IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 29.5.2018
COM(2018) 373 final
2018/0198(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar mekkaniżmu sabiex jiġu solvuti ostakli legali u amministrattivi f'kuntest transfruntier
{SEC(2018) 268 final}
{SWD(2018) 282 final}
{SWD(2018) 283 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Unjoni huwa li tippromwovi l-iżvilupp armonjuż ġenerali tagħha. L-Unjoni għandha għalhekk tiżviluppa u twettaq l-azzjonijiet tagħha li jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tagħha. B'mod partikolari, l-Unjoni għandu jkollha l-għan li tnaqqas id-diverġenzi bejn il-livelli ta' żvilupp tar-reġjuni varji u r-ritard ta' dawk ir-reġjuni li huma anqas favoriti (l-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il- Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ("TFUE"), li fosthom "għandha tingħata attenzjoni partikolari lil (...) reġjuni transfruntiera (...)". Bħalissa, l-Unjoni u l-ġirien immedjati tagħha fl-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles ("EFTA") għandhom erbgħin fruntiera interna fuq l-art.
Mill-1990 'il hawn, il-finanzjament ta’ Interreg appoġġa programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE inklużi dawk mal-pajjiżi tal-EFTA. Iffinanzja eluf ta' proġetti u inizjattivi li għenu biex titjieb l-integrazzjoni Ewropea. Il-kisbiet ewlenin tal-programmi Interreg jinkludu: aktar fiduċja, aktar konnettività, ambjent imtejjeb, saħħa aħjar u t-tkabbir ekonomiku. Il-qafas legali 2014-2020 ippermetta li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali ("FEŻR"), taħt il-programmi Interreg, jappoġġa proġetti li "jtejbu l-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u partijiet interessati u amministrazzjoni pubblika effiċjenti billi jippromwovu kooperazzjoni legali u amministrattiva u kooperazzjoni bejn ċittadini u istituzzjonijiet". Minn mindu twaqqaf Interreg ukoll appoġġa t-tlestija tas-suq intern. F'dawn l-aħħar deċennji, il-proċess tal-integrazzjoni Ewropea għen lir-reġjuni mal-fruntieri interni biex jittrasformaw ruħhom minn reġjun l-aktar periferali, f'żoni ta' tkabbir u opportunitajiet. It-tlestija tas-Suq Uniku fl-1992 tat spinta lill-produttività tal-UE u naqqset l-ispejjeż permezz tal-abolizzjoni tal-formalitajiet tad-dwana, l-armonizzazzjoni jew ir-rikonoxximent reċiproku ta' regoli tekniċi u prezzijiet aktar baxxi b'riżultat tal-kompetizzjoni; il-kummerċ fl-UE żdied bi 15 % fuq 10 snin; ġie ġġenerat tkabbir addizzjonali u nħolqu madwar 2,5 miljun impjieg aktar.
Madankollu, f’“rieżami transfruntier”, li dam għaddej aktar minn sentejn, il-Kummissjoni ġabret evidenza li r-reġjuni tal-fruntiera ġeneralment ikollhom prestazzjoni ekonomika inqas tajba minn reġjuni oħra fi Stat Membru. L-aċċess għal servizzi pubbliċi bħal sptarijiet u universitajiet ġeneralment huwa aktar baxx fir-reġjuni tal-fruntiera. In-navigazzjoni bejn is-sistemi amministrattivi u legali differenti ħafna drabi għadha kumplessa u għalja. L-individwi, in-negozji, l-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi qasmu mal-Kummissjoni l-esperjenzi tagħhom minn xi daqqiet negattivi ta' interazzjoni bejn il-fruntieri interni. B'konsegwenza ta' dan il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni tagħha "Spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE" ("il-Komunikazzjoni tar-Reġjuni tal-Fruntiera"). Din tenfasizza l-modi li bihom l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jnaqqsu l-kumplessità, it-tul u l-ispejjeż tal-interazzjoni transfruntieri u jippromwovu l-ġbir komuni tas-servizzi tul il-fruntieri interni. Tħares lejn x'hemm bżonn li jittejjeb sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini u n-negozji fir-reġjuni tal-fruntiera jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet offruti miż-żewġ naħat tal-fruntiera. Il-Komunikazzjoni tipproponi pjan ta’ azzjoni b’10 punti; punt wieħed jindirizza speċifikament l-ostakli legali u amministrattivi tal-fruntieri.
Għalhekk huwa raġonevoli li wieħed iqis li huwa diffiċli li l-ostakli legali (speċjalment dawk relatati mas-servizzi tas-saħħa, ir-regolamentazzjoni tax-xogħol, it-taxxi, l-iżvilupp tan-negozju) u l-ostakli marbutin ma' differenzi f'kulturi amministrattivi u oqfsa legali nazzjonali, jiġu indirizzati mill-programmi waħedhom (billi kienu jeħtieġu deċiżjonijiet lil hinn mill-istrutturi tal-ġestjoni tal-programmi u l-proġetti). Diġà jeżisti numru ta' mekkaniżmi effettivi għall-kooperazzjoni transfruntiera fil-livell intergovernattiv, reġjonali u lokali.
Azzjoni speċifika waħda li ssir referenza għaliha fil-punt disgħa tal-Komunikazzjoni tar-Reġjuni tal-Fruntiera tirreferi għal inizjattiva mibdija taħt il-Presidenza tal-Lussemburgu fl-2015: Numru ta' Stati Membri qiegħdin jikkunsidraw il-mertu ta' strument ġdid sabiex jissimplifikaw proġetti transfruntiera billi jagħmlu possibbli, fuq bażi volontarja u bi qbil mal-awtoritajiet kompetenti inkarigati, li r-regoli ta' Stat Membru wieħed jiġu applikati fl-Istat Membru ġar. Dan ikun japplika għal xi proġett speċifiku jew azzjoni limitata fiż-żmien, lokalizzata f’reġjun tal-fruntiera u mibdija mill-awtoritajiet pubbliċi lokali u / jew reġjonali. Il-Kummissjoni segwiet din il-ħidma mill-qrib, taqbel mal-kunċett u għalhekk qed tipproponi mekkaniżmu volontarju sabiex jiġu solvuti l-ostakli legali fir-reġjuni tal-fruntiera.
Għad-dettalji ta' din il-proposta ara t-Taqsima 5 hawn taħt.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet tal-politika eżistenti
Interreg, bħala l-istrument prinċipali ta' finanzjament tal-Politika ta' Koeżjoni, tappoġġa programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera fir-reġjuni tal-fruntiera tal-UE inklużi dawk mal-pajjiżi tal-EFTA. Madankollu, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tar-Reġjuni tal-Fruntiera, ir-reġjuni tal-fruntiera ġeneralment ikollhom prestazzjoni ekonomika inqas tajba minn reġjuni oħra fi Stat Membru. Hemm bżonn miżuri li jmorru lil hinn mill-finanzjament Ewropew iżda li jikkumplimentaw finanzjament Ewropew ulterjuri fir-reġjuni tal-fruntiera minħabba li dawn id-diffikultajiet kontinwi ma jistgħux jiġu indirizzati permezz ta' finanzjament u investimenti bħall-Interreg biss.
