Brussell, 8.6.2018

COM(2018) 444 final

2018/0234(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar kwistjonijiet doganali li jaffettwaw it-trasport u fil-Kumitat tat-Trasport Intern b’konnessjoni mal-adozzjoni prevista ta’ Konvenzjoni ġdida dwar il-faċilitazzjoni tal-proċeduri tal-qsim bejn il-fruntieri tal-passiġġieri, tal-bagalji u tal-bagalji mhux akkumpanjati li jinġarru fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Is-suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) dwar kwistjonijiet doganali li jaffettwaw it-trasport u, possibbilment, fil-Kumitat tat-Trasport Intern tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti b’konnessjoni mal-adozzjoni prevista ta’ Konvenzjoni ġdida dwar il-faċilitazzjoni tal-proċeduri ta’ qsim bejn il-fruntieri tal-passiġġieri, tal-bagalji u tal-bagalji mhux akkumpanjati li jinġarru fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija.

2.Il-kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni dwar il-faċilitazzjoni tal-proċeduri ta’ qsim bejn il-fruntieri tal-passiġġieri, tal-bagalji u tal-bagalji mhux akkumpanjati li jinġarru fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija

L-abbozz tal-Konvenzjoni proposta fir-rigward tal-faċilitazzjoni tal-proċeduri ta’ qsim bejn il-fruntieri tal-passiġġieri, tal-bagalji u tal-bagalji mhux akkumpanjati li jinġarru fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija (“l-abbozz tal-Konvenzjoni proposta”) tnieda mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni bejn il-Ferroviji (l-OSJD) li disa’ (9) Stati Membri tal-Unjoni (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, il-Polonja, il-Litwanja, il-Latvja, l-Ungerija, l-Estonja, ir-Rumanija) huma membri tagħha u ntbagħat lill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa.

Hemm diġà fis-seħħ Konvenzjoni b’kamp ta’ applikazzjoni simili - il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1952 li tiffaċilità l-qsim bejn il-fruntieri tal-passiġġieri u tal-bagalji li jinġarru bil-ferrovija u tmienja (8) mill-Partijiet Kontraenti tagħha huma Stati Membri tal-Unjoni (l-Awstrija, il-Belġju, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall, u l-Iżvezja 1 ). Minħabba diversi diffikultajiet legali u proċedurali ma kienx għaqli li din il-Konvenzjoni tiġi emendata sabiex tiġi modernizzata. Barra minn hekk, pajjiżi membri tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni bejn il-Ferroviji appoġġjaw l-idea li tiġi abozzata konvenzjoni ġdida f’dan il-qasam, aktar milli jaderixxu għall-Konvenzjoni tal-1952 li għadda żmienha.

L-abbozz tal-Konvenzjoni proposta jkopri tliet oqsma kbar ta’ politika tal-Unjoni: il-ferroviji, id-dwana u l-acquis tal-Unjoni dwar il-ġestjoni tal-fruntieri. L-għan tagħha huwa li jitħaffu u jiġu ssimplifikati l-kontrolli fil-fruntieri tal-ferroviji tal-passiġġieri. L-elementi l-ġodda ewlenin fl-abbozz tal-Konvenzjoni huma l-kontrolli kkoordinati b’mod konġunt fil-fruntieri, minflok iż-żewġ kontrolli konsekuttivi jew aktar fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera; il-kontrolli fil-ferroviji mexjin, fejn l-iskedi u l-waqfiet tal-ferroviji jippermettu dan u l-ftehim dwar id-dettalji tal-kooperazzjoni permezz ta’ ftehimiet bilaterali jew multilaterali. Din il-proposta tirrigwarda żewġ oqsma tal-politika tal-Unjoni: il-ferroviji u d-dwana. L-aspett tal-acquis tal-Unjoni dwar il-ġestjoni tal-fruntieri se jiġi kopert minn proposta separata.

2.2.Il-Grupp ta' Ħidma UNECE dwar kwistjonijiet doganali li jaffettwaw it-trasport

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar kwistjonijiet doganali li jaffettwaw it-trasport qed jaġixxi fi ħdan il-qafas tal-politiki tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa u huwa soġġett għas-superviżjoni ġenerali tal-Kumitat tat-Trasport Intern. Ir-rwol tal-Grupp ta’ Ħidma huwa li jniedi u jwettaq azzjonijiet immirati lejn l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-regolamenti, tar-regoli u tad-dokumentazzjoni tal-proċeduri tal-qsim bejn il-fruntieri għall-modi differenti ta’ trasport intern.

