħmir jew ta’ funzjonalitajiet ġodda f’kundizzjonijiet operattivi.
3.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14 biex temenda l-iskopijiet tal-kontrolli doganali stabbiliti fil-paragrafu 1(b), kif ukoll l-Anness 1, meta t-tali reviżjoni titqies li tkun meħtieġa.
4.It-tagħmir ta’ kontroll doganali ffinanzjat skont dan l-Istrument jista’ jintuża għal skopijiet oħrajn minbarra l-kontrolli doganali, fosthom għall-kontroll tal-persuni biex jingħataw appoġġ l-awtoritajiet nazzjonali li jieħdu ħsieb il-ġestjoni tal-fruntieri, u għall-investigazzjonijiet.
Artikolu 7
Entitajiet eliġibbli
B’deroga mill-Artikolu 197 tar-Regolament Finanzjarju, l-entitajiet eliġibbli għandhom ikunu l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri meta dawn jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet kif stabbilit fl-Artikolu 11(3).
Artikolu 8
Rata ta’ kofinanzjament
1.L-Istrument jista’ jiffinanzja sa 80 % tal-kostijiet eliġibbli kollha ta’ azzjoni.
2.Kull finanzjament li jaqbeż dan il-limitu massimu għandu jingħata biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali ġġustifikati kif xieraq.
Artikolu 9
Kostijiet eliġibbli
Il-kostijiet li ġejjin ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-finanzjament skont l-Istrument:
(a)il-kostijiet marbutin max-xiri tal-art;
(b)il-kostijiet marbutin mal-infrastruttura, bħall-bini jew il-faċilitajiet esterni, kif ukoll mal-għamara;
(c)il-kostijiet marbutin mas-sistemi elettroniċi, ħlief għas-softwer li huwa meħtieġ b’mod dirett biex jintuża t-tagħmir ta’ kontroll doganali;
(d)il-kostijiet tan-netwerks, bħall-mezzi ta’ komunikazzjoni sikuri u mhux, jew tal-abbonamenti;
(e)il-kostijiet tal-mezzi tat-trasport, bħall-vetturi, l-inġenji tal-ajru u l-bastimenti, ħlief għat-tagħmir mobbli ta’ kontroll doganali;
(f)il-kostijiet tal-oġġetti ta’ konsum għat-tagħmir ta’ kontroll doganali, fosthom tal-materjal ta’ kalibrazzjoni jew ta’ referenza;
(g)il-kostijiet marbutin mat-tagħmir ta’ protezzjoni personali.
KAPITOLU III
GĦOTJIET
Artikolu 10
Għoti, kumplimentarjetà u finanzjament ikkombinat
1.L-għotjiet li jaqgħu taħt l-Istrument għandhom jingħataw u jiġu ġestiti skont it-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju.
2.Skont l-Artikolu 195(f) tar-Regolament Finanzjarju, l-għotjiet għandhom jingħataw mingħajr sejħa għall-proposti lill-entitajiet eliġibbli msemmijin fl-Artikolu 7.
3.B’deroga mill-Artikolu 191 tar-Regolament Finanzjarju, azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni mill-programm Dwana għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana stabbilit bir-Regolament (UE) [2018/XXX] jew minn kull programm ieħor tal-Unjoni tista’ tirċievi kontribuzzjoni wkoll fil-kuntest ta’ dan l-Istrument, dejjem jekk dawk il-kontribuzzjonijiet ma jkunux ikopru l-istess kostijiet. Ir-regoli ta’ kull programm tal-Unjoni li jkun qed jagħti kontribuzzjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni rispettiva tiegħu għall-azzjoni. Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż il-kostijiet eliġibbli kollha tal-azzjoni u l-appoġġ mogħti mill-programmi differenti tal-Unjoni jista’ jiġi kkalkulat fuq bażi pro rata skont id-dokumenti li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-appoġġ.
KAPITOLU IV
PROGRAMMAZZJONI, MONITORAĠĠ U EVALWAZZJONI
Artikolu 11
Programm ta’ ħidma
1.L-Istrument għandu jiġi implimentat permezz tal-programmi ta’ ħidma msemmijin fl-Artikolu 110(2) tar-Regolament Finanzjarju.
2.Il-programmi ta’ ħidma għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15.