Mekkaniżmu sabiex jiġu solvuti l-ostakli legali fir-reġjuni tal-fruntiera huwa għalhekk kompliment neċessarju kemm għall-appoġġ finanzjarju taħt Interreg, iżda wkoll għal appoġġ istituzzjonali bħal raggruppamenti Ewropej ta' kooperazzjoni territorjali, billi dawk ir-raggruppamenti ma jingħatawx setgħat leġiżlattivi sabiex jegħlbu l-ostakli legali.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Kif stipulat hawn fuq, il-Politika ta' Koeżjoni u s-Suq Uniku jappoġġaw lil xulxin. Il-mekkaniżmu li għandu jiġi stabbilit skont dan ir-Regolament jikkontribwixxi għall-objettivi tal-Komunikazzjoni tar-Reġjuni tal-Fruntiera u jagħti spinta lill-potenzjal ta' reġjuni tal-fruntiera, li mhux sfruttat bis-sħiħ minħabba sistemi legali differenti. Studju riċenti kkuntrattat dan l-aħħar mill-Kummissjoni dwar l-impatt ekonomiku tal-ostakli fil-fruntieri fuq il-PDG u l-livelli ta' impjiegi fir-reġjuni tal-fruntiera interni fuq l-art jistma li, anki jekk jitneħħew biss 20 % tal-ostakli eżistenti, ir-reġjuni tal-fruntiera jiksbu 2 % fil-PDG. Mekkaniżmu sabiex jiġu solvuti l-ostakli legali fir-reġjuni tal-fruntiera huwa, għalhekk, ukoll kompliment meħtieġ għall-funzjonament tas-suq intern, li huwa objettiv ċentrali tal-Unjoni (l-Artikolu 3 TUE u l-Artikolu 3(1)(b) TFUE).
Id-dispożizzjonijiet f’din il-proposta dwar il-protezzjoni legali ta' persuni residenti f'reġjun transfruntier li jqisu li jkun sarilhom dannu minħabba atti jew ommissjonijiet li joħorġu mill-applikazzjoni mill-awtoritajiet tal-mekkaniżmu jirrigwardaw b'mod predominanti d-dritt amministrattiva/pubbliku u ma jaffetwawx id-dritt eżistenti tal-UE dwar ir-riżoluzzjoni tal-konflitti tal-liġijiet, minħabba li dan id-dritt tal-UE jikkonċerna d-dritt ċivili biss. Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal tali dritt (tali dritt tal-UE jista' japplika għal tilwim dwar kwistjonijiet kuntrattwali jew mhux kuntrattwali).
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 175 TFUE jistipula li għandhom jiġu deċiżi azzjonijiet speċifiċi barra l-Fondi mniżżla fl-ewwel subparagrafu ta' dan l-Artikolu, sabiex jinkiseb l-għan ta' koeżjoni soċjali u ekonomika previst mit-TFUE. L-iżvilupp armonjuż tat-territorju Komunitarju kollu u aktar koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali jimplikaw koperazzjoni territorjali aktar intensa. Għal dan il-għan huwa xieraq li jittieħdu miżuri għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għal azzjonijiet ta’ kooperazzjoni territorjali.
•Sussidjarjetà
Il-kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni territorjali jenħtieġ li jinħolqu skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ("TUE"). L-Istati Membri wettqu inizjattivi individwali, bilaterali u saħansitra multilaterali sabiex isolvu ostakli legali tal-fruntiera. Madankollu, dawn il-mekkaniżmi ma jeżistux fl-Istati Membri kollha jew mhux għall-fruntieri kollha ta' Stat Membru partikolari. L-istrumenti ta' finanzjament (prinċipalment Interreg) u legali (prinċipalment REKT) ipprovduti fil-livell tal-UE sa issa ma kinux biżżejjed sabiex jiġu solvuti ostakli legali tal-fruntiera madwar l-UE. L-objettivi tal-azzjoni proposta konsegwentement ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, kemm f'livell ċentrali jew f'livell reġjonali u lokali, iżda pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant, hija meħtieġa azzjoni ulterjuri mil-leġiżlatur tal-Unjoni.
Proporzjonalità
F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE, il-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-UE jenħtieġ li ma jaqbżux dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati. L-użu tal-mekkaniżmu speċifiku stabbilit skont dan ir-Regolament huwa volontarju. Stat Membru jista’ jiddeċiedi, rigward fruntiera speċifika ma' Stat Membru ġar wieħed jew aktar, li jkompli jsolvi l-ostakli legali f'reġjun transfruntier speċifiku taħt il-mekkaniżmi effettivi li jkun stabbilixxa fil-livell nazzjonali jew li jkun stabbilixxa b'mod formali jew b'mod informali, flimkien ma' Stat Membru ġar wieħed jew aktar. F’dan il-każ, jista’ jagħżel li ma jużax il-mekkaniżmu stabbilit skont dan ir-Regolament. Bl-istess mod, Stat Membru jista' jiddeċiedi wkoll, fir-rigward ta' fruntiera speċifika ma' Stat Membru ġar wieħed jew aktar, li jingħaqad ma' mekkaniżmu effettiv eżistenti stabbilit b'mod formali jew b'mod informali minn Stat Membru ġar wieħed jew aktar. Jekk dak il-mekkaniżmu jkun jippermettilu li jissieħeb, anki f’dan il-każ, jista’ jagħżel li ma jużax il-mekkaniżmu stabbilit skont dan ir-Regolament. Għalhekk, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tiegħu għal dawk ir-reġjuni transfruntiera, li għalihom l-Istati Membri ma għandhom l-ebda mekkaniżmu effiċjenti sabiex isolvu l-ostakli legali.
•L-għażla tal-istrument
Kif stabbilit fit-Taqsima 1 ta' hawn fuq, l-Istati Membri wettqu inizjattivi individwali, bilaterali u saħansitra multilaterali sabiex isolvu ostakli legali tal-fruntiera.
Regolament jistabbilixxi obbligi fuq l-Istati Membri biex jistabbilixxu, għal kull fruntiera ma' Stat Membru ġar, mekkaniżmu sabiex isolvu ostakli legali f'reġjun transfruntiera konġunt, filwaqt li jippermettu l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi effettivi oħrajn.
Rakkomandazzjoni ma tkunx l-aktar strument effettiv, minħabba li r-rakkomandazzjonijiet ma għandhomx forza vinkolanti (ara l-ħames paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE).
Direttiva wkoll ma tkunx l-aktar strument effettiv, billi din hija vinkolanti fejn jidħol ir-riżultat li għandu jinkiseb fuq kull Stat Membru li lejh tkun indirizzata, iżda tħalli l-għażla tal-forma u l-metodi f'idejn l-awtoritajiet nazzjonali (ara t-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE). Kif stipulat fit-Taqsima 3.2 tal-Komunikazzjoni tar-Reġjuni tal-Fruntiera, it-traspożizzjoni ta' Direttiva tal-UE f'żewġ Stati Membri ġirien tista' toħloq żewġ sistemi differenti li mbagħad jiltaqgħu mal-fruntieri interni. Dan jista' joħloq kumplessità - u xi drabi anki inċertezza legali - u jiġġenera spejjeż addizzjonali. Din il-proposta hija preċiżament għal mekkaniżmu sabiex jiġi stabbilit metodu fil-livell tal-UE minħabba li ftit Stati Membri stabilew metodu differenti. Għalhekk Direttiva tista' toħloq diverġenzi ġodda fir-reġjuni tal-fruntiera.
3.RIŻULTATI TA' EVALWAZZJONIJIET RETROSPETTIVI, KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT, ID-DRITTIJIET FUNDAMENTALI
•Evalwazzjonijiet retrospettivi / kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Mhux Applikabbli: leġiżlazzjoni ġdida
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati
Il-kunċett ta’ politika transfruntiera tirriżulta inizjalment minn xogħol imwettaq mill-Presidenza Lussemburgiża tal-Kunsill fl-2015, li wasslet għat-twaqqif ta’ grupp ta’ ħidma informali ta’ Stati Membri li minn dakinhar kien qiegħed jiltaqa’ b’mod regolari. Il-grupp ta’ ħidma informali esplora alternattivi biex tiġi ffaċilitata r-riżoluzzjoni ta’ ostakli transfruntiera persistenti, speċjalment meta jiġu implimentati proġetti transfruntiera. Il-kunċett tal-applikazzjoni tar-regoli (liġijiet, regolamenti, standards) ta’ Stat Membru wieħed fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera ta’ Stat Membru ġar ġie fformulat minn dan il-grupp. Il-grupp normalment jiġbor bejn 10 u 15-il Stat Membru waqt il-laqgħat tiegħu. Kienu wkoll attivi raggruppamenti ta’ Stati Membri, b’mod partikolari l-Unjoni tal-Benelux u l-Kunsill Nordiku tal-Ministri.