L-Unjoni hija rappreżentata fil-Grupp ta’ Ħidma li l-Istati Membri kollha tal-Unjoni huma membri tiegħu u għandhom id-dritt tal-vot.

2.3.L-att previst tal-Grupp ta’ Ħidma dwar kwistjonijiet doganali li jaffettwaw it-trasport 

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar kwistjonijiet doganali li jaffettwaw it-trasport ser jiltaqa’ fl-2018 fid-dati li ġejjin: mit-12 sal-14 ta’ Ġunju u mis-16 sad-19 ta’ Ottubru. F’waħda mil-laqgħat tiegħu, il-Grupp ta’ Ħidma għandu jieħu deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni proposta u dwar it-trażmissjoni tagħha lill-Kumitat tat-Trasport Intern li jiltaqa’ darba fis-sena fi Frar, għall-approvazzjoni formali tiegħu.

L-att previst se jkun vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikolu 22 tal-Ftehim, li jipprevedi: “1. Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ tliet xhur wara d-data li fiha ħames Stati jkunu ddepożitaw l-istrumenti ta' ratfikazzjoni, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni. 2. Għall kull Stat li jirratifika din il-konvenzjoni jew jaċċettaha, japprovaha, jew jaderixxi għaliha, wara d-depożitu tal-ħames strument ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni, il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ tliet xhur wara d-data tad-depożitu minn dan l-Istat tal-istrument tar-ratifika, tal-aċċettazzjoni, tal-approvazzjoni jew tal-adeżjoni tiegħu”.

3.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

3.1.Il-pożizzjoni tal-Unjoni

L-Unjoni tikkondividi l-għanijiet tal-abbozz tal-Konvenzjoni u tappoġġja l-kunċett ta’ faċilitazzjoni tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri, iżda ma identifikat l-ebda valur miżjud jew benefiċċji tal-abbozz tal-Konvenzjoni għall-Unjoni jew għall-Istati Membri tagħha. L-abbozz il-ġdid tal-Konvenzjoni ma jxejjinx il-ftehimiet bilaterali jew multilaterali diġà eżistenti u milli jidher lanqas biss jiffaċilita ftehimiet bilaterali jew multilateral ġodda billi l-abbozz tal-Konvenzjoni ma jikkonsistix f’mudell għal ftehimiet ta’ dan it-tip. In-natura ta’ ħafna mid-dispożizzjonijiet tal-abbozz tal-Konvenzjoni mhijiex vinkolanti u ma jistgħux jiġu implimentati mingħajr arranġamenti separati bejn il-partijiet ikkonċernati. S’issa, l-unika funzjoni li l-abbozz tal-Konvenzjoni jista’ jkollu huwa li jservi ta’ referenza biex jiġu konklużi ftehimiet bilaterali u multilaterali futuri.

Mill-perspettiva tal-politika ferrovjarja tal-Unjoni, l-abbozz tal-Konvenzjoni mhux se jkollu effetti reali fl-Unjoni, b’mod partikolari fi ħdan iż-żona Schengen. Barra minn hekk, f’kuntest usa’ tqies li l-abbozz ta’ Konvenzjoni prinċipalment qed jimmira li jistabbilixxi r-referenzi għal ftehimiet bilaterali iżda, fil-fatt mhux qed jimmira li jistabbilixxi qafas legali internazzjonali konsistenti għall-faċilitazzjoni tat-traffiku tal-passiġġieri. Għalhekk, l-abbozz tal-Konvenzjoni, fil-forma preżenti tiegħu, mhux mistenni li se jkun ta’ xi benefiċċju għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha.