3.It-tħejjija tal-programmi ta’ ħidma msemmijin fil-paragrafu 1 għandha tkun appoġġata minn valutazzjoni tal-ħtiġijiet li għandha tkun magħmula tal-inqas mill-affarijiet li ġejjin:
(a)kategorizzazzjoni komuni tal-punti tal-qsim tal-fruntiera;
(b)inventarju eżawrjenti tat-tagħmir ta’ kontroll doganali disponibbli;
(c)definizzjoni komuni ta’ standard minimu u tal-aqwa standard għat-tagħmir tal-kontroll doganali b’referenza għall-kategorija tal-punti tal-qsim tal-fruntiera; u
(d)stima ddettaljata tal-ħtiġijiet finanzjarji.
Il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet għandha toħroġ mill-azzjonijiet li jitwettqu fil-kuntest tal-programm Dwana 2020 li ġie stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1294/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew fil-kuntest tal-programm Dwana għall-kooperazzjoni fil-qasam tad-dwana stabbilit bir-Regolament (UE) [2018/XXX], u għandha tiġi aġġornata b’mod regolari u tal-inqas kull tliet snin.
Artikolu 12
Monitoraġġ u rapportar
1.L-indikaturi għar-rapportar dwar il-progress tal-Istrument lejn il-kisba tal-għanijiet ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3 huma stabbiliti fl-Anness 2.
2.Sabiex ikun żgurat li jiġi vvalutat b’mod effettiv il-progress tal-Istrument lejn il-kisba tal-għanijiet tiegħu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 14 biex temenda l-Anness 2 biex tirrevedi l-indikaturi jew biex tikkumplimentahom, meta dan jitqies li jkun meħtieġ, u biex tissupplimenta lil dan ir-Regolament b’dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni.
3.Is-sistema ta’ rapportar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u tar-riżultati tal-Istrument tinġabar b’mod effiċjenti, effettiv u f’waqtu. Għal dan il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti proporzjonati tar-rapportar fuq dawk li jirċievu l-fondi tal-Unjoni.
4.Ir-rekwiżiti tar-rapportar imsemmijin fil-paragrafu 3 għandhom jinkludu tal-inqas il-komunikazzjoni annwali tal-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni f’każ li unità individwali tat-tagħmir ta’ kontroll doganali tkun tiswa iktar minn EUR 10 000 mingħajr it-taxxi:
(a)id-dati tal-kummissjonar u tad-dekummissjonar tat-tagħmir ta’ kontroll doganali;
(b)l-istatistika dwar l-użu tat-tagħmir ta’ kontroll doganali;
(c)l-informazzjoni dwar ir-riżultati li ħarġu mill-użu tat-tagħmir ta’ kontroll doganali.
Artikolu 13
Evalwazzjoni
1.L-evalwazzjonijiet għandhom jitwettqu f’waqthom sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
2.L-evalwazzjoni interim tal-Istrument għandha titwettaq ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-Istrument, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tal-Istrument.
3.Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Istrument, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara tmiem il-perjodu speċifikat fl-Artikolu 1, għandha titwettaq evalwazzjoni finali tal-Istrument mill-Kummissjoni.
4.Il-Kummissjoni għandha tibgħat il-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, flimkien mal-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
KAPITOLU V
EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA U PROĊEDURA TA’ KUMITAT
Artikolu 14
Eżerċizzju tad-delega
1.Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 6(3) u 12(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2028.
3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 6(3) u 12(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-Deċiżjoni. Din għandu jibda jkollha effett fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li diġà jkun fis-seħħ.
4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti maħtura minn kull Stat Membru b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.Att delegat adottat skont l-Artikoli 6(3) u 12(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għalih fi żmien xahrejn minn meta jkunu ġew mgħarrfin bih jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew u kif ukoll il-Kunsill it-tnejn ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw għalih. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 15
Proċedura ta’ kumitat
1.Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-“Kumitat tal-Programm Dwana” imsemmi fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) [2018/XXX].
2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI
Artikolu 16
Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità
1.Dawk li jirċievu l-finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni (b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom) billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż lill-midja u lill-pubbliku.
2.Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta’ komunikazzjoni relatati mal-Istrument, u mal-azzjonijiet u mar-riżultati tiegħu. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Istrument għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawn ikunu relatati mal-għanijiet imsemmijin fl-Artikolu 3.
