Brussell,7.6.2018

COM(2018) 435 final

2018/0224(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni fih u t-tixrid tiegħu

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2018) 291 final}
{SWD(2018) 307 final}
{SWD(2018) 308 final}
{SWD(2018) 309 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet

Il-proposta "Orizzont Ewropa" konformi b’mod sħiħ mal-proposta tal-Kummissjoni għall-baġit tal-Unjoni għall-perjodu fit-tul li jmiss mill-2021 sal-2027 kif ukoll mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni stipulati fl-Aġenda tagħha għall-Impjiegi, Tkabbir, Ġustizzja u Bidla Demokratika u l-prijoritajiet tal-politika globali (il-Miri ta’ Żvilupp Sostenibbli). Hija tappoġġa l-aġenda tal-Unjoni ta’ wara l-2020 kif miftiehem fid-Dikjarazzjoni ta’ Ruma tal-25 ta’ Marzu 2017.

Il-proposta tfasslet skont il-premessa li r-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) jagħtu riżultati li jirrigwardaw il-prijoritajiet taċ-ċittadini, jagħtu spinta lill-produttività u l-kompetittività tal-Unjoni, u huma kruċjali biex jinżammu l-valuri u l-mudell soċjoekonomiku tagħna, filwaqt li jippermettu soluzzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi b’mod aktar sistematiku.

Il-pakkett ta’ Orizzont Ewropa jikkonsisti f’proposti għal:

1.Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni imsejjaħ "Orizzont Ewropa", inkluż li jiġu stabbiliti r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni (skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea – ‘TFUE’),

2.programm speċifiku biex jimplimenta "Orizzont Ewropa” (“TFUE”),

3.Programm ta’ Riċerka u Taħriġ skont it-Trattat Euratom li jikkumplimenta Orizzont Ewropa, flimkien

4.mal-valutazzjoni tal-impatt assoċjat u d-dikjarazzjonijiet finanzjarji legali.

Programm speċifiku ta’ riċerka dwar id-difiża huwa propost u għandu jiġi stabbilit bir-Regolament …/…/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi il-Fond Ewropew għad-Difiża għall-perjodu 2021-2027.

Dan il-pakkett iwaħħad żewġ atti legali attwali (il-Programm Qafas u r-Regoli għall-Parteċipazzjoni u d-Disseminazzjoni) f’att ġuridiku uniku u tagħmel firxa ta’ titjibiet fir-rigward tas-simplifikazzjoni matul il-proċess.

B’mod partikolari, Orizzont l-Ewropa se jsaħħaħ il-bażijiet xjentifiċi u teknoloġiċi tal-Unjoni sabiex jgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi globali ewlenin ta’ żmienna u se jikkontribwixxi għall-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Fl-istess ħin, il-programm se jsaħħaħ il-kompetittività tal-Unjoni, inkluż dak tal-industriji tagħha. Orizzont Ewropa se jgħin fil-kisba tal-prijoritajiet strateġiċi tal-Unjoni, u se jappoġġja l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni. F’dinja li qed tinbidel malajr, is-suċċess tal-Ewropa kull ma jmur jiddependi fuq l-abilità tagħha li tittrasforma r-riżultati xjentifiċi eċċellenti f’innovazzjoni li jkollha impatt pożittiv reali fuq l-ekonomija u l-kwalità tal-ħajja tagħna, u li toħloq swieq ġodda b’aktar impjiegi bi kwalifiki għoljin.

Biex jilħaq din il-mira u jibni fuq is-suċċess tal-predeċessur tiegħu, Orizzont Ewropa jkompli jappoġġa iċ-ċiklu sħiħ tar-R&I b’mod integrat.

Il-prinċipju ta’ sett uniku ta’ regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni se jinżamm, filwaqt li din il-proposta tkompli ttejjeb dawn ir-regoli.

Din il-proposta tipprevedi data ta’ applikazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2021 u hija ppreżentata għal Unjoni ta’ 27 Stat Membru, b’konformità man-notifika mir-Renju Unit bl-intenzjoni tiegħu li jirtira mill-Unjoni Ewropea u l-Euratom abbażi tal-Artikolu 50 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea li waslet għand il-Kunsill Ewropew fid-29 ta’ Marzu 2017.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-politika

Il-Programm ta’ Qafas huwa l-programm ewlieni tal-Unjoni li jappoġġa r-R&I mill-kunċett sas-suq. Huwa għandu l-għan li jikkumplimenta l-fondi nazzjonali u reġjonali. Il-Programm ta’ Qafas diġà pprovda valur miżjud Ewropew uniku fl-appoġġ tal-kompetizzjoni u l-kollaborazzjoni madwar il-kontinent għall-aqwa xjenza u innovazzjoni. Dan irriżulta f’avvanzi xjentifiċi, kompetittività akbar, u soluzzjonijiet għall-isfidi tas-soċjetà. Il-programm qafas propost il-ġdid, Orizzont Ewropa, se jkollu l-għan li jħalli impatt akbar minn dak attwali, Orizzont 2020 li huwa assi rikonoxxut ħafna lejn l-ilħuq tal-ambizzjonijiet tal-Ewropa. In-natura li qed tevolvi b’mod rapidu tar-riċerka u l-innovazzjoni fil-kuntest tal-kompetizzjoni globali tagħmel l-appoġġ pubbliku għar-R&I iktar essenzjali minn qatt qabel, b’mod partikolari fil-livell tal-Unjoni fejn il-valur miżjud tiegħu ma huwiex ikkontestat. Il-proposta tikkonforma bis-sħiħ mal-aġenda tal-Kummissjoni għar-R&I, inkluża l-mira titolari jiġu investiti 3% tal-PDG tal-Unjoni fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll mal-Komunikazzjoni “Aġenda Ewropea mġedda għar-Riċerka u l-Innovazzjoni – iċ-ċans tal-Ewropa li ssawwar il-futur tagħha” (Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal-laqgħa informali tal-mexxejja fis-16-17 ta’ Mejju 2018).

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija kompletament konsistenti mal-politiki eżistenti tal-UE. Orizzont Ewropa ġiet żviluppata f’kunsiderazzjoni tal-prijoritajiet attwali tal-Kummissjoni, il-politika Baġit għar-Riżultati (li titlob li l-programmi tal-infiq tal-Unjoni jridu – aktar minn qabel – jipproduċu valur għall-flus), l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 dwar l-iżvilupp sostenibbli, l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-Unjoni u l-proposta tal-Kummissjoni għall-baġit tal-Unjoni għall-perjodu fit-tul li jmiss.

F’oqsma bħas-saħħa, it-teknoloġiji diġitali, it-trasformazzjoni industrijali, socjetajiet inklużivi u demokratiċi, riżorsi naturali, l-enerġija, il-mobilità, l-ambjent, l-ikel, ekonomija b’kontenut baxx ta’ karbonju, l-ispazju u s-sigurtà, ir-R&I huma kruċjali għas-suċċess tal-prijoritajiet tal-Unjoni; B’mod partikulari l-impjiegi u t-tkabbir, is-Suq Uniku Diġitali, l-Unjoni tal-Enerġija u azzjoni klimatika. R&I hija fil-qalba tal-produttività u tal-kompetittività ta’ ekonomija avvanzata bħal tal-Unjoni.

L-investiment fir-R&I se jkun komplementari u se jsaħħaħ b’mod reċiproku dak f’programmi oħra tal-Unjoni. Ir-riżultati tar-R&I se jiġu użati f’sinerġija ma’ programmi oħra tal-Unjoni biex tiġi nkoraġġita l-adozzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali u reġjonali, u b’dan jiġi massimizzat il-potenzjal Ewropew għall-innovazzjoni. Dan se jiġi kkumplimentat b’kampanji effettivi ta’ komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni tar-R&I bil-pubbliku ġenerali fil-mira. Il-komplimentarjetà u s-sinerġija tal-appoġġ u l-isfruttament tar-R&I fil-baġit fit-tul tal-Unjoni se jiġi mmassimizzat permezz ta’ proċess ta’ ppjanar strateġiku tar-R&I, li se jkun flessibbli biżżejjed biex jippermetti lill-Kummissjoni u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni biex jirreaġixxu malajr għal ħtiġijiet urġenti u prijoritajiet ġodda.

Din il-proposta hija wkoll għal kollox konsistenti mal-istrateġija meħuda skont il-proċess tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Dawk il-konnessjonijiet għandhom jitkomplew u jiġu msaħħa, filwaqt li jibnu fuq kontribuzzjonijiet rilevanti li diġà saru taħt Orizzont 2020 b’appoġġ għal riformi strutturali biex jittejbu l-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi nazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni fuq tliet livelli: l-ewwel nett, permezz ta’ investiment sostanzjali fir-riċerka xjentifika u teknoloġika u l-innovazzjoni; it-tieni nett, billi jissawwar ambjent kummerċjali aktar favorevoli għall-innovazzjoni u inqas avvers għar-riskji; u t-tielet, billi jiġi żgurat li ċ-ċittadini Ewropej jiġu appoġġati permezz ta’ tranżizzjoni li għal xi wħud se tkun veloċi u għal xi oħrajn turbolenti, xprunata mill-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-megatendenzi globali bħall-intelliġenza artifiċjali u l-ekonomija ċirkolari. 

L-azzjonijiet tal-Programm għandhom jintużaw biex jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ falliment fis-swieq jew investiment subottimali, b’mod proporzjonat, bla ma jiġu ddupplikati jew imrassa ’l barra l-finanzjamenti privati u jkollhom valur miżjud Ewropew ċar. Dan se jiżgura l-konsistenza bejn l-azzjonijiet tal-programma u r-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-UE, biex jiġu evitati distorzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

“Orizzont Ewropa” huwa bbażat fuq it-Titoli tat-TFUE “Industrija” u “Riċerka u żvilupp teknoloġiku u spazju” (Artikoli 173, 182, 183 u 188).

Minħabba l-appoġġ qawwi tiegħu għall-innovazzjoni, l-Programm Speċifiku li jimplimenta Orizzont l-Ewropa issa huwa bbażat fuq it-Titoli tat-TFUE “Industrija” u “Riċerka u żvilupp teknoloġiku u l-ispazju” (l-Artikoli 173 u 182), kif ukoll il-programm speċifiku dwar ir-riċerka fil-qasam tad-difiża (ibid).

L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) huwa sostnut mit-titolu “Industrija” u se jkompli jiġi ffinanzjat b’kontribuzzjoni finanzjarja minn “Orizzont Ewropa”.

Il-proposta għall-programm ta’ riċerka u taħriġ tal-Euratom hija bbażata fuq l-Artikoli 7 tat-Trattat Euratom.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-Unjoni għandha kompetenza kondiviża (parallela) f’dan il-qasam abbażi tal-Artikolu 4(3) tat-TFUE. Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li l-Ewropa qed tħabbat wiċċha magħhom bħalissa, jenħtieġ li l-Unjoni tinvesti fir-R&I sabiex tilħaq ekonomiji ta’ skala, ambitu u veloċità. L-attivitajiet tar-R&I iffinanzjati mill-Unjoni jipproduċu benefiċċji li jidhru meta mqabbla mal-appoġġ nazzjonali u reġjonali lir-R&I: dawn joħolqu massa kritika biex jiġu indirizzati l-isfidi globali; issaħħu l-eċċellenza xjentifika permezz ta’ finanzjament kompetittiv; joħolqu netwerk transkonfinali, multidixxiplinari; issaħħu l-kapital uman; jistrutturizzaw is-sistemi R&I nazzjonali; iżidu l-kompetittività tal-Unjoni; u joħolqu opportunitajiet ġodda tas-suq.

Proporzjonalità

L-azzjonijiet fil-livell tal-Unjoni ser jippermettu kollaborazzjoni transnazzjonali u kompetizzjoni dinjija li jiżguraw li jintgħażlu l-aħjar proposti. Dan joħloq livelli ta’ eċċellenza u jipprovdi viżibilità għar-R&I prominenti, iżda jappoġġa wkoll il-mobilità transnazzjonali u jattira l-aqwa talenti. Programm fil-livell tal-Unjoni huwa ppożizzjonat l-aħjar biex jippromwovi R&I ta’ riskju għoli u fit-tul, għax b’hekk jikkondividi r-riskju u jiġġenera wisgħa fil-kamp ta’ applikazzjoni u ekonomija ta’ skala li altrimenti ma jkunux jistgħu jinkisbu. Rabtiet ma’ inizjattivi nazzjonali ser ikunu mfittxija, b’mod partikolari fil-qasam tal-innovazzjoni.

Bl-istess mod ikun jista’ jinfluwenza investimenti pubbliċi u privati addizzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni; jikkontribwixxi biex jissaħħaħ aktar ix-xenarju tar-R&I Ewropew; u jaċċellera l-kummerċjalizzazzjoni u d-difuzjoni tal-innovazzjoni. Il-programmi fil-livell tal-Unjoni jistgħu ukoll jappoġġjaw it-tfassil tal-politika u l-għanijiet tal-politika.

L-azzjonijiet proposti ma jmorrux lil hinn minn dak li hu rekwiżit għall-għanijiet tal-Unjoni.

Għażla tal-istrument

Bħal fil-passat, l-att ġuridiku qiegħed f’forma ta’ regolament minħabba li joħloq drittijiet u obbligi għall-benefiċjarji, li jorbtu fl-intier tagħhom u direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni u l-pajjiżi assoċjati mal-Programm Qafas.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET RETROSPETTIVI, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet retrospettivi/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-Programmi Qafas tal-Unjoni ġġeneraw impatti sinifikanti u dejjiema, kif muri minn evalwazzjonijiet suċċessivi minn meta l-Unjoni bdiet tinvesti fir-R&I fl-1984.

Din il-proposta hija mibnija fuq il-feedback mill-partijiet ikkonċernati, ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet interim tal-programmi attwali, l-evalwazzjonijiet ex post tal-programmi preċedenti, u attivitajiet ta’ tbassir.

Il-Komuniikazzjoni dwar l-evalwazzjoni interim ta’ Orizzont 2020 identifikat diversi oqsma għal titjib. Minbarra analiżi fil-fond, ir-riżultati tal-evalwazzjoni interim ta’ Orizzont 2020 kienu bbażati fuq il-feedback estensiv tal-partijiet kkonċernati u r-rakkomandazzjonijiet strateġiċi tal-Grupp ta’ Livell Għoli indipendenti dwar il-massimizzazzjoni tal-impatt tal-Programmi tar-R&I tal-UE (il-Grupp ta’ Livell Għoli “Lamy”). Fil-qosor, dawn il-konklużjonijiet jistgħu jitqassru hekk:

(a)titkompla s-simplifikazzjoni;

(b)appoġġ lill-innovazzjoni rivoluzzjonarja;

(c)jinħoloq impatt akbar billi jkun hemm konċentrazzjoni madwar il-missjonijiet u l-involviment taċ-ċittadini;

(d)jiżdiedu s-sinerġiji ma’ programmi ta’ finanzjament oħra tal-UE u l-Politiki tal-UE.

(e)tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali;

(f)jissaħħaħ l-aċċess miftuħ; u

(g)jiġi rrazzjonalizzat ix-xenarju tal-finanzjament.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Permezz ta’ konsultazzjonijiet miftuħa, il-Kummissjoni fittxet il-feedback dwar l-elementi ewlenin tat-tifsila tal-programm tal-Unjoni għar-R&I wara l-2020. Ir-riżultati ta’dawn il-konsultazzjoni daħlu fil-Valutazzjoni tal-Impatt għall-programm u għenu sabiex jissawwar l-abbozz tat-test ġuridiku preżenti.

Il-konsultazzjonijiet tmexxew fi żminijiet differenti biex tiġi żgurata konsiderazzjoni sistematika tal-fehmiet tal-partijiet ikkonċwernati fit-tfassil u l-formulazzjoni ta’ tal-programm Orizzont Ewropa. Biex iqisu l-ħtiġijiet tal-informazzjoni differenti, il-konsultazzjonijiet varjaw minn konferenzi u avvenimenti tal-partijiet ikkonċernati, għal gruppi ta’ esperti, konsultazzjonijiet online, workshops, laqgħat u seminars u l-analiżi tad-dokumenti ta’ pożizzjoni.

It-trawwim tar-R&I fl-Unjoni ħareġ bħala l-aktar sfida importanti tal-politika b’97 % ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika miftuħa abbażi tal-clusters dwar il-baġit fit-tul tal-Unjoni li jmiss fl-oqsma ta’ investiment, ir-R&I, l-SMEs u s-suq uniku.

Il-messaġġi ewlenin tal-partijiet ikkonċernti jistgħu jiġu spjegati fil-qosor kif ġej:

·L-istruttura tat-tliet pilastri ta’ Orizzont 2020 jenħtieġ li tinżamm, għalkemm huwa meħtieġ kollegament aħjar bejn il-pilastri;

·L-iskemi tar-riċerkaturi individwali li kellhom suċċess (ERC, MSCA) jeħtieġu baġits akbar;

·L-għotjiet għandhom jibqgħu l-mudell ta’ finanzjament prinċipali, flimkien ma’ strumenti finanzjarji apposta, meta xieraq;

·Għandu jingħata appoġġ lil attivitajiet li jgħinu biex tinfirex jew titqassam l-eċċellenza;

·Proġetti kollaborattivi fuq skala iżgħar huma importanti għat-twessigħ tal-parteċipazzjoni;

·Il-missionijiet għandhom il-karatteristiċi ta’ kwalità kollha li huma t-triq ‘il quddiem b’impatt;

·Iċ-ċittadini jenħtieġ li jkunu involuti aktar rigward il-Programm Qafas;

·Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni għandu jkun aċċeleratur Ewropew tal-innovazzjoni;

·Hemm il-ħtieġa li l-kooperazzjoni internazzjonali tingħata spinta biex jiġu ttrattati l-isfidi globali;

·Id-data u l-għarfien prodotti minn proġetti ffinanzjati mill-Unjoni jenħtieġ li jkunu miftuħa għal aċċess minn kulħadd;

·Hemm ħtieġa qawwija li x-xenarju tar-R&I isir aktar sempliċi;

·Is-sinerġiji ma’ programmi oħra tal-Unjoni huma diffiċli biex jinkisbu imma huma kruċjali;

·Il-proċess tal-ipprogrammar għas-sejħiet u l-missjonijiet jeġtieġ li jiġi mseddaq;

·L-isforz għas-simplifikazzjoni jenħtieġ li jitkompla; u

·Il-kapaċità li tkejjel u tikkomunika l-impatt hija kruċjali.

Għarfien espert estern

Il-Kummissjoni sostanzjalment iddependiet fuq il-kompetenza esterna. Dan jinkludi, b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet u r-riżultati tal-Grupp ta’ Livell Għoli presedut minn Pascal Lamy, ippreżentati fir-rapport LAB – FAB – APP: Investing in the European future we want, Rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli indipendenti dwar il-Massimizzazzjoni tal-impatt tal-Programmi tar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE, adottat f’Lulju 2017.

Il-Grupp ta’ Innovaturi ta’ Livell Għoli tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni twaqqaf f’Jannar 2017 u ngħata l-mandat li jappoġġja lill-Kummissjoni Ewropea fl-iżvilupp tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni. Ir-rapport " Europe is back: Accelerating breakthrough innovation " b’14-il rakkomandazzjoni kien adottat f’Jannar 2018.

B’segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport Lamy dwar il-missjonijiet, inħatar espert estern biex jagħti pariri lill-Kummissjoni dwar l-approċċ orjentat lejn il-missjonijiet. Fi Frar 2018, il-Professur Mariana Mazzucato ppreżentat rapport " Mission-Oriented Research & Innovation in the European Union - A problem-solving approach to fuel innovation-led growth " 1 li fih hija rrakkomandat ħames kriterji kruċjali għall-għażla tal-missjonijiet fil-livell tal-Unjoni.  

Barra minn hekk, il-Grupp ta’ Strateġija ta’ Livell Għoli dwar it-teknoloġiji industrijali, ippresedut mill-Professur Jürgen Rüttgers, ippropona definizjoni mill-ġdid tat-teknoloġiji abilitanti essenzjali u għamel rakkomandazzjonijiet għal modi biex tiġi massimizzata l-kontribuzzjoni tagħhom għat-tkabbir inklussiv u d-demokrazija, il-prosperità, aktar ugwaljanza u impjiegi aħjar.

Lista estensiva ta’ rapporti minn gruppi ta’ livell għoli u studji tinstab fl-anness għall-valutazzjoni tal-impatt.

Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija sostnuta minn valutazzjoni tal-impatt. L-opinjoni tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju kient “pożittiva b’riżervi”, b’rakkomandazzjoni biex jiġu mfissra aħjar (i) il-bilanċ bejn il-pilastri tal-Programm, (ii) ir-raġunament u l-valur miżjud tal-Missjonijiet tar-R&I u l-EIC, u (iii) il-mekkaniżmi tat-twassil regolarizzati 2 .

F’ekonomija globali kompetittiva, dejjem aktar ibbażata fuq l-għarfien, ir-R&I jiddeterminaw il-produttività u l-kompetittività ta’ ekonomija avvanzata bħal dik tal-Ewropa: madwar żewġ terzi tat-tkabbir ekonomiku tal-Ewropa matul dawn l-aħħar deċennji kien xprunat mill-innovazzjoni. Ir-R&I jixprunaw u jsostnu l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda u ta’ kwalità aħjar, u l-iżvilupp ta’ attivitajiet ta’ għarfien intensiv, li jammontaw għal aktar minn 33% tal-impjiegi totali fl-Ewropa. L-Ewropa għandha żżomm u saħansitra ssaħħaħ il-kapaċitajiet teknoloġiċi, industrijali u ta’ innovazzjoni b’mod sostenibbli, f’oqsma strateġiċi li jirfdu lis-soċjetà, l-ekonomija u impenji internazzjonali tagħna.

Għandu jsir aktar sabiex tiġi stimulata innovazzjoni mifruxa fl-Ewropa, li hija l-bażi taż-żamma tal-mudell soċjoekonomiku u tal-valuri tal-Ewropa. L-impatti mistennija tal-kontinwazzjoni tal-Programm ġew analizzati fil-valutazzjoni tal-impatt. Imqabbel mal-Programm li għadu sejjer, “Orizzont Ewropa” mistenni jiġġenera:

·aktar għarfien u teknoloġiji ġodda, il-promozzjoni tal-eċċellenza xjentifika u impatt xjentifiku sinifikanti. Il-Programm se jkompli jiffaċilita l-kollaborazzjoni transfruntiera bejn xjenzati u innovaturi ewlenin, li tippermetti koordinazzjoni transnazzjonali u transsettorjali bejn l-investiment pubbliku u privat fir-R&I. Orizzont 2020 diġà attira l-aqwa istituzzjonijiet tar-riċerka u riċerkaturi tad-dinja, appoġġa 340 000 riċerkatur, u żviluppa l-kapital uman b’ħiliet tal-Ewropa. Il-pubblikazzjonijiet xjentifiċi minn Orizzont 2020 huma ta’ klassi dinjija (iċċitati iktar mid-doppju tal-medja dinjija) u kkontribwixxew għal żviluppi xjentifiċi kbar.

·Effetti pożittivi fuq il-flussi tat-tkabbir, il-kummerċ u l-investiment, u fuq l-impjiegi ta’ kwalità u l-mobilità internazzjonali għar-riċerkaturi fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Il-programm mistenni jżid il-PDG b’medja ta’ 0.08% sa 0.19 % fuq 25 sena, li jfisser li għal kull euro investit potenzjalment jista’ jiġġenera redditu sa EUR 11 fil-PGD matul l-istess perjodu. L-investimenti tal-Unjoni fir-R&I mistennija jiġġeneraw b’mod ċar żieda stimata sa 100 000 impjieg fl-attivitajiet tar-R&I fil-“fażi ta’ investiment” (20212027). L-attività ekonomika maħluqa minn dan il-Programm mistennija li trawwem żieda indiretta ta’ 200 000 impjieg matul l-2027-2036, li 40% minnhomse jirrikjedu kwalifiki għolja.

·impatt soċjali u ambjentali sinifikanti. Dan l-impatt se jinħoloq permezz tat-tixrid, l-isfruttament u l-utilizzazzjoni tar-riżultati xjentifiċi u t-tisrif tagħhom fi prodotti, servizzi u proċessi ġodda, li min-naħa tagħhom ser jgħinu biex iwasslu b’suċċess -objettivi politiċi, kif ukoll dawk soċjali u ekoloġiċi.

Dawn l-impatti jfissru li potenzjalment il-kost li ma jitkompliex il-Programm tar-R&I tal-Unjoni (jiġifieri l-kost tan-non-Ewropa) huwa sostanzjali. Jekk jitkompliex il-Programm jista’ jirriżulta fit-tnaqqis tal-kompetittività (sa EUR 720 biljun ta’ telf tal-PDG fuq 25 sena 3 ), tnaqqis drastiku fl-investimenti privati u nazzjonali li attwalment huma influwenzati mill-koinvestimenti fil-livell tal-UE, u telf sinifikanti ta’ impatti soċjali, ambjentali u ekonomiċi.

Barra minn hekk, il-Programm il-ġdid se jkompli jissimplifika r-regoli, iżid iċ-ċertezza legali u jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji u l-amministraturi tal-programmi.

Simplifikazzjoni

Is-simplifikazzjoni hija kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ Orizzont Ewropa. Biex jiġu attirati l-aħjar riċerkaturi u l-aktar intraprendituri innovattivi, il-piż amministrattiv tal-parteċipazzjoni għandu jinżamm minimu.

Il-karatteristiċi tas-simplifikazzjoni ewlenin stabbiliti, fil-parti l-kbira, fir-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni huma (aktar dettalji aktar ‘l isfel):

Il-kontinwità fil-miżuri ta’ simplifikazzjoni applikati f’Orizzont 2020 ġiet apprezzata mill-parteċipanti, inklużi l-istruttura tal-programm fuq tliet pilastri, il-mudell ta’ finanzjament sempliċi u l-Portal tal-Parteċipanti;

Simplifikazzjoni tax-xenarju tal-finanzjament: l-approċċ ta’ sħubija, pereżempju, huwa ssimplifikat, bi tliet tipi biss u sett ċar ta’ kriterji għall-għażla u l-implimentazzjoni tagħhom, sabiex jiġi żgurat li dawn jikkontribwixxu għall-objettivi ġenerali u speċifiċi ta’ Orizzont Ewropa;

Aktar simplifikazzjoni tas-sistema ta’ rimborż tal-ispejjeż reali attwali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ spejjeż personali.

Aċċettazzjoni aktar wiesgħa tal-prattika tal-kontabilità abitwali tal-benefiċjarji, b’mod partikulari għall-fatturar intern u s-servizzi li jistgħu jkopru wkoll l-ekwivalenti tal-infrastrutturi kbar tar-riċerka ta’ Orizzont 2020.

Użu akbar ta’ għażliet tal-ispejjeż issimplifikati, kif previst mir-Regolament Finanzjarju ġdid, b’mod partikulari finanzjament ta’ proġetti mogħti bħala somma ta’ darba, f’oqsma adatti u b’kunsiderazzjoni għat-tagħlimiet miksuba mill-pilota taħt Orizzont 2020.

Żieda fil-kontrodipendenza fuq l-awditi, li tnaqqas il-piż tal-awditu għall-benefiċjarji li jieħdu sehem f’diversi programmi ta’ finanzjament tal-UE.

It-twessigħ tal-Fond ta’ Garanzija tal-Parteċipanti (li ssemma mill-ġdid bħala Mekkaniżmu ta’ Assikurazzjoni Reċiproka) għall-benefiċjarji ta’ kwalunkwe programm ġestjonat direttament mill-Unjoni, u għall-azzjonijiet li mhumiex koperti mill-fond taħt Orizzon 2020 (Inizjattivi skont l-Article 185);

Aċċettazzjoni tas-siġill ta' eċċellenza, li għalih il-propsoti jistgħu jirċievu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Soċjali Ewropew+ jew il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali;

Iż-żamma ta’ elementi ewlenin tal-evalwazzjoni tal-proposta, u l-proċess tal-għażla ,fil-partijiet kollha ta’ Orizzont Ewropa. Firxa usa’ ta’ għarfien espert, madankollu, se tiġi mfittxija, fil-funzjoni tal-ambitu tas-sejħiet, inkluż għarfien espert minn gruppi ta’ utenti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili 4 . In-novità tal-approċċ imsejjes fuq il-missjonijiet se tkun minbarra l-valutazzjoni ta’ eċċellenza u impatt biss fil-livell ta’ proposti individwali, jiġi evalwat ukoll kif proposti eċċellenti jiffunzjonaw flimkien bħala portafoll. Filwaqt li l-prinċipji ewlenin huma spjegati minn qabel fir-Regoli, il-Programmi ta’ Ħidma se jipprovdi aktar dettalji dwar l-applikazzjoni tal-kriterji tal-għoti skont l-objettivi tas-sejħiet u l-istrumenti (eż. l-aspetti li għandhom jiġu kkunsidrati skont il-proċeduri ta’ evalwazzjoni).

Lil hinn mill-atti legali bażiċi ta’ Orizzont Ewropa, se jittieħdu passi biex tiġi ssimplifikata l-implimentazzjoni tal-Programm, qabelxejn b’mudell ta’ ftehimiet dwar l-għotja u billi jitkoprew il-proċessi, id-dokumentazzjoni, l-uffiċċji ta’ informazzjoni, is-servizzi ta’ appoġġ, u s-sistemi tal-IT kollha, jitnaqqas aktar il-piż amministrattiv għall-parteċipanti u jiġi aċċelerat il-proċess tal-għoti. Il-Kummissjoni se tiżviluppa għodod ta’ implimentazzjoni mtejba ta’ dan it-tip b’mod parallel mal-proċess leġiżlattiv, b’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

Drittijiet fundamentali

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-baġit tal-proposti kollha hija ppreżentata bil-prezzijiet attwali. Il-Kummissjoni tista’ tkompli tuża, fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji, aġenziji eżekuttivi li jimplimentaw Orizzont Ewropa.

 

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-Kummissjoni tista’ żżid is-sehem tal-baġit delegat lill-aġenziji eżekuttivi, suġġett għar-riżultat tal-analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji obbligatorji. Minħabba elementi ġodda fl-ambitu tal-Programm Qafas il-ġdid (eż. il-missjonijiet u l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni) u ż-żieda tal-baġit li għandha tiġi delegata, xi bidliet tal-mandati tal-aġenziji se jkunu meħtieġa 5 .

Dan l-approċċ ser jgħin biex jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi, jittejbu s-sinerġiji ma’ programmi oħra u se jgħin biex ikun hemm fokus akbar fuq il-prestazzjoni.

L-attivitajiet b’kontenut ta’ politika sostanzjali huma bħala prinċipju esklużi minn delega lil aġenziji eżekuttivi, iżda l-feedback tad-data tar-R&I u r-riżultati minn dawn l-aġenziji lill-Kummissjoni se jiġu intensifikati b’konformità mal-istrateġija ta’ tixrid u sfruttament, sabiex tissaħħaħ il-bażi tal-evidenza għat-tfassil tal-politika.

L-evalwazzjonijiet se jitwettqu skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 6 , fejn it-tliet istituzzjonijiet kkonfermaw li evalwazzjonijiet ta’ leġislazzjoni u politika eżistenti għandhom jipprovdu l-bażi għall-valutazzjonijiet tal-impatt ta’ għażliet għal azzjoni ulterjuri. L-evalwazzjonijiet għandhom jivvalutaw l-effetti tal-programm fil-prattika fuq il-bażi tal-indikaturi/miri tal-programm u analiżi ddettaljata dwar kemm il-programm jista’ jitqies li huwa rilevanti, effettiv, effiċjenti, jipprovdi biżżejjed valur miżjud tal-UE u huwa koerenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni. Dawn se jinkludu t-tagħlimiet meħuda fl-identifikazzjoni tan-nuqqasijiet/tal-problemi jew kwalunkwe potenzjal għal titjib ulterjuri tal-azzjonijiet jew ir-riżultati tagħhom u fil-massimizzazzjoni tal-isfruttar/tal-impatt tagħhom.