Partijiet interessati oħra, b’mod partikolari reġjuni u istituzzjonali fil-fruntiera, kienu ilhom żmien twil jitolbu li jkun hemm tali strument. Dan kien partikolarment evidenti matul ir-Rieżami Transfruntier li sar mid-DĠ REGIO bejn l-2015 u l-2017. Matul dak ir-rieżami saret konsultazzjoni pubblika fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE u din irċeviet aktar minn 620 tweġiba. Fir-rigward tal-kwistjoni marbuta mal-potenzjal ta’ soluzzjoni għall-kwistjonijiet tal-fruntiera, ħafna minn dawk li wieġbu b’mod espliċitu talbu lill-Kummissjoni biex tfittex li tippromwovi aktar flessibbiltà fl-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali / reġjonali fir-reġjuni tal-fruntieri. L-idea li reġjun tal-fruntiera jiġi “lliberat” mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew biex din tiġi adattata għall-kundizzjonijiet tal-fruntieri ġiet suġġerita diversi drabi.
Fl-aħħar nett, l-abbozzi ta’ opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Parlament Ewropew bi tweġiba għall-Komunikazzjoni “Spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE” speċifikament jilqgħu l-proposta biex jiġi żviluppat strument bħal dan. Iż-żewġ opinjonijiet se jiġu adottati fis-sajf tal-2018.
•Valutazzjoni tal-impatt
L-impatt u l-valur miżjud Ewropew tal-programmi Interreg huma rikonoxxuti sew. Madankollu, f’ħafna każijiet l-ostakli transfruntiera (speċjalment fir-rigward tas-servizzi tas-saħħa, ir-regolamentazzjoni tax-xogħol, it-trasport pubbliku lokali u l-iżvilupp tan-negozju) ġejjin minn differenzi fil-prattiki amministrattivi u l-oqfsa legali nazzjonali. Huma diffiċli biex dawn jiġu indirizzati biss mill-programmi u jeħtieġu deċiżjonijiet lil hinn mill-istrutturi tal-programm.
Biex dan jiġi indirizzat, fl-2015 il-Presidenza Lussemburgiża u diversi Stati Membri esploraw l-użu ta’ regoli ta’ Stat Membru wieħed fi Stat Membru ġar. Il-Kummissjoni qed tipproponi li jiġu ffaċilitati tali soluzzjonijiet bi strument legali standard.
Hemm żewġ għażliet: Impenn Transfruntier Ewropew (“Impenn”) (li fih innifsu jippermetti deroga mir-regoli normali) jew Dikjarazzjoni Transfruntiera Ewropea (“Dikjarazzjoni”) (il-firmatarji jintrabtu formalment biex jilleġiżlaw biex jemendaw ir-regoli normali). Il-mekkaniżmu se:
•jibqa’ volontarju: L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jużaw il-mekkaniżmu jew jużaw mekkaniżmi effettivi oħra biex jissolvew l-ostakli legali tal-fruntieri;
•ikun jiffoka fuq il-fruntieri tal-art fl-UE, filwaqt li jippermetti lill-Istati Membri japplikaw ukoll il-mekkaniżmu fil-każ ta’ fruntieri marittimi u esterni;
•ikun ikopri proġetti għal kwalunkwe oġġett ta' infrastruttura b'impatt f'reġjun transfruntier jew kwalunkwe servizz ta' interess ekonomiku ġenerali pprovdut f'reġjun transfruntier partikolari;
Jekk 20 % tal-ostakli legali u amministrattivi eżistenti li jinsabu tul il-fruntieri interni jiġu indirizzati, ir-reġjuni tal-fruntiera jżidu l-PDG bi 2 %. L-Impenn jikkontribwixxi għal dan billi jipprovdi qafas legali li ma joħloqx spejjeż sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż u ż-żmien biex ikun jistgħu jinbdew ċerti proġetti transfruntiera.
Il-qafas għandu jgħin biex jiġu solvuti ċerti kumplessitajiet għaljin fl-implimentazzjoni ta’ proġetti transfruntiera. Madankollu, ma huwiex wieħed “tajjeb għal kulħadd” iżda pjuttost jagħti lill-Istati Membri l-għażla li jsibu soluzzjonijiet li huma l-aktar adattati fil-kuntest reġjonali.
•Simplifikazzjoni
Mhux Applikabbli: leġiżlazzjoni ġdida
•Drittijiet fundamentali
Skont l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li għandha l-istess valur legali bħat-Trattati. Barra minn hekk, id-drittijiet fundamentali, kif garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, u kif żviluppaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, jagħmlu parti mid-dritt tal-UE bħala prinċipji ġenerali.
Din il-proposta tikkonċerna mekkaniżmu legali sabiex jiġu solvuti l-ostakli legali tal-fruntiera u, għalhekk, tindirizza prinċipalment lill-awtoritajiet fl-Istati Membri. Jenħtieġ li n-nies jibbenefikaw mis-soluzzjonijiet miftiehma. Ir-riżoluzzjoni tal-ostakli transfruntiera taħt din il-proposta għandha tkun ta’ għajnuna għan-nies li jgħixu f’reġjuni mal-fruntiera biex igawdu d-drittijiet fundamentali tagħhom. Dan jirreferi, b’mod partikolari, għad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (l-Artikolu 8), id-dritt għall-edukazzjoni, inkluż l-aċċess għal taħriġ vokazzjonali u kontinwu (l-Artikolu 14), il-libertà tal-għażla tal-mestier u d-dritt li taħdem (l-Artikolu 15), b’mod speċjali l-libertà li tfittex impjieg, li taħdem, li teżerċita d-dritt ta’ stabbiliment u li tipprovdi servizzi f’kull Stat Membru; il-libertà li jitwettqu attivitajiet ekonomiċi (l-Artikolu 16); l-aċċess għas-sigurtà soċjali u l-assistenza soċjali (l-Artikolu 34); l-aċċess għall-kura tas-saħħa (l-Artikolu 35); u l-aċċess għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (l-Artikolu 36).
Il-proposta għalhekk tkopri wkoll il-kwistjoni ta' protezzjoni legali effettiva għan-nies fir-reġjuni tal-fruntiera.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta attwali ma hijiex mistennija li jkollha implikazzjonijiet baġitarji immedjati, billi hija għandha tistabbilixxi mekkaniżmu u mhux strument finanzjarju.
L-involviment tal-Punt Fokali tal-Fruntiera (Border Focal Point- "BFP") stabbilit fil-Kummissjoni wkoll ma għandux implikazzjonijiet baġitarji immedjati, billi diġà ġie stabbilit u huwa mgħammar bil-persunal tiegħu.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, evalwazzjoni u rapportar
Bħal kull Regolament tal-UE, ir-Regolament propost se jkun vinkolanti fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. L-Artikolu 291 TFUE jitlob li l-Istati Membri jadottaw il-miżuri kollha tal-leġiżlazzjoni nazzjonali meħtieġa sabiex jimplimentaw atti tal-Unjoni li jkunu jorbtu legalment. Kif stipulat fit-Taqsima 3.2 tal-Komunikazzjoni tar-Reġjuni tal-Fruntiera, anki fejn hemm legiżlazzjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom ċerta flessibbiltà u diskrezzjoni fil-mod kif japplikaw il-leġiżlazzjoni fis-sistemi nazzjonali tagħhom u fir-regoli dettaljati sabiex jimplimentaw ir-Regolamenti tal-UE. B'riżultat ta' dan, meta żewġ sistemi differenti jiltaqgħu tul il-fruntieri interni, dan jista' joħloq kumplessità - u xi kultant saħansitra inċertezza legali - u jkabbar l-ispejjeż. Konsegwentement, hemm bżonn ta' kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' atti tal-Unjoni legalment vinkolanti. Kif permess skont l-Artikolu 291(2) TFUE, ir-Regolament propost jista' jagħti setgħat ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Bħal fil-każ tal-metodu għall-kontroll tal-implimentazzjoni ta' strumenti legali oħrajn fil-livell tal-UE, din il-proposta tillimita ruħha li tobbliga lill-Istati Membri li jikkomunikaw lill-Kummissjoni r-regoli ta' implimentazzjoni nazzjonali tagħhom, biex b'hekk il-Kummissjoni tkun tista' tivvaluta jekk dawk ir-regoli nazzjonali jimplimentawx dan ir-Regolament b'mod effettiv.