Artikolu 17
Dispożizzjonijiet tranżitorji
Jekk ikun meħtieġ, l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mill-2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 4(2), sabiex jippermettu l-ġestjoni tal-azzjonijiet li jkun għadhom ma tlestewx sal-31 ta’ Diċembru 2027.
Artikolu 18
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
1.2.Qasam/oqsma ta’ politika kkonċernat(i) fl-istruttura ABM/ABB
1.3.Natura tal-proposta/tal-inizjattiva
1.4.Għan(ijiet)
1.5.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.6.Durata u impatt finanzjarju
1.7.Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanat(i)
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
2.2.Sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i
3.2.Impatt stmat fuq in-nefqa
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa
3.2.2.Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operattivi
3.2.3.Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
3.2.4.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali
3.2.5.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-istrument ta’ appoġġ finanzjarju għat-tagħmir ta’ kontroll doganali bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri
1.2.Qasam/oqsma ta’ politika kkonċernat(i) (Raggruppament ta’ programmi)
11 Il-Ġestjoni tal-Fruntieri
11.02 Il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri
11.02.11 L-istrument marbut mat-tagħmir ta’ kontroll doganali
1.3.Il-proposta/l-inizjattiva hija dwar:
X azzjoni ġdida
◻ azzjoni ġdida li ssegwi proġett pilota/azzjoni preparatorja
◻ l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti
◻ fużjoni jew ridirezzjonar ta’ azzjoni waħda jew aktar lejn/ma’ azzjoni oħra jew azzjoni ġdida
1.4.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.4.1.Rekwiżit(i) li jridu jiġu ssodisfati fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għall-prosegwiment tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva
L-istrument se jiġi implimentat permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni li jadotta programm ta’ ħidma. Huwa ppjanat li l-adozzjoni sseħħ fl-ewwel trimestru tal-2021 wara li jiġu vvalutati l-ħtiġijiet (fil-kuntest tal-programm attwali Dwana 2020) u wara li jiġi kkonsultat il-Kumitat tal-Programm Dwana. L-eżekuzzjoni tal-programm ta’ ħidma se titwettaq billi, sa mhux aktar tard mit-tieni trimestru tal-2021, jiġu konklużi ftehimiet tal-għotja mal-benefiċjarji.
1.4.2.Il-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, eż. il-gwadann mill-koordinazzjoni, iċ-ċertezza tad-dritt, effettività akbar jew il-kumplimentarjetajiet). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, “il-valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” huwa l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li jkun addizzjonali għall-valur li kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.
Raġunijiet għall-azzjoni fil-livell Ewropew (ex ante): Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa li titjieb l-ekwivalenza tat-twettiq tal-kontrolli doganali fl-Istati Membri sabiex il-flussi tal-oġġetti ma jintbagħtux lejn l-iktar punti dgħajfa u, għalhekk, qed tipproponi dan l-Istrument il-ġdid. Fil-fatt, il-fatt li jiġi żgurat li jkun hemm tagħmir u infrastruttura doganali ekwivalenti huwa element importanti biex jiġi indirizzat l-iżbilanċ eżistenti. Dan l-iżbilanċ ġej, b’mod parzjali, minħabba d-differenzi fil-kapaċitajiet u fir-riżorsi li l-Istati Membri differenti għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom. Il-ħila tagħhom li jwieġbu għall-isfidi li ġejjin minn mudelli kummerċjali u ktajjen tal-valur dinjin li qed jevolvu l-ħin kollu ma tiddependix biss fuq l-element uman, iżda wkoll fuq id-disponibbiltà ta’ tagħmir ta’ kontroll modern u affidabbli. Il-volumi tal-oġġetti li qegħdin dejjem jiżdiedu, kif ukoll il-ħtieġa dejjem ikbar ta’ kontrolli mal-fruntiera, jissejsu mhux biss fuq il-funzjoni tradizzjonali tad-dwana li tiġbor id-dħul, iżda wkoll fuq il-ħtieġa li jissaħħaħ bil-kbir il-kontroll tal-prodotti li jidħlu mill-fruntieri esterni tal-UE u li joħorġu minnhom biex ikunu żgurati s-sigurtà u s-sikurezza. Fl-istess ħin, dawn il-kontrolli li jirregolaw il-moviment tal-oġġetti fil-fruntieri esterni jeħtieġ li ma jfixklux il-kummerċ leġittimu, iżda jiffaċilitawh.