Sabiex tkun tista’ tidentifika u tikkomunika aħjar l-impatt tal-Programm, is-sistema ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni ta’ Orizzont Ewropa, se tkun msejsa fuq tliet elementi ewlenin:

·Programm annwali ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni: traċċar tal-indikaturi tal-prestazzjoni fuq medda ta’ żmien qasira, medja u itwal skont id-direzzjonijiet tal-impatt ewlieni lejn l-għanijiet tal-Programm, abbażi tal-linji bażi u l-miri fejn ikun possibbli;

·Ġbir kontinwu ta’ data dwar il-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-programm;

·Żewġ (meta)valutazzjonijiet sħaħ tal-programm f’nofs iż-żmien u ex-post (mat-tlestija). Dawn il-valutazzjonijiet se jibni fuq il-valutazzjonijiet koordinati ta’ kull parti tal-programm, it-tip ta’ azzjonijiet u mekkaniżmu ta’ twassil skont kriterji ta’ evalwazzjoni komuni u metodoloġiji standard u se jinformaw dwar l-adattamenti li għandhom isiru għal dan il-programm.

Id-direzzjonijiet tal-impatt, u l-indikaturi tad-direzzjonijiet tal-impatt ewlenin relatati, se jistrutturaw il-monitoraġġ annwali tal-prestazzjoni tal-programm lejn l-għanijiet tiegħu. Dawn id-direzzjonijiet jirriflettu tliet kategoriji tal-impatt komplementari, li jirriflettu n-natura mhux lineari tal-investiment fir-R&I:

1.Impatt xjentifiku: relatat mal-appoġġ għall-ħolqien u t-tixrid ta’ għarfien, ħiliet, teknoloġiji u soluzzjonijiet għall-isfidi globali ġodda u ta’ kwalità għolja.

2.Impatt fuq is-Soċjetà: relatat mat-tisħiħ tal-impatt tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-iżvilupp, l-appoġġ u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, u jappoġġa l-użu ta’ soluzzjonijiet innovattivi fl-industrija u s-soċjetà biex dawn jindirizzaw l-isfidi globali;

3.Impatt ekonomiku: relatat mat-trawwim tal-forom kollha ta’ innovazzjoni, inkluża l-innovazzjoni rivoluzzjonarja, u ssaħħaħ l-iskjerament fis-suq tas-soluzzjonijiet innovattivi;

Għal kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ impatt, se jintużaw indikaturi rappreżentattivi biex jiġi segwit il-progress ta’ distinzjoni bejn il-prospetti ekonomiċi fuq medda ta’ żmien qasir, medju u twil.

Id-data dwar il-ġestjoni u l-implimentazzjoni 7 għall-partijiet u l-mekkaniżmi ta’ twassil kollha se tkompli tinġabar kważi f’ħin reali. Din id-data se tinġabar b’mod armonizzat u tiġi ġestita b’mod ċentrali. Hija ser tkompli wkoll tkun pubblikament disponibbli fuq portal fuq l-internet iddedikat viċin il-ħin reali li tippermetti li ssir estrazzjoni għal kull parti tal-programm, tipi ta’ azzjoni u tipi ta’ organizzazzjoniet (inkluża data speċifika għall-SMEs). Dan se jinkludi inter alia proposti, applikazzjonijiet, parteċipazzjonijiet u proġetti (għadd, kwalità, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni eċċ.); rati ta’ suċċess; il-profili tal-evalwaturi, l-applikanti u l-parteċipanti (parzjalment ibbażati fuq identifikaturi uniċi, u inkluż il-fatturat, is-sess, il-pajjiż, ir-rwol fi proġett eċċ.); l-implimentazzjoni (inkluż iż-żmien għall-għotja, ir-rata ta’ żball, ir-rata ta’ sodisfazzjon u r-rata tat-teħid tar-riskju eċċ.); l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni, disseminazzjoni u sfruttament; u l-kontribut tal-Unjoni dwar il-klima u l-objettivi ambjentali. Sabiex jiġu ttraċċati aħjar l-investimenti lejn soċjetà bbażata fuq l-għarfien, matul ħajjet il-programmi tista’ tinġabar informazzjoni dwar il-finanzjament tal-Unjoni allokat lill-isfruttament u l-iskjerar tar-riżultati tar-R&I, b’mod partikolari mill-Programmi ta’ Qafas.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

“Orizzont Ewropa” huwa programm qafas ġdid imfassal għal impatt massimu fil-kuntest tan-natura li qed tevolvi tar-riċerka u l-innovazzjoni, b’arkitettura mfassla għal koerenza u prestazzjoni mseddqa. Huwa propost li tintuża struttura bi tliet pilastri, b’kull pilastru interkonness mal-oħrajn u kkomplementat b’attivitajiet li jirfduh, biex tissaħħaħ iż-Żona tar-Riċerka Ewropea.

L-istruttura ta’ tliet pilastri

L-ewwel pilastru dwar ix-Xjenza Miftuħa ser jiżgura kontinwità qawwija ma’ Orizzont 2020 b’appoġġ għal xjenza eċċellenti fi ħdan approċċ minn isfel għal fuq sabiex jiġu rinforzati t-tmexxija xjentifika tal-Unjoni, l-iżvilupp ta’ ħiliet u għarfien ta’ kwalità għolja, permezz tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka, l-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie u l-infrastrutturi tar-riċerka. Il-prinċipji u l-prattiki tax-xjenza miftuħa se jiġu integrati fil-Programm kollu.

It-tieni pilastru dwar il-Kompetittività Industrijali u Sfidi Globali se jmexxi ’l quddiem l-isfidi soċjetali u industrijali b’mod aktar “minn fuq għal isfel” immirat li jindirizzal-politika tal-Unjoni u dik globali u l-isfidi u l-opportunitajiet tal-kompetittività. Dawn huma integrati f’ħames clusters (“saħħa”; “soċjetà inklużiva u sikura”; “diġitali u industrija”; “klima, enerġija u mobiltà”; u ‘ikel u riżorsi naturali”), allinjati mal-prijoritajiet tal-politika tal-Unjoni u dik globali (l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli) u bil-kooperazzjoni u l-kompetittività bħala muturi ewlenin. L-integrazzjoni fi gruppi, li kull wieħed għandu għadd ta’ oqsma ta’ intervent, hija mfassla biex tinċentiva kollaborazzjoni transdixxiplinarja, transettorjali, transpolitika u internazzjonali, biex b’hekk jinkiseb impatt akbar u naħtfu aħjar il-potenzjal tal-innovazzjoni li ta’ spiss huwa l-akbar fl-intersezzjoni tad-dixxiplini u s-setturi.

Flimkien mas-sejħiet regolari għall-proposti, se jiġi introdott sett limitat ta’ missjonijiet viżibbli ħafna. Dawn se jkunu mfassla fil-kuntest ta’ proċess ta’ ppjanar strateġiku. Il-missjonijiet, b’għanijiet ambizzjużi iżda li jistgħu jintlaħqu u marbuta biż-żmien, jenħtieġ li jitkellmu mal-pubbliku u jinvolvuh meta jkun rilevanti. Dawn se jitfasslu bi sħab mal-Istati Membri, mal-Parlament Ewropew, il-partijiet ikkonċernati u ċ-ċittadini.

It-tieni pilastru jinkorpora r-rwol essenzjali tal-industrija fil-kisba tal-objettivi kollha tal-Programm. Biex tkun żgurata l-kompetittività industrijali u l-kapaċità li jkunu indirizzati l-isfidi globali li ġejjin, l-UE jenħtieġ li ssaħħaħ u żżomm il-kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali tagħha f’oqsma importanti li jsostnu t-trasformazzjoni tal-ekonomija u s-soċjetà tagħna. Se tingħata prijorità lill-investimenti fit-teknoloġiji abilitanti ewlenin tal-ġejjieni.

It-tieni pilastru se jipprovdi wkoll evidenza xjentifika u teknika għall-politiki tal-Unjoni, inkluż permezz tal-attivitajiet taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka. Dan il-pilastru se jgħin biex jinkisbu l-għanijiet tal-politika tal-Unjoni fi ħdan l-ispirtu tal-Prinċipju tal-Innovazzjoni, kif propost fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-15 ta’ Mejju 2018 dwar ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: aġenda Ewropea mġedda. jenħtieġli tingħata attenzjoni partikolari sabiex jidied sehem il-parteċipazzjoni fir-riċerka u l-finanzjament ta’ entitajiet minn pajjiżi terzi bi dħul minn baxx sa medju.

Filwaqt li l-innovazzjoni se tiġi sostnuta matul il-programm kollu, it-tielet pilastur dwar l-Innovazzjoni Miftuħa essenzjalment se jiffoka fuq iż-żieda fl-innovazzjoni li twassal għal żviluppi deċiżivi u ħolqien ta’ swieq billi jitwaqqaf il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, jiġi sostnut it-titjib tal-ekosistemi Ewropej tal-innovazzjoni u jingħata appoġġ lill-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT). Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni se joffri punt ta’ kuntatt uniku għall-innovaturi ta’ potenzjal qawwi. L-attivitajiet ser ikunu definiti primarjament minn isfel għal fuq. Dan għandu jissimplifika u jirregolarizza b’mod sinifikanti l-appoġġ attwali, u jimla kwalunkwe distakk bejn l-għoti ta’ finanzjament f’partijiet oħra ta’ Orizzont Ewropa u l-istrumenti finanzjarji tal-InvestEU. Ser jingħata wkoll appoġġ għal kollaborazzjoni ma’ u bejn l-aġenziji ta’ innovazzjoni nazzjonali u reġjonali u anki kwalunkwe atturi pubbliċi jew privati, ġenerali jew settorjali oħrajn fix-xenarju tal-innovazzjoni Ewropew.

L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija se jikkomplementa l-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjonibilli jippromwovi eskosistemi tal-innovazzjoni sostenibbli u jiżviluppa ħiliet intraprenditorjali u tal-innovazzjoni fl-oqsma prijotarji permezz tal-Komunitajiet tal-Għarfien u l-Innovazzjoni tiegħu. L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija se jikkontribwixxi lejn it-trasformazzjoni intraprenditorjali tal-universitajiet tal-UE u l-attivitajiet tiegħu se jimmassimizzaw is-sinerġiji u jikkomplimentarjaw mal-azzjonijiet skont il-Pilastru tal-Isfidi Globali u l-Kompetittività Industrijali.

Il-prosperità ekonomika u soċjali, il-kwalità tal-ħajja u tal-impjiegi, u l-ambjent tal-Ewropa jiddependu fuq l-abilità tagħha li toħloq l-għarfien u l-innovazzjoni. L-approċċi minn isfel għal fuq l-ewwel u t-tielet pilastri għandhom l-għan ewlieni tat-tisħiħ tal-eċċellenza, il-ħolqien tal-għarfien u l-innovazzjoni u l-inkoraġġiment ta’ aktar investiment, speċjalment fil-friegħi avvanzati tax-xjenza li qed jikbru b’rata mgħaġġla fl-innovazzjoni rivoluzzjonarja b’potenzjal ta’ tkabbir. Dawn huma essenzjali biex jiġi indirizzat id-distakk fl-innovazzjoni u l-għarfien u għat-tisħiħ tal-bażijiet xjentifiċi u teknoloġiċi tal-Unjoni, u b’hekk jappoġġaw l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni u l-prijoritajiet politiċi u jikkontribwixxi għal tkabbir u kompetittività fit-tul.

It-tliet pilastri se jirfduhom attivitajiet li jsaħħu ż-Żona ta’ Riċerka Ewropea, speċifikament: it-tixrid tal-eċċellenza li tisfrutta bis-sħiħ il-potenzjal f’pajjiżi b’anqas prestazzjoni fir-R&I sabiex jilħqu l-istandards għoljin ta’ eċċellenza tal-UE (eż., permezz ta’ timijiet, ġemellaġġi, kattedri taż-ŻER); u r-riforma u t-tisħiħ tas-sistema tar-R&I Ewropea tal-ġenerazzjoni li jmiss, li tkopri l-Faċilità tal-Appoġġ tal-Politika.

Din il-parti ser tinkludi wkoll attivitajiet dwar: attivitajiet ta’ tbassir; il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Programm ta’ Qafas u għat-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati; il-modernizzar tal-universitajiet Ewropej; l-appoġġ għall-kooperazzjoni msaħħa internazzjonali; u x-xjenza, is-soċjetà u ċ-ċittadini.

L-istruttura ta’ tliet pilastri se ssaħħaħ il-koerenza interna tal-partijiet differenti tal-programm lejn il-kisba tal-objettivi fil-livell tal-programm. Ir-raġunamenti definiti b’mod ċar u kumplimentari għal intervent se jseddqu l-interkonnettività tagħhom, bix-xjenza miftuħa u l-innovazzjoni miftuħa jkunu temi komuni. Dan se jiżgura approċċ ibbażat fuq l-impatt sistematiku li jkun komuni għal dixxiplini u sajlos ħalli jħalli impatt aħjar. Pereżempju, il-missjonijiet ser ikollhom l-effett ta’ attrazzjoni fil-pilastru dwar ix-xjenza miftuħa u innovazzjoni miftuħa, filwaqt li l-innovazzjonijiet b’potenzjal tat-tkabbir rapidu li jirriżultaw minn riċerka kollaborattiva, prova ta’ kunċett tal-Kunsill tar-Riċerka Ewropew jew Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni tal-EIT se jiġu indikati lill-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni. L-ippjanar strateġiku se jsaħħaħ aktar il-koerenza interna tal-programm.

Elementi trasversali

Orizzont Ewropa se jsaħħaħ b’mod sinifikanti il-kooperazzjoni internazzjonali li hija vitali biex jiġi żgurat l-aċċess għat-talent, l-għarfien, il-kompetenzi, il-faċilitajiet u s-swieq mad-dinja kollha, sabiex l-isfidi globali jiġu indirizzati b’mod effettiv, u jiġu implimentati l-impenji globali. Il-Programm Qafas se jintensifika l-kooperazzjoni u jestendi l-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni biex jinkludi pajjiżi b’kapaċitajiet eċċellenti fix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni. Il-programm se jkompli jiffinanzja l-entitajiet minn pajjiżi bi dħul baxx sa medju, u jiffinanzja l-entitajiet minn ekonomiji industrijalizzati u emerġenti biss jekk ikollhom kompetenza jew faċilitajiet essenzjali.

Il-prinċipju tax-xjenza miftuħa se jsir dwar il-modus operandi tal-Programm il-ġdid. Se jmur lil hinn mill-politika tal-aċċess miftuħ tal-Orizzont 2020 u jenħtieġl-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet u d-data (b’opt-outs robusti għal din tal-aħħar), u għad-data tar-riċerka permezz ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni. Il-programm għandu jrawwem l-użu mifrux tad-data FAIR (traċċabbli, aċċessibbli, interoperabbli u li tista’ tintuża mill-ġdid); u attivitajiet li jsaħħu l-ħiliet tar-riċerkaturi tax-xjenza miftuħa u l-appoġġ ta’ sistemi ta’ premjazzjoni li jippromwovu x-xjenza miftuħa. L-integrità tar-riċerka u x-xjenza taċ-ċittadin se jkollhom irwol ċentrali, kif se jkollu l-iżvilupp ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ indikaturi għall-valutazzjoni tar-riċerka.

Orizzont Ewropa se jieħu approċċ ġdid u aktar iffukat fuq l-impatt viżavì is-sħubiji. L-eċċess attwali ta’ Sħubiji Ewropej se jiġi razzjonalizzat, sabiex ikunu jistgħu jkomplu f’forom issimplifikati li huma miftuħa għal kulħadd (bħall-akkademiċi, l-industrija, l-Istati Membri, u fondazzjonijiet filantropiċi), filwaqt li jiġi żgurat li dawn ikunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-objettivi ġenerali u speċifiċi ta’ Orizzont Ewropa. Dawn se jkunu mfassla fuq il-bażi tal-valur miżjud tal-Unjoni, it-trasparenza, il-ftuħ, l-impatt, l-effett ta’ lieva, l-impenn finanzjarju fit-tul tal-partijiet kollha involuti, il-flessibbiltà, il-koerenza u l-komplementarjetà ma’ inizjattivi fil-livell tal-UE, nazzjonali u reġjonali. L-għan ta’ dan l-approċċ huwa bażi konsolidata u numru razzjonalizzat ta’ sħubijiet ħalli jiġu evitati sovrapożizzjonijiet u duplikazzjoni u li s-sħubijiet ikunu allinjati aħjar mal-prijoritajiet ta’ politika tal-Unjoni.

Se jkun hemm tliet livelli ta’ sħubijiet:

(a)koprogrammati, abbażi ta’ memoranda ta’ ftehim jew arranġamenti kuntrattwali mal-imsieħba;

(b)kofinanzjati, abbażi ta’ azzjoni kofinanzjata tal-programm flessibbli u unika;

(c)sħubiji istituzzjonalizzati (abbażi tal-Artikoli 185 jew 187 TFUE u tar-Regolament tal-EIT u tal-Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni).

L-oqsma għal sħubiji, inkluż il-kontinwazzjoni possibbli ta’ dawk eżistenti, se jiġu identifikati matul il-proċess ta’ ppjanar strateġiku (il-bażi legali proposta tistipula biss strumenti u kriterji li ser jiggwidaw l-użu tagħhom). Il-proposti għal Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoniet (KICs) tal-EIT futuri se jiġu indikati fl-Aġenda tal-Innovazzjoni Strateġika tal-EIT (SIA), u se jqisu l-eżiti tal-proċess ta’ pjanar strateġiku. It-temi se jiġu identifikati u magħżula b’mod li jimmassimizza il-komlimentaritajiet u s-sinerġiji mal-azzjonijiet taħt il-Pilastru “Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali”.

Il-proposta tal-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 iffissat mira aktar ambizjuża għall-ewlenizzazzjoni tal-klima fil-programmi kollha tal-UE, b’mira kumplessiva ta’ 25% tan-nefqa tal-UE tikkontribwixxi għall-għanijiet marbutin mal-klima. Il-kontribut ta’ dan il-programm lejn il-kisba tal-mira kumplessiva se jiġi ntraċċat permezz ta’ sistema tal-UE li timmarka l-klima f’livell xieraq ta’ diżaggregazzjoni, inkluż l-użu ta’ metodoloġiji aktar preċiżi fejn dawn ikunu disponibbli. Il-Kummissjoni se tkompli tippreżenta l-informazzjoni ta’ kull sena f’termini ta’ approprjazzjonijiet tal-impenn fil-kuntest tal-abbozz tal-baġit annwali.

Biex tiġi sostnuta l-utilizzazzjoni sħiħa tal-potenzjal tal-programm li jikkontribwixxi lejn l-għanijiet klimatiċi, il-Kummissjoni se tfittex li tidentifika l-azzjonijiet rilevanti permezz tal-proċessi tal-preparazzjoni, l-implimentazzjoni, ir-reviżjoni u l-valutazzjoni tal-programm.

Sinerġiji

Is-sinerġiji bejn programmi differenti tal-Unjoni se jkunu ferm imħeġġa u msaħħa permezz tal-proċess ta’ ppjanar strateġiku, li se jservi bħala qafas ta’ referenza għal appoġġ tar-R&I fil-baġit tal-Unjoni. Għaldaqstant se jiġu żgurati sinerġiji effettivi u operattivi ma’ programmi oħra tal-Unjoni, speċjalment biex tiġi żviluppata interfaċċa aktar effettiva dwar il-politika xjentifika u sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet politiċi, filwaqt li jitħeġġew it-tixrid u l-utilizzazzjoni aktar imħaffa tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni u jiġi abilitat is-segwiment tal-għanijiet komuni u l-oqsma komuni għall-attivitajiet (bħal oqsma ta' sħubijiet jew oqsma ta’ missjoni).

Dawn il-programmi jkunu jinkludu, fost oħrajn, il-politika agrikola komuni (PAK); il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR); il-Fond Soċjali Ewropew (FSE); il-Programm Spazjali Ewropew; il-Programm tas-Suq Uniku; il-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE); il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE); il-Programm Ewropa Diġitali (PED); il-Programm Erasmus; il-Fond InvestEU; u l-istrumenti ta’ azzjoni esterna (Viċinat, l-Istrument għall-Iżvilupp u l-Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III)). Ser tingħata attenzjoni partikolari lil rabtiet mas-Semestru Ewropew u l-Għodda għat-Twettiq ta' Riformi, inkluż permezz tal-Faċilità ta’ Appoġġ tal-Politika.

B’komplementarjetà sħiħa ma’ Orizzont Ewropa, dawn il-programmi jistgħu jipprovdu appoġġ għall-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni, inklużi d-dimostrazzjoni ta’ soluzzjonijiet adattati għal kuntesti/ħtiġijiet speċifiċi nazzjonali/reġjonali, kif ukoll l-inizjattivi bilaterali u interreġjonali. B’mod partikolari, il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej se jappoġġaw il-bini ta’ ekosistemi ta’ riċerka u innovazzjoni fl-Istati Membri f’termini ta’ infrastrutturi, riżorsi umani, il-modernizzazzjoni tas-setturi pubbliċi u privati, u n-netwerks ta’ kooperazzjoni (inter)reġjonali, bħal strutturi ta’ clusters.

Programmi bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF), il-Programm Ewropa Diġitali (DEP), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, jew LIFE se jagħmlu użu mill-akkwist pubbliku bħala strument ewlieni biex jiskjeraw infrastrutturi fiżiċi u teknoloġiji u soluzzonijiet innovattivi li joriġinaw minn attivitajiet tal-Programm Qafas u lil hinn minnu.

Ir-Regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni

Il-karatteristiċi ewlenin ġodda li ġejjin ġew introdotti fir-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni:

·Il-prinċipju ta’ ġabra unika ta’ regoli se tkompli, imma b’aktar titjib. B’konformità mal-approċċ korporattiv lejn sett ta’ regoli uniku u t-tħejjija tal-QFP, ir-Regolament Finanzjarju tal-UE 8   l-ġdid se jintuża bħala referenza komuni li permezz tagħha r-regoli applikabbli għall-programmi ta’ finanzjament kollha tal-UE ser jiġu allinjati.

·Ir-rati ta’ finanzjament ta’ Orizzont 2020 se jinżammu. Ir-rata ta’ finanzjament se jservu ta’ massimu li jista’ jitnaqqas meta ġustifikat għall-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi. Dan se jiżgura li l-programm jibqa’ attraenti.

·L-iskema ta’ kumpens tal-ispejjeż se tiġi ssimplifikata ulterjorment, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-ispejjeż attwali tal-iskema għall-ispejjeż tal-persunal: id-distinzjoni bejn ir-riċerka bażika u remunerazzjoni addizzjonali se titneħħa u l-limitu massimu ta’ Orizzont 2020 fuq ir-remunerazzjoni addizzjonali se jitneħħa.

·Aċċettazzjoni aktar wiesgħa tal-prattika normali tal-kontabilità tal-kostijiet : l-ispiża unitarja għal prodotti u servizzi fatturati internament għandha tagħmilha possibbli li jiġu koperti l-ispejjeż indiretti reali kkalkulati skont il-prattiki tal-kontabbiltà tal-ispejjeż tas-soltu.

·Firxa usa’ ta’ kontrodipendenza fuq l-awditi u l-valutazzjonijiet – inkluż ma’ programmi oħrajn tal-Unjoni – hija prevista. Din għandha tnaqqas il-piż amministrattiv fuq il-benefiċjarji ta’ fondi tal-Unjoni billi tallinja aktar ir-regoli. Ir-regoli jipprevedu b’mod espliċitu l-kontrodipendenza billi jiġu kkunsidrati wkoll elementi oħra ta’ assigurazzjoni li jirriżultaw fi ħtieġa għal inqas verifiki finanzjarji fuq il-benefiċjarji li jkollhom riżultati pożittivi fuq is-sistemi tal-awditu tagħhom. Barra minn hekk, il-kontrodipendenza tista’ tkun parti mill-kundizzjonijiet għat-tneħħija tal-obbligu li l-benefiċjarju jippreżenta ċertifikat dwar id-dikjarazzjoni finanzjarja.

·Il-Fond ta’ Garanzija tal-Parteċipanti (li issa jissejjaħ Mekkaniżmu tal-Assikurazzjoni Reċiproka) se jiġi estiż għall-forom kollha ta’ sħubijiet insitituzzjonalizzati, inlużi l-inizjattivi tal-Artikolu 185 li mhumiex koperti minn Orizzont 2020, u l-benefiċjarji minn programmi oħra li huma mmaniġġjati direttament mill-Unjoni.

·It-tixrid u l-isfruttament: il-parti l-kbira tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Orizzont 2020 għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni huma miżmuma, b’aktar titjib fejn xieraq. Dan jinkludi t-tisħiħ tal-iffukar fuq l-isfruttament b’mod partikolari fi ħdan l-Unjoni u r-rwol tal-pjan tat-tixrid u l-isfruttament matul u wara li jintemm il-proġett. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tipprovdi appoġġ apposta għat-tixrid, l-isfruttament u d-diffużjoni tal-għarfien u tpoġġi aktar enfasi fuq il-promozzjoni tal-isfruttament tar-riżultati tar-R&I.

·Komunikazzjoni mill-benefiċjarji ta’ fondi tal-Unjoni:  B’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport Lamy, ir-Regoli jenfasizzaw ir-rwol tal-benefiċjarji fil-forniment ta’ informazzjoni koerenti, effikaċi u proporzjonali mmirata lejn diversi udjenzi inkluż il-midja u l-pubbliku. Filwaqt li tibni fuq l-esperjenza f’Orizzont 2020, il-gwida għall-benefiċjarji se turi kif dawn jistgħu jsiru il-komunikaturi prinċipali tal-aspetti kollha tal-attivitajiet tal-proġett tagħhom.

·It-Trawwim ta’ xjenza miftuħa se jiżgura sfruttament aħjar tar-riżultati tar-R&I fi ħdan l-Unjoni. Dan se jgħin lill-penetrazzjoni fis-suq, ittejjeb l-impatt, jimmassimizza s-sinerġiji ma’ inizjattivi oħra tal-Unjoni u jżid il-potenzjal tal-innovazzjoni tar-riżultati ġġenerati minn finanzjament tal-UE.

L-azzjonijiet li ġejjin huma b’mod partikulari previsti:

·Jingħata appoġġ għall-partijiet ikkonċernati tar-R&I biex jadottaw b’mod sħiħ il-prinċipju tal-aċċess miftuħ u ssir ħidma magħhom biex il-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa ssir realtà;

·Jissaħħaħ l-ispazju tad-data Ewropea 9 li jippermetti ċ-ċirkulazzjoni mingħajr restrizzjoni u kostanti tal-għarfien u d-data u joħloq l-inċentivi meħtieġa għall-benefiċjarji tal-programm u l-innovaturi biex jikkondividu r-riżultati u d-data taghom għall-użu mill-ġdid.

·Id-dħul fis-seħħ ta’ inċentivi għall-isfruttament tar-riżultati tal-Programm Qafas biex il-benefiċjarji jkunu jistgħu jsibu l-aktar strumenti u kanali xierqa għall-adozzjoni fis-suq tal-innovazzjoni tagħhom;

·Titqiegħed fil-post strateġija biex tiżdied id-disponibilità tar-riżultati tar-R&I u tiġi aċċellerata l-adozzjoni tagħhom inkluż għall-politika, u b’dan tingħata spinta lill-impatt ġenerali tal-programm u l-potenzjal Ewropew għall-innovazzjoni;

·Jiġi pprovdut appoġġ ħolistiku matul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tad-disseminazzjoni u l-użu biex jiġi żgurat il-fluss tal-innovazzjoni mill-programm.

Għal Orizzont Ewropa, il-kriterji tal-għoti jkunu l-eċċellenza; l-impatt; u l-kwalità u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni. Dawn huma l-istess kriterji bħal tal-Programmi Qafas preċedenti.

Ir-Regolament propost jispeċifika l-eċċellenza bħala l-kriterju uniku għall-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC), f’konformità mal-għan li jitmexxew ‘il quddiem il-fruntieri tal-għarfien. Din id-dispożizzjoni ma tirrappreżentax devjazzjoni mill-ћtieġa miftiehma biex jittejjeb l-impatt fil-Programm. Fil-fatt, l-impatt jista’ jirreferi għal impatt xjentifiku, teknoloġiku, soċjo-ekonomiku jew ta’ tipi oħra. Fil-każ tal-ERC, l-enfasi hija fuq l-impatt xjentifiku, li huwa l-bażi għal bosta tipi oħra ta’ impatt, inkluż l-impatt soċjoekonomiku. L-ERC se jkompli jistabbilixxi l-ambizzjoni ċara u ta’ ispirazzjoni għax-xjenza Ewropea billi tinħoloq kompetizzjoni pan-Ewropea għall-ideat u t-talent.

L-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija 

L-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, primarjament permezz tal-Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni (KICs) tiegħu se jkollu l-għan li jsaħħaħ l-ekosistemi tal-innovazzjoni li jindirizzaw l-isfidi globali, billi tittrawwem l-integrazzjoni tan-negozju, ir-riċerka, l-edukazzjoni ogħla u l-intraprenditorija. Filwaqt li l-fokus tal-EIT fuq l-ekosistemi tal-innovazzjoni jagħmlu adatt b’mod naturali fil-pilastru tal-Innovazzjoni Miftuħa ta’ Orizzont Ewropa, in-natura tal-EIT li jirkeb fuq pilastri differenti taf twassal approċċ aktar immirat lejn l-isfidi globali enfasizzati fil-programm. Il-proposti għall-konformità futura tal-EIT KICs mar-Regolament tal-EIT se jiġu indikati fl-Aġenda tal-Innovazzjoni Strateġika tal-EIT (SIA) u se jqisu l-eżitu tal-proċess tal-ippjanar strateġiku u tal-prijoritajiet tal-pilastru tal-Isfidi Globali u l-Kompetittività Industrijali.

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC)

Filwaqt li ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka se jikkontribwixxi b’mod ġenerali għal partijiet oħra ta’ Orizzont Ewropa, il-JRC se jkollu rwol ta’ appoġġ qawwi fil-pilastru tal-Isfidi Globali u l-Kompetittività Industrijali. F’dan il-kuntest, hu se jkompli jipprovdi pariri xjentifiċi u appoġġ għall-politika tal-Unjoni matul iċ-ċiklu tal-politika.

2018/0224 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni fih u t-tixrid tiegħu

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 173(3), l-Artikolu 182(1), l-Artikolu 183 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 188 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 10 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 11 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja 12 ,

Billi:

(1)Huwa l-objettiv tal-Unjoni li ssaħħaħ il-bażijiet xjentifiċi u teknoloġiċi tagħha u tħeġġeġ il-kompetittività tagħha, inkluż fl-industrija tagħha, waqt li tippromwovi l-attivitajiet kollha ta’ riċerka u innovazzjoni biex jinkisbu prijoritajiet strateġiċi ta’ l-Unjoni, li fl-aħħar mill-aħħar għandhom l-għan li =jippromwovu l-paċi, il-valuri tal-Unjoni u l-benesseri tal-popli tagħha.

(2)Biex jitwassal l-impatt xjentifiku, ekonomiku u soċjali fl-ilħuq ta’ dan l-objettiv ġenerali, l-Unjoni għandha tinvesti fir-riċerka u l-innovazzjoni permezz ta’ Orizzont Ewropa - Programm ta’ Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni 20212027 (il-“Programm”) biex tappoġġa l-ħolqien u d-diffużjoni ta’ teknoloġiji u għarfien ta’ kwalità għolja, biex jissaħħaħ l-impatt tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-iżvilupp, l-appoġġ u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, biex tappoġġa l-użu ta’ soluzzjonijiet innovattivi fl-industrija u s-soċjetà ħalli tindirizza l-isfidi globali u tippromwovi l-kompetittività industrijali; biex tippromwovi l-forom kollha ta’ innovazzjoni, inkluża l-innovazzjoni rivoluzzjonarja, u ssaħħaħ l-iskjerament fis-suq tas-soluzzjonijiet innovattivi; u tottimizza t-twassil ta’ tali investiment imsaħħaħ għal aktar impatt fi ħdan iż-Żona Ewropea tar-Riċerka.