Mill-perspettiva tar-regoli doganali tal-UE, l-abbozz tal-Konvenzjoni fil-forma preżenti tiegħu mhu ta’ ebda benefiċċju jew valur miżjud għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha. Pereżempju, id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-abbozz tal-Konvenzjoni ma jippermettux lill-awtoritajiet doganali jwettqu kontrolli tal-passiġġieri jew tal-bagalji tagħhom fuq ferroviji mexjin, ladarba tinqasam fruntiera, mingħajr ma jkun hemm ftehim bilaterali mal-pajjiżi ġirien. Mill-perspettiva doganali, l-abbozz tal-Konvenzjoni la jagħmel ħsara iżda lanqas jiffaċilita l-proċeduri. Madankollu, l-adeżjoni għal Konvenzjoni internazzjonali ġdida tagħmel sens biss jekk ikollha valur miżjud, li mhuwiex il-każ għall-Unjoni.

Mill-perspettiva istituzzjonali tal-Unjoni, l-abbozz tal-Konvenzjoni jkopri kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan l-oqsma ta’ kompetenza esklużiva u kondiviża tal-Unjoni. L-Istati Membri ma jistgħux b’mod individwali jaċċedu għal partijiet tal-abbozz tal-Konvenzjoni li jaqgħu fi ħdan qasam ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Kellha tiddaħħal dispożizzjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-Unjoni bħala organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika fl-abbozz tal-Konvenzjoni b’konformità mal-politika ġenerali dwar il-politika istituzzjonali - sabiex l-Unjoni tkun tista’ taderixxi għall-Konvenzjoni.

Anke jekk l-Unjoni ma jidhirx li għandha raġunijiet biex taderixxi għall-Konvenzjoni proposta, skont il-politika ġenerali tagħha dwar l-aspetti istituzzjonali, kwalunkwe Konvenzjoni internazzjonali ġdida jenħtieġ li jkollha klawsola li tippermetti l-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika.

Il-Kumitat tat-Trasport Intern tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti fi Frar 2019 waqt il-81 sessjoni tiegħu jew waqt sessjoni sussegwenti, soġġett għall-approvazzjoni tal-abbozz ta’ Konvenzjoni mill-Grupp ta’ Ħidma dwar kwistjonijiet doganali li jaffettwaw it-trasport, jista’ jipproċedi għal vot dwar l-adozzjoni tal-Konvenzjoni u jitlob lis-Segretarjat jitrażmettiha lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-kapaċità tiegħu ta' depożitarju. Għalhekk huwa importanti li tiġi stabbilita pożizzjoni tal-Unjoni biex din tkun tista’ tirreaġixxi fil-każ ta’ xenarju potenzjali ta’ dan it-tip. Fi kwistjonijiet ta’ kompetenza esklużiva, il-Kummissjoni se tivvota għall-Unjoni.

Waqt it-tħejjija tal-Konvenzjoni proposta, saru konsultazzjonijiet ma’ firxa kbira ta’ esperti mis-settur pubbliku u privat.    

Saru konsultazzjonijiet mal-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat tal-Leġiżlazzjoni Doganali (koordinazzjoni f’Ġinevra). Waħda minn dawn il-konsultazzjonijiet saret b’mod konġunt ma’ esperti mill-Kumitat taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea, il-konsulenti tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, l-attachés tat-Trasport u r-rappreżentanti mid-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni responsabbli għall-Mobbiltà u għat-Trasport u għall-Migrazzjoni u għall-Affarijiet Interni (23.1.2017). Saru wkoll konsultazzjonijiet mal-Grupp ta’ Esperti Doganali.

Konsultazzjonijiet ulterjuri saru matul is-sessjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar Kwistjonijiet Doganali li jaffettwaw it-Trasport u l-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport bil-Ferrovija tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa.

Qabel id-diskussjonijiet fil-fora rilevanti tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa, segwiti jew mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni responsabbli għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali jew mid-Direttorat Ġenerali responsabbli għall-Mobilità u t-Trasport, seħħew attivitajiet ta’ koordinazzjoni bejn id-Direttorati Ġenerali msemmija hawn fuq u d-Direttorat Ġenerali responsabbli għall-Migrazzjoni u l-Affarijiet Interni minħabba li l-abbozz tal-Konvenzjoni jolqot oqsma ta’ politika li jaqgħu taħt il-mandati rispettivi tat-tliet Direttorati Ġenerali.