Valur miżjud iġġenerat tal-Unjoni mistenni (ex post): Dan jista’ jintlaħaq fl-Unjoni Doganali biss billi jkun żgurat li anke l-iktar konnessjoni dgħajfa tkun b’saħħitha biżżejjed biex taqdi l-funzjoni tagħha. B’hekk l-Istrument se jappoġġa lill-Unjoni Doganali u se jikkumplimenta b’mod ewlieni lill-azzjonijiet tal-programm Dwana.
1.4.3.Tagħlimiet meħudin minn esperjenzi simili fl-imgħoddi
1.4.4.Kompatibbiltà u sinerġija possibbli ma’ strumenti xierqa oħrajn
L-Istrument huwa marbut mill-qrib mal-programm Dwana l-ġdid li se jappoġġa l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet. Barra minn hekk, huwa marbut ukoll mal-attivitajiet li l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (l-OLAF) iwettaq b’rabta mal-ġlieda kontra l-frodi sabiex jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni skont l-Artikolu 325 tat-TFUE.
1.5.Durata u impatt finanzjarju
X durata limitata
–X
fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027
–X
Impatt finanzjarju mill-2021 sal-2027 għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u mill-2021 sal-2030 għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament.
◻ durata mhux limitata
–Implimentazzjoni b’perjodu ta’ tnedija minn SSSS sa SSSS,
–segwita b’operazzjoni fuq skala sħiħa.
1.6.Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanat(i)
X Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni
–X mid-dipartimenti tagħha, inkluż mill-persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;
–◻
mill-aġenziji eżekuttivi
◻ Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri
◻ Ġestjoni indiretta billi jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja:
–◻ lil pajjiżi terzi jew lill-korpi nnominati minnhom;
–◻ lil organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-aġenziji tagħhom (iridu jiġu speċifikati);
–◻ lill-BEI u lill-Fond Ewropew tal-Investiment;
–◻ lill-korpi li jissemmew fl-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament Finanzjarju;
–◻ lil korpi tal-liġi pubblika;
–◻ lil korpi rregolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku safejn dawn jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;
–◻ lil korpi rregolati mil-liġi privata ta’ Stat Membru li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata u li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;
–◻ lil persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti.
–Jekk jiġi indikat aktar minn mod wieħed ta’ ġestjoni, jekk jogħġbok ipprovdi d-dettalji fit-taqsima “Kummenti”.
Kummenti
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
Speċifika l-frekwenza u l-kundizzjonijiet.
Ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-Istrument, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tiegħu, se titwettaq evalwazzjoni interim tal-Istrument li tanalizza l-kisba tal-għanijiet tiegħu, l-effiċjenza tiegħu u l-valur miżjud tiegħu fil-livell tal-Unjoni.
Evalwazzjoni finali jenħtieġ li tittratta l-impatti fit-tul tal-Istrument u s-sostenibbiltà tal-effetti tiegħu. Din għandha titwettaq fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Istrument, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara tmiem il-perjodu ta’ finanzjament.
Dawn l-evalwazzjonijiet jenħtieġ li jissejsu, fost l-oħrajn, fuq l-indikaturi stabbiliti għall-monitoraġġ u għar-rapportar.
2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposti
F’dak li għandu x’jaqsam mal-element tat-tagħmir ta’ kontroll doganali, l-għażla ppreferuta hija l-ġestjoni diretta permezz tal-għoti ta’ għotjiet lill-awtoritajiet nazzjonali għax-xiri, għall-manutenzjoni u għall-evoluzzjoni tat-tagħmir ta’ kontroll doganali.
L-intervent il-ġdid tal-UE għandu l-għan li jindirizza l-iżbilanċi li hemm bħalissa fost l-Istati Membri u li jiżgura li l-kontrolli doganali jitwettqu b’mod ekwivalenti fl-Unjoni Doganali kollha. Naturalment, dan l-għan jeżiġi koordinazzjoni li tmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali, li tista’ tintlaħaq bl-aħjar mod permezz ta’ approċċ iċċentralizzat ġestit b’mod dirett. Minħabba li jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali – u mhux l-Unjoni, ikomplu jkunu s-sidien diretti tat-tagħmir li jużaw biex iwettqu dmirijiethom mal-fruntieri tal-UE, l-intervent tal-UE se jieħu l-forma ta’ għotjiet lill-Istati Membri bħala appoġġ għax-xiri, għall-manutenzjoni u għall-evoluzzjoni tat-tagħmir ta’ kontroll doganali skont standards iddefiniti minn qabel għal kull tip ta’ fruntiera.