(3)Il-promozzjoni ta’ attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni meqjusa bħala meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni għandha tqis il-prinċipju ta’ innovazzjoni kif propost fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Mejju 2018 intitolata “Aġenda Ewropea għar-Riċerka u l-Innovazzjoni imġedda - l-opportunità tal-Ewropa li ssawwar il-ġejjieni tagħha” (COM(2018)306).

(4)Ix-Xjenza Miftuħa, Innovazzjoni Miftuħa, Miftuħin għad-Dinja jikkostitwixxu prinċipji ġenerali, li jenħtieġjiżguraw l-eċċellenza u l-impatt tal-investiment tal-Unjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni. Dawn għandhom jiġu osservati fl-implimentazzjoni tal-Programm, b’mod partikolari għall-ippjanar strateġiku fir-rigward tal-pilastru ‘Sfidi Globali u l-Kompetittività Industrijali”.

(5)Ix-xjenza miftuħa, inkluż l-aċċess miftuħ għal pubblikazzjonijiet xjentifiċi u d-data ta’ riċerka, għandha l-potenzjal li żżid il-kwalità, l-impatt u l-benefiċċji tax-xjenza u taċċellera l-avvanz tal-għarfien billi tagħmlu aktar affidabbli, aktar effiċjenti u preċiż, jinftiehem aħjar mis-soċjetà u li jwieġeb għall-isfidi tas-soċjetà. jenħtieġjiġu stabbiliti dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-benefiċjarji jipprovdu aċċess miftuħ għal pubblikazzjonijiet xjentifiċi vvalutati mill-pari, id-data tar-riċerka, u riżultati tar-riċerka b’mod miftuħ u nondiskriminatorju, bla ħlas u kmieni kemm jista’ jkun fil-proċess tat-tixrid, u li jippermettu l-użu u l-użu mill-ġdid l-aktar wiesa’ possibbli li jistgħu jagħtu. Aktar enfasi jenħtieġ li b’mod partikulari jingħata lill-ġestjoni responsabbli tad-data tar-riċerka, li jenħtieġ li tikkonforma mal-prinċipji FAIR ta’ ‘Traċċabilità’, ‘Aċċessibilità’, ‘Interoperabilità’ u ‘Riutilizzabilità’, notevolment permezz tal-integrazzjoni tal-Pjanijiet tal-Ġestjoni tad-Data. Fejn ikun xieraq, il-benefiċjarji għandhom jagħmlu użu mill-possibbiltajiet offruti mill-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa u jaderixxu ma’ aktar prinċipji u prattiki tax-xjenza miftuħa.

(6)Il-konċepiment u d-disinn tal-Programm jenħtieġiwieġeb għall-ħtieġa tal-istabbiliment ta’ massa kritika ta’ attivitajiet appoġġjati, fl-Unjoni kollha u permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali, skont l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs). L-implimentazzjoni tal-programm għandha ssaħħaħ l-isforzi għall-kisba ta’ dan l-għan.  

(7)L-attivitajiet appoġġati taħt dan il-Programm għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi u l-prijoritajiet tal-Unjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-progress kontra dawk l-għanijiet u l-prijoritajiet u għall-iżvilupp ta’ prijoritajiet ġodda jew riveduti.

(8)Il-Programm jenħtieġiżomm approċċ bilanċjat bejn l-investiment minn isfel għal fuq (xprunat mill-investigaturi jew l-innovaturi) u minn fuq għal isfel (determinat skont prijoritajiet definiti strateġikament), skont in-natura tal-komunitajiet ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni li huma involuti, it-tipi u l-iskop tal-attivitajiet imwettqa u l-impatti li huma mfittxija. It-taħlita ta’ dawn il-fatturi għandha tiddetermina l-għażla tal-approċċ għall-partijiet rispettivi tal-Programm, li lkoll jikkontribwixxu għall-għanijiet ġenerali u speċifiċi tal-Programm.

(9)L-attivitajiet ta’ riċerka mwettqa taħt il-pilastru "Xjenza Miftuħa" għandhom jiġu determinati skont il-ħtiġijiet u l-opportunitajiet tax-xjenza. L-aġenda tar-riċerka jenħtieġ li tiġi stabbilita f’kollegament mill-qrib mal-komunità xjentifika. Ir-riċerka jenħtieġ li tiġi ffinanzjata fuq il-bażi tal-eċċellenza.

(10)Il-pilastru “Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali” huwa stabbilit permezz ta’ clusters ta’ attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, li jimmassimizzaw l-integrazzjoni tal-oqsma ta’ ħidma rispettivi filwaqt li jiżguraw livelli għoljin u sostenibbli ta’ impatt fir-rigward tar-riżorsi li jintefqu. Dan se jinkoraġġixxi kollaborazzjoni transdixxiplinarja, transettorjali, transpolitika u transkonfinali fit-twettiq tal-SDGs tan-NU u l-kompetittività tal-industriji tal-Unjoni fihom.

(11)L-involviment sħiħ tal-industrija fil-Programm, fil-livelli kollha minn intraprendituri individwali u impriżi żgħar u ta’ daqs medju sa intrapriżi ta’ skala kbira, għandha tikkostitwixxi wieħed mill-mezzi ewlenin li permezz tagħhom jiġu realizzati l-għanijiet tal-Programm, b’mod speċifiku lejn il-ħolqien ta’ tkabbir u impjiegi sostenibbli. L-industrija jenħtieġli tikkontribwixxi perspettivi u prijoritajiet stabbiliti permezz tal-proċess ta’ ppjanar strateġiku li jenħtieġjappoġġja l-iżvilupp ta’ programmi ta’ ħidma. Dan l-impenn mill-industrija jenħtieġparteċipazzjoni fl-azzjonijiet appoġġati f’livelli mill-inqas paragunabbli ma’ dawk taħt il-qafas preċedenti tal-programm Orizzont 2020 stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 (“Orizzont 2020”).

(12)Huwa importanti li l-industrija tiġi appoġġjata biex tibqa’ jew issir mexxejja fid-dinja fl-innovazzjoni, id-diġitazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni, notevolment permezz tal-investimenti fit-teknoloġiji abilitanti ewlenin li se jsostnu n-negozju fil-ġejjieni. L-azzjonijiet tal-Programm għandhom jintużaw biex jindirizzaw sitwazzjonijiet ta’ falliment fis-swieq jew investiment subottimali, b’mod proporzjonat, bla ma jiġu ddupplikati jew imrassa ’l barra l-finanzjamenti privati u jkollhom valur miżjud Ewropew ċar. Dan se jiżgura l-konsistenza bejn l-azzjonijiet tal-programma u r-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-UE, biex jiġu evitati distorzjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

(13)Il-programm għandu jappoġġja r-riċerka u l-innovazzjoni b’mod integrat, filwaqt li jirrispetta d-dispożizzjonijiet rilevanti kollha tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Il-kunċett tar-riċerka, inkluż l-iżvilupp sperimentali jenħtieġjintuża skont il-Manwal ta’ Frascati żviluppat mill-OECD, filwaqt li l-kunċett tal-innovazzjoni jenħtieġjintuża skont il-Manwal ta’ Oslo żviluppat mill-OECD u mill-EUROSTAT, b’segwiment ta’ approċċ wiesa’ li jkopri l-innovazzjoni soċjali. Id-definizzjonijiet tal-OECD rigward it-Technological Readiness Level (TRL) jenħtieġli jkomplu, bħal fil-Programm Qafas Orizzont 2020 preċedenti, u għandhom jitqiesu fil-klassifikazzjoni tar-riċerka teknoloġika, l-iżvilupp tal-prodotti u l-attivitajiet ta’ dimostrazzjoni, u d-definizzjoni ta’ tipi ta’ azzjoni disponibbli f’sejħiet għal proposti. Fil-prinċipju, l-għotjiet ma għandhomx jingħataw għal azzjonijiet li fihom l-attivitajiet jaqbżu lil TRL 8. Il-programm ta’ ħidma għal sejħa partikolari taħt il-pilastru “Sfidi Globali u l-Kompetittività Industrijali” jista’ jippermetti għotjiet għal validazzjoni ta’ prodotti u replikazzjoni fis-suq fuq skala kbira.

(14)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni interim ta’ Orizzont 2020 (COM(2018) 2 final) pprovdiet sett ta’ rakkomandazzjonijiet għal dan il-Programm, inklużi r-Regoli għall-parteċipazzjoni u t-tixrid, li jibnu fuq il-lezzjonijiet meħuda mill-Programm preċedenti kif ukoll mill-kontribut tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet ikkonċernati. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu li jsir aktar investiment b’mod ambizzjuż sabiex jilħaq il-massa kritika u jiġi mmassimizzat l-impatt;  biex jingħata appoġġ lill-innovazzjoni rivoluzzjonarja; biex tingħata prijorità lill-investimenti tal-Unjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) f’oqsma ta’ valur miżjud għoli, notevolment permezz ta’ orjentazzjoni tal-missjonijiet, l-involviment taċ-ċittadini u komunikazzjoni wiesgħa; biex jiġi rrazzjonalizzat ix-xenarju tal-finanzjament tal-Unjoni, inkluż billi jiġu ssimplifikati l-firxa ta’ inizjattivi ta’ sħubija u l-iskemi ta’ kofinanzjament; l-iżvilupp ta’ aktar sinerġiji konkreti bejn strumenti differenti ta’ finanzjament mill-Unjoni, b’mod partikolari bil-għan li jgħinu biex jiġi mmobilizzat il-potenzjal mhux sfruttat biżżejjed tar-R&I madwar l-Unjoni; biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali u tissaħħaħ it-trasparenza għas-sehem ta’ pajjiżi terzi; u tkompli s-simplifikazzjoni bbażata fuq l-esperjenzi tal-implimentazzjoni minn Orizzont 2020.

(15)Il-programm għandu jfittex sinerġiji ma’ programmi oħrajn tal-Unjoni, mit-tfassil tagħhom u l-ippjanar strateġiku, sal-għażla, it-tmexxija, il-komunikazzjoni, it-tixrid u l-isfruttament tar-riżultati, il-monitoraġġ, l-awditjar u l-governanza tal-proġetti. Bil-ħsieb li jiġu evitati s-sovrapożizzjonijiet u d-dupplikazzjoni u jiżdied l-effett ta’ lieva tal-finanzjament tal-Unjoni, jistgħu jseħħu trasferimenti minn programmi oħrajn tal-Unjoni lejn attivitajiet ta’ Orizzont Ewropa. F’tali każijiet, dawn isegwu r-regoli ta’ Orizzont Ewropa.

(16)Bil-għan li jikseb l-ikbar impatt possibbli tal-finanzjament tal-Unjoni u l-iżjed kontribut effettiv lejn l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni, il-Programm għandu jidħol fi Sħubiji Ewropej ma’ msieħba tas-settur pubbliku u/jew privat. Dawn jinkludu l-industrija, l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka, korpi b’missjoni ta’ servizz pubbliku fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bħalma huma fondazzjonijiet li jappoġġaw u/jew iwettqu r-riċerka u l-innovazzjoni, sakemm l-impatti mixtieqa jistgħu jinkisbu b’mod aktar effettiv fi sħubija milli mill-Unjoni waħedha.

(17)Il-Programm jenħtieġisaħħaħ il-kooperazzojni bejn is-Sħubiji Ewropej u l-imsieħba mis-settur privat u/jew pubbliku fil-livell internazzjonali inkluż permezz tal-konġunzjoni ta'/ programmi tar-riċerka u innovazzjoni u investiment transkonfinali fir-riċerka u innovazzjoni li jġibu benefiċċji reċiproki lin-nies u n-negozji filwaqt li jiżguraw li l-UE tista’ tiddefendi l-interessi tagħha f’oqsma strateġiċi 14 .

(18)Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC) għandu jkompli jipprovdi lill-politiki tal-UE b’appoġġ indipendenti ta’ evidenza xjentifika u appoġġ tekniku matul iċ-ċiklu ta’ politika kollu. L-azzjonijiet diretti tal-JRC għandhom ikunu implimentati b'mod flessibbli, effiċjenti u trasparenti, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġiet rilevanti tal-utenti tal-JRC u l-ħtiġijiet tal-politiki tal-Unjoni, u billi tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-JRC għandu jkompli jiġġenera riżorsi addizzjonali 

(19)Il-pilastru “Innovazzjoni Miftuħa” għandu jistabbilixxi sensiela ta’ miżuri għal appoġġ integrat għall-ħtiġijiet tal-intraprendituri u l-intraprenditorija bl-għan tat-twettiq u t-tħaffif tal-innovazzjoni rivoluzzjonarja għat-tkabbir mgħaġġel tas-suq. Jenħtieġ li dan jattira kumpaniji innovattivi b’potenzjal ta’ espansjoni fuq livell internazzjonali kif ukoll fuq livell tal-Unjoni u joffri għotjiet veloċi, flessibbli u ta’ koinvestimenti, inkluż ma’ investituri privati. Dawn l-objettivi jenħtieġjiġu segwiti permezz tal-ħolqien ta’ Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC). Dan il-Pilastru jenħtieġjappoġġa wkoll l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u l-ekosistemi ta’ innovazzjoni Ewropea b’mod ġenerali, b’mod partikolari permezz ta’ kofinanzjament ta’ sħubiji ma’ atturi nazzjonali u reġjonali ta’ appoġġ għall-innovazzjoni.

(20)L-għanijiet tal-politika ta’ dan il-Programm se jiġu indirizzati wkoll permezz tal-instrumenti finanzjarji u garanzija baġitarja skont tieqa ta’ politika tal-Fond InvestEU. L-appoġġ finanzjarju jenħtieġjintuża biex jindirizza n-nuqqasijiet fis-suq u sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali, b’mod proporzjonali u l-azzjonijiet jenħtieġli ma jiddupplikawx jew irossu ’l barra l-finanzjament privat jew iservu ta’ distorzjoni għall-kompetizzjoni fis-Suq Intern. L-azzjonijiet jenħtieġikollhom valur miżjud Ewropew ċar.

(21)L-EIC permezz tal-istrumenti tiegħu – Pathfinder u Accelerator –jenħtieġ jimmira lejn l-identifikazzjoni, l-iżvilupp u l-iskjerament tas-suq tal-innovazzjonijiet u jappoġġa l-iżvilupp rapidu tagħhom biex javvanzaw lejn il-livelli tal-UE u internazzjonali. Permezz ta’ appoġġ koerenti u simplifikat għall-innovazzjoni rivoluzzjonarja, l-EIC għandha timla l-vojt attwali fl-appoġġ pubbliku u l-investiment privat għal innovazzjoni rivoluzzjonarja. L-istrumenti tal-EIC jappellaw għal elementi tal-ġestjoni u ġuridiċi apposta biex jirriflettu l-għanijiet speċifiċi tagħha, b’mod partikolari, l-attivitajiet ta’ skjerament tas-suq.    

(22)Permezz ta’ finanzjament imħallat mill-EIC, Accelerator mistenni jxejjen il-“wied tal-mewt” bejn ir-riċerka, il-prekummerċjalizzazzjoni tal-massa u t-tkabbir tal-kumpaniji. B’mod partikolari, Accelerator mistenni jipprovdi appoġġ lil operazzjonijiet li jippreżentaw tali riskji teknoloġiċi jew tas-suq li m’humiex ikkunsidrati bħala bankabbli u ma jkunux jistgħu jillevaw investimenti sinifikanti mis-suq, u b’hekk jikkumplimenta l-programm InvestEU stabbilit bir-Regolament … 15 ..

(23)L-EIT, primarjament permezz tal-Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni (KICs) tiegħu jenħtieġjimmira li jsaħħaħ l-ekosistemi tal-innovazzjoni li jindirizzaw l-isfidi globali, billi tittrawwem l-integrazzjoni tan-negozju, ir-riċerka, l-edukazzjoni ogħla u l-intraprenditorija. L-EIT jenħtieġ li jippromwovi l-innovazzjoni fl-attivitajiet tiegħu u jenħtieġ li jappoġġja l-integrazzjoni tal-edukazzjoni ogħla fl-ekosistema tal-innovazzjoni, b’mod partikulari billi: jistimula l-edukazzjoni imprenditorjali, jippromwovi kollaborazzjonijiet mhux dixxiplinari qawwija bejn l-industrija u l-komunità akkademika; u jidentifika kwalifiki prospettivi għall-innovaturi tal-futur biex jindirizzaw l-isfidi globali, li jinkludu kwalifiki diġitali avvanzati u ta’ innovazzjoni. L-iskemi ta’ appoġġ ipprovduti mill-IET jenħtieġli jibbenefikaw lill-benefiċjarji tal-EIC, filwaqt li negozji ġodda li ħerġin mill-KICs tal-EIT jenħtieġikollhom aċċess għall-azzjonijiet tal-EIC. Filwaqt li l-enfasi tal-EIT fuq l-ekosistemi tal-innovazzjoni mistennija jagħmluha b’mod naturali idoena fi ħdan il-pilastru “Innovazzjoni Miftuħa”, l-ippjanar tal-KICs tagħha għandhom ikunu allinjati permezz tal-proċess ta’ ppjanar strateġiku mal-pilastru “Sfidi Globali u l-Kompetittività Industrijali”.

(24)    L-iżgurar u ż-żamma ta’ kondizzjonijiet indaqs għal kumpaniji li jikkompetu f’suq partikolari hija rekwiżit ewlieni ħalli l-innovazzjoni rivoluzzjonarja u disruptiva jimxu ’l quddiem, u b’hekk b’mod partikolari l-innovaturi żgħar u ta’ daqs medju jaħsdu l-benefiċċji tal-investiment tagħhom u jieħdu sehem mis-suq.

(25)Il-programm għandu jippromwovi u jintegra l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali u inizjattivi bbażati fuq interess komuni, benefiċċju reċiproku u impenji globali għall-implimentazzjoni tal-SDGs tan-NU. Il-kooperazzjoni internazzjonali għandha timmira li ssaħħaħ l-eċċellenza fir-riċerka u l-innovazzjoni, l-attrazzjoni u l-kompetittività ekonomika u industrijali tal-Unjoni, biex jiġu indirizzati l-isfidi globali, kif inkorporati fl-SDGs tan-NU, u biex jingħata appoġġ għall-politiki esterni tal-Unjoni. jenħtieġli jiġi segwit approċċ ta’ ftuħ ġenerali għall-parteċipazzjoni internazzjonali u azzjonijiet ta’ kooperazzjoni internazzjonali mmirata, inkluż permezz ta’ eliġibbiltà xierqa għall-finanzjament ta’ entitajiet stabbiliti fil-pajjiżi bi dħul minn baxx sa medju. Fl-istess waqt, jenħtieġli tiġi promossa l-assoċjazzjoni ta’ pajjiżi terzi mal-Programm.

(26)Bil-għan li tiġi approfondita r-relazzjoni bejn ix-xjenza u s-soċjetà u jiġu mmassimizzati l-benefiċċji tal-interazzjonijiet tagħhom, Orizzont l-Ewropa jenħtieġli jimpenja u jinvolvi lilll-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini fit-tfassil u l-ħolqien konġunt ta’ aġendi u kontenut responsabbli mir-riċerka u l-innovazzjoni, jippromwovi l-edukazzjoni fix-xjenza, jagħmel l-għarfien xjentifiku aċċessibbli għall-pubbliku, u jiffaċilita l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-attivitajiet tiegħu. Huwa jenħtieġli jagħmel fil-Programm kollu u permezz ta’ attivitajiet apposta fil-parti “Tisħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka”. L-involviment taċ-ċittadini u tas-soċjetà ċivili fir-riċerka u l-innovazzjoni jenħtieġli jsir flimkien ma' attivitajiet ta’ komunikazzjoni mal-pubbliku li jiġġeneraw u jsostnu l-appoġġ pubbliku għall-Programm. Il-programm jenħtieġli jfittex ukoll li jneħħu l-ostakli u jagħti spinta lis-sinerġiji bejn ix-xjenza, it-teknoloġija, il-kultura u l-arti biex tinkiseb kwalità ġdida ta’ innovazzjoni sostenibbli.

(27)Skont l-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni huma intitolati għal miżuri speċifiċi (filwaqt li titqies is-sitwazzjoni strutturali, soċjali u ekonomika tagħhom) fir-rigward tal-aċċess għall-programmi orizzontali tal-Unjoni. Il-Programm jenħtieġ għaldaqstant li jqis il-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn ir-reġjuni f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ‘Sħubija strateġika aktar b'saħħitha u mġedda mar-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE’ (COM (2017) 623 final) kif approvata mill-Kunsill fit-12 ta’ April 2018.

(28)L-attivitajiet żviluppati taħt il-Programm jenħtieġli jimmiraw lejn l-eliminazzjoni tal-inugwaljanzi bejn is-sessi u jippromwovu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fir-riċerka u l-innovazzjoni, b’konformità mal-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 8 tat-TFUE. Id-dimensjoni tal-ġeneru jenħtieġ li tiġi integrata b’mod adegwat fil-kontenut tar-riċerka u l-innovazzjoni u segwita fl-istadji kollha taċ-ċiklu tar-riċerka.

(29)Fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet fis-settur tal-industrija tad-difiża, dispożizzjonijiet dettaljati għall-finanzjament tal-Unjoni għal proġetti ta’ riċerka tad-difiża għandhom jiġu stabbiliti fir-Regolament ... li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża 16 li jiddefinixxi r-regoli ta’ parteċipazzjoni fil-qasam tar-riċerka tad-difiża. L-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni mwettqa skont il-Fond Ewropew għad-Difiża għandhom ikunu ffokati esklussivament fuq applikazzjonijiet tad-difiża.

(30)Dan ir-Regolament jistipula l-envelopp finanzjarju għall-Programm. L-ammont indikat għall-programm speċifiku msemmi fl-Artkolu 1(3)(a) jikkostitwixxi l-ammont referenzjarju prim, fi ħdan is-sens tat-tifsira ta’ [referenza li trid tiġi aġġornata skont il-ftehim interistituzzjonali l-ġdid: tal-punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 17 ], għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

(31)Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru [ir-RF ġdid] (ir-‘Regolament Finanzjarju’) japplika għal dan il-Programm, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inklużi r-regoli dwar għotjiet, premjijiet, akkwist pubbliku, implimentazzjoni indiretta, assistenza finanzjarja, strumenti finanzjarji u garanziji baġitarji.

(32)Skont ir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 18 , ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2988/95 19 , ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 20 u r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939  21 , l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jenħtieġ li jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż il-prevenzjoni, id-detezzjoni, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet u ta’ frodi, l-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett u fejn hu adatt, l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi. B’mod partikolari, skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 u r-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista’ jwettaq investigazzjonijiet, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, bil-ħsieb li jistabbilixxi jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-UPPE) jista’ jinvestiga u jressaq każijiet ta’ frodi u reati kriminali oħrajn li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 22 . Skont ir-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess meħtieġa lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-UPPE u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

(33)Skont [ir-referenza se tiġi aġġornata kif adatt skont deċiżjoni ġdida dwar l-OCTs: L-Artikolu 94 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE 23 ], persuni u entitatijiet stabbiliti f’pajjiżi u territorji extra-Ewropej (OCTs) huma eliġibbli għal finanzjament soġġett għar-regoli u għall-għanijiet tal-Programm u għall-arranġamenti possibbli applikabbli għall-Istat Membru li magħhom il-pajjiż jew territorju extra-Ewropew rilevanti huwa marbut.

(34)Skont il-paragrafu 22 u 23 tal-ftehim Interistituzzjonali għat-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016, hemm il-ħtieġa li l-Programm jiġi evalwat fuq il-bażi ta’ informazzjoni miġbura permezz ta’ rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ, filwaqt li jiġu evitati r-regolamentazzjoni żejda u l-piżijiet amministrattivi, b’mod partikolari għall-Istati Membri. Dawn ir-rekwiżiti, fejn xieraq, jistgħu jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu, bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-Programm b’mod prattiku.

(35)Sabiex ikun possibbli li jiġu ssupplimentati jew emendati l-indikaturi tad-direzzjoni tal-impatt, fejn jitqies li huwa meħtieġ, is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni. Hu tassew importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell espert, u li dawn il-konsultazzjonijiet isiru b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(36)Il-koerenza u s-sinerġiji bejn Orizzont Ewropa u l-Programm Spazjali tal-UE se trawwem settur spazjali Ewropew kompetittiv globalment u innovattiv; it-tisħiħ tal-awtonomija tal-Ewropa fl-aċċess u fl-użu tal-ispazju f'ambjent mingħajr periklu u sikur; u jissaħħaħ ir-rwol tal-Ewropa bħala attur globali. Soluzzjonijiet rivoluzzjonarji f’Orizzont Ewropa se jkunu appoġġati minn data u servizzi disponibbli permezz tal-Programm Spazjali. 

(37)Ir-regoli għall-parteċipazzjoni u t-tixrid għandhom jirriflettu b’mod adegwat il-ħtiġijiet tal-Programm b’qies tat-tħassib imqajjem u r-rakkomandazzjonijiet magħmula minn diversi partijiet ikkonċernati.

(38)Ir-regoli komuni fil-Programm kollu jenħtieġli jiżguraw li jkun hemm qafas koerenti li jiffaċilita l-parteċipazzjoni fil-programmi appoġġati finanzjarjament mill-baġit tal-Programm, inkluż il-parteċipazzjoni fil-programmi ġestiti minn entitatjiet tal-finanzjament bħall-EIT, impriżi konġunti jew kwalunkwe struttura oħra taħt l-Artikolu 187 tat-TFUE, u parteċipazzjoni fi programmi mwettqa mill-Istati Membri skont l-Artikolu 185 tat-TFUE. Il-flessibbilità li jiġu adottati regoli speċifiċi jenħtieġli tiġi żgurata fejn ikun iġġustifikat.

(39)Azzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Programm għandhom jirrispettaw id-drittijiet fundamentali u josservaw il-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Azzjonijiet bħal dawn jenħtieġ li jkunu f’konformità ma’ kwalunkwe obbligu ġuridiku inkluż il-liġi internazzjonali u ma’ kwalunkwe deċiżjoni relevanti tal-Kummissjoni bħall-avviż tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Ġunju 2013 24 , kif ukoll mal-prinċipji etiċi, li jinkludu li jiġi evitat kwalunkwe ksur tal-integrità tar-riċerka. Fl-attivitajiet ta' riċerka għandu jittieħed kont tal-Artikolu 13 TFUE u għandu jitnaqqas l-użu tal-annimali fir-riċerka u l-ittestjar, bil-ħsieb li finalment l-użu tagħhom jiġi sostitwit.

(40)F’konformità mal-għanijiet tal-kooperazzjoni internazzjonali kif stabbiliti fl-Artikoli 180 u 186 tat-TFUE, il-parteċipazzjoni ta’ entitajiet legali stabbiliti f’pajjiżi terzi u ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali jenħtieġ li jiġi promoss. L-implimentazzjoni tal-Programm jenħtieġ li tkun f’konformità mal-miżuri adottati skont l-Artikoli 75 u 215 tat-TFUE u jenħtieġ li jkunu f’konformità mal-liġi internazzjonali. Għal azzjonijiet relatati mal-assi strateġiċi, l-interessi, is-sigurtà jew l-awtonomija tal-Unjoni, il-parteċipazzjoni f’azzjonjiet speċifiċi tal-Programm tista’ tkun limitata għal entitajiet stabbiliti fi Stati Membri biss, jew lil entitajiet stabbiliti f’pajjiżi assoċjati jew pajjiżi terzi oħra speċifikati flimkien mal-Istati Membri.

(41)Filwaqt li jirriflettu l-importanza tal-indirizzar tat-tibdil fil-klima skont l-impenji tal-Unjoni biex timplimenta l-Ftehim ta’ Pariġi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Programm se jikkontribwixxi biex jintegra azzjonijiet klimatiċi u għall-kisba ta’ mira ġenerali ta’ 25 % tan-nefqiet tal-baġit tal-UE li jappoġġaw l-objettivi tal-klima.

(42)Ir-regoli finanzjarji orizzontali li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw abbażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawn ir-regoli huma stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju u jistabbilixxu, b’mod partikolari, il-proċedura biex jiġi stabbilit il-baġit u biex dan jiġi implimentat permezz ta’ għotjiet, tal-akkwist, ta’ premjijiet u tal-implimentazzjoni indiretta, u jipprevedu verifiki tar-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE għandhom x’jaqsmu wkoll mal-ħarsien tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati b’rabta mal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, minħabba li r-rispett għall-istat tad-dritt huwa prerekwiżit essenzjali għal ġestjoni finanzjarja tajba u għal finanzjament effettiv min-naħa tal-UE.

(43)L-użu ta’ informazzjoni dwar tagħrif eżistenti sensittiv jew l-aċċess minn individwi mhux awtorizzati għal riżultati sensittivi jista’ jkollu effett ħażin fuq l-interessi tal-Unjoni jew ta’ wieħed jew aktar tal-Istati Membri. Għaldaqstant it-trattament ta’ data kunfidenzjali u informazzjoni klassifikata jenħtieġ li jkun irregolat mil-liġi tal-Unjoni, inklużi r-regoli interni tal-Istituzzjonijiet, bħad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444/KE, li tistabbilixxi d-dispożizzjonijiet dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE.

(44)Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet minimi għall-parteċipazzjoni, kemm bħala regola ġenerali fejn konsorzju għandu jkollu mill-inqas entità ġuridika waħda minn Stat Membru, u fir-rigward tal-ispeċifiċitajiet ta’ tip partikolari ta’ azzjonijiet taħt il-Programm.

(45)Huwa xieraq li jiġu stabbiliti t-termini u l-kondizzjonijiet sabiex jiġi pprovdut il-finanzjament tal-Unjoni lil parteċipanti f’azzjonijiet taħt il-Programm. L-għotjiet għandhom jiġu implimentati filwaqt li jitqiesu l-forom kollha ta’ kontribuzzjoni stabbilit fir-Regolament Finanzjarju, inklużi s-somom f’daqqa, il-finanzjamenti b’rata fissa jew il-kostijiet unitarji, bil-għan li sseħħ aktar simplifikazzjoni.

(46)Ir-rati ta’ finanzjament imsemmija f’dan ir-Regolament huma indikati bħala massimi sabiex ikun hemm konformità mal-prinċipju ta’ kofinanzjament.

(47)B’konformità mar-Regolament Finanzjarju, dan ir-Regolament jipprovdi l-bażi għal aċċettazzjoni usa’ tal-prattiki abitwali taż-żamma tal-kontijiet tal-ispiża tal-benefiċjarji fir-rigward tal-ispejjeż tal-persunal u spejjeż għal kull unità tal-oġġetti u s-servizzi fatturati internament.

(48)Is-sistema attwali ta’ rimborż tal-ispejjeż attwali tal-persunal se tiġi ssimplifikata aktar billi tibni fuq l-approċċ ta’ rimunerazzjoni bbażat fuq il-proġetti żviluppati taħt Orizzont 2020 u b’aktar allinjament mar-Regolament Finanzjarju.

(49)Il-Fond ta’ Garanzija tal-Parteċipanti mwaqqaf taħt Orizzont 2020 u ġestit mill-Kummissjoni wera li huwa mekkaniżmu ta’ salvagwardja importanti li jimmitiga r-riskji assoċjati mal-ammonti dovuti u mhux rimborżati minn parteċipanti inadempjenti. Għaldaqstant, il-Fond tal-Garanzija tal-Benefiċjarji, li ssejjaħ mill-ġdid il-Mekkaniżmu tal-Assikurazzjoni Reċiproka (“il-Mekkaniżmu) jenħtieġ ikompli u jitkabbar lejn entitajiet ta’ finanzjament oħrajn b’mod partikolari lejn inizjattivi skont l-Artikolu 185 tat-TFUE. Il-Mekkaniżmu jenħtieġ jinfetaħ għall-benefiċjarji ta’ kwalunkwe programm ieħor direttament ġestjonat mill-Unjoni.

(50)Regoli li jiggvernaw ir-riżultati tal-użu u d-disseminazzjoni jenħtieġ li jiġu stabbiliti biex jiġi żgurat li l-benefiċjarji jipproteġu, jużaw, jiddiseminaw u jagħtu aċċess għal dawk ir-riżultati kif ikun adatt. Aktar enfasi jenħtieġ li jingħata lill-użu tar-riżultati, b’mod partikulari fl-Unjoni. Il-benefiċjarji jenħtieġ jaġġornaw il-pjanijiet tagħhom dwar l-isfruttament u t-tixrid tar-riżultati tagħhom matul u wara t-tmiem tal-azzjoni.