Sabiex tevalwa jekk il-mekkaniżmu stabbilit skont ir-Regolament propost irriżultax bħala għodda effettiva addizzjonali sabiex jiġu solvuti l-ostakli legali fir-reġjuni tal-fruntiera, jenħtieġ li l-Kummissjoni, f’konformità mal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar, tevalwa l-leġiżlazzjoni eżistenti. Għalhekk qiegħed jiġi propost li, bħal fil-każ tar-REKT, li l-Kummissjoni tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament propost, bl-użu ta’ indikaturi li jevalwaw l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-valur miżjud Ewropew u l-ambitu tiegħu għas-simplifikazzjoni fi żmien ħames (5) snin wara l-applikazzjoni tar-Regolament propost.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Kapitolu 1 - Dispożizzjonijiet ġenerali (l-Artikoli minn 1 sa 7)
It-Titolu 1 jistabbilixxi s-suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament, definizzjonijiet u kjarifiki, l-għażla tal-Istati Membri jekk jużax il-mekkaniżmu stabbilit skont din il-proposta, il-Punti nazzjonali u reġjonali ta' Koordinazzjoni Transfruntiera u punt ta' koordinazzjoni fil-livell tal-UE.
Is-suġġett (l-Artikolu 1) huwa mekkaniżmu li għandu japplika, fir-rigward ta' reġjun transfruntier komuni, fi Stat Membru partikolari, id-dispożizzjonijiet legali mill-Istat Membru ġar fejn l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali tiegħu stess jikkostitwixxu ostaklu legali għall-implimentazzjoni ta' proġett konġunt (li jista’ jkun oġġett ta' infrastruttura jew kwalunkwe servizz ta' interess ekonomiku ġenerali).
Il-Mekkaniżmu jikkonsisti mill-konklużjoni ta' Impenn Transfruntier Ewropew (Impenn), li jkun ta’ awto-eżekuzzjoni, jew minn Dikjarazzjoni Transfruntiera Ewropea ("Dikjarazzjoni") li tkun teħtieġ proċedura leġiżlattiva ulterjuri fl-Istat Membru.
Il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament propost (l-Artikolu 2) ikopri r-reġjuni tal-fruntiera komuni fuq il-fruntieri fuq l-art. Fuq il-bażi tal-evidenza miġbura taħt ir-Rieżami Transfruntiera u kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tar-Reġjuni tal-Fruntieri, l-ostakli legali jinħassu l-aktar minn persuni li jinteraġixxu fuq fruntiera fuq l-art, minħabba li n-nies jaqsmu l-fruntieri kuljum jew kull ġimgħa sabiex jaħdmu, jitgħallmu, jixtru jew jużaw faċilitajiet jew servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali jew kombinament tagħhom.
L-Artikolu 3 jelenka d-definizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-Regolament propost kif ukoll xi kjarifiki, b'mod partikolari fir-rigward ta' Stati Membri li jkopru wkoll diversi entitajiet territorjali b'setgħat leġiżlattivi, sabiex jiġi garantit li l-livelli rilevanti kollha fi Stat Membru partikolari jistgħu, fejn rilevanti, jemendaw l-ostakli legali taħt il-kompetenza tagħhom.
Sabiex jirrispettaw il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri jingħataw l-għażla li jużaw il-Mekkaniżmu stabbilit skont ir-Regolament propost jew li jkomplu jużaw xi mekkaniżmi effettivi oħrajn sabiex isolvu ostakli legali jew, fil-każ ta’ ċerti fruntieri, jingħaqdu ma' xi mekkaniżmi effettivi oħrajn (l-Artikoli 4 ). Ħafna Stati Membri x'aktarx se jkollhom l-ewwel jadottaw leġiżlazzjoni biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jikkonkludu Impenn, li bis-saħħa tal-konklużjoni tiegħu l-Istat Membru jkun jista’ “jiġbed min-naħa l-oħra tal-fruntiera” dispożizzjonijiet legali mill-Istat Membru ġar, u b’hekk jidderoga mir-regoli nazzjonali tiegħu li “normalment” ikunu applikabbli. Xi Stati Membri jistgħu sempliċement jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom jiffirmaw Dikjarazzjoni, li biha jintrabtu li jilleġiżlaw biex jidderogaw mir-regoli “normalment” applikabbli permezz ta’ att leġiżlattiv formali. Fil-każ tal-Impenn b’awto-eżekuzzjoni, ir-regoli nazzjonali applikabbli "normalment" jibqgħu fis-seħħ, iżda l-Impenn joħloq deroga. Fil-każ tad-Dikjarazzjoni, ir-regoli nazzjonali applikabbli "normalment" jiġu emendati formalment sabiex tkun tista’ ssir deroga espliċita.
L-Istati Membri li jagħżlu l-Mekkaniżmu stabbilit skont ir-Regolament propost huma obbligati li jistabbilixxu Punti ta' Koordinazzjoni Transfruntiera nazzjonali jew, fil-każ ta' stati federali, Punti ta' Koordinazzjoni Transfruntiera reġjonali (l-Artikolu 5). Fl-aħħar nett, l-Artikolu 6 jelenka l-kompiti tal-punt ta' koordinazzjoni fil-livell tal-UE, kif imħabbar fil-Komunikazzjoni tar-Reġjuni tal-Fruntiera u li diġà ġie stabbilit fid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Politika Reġjonali u Urbana. Sabiex jiżgura kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-Artikolu 7 jikkonferixxi setgħat implimentattivi fuq il-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istabbiliment ta' database u fir-rigward tar-regoli dwar il-manutenzjoni tiegħu, dwar il-protezzjoni tad-data u l-mudell li għandu jintuża meta l-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u dwar l-użu tal-Mekkaniżmu tiġi ppreżentta mill-Punti ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera. Id-database jrid ikun konformi mad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Kapitolu 2 - Proċedura sabiex jiġu konklużi Impenn jew Dikjarazzjoni (l-Artikoli minn 8 sa 17)
Il-proċedura sabiex jiġu konklużi Impenn jew Dikjarazzjoni tikkonsisti fil-preparazzjoni u l-preżentazzjoni tad-dokument ta' inizjattiva (l-Artikoli 8 u 9), li għandu jiġi abbozzat mill-”inizjatur", analiżi preliminari mill-Istat Membru li jkun mitlub “jiġbed min-naħa l-oħra tal-fruntiera” d-dispożizzjonijiet legali tal-Istat Membru ġar (l-Artikoli 10 u 11), l-abbozzar tal-Impenn jew id-Dikjarazzjoni għandhom jiġu konklużi (l-Artikoli minn 12 sa 15) u finalment il-konklużjoni tal-Impenn jew id-Dikjarazzjoni u l-iffirmar tagħhom mill-awtoritajiet kompetenti taż-żewġ Stati Membri (l-Artikoli minn 16 sa 17).