Il-ġestjoni diretta hija l-mekkaniżmu eżekuttiv għall-azzjonijiet eżistenti fil-qasam doganali, kemm fil-kuntest tal-programm Dwana u kemm fil-kuntest tal-programm Erkole III. Dan huwa wkoll approċċ xieraq minħabba li, f’dan il-każ, se jkun jinvolvi biss għadd limitat ta’ benefiċjarji, jiġifieri s-27 Stat Membru, u b’hekk se jippermetti li jiġu applikati diversi simplifikazzjonijiet previsti fir-Regolament Finanzjarju u fir-regoli tiegħu marbutin mal-applikazzjoni, b’mod partikolari l-eċċezzjonijiet għas-sejħiet għall-proposti.
Sabiex il-ġestjoni diretta mill-Kummissjoni tinbena bis-sħiħ fuq l-għarfien u fuq l-esperjenza operattiva tal-awtoritajiet nazzjonali u b’hekk tilħaq il-ħtiġijiet reali tagħhom, se jkun hemm timijiet ta’ esperti magħmulin mill-Istati Membri li jappoġġawha fil-kompiti preparatorji (pereżempju fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u fid-definizzjoni tal-istandards tat-tagħmir minimu skont it-tip ta’ fruntiera). Il-Kummissjoni, li se talloka l-fondi permezz ta’ għotjiet ibbażati fuq il-prijoritajiet tal-politika doganali, it-theddid fil-qasam doganali u l-volumi tal-kummerċ, se tieħu d-deċiżjoni finali tal-politika fil-kuntest ta’ proċedura tal-komitoloġija.
Se jitqiesu wkoll il-kofinanzjament, jiġifieri l-kontribuzzjonijiet nazzjonali li jissupplimentaw l-intervent tal-UE, u l-kundizzjonalitajiet ex ante, bħall-wiri ta’ biżżejjed kapaċità amministrattiva f’termini ngħidu aħna tal-għadd ta’ impjegati u tal-ħiliet. Dan jiżgura li l-provvista tat-tagħmir ta’ kontroll doganali sseħħ biss bl-impenn sħiħ tal-Istati Membri u meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet rilevanti, u b’hekk jiġi żgurat li t-tagħmir jintuża fir-realtà u li l-intervent tal-UE jkollu impatt reali.
Fil-każ tal-għotjiet, huwa previst li, fl-ewwel sena tal-ftehim tal-għotja jkun hemm il-prefinanzjament, iżda b’mod pjuttost limitat (ta’ madwar 20 %, li għandu jiġi ddefinit fil-programmi ta’ ħidma), minħabba li l-akkwist pubbliku tat-tagħmir ta’ kontroll doganali min-naħa tal-awtoritajiet doganali ġeneralment jieħu fit-tul u għalhekk is-soltu jdum għaddej iktar minn l-ewwel sena tal-ftehim tal-għotja.
Il-pagamenti finali jew l-irkupri għall-għotjiet isiru abbażi ta’ rapporti finanzjarji flimkien ma’ awditi ex post fuq il-post.
Minħabba li dan l-Istrument huwa programm ġdid, x’aktarx li l-istrateġija ta’ kontroll se jkollha tiġi rfinata maż-żmien abbażi tal-eżiti inizjali tiegħu. B’mod konkret, din se tissejjes fuq approċċ doppju:
–ir-rapporti finanzjarji nazzjonali se jingħalqu wara analiżi mhux fuq il-post segwita mill-pagament finali jew mill-ordni ta’ rkupru (u b’hekk se jitnaqqas id-dewmien fil-pagamenti); it-tali pagamenti jew ordnijiet ta’ rkupru jibqgħu jiġu vverifikati permezz tal-kontrolli ex ante li jiffurmaw parti miċ-ċirkwiti finanzjarji;
–il-kontrolli msemmijin hawn fuq jiġu appoġġati minn awditi ex post fuq il-post fl-Istati Membri; id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali jimmira li, ta’ kull sena, iwettaq missjonijiet tal-awditjar fuq il-post f’madwar nofs l-Istati Membri.