(51)L-elementi ewlenin tas-sistema ta’ valutazzjoni u l-għażla tal-proposta tal-programm predeċessur Orizzont 2020 b’enfasi partikolari fuq l-eċċellenza jenħtieġ tinżamm. Il-proposti jenħtieġ ikomplu jintgħażlu fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni magħmula minn esperti indipendenti. Fejn rilevanti, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza ġenerali tal-portafoll ta’ proġetti jenħtieġ titqies.

(52)Firxa usa’ ta’ kontrodipendenza fuq l-awditi u l-valutazzjonijiet – inkluż ma’ programmi oħrajn tal-Unjoni – jenħtieġ tiġi prevista, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv minn fuq il-benefiċjarji ta’ fondi tal-Unjoni. Il-kontrodipendenza jenħtieġ tkun espliċitament prevista billi jiġu kkunsidrati wkoll elementi oħra ta’ assigurazzjoni bħal sistemi u proċessi ta’ awditjar.

(53)Sfidi speċifiċi fil-qasam tar-riċerka tal-innovazzjoni jenħtieġ li jiġu indirizzati bi premjijiet, inkluż permezz ta’ premjijiet komuni jew konġunti fejn hu adatt, organizzati mill-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament ma’ korpi oħra tal-Unjoni, pajjiżi terzi, organizzazzjonijiet internazzjonali jew entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ.

(54)It-tipi ta’ finanzjament u l-metodi ta’ implimentazzjoni skont dan ir-Regolament għandhom jintgħażlu abbażi tal-abbiltà tagħhom li jiksbu ċerti għanijiet tal-azzjonijiet u jwasslu għal riżultati, b’qies, b’mod partikolari, tal-kostijiet tal-kontrolli, il-piż amministrattiv, u r-riskju mistenni tan-nuqqas ta’ konformità. Għall-għotjiet ta' flus, dan għandu jinkludi konsiderazzjoni tal-użu ta' somom f'daqqa, rati fissi u skali ta' spejjeż unitarji.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi Orizzont Ewropa - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (il-“Programm”) u r-regoli għall-parteċipazzjoni u t-tixrid f’azzjonijiet indiretti taħt il-Programm.

2.Jistabbilixxi l-għanijiet tal-Programm, il-baġit għall-perjodu 20212027, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta’ dan it-tip ta’ finanzjament.

3.Il-programm għandu jiġi implimentat permezz ta’:

(a) il-programm speċifiku stabbilit bid-Deċiżjoni …/…/EU 25 , li tinkludi kontribuzzjoni finanzjarja lill-EIT;

(b)il-programm speċifiku dwar ir-riċerka fil-qasam tad-difiża, stabbilit bir-Regolament .../.../UE.

4.It-termini “Orizzont Ewropa”, “il-Programm” u “programm speċifiku” użati f’dan ir-Regolament jindirizzaw kwistjonijiet rilevanti biss għall-programm speċifiku deskritt fil-paragrafu 3(a), sakemm ma jkunx iddikjarat espliċitament mod ieħor.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)'infrastrutturi tar-riċerka' tfisser faċilitajiet li jipprovdu riżorsi u servizzi lill-komunitajiet tar-riċerka biex iwettqu r-riċerka u l-innovazzjoni fl-oqsma tagħhom. Din id-definizzjoni tinkludi r-riżorsi umani assoċjati, u tkopri tagħmir maġġuri jew settijiet ta’ strumenti. faċilitajiet irrellatati mal-għarfien bħall-kollezzjonijiet, arkivji jew infrastrutturi tad-data xjentifika; sistemi tal-informatika, netwerks tal-komunikazzjoni, u kwalunkwe infrastruttura oħra, ta’ natura unika u miftuħa għall-utenti esterni, essenzjali biex tinkiseb l-eċċellenza fir-riċerka u l-innovazzjoni. Fejn rilevanti, dawn jistgħu jintużaw lil hinn mir-riċerka, pereżempju għal servizzi edukattivi jew pubbliċi u dawn jistgħu ikunu “siti uniċi”, “virtwali” jew “distribwiti”;

(2)“strateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti” għandha l-istess tifsira bħal strateġija ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti kif definita fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 26 u tissodisfa l-kundizzjonijiet abilitanti stipulati fir-Regolament [Common Provisions Regulation];

(3)“Sħubija Ewropea” tfisser inizjattiva fejn l-Unjoni, flimkien mas-sħab privati u/jew pubbliċi (bħalma huma l-industrija, organizzazzjonijiet tar-riċerka, korpi b’missjoni ta’ servizz pubbliku fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali jew internazzjonali jew organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili inklużi fondazzjonijiet), jimpenjaw irwieħhom li jappoġġaw b’mod konġunt l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ programm ta’ attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, inklużi dawk relatati mal-adozzjoni ta’ politika, regolatorja u tas-suq;

(4)“aċċess miftuħ” tfisser il-prattika li jingħata aċċess online tar-riżultati tar-riċerka li jirriżultaw minn azzjonijiet iffinanzjati taħt il-Programm, partikolarment pubblikazzjonijiet xjentifiċi u data ta’ riċerka, mingħajr ħlas għall-utent finali;

(5)“missjoni” tfisser portafoll ta’ azzjonijiet maħsuba biex jinkiseb għan li jista’ jitkejjel fi ħdan qafas ta’ żmien stipulat, u l-impatt fuq ix-xjenza u t-teknoloġija u/jew is-soċjetà u ċ-ċittadini li ma jistgħux jinkisbu permezz ta’ azzjonijiet individwali;

(6)‘akkwist pubbliku prekummerċjali’ jfisser l-akkwist ta’ servizzi ta’ riċerka u żvilupp li jinvolvu l-kondiviżjoni tal-benefiċċji tar-riskji skont il-kundizzjonijiet tas-suq, u żvilupp kompetittiv f’fażijiet, fejn hemm separazzjoni ċara tas-servizzi tar-riċerka u l-iżvilupp akkwistati mill-iskjerar ta’ volumi kummerċjali ta’ prodotti aħħarin;

(7)‘akkwist pubbliku ta’ soluzzjonijiet innovattivi’ tfisser akkwist fejn l-awtoritajiet kontraenti jaġixxu bħala klijenti ta’ tnedija għal prodotti jew servizzi innovattivi li għalissa għad mhumiex disponibbli fuq bażi kummerċjali fuq skala kbira, u jistgħu jinkludu l-ittestjar tal-konformità.

(8)“drittijiet ta’ aċċess” tfisser drittijiet għall-użu tar-riżultati jew tagħrif eżistenti;

(9)“tagħrif eżistenti” tfisser kwalunkwe data, għarfien jew informazzjoni tkun xi tkun il-forma jew in-natura tagħha, tanġibbli jew intanġibbli, inkluż kwalunkwe dritt bħad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, li huwa: (i) miżmum mill-benefiċjarji qabel l-adeżjoni tagħhom mal-azzjoni; (ii) identifikat mill-benefiċjarji bil-miktub bħala meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-azzjoni jew għall-użu tar-riżultati tagħha;

(10)“disseminazzjoni” tfisser l-iżvelar pubbliku tar-riżultati permezz ta’ mezzi adatti (minbarra dawk li jirriżultaw mill-protezzjoni jew mill-użu tar-riżultati), inkluż permezz ta’ pubblikazzjonijiet xjentifiċi bi kwalunkwe mezz;

(11)“użu” jfisser l-użu tar-riżultati f'attivitajiet oħra ta' riċerka u innovazzjoni għajr dawk koperti mill-azzjoni kkonċernata, jew għall-iżvilupp, il-ħolqien, il-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni ta' prodott jew proċess, jew għall-ħolqien u l-għoti ta' servizz, jew f'attivitajiet ta' standardizzazzjoni;

(12)“kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli” tfisser kundizzjonijiet adatti, inklużi termini finanzjarji possibbli jew kundizzjonijiet mingħajr ħlas ta' drittjiet, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi tat-talba għal aċċess, pereżempju l-valur attwali jew potenzjali tar-riżultati jew tat-tagħrif eżistenti li jintalab l-aċċess għalih u/jew l-ambitu, it-tul ta' żmien jew kwalunkwe karatteristika oħra tal-użu previst;

(13)“korp ta’ finanzjament” tfisser korp jew awtorità, minbarra l-Kummissjoni, kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju, li lilhom il-Kummissjoni fdat il-kompiti tal-implimentazzjoni tal-baġit taħt il-Programm;

(14)“organizzazzjoni internazzjonali ta’ riċerka Ewropea” tfisser organizzazzjoni internazzjonali, li l-maġġoranza tal-membri tagħha huma Stati Membri jew pajjiżi assoċjati, u li l-għan ewlieni tagħha huwa li tippromwovi kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika fl-Ewropa;

(15)‘entità legali’ tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika maħluqa u rikonoxxuta bħala tali skont il-liġi nazzjonali, il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi internazzjonali, li għandha personalità ġuridika u li tista’, meta taġixxi f’isimha stess, teżerċita drittijiet u tkun soġġetta għal obbligi, jew entità mingħajr personalità ġuridika skont l-Artikolu 197(2)(c) tar- Regolament Finanzjarju;

(16)“entità legali mingħajr skop ta' qligħ” tfisser entità ġuridika li skont il-forma legali tagħha hija mingħajr skop ta' qligħ jew li għandha obbligu ġuridiku jew statutorju li ma tqassamx qligħ lil partijiet interessati jew il-membri individwali tagħha;

(17)“midcap” tfisser kumpanija li mhijiex intrapriża mikro, żgħira u ta' daqs medju (‘SME’) kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE 27 , u li għandha n-numru ta’ impjegati sa 3000 fejn l-għadd totali tal-persunal huwa kkalkulat skont l-Artikoli 3, 4, 5 u 6 tat-Titolu I tal-Anness ta’ dik ir-Rakkomandazzjoni; 

(18)“riżultati” tfisser kwalunkwe prodott tanġibbli jew intanġibbli tal-azzjoni, bħal data, għarfien jew informazzjoni, fi kwalunkwe forma jew natura, sew jekk jistgħu jiġu protetti kif ukoll jekk le, kif ukoll kwalunkwe dritt marbut magħhom, inklużi drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

(19)“siġill ta’ eċċellenza” tfisser tikketta ċertifikata li turi li proposta sottomessa għal sejħa għall-proposti qabżet il-limiti kollha stabbiliti fil-programm ta’ ħidma, imma ma setgħetx tiġi ffinanzjata minħabba nuqqas ta’ baġit disponibbli għal dik is-sejħa fil-programm ta’ ħidma;

(20) “programm ta’ ħidma” tfisser id-dokument adottat mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-programm speċifiku 28 skont l-Artikolu 12 tiegħu jew dokument ekwivalenti fil-kontenut u l-istruttura adottat minn korp ta' finanzjament.

(21)“avvanz rimborsabbli” tfisser il-parti ta’ finanzjament imħallat ta’ EIC jew Orizzont Ewropa li tikkorrisponi ma’ self skont it-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju, iżda li hija direttament mogħtija mill-Unjoni fuq bażi mingħajr skop ta’ qligħ biex tkopri l-ispejjeż ta’ attivitajiet li jikkorrispondu għal azzjoni ta’ innovazzjoni, u titqies li titħallas lura mill-benefiċjarju lill-Unjoni skont il-kondizzjonijiet stipulati fil-kuntratt;

(22)“kuntratt” tfisser ftehim konkluż bejn il-Kummissjoni jew korp ta’ finanzjament ma’ entità ġuridika li timplimenta l-innovazzjoni u t-twassil fis-suq ta’ azzjoni u li tkun appoġġata minn finanzjament imħallat ta’ EIC jew Orizzont Ewropa.

(23)“informazzjoni klassifikata” tfisser informazzjoni klassifikata tal-UE kif definita fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444, kif ukoll informazzjoni klassifikata tal-Istati Membri, informazzjoni klassifikata ta’ pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni għandha ftehim ta’ sigurtà u informazzjoni klassifikata ta’ organizzazzjoni internazzjonali li magħha l-Unjoni għandha ftehim ta’ garanzija;

(24)“Operazzjoni ta’ taħlit” tfisser azzjoni appoġġata mill-baġit tal-UE, inkluż fi ħdan faċilitajiet ta’ taħlit skont l-Artikolu 2(6) tar-Regolament Finanzjarju, li tikkombina forom mhux ripagabbli ta’ appoġġ u/jew strumenti finanzjarji mill-baġit tal-UE b’forom ripagabbli ta’ appoġġ minn istituzzjonijiet tal-iżvilupp jew istituzzjonijiet oħrajn ta’ finanzjament pubbliku, kif ukoll minn istitutzzjonijiet finanzjarji u investituri kummerċjali.

(25) “Finanzjament imħallat ta’ EIC jew Orizzont Ewropa” tfisser appoġġ finanzjarju uniku lil azzjoni tal-iskjerar tas-suq u l-innovazzjoni, li jikkonsisti f’kombinazzjoni speċifika ta’ għotja jew avvanz rimborsabbli b’investiment f’ekwità.

Artikolu 3

Għanijiet tal-programm

1.L-għan ġenerali tal-Programm huwa li jwassal l-impatt xjentifiku, ekonomiku u soċjetali tal-investimenti tal-Unjoni fir-riċerka u l-innovazzjoni u li jsaħħaħ il-bażi xjentifika u teknoloġika tal-Unjoni u jrawwem il-kompetittività tagħha, inkluż fl-industrija tagħha, iwettaq il-prijoritajiet strateġiċi tal-Unjoni, u jikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-isfidi globali, inklużi l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli.

2.Il-Programm għandu l-għanijiet speċifiċi li ġejjin:

(a)    appoġġ għall-ħolqien u t-tixrid ta’ għarfien, ħiliet, teknoloġiji u soluzzjonijiet għall-isfidi globali ġodda u ta’ kwalità għolja.

(b)tisħiħ tal-impatt tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-iżvilupp, l-appoġġ u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, u jappoġġa l-użu ta’ soluzzjonijiet innovattivi fl-industrija u s-soċjetà biex dawn jindirizzaw l-isfidi globali;

(c)    trawwim tal-forom kollha ta’ innovazzjoni, inkluża l-innovazzjoni rivoluzzjonarja, u ssaħħaħ l-iskjerament fis-suq tas-soluzzjonijiet innovattivi;

(d)    ottimizzar tat-twassil tal-Programm għal aktar impatt fi ħdan iż-Żona Ewropea tar-Riċerka msaħħa.

Artikolu 4

Struttura tal-Programm

1.Il-programm huwa maqsum fil-partijiet li ġejjin li jikkontribwixxu għall-għanijiet ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3:

(1)Pilastru I “Xjenza Miftuħa”, li jfittex li jikseb l-għan speċifiku stipulat fl-Artikolu 3(2)(a) u wkoll jappoġġa l-għanijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3(2)(b) u (c), bil-komponenti li ġejjin:

(a)il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC);

(b)l-Azzjonijiet Marie-Skłodowska Curie (MSCA);

(c)infrastrutturi tar-riċerka.

(2)Pilastru II “Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali”, li jfittex li jikseb l-għan speċifiku stipulat fl-Artikolu 3(2)(b) u wkoll jappoġġa l-għanijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3(2)(a) u (c), bil-komponenti li ġejjin:

(a)cluster “Saħħa”;

(b)cluster “Soċjetajiet Inklużivi u Soċjetà Sigura”;

(c)cluster “Diġitali u Indusrija”;

(d)cluster “Klima, Enerġija u Mobbiltà”;

(e)cluster “Ikel u Riżorsi Naturali”;

(f)azzjonijiet diretti mhux nukleari taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka (JRC).

(3)Pilastru III “Innovazzjoni Miftuħa”, li jfittex li jikseb l-għan speċifiku stipulat fl-Artikolu 3(2)(c) u wkoll jappoġġa l-għanijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3(2)(a) u (b), bil-komponenti li ġejjin:

(a)il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC);

(b)l-ekosistemi tal-innovazzjoni Ewropea;

(c)l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT).

(4)Parti “Tisħiħ taż-Żona tar-Riċerka Ewropea”, li tfittex li tikseb l-għan speċifiku stipulat fl-Artikolu 3(2)(b) u wkoll tappoġġa l-għanijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3(2)(a), (b) u (c), bil-komponenti li ġejjin:

(a)il-kondiviżjoni tal-eċċellenza;

(b)ir-riforma u t-titjib tas-Sistema Ewropea tar-R&I.

2.Il-linji prinċipali tal-attivitajiet huma stabbiliti fl-Anness I.

Artikolu 5

Riċerka għad-difiża

1.L-attivitajiet li għandhom jiġu mwettqa taħt il-programm speċifiku msemmi fl-Artikolu 1(3)(b) u li huma stabbiliti fir-Regolament .... li jistabbilixxi Fond Ewropew għad-Difiża, għandhom ikunu riċerka b’fokus esklussiv fuq applikazzjonijiet tad-difiża, bil-għan li tħeġġeġ il-kompetittività, l-effiċjenza u l-innovazzjoni tal-industrija tad-difiża.

2.Dan ir-Regolament ma japplikax għall-programm speċifiku msemmi fl-Artikolu 1(3)(b), bl-eċċezzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 1(1) u (3) u l-Artikolu 9(1).

Artikolu 6

Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament mill-UE

1.Il-Programm għandu jiġi implimentat b'ġestjoni diretta skont ir-Regolament Finanzjarju jew b'ġestjoni indiretta mal-korpi ta’ finanzjament imsemmija fl-Artikolu 62(1)(c) tar-Regolament Finanzjarju.

2.Il-Programm jista’ jipprovdi fondi għal azzjonijiet indiretti fi kwalunkwe waħda mill-forom stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, b’mod partikolari għotjiet (inklużi għotjiet operattivi), premjijiet u akkwisti. Jista’ wkoll jipprovdi finanzjament fil-forma ta’ strumenti finanzjarji fi ħdan operazzjonijiet ta’ taħlit.

3.Ir-regoli għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-azzjonijiet indiretti.

4.It-tipi ewlenin ta’ azzjoni li jridu jintużaw skont il-Programma huma stipulati u definiti fl-Anness II. Il-forom kollha tal-fondi għandhom jintużaw b'mod flessibbli fl-għanijiet kollha tal-Programm bl-użu tagħhom jiġi ddeterminat abbażi tal-ħtiġijiet u l-karatteristiċi tal-għanjiet partikolari.

5.Il-Programm għandu jappoġġja wkoll azzjonijiet diretti mwettqa mill-JRC. Meta dawk l-azzjonijiet jikkontribwixxu għal inizjattivi stabbiliti skont l-Artikolu 185 jew l-Artikolu 187 tat-TFUE, din il-kontribuzzjoni ma għandhiex titqies bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja allokata lil dawk l-inizjattivi.

6.L-implimentazzjoni tal-programm speċifiku 29 għandha tkun ibbażata fuq ippjanar pluriennali strateġiku u trasparenti ta’ attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, b’mod partikolari fil-każ tal-pilastru “Sfidi Globali u l-Kompetittività Industrijali”, wara konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati dwar il-prijoritajiet u t-tipi ta’ azzjoni xierqa u l-forom ta’ implimentazzjoni li jridu jintużaw. Dan għandu jiżgura allinjament ma’ programmi oħra rilevanti tal-Unjoni.

7.L-attivitajiet ta’ Orizzont Ewropa għandhom primarjament jitwettqu permezz ta’ sejħiet għal proposti, uħud minnhom organizzati bħala parti minn missjonijiet u Sħubijiet Ewropej.

8.L-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni mwettqa taħt Orizzont Ewropa għandhom ikunu ffokati fuq applikazzjonijiet ċivili.

9.Il-Programm għandu jiżgura l-promozzjoni effettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-dimensjoni tas-sessi fil-kontenut tar-riċerka u l-innovazzjoni. Attenzjoni partikolari għandha tingħata lill-iżgurar tal-bilanċ bejn is-sessi, soġġett għas-sitwazzjoni fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni kkonċernat, fil-panels ta' evalwazzjoni u fil-korpi bħalma huma l-gruppi esperti.

Artikolu 7

Missjonijiet

1.Il-missjonijiet għandhom ikunu pprogrammati fi ħdan il-pilastru ‘Sfidi Globali u l-Kompetittività Industrijali”, iżda jistgħu jibbenefikaw ukoll minn azzjonijiet imwettqa f’partijiet oħra tal-Programm.

2.Il-missjonijiet għandhom jiġu implimentati skont l-Artikolu 5 tal-Programm Speċifiku. Il-valutazzjoni għandha ssir skont l-Artikolu 26.

3.Il-missjonijiet għandhom:

(a)ikollhom valur miżjud tal-UE ċar u jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-prijoritajiet tal-Ewropa;

(b)ikunu kuraġġużi u ta’ ispirazzjoni, u allura jkollhom rilevanza soċjali jew ekonomika;

(c)jindikaw direzzjoni ċara u jkollhom miri, li jistgħu jitkejlu u marbutin biż-żmien;

(d)ikunu ċċentrati fuq attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni ambizzjużi imma realistiċi;

(e)iħeġġu l-attività madwar id-dixxiplini, is-setturi u l-atturi;

(f)ikunu miftuħa għal soluzzjonijiet multipli, minn isfel għal fuq.

Artikolu 8

Sħubijiet Ewropej

1.Partijiet minn Orizzont Ewropa jistgħu jitwettqu permezz ta’ Sħubijiet Ewropej. L-involviment tal-Unjoni fis-Sħubijiet Ewropej jista’ jkollu kwalunkwe wieħed mill-forom li ġejjin:

(a)il-parteċipazzjoni fi sħubiji stabbiliti fuq il-bażi ta’ memoranda ta’ ftehim u/jew arranġamenti kuntrattwali bejn il-Kummissjoni u l-imsieħba msemmija fl-Artikolu 2(3), li jispeċifikaw l-objettivi tas-sħubija, l-impenji finanzjarji relatati u/jew il-kontribuzzjonijiet in natura tal-imsieħba, l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u l-indikaturi tal-impatt, u l-outputs li jridu jirriżultaw. Dawn jinkludu l-identifikazzjoni ta’ attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni li huma implimentati mill-imsieħba u mill-Programm (Sħubijiet Ewropej Koprogrammati);

(b)il-parteċipazzjoni fi u kontribut finanzjarju għal programm ta’ attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, ibbażat fuq l-impenn ta’ l-imsieħba għal kontribuzzjonijiet u in natura u l-integrazzjoni ta’ l-attivitajiet rilevanti tagħhom bl-użu ta’ Azzjoni kofinanzjata tal-programm (Sħubijiet Ikkofinanzjati Ewropej);

(c)il-parteċipazzjoni fi u kontribut finanzjarju għal programmi ta’ riċerka u innovazzjoni mwettqa minn diversi Stati Membri b’konformità mal-Artikolu 185 tat-TFUE, jew minn korpi stabbiliti skont l-Artikolu 187 TFUE, bħalma huma l-Impriżi Konġunti, jew mill-Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni tal-EIT b’konformità mar-[Regolament EIT] (Kooperazzjoni Istituzzjonalizzata Ewropea), li għandha tiġi implimentata biss fejn forom oħra ta’ Sħubijiet Ewropej ma tkunx se tikseb l-objettivi jew ma tiġġenerax l-impatti meħtieġa mistennija, u jekk ikun iġġustifikat minn perspettiva fit-tul u grad għoli ta’ integrazzjoni, inkluż il-ġestjoni ċentrali tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kollha.

2.Is-Sħubijiet Ewropej għandhom:

(a)Jiġu stabbiliti f’każijiet fejn jiksbu b’mod aktar effettiv l-objettivi ta’ Orizzont Ewropa milli kieku l-Unjoni waħedha;

(b)Jaderixxu mal-prinċipji tal-valur miżjud tal-Unjoni, it-trasparenza, il-ftuħ, l-impatt, l-effett ta’ lieva, l-impenn finanzjarju fit-tul tal-partijiet kollha involuti, il-flessibbiltà, il-koerenza u l-komplementarjetà ma’ inizjattivi fil-livell tal-UE, nazzjonali u reġjonali;

(c)Ikunu limitati fiż-żmien u jinkludu l-kondizzjonijiet għat-tneħħija gradwali tal-fondi mill-Programm.

Id-dispożizzjonijiet u l-kriterji għall-għażla, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u t-tneħħija gradwali tagħhom huma stabbiliti fl-Anness III.

Artikolu 9

Baġit

1.L-envelopp finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Qafas għall-perjodu 2020-2027 għandu jkun ta’ EUR 94 100 000 000 fi prezzijiet attwali għall-programmi speċifiċi msemmija fl-Artikolu 1(3)(a) u, barra minn hekk, l-ammont għall-programm speċifiku msemmi fl-Artikolu 1(3)(b), kif stabbilit bir-Regolament.... li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża.

2.Id-distribuzzjoni indikattiva tal-ammont imsemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel nofs sentenza, għandha tkun:

(a)EUR 25 800 000 000 għall-Pilastru I “Xjenza Miftuħa” għall-perjodu 2021-2027, li minnhom

(1) EUR 16 600 000 000 għall-Kunsill Ewropew tar-Riċerka;

(2)EUR 6 800 000 000 għall-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie;

(3)EUR 2 400 000 000 għall-infrastruttura ta' riċerka

(b)EUR 52 700 000 000 għall-Pilastru II “Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali” għall-perjodu 2021-2027, li minnhom

(1)EUR 7 700 000 000 għall-cluster “Saħħa”;

(2)EUR 2 800 000 000 għall-cluster “Soċjetà Inklużiva u Sigura”;

(3)EUR 15 000 000 000 għall-cluster “Diġitali u Industrija”;

(4)EUR 15 000 000 000 għall-cluster “Klima, Enerġija u Mobbiltà”;

(5)EUR 10 000 000 000 għall-cluster “Ikel u Riżorsi Naturali”;

(6)EUR 2 200 000 000 għall-azzjonijiet diretti mhux nukleari taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC);

(c)EUR 13 500 000 000 għall-Pilastru III “Innovazzjoni Miftuħa” għall-perjodu 2021-2027, li minnhom

(1)EUR 10 500 000 000 għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni inklużi sa EUR 500 000 000 għall-Ekosistemi Ewropej tal-Innovazzjoni;

(2)EUR 3 000 000 000 għall-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t- Teknoloġija (EIT);

(d)EUR 2 100 000 000 għall-Parti “Tisħiħ taż-Żona tar-Riċerka Ewropea” għall-perjodu 2021-2027, li minnhom

(1)EUR 1 700 000 000 għal “kondiviżjoni tal-eċċellenza”;

(2) EUR 400 000 000 għal “riforma u tisħiħ tas-Sistema Ewropea tar-R&I”.

3.Sabiex twieġeb għal sitwazzjonijiet mhux previsti jew żviluppi u ħtiġijiet ġodda, il-Kummissjoni tista’, bil-proċedura baġitarja annwali, tvarja mill-ammonti msemmija fil-paragrafu 2 sa massimu ta’ 10%. L-ebda tali varjazzjoni ma għandha titħalla fir-rigward tal-ammonti msemmija fil-punti (b) (6) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u l-amount totali stipulat għall-Parti “Tisħiħ taż-Żona tar-Riċerka Ewropea” tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

4.L-ammont imsemmi fil-paragrafu 1, l-ewwel nofs sentenza, jista’ jkopri wkoll spejjeż ta’ preparazzjoni, ta’ monitoraġġ, kontroll, awditjar, evalwazzjoni u attivitajiet oħra u spejjeż meħtieġa għall-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-Programm, inkluż l-infiq amministrattiv kollu, kif ukoll l-evalwazzjoni tal-ksib tal-għanijiet tiegħu. Dan jista' barra minn hekk ikopri spejjeż relatati mal-azzjonijiet ta’ studji, laqgħat ta’ esperti, informazzjoni u komunikazzjoni meħtieġa sa fejn dawn ikunu relatati mal-għanijiet tal-Programm, kif ukoll in-nefqiet marbuta man-netwerks tat-teknoloġija tal-informazzjoni li jiffokaw fuq l-ipproċessar u l-iskambju ta’ informazzjoni, inkluż għodod tat-teknoloġija tal-informazzjoni korporattiva u assistenza oħra teknika u amministrattiva meħtieġa marbuta mal-ġestjoni tal-Programm.

5.Jekk meħtieġ, l-approprjazzjonijiet jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mill-2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fil-paragrafu 4, sabiex jippermettu l-ġestjoni ta' azzjonijiet mhux kompletati sal-31 ta’ Diċembru 2027.

6.L-impenji baġitarji għal azzjonijiet li jkunu ta’ aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jinqasmu fuq diversi snin fi ħlasijiet parzjali annwali.

7.Mingħajr preġudizzju għar-Regolament Finanzjarju, in-nefqa għall-azzjonijiet li jirriżultaw minn proġetti inklużi fl-ewwel programm ta’ ħidma tista’ tkun eliġibbli mill-1 ta’ Jannar 2021.

8.Ir-riżorsi allokati lill-Istati Membri skont il-ġestjoni kondiviża u trasferibbli skont l-Artikolu 21 tar-Regolament (UE) XX [... Ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni] jistgħu, fuq talba tagħhom, jiġu trasferiti fil-Programm. Il-Kummissjoni għandha timplimenta dawn ir-riżorsi direttament skont il-punt (a) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju jew indirettament skont il-punt (c) ta’ dak l-Artikolu. Meta jkun possibbli, dawn ir-riżorsi għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istati Membru kkonċernat.

9.Orizzont Ewropa tfassal biex jiġi implimentat f’sinerġija ma’ programmi ta’ finanzjament tal-Unjoni oħrajn. Lista mhux eżawrjenti ta’ tali sinerġiji ma’ programmi ta’ finanzjament oħra tal-Unjoni hija inkluża fl-Anness IV.

Artikolu 10

Aċċess miftuħ u data miftuħa

1.Aċċess miftuħ għal pubblikazzjonijiet xjentifiċi li jirriżultaw minn riċerka ffinanzjata taħt il-Programm għandu jkun żgurat b’konformità mal-Artikolu 35(3). L-aċċess miftuħ għad-data tar-riċerka għandu jkun żgurat f’konformità mal-prinċipju ‘miftuħ kemm jista’ jkun, magħluq kemm hu meħtieġ’. L-aċċess miftuħ għal prodotti oħra tar-riċerka għandu jkun inkoraġġit.

2.Ġestjoni responsabbli tad-data tar-riċerka għandha tkun żgurata f’konformità mal-prinċipji ‘Traċċabilità’, ‘Aċċessibilità’, ‘Interoperabilità’ u ‘Riutilizzabilità’ (FAIR).

3.Ix-xjenza miftuħa tiġi prattikata lil hinn mill-aċċess miftuħ għar-riżultati tar-riċerka u l-ġestjoni responsabbli tad-data tar-riċerka għandha tiġi promossa.

Artikolu 11

Finanzjament kumplimentari u kkombinat

L-azzjonijiet li jingħataw ċertifikazzjoni b’Siġill ta' Eċċellenza, jew li jkunu konformi mal-kundizzjonijiet kumulattivi u paragunabbli li ġejjin:

(a)ġew evalwati f’sejħa għall-prosposti skont il-Programm;

(b)jikkonformu mar-rekwiżiti minimi tal-kwalità ta’ dik is-sejħa għall-proposti;

(c)ma jistgħux jiġu ffinanzjati skont dik is-sejħa għall-proposti minħabba ristrezzjonijiet baġitarji,

ma jistgħux jirċievu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Soċjali Ewropew+ jew il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, skont il-paragrafu 5 tal-Artikolu [67] tar-Regolament (UE) XX [ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni] u l-Artikolu [8] jew ir-Regolament (UE) XX [Finanzjament, ġestjoni u monitoraġġ tal-Politika Agrikola Komuni], sakemm it-tali azzjonijiet ikunu konsistenti mal-għanijiet tal-programm ikkonċernat. Għandhom japplikaw ir-regoli tal-Fond li jipprovdi appoġġ.