B'mod aktar speċifiku l-Artikolu 8 jistabbilixxi min jista' jkun "inizjatur": (a) il-korp pubbliku jew privat responsabbli għall-inizjazzjoni jew responsabbli kemm mill-inizjazzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni ta' proġett konġunt (pereż. il-kumpanija li torganizza t-trasport pubbliku fi Strasburgu li tippjana li testendi linja tat-tram fuq il-fruntiera lejn il-belt Ġermaniża ta' Kehl); jew (b) awtorità lokali jew reġjonali waħda jew aktar li tinsab f'reġjun transfruntier partikolari jew li teżerċita setgħa pubblika f'dak ir-reġjun transfruntier (eż. il-belt ta' Strasburgu jew l-istruttura interkomunali ta' Strasburgu Eurométropole jew il-belt ta' Kehl); jew (c) korp b'personalità ġuridika jew mingħajrha stabbilit għal kooperazzjoni transfruntiera li jkun jinsab jew ikopri, mill-inqas parzjalment, reġjun transfruntier partikolari, inklużi raggruppamenti Ewropej ta' kooperazzjoni territorjali skont ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew Parlament u tal-Kunsill, l-Ewroreġjuni, l-Euregios u korpi simili (pereż. l-Eurodistrett tar-REKT Strasbourg-Ortenau); jew (d) organizzazzjoni stabbilita f'isem reġjuni transfruntiera bil-għan li tippromwovi l-interessi ta' territorji transfruntiera u tiffaċilita n-netwerking ta' atturi u l-iskambju ta' esperjenzi, bħall-Assoċjazzjoni ta' Reġjuni mal-Fruntieri Ewropej, il- Mission Opérationnelle Transfrontalière jew is-Servizz tal-Ewropa Ċentrali għall-Inizjattivi Transfruntiera; jew (e) bosta mill-entitajiet imsemmija fil-punti minn (a) sa (d) b'mod konġunt.
L-inizjatur għandu jipprepara dokument ta' inizjattiva li jkopri l-elementi elenkati fl- Artikolu 9 . Id-deroga mid-dritt nazzjonali applikabbli "normalment" tkun limitata strettament għall-minimu kemm fir-rigward tat-territorju kopert kif ukoll fir-rigward tal-perjodu ta’ validità.
L-atturi ċentrali fl-Istati Membri mitluba li jikkonkludu Impenn jew Dikjarazzjoni huma l-Punti ta' Koordinazzjoni Transfruntiera nazzjonali jew reġjonali rispettivi li se jikkollaboraw mal-awtoritajiet kompetenti kollha fl-Istat Membru u mal-kontraparti(jiet) tagħhom fl-Istat Membru ġar (l-Artikoli 10 u 11). Mhux aktar tard minn data stabbilita, il-Punt ta' Koordinazzjoni Transfruntier irid jirreaġixxi u jiddeċiedi jekk għandhiex tkun imnedija proċedura li twassal għall-konklużjoni ta' Impenn jew Dikjarazzjoni, jekk l-ostaklu legali huwiex "reali" u jekk fil-każ ta’ ostaklu legali wieħed jew aktar tkunx diġà nstabet soluzzjoni li tista' tiġi applikata. L-inizjatur jista' jintalab jirrevedi d-dokument tiegħu jew iżid miegħu(l-Artikolu 12).
Ladarba d-dokument ta' inizjattiva jitqies bħala komplut, il-Punt ta' Koordinazzjoni Transfruntier irid jipprepara abbozz tal-Impenn jew Dikjarazzjoni u, anki f’dan il-każ sa data stabbilita, jasal fi ftehim dwar it-test mal-Istat Membru l-ieħorl-Artikoli minn 13 sa 15) u finalment jikkonkludih (l-Artikoli minn 16 sa 17). L-Impenn jew id-Dikjarazzjoni ffirmati jridu jistipulaw l-elementi elenkati fl-Artikolu 14(1). L-Impenn jew id-Dikjarazzjoni jridu jintbagħtu mhux biss lill-inizjatur, iżda wkoll lill-Punt ta' Koordinazzjoni Transfruntier tal-Istat Membru ġar, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tiegħu stess, lill-punt ta' koordinazzjoni fil-livell tal-UE u lill-awtorità jew il-korp maħtura mill-Istat Membru li jagħmel l-impenn għall-pubblikazzjoni uffiċjali (l-Artikolu 17 (2)(e)).
Kapitolu 3 - L-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta’ Impenji u Dikjarazzjonijiet (l-Artikoli minn 18 sa 20)
Fejn ikun rilevanti, l-Impenn għandu jiġi implimentat permezz tal-emenda ta' atti amministrattivi eżistenti bbażati fuq id-dritt applikabbli "normalment" jew bl-adozzjoni ta' atti amministrattivi ġodda bbażati fuq id-dritt "li jinġibed min-naħa l-oħra tal-fruntiera"l-Artikolu 18). Jekk diversi awtoritajiet ikunu responsabbli kull waħda għal aspetti differenti ta' xi ostaklu legali kumpless, l-Impenn irid ikun akkumpanjat minn skeda ta' żmien għal kull wieħed minnhom. B'rispett għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-adozzjoni u t-trażmissjoni ta' dawk l-atti amministrattivi emendati jew ġodda jridu jkunu rregolati mil-liġi nazzjonali dwar proċeduri amministrattivi (l-Artikolu 18(5)).
Id-Dikjarazzjoni trid tiġi implimentata permezz ta' preżentazzjoni waħda jew aktar ta' proposti lill-korp kompetenti leġiżlattiv sabiex id-dritt nazzjonali jiġi emendata biex ikopri d-derogi meħtieġa (l-Artikolu 19).
Fiż-żewġ każijiet, ladarba l-istadji kollha ppjanati jiġu implimentati, il-Punt ta' Koordinazzjoni Transfruntier irid jinforma lill-kontraparti tiegħu fl-Istat Membru l-ieħor kif ukoll lill-punt ta' koordinazzjoni fil-livell tal-UE (l-Artikolu 18 (4) u (5) u l-Artikolu 19(6 ) u (7)).
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-Punt ta' Koordinazzjoni Transfruntier jista' jfakkar lill-awtorità kompetenti biex tikkonforma ruħha mal-iskadenzi u l-iskedi ta' żmien li ssir referenza għalihom fl-Artikoli 14(3) u 18 (1) u jistgħu jinfurmaw lilll-awtorità li tissorvelja lill-awtorità kompetenti li tagħmelt l-impenn jew lill-membru kompetenti tal-gvern dwar l-iskadenzi maqbuża jew l-iskedi ta' żmien stipulati f'xi Impenn jew Dikjarazzjoni mogħtija (l-Artikolu 6(2)(e)).
Jenħtieġ li-Istati Membri jiddeċiedu liema awtoritajiet għandhom jissorveljaw il-konformità ma’ xi Impenn mogħti u mad-dispożizzjonijiet emendati adottati skont xi Dikjarazzjoni (l-Artikolu 20). Fuq il-bażi tal-atti amministrattivi, ir-rispett tal-obbligi u d-drittijiet tad-destinatarji tagħhom jenħtieġ li jiġi ssorveljati. Jenħtieġ li -Istati Membri jitħallew jiddeċiedu jekk dik is-sorveljanza għandhiex issir mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li ttrasferixxa d-dispożizzjonijiet legali tiegħu minħabba li dawk l-awtoritajiet ikunu aktar familjari ma' dawk ir-regoli, jew għandhiex issir mill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn dawk id-dispożizzjonijiet huma applikati minħabba li dawk l-awtoritajiet huma aktar familjari mal-kumplament tas-sistema legali tal-Istati Membri li jagħmel l-impenn u mad-dritt li jirregola d-destinatarji.