2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom
Ir-riskji marbutin mat-tranżazzjonijiet finanzjarji li jimplimentaw l-Istrument huma limitati, b’mod partikolari minħabba r-raġunijiet li ġejjin:
–il-benefiċjarji huma l-amministrazzjonijiet doganali tal-Istati Membri u f’dan il-każ ma jsirux sejħiet għall-proposti;
–minħabba li, fil-programm ta’ ħidma, il-finanzjament se jiffoka fuq prijoritajiet konġunti identifikati b’mod speċifiku wara valutazzjoni tal-ħtiġijiet, ħafna mill-azzjonijiet se jkunu jistgħu jitqabblu bejn Stat Membru u ieħor u d-devjazzjoniiet se jkunu viżibbli u se jkunu jistgħu jiġu identifikati b’mod faċli;
–se jkun hemm l-obbligu li tintuża sistema elettronika biex jiġu rreġistrati l-azzjonijiet u biex jitħejjew ir-rapporti finanzjarji, u din is-sistema fiha diversi kontrolli u se tiffaċilita l-monitoraġġ tan-nefqa;
–il-finanzjament mistenni jiffoka l-iktar fuq unitajiet individwali tat-tagħmir ta’ kontroll doganali li jiswew ħafna flus, u dan se jnaqqas l-għadd ta’ unitajiet individwali li jinxtraw, li ssirilhom manutenzjoni jew li jiġu aġġornati, u b’hekk se jiffaċilita l-monitoraġġ u l-kontroll;
–il-proposta diġà tipprevedi obbligi minimi tar-rapportar u l-programmi ta’ ħidma u l-ftehimiet tal-għotja se jikkumplementaw dan sabiex jillimitaw u jtaffu r-riskji li jista’ jkun hemm.
2.2.3.
2.2.4.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon tal-“kostijiet tal-kontrolli ÷ il-valur tal-fondi relatati ġestiti”), u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ żball (mal-ħlas u fl-għeluq)
Il-kost annwali totali tal-kontrolli fil-kuntest tal-programm Dwanapreċedenti mistenni jibqa’ pjuttost limitat minħabba r-riskju limitat ta’ żball, kif indikat hawn fuq, meta wieħed iqis in-natura u l-metodu ta’ implimentazzjoni tat-tranżazzjonijiet finanzjarji relatati.
Is-sistema globali ta’ kontroll intern, li hija bbażata fuq kontrolli ex ante li jiffurmaw parti miċ-ċirkwiti finanzjarji, timmira li telimina l-iżbalji potenzjali qabel il-pagament jew qabel l-għeluq. Il-kontrolli ex post fuq il-post għall-għotjiet ikomplu jnaqqsu r-riskju potenzjali ta’ żball mal-pagament jew mal-għeluq minħabba l-effett qawwi ta’deterrent li għandhom.
Għall-finijiet tat-tqabbil, l-istrateġija ta’ kontroll applikata fil-kuntest tal-programm Dwana preċedenti wriet li hija effettiva u effiċjenti u l-kost tal-kontroll deher li huwa limitat. Minħabba li se jintużaw l-istess sistemi ta’ kontroll għall-Istrument il-ġdid, il-kost antiċipat tal-kontrolli u l-livell mistenni tar-riskju ta’ żball mal-pagament jew mal-għeluq fil-kuntest tal-Istrument il-ġdid mistennija jkunu simili.
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni eżistenti jew previsti, eż. mill-Istrateġija Kontra l-Frodi.
L-istrateġija ta’ kontra l-frodi (AFS) tad-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ kultura b’saħħitha kontra l-frodi fid-Direttorat Ġenerali permezz ta’ attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni dwar ir-riskji potenzjali tal-frodi u dwar l-imġiba etika fost il-persunal tad-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali. Barra minn hekk, l-istrateġija tipprevedi kooperazzjoni attiva mal-OLAF u l-integrazzjoni ta’ aspetti marbutin mal-frodi fiċ-ċiklu tal-ippjanar u l-ipprogrammar strateġiċi (SPP) tad-Direttorat Ġenerali.