Artikolu 12

Pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm

1.Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-assoċjazzjoni tal-pajjiżi terzi li ġejjin:

(a)Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim ŻEE;

(b)pajjiżi ta' adeżjoni, pajjiżi kandidati u kandidati potenzjali, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, jew arranġamenti simili, u skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

(c)pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, skont il-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta' dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas rispettivi u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni, jew arranġamenti simili, u skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

(d)it-territorji u l-pajjiżi terzi li jissodisfaw l-kriterji kollha li ġejjin:

i.kapaċità tajba fix-xjenza, it-teknoloġija u l-innovazzjoni;

ii.impenn fir-rigward ta’ ekonomija tas-suq miftuħa u bbażata fuq ir-regoli, inkluż trattament ġust u ekwu tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, bl-appoġġ ta’ istituzzjonijiet demokratiċi;

iii.promozzjoni attiva ta’ politiki li jtejbu l-benessri ekonomiku u soċjali taċ-ċittadini.

L-assoċjazzjoni mal-Programm ta’ kull wieħed mill-pajjiżi terzi skont il-punt (d) għandha tkun skont il-kundizzjonijiet stipulati fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni ta’ pajjiż terz fi kwalunkwe programm tal-Unjoni, sakemm dak il-ftehim:

jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tal-pajjiż terz li jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni;

jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-programmi, inkluż il-kalkolu ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali u l-ispejjeż amministrattivi tagħhom. Dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat b’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.

ma jagħtix lill-pajjiż terz is-setgħa ta’ deċiżjoni dwar il-programm;

jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni li tiżgura ġestjoni finanzjarja soda u tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha.

2.L-iskop ta’ assoċjazzjoni ta’ kull pajjiż terz ma’ dan il-Programm għandu jqis l-għan li jiġi xprunat it-tkabbir ekonomiku fl-Unjoni permezz tal-innovazzjoni. Għaldaqstant, bl-eċċezzjoni tal-membri taż-ŻEE, il-pajjiżi aderenti, il-pajjiżi kandidati u l-kandidati potenzjali, xi partijiet tal-Programm jistgħu jiġu esklużi minn ftehim ta’ assoċjazzjoni ma’ xi pajjiż speċifiku.

3.Il-Ftehim ta’ assoċjazzjoni għandu, fejn xieraq, jipprevedi l-parteċipazzjoni ta’ entitajiet ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni fi programmi ekwivalenti tal-pajjiżi assoċjati b’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fih.

4.Il-kundizzjonijiet li jiddeterminaw il-livell ta’ kontribuzzjoni finanzjarja għandhom jiżguraw korrezzjoni awtomatika ta’ kwalunkwe żbilanċ sinifikanti meta mqabbla mal-ammont li entitajiet stabbiliti f’pajjiż assoċjat jirċievu permezz tal-parteċipazzjoni fil-Programm, b’kunsiderazzjoni tal-ispejjeż fil-ġestjoni, l-eżekuzzjoni u l-operat tal-Programm.

TITOLU II

REGOLI GĦAL PARTEĊIPAZZJONI U DISSEMINAZZJONI

KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 13

Il-korpi ta’ finanzjament u azzjonijiet diretti tal-JRC

1.Il-korpi ta’ finanzjament jistgħu jitbiegħdu mir-regoli stabbiliti f’dan it-Titolu biss jekk dan ikun previst fl-att bażiku li jistabbilixxi l-korp ta’ finanzjament jew fil-kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja tiegħu jew, fil-każ ta’ korpi ta’ finanzjament skont l-Artikolu 62(1)(c)(ii), (iii) jew (v) tar-Regolament Finanzjarju, jekk huwa previst fil-ftehim ta’ kontribuzzjoni u l-ħtiġiet speċifiċi operattivi tagħhom jew jekk in-natura tal-azzjoni tirrikjedi hekk.

2.Ir-regoli stabbiliti f’dan it-Titolu ma għandhomx japplikaw għal azzjonijiet diretti mwettqa mill-JRC.

Artikolu 14

Azzjonijiet eliġibbli

1.Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi minn 2 sa 3 ta’ dan l-Artikolu, huma biss l-azzjonijiet li jimplimentaw l-objettivi msemmija fl-Artikolu 3 li għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament.

L-oqsma ta’ riċerka li ġejjin ma għandhomx jiġu ffinanzjati:

(a)attivitajiet immirati lejn il-klonazzjoni umana għal skopijiet riproduttivi;

(b)attivitajiet maħsuba biex jimmodifikaw il-wirt ġenetiku tal-bnedmin, li jistgħu jwasslu biex tibdiliet bħal dawn isiru ereditarji 30 ;

(c)attivitajiet intenzjonati li joħolqu embrijuni umani għall-iskop ta’ riċerka jew għall-iskop ta’ akkwist taċ-ċelloli staminali biss, inkluż b’mezzi ta’ trasferiment tan-nuklei taċ-ċelloli somatiċi.

2.Ir-riċerka fuq iċ-ċelloli staminali umani, kemm adulti kif ukoll tal-embrijuni, tista’ tiġi ffinanzjata, iżda din tiddependi kemm fuq il-kontenut tal-proposta xjentifika kif ukoll fuq il-qafas legali tal-Istati Membri involuti. Ma għandux jingħata finanzjament għal attivitajiet tar-riċerka li huma projbiti fl-Istati Membri kollha. L-ebda attività ma għandha tingħata finanzjament fi Stat Membru fejn tali attività hija projbita.

3.L-oqsma tar-riċerka li jinsabu fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu riveduti fi ħdan il-kuntest tal-evalwazzjoni interim imsemmija fl-Artikolu 47(2) fid-dawl tal-avvanzi xjentifiċi.

Artikolu 15

Etika

1.L-azzjonijiet imwettqa taħt il-Programm għandhom ikunu konformi mal-prinċipji etiċi u l-leġislazzjoni rilevanti nazzjonali, tal-Unjoni u internazzjonali, inkluż il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokolli Supplimentari tagħha.

Attenzjoni partikulari għandha tingħata lill-prinċipju tal-proporzjonalità, id-dritt għall-privatezza, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għall-integrità fiżika u mentali ta’ persuna, id-dritt għan-nondiskriminazzjoni u l-ħtieġa li jiġu żgurati livelli għoljin ta’ protezzjoni tas-saħħa umana.

2.Entitajiet li jipparteċipaw fl-azzjoni għandhom jipprovdu:

(a)awtovalutazzjoni ta’ etika li tidentifika u tagħti d-dettalji prevedibbli kollha relatati ma’ kwistjonijiet etiċi b'rabta mal-objettiv, l-implimentazzjoni u l-impatt probabbli tal-attivitajiet li se jiġu ffinanzjati, inkluż konferma ta’ konformità mal-paragrafu 1, u deskrizzjoni ta’ kif din se tiġi żgurata;

(b)konferma li l-attivitajiet se jikkonformaw mal-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropea għall-Integrità tar-Riċerka ppubblikata mill-Akkademji Ewropej kollha u li l-ebda attività eskluża mill-finanzjament ma tkun se titwettaq;

(c)     Fil-każ ta' attivitajiet imwettqa barra mill-Unjoni, konferma li l-istess attivitajiet kieku kienu jitħallew jitwettqu f’xi Stat Membru; u

(d)għall-attivitajiet li jagħmlu użu ta’ ċelloli staminali tal-embrijuni umani, kif adatt, dettalji tal-miżuri ta’ liċenzjar u ta’ kontroll li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati kif ukoll dettalji tal-approvazzjonijiet etiċi li għandhom jinkisbu qabel jibdew l-attivitajiet ikkonċernati.

3.Il-proposti għandhom jiġu skrinjati b’mod sistematiku sabiex jiġu identifikati dawk l-azzjonijiet li jqajmu kwistjonijiet etiċi kumplessi jew serji u jissottomettuhom għal valutazzjoni tal-etika. Il-valutazzjonijiet etiċi għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni sakemm ma jkunux delegati lill-korp ta’ finanzjament. Għal azzjonijiet li jinvolvu l-użu ta’ ċelloli staminali tal-embrijuni umani jew embrijuni umani, il-valutazzjoni tal-etika għandha tkun mandatorja. Eżamijiet jew valutazzjonijiet tal-etika għandhom jitwettqu bl-appoġġ ta’ esperti tal-etika. Il-Kummissjoni u l-korpi ta’ finanzjament għandhom jiżguraw it-trasparenza tal-proċeduri tal-etika kemm jista’ jkun possibbli,

4.Entitajiet li jipparteċipaw fl-azzjoni għandhom jiksbu l-approvazzjonijiet kollha jew dokumenti mandatorji oħra mingħand il-kumitati tal-etika rilevanti lokali nazzjonali jew korpi oħrajn bħall-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data qabel jinbdew l-attivitajiet rilevanti. Dawk id-dokumenti għandhom jinżammu maħżuna u jiġu pprovduti lill-Kummissjoni jew il-korp ta’ finazjament meta jintalbu.

5.Jekk adatt, kontrolli tal-etika għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament. Għal kwistjonijiet etiċi kumplessi jew serji, il-kontrolli għandhom jitwettqu mill-Kummissjoni sakemm ma jkunux delegati lill-korp ta’ finanzjament.

Kontrolli tal-etika għandhom jitwettqu bl-appoġġ ta’ esperti tal-etika.

6.Azzjonijiet li mhumiex etikament aċċettabbli jistgħu jiġu miċħuda jew terminati fi kwalunkwe mument.

Artikolu 16

Sigurtà

1.L-azzjonijiet imwettqa taħt il-Programm għandhom jikkonformaw mar-regoli applikabbli dwar is-sigurtà u b’mod partikolari r-regoli dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata kontra żvelar mhux awtorizzat, inkluż il-konformità ma’ kwalunkwe liġi nazzjonali u tal-Unjoni rilevanti. Fil-każ ta’ riċerka mwettqa barra l-Unjoni bl-użu u/jew bil-ġenerazzjoni ta’ informazzjoni klassifikata, huwa meħtieġ li, minbarra l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti, ftehim ta’ sigurtà għandu jiġi konkluż bejn l-Unjoni u l-pajjiż terz li fih titwettaq ir-riċerka. 

2.Fejn hu adatt, il-proposti għandhom jinkludu awtovalutazzjoni tas-sigurtà li tidentifika kwalunkwe kwistjoni tas-sigurtà u tiddeskrivi kif dawn il-kwistjonijiet se jiġu indirizzati sabiex tiġi ssodisfata l-liġi nazzjonali u tal-Unjoni relevanti.

3.Fejn hu adatt, il-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament għandu jwettaq skrutinju tas-sigurtà għall-proposti li jkollhom kwistjonijiet tas-sigurtà.

4.Fejn xieraq, l-azzjonijiet għandhom ikunu konformi mad-Deċiżjoni (UE, Euratom) 2015/444/KE, u r-regoli ta’ implimentazzjoni tagħha.

5.Entitajiet li jipparteċipaw fl-azzjoni għandhom jiżguraw protezzjoni kontra żvelar mhux awtorizzat ta’ informazzjoni klassifikata użata u/jew iġġenerata mill-azzjoni. Huma għandhom jipprovdu prova tal-approvazzjoni tas-sigurtà tal-persunal u/jew tal-faċilità mill-awtoritajiet tas-sigurtà nazzjonali relevanti, qabel il-bidu tal-attivitajiet ikkonċernati.

6.Jekk esperti esterni jkollhom jittrattaw informazzjoni klassifikata, l-approvazzjoni tas-sigurtà adatta għandha tkun meħtieġa qabel jinħatru dawk l-esperti.

7.Fejn hu adatt, il-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament jista’ jwettaq kontrolli tas-sigurtà.

8.Azzjonijiet li ma jikkonformawz mar-regoli tas-sigurtà jistgħu jiġu miċħuda jew terminati fi kwalunkwe mument.

KAPITOLU II

Għotjiet

Artikolu 17

Għotjiet

Għotjiet li jaqgħu taħt il-Programm għandhom jingħataw u jiġu ġestiti skont it-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju, sakemm mhux speċifikat mod ieħor f’dan l-Artikolu.

Artikolu 18

Entitajiet eliġibbli għall-parteċipazzjoni

1.Kwalunkwe entità legali, irrispettivament mill-post fejn ġiet stabbilita, jew organizzazzjoni internazzjonali tista’ tipparteċipa f’azzjonijiet taħt il-Programm, sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament ikunu ġew sodisfatti flimkien ma’ kwalunkwe kundizzjoni oħra stabbilita fil-programm ta’ ħidma jew is-sejħa.

2.L-entitajiet għandhom ikunu parti minn konsorzju li għandu jinkludi mill-inqas tliet entitajiet ġuridiċi indipendenti stabbiliti fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż assoċjat u li mill-inqas wieħed minnhom ikun stabbilit fi Stat Membru, sakemm:

(a)il-programm ta’ ħidma ma jipprovidx mod ieħor;

(b)l-azzjoni mhijiex waħda msemmija fil-paragrafi 3 u 4.

3.L-azzjonijiet ta’ riċerka fil-fruntiera tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC), l-azzjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC), l-azzjonijiet tat-taħriġ u l-mobilità jew azzjonijiet ta’ kofinanzjamant ta’ programm jistgħu jiġu implimentati minn entità legali waħda jew aktar, li waħda minnhom trid tkun stabbilita fi Stat Membru jew pajjiż assoċjat.

4.Azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u appoġġ jistgħu jiġu implimentati minn entità legali waħda jew aktar, li tista’ tkun stabbilita fi Stat Membru, pajjiż assoċjat jew f’pajjiż terz ieħor.

5.Għal azzjonijiet relatati mal-assi strateġiċi, l-interessi, is-sigurtà jew l-awtonomija tal-Unjoni, il-programm ta' ħidma jista’ jipprevedi li l-parteċipazzjoni tista’ tkun limitata għal dawk l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti fi Stati Membri biss, jew dawk l-entitajiet ġuridiċi stabbiliti f’pajjiżi assoċjati jew pajjiżi terzi oħra speċifikati flimkien mal-Istati Membri.

6.Il-programm ta’ ħidma jista’ jipprevedi kriterji ta’ eliġibbiltà b’żieda ma’ dawk stipulati fil-paragrafi 2, 3, 4, u 5 skont ir-rekwiżiti ta’ politika speċifiċi jew skont in-natura u l-għanijiet tal-azzjoni, inkluż in-numru ta’ entitajiet ġuridiċi, it-tip ta’ entità ġuridika u l-post ta’ stabbiliment.

7.Fil-każ ta’ azzjonijiet li jibbenefikaw minn ammonti skont l-Artikolu 9(8), il-parteċipazzjoni għandha tkun limitata għal entità ġuridika waħda stabbilita fil-ġurisdizzjoni tal-Awtorità Amministrattiva deleganti, ħlief jekk ikun miftiehem mod ieħor mal-Awtorità ta’ Ġestjoni u prevista fil-programm ta’ ħidma.

8.Fejn ikun indikat fil-programm ta’ ħidma, iċ-Ċentru ta’ Riċerka Konġunta jista’ jipparteċipa f’azzjonijiet.

9.Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, organizzazzjonijiet internazzjonali Ewropej tar-riċerka u entitajiet legali maħluqa skont il-liġi tal-Unjoni għandhom jitqiesu li huma stabbiliti fi Stat Membru differenti minn dawk li fihom huma stabbilit l-entitajiet legali oħra li qed jipparteċipaw fl-azzjoni.

10.Għall-azzjonijiet ta’ riċerka fil-fruntiera tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC) u l-azzjonijiet tat-taħriġ u l-mobilità, l-organizzazzjonijiet internazzjonali bil-kwartieri ġenerali fi Stat Membru jew pajjiż assoċjat għandhom jitqiesu li huma stabbiliti f’dan l-Istat Membru jew pajjiż assoċjat.

Artikolu 19

Entitajiet eliġibbli għall-finanzjament

1.Il-benefiċjarji huma eliġibbli għall-finanzjament jekk ikunu stabbiliti fi Stat Membru jew pajjiż assoċjat.

Fil-każ ta’ azzjonijiet li jibbenefikaw minn ammonti skont l-Artikolu 9(8), huma biss l-entitajiet stabbiliti fil-ġurisdizzjoni tal-Awtorità Maniġerjali li deleganti li għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament minn dawn l-ammonti.

2.L-entitajiet stabbiliti f’pajjiżi terzi mhux assoċjati fil-prinċipju għandhom iħallsu l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni tagħhom. Madankollu, fil-każ ta’ pajjiżi bi dħul minn baxx sa medju u b’mod eċċezzjonali fil-każ ta’ pajjiżi terzi oħrajn mhux assoċjati, dawn jistgħu jkunu eliġibbli għall-fondi f'azzjoni jekk:

(a)il-pajjiż terz ikun identifikati fil-programm ta’ ħidma adottat mill-Kummissjoni; jew

(b)il-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament iqisu li l-parteċipazzjoni tiegħu hija essenzjali għall-implimentazzjoni tal-azzjoni;

3.Entitajiet affiljati huma eliġibbli għall-finanzjament f’azzjoni jekk huma stabbiliti fi Stat Membru, Pajjiż assoċjat, jew f’pajjiż terz identifikat fil-programm ta’ ħidma adottat mill-Kummissjoni.

Artikolu 20

Sejħiet għal proposti

1.Fil-każ tal-azzjonijiet kollha, ħlief attivitajiet ta’ tranżizzjoni ta’ Pathfinder tal-EIC, il-kontenut tas-sejħiet għall-proposti għandu jkun inkluż fil-programm ta’ ħidma.

2.Għall-attivitajiet ta’ tranżizzjoni ta’ Pathfinder tal-EIC:

(a)it-tnedija u l-kontenut tas-sejħiet għal proposti għandhom jiġu stabbiliti b’referenza għall-għanijiet u l-baġit stabbiliti mill-programm ta’ ħidma b’rabta mal-portafoll ta’ azzjonijiet ikkonċernati;

(b)għotjiet ta’ ammont fiss li ma jaqbiżx EUR 50,000 jistgħu jingħataw mingħajr sejħa għal proposti biex jitwettqu azzjonijiet urġenti ta’ koordinazzjoni u appoġġ għat-tisħiħ tal-komunità ta’ benefiċjarji tal-portafoll jew għall-valutazzjoni ta’ spin-offs possibbli jew innovazzjoni li toħloq is-suq potenzjali.

3.Jekk ikun meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tagħhom, is-sejħiet jistgħu jiġu ristretti biex jiġu żviluppati attivitajiet addizzjonali jew biex jiżdiedu sħab addizzjonali għal azzjonijiet eżistenti.

4.Sejħa għal proposti mhijiex meħtieġa għal azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u appoġġ jew azzjonijiet ta’ kofinanzjamant ta’ programm li:

(a)jridu jitwettqu miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka jew l-entitajiet ġuridiċi identifikati fil-programm ta’ ħidma u

(b)ma jaqgħux fi ħdan il-kamp tal-applikazzjoni ta’ sejħa għal proposti.

5.Il-programm ta’ ħidma għandu jispeċifika s-sejħiet li għalihom se jingħataw “Siġilli ta’ Eċċellenza”. B’awtorizzazzjoni minn qabel mill-applikant, l-informazzjoni li tikkonċerna l-applikazzjoni u l-evalwazzjoni jistgħu jiġu kondiviżi ma’ awtoritajiet finanzjarji interessati, soġġett għall-konklużjoni ta’ ftehimiet ta’ konfidenzjalità.

Artikolu 21

Sejħiet konġunti

Il-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament jista’ joħroġ sejħa konġunta għal proposti ma’:

(a)pajjiżi terzi, inklużi l-organizzazzjonijiet jew l-aġenziji xjentifiċi u teknoloġiċi tagħhom;

(b)organizzazzjonijiet internazzjonali;

(c)entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ. 

Fil-każ ta’ sejħa konġunta, proċeduri konġunti għandhom jiġu stabbiliti għall-għażla u l-evalwazzjoni tal-proposti. Il-proċeduri għandhom jinvolvu grupp bilanċjat ta’ esperti maħtura minn kull parti.  

Artikolu 22

L-akkwist prekummerċjali u l-akkwist ta’ soluzzjonijiet innovattivi

1.L-azzjonijiet jistgħu jinvolvu jew ikollhom bħala l-għan primarju tagħhom l-akkwist prekummerċjali jew l-akkwist pubbliku ta’ soluzzjonijiet innovattivi li għandhom jitwettqu mill-benefiċjarji li huma awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti kif definiti fid-Direttivi 2014/24/UE 31 , 2014/25/UE 32 and 2009/81/KE 33 .

2.Il-proċeduri tal-akkwist:

(a)għandhom ikunu konformi mal-prinċipji ta’ trasparenza, nondiskriminazzjoni, trattament ugwali, ġestjoni finanzjarja tajba, proporzjonalità u regoli tal-kompetizzjoni;

(b)għal akkwist prekummerċjali, jistgħu jipprevedu kundizzjonijiet speċifiċi bħal li l-post tal-prestazzjoni tal-attivitajiet akkwistati jiġi limitat għat-territorju tal-Istati Membri u tal-pajjiżi assoċjati;

(c)jistgħu jawtorizzaw l-għoti ta’ kuntratti multipli fi ħdan l-istess proċedura (provenjenza multipla); u

(d)għandhom jipprevedu l-għoti tal-kuntratti lill-offerta(i) li toffri l-aħjar valur għall-flus waqt li tiżgura nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess.

3.Il-kuntrattur li jiġġenera riżultati fl-akkwist prekummerċjali għandu jkollu s-sjieda mill-inqas tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali involuti. L-awtoritajiet kontraenti għandhom mill-inqas igawdu d-dritt tal-aċċess mingħajr ħlas ta' drittjiet għar-riżultati għall-użu tagħhom proprju u d-dritt li jagħtu, jew jirrikjedu lill-kuntratturi li jipparteċipaw li jagħtu, liċenzji mhux esklussivi lil partijiet terzi biex jużaw ir-riżultati għall-awtorità kontraenti taħt kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli mingħajr ebda dritt ta’ subliċenzjar. Jekk kuntrattur jonqos milli jisfrutta b’mod kummerċjali r-riżultati fi żmien perjodu partikolari wara l-akkwist prekummerċjali kif identifikat fil-kuntratt, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jirrekjeduh li jittrasferixxi kwalunkwe sjieda tar-riżultati lill-awtoritajiet kontraenti. 

Artikolu 23

Finanzjament kumulattiv

Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni minn programm ieħor tal-Unjoni tista’ tirċievi wkoll kontribuzzjoni skont il-Programm, sakemm il-kontribuzzjonijiet ma jkunux ikopru l-istess kostijiet. Ir-regoli ta’ kull programm kontribwenti tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni rispettiva tiegħu fl-azzjoni. Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż il-kostijiet eliġibbli totali tal-azzjoni u l-appoġġ ta’ programmi differenti tal-Unjoni jista’ jiġi kkalkulat fuq bażi proratarja skont id-dokumenti li jistipulaw il-kundizzjonijiet tal-appoġġ. 

Artikolu 24

Kriterji tal-għażla

1.B’deroga mill-Artikolu 198 tar-Regolament Finanzjarju, il-kapaċità finanzjarja għandha tiġi vverifikata biss għall-koordinatur u biss jekk il-finanzjament mitlub mill-Unjoni huwa ugwali għal jew aktar minn EUR 500 000.

2.Madankollu, jekk ikun hemm raġunijiet li jwasslu biex tiġi ddubitata l-kapaċità finanzjarja jew jekk ikun hemm riskju akbar minħabba l-parteċipazzjoni f’diversi azzjonijiet li jkunu għaddejjin iffinanzjati mill-programmi tal-Unjoni għar-riċerka u l-innovazzjoni, il-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament għandu jivverifika wkoll il-kapaċità finanzjarja tal-applikanti l-oħra jew tal-koordinaturi taħt il-limitu msemmi fil-paragrafu 1.

3.Jekk il-kapaċità finanzjarja hija strutturalment garantita minn entità legali oħra, il-kapaċità finanzjarja ta’ din tal-aħħar għandha tiġi verifikata.

4.F’każ ta’ nuqqas ta’ kapaċità finanzjarja, il-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament jistgħu jagħmlu l-parteċipazzjoni kondizzjonali fuq l-għoti ta’ dikjarazzjoni dwar obbligazzjoni in solidum minn entità affiljata.

5.Il-kontribuzzjoni lejn il-Mekkaniżmu ta’ Assikurazzjoni Reċiproka li hija stipulata fl-Artikolu 33 għandha titqies bħala garanzija suffiċjenti skont l-Artikolu 152 tar-Regolament Finanzjarju. L-ebda garanzija jew sigurtà addizzjonali ma tista’ tiġi aċċettata minn benefiċjarji jew imposta fuqhom.

Artikolu 25

Kriterji tal-għotjiet

1.Proposta għandha tiġi evalwata abbażi tal-kriterji tal-għotja li ġejjin:

(a)l-eċċellenza;

(b)l-impatt;

(c)il-kwalità u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni.

2.Il-kriterju msemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 biss għandu japplika għall-proposti għall-azzjonijiet ta’ riċerka fil-fruntiera tal-ERC.

3.Il-programm ta’ ħidma għandu jistabbilixxi aktar dettalji tal-applikazzjoni tal-kriterji tal-għotja stabbiliti fil-paragrafu 1, u jista’ jispeċifika l-piżijiet u l-limiti.

Artikolu 26

Evalwazzjoni

1.Il-proposti għandhom jiġu evalwati mill-kumitat evalwattiv li jista’ jkun:

kompost kompletament jew parzjalment minn esperti indipendenti esterni, 

kompost minn rappreżentanti tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni jew korpi kif hemm indikat fl-Artikolu 150 tar-Regolament Finanzjarju.

Il-kumitat ta’ valutazzjoni jista’ jkun magħmul minn esperti esterni. 

2.Meta jkun meħtieġ, il-kumitat tal-valutazzjoni għandu jikklassifika l-proposti li għaddew mil-limiti applikabbli, skont:

it-tabella tal-valutazzjoni,

il-kontribuzzjoni tagħhom għall-ksib ta’ għanijiet tal-politika speċifiċi, inkluża l-kostituzzjoni ta’ portafoll konsistenti ta’ proġetti.

Il-kumitat tal-valutazzjoni jista’ wkoll jipproponi kwalunkwe aġġustament sostanzjali għall-proposti safejn hu meħtieġ għall-konsistenza tal-portafoll.

Artikolu 27

Proċedura ta’ reviżjoni ta’ evalwazzjoni

1.Applikant jista’ jitlob reviżjoni ta’ evalwazzjoni jekk jikkonsidra li l-proċedura ta’ evalwazzjoni applikabbli ma ġietx applikata b’mod korrett għall-applikazzjoini tiegħu.

2.Reviżjoni ta’ evalwazzjoni tapplika biss għall-aspetti proċedurali tal-evalwazzjoni, mhux għall-evalwazzjoni tal-merti tal-proposta.

3.Reviżjoni ta’ evalwazzjoni ma għandhiex iddewwem il-proċess tal-għażla għall-proposti li mhumiex is-suġġett ta’ reviżjoni.

Artikolu 28

Żmien għall-għotja

1.B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 194(2) tar-Regolament Finanzjarju, il-perjodi li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)biex jiġu infurmati l-applikanti kollha bir-riżultat tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom, perjodu massimu ta’ ħames xhur mid-data finali għas-sottomissjoni tal-proposti kompluti;

(b)biex jiġu ffirmati l-ftehimiet tal-għotja mal-applikanti, perjodu massimu ta’ tmien xhur mid-data finali għas-sottomissjoni tal-proposti kompluti.

2.Il-programm ta’ ħidma għall-EIC jista’ jistabbilixxi perjodi iqsar.

3.Minbarra l-eċċezzjonijiet stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 194(2) tar-Regolament Finanzjarju, il-perjodi msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinqabżu fil-każ ta’ azzjonijiet tal-ERC, missjonijiet u meta l-azzjonijiet ikunu sottomessi għal valutazzjoni tas-sigurtà jew tal-etika.

Artikolu 29

Implimentazzjoni tal-għotja

1.Jekk benefiċjarju jonqos milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu rigward l-implimentazzjoni teknika tal-azzjoni, il-benefiċjarji l-oħra għandhom jikkonformaw ma’ dawk l-obbligi mingħajr finanzjament tal-Unjoni addizzjonali, sakemm ma jkunux espressament meħlusa minn dak l-obbligu. Ir-responsabbiltà finanzjarja ta’ kull benefiċjarju għandha tkun limitata għad-dejn proprju tiegħu, soġġett għad-dispożizzjonijiet relatati mal-Mekkaniżmu ta’ Assikurazzjoni Reċiproka.

2.Il-ftehim tal-għotja jista’ jistabbilixxi stadji importanti u ħlas parzjali ta’ prefinanzjament irrelatat. Jekk l-istadji importanti ma jintlaħqux, l-azzjoni tista’ tiġi sospiża, emendata jew itterminata.

3.L-azzjoni tista’ tiġi terminata wkoll meta r-riżultati mistennija jkunu tilfu r-rilevanza tagħhom għall-Unjoni minħabba raġunijiet xjentifiċi, teknoloġiċi jew ekonomiċi, inkluż fil-każ tal-EIC u l-missjonijiet, ir-rilevanza tagħhom bħala parti minn portafoll ta’ azzjonijiet.

Artikolu 30

Ir-rati ta’ finanzjament

1.Rata unika ta’ finanzjament għal kull azzjoni għandha tapplika għall-attivitajiet kollha li tiffinanzja. Ir-rata massima għandha tiġi stabbilita fil-programm ta’ ħidma.

2.Il-programm jista’ jirrimborża sa 100 % tal-ispejjeż totali eliġibbli tal-azzjoni, ħlief għal:

(a)azzjonijiet ta’ innovazzjoni: sa 70 % tal-ispejjeż eliġibbli totali għal entitajiet ġuridiċi mingħajr skop ta’ qligħ, ħlief meta l-Programm jista’ jirrimborża sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli totali;

(b)azzjonijiet ta’ kofinanzjamant ta’ programm: mill-inqas 30 % tal-ispejjeż totali eliġibbli, u f’każijiet identifikati u ġġustifikati kif meħtieġ sa 70 %.

3.Ir-rati ta’ finanzjament determinati f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw ukoll fil-każ ta’ azzjonijiet fejn il-finanzjament ikun iffissat b’rata fissa, fuq skala ta’ kostijiet unitarji jew bħala somma f’daqqa għall-azzjoni sħiħa jew għal parti minnha.

Artikolu 31

Kostijiet indiretti

1.Kostijiet eliġibbli indiretti għandhom jiġu stabbiliti bl-applikazzjoni ta’ rata fissa ta’ 25 % tal-kostijiet eliġibbli diretti totali, esklużi l-kostijiet eliġibbli diretti għal subkuntratti, appoġġ finanzjarju għal partijiet terzi u kwalunkwe kost ta’ unità jew somma ta’ darba li jinkludu kostijiet indiretti.

Fejn jixraq, spejjeż indiretti inklużi fl-ispejjeż unitarji jew somom f’daqqa għandhom jiġu kkalkulati billi tintuża r-rata fissa stabbilita fil-paragrafu 1, ħlief għal spejjeż unitarji fil-każ ta’ merkanzija u servizzi fatturati internament li għandhom jiġu kkalkulati abbażi tal-ispejjeż attwali, skont il-prattiki tal-kontabbiltà tal-ispejjeż tas-soltu tal-benefiċjarji.

2.Madankollu, jekk previst fil-programm ta’ ħidma l-kostijiet indiretti jistgħu jiġu dikjarati bħala somma ta’ darba jew kostijiet ta’ unità.

Artikolu 32

Kostijiet eliġibbli

1.B’żieda mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 197 tar-Regolament Finanzjarju, għal benefiċjarji b’remunerazzjoni bbażata fuq il-proġett, il-kostijiet tal-persunal huma eliġibbli sar-remunerazzjoni li persuna titħallas għal xogħol fi proġetti simili ffinanzjati minn skemi nazzjonali.