Il-koordinazzjoni interna kif ukoll id-diskussjonijiet konġunti mal-Istati Membri fil-qafas tal-Kumitat tal-Leġiżlazzjoni Doganali u tal-Grupp ta’ Esperti Doganali wriet b’mod ċar li ma hemm ebda interess, la għall-Istati Membri tal-Unjoni u lanqas għall-Unjoni nnifisha, li jaderixxu mal-abbozz tal-Konvenzjoni minħabba li din ma hija ta’ ebda benefiċċju jew valur miżjud fl-oqsma kollha kkonċernati, jiġifieri fiż-żewġ oqsma ta’ politika tal-Unjoni koperti b’din il-proposta u wkoll mill-perspettiva istituzzjonali tal-Unjoni.

4.Il-bażi ġuridika

4.1.Il-bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp inkwistjoni. Dan jinkludi strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni 2 .

4.1.2.L-applikazzjoni għall-każ preżenti

L-att li l-Grupp ta’ Ħidma dwar kwistjonijiet doganali li jaffettwaw it-trasport u l-Kumitat tat-Trasport Intern tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti qed jiġu mistiedna jadottaw jikkostitwixxi att li għandu effetti legali. L-att previst ikun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 22 tal-abbozz tal-Konvenzjoni.

L-att previst ma jissupplimentax u ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Il-bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-għan u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tiġi adottata pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun identifikabbli bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

Fir-rigward ta’ att previst li jkollu għadd ta’ għanijiet f’daqqa, jew li jkollu diversi komponenti, li jkunu marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi ġuridika sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE jkollha tinkludi, b’mod eċċezzjonali, id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.

4.2.2.L-applikazzjoni għall-każ preżenti

L-att previst iħaddan għanijiet u għandu komponenti fl-oqsma tal-kooperazzjoni doganali u l-politika kummerċjali komuni. Dawn l-elementi tal-att previst huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma’ wieħed ikun inċidentali għall-ieħor.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija magħmula mid-dispożizzjonijiet li ġejjin: L-Artikoli 33 u 207(3), l-ewwel subparagrafu tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikoli 33 u 207(3) l-ewwel subparagrafu flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

2018/0234 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti dwar kwistjonijiet doganali li jaffettwaw it-trasport u fil-Kumitat tat-Trasport Intern b’konnessjoni mal-adozzjoni prevista ta’ Konvenzjoni ġdida dwar il-faċilitazzjoni tal-proċeduri tal-qsim bejn il-fruntieri tal-passiġġieri, tal-bagalji u tal-bagalji mhux akkumpanjati li jinġarru fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 33 u 207(3), l-ewwel subparagrafu flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Federazzjoni Russa qed tipproponi Konvenzjoni ġdida tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (UNECE) dwar il-faċilitazzjoni tal-proċeduri tal-qsim bejn il-fruntieri tal-passiġġieri, tal-bagalji u tal-bagalji mhux akkumpanjati li jinġarru fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija u din għandha l-appoġġ tal-Organizzazzjoni għall-kooperazzjoni bejn il-ferroviji (OSJD).

(2)Il-Grupp ta’ Ħidma dwar kwistjonijiet doganali li jaffettwaw it-trasport qed jaġixxi fil-qafas tal-politiki tal-UNECE u huwa soġġett għas-superviżjoni ġenerali tal-Kumitat tat-Trasport Intern. Ir-rwol tal-Grupp ta’ Ħidma huwa li jniedi u jwettaq azzjonijiet immirati lejn l-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tar-regolamenti, tar-regoli u tad-dokumentazzjoni tal-proċeduri tal-qsim bejn il-fruntieri għall-modi differenti ta’ trasport intern.

(3)Il-Grupp ta’ Ħidma tal-UNECE dwar kwistjonijiet doganali li jaffettwaw it-trasport, waqt il-149 sessjoni tiegħu li se ssir mit-12 sal-14 ta’ Ġunju 2018, jew f’sessjoni sussegwenti, se jieħu deċiżjoni dwar l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni proposta dwar il-faċilitazzjoni tal-proċeduri tal-qsim bejn il-fruntieri tal-passiġġieri, tal-bagalji u tal-bagalji mhux akkumpanjati li jinġarru fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija u dwar it-trażmissjoni tagħha lill-Kumitat tat-Trasport Intern għall-approvazzjoni formali tiegħu.