Kapitolu 4 - Protezzjoni legali taħt Impenn u Dikjarazzjoni (l-Artikoli 21 u 22)
Fuq il-bażi tal-esperjenza fin-negozjati tar-Regolament REKT u bħala reazzjoni għal tħassib speċifiku ta' xi Stati Membri, ikun xieraq li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-protezzjoni legali ta' persuni residenti f'reġjun transfruntiera li jqisu li jkun sarilhom dannu minħabba atti jew ommissjonijiet li joħorġu mill-applikazzjoni, taħt xi Impenn jew Dikjarazzjoni, ta’ dispożizzjoni legali ta' Stat Membru ieħor. (l-Artikolu 21 (1)).
Kemm fil-każ ta’ Impenji kif ukoll ta’ Dikjarazzjonijiet, il-liġi tal-Istat Membru ġar hija applikata fl-Istat Membru li jagħmel l-impenn kif inkorporata fil-leġiżlazzjoni tiegħu stess u l-protezzjoni legali jenħtieġ għalhekk li tkun f’idejn il-qrati tal-Istati Membri li jagħmlu l-impenn anki meta l-persuni jkollhom ir-residenza legali tagħhom fl-Istat Membru li jittrasferixxi. L-istess jenħtieġ li japplika għar-rimedji legali kontra l-Istat Membru li l-att amministrattiv tiegħu jiġi kkontestat (l-Artikolu 21(2)). Pereżempju, att amministrattiv li jippermetti l-operat ta’ tram fuq territorju Ġermaniż taħt il-liġi Franċiża jenħtieġ li jiġi kkontestat biss fil-qrati Ġermaniżi.
Jenħtieġ li jiġi applikat approċċ differenti għar-rimedju legali kontra l-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-Impenn u d-Dikjarazzjoni. Jekk awtorità mill-Istat Membru ġar (pereż. Franza) tkun qablet li tissorvelja l-applikazzjoni tal-liġi Ġermaniża emendata (permezz tal-integrazzjoni ta' dispożizzjonijiet Franċiżi u d-deroga minn dispożizzjonijiet Ġermaniżi applikabbli "normalment" fil-Ġermanja) u tista' taġixxi fir-rispett ta’ persuni residenti fiż-żona transfruntiera f'isimha stess, il-qrati kompetenti għandhom ikunu dawk tal-Istat Membru fejn dawk il-persuni jkollhom ir-residenza legali tagħhom (l-Artikolu 22(1)). Għalhekk, jekk awtorità Franċiża tista' tadotta att amministrattiv f'isimha indirizzat lejn l-operatur tat-tram li r-residenza legali tiegħu tinsab fi Franza (li jiddikjara li l-operatur tat-tram ma rrispettax il-liġi Franċiża fir-rigward tar-rekwiżiti tekniċi għas-sinjali elettriċi fit-territorju Ġermaniż), allura jkunu kompetenti l-qrati Franċiżi. Madankollu, fejn l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi ma tistax taġixxi f'isimha stess, iżda biss f'isem l-awtorità kompetenti li tagħmel l-impenn, il-qrati kompetenti jkunu dawk tal-Istat Membru li jagħmel l-impenn, irrispettivament mir-residenza legali tal-persuna (l-Artikolu 22 (2)). Għalhekk, jekk l-awtorità Franċiża tissorvelja l-konformita mal-liġi Franċiża, iżda l-att amministrattiv ikun f'isem awtorità Ġermaniża, allura għandhom ikunu kompetenti l-qrati Ġermaniżi.
Kapitolu 5 - L-implimentazzjoni u dispożizzjonijiet finali (l-Artikoli minn 23 sa 26)
Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari għall-iskambju ta' informazzjoni bejn il-Punti ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera u l-Kummissjoni permezz ta' database stabbilita u miżmuma mill-Kummissjoni, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta' implimentazzjoni skont il-leġiżlazzjoni tal-proċedura tal-kumitati. Għal skopijiet prattiċi u ta' koordinazzjoni, dak ikun il-"Kumitat ta' Koordinazzjoni għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej" (l-Artikolu 23).
Id-dispożizzjonijiet finali jistabbilixxu l-obbligu tal-Istati Membri li jagħmlu d-dispożizzjonijiet nazzjonali tali sabiex jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tar-Regolament propost (l-Artikolu 24 1)) u sabiex jinformaw lill-Kummissjoni fi żmien sena mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament propost kemm dwar dawk ir-regoli nazzjonali ta' implimentazzjoni kif ukoll dwar l-istabbiliment ta' Punti ta' Koordinazzjoni Transfruntiera Nazzjonali jew Reġjonali (l-Artikolu 24(2)).
Billi dawk id-dispożizzjonijiet se jispeċifikaw liema reġjuni tal-fruntiera ta' Stat Membru partikolari huma koperti mill-Mekkaniżmu, il-Kummissjoni se tkun f'pożizzjoni sabiex tivvaluta jekk Stat Membru jkunx għażel mekkaniżmu differenti għall-fruntiera mhux speċifikati. Jenħtieġ li l-Istati Membri xorta waħda jinfurmaw b'mod espliċitu dwar din l-għażla skont l-Artikolu 4, iżda mingħajr skadenza (l-Artikolu 24(3)).
L-Artikolu 25 jistabbilixxi obbligu tal-Kummissjoni li tibgħat rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament propost fi żmien ħames snin wara l-adozzjoni tiegħu.
Jenħtieġ li l-applikazzjoni tar-Regolament tiġi differita b'sena wara d-dħul fis-seħħ tiegħu sabiex l-Istati Membri jingħataw sena biex jadottaw id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta' implimentazzjoni tiegħu (l-Artikolu 26).
2018/0198 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar mekkaniżmu sabiex jiġu solvuti ostakli legali u amministrattivi f'kuntest transfruntier
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni
,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)It-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 tat-Trattat jipprovdi li jiġu deċiżi azzjonijiet speċifiċi barra mill-Fondi li huma s-suġġett tal-ewwel subparagrafu ta' dak l-Artikolu, sabiex jinkiseb l-objettiv ta' koeżjoni soċjali u ekonomika previst mit-Trattat. L-iżvilupp armonjuż tat-territorju kollu tal-Unjoni u aktar koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali jimplikaw it-tisħiħ tal-koperazzjoni territorjali. Għal dan il-għan huwa xieraq li jiġu adottati l-miżuri meħtieġa għat-titjib tal-kundizzjonijiet ta' implimentazzjoni għal azzjonijiet ta' kooperazzjoni territorjali.
(2)L-Artikolu 174 tat-Trattat jirrikonoxxi l-isfidi li jiffaċċjaw ir-reġjuni tal-fruntiera u jistipula li l-Unjoni jenħtieġ li tagħti attenzjoni partikolari lil dawn ir-reġjuni, meta tiżviluppa u twettaq azzjonijiet li jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni. Minħabba ż-żieda fin-numru tal-fruntieri territorjali u marittimi, l-Unjoni u l-eqreb ġirien tagħha fl-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (European Free Trade Association, "EFTA") għandhom erbgħin fruntiera interni fuq l-art.
(3)Fil-Komunikazzjoni tagħha "Spinta lit-tkabbir u l-koeżjoni fir-reġjuni tal-fruntieri tal-UE" ("il-Komunikazzjoni dwar ir-Reġjuni tal-Fruntieri") il-Kummissjoni tfisser li matul l-aħħar deċennji, il-proċess ta' integrazzjoni Ewropea għen lir-reġjuni tal-fruntiera interni sabiex jittrasformaw minn żoni prinċipalment periferali għal żoni ta' tkabbir u opportunitajiet. It-tlestija tas-Suq Uniku fl-1992 tat spinta lill-produttività tal-Unjoni u naqqset l-ispejjeż permezz tal-abolizzjoni tal-formalitajiet tad-dwana, l-armonizzazzjoni jew ir-rikonoxximent reċiproku ta' regoli tekniċi u prezzijiet aktar baxxi b'riżultat tal-kompetizzjoni; il-kummerċ intra-UE żdied bi 15 % fuq 10 snin; ġie ġġenerat tkabbir addizzjonali u nħolqu madwar 2.5 miljun impjieg aktar.