Mezzi ta’ rimunerazzjoni bbażati fuq il-proġetti ta’ rimunerazzjoni marbuta mal-parteċipazzjoni ta’ persuna fi proġetti jkunu parti mill-prattiċi normali ta’ remunerazzjoni tal-benefiċjarju u jitħallsu b’mod konsistenti.

2.B’deroga mill-Artikolu 190(1) tar-Regolament Finanzjarju, il-kostijiet tar-riżorsi li jitħallsu minn partijiet terzi permezz ta’ kontribuzzjonijiet in natura għandhom ikunu eliġibbli, sal-kostijiet eliġibbli diretti tal-parti terza.

3.B’deroga mill-Artikolu 192 tar-Regolament Finanzjarju, id-dħul iġġenerat mill-użu tar-riżultati ma għandux jitqies bħala dħul tal-azzjoni.

4.B’deroga mill-Artikolu 203(4) tar-Regolament Finanzjarju, ċertifikat dwar ir-rendikonti finanzjarji għandu jkun obbligatorju mal-pagament tal-bilanċ, jekk l-ammonti mitluba bħala spejjeż reali u l-ispejjeż unitarji kkalkulati skont il-prattiki tal-kontabbiltà tas-soltu jkunu ugwali jew aktar minn EUR 325 000.

Artikolu 33

Mekkaniżmu tal-Assikurazzjoni Reċiproka

1.Mekkaniżmu tal-Assikurazzjoni Reċiproka (il-“Mekkaniżmu”) huwa b’dan stabbilit u għandu jissostitwixxi u jieħu post il-fond imwaqqaf skont l-Artikolu 38 tar-Regolament (KE) Nru 1290/2013. Il-Mekaniżmu għandu jkopri r-riskju assoċjat man-nuqqas ta’ rkupru ta’ somom dovuti mill-benefiċjarji:

(a)lill-Kummissjoni taħt id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE,

(b)lill-Kummissjoni u korpi tal-Unjoni taħt “Orizzont 2020”,

(c)lill-Kummissjoni u korpi ta’ finanzjament taħt il-Programm.

Il-kopertura tar-riskju rigward il-korpi ta’ finanzjament imsemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tista’ tiġi implimentata permezz ta’ sistema ta’ kopertura indiretta stabbilita fil-ftehim applikabbli filwaqt li titqies in-natura tal-korp ta’ finanzjament.

2.Il-Mekkaniżmu għandu jiġi ġestit mill-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni li taġixxi bħala aġent eżekuttiv. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi regoli speċifiċi għat-tħaddim tal-Fond.

3.Il-benefiċjarji għandhom jagħmlu kontribuzzjoni ta’ 5% tal-finanzjament tal-Unjoni għall-azzjoni. Abbażi ta’ evalwazzjonijiet perjodiċi, din il-kontribuzzjoni tista’ tittella’ mill-Kummissjoni sa 8% jew tista’ titnaqqas inqas minn 5%. Il-kontribuzzjoni tal-benefiċjarji għall-Mekkaniżmu tista’ tiġi kkumpensata mill-prefinanzjament inizjali u titħallas lill-Fond f’isem il-benefiċjarji.

4.Il-kontribuzzjoni tal-benefiċjarji għandhom jintbagħtu lura mal-pagament tal-bilanċ.

5.Kwalunkwe ritorn finanzjarju ġġenerat mill-Mekkaniżmu għandu jiżdied mal-Mekkaniżmu. Jekk ir-ritorn huwa insuffiċjenti, il-Mekkaniżmu ma għandux jintervjeni u l-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament għandu jirkupra direttament mill-benefiċjarji jew partijiet terzi kwalunkwe ammont dovut.

6.L-ammonti rkuprati mill-Fond għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat lill-Mekkaniżmu fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Finanzjarju. Ladarba l-għotjiet kollha li r-riskju tagħhom huwa kopert direttament jew indirettament mill-Mekkaniżmu jkunu ġew kompletati, kwalunkwe somma li jkun għad fadal għandha tiġi rkuprata mill-Kummissjoni u mdaħħla fil-baġit tal-Unjoni, soġġett għad-deċiżjonijiet tal-awtorità leġislattiva.

7.Il-Mekkaniżmu jista’ jinfetaħ għall-benefiċjarji ta’ kwalunkwe programm ieħor direttament ġestjonat mill-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tadotta modalitajiet għall-parteċipazzjoni tal-benefiċjarji ta’ programmi oħrajn.

Artikolu 34

Sjieda u protezzjoni

1.Il-benefiċjarji għandu jkollhom is-sjieda tar-riżultati li jiġġeneraw. Huma għandhom jiżguraw li kwalunkwe dritt tal-impjegati tagħhom jew ta’ kwalunkwe parti oħra fir-rigward tar-riżultati jista’ jiġi eżerċitat b’mod kompatibbli mal-obbligi tal-benefiċjarji f’konformità mat-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim tal-għotja.

Żewġ benefiċjarji jew aktar għandu jkollhom is-sjieda konġunta tar-riżultati jekk:

(a)huma ġġenerawhom b’mod konġunt; u

(b)mhuwiex possibbli li:

(i) tkun stabbilita l-kontribuzzjoni rispettiva ta’ kull benefiċjarju,

jew

(ii) tisseparahom meta tapplika għal, tikseb jew iżżomm il-protezzjoni tagħhom.

Is-sidien konġunti għandhom jaqblu bil-miktub dwar l-allokkazzjoni u t-termini tal-eżerċizzju tas-sjieda konġunta tagħhom. Sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor, kull sid konġunt jista’ jagħti liċenzji mhux esklussivi lil partijiet terzi sabiex jużaw ir-riżultati ipposseduti b’mod konġunt (mingħajr ebda dritt ta’ subliċenzjar), jekk is-sidien konġunti l-oħra jingħataw avviż minn qabel u kumpens ġust u raġonevoli. Is-sidien konġunti jistgħu jaqblu bil-miktub li japplikaw sistema oħra minflok sjieda konġunta.

2.Il-benefiċjarji li jkunu rċevew finanzjament mill-Unjoni għandhom jipproteġu b’mod adegwat ir-riżultati tagħhom jekk protezzjoni hija possibbli u ġġustifikata, waqt li jqisu l-kunsiderazzjonijiet kollha relevanti, inklużi l-prospetti għal użu kummerċjali. Meta jiddeċiedu fuq il-protezzjoni, il-benefiċjarji għandhom jikkunsidraw l-interessi leġittimi tal-benefiċjarji l-oħra fl-azzjoni.

Artikolu 35

Użu u disseminazzjoni

1.Il-benefiċjarji li jkunu rċevew finanzjament mill-Unjoni għandhom jużaw l-aħjar sforzi tagħhom biex jużaw ir-riżultati tagħhom, b’mod partikulari fl-Unjoni. L-isfruttament jista’ jsir direttament mill-benefiċjarji jew indirettament, b’mod partikolari permezz tat-trasferiment u l-liċenzjar tar-riżultati skont l-Artikolu 36.

Il-programm ta’ ħidma jista’ jipprevedi obbligi ta’ sfruttament addizzjonali.

Jekk minkejja l-akbar sforzi tal-benefiċjarju sabiex jisfrutta r-riżultati tiegħu direttament jew indirettament ebda sfruttament ma jseħħ fi żmien perjodu partikolari kif identifikati fil-ftehim ta’ l-għotja, il-benefiċjarju għandu juża pjattaforma elettronika xierqa kif identifikat fil-ftehim tal-għotja biex isib partijiet ikkonċernati ħalli jisfruttaw dawk ir-riżultati. Jekk ikun iġġustifikat abbażi ta’ talba tal-benefiċjarju, dan l-obbligu jista’ jiġi rinunzjat.

2.Soġġett għal kwalunkwe restrizzjoni dovuta għall-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, regoli tas-sigurtà jew interessi leġittimi, il-benefiċjarji għandhom jiddisseminaw ir-riżultati tagħhom malajr kemm jista’ jkun.

Il-programm ta’ ħidma jista’ jipprevedi obbligi ta’ tixrid addizzjonali.

3.Il-benefiċjarji għandhom jiżguraw li l-aċċess miftuħ għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi japplika skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim tal-għotja. B’mod partikulari, il-benefiċjarji għandhom jiżguraw li huma jew l-awturi jżommu biżżejjed drittijiet tal-proprjetà intellettwali sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti tagħhom ta’ aċċess miftuħ.

Aċċess miftuħ għad-data tar-riċerka għandha tkun ir-regola ġenerali skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim tal-għotja, imma eċċezzjonijiet għandhom japplikaw jekk ikunu ġġustifikati, filwaqt li jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tal-benefiċjarji u kwalunkwe restrizzjoni, bħar-regoli tal-protezzjoni, tad-data, regoli tas-sigurtà jew regoli tal-proprjetà intellettwali.

Il-programm ta’ ħidma jista’ jipprevedi obbligi addizzjonali għall-adeżjoni mal-prattiki tax-xjenza miftuħa.

4.Il-benefiċjarji għandhom jamministraw id-data tar-riċerka kollha skont it-termini u l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim tal-għotja u għandhom jistabbilixxu Pjan ta’ Ġestjoni tad-Data.

Il-programm ta’ ħidma jista’ jipprevedi obbligi addizzjonali li jintuża l-Cloud Ewropw tax-Xjenza Miftuħa għall-ħżin u l-għoti tal-aċċess għad-data tar-riċerka.

5.Il-benefiċjarji li għandhom l-intenzjoni li jiddisseminaw ir-riżultati tagħhom għandhom jagħtu avviż minn qabel lill-benefiċjarji l-oħra fl-azzjoni. Kwalunkwe benefiċjarju ieħor jista’ joġġezzjona jekk jista juri li d-disseminazzjoni intenzjonata se tkun ta’ dannu sinifikanti għall-interessi leġittimi tiegħu fir-rigward tar-riżultati jew tat-tagħrif eżistenti tiegħu. F’tali każijiet, id-disseminazzjoni ma tistax isseħħ sakemm jittieħdu passi adatti biex ikunu salvagwardjati dawk l-interessi leġittimi.

6.Sakemm il-programm ta’ ħidma ma jipprevedix mod ieħor, il-proposti għandhom jinkludu pjan għall-isfruttament u t-tixrid tar-riżultati. Jekk l-isfruttament mistenni jinvolvi l-iżvilupp, il-ħolqien, il-manifattura u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott jew proċess, jew il-ħolqien u l-għoti ta’ servizz, il-pjan għandu jinkludi strateġija għal sfruttament bħal dan. Jekk il-pjan jipprevedi sfruttament primarjament f’pajjiżi terzi mhux assoċjati, l-entitajiet ġuridiċi għandhom jispjegaw kif dan l-isfruttament għadu fl-interess tal-Unjoni.

Il-benefiċjarji għandhom ikomplu jiżviluppaw il-pjan matul u wara t-tmiem tal-azzjoni.

7.Għall-finijiet tal-monitoraġġ u tad-disseminazzjoni mill-Kummissjoni jew mill-korp ta’ finanzjament, il-benefiċjarji għandhom jipprovdu kwalunkwe informazzjoni mitluba dwar l-użu u d-disseminazzjoni tar-riżultati tagħhom. Soġġett għall-interessi leġittimi tal-benefiċjarji, tali informazzjoni għandha tkun disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 36

Trasferiment u liċenzjar

1.Il-benefiċjarji jistgħu jittrasferixxi s-sjieda tar-riżultati tagħhom. Huma għandhom jiżguraw li l-obbligi tagħhom japplikaw ukoll għas-sid il-ġdid u li dan tal-aħħar għandu l-obbligu li jgħaddihom fi kwalunkwe trasferiment sussegwenti.

2.Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor bil-miktub dwar partijiet terzi identifikati speċifikament jew sakemm ikun impossibbli skont il-liġi applikabbli, il-benefiċjarji li għandhom l-intenzjoni li jittrasferixxiu s-sjieda tar-riżultati għandhom jagħtu avviż minn qabel lill-benefiċjarji l-oħra li għad għandhom drittijiet ta’ aċċess għar-riżultati. In-notifika trid tinkludi informazzjoni suffiċjenti dwar is-sid il-ġdid biex benefiċjarju jkun jista’ jivvaluta l-effetti fuq id-drittijiet ta’ aċċess tiegħu.

Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor bil-miktub dwar partijiet terzi identifikati speċifikament, benefiċjarju jista’ joġġezzjona għat-trasferiment jekk ikun jista’ juri li t-trasferiment se jaffettwalu ħażin id-drittijiet ta’ aċċess tiegħu. F’dan il-każ, it-trasferiment ma jistax iseħħ sakemm ma jkunx intlaħaq ftehim bejn il-benefiċjarji kkonċernati.

3.Il-benefiċjarji jistgħu jagħtu liċenzji għar-riżultati tiegħu jew b’mod ieħor jagħtu d-dritt li jisfruttawhom, jekk dan ma jkunx jaffettwa l-konformità mal-obbligi tagħhom.

4.Meta dan ikun ġustifikat, il-ftehim dwar l-għotja għandu jistabbilixxi d-dritt tal-oġġezzjonar għal trasferimenti ta’ pussess tar-riżultati, jew għall-għotjiet ta’ liċenzja esklussiva fir-rigward tar-riżultati, jekk:

(a)il-benefiċjarji li jiġġeneraw ir-riżultati jkunu rċevew finanzjament mill-Unjoni;

(b)it-trasferiment jew l-liċenzja lil entità ġuridika stabbilita f’pajjiż terz mhux assoċjat; u

(c)it-trasferiment jew il-liċenzja mhumiex konformi mal-interessi tal-Unjoni.

Jekk id-dritt ta’ oġġezzjoni japplika, il-benefiċjarju għandu jagħtu avviż minn qabel. Id-dritt ta’ oġġezzjoni jista’ jiġi rrinunzjat bil-miktub rigward trasferimenti jew għotjiet lil entitajiet legali identifikati speċifikament jekk hemm fis-seħħ miżuri li jissalvagwardjaw l-interessi tal-Unjoni.

Artikolu 37

Drittijiet ta’ aċċess

1. Il-prinċipji dwar id-drittijiet ta’ aċċess li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)talba biex jiġu eżerċitati drittijiet ta’ aċċess jew kull rinunzja ta’ drittijiet ta’ aċċess għandha ssir bil-miktub;

(b)sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor ma’ min jagħti l-konċessjoni, id-drittijiet tal-aċċess ma jinkludux id-dritt għal sottoliċenzja;

(c)il-benefiċjarji għandhom jinfurmaw lil xulxin qabel l-adeżjoni tagħhom għall-ftehim tal-għotja rigward kwalunkwe restrizzjoni għall-għoti ta’ aċċess għat-tagħrif eżistenti tagħhom;

(d)jekk benefiċjarju m’għadux aktar involut fl-azzjoni, dan ma għandux jaffettwa l-obbligu tiegħu li jagħti aċċess;

(e)jekk benefiċjarju jonqos mill-obbligi tiegħu, il-benefiċjarji jistgħu jaqblu li hu m’għandux aktar id-drittijiet ta’ aċċess.

2.Il-benefiċjarji għandhom jagħtu aċċess għal:

(a)ir-riżultati tagħhom mingħajr ħlas ta' drittjiet lil kwalunkwe benefiċjarju ieħor fl-azzjoni li għandu bżonnhom biex jimplimenta l-kompiti tiegħu stess;

(b)l-isfond tagħhom lil kwalunkwe benefiċjarju ieħor fl-azzjoni li għandu bżonnu biex jimplimenta l-kompiti tiegħu, soġġett għal kwalunkwe restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1(c); it-tali aċċess għandu jingħata ħieles mir-royalties, sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor mill-benefiċjarji qabel l-adeżjoni tagħhom għall-ftehim dwar l-għotja;

(c)ir-riżultati tagħhom u, soġġett għal kwalunkwe restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1(c), l-isfond tagħhom lil kwalunkwe benefiċjarju ieħor fl-azzjoni li għandu bżonnu biex jisfrutta r-riżultati tiegħu stess; dak l-aċċess għandu jingħata taħt kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli li jridu jiġu miftiehma.

3.Sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-benefiċjarji, huma għandhom ukoll jagħtu aċċess għar-riżultati tagħhom u, soġġett għal kwalunkwe restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 1(c), l-isfond tagħhom lil entità ġuridika li:

(a)hija stabbilita fi Stat Membru jew pajjiż assoċjat;

(b)hija taħt il-kontroll dirett jew indirett ta’ benefiċjarju ieħor, jew hija taħt l-istess kontroll dirett jew indirett bħal dak il-benefiċjarju, jew hija qiegħda tikkontrolla direttament jew indirettament lil dak il-benefiċjarju; u

(c)teħtieġ l-aċċess biex tuża r-riżultati ta’ dak il-benefiċjarju.

L-aċċess għandu jingħata taħt kundizzjonijiet ġusti u raġonevoli li jridu jiġu miftiehma.

4.Talba għal aċċess għal skop ta’ użu tista’ ssir sa sena wara t-tmiem tal-azzjoni, sakemm il-benefiċjarji ma jaqblux dwar limitu ta’ żmien differenti. 

5.Il-benefiċjarji li jkunu rċevew finanzjament mill-Unjoni għandhom jagħtu l-aċċess għar-riżultati tagħhom mingħajr ħlas ta' drittjiet lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni bil-għan li jiżviluppaw, jimplimentaw u jimmonitorjaw il-politiki jew il-programmi tal-Unjoni. L-aċċess għandu jkun limitat għall-użu mhux kummerċajli u mhux kompetittiv.

F’azzjonijiet taħt “Soċjetà inklużivi u sikura”, il-qasam ta’ intervent “Protezzjoni u Sigurtà”, il-benefiċjarji li jkunu rċevew finanzjament mill-Unjoni għandhom ukoll jagħtu aċċess għar-riżultati tagħhom fuq bażi ta’ mingħajr royalties lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, għall-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki jew il-programmi tagħhom f’dak il-qasam. L-aċċess għandu jkun limitat għal użu mhux kummerċajli u mhux kompetittiv u għandu jingħata fuq ftehim bilaterali li jiddefinixxi l-kundizzjonijiet speċifiċi bil-għan li jiġi żgurat li dawk id-drittijiet jintużaw biss għall-fini intenzjonat u li obbligi ta' kunfidenzjalità adatti jkunu fis-seħħ. L-Istat Membru, l-istituzzjoni, il-korp, l-uffiċċju jew l-aġenzija tal-Unjoni li tagħmel it-talba għandha tinnotifika lill-Istati Membri kollha dwar talbiet bħal dawn.

6.Il-programm ta’ ħidma jista’ jipprevedi drittijiet ta' aċċess addizzjonali.

Artikolu 38

Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-użu u d-disseminazzjoni

Regoli speċifiċi dwar is-sjieda, l-isfruttar u t-tixrid, it-trasferiment u l-liċenzjar kif ukoll id-drittijiet tal-aċċess jistgħu japplikaw għall-azzjonijiet tal-ERC, l-azzjonijiet ta’ taħriġ u ta’ mobilità, l-azzjonijiet ta’ akkwist prekummerċjali, l-azzjonijiet ta’ akkwist pubbliku ta’ soluzzjonijiet innovattivi, l-azzjonijiet kofinanzjati tal-programm u l-azzjonijiet ta’ koordinazzjoni u appoġġ.

Dawn ir-regoli speċifiċi ma għandhomx ibiddilu l-obbligi dwar l-aċċess miftuħ.

KAPITOLU III

Premjijiet

Artikolu 39

Premjijiet

1.Premjijiet li jaqgħu taħt il-Programm għandhom jingħataw u jiġu ġestiti skont it-Titolu IX tar-Regolament Finanzjarju, sakemm mhux speċifikat mod ieħor f’dan il-Kapitolu.

2.Kwalunkwe entità legali, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment tagħha, tista’ tipparteċipa f’kuntest, sakemm ma jkunx stabbilit mod ieħor fil-programm ta’ ħidma jew ir-regoli tal-kuntest.

3.Il-Kummissjoni jew il-korp tal-iffinanzjar jistgħu jorganizzaw premijiet ma’:

(a)Korpi oħra tal-Unjoni;

(b)pajjiżi terzi, inklużi l-organizzazzjonijiet jew l-aġenziji xjentifiċi u teknoloġiċi tagħhom;

(c)organizzazzjonijiet internazzjonali; jew

(d)entitajiet legali mingħajr skop ta’ qligħ.

4.Il-programm ta’ ħidma jew ir-regoli tal-kuntest jistgħu jinkludu obbligi dwar il-komunikazzjoni, l-isfruttament u t-tixrid.

KAPITOLU IV

Akkwisti

Artikolu 40

Akkwisti

1.L-akkwist li jaqa’ taħt il-Programm għandhom jingħataw u jiġu ġestiti skont it-Titolu VII tar-Regolament Finanzjarju, sakemm mhux speċifikat mod ieħor f’dan il-Kapitolu.

2.L-akkwist jista' wkoll jieħu il-forma ta’ akkwist pre-kummerċjali jew ta’ akkwist ta’ soluzzjonijiet innovattivi mwettqa mill-Kummissjoni jew mill-korp ta’ finanzjament għan-nom tagħhom stess jew flimkien ma’ awtoritajiet kontraenti mill-Istati Membri u pajjiżi assoċjati. F’dan il-każ, għandhom japplikaw ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 22.

KAPITOLU V

Operazzjonijiet ta’ taħlit u finanzjament imħallat

Artikolu 41

Operazzjonijiet ta’ taħlit

L-operazzjonijiet ta’ taħlit skont dan il-Programm għandhom jiġu implimentati skont il-Programm InvestEU u t-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju.

Artikolu 42

Orizzont Ewropa u finanzjament imħallat tal-EIC

1.Il-komponenti tal-għotja u l-avvanz rimborsabbli ta’ Orizzont Ewropa jew il-finanzjament imħallat tal-EIC għandhom ikunu soġġetti għall-Artikoli minn 30 sa 33.

2.Il-finanzjament imħallat tal-EIC għandu jiġi implimentat skont l-Artikolu 43. L-appoġġ skont il-finanzjament imħallat tal-EIC jista’ jingħata sakemm l-azzjoni tista’ tkun iffinanzjata bħala operazzjoni ta’ taħlit jew bħala operazzjoni ta’ finanzjament u investiment kompletament koperta mill-garanzija tal-UE skont InvestEU. B’deroga mill-Artikolu 209 tar-Regolament Finanzjarju, il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu (2) u, b’mod partikolari, il-paragrafu (a) u (d), ma għandhomx japplikaw meta ssir l-għotja ta’ finanzjament imħallat tal-EIC

3.Il-finanzjament imħallat ta’ Orizzont Ewropa jista’ jingħata lil kofond tal-programm meta programm konġunt tal-Istati Membri u pajjiżi assoċjati jipprevedi l-iskjerament ta’ strumenti finanzjarji b’appoġġ tal-azzjonijiet magħżula. L-evalwazzjoni u l-għażla ta’ azzjonijiet bħal dawn għandhom isiru skont l-Artikoli 19, 20, 23, 24, 25 u 26. Il-modalitajiet tal-implimentazzjoni tal-finanzjament imħallat ta’ Orizzont Ewropa għandhom jikkonformaw mal-Artikolu 29, b’analoġija mal-Artikolu 43(9) u mal-kundizzjonijiet addizzjonali ddefiniti fil-programm ta’ ħidma.

4.Il-ħlasijiet lura inkluż l-avvanzi rimoborżati u d-dħul ta’ Orizzont Ewropa u l-finanzjament imħallat tal-EIC għandhom jitqiesu bħala dħul assenjat intern skont l-Artikoli 21(3)(f) u 21(4) tar-Regolament Finanzjarju.

5.Orizzont Ewropa u l-finanzjament imħallat tal-EIC għandhom ikunu provduti b’mod li ma jfixkilx il-kompetizzjoni.

Artikolu 43

Aċċeleratur tal-EIC

1.Il-benefiċjarju tal-Aċċelleratur tal-EIC għandu jkun entità ġuridika li tikkwalifika bħala negozju ġdid, SME jew kumpanija b’kapitalizzazzjoni medja, stabbilita fi Stat Membru jew f’pajjiż assoċjat. Il-proposta tista’ tiġi sottomessa mill-benefiċjarju, jew minn persuna naturali jew entità legali waħda jew aktar li għandhom l-intenzjoni li jistabbilixxu jew jappoġġjaw lil dak il-benefiċjarju.

2.Id-deċiżjoni tal-għotja unika għandha tkopri u tipprovdi finanzjament għal kull forma ta’ kontribuzzjoni tal-Unjoni prevista skont finanzjament imħallat tal-EIC.

3.Il-proposti għandhom jiġu evalwati fuq il-mertu individwali tagħhom minn esperti indipendenti u magħżula fil-kuntest ta’ programm ta’ sejħa miftuħa b’dati ta’ skadenza, ibbażata fuq l-Artikoli minn 24 sa 26, soġġett għall-paragrafu 4.

4.Il-kriterji tal-għoti għandhom ikunu:

l-eċċellenza;

l-impatt;

il-livell tar-riskju tal-azzjoni u l-ħtieġa għall-appoġġ tal-Unjoni.

5.Bil-qbil tal-applikanti kkonċernati, il-Kummissjoni jew l-entitajiet tal-finanzjament li jimplimentaw Orizzont Ewropa jistgħu jissottomettu għall-valutazzjoni b’mod dirett skont l-aħħar kriterju tal-valutazzjoni proposta għal azzjoni ta’ innovazzjoni u skjerament fis-suq li diġà tissodisfa l-ewwel żewġ kriterji, suġġett għall-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

il-proposta għandha tirriżulta minn kwalunkwe azzjoni oħra ffinanzjata minn Orizzont 2020 jew minn dan il-Programm, jew minn xi programm nazzjonali simili tal-Pathfinder tal-EIC u li tkun rikonoxxuta bħala tali mill-Kummissjoni;

tkun imsejsa fuq proġett ta’ reviżjoni preċedenti li jevalwa l-eċċellenza u l-impatt tal-proposta u li jkun soġġett għal kundizzjonijiet u proċessi aktar dettaljati fil-programm ta’ ħidma.

6.Siġill ta’ Eċċellenza jista’ jingħata suġġett għal dawn il-kundizzjonijiet kumulattivi:

il-benefiċjarju huwa negozju ġdid jew SME,

il-proposta kienet eliġibbli u għaddiet mil-limiti applikabbli għall-ewwel żewġ kriterji msemmija fil-paragrafu 4,

għal dawk l-attivitajiet li jkunu eliġibbli skont azzjoni ta’ innovazzjoni.

7.Fil-każ ta’ proposta li tkun għaddiet mill-valutazzjoni, l-esperti indipendenti għandhom jipproponu valutazzjoni korrispondenti tal-finanzjament imħallat, ibbażata fuq ir-riskju u r-riżorsi u l-ħin meħtieġ biex l-innovazzjoni tinġieb u tiġi skjerata fis-suq.

Il-Kummissjoni tista’ tiċħad proposta tal-esperti indipendenti abbażi ta’ raġunijiet ġustifikati, inkluż il-konformità mal-għanijiet tal-politiki tal-Unjoni.

8.Il-komponenti tal-għotja u l-avvanz rimborsabbli tal-finanzjament imħallat ma għandhomx jaqbżu is-70% tal-ispejjeż tal-azzjoni tal-innovazzjoni magħżula.

9.Il-modalitajiet tal-implimentazzjoni tal-ekwità u l-komponenti tal-appoġġ imħallas lura tal-finanzjament imħallat tal-EIC għandhom ikunu dettaljati fid-Deċiżjoni [Programm speċifiku].

10.Il-kuntratt għall-azzjoni magħżula għandu jistabbilixxu miri speċifiċi u prefinanzjament u pagamenti bin-nifs korrispondenti tal-finanzjament imħallat tal-EIC.

Attivitajiet li jikkorrispondu għal azzjoni ta’ innovazzjoni jistgħu jiġu mnedija u l-ewwel prefinanzjament tal-għotja jew avvanz rimborsabbli jistgħu jitħallsu, qabel l-implimentazzjoni ta’ komponenti oħra tal-finanzjament imħallat tal-EIC. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-komponenti għandha tkun soġġetta għall-kisbiet tal-għanijiet speċifiċi stabbiliti fil-kuntratt.

11.Skont il-kuntratt, l-azzjoni għandha tiġu sospiża, emendata jew mitmuma jekk il-miri ma jintlaħqux. Tista’ tintemm ukoll meta l-iskjerament fis-suq mistenni ma jkunx jista’ jintlaħaq.

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li żżid il-finanzjament imħallat tal-EIC soġġett għal reviżjoni tal-proġett minn esperti indipendenti esterni.

Kapitolu VI

Esperti

Artikolu 44

Ħatra ta’ esperti esterni

1.B’deroga mill-Artikolu 237(3) tar-Regolament Finanzjarju, esperti esterni jistgħu eċċezzjonalment jiġu magħżula mingħajr sejħa għal turija ta’ interess, jekk ikun iġġustifikat u jekk l-għażla ssir b’mod trasparenti.

2.Skont l-Artikolu 237(2) u 237(3) tar-Regolament Finanzjarju, l-esperti esterni għandhom jitħallsu abbażi ta’ kundizzjonijiet standard. Jekk iġġustifikat, livell adatt ta’ remunerazzjoni lil hinn mill-kundizzjonijiet standard skont l-istandards tas-suq relevanti, speċjalment għal esperti ta’ livell għoli speċifiku, jista’ jingħata.

3.Barra mill-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 38 tar-Regolament Finanzjarju, l-ismijiet ta’ esperti esterni li jevalwaw l-applikazzjonijiet għal għotjiet, li huma maħtura f’kapaċità personali, għandhom jiġu ppubblikati, flimkien mal-qasam ta’ kompetenza esperta tagħhom, mill-inqas darba fis-sena fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni jew tal-korp ta' finanzjament. Tali informazzjoni għandha tinġabar, tiġi pproċessata u ppubblikata f'konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data tal-UE.

TITOLU III

MONITORAĠĠ, KOMUNIKAZZJONI, EVALWAZZJONI U KONTROLL TAL-PROGRAMM

Artikolu 45

Monitoraġġ u rapportar

1.L-indikaturi tar-rapportar dwar il-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 huma stabbiliti fl-Anness V tul id-direzzjonijiet tal-impatt.

2.Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 50 fir-rigward ta’ emendi għall-Anness V ħalli tissupplementa jew temenda l-indikaturi tad-direzzjoni tal-impatt, fejn huwa meqjus neċessarju, u tistabbilixxu linji ta’ referenza u miri.

3.Is-sistema ta’ rapportar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-programm u r-riżultati tinġabar b’mod effiċjenti, b’mod effettiv, u f’waqtha. Għal dan il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta’ rapportar proporzjonat fuq dawk li jirċievu l-fondi tal-UE u (fejn rilevanti) l-Istati Membri.

Artikolu 46

Informazzjoni, komunikazzjoni, pubbliċità u disseminazzjoni u użu

1.Ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni (b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom) billi jipprovdu informazzjoni mmirata koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi inkluż lill-midja u lill-pubbliku.

2.Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u ta' komunikazzjoni relatati mal-Programm, u l-azzjonijiet u r-riżultati tagħha. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, diment li dawn ikunu relatati mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3.

3.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi wkoll strateġija ta’ tixrid u sfruttament u żżid id-disponibbiltà u t-tixrid tar-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-għarfien tal-Programm biex tħaffef l-isfruttament lejn l-adozzjoni mis-suq u tqawwi l-impatt tal-Programm. Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva dwar il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni kif ukoll attivitajiet ta’ informazzjoni, komunikazzjoni, pubbliċità, disseminazzjoni u użu sakemm dawn ikunu relatati għall-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 3.

Artikolu 47

Evalwazzjoni tal-programm

1.L-evalwazzjonijiet tal-Programm għandhom jitwettqu fil-ħin sabiex jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar il-programm, is-suċċessur tiegħu u inizjattivi oħra rilevanti għar-riċerka u l-innovazzjoni.

2.L-evalwazzjoni interim tal-Programm għandha titwettaq ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tal-programm. Hija għandha tinkludi valutazzjoni tal-impatt fit-tul ta’ Programmi Qafas preċedenti u għandha tifforma l-bażi biex tiġi aġġustata l-implimentazzjoni tal-programm, kif adatt.