(4)L-Unjoni hija rappreżentata fil-Grupp ta’ Ħidma tal-UNECE dwar kwistjonijiet tad-dwana li jaffettwaw it-trasport li bħalissa t-28 Stat Membru tal-Unjoni huma membri tiegħu u għandhom id-dritt tal-vot. Fi kwistjonijiet ta’ kompetenza esklużiva, il-pożizzjoni tal-UE hija espressa mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha.

(5)L-abbozz tal-Konvenzjoni jidher li jirregola varjetà ta’ aspetti, xi wħud li jaqgħu fi ħdan il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, uħud f’oqsma ta’ kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.

(6)Il-Konvenzjoni proposta tikkonċerna kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, jeħtieġ li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-abbozz tal-Konvenzjoni.

(7)Il-Konvenzjoni fiha dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-organizzazzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri tal-ferroviji tal-passiġġieri. Tista’ titqies bħala l-bażi għal kwalunkwe ftehim multilaterali u bilaterali u li fin-nuqqas tagħhom l-ebda wieħed mill-elementi koperti mill-Konvenzjoni ma jistgħu jaħdmu.

(8)Fl-Istati Membri tal-Unjoni, ftehimiet bilaterali bħal dawn jistgħu jiġu konklużi saħansitra mingħajr il-Konvenzjoni proposta. Għar-Russja u xi pajjiżi oħra rrappreżentati fl-OSJD, il-qafas legali jidher li għandu bżonn Konvenzjoni bħal din sabiex jiffaċilita l-konklużjoni ta’ ftehimiet multilaterali u bilaterali.

(9)Is-sustanza tal-Konvenzjoni proposta jidher li ma għandha la effetti benefiċjarji u lanqas effetti negattivi fl-Istati Membri tal-Unjoni. Għalhekk, l-Unjoni mhux se tappoġġa l-Konvenzjoni proposta iżda ma għandha l-ebda raġuni biex timblokka l-adozzjoni tagħha.

(10)Anki jekk ma jidhirx li huwa fl-interess tal-Unjoni li taderixxi għall-Konvenzjoni proposta, skont il-politika ġenerali tagħha dwar l-aspetti istituzzjonali, kwalunkwe Konvenzjoni internazzjonali ġdida jenħtieġ li jkollha klawsola li tippermetti l-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika. L-abbozz tal-Konvenzjoni proposta ma jinkludix klawsola li tippermetti lill-Unjoni li taderixxi għall-Konvenzjoni.

(11)Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Grupp ta’ Ħidma tal-UNECE dwar kwistjonijiet tad-dwana li jaffettwaw it-trasport jenħtieġ li tkun newtrali jekk tiddaħħal klawsola li tippermetti l-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika. F’dan il-każ, l-Unjoni jenħtieġ li tastjeni. Inkella l-Unjoni jenħtieġ li tivvota kontra l-adozzjoni tal-Konvenzjoni proposta.

(12)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Grupp ta’ Ħidma tal-UNECE dwar kwistjonijiet doganali li jaffettwaw it-trasport u l-Kumitat għat-Trasport Intern,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fis-sessjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma tal-UNECE dwar kwistjonijiet doganali li jaffettwaw it-trasport u l-Kumitat tat-Trasport Intern dwar il-konvenzjoni l-ġdida proposta tal-UNECE dwar il-faċilitazzjoni tal-proċeduri tal-qsim bejn il-fruntieri tal-passiġġieri, tal-bagalji u tal-bagalji mhux akkumpanjati li jinġarru fit-traffiku internazzjonali bil-ferrovija għandha tkun din li ġejja:

Il-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-abbozz tal-Konvenzjoni għandha tkun li tastjeni jekk tiddaħħal klawsola li tippermetti l-parteċipazzjoni ta’ organizzazzjonijiet reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika. Jekk din il-klawsola ma tiġix introdotta, l-Unjoni għandha tivvota kontra.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha li huma membri tal-Grupp ta’ Ħidma tal-UNECE dwar kwistjonijiet doganali li jaffettwaw it-trasport u l-Kumitat tat-Trasport Intern.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Iffirmawha, iżda ma rratifikawhiex
(2)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.