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linji baġitarji l-ġodda tan-nefqa proposti
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Linja baġitarja
|
Tip ta’
nefqa
|
Kontribuzzjoni
|
|
|
Numru
|
Diff./Mhux diff.
|
mingħand il-pajjiżi tal-EFTA
|
mingħand il-pajjiżi kandidati
|
mingħand pajjiżi terzi
|
skont it-tifsira tal-Artikolu [21(2)(b)] tar-Regolament Finanzjarju
|
|
4
|
11.01.02 Nefqa ta’ appoġġ għall-istrument marbut mat-tagħmir ta’ kontroll doganali
|
Mhux diff.
|
LE
|
LE
|
LE
|
LE
|
|
4
|
11.02.11 L-istrument marbut mat-tagħmir ta’ kontroll doganali
|
Diff.
|
LE
|
LE
|
LE
|
LE
|
3.2.Impatt stmat fuq in-nefqa
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa
EUR miljun (aġġustati għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
4
|
“Il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri”
|
|
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
Wara l-2027
|
TOTAL
|
|
Approprjazzjonijiet operattivi għal-linja baġitarja 11.02.11
|
Impenji
|
(1)
|
174.903
|
178.403
|
181.973
|
185.614
|
189.329
|
193.117
|
195.961
|
|
1.299.300
|
|
|
Pagamenti
|
(2)
|
42.481
|
129.274
|
162.474
|
170.688
|
175.066
|
178.602
|
182.209
|
258.506
|
1.299.300
|
|
Approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett tal-istrument, għal-linja baġitarja 11.01.02
|
Impenji = Pagamenti
|
(3)
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
|
0.700
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet għall-pakkett tal-istrument
|
Impenji
|
= 1+3
|
175.003
|
178.503
|
182.073
|
185.714
|
189.429
|
193.217
|
196.061
|
|
1 300.000
|
|
|
Pagamenti
|
= 2+3
|
42.581
|
129.374
|
162.574
|
170.788
|
175.166
|
178.702
|
182.309
|
258.506
|
1.300.000
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
7
|
“Nefqa amministrattiva”
|
EUR miljun (aġġustati għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
Wara l-2027
|
TOTAL
|
|
Riżorsi umani
|
3.575
|
3.575
|
3.575
|
3.575
|
3.575
|
3.575
|
3.575
|
|
25.025
|
|
Nefqa amministrattiva oħra
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
|
0.700
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet taħt l-INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
(Total ta’ impenji = Total ta’ pagamenti)
|
3.675
|
3.675
|
3.675
|
3.675
|
3.675
|
3.675
|
3.675
|
|
25.725
|
EUR miljun (aġġustati għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
|
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
Wara l-2027
|
TOTAL
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
fl-INTESTATURI kollha
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Impenji
|
178.678
|
182.178
|
185.748
|
189.389
|
193.104
|
196.892
|
199.736
|
|
1325.725
|
|
|
Pagamenti
|
46.256
|
133.049
|
166.249
|
174.463
|
178.841
|
182.377
|
185.984
|
258.506
|
1325.725
|
3.2.2.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
–X
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt:
EUR miljun (aġġustati għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Snin
|
Fl-2021
|
Fl-2022
|
Fl-2023
|
Fl-2024
|
Fl-2025
|
Fl-2026
|
Fl-2027
|
TOTAL
|
|
L-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riżorsi umani
|
3.575
|
3.575
|
3.575
|
3.575
|
3.575
|
3.575
|
3.575
|
25.025
|
|
Nefqa amministrattiva oħra
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
0.700
|
|
Subtotal għall-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
3.675
|
3.675
|
3.675
|
3.675
|
3.675
|
3.675
|
3.675
|
25.725
|
|
Barra mill-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riżorsi umani
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Nefqa oħra
ta’ natura amministrattiva
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
0.700
|
|
Subtotal
barra mill-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
0.100
|
0.700
|
|
TOTAL
|
3.775
|
3.775
|
3.775
|
3.775
|
3.775
|
3.775
|
3.775
|
26.425
|
L-approprjazzjonijiet meħtieġa għar-riżorsi umani u għal nefqa oħra ta’ natura amministrattiva se jiġu koperti mill-approprjazzjonijiet tad-DĠ li diġà jkunu assenjati għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkunu ġew riassenjati fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limiti baġitarji.