3.Fi tmiem l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara t-tmiem tal-perjodu speċifikat fl-Artikolu 1, evalwazzjoni finali tal-Programm għandha titlesta mill-Kummissjoni. Hija għandha tinkludi valutazzjoni tal-impatt fit-tul ta’ Programmi Qafas preċedenti.

4.Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, akkumpanjati mill-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Artikolu 48

Awditi

1.Is-sistema ta’ kontroll għall-Programm għandha tiżgura bilanċ adatt bejn il-fiduċja u l-kontroll, filwaqt li jitqisu l-kostijiet amministrattivi u kostijiet oħra tal-kontrolli fil-livelli kollha, speċjalment għall-benefiċjarji.

2.L-istrateġija tal-awditi għall-Programm għandha tkun ibbażata fuq l-awditu finanzjarju ta’ kampjun rappreżentattiv tan-nefqa fil-firxa tal-Programm kollu. Il-kampjun rappreżentattiv għandu jkun ikkumplimentat b’għażla bbażata fuq valutazzjoni tar-riskji relatati man-nefqa. L-azzjonijiet li jirċievu finanzjament kumulattiv minn diversi programmi tal-Unjoni għandhom jiġu vverifikati darba waħda biss, li tkopri l-programmi kollha involuti u r-regoli applikabbli rispettivi tagħhom.

3.Barra minn hekk, il-Kummissjoni jew il-korp ta’ finanzjament jista’ jiddependi fuq reviżjonijiet tas-sistemi kkombinati fil-livell tal-benefiċjarji. Dawn ir-reviżjonijiet għandhom ikunu obbligatorji għal ċerti tipi ta’ benefiċjarji u għandhom jikkonsisti minn proċess tal-awditjar tas-sistemi u tal-awditjar tal-proċess, flimkien ma’ lista ta’ tranżazzjonijiet imwettqa minn awtorità kompetenti, minn awditur indipendenti kwalifikat biex iwettaq awditi statutorji ta’ dokumenti tal-kontijiet skont id-Direttiva 2006/43/KE 34 . Huma jistgħu jintużaw mill-Kummissjoni jew korp ta’ finanzjament biex jistabbilixxi assigurazzjoni ġenerali tal-ġestjoni finanzjarja tajba tan-nefqa u għall-kunsiderazzjoni mill-ġdid tal-livell ta’ awditi ex post u ċertifikati ta’ dikjarazzjonijiet finanzjarji.

4.Barra minn hekk, b’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni jew il-korp ta' finanzjament jistgħu jiddependu fuq awditi dwar l-użu ta’ kontribuzzjonijiet tal-Unjoni mwettqa minn persuni jew entitajiet oħra, inkluż minn barra minn dawk b’mandat mill-Istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni.

5.L-awditi jistgħu jitwettqu sa sentejn wara l-ħlas tal-bilanċ.

Artikolu 49

Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

1.Il-Kummissjoni jew ir-rappreżentanti tagħha, u l-Qorti tal-Awdituri, għandu jkollhom is-setgħa tal-awditjar, jew fil-każ ta ' organizzazzjonijiet internazzjonali, is-setgħa ta ' verifika f ' konformità mal-ftehimiet li jkunu ntlaħqu magħhom, abbażi ta ' dokumenti u fil-post, fir-rigward tal-benefiċjarji, il-kuntratturi u s-subkuntratturi kollha tal-għotjiet , li jkunu rċevew fondi tal-Unjoni skont dan ir-Regolament.

2.L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) jista' jwettaq investigazzjonijiet, inklużi verifiki u spezzjonijiet fuq il-post, f'konformità mad-dispożizzjonijiet u l-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96, bil-ħsieb li jiġi stabbilit jekk kien hemmx frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'rabta ma' finanzjament tal-Unjoni jew garanziji baġitarji skont dan ir-Regolament.

3.L-awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu wkoll ikunu meħtieġa li jikkooperaw mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE), skont il-Ftehimiet ta’ Assistenza Legali Reċiproka, meta jwettaq investigazzjonijiet dwar reati kriminali li jaqgħu taħt il-kompetenza tiegħu skont ir-Regolament (UE) 2017/1939.

4.Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2, ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, kuntratti, ftehimiet ta’ għotja u impenji legali oħrajn, kif ukoll ftehimiet li jistabbilixxu garanzija baġitarja, li jirriżultaw mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandu jkollhom dispożizzjonijiet li jagħtu s-setgħa b’mod espliċitu lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-OLAF sabiex iwettqu t-tali awditi, verifiki u spezzjonijiet fuq il-post skont il-kompetenzi rispettivi tagħhom. Dan għandu jinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni jew ta’ operazzjoni ta’ finanzjament sostnuta, b’mod sħiħ jew parzjali, minn garanzija baġitarja tagħti drittijiet ekwivalenti.

Artikolu 50

Eżerċizzju tad-delega

1.Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

2. Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 45(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta' Diċembru 2028.

3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 45(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandu jibda jkollha effett fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li diġà jkun fis-seħħ.

4.Qabel ma tadotta l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti maħtura minn kull Stat Membru b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 45(2) għandu jidħol fis-seħħ jekk l-ebda oġġezzjoni ma tkun ġiet espressa jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn li huma għarrfu lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

Artikolu 51

Tħassir

Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1290/2013 qed jiġu mħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.

Artikolu 52

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika tal-azzjonijiet ikkonċernati, skont ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 u r-Regolament (UE) Nru 1290/2013, li għandhom ikomplu japplikaw għal dawk l-azzjonijiet sal-għeluq tagħhom. Programmi ta’ ħidma u azzjonijiet previsti fil-pjanijiet ta’ ħidma adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 u skont l-atti bażiċi tal-korpi ta’ finanzjament korrispondenti għandhom ukoll ikomplu jiġu rregolati mir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 u dawk l-atti bażiċi sat-tlestija tagħhom.

2.Il-pakkett finanzjarju għall-Programm jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati skont il-predeċessur tiegħu r-Regolament (UE) Nru 1291/2013.

Artikolu 53

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)     https://ec.europa.eu/info/news/bold-science-meet-big-challenges-independent-report-calls-mission-oriented-eu-research-and-innovation-2018-feb-22_en  
(2)    Analiżi dettaljata ta’ kif dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew indirizzati hija annessa mal-Valutazzjoni tal-Impatt.
(3)    Abbażi tal-Mudell NEMESIS, li jikkorrispondi mal-ogħla impatt tal-Programm.
(4)    Analiżi tan-Netwerks dwar il-parteċipazzjoni tal-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili fil-Programmi Qafas tal-UE.
(5)    Elementi ulterjuri jistgħu jinstabu fl-Anness għall-Valutazzjoni tal-Impatt
(6)    Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016; ĠU L 123, 12.5.2016, p. 114
(7)    Elementi ulterjuri jistgħu jinstabu fl-Anness għall-Valutazzjoni tal-Impatt.
(8)    Il-Kummissjoni Ewropea (2017), Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u r-regoli tal-applikazzjoni tiegħu, disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/budget/library/biblio/documents/regulations/financial_regulation_2017_en.pdf
(9)    Komunikazzjoni tal-KE “Towards a common European data space”, COM(2018)232 final
(10)    ĠU C […], […], p. […].
(11)    ĠU C […], […], p. […].
(12)    Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew ta’… [(għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)] u d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’….
(13)    Ara eż. l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament li jistabbilixxi qafas ta’ skrinjar għall-Investiment Dirett Barrani fl-UE, COM(2017)487.
(14)    Ir-referenza se tiġi aġġornata: ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1. Il-ftehim huwa disponibbli fuq: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=uriserv:OJ.C_.2013.373.01.0001.01.ENG&toc=OJ:C:2013:373:TOC  
(15)    Ir-Regolament (UE, Euratom ) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1073/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999, (ĠU L248, 18.9.2013, p. 1.
(16)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.95, p.1).
(17)    Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolarijiet oħra (ĠU L 292, 15.11.96, p.2).
(18)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L283, 31.10.2017, p.1).
(19)    Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).
(20)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta’ Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea ) (ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1).
(21)    ĠU C 205, 19.7.2013, p. 9.
(22)    Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006.
(23)    ĠU ….
(24)    
(25)    Ir-riċerka relatata mat-trattament tal-kanċer tal-gonadi tista' tiġi ffinanzjata.
(26)    Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE. (ĠU L 94, 28.03.2014, p. 65)
(27)    Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.03.2014, p. 243).
(28)    Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta’ ċerti kuntratti tax-xogħol, kuntratti ta’ forniment u kuntratti ta’ servizzi mill-awtoritajiet kontraenti jew entitajiet fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà u li temenda d-Direttivi 2004/17/KE u 2004/18/KE (ĠU L 216 20.08.2009 p.76).
(29)    Id-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87)

Brussell,7.6.2018

COM(2018) 435 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi Orizzont Ewropa - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni
u li jistabbilixxi r-regoli għall-parteċipazzjoni fih u t-tixrid tiegħu

{SEC(2018) 291 final}
{SWD(2018) 307 final}
{SWD(2018) 308 final}
{SWD(2018) 309 final}


ANNESS I

IL-LINJI PRINĊIPALI TAL-ATTIVITAJIET

L-għanijiet ġenerali u speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3 ser jiġu segwiti fil-Programm kollu, permezz tal-oqsma ta’ intervent u l-linji ġenerali ta’ attività deskritti f’dan l-Anness, kif ukoll fl-Anness I tal-Programm Speċifiku.

(1) Pilastru I “Xjenza Miftuħa”

Permezz tal-attivitajiet li ġejjin, dan il-pilastru, b’konformità mal-Artikolu 4, ser jappoġġa l-ħolqien u t-tixrid ta’ ħiliet, teknoloġiji u soluzzjonijiet ta’ għarfien ta’ kwalità għolja għall-isfidi globali. Dan ser jikkontribwixxi wkoll lejn l-għanijiet speċifiċi l-oħra tal-Programm kif deskritt fl-Artikolu 3.

(a)Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka: Jipprovdi finanzjament attraenti u flessibbli sabiex riċerkaturi individwali kreattivi u b’talent u t-timijiet tagħhom ikunu jistgħu jsegwu l-mogħdijiet l-aktar promettenti fil-fruntieri tax-xjenza, abbażi ta’ kompetizzjoni mifruxa mal-Unjoni kollha.

Qasam ta’ intervent: Xjenza fil-fruntieri tal-għarfien

(b)L-Azzjonijiet Marie-Skłodowska Curie (MSCA): Jattrezzaw lir-riċerkaturi b’għarfien u ħiliet ġodda permezz tal-mobbiltà u l-esponiment bejn il-fruntieri, is-setturi u d-dixxiplini, kif ukoll l-istrutturar u t-titjib istituzzjonali u nazzjonali għar-reklutaġġ, it-taħriġ u s-sistemi ta’ żvilupp tal-karriera; b’dan il-mod, l-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie jgħinu biex jibnu l-pedamenti ta’ pajsaġġ ta’ riċerka eċċellenti fl-Ewropa billi jikkontribwixxu għal spinta lill-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment, u biex jissolvew l-isfidi attwali u futuri tas-soċjetà.

Oqsma ta’ intervent: It-trawwim tal-eċċellenza permezz tal-mobbiltà ta’ riċerkaturi bejn il-fruntieri, is-setturi u d-dixxiplini; it-trawwim ta’ ħiliet ġodda permezz ta’ taħriġ eċċellenti tar-riċerkaturi; it-tisħiħ tal-kapital uman u l-iżvilupp tal-ħiliet fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka kollha; it-titjib u l-iffaċilitar tas-sinerġiji; il-promozzjoni tas-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku.

(c)Infrastrutturi tar-Riċerka: L-arrikkiment tal-Ewropa b’infrastrutturi ta’ riċerka sostenibbli ta’ klassi mondjali li jkunu miftuħa u aċċessibbli għall-aqwa riċerkaturi mill-Ewropa u lil hinn minnha. B’dan il-mod il-potenzjal tal-infrastruttura biex issostni l-avvanz xjentifiku u l-innovazzjoni, u biex tippermetti li x-xjenza miftuħa, ser jissaħħaħ, flimkien ma’ attivitajiet bil-politika marbuta mal-politika u l-kooperazzjoni internazzjonali tal-Unjoni.

Oqsma ta’ intervent: Il-konsolidamnet tal-pajsaġġ tal-infrastrutturi Ewropej tar-riċerka; Il-ftuħ, l-integrazzjoni u l-interkonnessjoni ta’ infrastrutturi tar-riċerka; Rinfurzar tal-politika dwar l-infrastrutturi tar-riċerka Ewropej u l-kooperazzjoni internazzjonali

(2) Pilastru II “Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali”

Permezz ta’ dan l-attivitajiet li ġejjin, b’konformità mal-Artikolu 4, dan il-pilastru ser isaħħaħ l-impatt tar-riċerka u l-innovazzjoni billi jiżviluppa, jappoġġa u jimplimenta l-politiki tal-Unjoni, u jagħti appoġġ lill-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi fl-industrija u s-soċjetà biex jiġu indirizzati l-isfidi globali; Ser jikkontribwixxi wkoll lejn l-għanijiet speċifiċi l-oħra tal-Programm kif deskritt fl-Artikolu 3.

Biex jiġi massimizzat l-impatt tal-flessibilità u s-sinerġiji, l-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni ser jiġu organizzati f’ħames clusters, li individwalment u flimkien ser jinċentivaw kooperazzjoni interdixxiplinari, transsettorjali, transpolitika, transkonfinali u internazzjonali.

Kull cluster jikkontribwixxi lejn bosta SDGs; u bosta SDGs huma appoġġati minn aktar minn cluster tan-negozju wieħed.

L-attivitajiet tal-R&I ser jiġu implimentati fil-clusters li ġejjin u bejniethom:

(a)Il-cluster tas-“Saħħa”: It-titjib u l-ħarsien tas-saħħa taċ-ċittadini f’kull età, billi jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi għall-prevenzjoni, id-dijanjożi, il-monitoraġġ, it-trattament u l-kura tal-mard; il-mitigazzjoni tar-riskji fuq is-saħħa, il-protezzjoni tal-popolazzjonijiet u l-promozzjoni ta’ saħħa tajba; is-sistemi tas-saħħa pubblika jsiru aktar kosteffikaċi, ġusti u sostenibbli; l-appoġġ lill-parteċipazzjoni tal-pazjenti u l-awtoġestjoni u li dawn ikunu possibbli.

Oqsma ta’ intervent: Is-saħħa matul il-ħajja kollha; Id-determinanti tas-saħħa ambjentali u soċjali; Mard li ma jittiħidx u mard rari; Mard li jittieħed; Għodod, teknoloġiji u soluzzjonijiet diġitali għas-saħħa u l-kura; Sistemi tal-kura tas-saħħa

(b)Il-cluster tas-“Soċjetà Inklussiva u Sigura”: It-tisħiħ tal-valuri demokratiċi Ewropej, inkluż l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, is-salvagwardja tal-wirt kulturali tagħna, u l-promozzjoni tat-trasformazzjonijiet soċjoekonomiċi, li jikkontribwixxu għall-inklużjoni u t-tkabbir, filwaqt li jiġu indirizzati l-isfidi li jirriżultaw minn theddid persistenti ta’ sigurtà, inkluża ċ-ċiberkriminalità, kif ukoll diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem.

Oqsma ta’ intervent: Id-demokrazija; Il-wirt kulturali; It-trasformazzjonijiet ekonomiċi u soċjali; Is-soċjetajiet reżiljenti għad-diżastri; Il-protezzjoni u sigurtà; Iċ-ċibersigurtà

(c)Il-cluster tad-“Diġitali u Industrija”: Ir-rinfurzar tal-kapaċitajiet u l-assigurazzjoni tas-sovranità tal-Ewropa f’teknoloġiji ewlenin abilitanti għad-diġitalizzazzjoni u l-produzzjoni, u fit-teknoloġija spazjali, biex tinbena industrija kompetittiva, diġitali, b’livell baxx ta’ karbonju u ċirkolari; tiġi żgurata provvista sostenibbli tal-materja prima; u tiġi pprovduta l-bażi għall-avvanzi u l-innovazzjoni fl-isfidi globali tas-soċjetà.

Oqsma ta’ intervent: It-teknoloġiji tal-manifattura; It-teknoloġiji diġitali; Il-materjali avvanzati; L-intelliġenza artifiċjali u r-robotika; L-internet tal-ġenerazzjoni li jmiss; Il-computing bi prestazzjoni għolja u l-Big Data; L-industrija b’livell baxx ta’ karbonju u nadifa; L-ispazju

(d)Il-cluster tal-“Klima, Enerġija u Mobilità”: Il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima permezz ta’ fehim aħjar tal-kawżi, l-evoluzzjoni, ir-riskji, l-impatti u l-opportunitajiet tiegħu, u billi s-setturi tal-enerġija u tat-trasport isiru aktar favur il-klima u l-ambjent, aktar effiċjenti u kompetittivi, aktar intelliġenti, aktar sikuri, u aktar reżiljenti.

Oqsma ta’ intervent: Ix-xjenza u s-soluzzjonijiet tal-klima; Il-provvista tal-enerġija; Is-sistemi u l-grids tal-enerġija; Il-binjiet u l-faċilitajiet industrijali fit-tranżizzjoni tal-enerġija; Il-komunitajiet u l-bliet; Il-kompetittività industrijali fit-trasport; It-trasport u mobbiltà nadifa; Il-mobbiltà intelliġenti; Il-ħżin tal-enerġija

(e)Il-cluster tal-“Ikel u r-Riżorsi naturali”. Il-protezzjoni, ir-restawr, il-ġestjoni sostenibbli u l-użu ta’ riżorsi naturali u bijoloġiċi mill-art u l-baħar biex tiġi indirizzata s-sigurtà tal-ikel u n-nutrizzjoni u t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari b’livell baxx ta’ karbonju u b’użu effiċjenti tar-riżorsi.

Oqsma ta’ intervent: L-osservazzjoni ambjentali; Il-bijodiversità u l-kapital naturali; L-agrikoltura, il-forestrija u ż-żoni rurali; Il-baħar u l-oċeani; Is-sistemi tal-ikel; Is-sistemi ta’ innovazzjoni b’bażi bijoloġika; Is-sistemi ċirkolari

(f)Azzjonijiet diretti mhux nukleari taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka: Il-ġenerazzjoni ta’ evidenza xjentifika ta’ kwalità għolja għal politiki pubbliċi tajbin. Inizjattivi u proposti ġodda għal-leġiżlazzjoni tal-UE jeħtieġu evidenza trasparenti, komprensiva u bbilanċjata, filwaqt l-implimentazzjoni tal-politika teħtieġ evidenza biex tkejjel u timmonitorja l-progress. Il-JRC ser jipprovdi politiki tal-Unjoni b’evidenza xjentifika indipendenti u appoġġ tekniku matul iċ-ċiklu kollu tal-politika. Il-JRC ser jiffoka r-riċerka tiegħu dwar il-prijoritajiet ta’ politika tal-UE.

Oqsma ta’ intervent: Is-saħħa; ir-reżiljenza u s-sigurtà; it-teknoloġija diġitali u l-industrija; il-klima, l-enerġija u l-mobbiltà l-ikel u r-riżorsi naturali; l-appoġġ għall-funzjonament tas-suq intern u l-governanza ekonomika tal-Unjoni; l-appoġġ lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti; l-għodod u l-metodi analitiċi għat-tfassil tal-politika; il-ġestjoni tal-għarfien; it-trasferiment tal-għarfien u t-teknoloġija; l-appoġġ lil xjenza għall-pjattaformi politiċi.

(3) Pilastru III “Innovazzjoni Miftuħa”

Permezz tal-attivitajiet li ġejjin, b’konformità mal-Artikolu 4, dan il-pilastru ser jippromwovi l-forom kollha ta’ innovazzjoni, inklużi l-innovazzjoni rivoluzzjonarja, u jsaħħaħ l-iskjerament fis-suq tas-soluzzjonijiet innovattivi. Dan ser jikkontribwixxi wkoll lejn l-għanijiet speċifiċi l-oħra tal-Programm kif deskritt fl-Artikolu 3.

(a)Il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka: il-promozzjoni ta’ innovazzjoni rivoluzzjonarja b’potenzjal ta’ espansjoni fil-livell globali

Oqsma ta’ intervent: Pathfinder, sostenn lit-teknoloġiji futuri u emerġenti rivoluzzjonarji; Aċċeleratur, tnaqqis fid-distakk finanzjarju bejn l-aħħar stadji tal-attivitajiet ta’ innovazzjoni u t-teħid tas-suq biex titħaddem b’mod effettiv l-innovazzjoni rivoluzzjonarja li toħloq swieq ġodda, u kumpaniji li qed jespandu fejn is-suq ma jkunx qed jipprovdi finanzjament vijabbli, u; attivitajiet addizzjonali bħal premjijiet u fellowships, u servizzi b’valur miżjud għan-negozji.

(b)Ekosistemi ta’ innovazzjoni Ewropea

Oqsma ta’ intervent: Il-konnessjoni ma’ atturi reġjonali u nazzjonali ta’ innovazzjoni u l-appoġġ għall-implimentazzjoni ta’ programmi konġunti ta’ innovazzjoni transfruntiera mill-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati, mit-tisħiħ tal-ħiliet personali għall-innovazzjoni għal azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni, u biex tiżdied l-effikaċja tas-sistema Ewropea ta’ innovazzjoni. Dan ser jikkomplimenta l-appoġġ tal-FEŻR għal ekosistemi tal-innovazzjoni u sħubiji interreġjonali madwar temi ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti.

(c)L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija

Oqsma ta’ intervent: It-tisħiħ tal-ekosistemi tal-innovazzjoni sostenibbli fl-Ewropa kollha; It-trawwim tal-iżvilupp ta’ ħiliet intraprenditorjali u ta’ innovazzjoni f’perspettiva tal-apprendiment tul il-ħajja u l-appoġġ tat-trasformazzjoni intraprenditorjali f’universitajiet tal-UE; L-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet ġodda għall-isfidi soċjetali globali fis-suq; Sinerġiji u valur miżjud fi ħdan Orrizont Ewropa.

4) Parti “Tisħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka”

Permezz tal-attivitajiet li ġejjin, b’konformità mal-Artikolu 4, din il-parti ser tottimizza t-twettiq tal-Programm għal impatt akbar fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka msaħħa. Dan ser isostni wkoll l-għanijiet speċifiċi l-oħra tal-Programm kif deskritt fl-Artikolu 3. Filwaqt li tirfed il-Programm kollu, din il-parti ser tappoġġa l-attivitajiet li jikkontribwixxu għal Ewropa bbażata aktar fuq l-għarfien, aktar innovattiva u aktar ugwali bejn is-sessi, fuq quddiem nett tal-kompetizzjoni globali, biex b’hekk jiġu ottimizzati l-qawwa u l-potenzjal nazzjonali fl-Ewropa kollha fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka (ŻER) bi prestazzjoni tajba, fejn l-għarfien u forza tax-xogħol b’ħiliet għoljin jiċċirkolaw b’mod liberu, fejn l-eżiti tal-R&I jinftiehmu u jiġu fdati minn ċittadini infurmati u jkunu ta’ benefiċċju għas-soċjetà kollha kemm hi, u fejn il-politika tal-UE, b’mod partikolari l-politika dwar l-R&I tissejjes fuq evidenza xjentifika ta’ kwalità għolja.

Oqsma ta’ intervent: Il-kondiviżjoni tal-Eċċellenza; Ir-riforma u t-tisdiq tas-sistema Ewropea tar-R&I.


ANNESS II

IT-TIPI TA' AZZJONIJIET

Il-programm ser jiġi implimentat permezz ta’ għadd limitat ta’ “tipi ta’ azzjoni”, ikkaratterizzati mill-għanijiet jew il-kundizzjonijiet distinti tagħhom.

It-tipi ta’ azzjoni prinċipali huma dawn:

Azzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni: azzjonijiet li primarjament jikkonsistu minn attivitajiet li għandhom l-għan li jistabbilixxu għarfien ġdid u/jew li jesploraw il-fattibbiltà ta’ teknoloġija, prodott, proċess, servizz jew soluzzjoni ġdida jew imtejba. Dan jista’ jinkludi r-riċerka bażika u applikata, l-iżvilupp u l-integrazzjoni tat-teknoloġija, l-ittestjar u l-validazzjoni ta’ prototip ta’ skala żgħira f’laboratorju jew f’ambjent simulat;

Azzjoni ta’ innovazzjoni: azzjoni li primarjament tikkonsisti minn attivitajiet immirati direttament lejn il-produzzjoni ta’ pjanijiet u arranġamenti jew disinji ta’ prodotti, proċessi jew servizzi ġodda, mibdula jew imtejba li possibbilment jinkludu l-ħolqien ta’ prototipi, l-ittestjar, id-dimostrazzjoni, l-ippilotar, il-validazzjoni tal-prodotti ta’ skala kbira u r-replikazzjoni fis-suq;

Azzjonijiet ta’ innovazzjoni u skjerament fis-suq: azzjonijiet li jankraw azzjoni ta’ innovazzjoni u attivitajiet oħra meħtieġa biex tiġi skjerata l-innovazzjoni fis-suq, inkluż l-espansjoni tal-kumpaniji filwaqt li jiġi pprovdut finanzjament imħallat minn Orizzont Ewropa (taħlita ta’ finanzjament skont it-tip tal-għotja u finanzi privati);

Riċerka fil-fruntieri tal-għarfien tal-ERC: azzjonijiet ta’ riċerka mmexxija minn investigatur prinċipali, ospitat minn benefiċjarji uniċi jew diversi (ERC biss);

Azzjoni ta’ taħriġ u ta’ mobbiltà: azzjoni mmirata lejn it-titjib tal-ħiliet, l-għarfien u l-prospetti tal-karriera tar-riċerkaturi ibbażata fuq il-mobbiltà bejn il-pajjiżi, u, jekk rilevanti, bejn is-setturi jew id-dixxiplini;

Azzjoni ta’ kofinanzjamant tal-programm: azzjoni biex tipprovdi kofinanzjament lil programm ta’ attivitajiet stabbiliti u/jew implimentati minn entitajiet li jimmaniġġjaw u/jew jiffinanzjaw programmi ta’ riċerka u innovazzjoni, apparti mill-korpi ta’ finanzjament tal-Unjoni. Programm ta’ attivitajiet bħal dan jista’ jappoġġa n-netwerking u l-koordinazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-azzjonijiet pilota, u l-azzjonijiet ta’ innovazzjoni u skjerament fis-suq, l-azzjoni ta’ taħriġ u ta’ mobbiltà, il-qawmien ta’ sensibilizzazzjoni u komunikazzjoni, tixrid u l-isfruttament, jew tagħqida tagħhom, implimentati b’mod dirett minn dawk l-entitajiet jew minn partijiet terzi li lilhom jistgħu jipprovdu xi appoġġ finanzjarju rilevanti bħalma huma għotjiet, premjijiet, akkwist, kif ukoll finanzjament imħallat ta’ Orizzont Ewropa;

Azzjoni ta’ kofinanzjamant tal-programm: azzjoni bl-għan primarju li jitwettaq akkwist prekummerċjali implimentat mill-benefiċjarji li huma awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti;

Azzjoni ta’ akkwist pubbliku ta' soluzzjonijiet innovattivi: azzjoni bl-għan primarju li jitwettaq akkwist pubbliku konġunt jew kkordinat ta’ soluzzjonijiet innovattivi implimentati mill-benefiċjarji li huma awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti;

Azzjoni ta’ koordinazzjoni u appoġġ: azzjoni li tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Programm, esklużi l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, bħalma huma servizzi ta’ standardizzazzjoni, tixrid, sensibilizzazzjoni u komunikazzjoni, netwerking, koordinazzjoni u appoġġ.

Premju ta' inkoraġġiment: Premju biex jagħti spinta lill-investiment f’direzzjoni partikolari, billi jispeċifika mira qabel it-twettiq tax-xogħol;

Premju ta’ rikonoxximent: premju li jikkumpensa l-kisbiet tal-passat u x-xogħol eċċellenti wara li tkun ġiet imwettqa;

Akkwist pubbliku: biex jimplimenta partijiet tal-programm marbut mal-interessi u l-awtonomija tal-Unjoni u biex jorganizza, għall-iskopijiet tal-Kummissjoni stess, akkwisti pubbliċi għall-istudji, il-prodotti, is-servizzi u l-kapaċitajiet; l-akkwist pubbliku jista’ wkoll jieħu l-forma ta’ akkwist prekummerċjali jew akkwist pubbliku ta’ soluzzjonijiet innovattivi mwettqa mill-Kummissjoni jew korpi finanzjaturi f’isimhom stess jew b’mod konġunt mal-awtoritajiet kontraenti jew entitajiet kontraenti mill-Istati Membri u pajjiżi assoċjati.

***

Azzjonijiet indiretti: attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni li l-Unjoni tipprovdilhom appoġġ finanzjarju u li jitwettqu mill-parteċipanti;

Azzjonijiet diretti: attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni imwettqa mill-Kummissjoni permezz tal-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (JRC).

***



ANNESS III

SĦUBIJI

Is-Sħubijiet Ewropej ser jiġu magħżulin, implimentati, mmonitorjati, evalwati u eliminati b’mod gradwali abbażi tal-kriterji li ġejjin:

1) Għażla:

(a)Evidenza li s-Sħubija Ewropea hija aktar effettiva biex jinkisbu l-għanijiet relatati tal-Programm, b’mod partikolari biex jinkisbu impatti ċari għall-UE u ċ-ċittadini tagħha, b’mod notevoli fid-dawl li jkun hemm riżultati fuq l-isfidi globali u l-għanijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni, filwaqt li jiġu żgurati l-kompetittività u l-kontribuzzjoni fit-tisħiħ taż-Żona Ewropea tar-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-impenji internazzjonali;

Fil-każ tas-Sħubiji Ewropej istituzzjonalizzati stabbiliti skont l-Artikolu 185 tat-TFUE, il-parteċipazzjoni ta’ mhux anqas minn 50 % tal-Istati Membri tal-UE hija obbligatorja;

(b)Il-koerenza u s-sinerġiji tas-Sħubija Ewropea fi ħdan il-pajsaġġ tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE;

(c)It-trasparenza u l-aċċess miftuħ tas-Sħubija Ewropea fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-prijoritajiet u l-għanijiet, u l-involviment tas-sħab u l-partijiet ikkonċernati minn setturi differenti, inkluż dawk internazzjonali fejn ikun rilevanti;

(d)Dimostrazzjoni ex-ante tal-addizzjonalità u d-direzzjonalità tas-Sħubija Ewropea, inkluża viżjoni komuni tal-iskop tas-Sħubija Ewropea. Din il-viżjoni ser tinkludi b’mod partikolari:

l-identifikazzjoni tal-eżiti li jitkejlu mistennija, ir-riżultati u l-impatti fi ħdan perjodi ta’ żmien speċifiċi, inkluż valur ekonomiku ewlieni għall-Ewropa;

dimostrazzjoni tal-effetti kwalitattivi u kwantitattivi ta' ingranaġġ mistennija;

approċċi biex jiżguraw flessibilità tal-implimentazzjoni u biex jaggustaw għall-politika jew għall-bżonnijiet tas-suq, jew l-avvanzi xjentifiċi li jinbidlu;

strateġija ta’ ħruġ u miżuri ta’ tneħħija gradwali.

(e)Dimostrazzjoni ex-ante tal-impenn fit-tul tas-sħab, inkluż sehem minimu tal-investimenti pubbliċi u/jew privati;

Fil-każ tas-Sħubiji Ewropej istituzzjonalizzati, il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u/jew in natura tas-sħab barra dawk tal-Unjoni, ser ikunu ta’ mill-anqas ugwali għal 50 % u jistgħu jaslu sa 75 % tal-impenji aggregati baġitarji tas-Sħubija Ewropea. Għal kull Sħubija Ewropea istituzzjonalizzata, sehem mill-kontribuzzjonijiet mis-sħab barra dak tal-Unjoni ser ikun f’forma ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji.