(4)Il-Komunikazzjoni dwar ir-Reġjuni tal-Fruntiera tat prova wkoll tal-fatt li għad hemm numru ta' ostakli legali fir-reġjuni tal-fruntiera, speċjalment dawk relatati mas-servizzi tas-saħħa, ir-regolamentazzjoni tax-xogħol, it-taxxi, l-iżvilupp tan-negozju u l-ostakli marbutin ma' differenzi f'kulturi amministrattivi u oqfsa legali nazzjonali. La l-finanzjament tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea u lanqas l-appoġġ istituzzjonali għall-kooperazzjoni mir-Raggruppamenti Ewropej tal-Kooperazzjoni Territorjali (REKT) ma huma biżżejjed waħedhom sabiex jindirizzaw is-soluzzjoni għal dawk l-ostakli li jikkostitwixxu ostakli reali għal kooperazzjoni effettiva.
(5)Sa mill-1990, programmi taħt l-għan tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, magħrufin aħjar bħala "Interreg" appoġġaw programmi ta' kooperazzjoni transfruntiera tul reġjuni tal-fruntiera tal-Unjoni inklużi dawk mal-pajjiżi tal-EFTA. Iffinanzja eluf ta' proġetti u inizjattivi li għenu biex titjieb l-integrazzjoni Ewropea. Il-kisbiet ewlenin tal-programmi Interreg jinkludu: aktar fiduċja, konnettività ogħla, ambjent imtejjeb, saħħa aħjar u t-tkabbir ekonomiku. Minn proġetti bejn in-nies permezz ta' investimenti u appoġġ fl-infrastruttura sa inizjattivi ta' kooperazzjoni istituzzjonali, Interreg għamel differenza ġenwina fir-reġjuni tal-fruntiera u tat kontribut għat-trasformazzjoni tagħhom. Interreg appoġġa wkoll il-kooperazzjoni fuq ċerti fruntieri marittimi. Madankollu, l-ostakli legali ma humiex kwistjoni daqstant kbira fejn jidħlu r-reġjuni tal-fruntiera marittimi, minħabba l-impossibbiltà fiżika li l-persuni jaqsmu l-fruntiera kuljum jew bosta drabi fil-ġimgħa minħabba xogħol, edukazzjoni u taħriġ, xiri, l-użu ta' faċilitajiet u servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali jew kombinament ta' dawn jew għal interventi ta' emerġenza ta’ malajr.
(6)L-appoġġ finanzjarju minn Interreg għall-kooperazzjoni transfruntiera ġie kkumplementat mir-REKT, stabbiliti sa mill-2006 bir-Regolament (UE) Nru 1082/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Madankollu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (KE) Nru 1082/2006, ir-REKT ma jistgħux jeżerċitaw setgħat regolatorji biex jissolvew ostakli legali u amministrattivi f’kuntest transfruntier.
(7)Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Reġjuni tal-Fruntieri, il-Kummissjoni rreferiet fost miżuri oħra għal inizjattiva mibdija taħt il-Presidenza tal-Lussemburgu fl-2015: Numru ta' Stati Membri qiegħdin jikkunsidraw il-merti ta' strument ġdid sabiex jissimplifikaw proġetti transfruntiera billi jagħmlu possibbli, fuq bażi volontarja u bi qbil mal-awtoritajiet kompetenti inkarigati, li r-regoli ta' Stat Membru wieħed jiġu applikati fl-Istat Membru ġar. Dan ikun japplika għal xi proġett individwali jew xi azzjoni limitata fiż-żmien, lokalizzata f’reġjun tal-fruntiera u mibdija minn l-awtoritajiet pubbliċi lokali jew reġjonali.
(8)Anki jekk diġà jeżisti numru ta' mekkaniżmi effettivi għall-kooperazzjoni transfruntiera f'livell intergovernattiv, reġjonali u lokali f'ċerti reġjuni tal-Unjoni, dawn ma jkoprux ir-reġjuni kollha tal-fruntiera fl-Unjoni. Sabiex is-sistemi eżistenti jiġu kkomplimentati, huwa għalhekk meħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu volontarju biex jirrisolvi l-ostakli legali u amministrattivi fir-reġjuni tal-fruntiera kollha (“il-Mekkaniżmu”).
(9)B'rispett sħiħ għall-istruttura kostituzzjonali u istituzzjonali tal-Istati Membri, jenħtieġ li l-użu tal-Mekkaniżmu jkun volontarju fir-rigward ta' dawk ir-reġjuni tal-fruntiera ta' Stat Membru partikolari fejn jeżisti mekkaniżmu effettiv ieħor jew li jista' jiġi stabbilit mal-Istat Membru ġar. Dan jenħtieġ li jikkonsisti minn żewġ miżuri: l-iffirmar u l-konklużjoni ta' Impenn Transfruntier Ewropew ("Impenn") jew l-iffirmar ta’ Dikjarazzjoni Transfruntiera Ewropea ("Dikjarazzjoni").
(10)Jenħtieġ li l-Impenn jiskatta b’mod awtonomu, li jfisser li skont il-konklużjoni tal-Impenn ċerti dispożizzjonijiet legali ta' Stat Membru wieħed jiġu applikati fit-territorju tal-Istat Membru ġar. Jenħtieġ li jkun aċċettabbli wkoll li l-Istati Membri jadottaw xi att leġiżlattiv li jippermetti l-konklużjoni ta' Impenn, sabiex jiġi evitat li ssir deroga minn leġiżlazzjoni nazzjonali formalment adottata minn korp leġiżlattiv minn xi awtorità oħra minbarra dak il-korp leġiżlattiv u bi ksur taċ-ċarezza legali u tat-trasparenza jew it-tnejn li huma.
(11)Id-Dikjarazzjoni xorta tkun tiirrikjedi proċedura leġiżlattiva fl-Istat Membru. Jenħtieġ li l-awtorità li tikkonkludi d-Dikjarazzjoni tagħmel dikjarazzjoni formali li sa ċerta skadenza tikkawża l-bidu tal-proċedura leġiżlattiva meħtieġa sabiex tiġi emendata l-liġi nazzjonali normalment applikabbli u sabiex tapplika, b'deroga espliċita, il-liġi ta' Stat Membru ġar.
(12)L-ostakli legali jinħassu l-aktar minn persuni li jinteraġixxu fuq il-fruntiera tal-art, minħabba li n-nies jaqsmu l-fruntieri kuljum jew kull ġimgħa. Sabiex l-effett ta’ dan ir-Regolament jiġi kkonċentrat fir-reġjuni l-aktar qrib il-fruntiera u bl-ogħla livell ta' integrazzjoni u interazzjoni bejn Stati Membri ġirien, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għal reġjuni transfruntiera fi ħdan it-tifsira tat-territorju kopert minn reġjuni territorjali ġirien fuq l-art f'żewġ Stati Membri jew aktar f'reġjuni tal-livell 3 NUTS. Jenħtieġ li dan ma jżommx lill-Istati Membri milli japplikaw il-Mekkaniżmu wkoll għal fruntieri marittimi u esterni għajr dawk ta' mal-pajjiżi tal-EFTA.
(13)Sabiex jikkoordina l-kompiti tal-awtoritajiet differenti li f'xi Stati Membri se jinkludu korpi leġiżlattivi nazzjonali u reġjonali, fi ħdan Stati Membri partikolari u bejn dawk ta' Stat Membru ġar jew Stati Membri ġirien, jenħtieġ li kull Stat Membru li jagħżel il-Mekkaniżmu jkun obbligat li jistabbilixxi punti ta' Koordinazzjoni Transfruntiera nazzjonali u, fejn applikabbli, reġjonali, u jiddefinixxi l-kompiti u l-kompetenzi tagħhom matul l-istadji differenti tal-Mekkaniżmu li jkopru l-bidu, il-konklużjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Impenji u d-Dikjarazzjonijiet.