3.2.2.1.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani.
–X
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:
L-istima trid tiġi espressa f’unitajiet ekwivalenti għal full-time
|
Snin
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
|
• Pożizzjonijiet fil-pjan ta’ stabbiliment (uffiċjali u aġenti temporanji)
|
|
Kwartieri Ġenerali u Uffiċċji ta’ Rappreżentanza tal-Kummissjoni
|
25
|
25
|
25
|
25
|
25
|
25
|
25
|
|
Delegazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riċerka
|
|
|
|
|
|
|
|
|
• Persunal estern (f’unità Ekwivalenti għall-Full-Time: FTE) – AC, AL, END, INT u JED
Intestatura 7
|
|
Iffinanzjati mill-INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
- fil-Kwartieri Ġenerali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- fid-Delegazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Iffinanzjati mill-pakkett tal-istrument
|
- fil-Kwartieri Ġenerali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- fid-Delegazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riċerka
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Oħrajn (speċifika)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL
|
25
|
25
|
25
|
25
|
25
|
25
|
25
|
Ir-riżorsi umani meħtieġa se jiġu koperti mill-persunal tad-DĠ li diġà jkun assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkun ġie riassenjat fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limiti baġitarji.
Deskrizzjoni tal-kompiti li jridu jitwettqu:
|
Uffiċjali u aġenti temporanji
|
Se jkun hemm bżonn ta’ persunal addizzjonali għall-ġestjoni tal-Istrument u tal-implimentazzjoni tiegħu. Din il-ġestjoni se tkun tinkludi, fost l-oħrajn, il-kompiti li ġejjin:
- il-parteċipazzjoni fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet u s-superviżjoni u l-koordinazzjoni tat-tali valutazzjoni: l-inventarju, it-tipoloġija u l-istandard, l-analiżi tad-diskrepanzi u l-istima tal-fondi meħtieġa għal kull tip ta’ fruntiera (dik ta’ fuq l-art, tal-baħar, tal-ajru u taċ-ċentri postali);
- il-programmazzjoni: il-koordinazzjoni orizzontali (b’mod partikolari l-valutazzjoni tat-theddid u tal-volumi), it-tħejjija tal-programm ta’ ħidma u tal-proċeduri relatati miegħu (il-komitoloġija) u t-tħejjija u n-negozjar tal-ftehimiet tal-għotja;
- l-implimentazzjoni: il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet doganali u l-għoti ta’ appoġġ għal din l-implimentazzjoni (pereżempju l-akkwist konġunt);
- ir-rapportar u l-kontroll jew l-awditu.
|
|
Persunal estern
|
Mhux applikabbli.
|
3.2.3.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
Il-proposta/l-inizjattiva:
–X
ma tipprevedix il-kofinanzjament minn partijiet terzi
–◻
tipprevedi l-kofinanzjament minn partijiet terzi li qed jiġi stmat hawn taħt:
Approprjazzjonijiet f’EUR miljun (aġġustati għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Snin
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
TOTAL
|
|
Speċifika l-korp ta’ kofinanzjament
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet kofinanzjati
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul
–◻
Il-proposta/l-inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.
–X
Il-proposta/l-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:
–X
fuq ir-riżorsi proprji
–◻
fuq dħul ieħor
jekk jogħġbok indika, jekk id-dħul huwa assenjat għal-linji tan-nefqa ◻
EUR miljun (aġġustati għal tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Linja baġitarja tad-dħul:
|
Impatt tal-proposta/tal-inizjattiva
|
|
|
2021
|
2022
|
2023
|
2024
|
2025
|
2026
|
2027
|
|
Artikolu ………….
|
|
|
|
|
|
|
|
Għad-dħul assenjat, speċifika l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i.
Rimarki oħra (eż. metodu/formula użati għall-kalkolu tal-impatt fuq id-dħul jew kwalunkwe informazzjoni oħra).
L-Istrument se jkollu impatt indirett fuq ir-riżorsi proprji tradizzjonali tal-Unjoni minħabba li kontrolli doganali iktar effiċjenti mistennija jwasslu għal żieda fid-dazji doganali. Madankollu, dan l-effett ma jistax jiġi kkwantifikat.