2) Implimentazzjoni:

(a)Approċċ sistematiku li jiżgura l-kisba tal-impatti mistennija tas-Sħubija Ewropea permezz tal-implimentazzjoni flessibbli tal-azzjonijiet konġunti li jmorru lil hinn mis-sejħiet konġunti għall-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, inklużi dawk marbuta mat-teħid tas-suq, tar-regoli jew tal-politika;

(b)Miżuri xierqa li jiżguraw aċċess miftuħ kontinwu tal-inizjattiva u trasparenza matul l-implimentazzjoni, b’mod partikolari għall-issettjar tal-prijorità u għall-parteċipazzjoni fis-sejħiet għall-proposti, viżibilità tal-Unjoni, komunikazzjoni u miżuri ta’ sensibilizzazzjoni, tixrid u sfruttament tar-riżultati, inkluża strateġija ċara ta’ aċċess miftuħ/tal-utent matul il-katina tal-valur;

(c)Il-koordinazzjoni u/jew l-attivitajiet konġunti ma’ inizjattivi ta’ riċerka u innovazzjoni rilevanti oħra biex jiżguraw sinerġiji effettivi;

(d)Impenji legalment vinkolanti, b’mod partikolari għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji, minn kull sieħeb matul il-ħajja kollha tal-inizjattiva;

(e)Fil-każ tas-Sħubija Ewropea istituzzjonalizzata, aċċess għar-riżultati u informazzjoni oħra relatata mal-azzjoni għall-Kummissjoni għall-iskop tal-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politiki jew programmi tal-Unjoni. 

3) Monitoraġġ:

(a)Sistema ta’ monitoraġġ b’konformità mar-rekwiżiti stabbilti fl-Artikolu 45 biex tittraċċa l-progress lejn il-miri/l-għanijiet speċifiċi ta’ politika, riżultati u indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li jippermettu għal valutazzjoni matul iż-żmien tal-kisbiet, l-impatti u l-bżonnijiet potenzjali għal miżuri korrettivi;

(b)Rappurtar dedikat dwar l-effetti kwantitattivi u kwalitattivi ta' ingranaġġ, inkluż dwar il-kontribuzzjonijiet finanzjarji u in natura, viżibilità u pożizzjonament fil-kuntest internazzjonali, impatt fuq ir-riskji relatati fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni tal-investimenti tas-settur privat.

4) Evalwazzjoni, tneħħija gradwali u tiġdid:

(a)Valutazzjoni tal-impatti miksuba fil-livell tal-Unjoni u nazzjonali marbuta mal-miri ddefiniti u indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li jsostnu l-valutazzjoni tal-Programm stabbilita fl-Artikolu 47, inkluża l-valutazzjoni tal-mod ta’ intervent ta’ politika l-aktar effettiv għal kwalunkwe azzjoni tal-futur; u l-pożizzjonament ta’ kwalunkwe tiġdid possibbli ta’ Sħubija Ewropea fil-pajsaġġ globali tas-Sħubiji Ewropej u tal-prijoritajiet politiċi tagħha;

(b)Miżuri adatti li jiżguraw l-eliminazzjoni gradwali skont il-kondizzjonijiet u l-iskeda ta’ żmien maqbula, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ finanzjament transnazzjonali kontinwat minn programmi nazzjonali jew oħra tal-Unjoni.



ANNESS IV

SINERĠIJI MA’ PROGRAMMI OĦRA

1.Is-sinerġiji mal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (Politika Agrikola Komuni - PAK) ser jiżguraw li:

1 (a) ir-riċerka u l-innovazzjoni tas-settur agrikolu u ż-żoni rurali fi ħdan l-UE huma identifikati b’mod partikolari fi ħdan is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni “Produttività u Sostenibbiltà Agrikoli” u meqjusa fil-proċessi tal-ippjanar strateġiku tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Programm u tal-programmi ta’ ħidma;

(b) il-PAK tagħmel l-aħjar użu mir-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni u tippromwovi l-użu, l-implimentazzjoni u l-iskjerament tas-soluzzjonijiet innovattivi, inklużi dawk li jirriżultaw minn proġetti ffinanzjati mill-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u mis-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni “Produttività u Sostenibbiltà Agrikoli”;

(c) il-FAEŻR jappoġġa t-teħid u t-tixrid tal-għarfien u s-soluzzjonijiet li jirriżultaw mir-riżultati tal-Programm li jwasslu għal settur tal-biedja aktar dinamiku u opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp ta’ żoni rurali.

2.Is-sinerġiji mal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) ser jiżguraw li:

(a) il-Programm u l-FEMS jkunu ġeneralment interkonnessi hekk kif il-ħtiġijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE fil-qasam tal-politika dwar il-baħar u marittima ser jiġu tradotti permezz tal-proċess tal-ippjanar strateġiku tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Programm;

(b) il-FEMS tappoġġa l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u prodotti, proċessi u servizzi innovattivi, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-Programm fl-oqsma tal-politika tal-baħar u marittima; il-FEMS tippromwovi wkoll il-ġbir tad-data fil-post u l-ipproċessar ta’ data u xxerred azzjonijiet rilevanti appoġġati taħt il-Programm, li min-naħa tiegħu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Politika Komuni tas-Sajd, il-Politika Marittima Integrata u l-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani.

3.Is-sinerġiji mal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) ser jiżguraw li:

(a) l-arranġamenti għall-finanzjament mgħaqqad mill-FEŻR u mill-Programm jintużaw biex jappoġġaw attivitajiet li jipprovdu pont bejn l-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti u eċċellenza internazzjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż l-programmi transreġjonali/transnazzjonali konġunti u l-Infrastrutturi ta’ Riċerka mal-Ewropa kollha, bil-għan li tissaħħaħ iż-Żona Ewropea tar-Riċerka;

(b) il-FEŻR jiffoka, fost l-oħrajn, fuq l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-ekosistemi tat-innovazzjoni u r-riċerka u t-trasformazzjoni industrijali reġjonali u lokali, inkluż appoġġ tat-teħid tar-riżultati u l-introduzzjoni tat-teknoloġiji l-ġodda u s-soluzzjonijiet innovattivi mill-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni permezz tal-FEŻR.

4.Is-sinerġiji mal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) ser jiżguraw li:

(a) il-FSE + jista’ jintegra u jespandi l-kurrikuli innovattivi appoġġati mill-Programm, permezz ta’ programmi nazzjonali jew reġjonali, sabiex jattrezzaw lin-nies bil-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa għall-impjiegi tal-futur;

(b) jistgħu jintużaw arranġamenti għall-finanzjament kumplimentari mill-FSE+ biex jappoġġaw attivitajiet li jippromwovu l-iżvilupp tal-kapital uman fir-riċerka u l-innovazzjoni bil-għan li tissaħħaħ iż-Żona Ewropea tar-Riċerka;

(c) il-qasam tas-Saħħa tal-Fond Soċjali Ewropew+ jintegra t-teknoloġiji innovattivi u l-mudelli ta’ negozju u soluzzjonijiet ġodda, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-Programmi, sabiex jikkontribwixxu għal sistemi tal-kura tas-saħħa innovattivi, effiċjenti u sostenibbli tal-Istati Membri u jiffaċilitaw l-aċċess għal kura tas-saħħa aħjar u aktar sikura għaċ-ċittadini Ewropej.

5.Is-sinerġiji mal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) ser jiżguraw li:

(a) il-bżonnijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-oqsma tat-trasport, l-enerġija u s-settur diġitali fi ħdan l-UE jiġu identifikati u stabbiliti matul il-proċess ta’ ppjanar strateġiku tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Programm;

(b) is-CEF jappoġġa l-introduzzjoni u l-iskjerament fuq skala kbira u tat-teknoloġiji u s-soluzzjonijiet innovattivi ġodda fl-oqsma tat-trasport, tal-enerġija u tal-infrastrutturi fiżiċi diġitali, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni;

(c) l-iskambju ta’ informazzjoni u data bejn il-Programm Qafas u l-proġetti tas-CEF ser jkun iffaċilitat, pereżempju, billi ssir enfasi fuq it-teknoloġiji mill-Programm Qafas b’tħejjija qawwija tas-suq li jkunu jistgħu jiġu skjerati aktar permezz tas-CEF.

6.Is-sinerġiji mal-Programm Ewropa Diġitali (DEP) ser jiżguraw li:

(a) peress li diversi oqsma tematiċi indirizzati mill-Programm u mid-DEP jikkonverġu, it-tip ta’ azzjonijiet li jridu jiġu appoġġati, l-outputs mistennija tagħhom u l-loġika ta’ intervent tagħhom huma differenti u komplimentari;

(b) il-bżonnijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni marbutin mal-aspetti diġitali jiġu identifikati u stabbiliti fil-pjanijiet strateġiċi tar-riċerka u l-innovazzjoni; dan jinkludi r-riċerka u l-innovazzjoni għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja, l-Intelliġenza Artifiċjali, iċ-Ċibersigurtà, li jgħaqqdu t-teknoloġiji diġitali ma’ teknoloġiji oħra ta’ sostenn u innovazzjonijiet mhux teknoloġiċi; appoġġ għall-espansjoni tal-kumpaniji li jintroduċu innovazzonijiet rivoluzzjonarji (ħafna minnhom ser jgħaqqdu t-teknolġiġiji diġitali mat-teknoloġiji fiżiċi; l-integrazzjoni tad-diġitali fil-pilastru kollu “Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali”; u l-appoġġ għall-infrastrutturi diġitali ta’ riċerka;

(c) id-DEP jiffoka fuq il-kapaċità diġitali ta’ skala kbira u l-bini tal-infrastruttura fil-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja, l-Intelliġenza Artifiċjali, iċ-Ċibersigurtà u l-ħiliet diġitali avvanzati li jimmiraw lejn teħid u skjerament wesgħin fl-Ewropa kollha tas-soluzzjonijiet diġitali innovattivi eżistenti jew ttestjati fi ħdan qafas tal-UE f’oqsma ta’ interess pubbliku (bħas-saħħa, l-amministrazzjoni pubblika, il-ġustizzja u l-edukazzjoni) jew il-falliment tas-suq (bħad-diġitalizzazzjoni tan-negozji, b’mod partikolari l-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju); id-DEP jiġi prinċipalment implimentat permezz ta’ investimenti kkoordinati u strateġiċi mal-Istati Membri, b’mod partikolari permezz ta’ akkwist pubbliku konġunt, f’kapaċitajiet diġitali li jridu jinqasmu mal-Ewropa kollha u f’azzjonijiet fl-UE kollha li jappoġġaw l-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni bħala parti mill-iżvilupp ta’ Suq Uniku Diġitali;

(d) il-kapaċitajiet u l-infrastrutturi tad-DEP ikunu disponibbli fi ħdan il-komunità tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż għal attivitajiet appoġġati permezz tal-Programm li jinkludu l-ittestjar, l-esperimentazzjoni u d-dimostrazzjoni fis-setturi u d-dixxiplini kollha;

(e) it-teknoloġiji diġitali ġodda żviluppati permezz tal-Programm, b’mod progressiv jittieħdu u jiġu skjerati mid-DEP;

(f) l-inizjattivi tal-Programm għall-iżvilupp ta’ ħiliet u kompetenzi fil-kurrikuli, inklużi dawk imwassla fiċ-ċentri ta’ kolokazzjoni tal-KIC-Digital tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija huma kkomplimentati mill-bini tal-kapaċitajiet appoġġat mill-Ewropa Diġitali;

(g) jiġu allinjati mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni b’saħħithom għall-ipprogrammar strateġiku u l-proċeduri operattivi taż-żewġ programmi, u l-istrutturi ta’ governanza tagħhom jinvolvu s-servizzi rispettivi tal-Kummissjoni kif ukoll oħrajn ikkonċernati mill-partijiet differenti tal-programmi rispettivi.

7.Is-sinerġiji mal-Programm tas-Suq Uniku ser jiżguraw li:

(a) il-Programm tas-Suq Uniku jindirizza l-fallimenti tas-suq li jaffettwaw lill-SMEs kollha u ser jippromwovi l-intraprenditorija u l-ħolqien u t-tkabbir tal-kumpaniji. Teżisti kumplimentarjetà sħiħa bejn il-Programm tas-Suq Uniku u l-azzjonijiet tal-Kunsill Ewropew għall-Innovazzjoni futur għall-kumpaniji innovattivi, kif ukoll fil-qasam ta’ servizzi ta’ appoġġ għall-SMEs, b’mod partikolari fejn is-suq ma jipprovdix finanzjament vijabbli;

(b) in-Netwerk Enterprise Europe jista’ jservi, bħall-istrutturi ta’ support għall-SME eżistenti oħra (pereżempju, il-Punt ta' Kuntatt Nazzjonali, l-Aġenziji ta’ Innovazzjoni), biex iwasslu s-servizzi ta’ appoġġ taħt il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni.

8.Is-sinerġiji mal-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) ser jiżguraw li:

il-bżonnijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni li jittrattaw l-isfidi ambjentali, klimatiċi u tal-enerġija fi ħdan l-UE jiġu identifikati u stabbiliti matul il-proċess ta’ ppjanar strateġiku tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Programm. Il-programm LIFE ser ikompli jaġixxi bħala katalist għall-implimentazzjoni tal-politika u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar l-ambjent, il-klima u l-enerġija, inkluż billi jittieħdu u jiġu applikati r-riżultati tar-riċerka u l-innovazzjoni mill-Programm u jgħinu biex jiġu skjerati fuq l-iskala nazzjonali u (inter)reġjonali fejn dan jista’ jgħin jindirizza kwistjonijiet ta’ tranżizzjoni ambjentali, klimatiċi jew ta’ enerġija nadifa. B’mod partikolari LIFE ser ikompli jinċentiva sinerġiji mal-Programm permezz tal-għoti ta’ bonus matul l-evalwazzjoni tal-proposti li jinvolvu l-użu tar-riżultati mill-Programm. Proġetti standard ta’ azzjoni ta’ LIFE ser jappoġġaw l-iżvilupp, l-ittestjar jew id-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji jew metodoloġiji adatti għall-implimentazzjoni tal-politika dwar l-ambjent u l-klima tal-UE, li wara jistgħu jitħaddmu fuq skala kbira, iffinanzjati minn sorsi oħra, inkluż permezz tal-Programm. Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni tal-Programm jista’ jagħti l-appoġġ tiegħu biex jespandi u jikkummerċjalizza ideat rivoluzzjonarji ġodda li jistgħu jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-proġetti LIFE.

9.Is-sinerġiji mal-Programm Erasmus ser jiżguraw li:

(a) riżorsi mgħaqqdin mill-Programm u mill-Programm Erasmus jintużaw biex jappoġġaw attivitajiet iddedikati għat-tisħiħ u l-immodernizzar tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla Ewropej. Il-Programm ser jikkomplimenta l-appoġġ li l-programm Erasmus jagħti lill-inizjattiva tal-Universitajiet Ewropej, b’mod partikolari d-dimensjoni tar-riċerka tagħha bħala parti mill-iżvilupp ta’ strateġiji konġunti u integrati ġodda fit-tul u sostenibbli dwar l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni bbażati fuq approċċi transdixxiplinari u transsettorjali biex jirrealizzaw it-trijangolu tal-għarfien li jipprovdi spinta lit-tkabbir ekonomiku;

(b) il-Programm u l-Programm Erasmus irawmu l-integrazzjoni tal-edukazzjoni u r-riċerka permezz tal-faċilitazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja biex ifasslu u jistabbilixxu l-istrateġiji komuni ta’ edukazzjoni, riċerka u innovazzjoni, biex jinformaw it-tagħlim bl-aħħar sejbiet u prattiki ta’ riċerka biex joffru esperjenza attiva ta’ riċerka għall-istudenti kollha u l-persunal ta’ edukazzjoni ogħla u b’mod partikolari, ir-riċerkaturi, u li jappoġġaw attivitajiet oħra li jintegraw l-edukazzjoni ogħla, ir-riċerka u l-innovazzjoni.

10.Is-sinerġiji mal-Programm Spazjali Ewropew ser jiżguraw li:

(a) il-bżonnijiet tar-riċerka u tal-innovazzjoni tas-setturi spazjali upstream u downstream fl-UE jkunu identifikati u stabbiliti bħala parti mill-proċess tal-ippjanar strateġiku tar-riċerka u tal-innovazzjoni tal-Programm; l-azzjonijiet ta’ riċerka dwar l-ispazju implimentati permezz ta’ Orizzont Ewropa ser ikunu implimentati fir-rigward tal-akkwist pubbliku u l-eliġibbiltà tal-entitajiet b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Programm Spazjali, fejn hu xieraq;

(b) id-data u s-servizzi spazjali magħmula disponibbli bħala ġid pubbliku mill-Programm Spazjali Ewropew jintużaw biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet rivoluzzjonarji permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni, inkluż il-Programm Qafas, b’mod partikolari għall-ikel sostenibbli u r-riżorsi naturali, u l-monitoraġġ tal-klima, il-bliet intelliġenti, il-vetturi awtomatizzati, is-sigurtà u l-ġestjoni tad-diżastri;

(c) Is-Servizzi ta’ Aċċess għad-Data u għall-Informazzjoni ta’ Copernicus ser jagħtu kontribut għall-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa u b’hekk ser jiffaċilitaw l-aċċess għad-data ta’ Copernicus għar-riċerkaturi u għax-xjentisti; l-infrastrutturi tar-riċerka, b’mod partikolari n-netwerks tal-osservazzjoni fil-post ser jikkostitwixxu elementi essenzjali tal-infrastruttura tal-osservazzjoni fil-post li tippermetti s-servizzi ta’ Copernicus.

11.Is-sinerġiji mal-Istrument għall-Viċinat, għall-Iżvilupp u għall-Kooperazzjoni Internazzjonali (l-“Istrument Estern”) ser jiżguraw li l-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Programm, bil-parteċipazzjoni ta’ Pajjiżi Terzi u b’azzjonijiet immirati lejn il-kooperazzjoni internazzjonali, ifittxu l-allinjament u koerenza ma’ teħid parallel fis-suq u oqsma ta’ azzjonijiet ta’ bini ta’ kapaċitajiet taħt l-Istrument Estern, ibbażat fuq id-definizzjoni konġunta tal-bżonnijiet u l-oqsma ta’ intervent, definiti b’mod komuni matul il-proċess tal-ippjanar ta’ riċerka u innovazzjoni strateġika tal-Programm.

12.Is-sinerġiji mal-Fond għas-Sigurtà Interna u l-istrument għall-ġestjoni tal-fruntieri bħala parti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri ser jiżguraw li:

(a)il-bżonnijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-oqsma tas-sigurtà u l-ġestjoni integrata tal-fruntieri jiġu identifikati u stabbiliti matul il-proċess ta’ ppjanar strateġiku tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Programm;

(b)il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri jappoġġaw l-iskjerament ta’ teknoloġiji u soluzzjonijiet innovattivi ġodda, b’mod partikolari dawk li jirriżultaw mill-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni fil-qasam tar-riċerka dwar is-sigurtà.

13.Is-sinerġiji mal-InvestEU tal-Fond ser jiżguraw li:

(a)mill-baġit tiegħu stess, il-Programm jipprovdi finanzjament imħallat ta’ Orizzont Ewropa u l-EIC għall-innovaturi, ikkaratterizzat minn livell għoli ta’ riskju u li għalih is-suq ma jipprovdix meta finanzjament vijabbli u sostenibbli rilevanti, u fl-istess ħin ser jipprovdu għall-koordinazzjoni xierqa b’appoġġ għat-twassil effettiv u l-ġestjoni tal-parti privata tal-finanzi tal-finanzjament imħallat permezz ta’ fondi u intermedjarji appoġġati mill-InvestEU;

(b)strumenti finanzjarji għar-riċerka u l-innovazzjoni u l-SMEs jinġabru flimkien taħt il-Fond InvestEU, b’mod partikolari permezz ta’ tieqa tematika ddedikata lill-R&I, u permezz ta’ prodotti skjerati taħt it-tieqa għall-SMEs li timmira kumpaniji innovattivi, u b’dan il-mod jgħinu wkoll biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Programm.

14.Is-sinerġiji mal-Fond għall-Innovazzjoni taħt l-Iskema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (“il-Fond għall-Innovazzjoni”) ser jiżguraw li:

(a)il-Fond għall-Innovazzjoni ser jimmira b’mod speċifiku l-innovazzjoni fit-teknoloġiji u l-proċessi b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju, inkluż il-qbid ambjentalment sikuri tal-karbonju u l-użu li jikkontribwixxi b’mod sostanzjali biex jittaffa t-tibdil fil-klima, kif ukoll prodotti li jissostitwixxu dawk b’intensità qawwija ta’ karbonju, u biex jgħinu jistimulaw il-kostruzzjoni u t-tħaddim ta’ proġetti li jimmiraw lejn il-qbid ambjentalment sikur u l-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 kif ukoll ta’ enerġija rinnovabbli innovattiva u teknoloġiji ta’ ħżin tal-enerġija;

(b)il-Programm ser jiffinanzja l-iżvilupp u d-dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji li jistgħu jagħtu riżultati b’risq l-għanijiet tal-UE dwar id-dekarbonizzazzjoni, it-trasformazzjoni tal-enerġija u industrijali, b’mod speċjali fuq tal-Pilastru 2 tagħha;

(c)il-Fond għall-Innovazzjoni jista’, sakemm jiġu ssodisfati l-kriterji tal-għażla u tal-għoti tiegħu, jappoġġa l-fażi tad-dimostrazzjoni tal-proġetti eliġibbli li għandhom mnejn jkunu rċevew appoġġ mill-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

15.Is-sinerġiji mal-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom ser jiżguraw li:

(a)il-Programm u l-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom jiżviluppaw azzjonijiet komprensivi li jappoġġaw l-edukazzjoni u t-taħriġ (inklużi l-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie) bil-għan li jżommu u jiżviluppaw ħiliet rilevanti fl-Ewropa;

(b)il-Programm u l-Programm ta’ Riċerka u Taħriġ tal-Euratom jiżviluppaw azzjonijiet ta’ riċerka konġunta li jiffokaw fuq l-aspetti trażversali tal-użu bis-sigurtà u s-sikurezza tal-applikazzjonijiet tar-radjazzjoni jonizzanti li ma jaħdmux bil-qawwa elettrika fis-setturi bħall-mediċina, l-industrija, l-agrikoltura, l-ispazju, it-tibdil fil-klima, is-sigurtà u t-tħejjija għall-emerġenza u l-kontribuzzjoni tax-xjenza nukleari.

16.Is-sinerġiji mal-Fond Ewropew għad-Difiża ser jagħtu benefiċċji lir-riċerka ċivili u tad-difiża. Duplikazzjoni mhux meħtieġa ser tiġi eskluża.


ANNESS V

INDIKATURI EWLENIN TAD-DIREZZJONI TAL-IMPATT

Id-direzzjonijiet tal-impatt, u l-indikaturi ewlenin relatati mad-direzzjoni tal-impatt, għandhom jistrutturaw il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-Programm Qafas (FP) lejn l-għanijiet tiegħu. Id-direzzjonijiet tal-impatt ser ikunu sensittivi għaż-żmien: dawn ser jiddistingwu bejn it-terminu qasir, medju u twil. L-indikaturi tad-direzzjonijiet tal-impatt jagħmluha ta’ indikaturi biex jirrapportaw dwar il-progress li sar lejn kull tip ta’ impatt tar-Riċerka u Innovazzjoni (R&I) fil-livell tal-Programm Qafas. Il-partijiet individwali tal-Programm ser jikkontribwixxu għal dawn l-indikaturi bi gradi differenti u permezz ta’ mekkaniżmi differenti. Jistgħu jintużaw indikaturi addizzjonali biex jimmonitorjaw il-partijiet individwali tal-programm, fejn rilevanti.

Il-mikrodata li ġejja mill-indikaturi ewlenin tad-direzzjoni tal-impatt ser tinġabar għall-partijiet kollha tal-Programm u għall-mekkaniżmi eżekuttivi kollha ġestita b’mod ċentrali u b’mod armonizzata fil-livell adatt tal-granularità b’piż minimu ta’ rappurtar fuq il-benefiċjarji.

Indikaturi xjentifiċi tad-direzzjoni tal-impatt

Il-programm huwa mistenni jkollu impatt xjentifiku billi joħloq għarfien ġdid ta’ kwalità għolja, isaħħaħ il-kapital uman fir-riċerka u fl-innovazzjoni, u jrawwem it-tixrid tal-għarfien u x-Xjenza Miftuħa. Il-progress lejn dan l-impatt ser jiġi mmonitorjat permezz ta’ indikaturi stabbiliti skont dawn it-tliet direzzjonijiet ewlenin tal-impatt.

Lejn impatt xjentifiku

Terminu ta’ żmien qasir

Terminu ta’ żmien medju

Terminu ta’ żmien twil

Il-ħolqien ta’ għarfien ġdid

Pubblikazzjonijiet - 
Għadd ta’ pubblikazzjonijiet xjentifiċi evalwati bejn il-pari

Ċitazzjonijiet - 
Indiċi ta’ Ċitazzjoni Ponderata skont il-Qasam ta’ pubblikazzjonijiet tal-FP evalwati bejn il-pari

Xjenza ta’ klassi mondjali - 
L-għadd u l-kondiviżjoni tal-pubblikazzjonijiet evalwati bejn il-pari minn proġetti tal-FP li huma kontribuzzjoni ċentrali lill-oqsma xjentifiċi

It-tisħiħ tal-kapital uman fl-R&I

Ħiliet - 
L-għadd ta’ riċerkaturi li gawdew mill-attivitajiet ta’ titjib tal-ħiliet fi proġetti tal-FP (permezz ta’ taħriġ, mentoraġġ/gwida professjonali, mobbiltà u aċċess għal infrastrutturi tal-R&I)

Karrieri - 
L-għadd u l-kondiviżjoni ta’ riċerkaturi tal-FP b’ħiliet imtejba b’aktar influwenza fil-qasam tal-R&I tagħhom

Kundizzjonijiet tax-xogħol - 
L-għadd u l-kondiviżjoni ta’ riċerkaturi tal-FP b’kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba

It-trawwim tal-għarfien u x-xjenza miftuħa

Għarfien kondiviż - 
Il-kondiviżjoni tal-outputs tar-riċerka tal-FP (data miftuħa/pubblikazzjonijiet/softwer eċċ.) kondiviżi permezz ta’ infrastrutturi tal-għarfien miftuħin

It-tixrid tal-għarfien -
Il-kondiviżjoni tal-outputs ta’ riċerka tal-FP minn aċċess miftuħ, użati/ċitati b’mod attiv

Kollaborazzjonijiet ġodda - 
Il-kondiviżjoni tal-benefiċjarji tal-FP li żviluppaw kollaborazzjonijiet transdixxiplinarji/trasnssettorjali ġodda mal-utenti tal-outputs tal-R&I tal-FP miftuħin tagħhom

L-indikaturi tad-direzzjoni tal-impatt fuq is-soċjetà

Il-Programm hu mistenni li jkollu impatt fuq is-soċjetà billi jindirizza l-prijoritajiet tal-politika tal-UE permezz tal-R&I, iwassal il-benefiċċji u l-impatt permezz ta’ missjonijiet tal-R&I u jsaħħaħ it-teħid tal-innovazzjoni fis-soċjetà. Il-progress lejn dan l-impatt ser jiġi mmonitorjat permezz ta’ indikaturi stabbiliti skont dawn l-erba’ direzzjonijiet ewlenin ta’ impatt.

Lejn l-impatt fuq is-soċjetà

Terminu ta’ żmien qasir

Terminu ta’ żmien medju

Terminu ta’ żmien twil

L-indirizzar tal-prijoritajiet tal-politika tal-UE permezz tal-R&I

Outputs - 
L-għadd u l-kondiviżjoni tal-outputs immirati lejn l-indirizzar tal-prijoritajiet tal-politika tal-UE

Soluzzjonijiet - 
L-għadd u l-kondiviżjoni tal-innovazzjonijiet u riżultati xjentifiċi li jindirizzaw il-prijoritajiet tal-politika tal-UE

Benefiċċji - 
L-effetti stmati aggregati mill-użu tar-riżultati ffinanzjati mill-FP, dwar it-trattament ta’ prijoritajiet ta’ politika tal-UE speċifiċi, inkluż il-kontribut lejn iċ-ċiklu tal-politika u tat-tfassil tal-liġijiet

It-twettiq tal-benefiċċji u l-impatt permezz tal- missjonijiet tal-R&I

Outputs tal-missjoni tal-R&I - 
Outputs f’missjonijiet speċifiċi tal-R&I

Riżultati tal-missjoni tal-R&I - 
Riżultati f’missjonijiet speċifiċi tal-R&I

Miri milħuqa f’missjoni tal-R&I - 
Miri milħuqa f’missjonijiet speċifiċi tal-R&I

It-tisħiħ tat-teħid tal-innovazzjoni fis-soċjetà

Kokreazzjoni - 
L-għadd u l-kondiviżjoni tal-proġetti tal-FP fejn iċ-ċittadini u l-utenti finali tal-UE jikkontribwixxu fil-kokreazzjoni tal-kontenut tal-R&I

Impenn - 
L-għadd u l-kondiviżjoni tal-entitajiet benefiċjarji tal-FP b’mekkaniżmi ta’ involviment ta’ ċittadini u utenti finali wara l-proġett tal-FP

It-teħid tal-R&I tas-soċjetà
It-teħid u s-sensibilizzazzjoni tar-riżultati xjentifiċi kokreati tal-FP u s-soluzzjonijiet innovattivi

L-indikaturi tad-direzzjoni tal-impatt fir-rigward tal-ekonomija u l-innovazzjoni

Il-programm hu mistenni li jkollu impatt fir-rigward tal-ekonomija u l-innovazzjoni billi jinfluwenzaw il-ħolqien u t-tkabbir ta’ kumpaniji, il-ħolqien ta’ impjiegi diretti u indiretti, u bl-ingranaġġ tal-investimenti għar-riċerka u l-innovazzjoni. Il-progress lejn dan l-impatt ser jiġi mmonitorjat permezz ta’ indikaturi stabbiliti skont dawn it-tliet direzzjonijiet ewlenin ta’ impatt.

Lejn impatt Ekonomiku/fuq l-Innovazzjoni

Terminu ta’ żmien qasir

Terminu ta’ żmien medju

Terminu ta’ żmien twil

Il-ġenerazzjoni tat-tkabbir ibbażat fuq l-innovazzjoni

Outputs innovattivi - 
L-għadd ta’ prodotti, proċessi jew metodi innovattivi mill-FP (skont it-tip ta’ innovazzjoni) u l-applikazzjonijiet għad-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali (IPR)

Innovazzjonijiet - 
L-għadd ta’ innovazzjonijiet mill-proġetti tal-FP (skont it-tip ta’ innovazzjoni) inkluż mill-IPRs mogħtija

Tkabbir ekonomiku -
Il-ħolqien, it-tkabbir u l-ishma tas-suq tal-kumpaniji li żviluppaw l-innovazzjonijiet tal-FP

Il-ħolqien ta’ iktar impjiegi u ta’ impjiegi aħjar

Okkupazzjoni appoġġata - 
L-għadd ta’ impjiegi FTE maħluqa, u l-impjiegi miżmumin fl-entitajiet benefiċjarji għall-proġett tal-FP (skont it-tip ta’ impjieg)

Okkupazzjoni sostnuta -
Iż-żieda fl-impjiegi FTE fl-entitajiet benefiċjarji għall-proġett tal-FP (skont it-tip ta’ impjieg)

Okkupazzjoni totali
L-għadd ta’ impjiegi diretti u indiretti maħluqa jew miżmuma minħabba r-riżultati tal-FP (skont it-tip ta’ impjieg)

Ingranaġġ tal-investimenti fl-R&I

Koinvestmenti -
L-ammont ta’ investiment pubbliku u privat immobilizzat b’investiment inizjali tal-FP

Espansjoni -
L-ammont ta’ investiment pubbliku u privat immobilizzat biex jisfrutta jew jespandi r-riżultati tal-FP

Kontribuzzjoni għall-“mira ta’ 3%” -
Il-progress tal-UE lejn il-mira ta’ 3 % tal-PGD minħabba l-FP.

(1)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni “Produttività u Sostenibbiltà fil-qasam Agrikolu” (COM(2012) 79 final).