(14)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi punt ta' koordinazzjoni fil-livell tal-Unjoni, kif imħabbar fil-Komunikazzjoni dwar ir-Reġjuni fil-Fruntieri. Jenħtieġ li dak il-punt ta' koordinazzjoni jikkollabora mal-Punti ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera nazzjonali u, fejn rilevanti, reġjonali differenti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi u żżomm database dwar l-Impenji u d-Dikjarazzjonijiet f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(15)Jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi l-proċedura sabiex jiġu konklużi Impenn jew Dikjarazzjoni u jiddeskrivi l-passi differenti fid-dettall; it-tħejjija u l-preżentazzjoni ta' dokument ta' inizjattiva, analiżi preliminari mill-Istat Membru li għandu japplika d-dispożizzjonijiet legali tal-Istat Membru ġar, il-preparazzjoni tal-Impenn jew id-Dikjarazzjoni li għandhom jiġu konklużi u finalment il-proċedura tal-konklużjoni kemm għall-Impenn kif ukoll għad-Dikjarazzjoni. Jenħtieġ ukoll li l-elementi li għandhom jiġu koperti fid-dokument ta’ inizjattiva, l-abbozzi ta’ Impenn u Dikjarazzjoni, l-Impenn u d-Dikjarazzjoni finali jiġu stabbiliti fid-dettall, kif ukoll l-iskadenzi korrispondenti.
(16)B’mod aktar speċifiku, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiddefinixxi min jista’ jkun inizjatur ta’ proġett konġunt. Billi jenħtieġ li l-Mekkaniżmu jtejjeb l-implimentazzjoni ta' proġetti konġunti transfruntiera, jenħtieġ li l-ewwel grupp ikun il-korpi ta' inizjazzjoni jew kemm ta' inizjazzjoni kif ukoll implimentazzjoni ta' tali proġett konġunt. Jenħtieġ li t-terminu proġett jinftiehem f'sens wiesa', li jkopri kemm oġġett speċifiku ta' infrastruttura u / jew numru ta' attivitajiet fir-rigward ta' ċertu territorju, jew it-tnejn. It-tieni, jenħtieġ li awtorità lokali jew reġjonali li tinsab f'xi reġjun transfruntier partikolari jew li teżerċita setgħa pubblika f'dak ir-reġjun transfruntier tingħata s-setgħa li tieħu l-inizjattiva li tapplika d-dritt nazzjonali li jikkostitwixxi ostaklu, iżda l-emenda jew id-deroga tagħha tkun barra mill-kompetenza istituzzjonali tagħha. It-tielet, jenħtieġ li korpi li ġew stabbiliti għal kooperazzjoni transfruntiera li jinsabu jew li jkopru mill-inqas parzjalment reġjun transfruntier partikolari, inklużi REKT, jew korpi simili li jorganizzaw żvilupp transfruntiera b'mod strutturat, ikunu inizjaturi. Fl-aħħarnett, jenħtieġ li korpi speċjalizzati f'kooperazzjoni transfruntiera li jistgħu jkunu konxji wkoll ta' soluzzjonijiet effettivi li jinstabu f'postijiet oħrajn fl-Unjoni għal kwistjoni paragunabbli wkoll ikunu jistgħu jibdew inizjattiva. Sabiex tinħoloq sinerġija ta' korpi direttament affettwati mill-ostaklu u dawk esperti fil-kooperazzjoni transfruntiera b'mod ġenerali, il-gruppi kollha jistgħu jinizjalaw il-Mekkaniżmu b'mod konġunt.
(17)Jenħtieġ li l-attur ewlieni fl-Istati Membri mitluba li jikkonkludu Impenn jew Dikjarazzjoni ikunu l-Punti ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera li għandhom jikkollaboraw mal-awtoritajiet kompetenti kollha fl-Istat Membru tagħhom u mal-kontroparti tagħhom fl-Istat Membru ġar. Jenħtieġ li jkun stabbilit ukoll b'mod ċar li l-Punti ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera jistgħu jiddeċiedu jekk għandhiex titnieda proċedura li twassal għall-konklużjoni ta' Impenn jew Dikjarazzjoni jew jekk tkunx diġà nstabet soluzzjoni għal ostaklu legali wieħed jew aktar li tista' tiġi applikata. Min-naħa l-oħra jenħtieġ li jiġi stabbilit ukoll li l-Istat Membru li d-dispożizzjonijiet legali tiegħu għandhom jiġu applikati fl-Istat Membru l-ieħor jista' jirrifjuta tali applikazzjoni barra mit-territorju tiegħu. Jenħtieġ li kwalunkwe deċiżjoni tkun iġġustifikata u kkomunikata.
(18)Jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli ddettaljati dwar l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-monitoraġġ ta’ Impenji u Dikjarazzjonijiet li għandhom jiġu konklużi u ffirmati.
(19)Jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ Impenn b’awtoeżekuzzjoni jikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li dan ikun ifisser jew l-emenda ta' atti amministrattivi legalment vinkolanti li diġà ġew adottati b'mod konformi mad-dritt nazzjonali applikabbli b'mod normali jew, fejn dan ikun għadu ma sarx, l-adozzjoni ta' atti amministrattivi ġodda bbażati fuq il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor. Jekk diversi awtoritajiet ikunu responsabbli kull waħda għal aspetti differenti ta' xi ostaklu legali kumpless, jenħtieġ li l-Impenn ikun akkumpanjat minn skeda ta' żmien għal kull wieħed minnhom. Jenħtieġ li r-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-adozzjoni u t-trażmissjoni ta' dawk l-atti amministrattivi ġodda jew emendati jsegwu l-liġi nazzjonali dwar proċeduri amministrattivi.
(20)Jenħtieġ li l-implimentazzjoni ta’ Dikjarazzjonijiet tkun tikkonsisti prinċipalment fil-preparazzjoni u l-preżentazzjoni ta' proposta leġiżlattiva sabiex temenda l-liġi nazzjonali eżistenti jew tidderoga minnha. Wara l-adozzjoni, jenħtieġ li dawk l-emendi jew derogi jsiru pubbliċi u mbagħad jiġu implimentati wkoll bħall-Impenji permezz tal-emenda u l-adozzjoni ta' atti amministrattivi legalment vinkolanti.
(21)Fuq il-bażi tal-atti legalment vinkolanti, jenħtieġ li r-rispett tal-obbligi u d-drittijiet tad-destinatarji jiġi ssorveljati. Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jiddeċiedu jekk dik is-sorveljanza għandhiex issir mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li jkun ittrasferixxa d-dispożizzjonijiet legali tiegħu minħabba li dawk l-awtoritajiet ikunu jafu aħjar dawk ir-regoli jew jekk dik is-sorveljanza għandhiex issir mill-awtoritajiet tal-Istat Membru fejn dawk id-dispożizzjonijiet se jkunu applikati minħabba li dawk l-awtoritajiet ikunu jafu aħjar il-kumplament tas-sistema legali tal-Istati Membri li jagħmlu l-impenn u l-liġi li tirregola d-destinatarji.
(22)Jenħtieġ li l-protezzjoni ta' persuni residenti fir-reġjuni transfruntiera direttament jew indirettament affettwati mill-applikazzjoni u l-monitoraġġ ta' xi Impenn u l-leġiżlazzjoni emendata skont xi Dikjarazzjoni, li jqisu li jkun sarilhom dannu minħabba atti jew ommissjonijiet mill-applikazzjoni, tiġi ċċarata. Kemm fil-każ ta’ Impenji kif ukoll ta’ Dikjarazzjonijiet, il-liġi tal-Istat Membru ġar tkun applikata fl-Istat Membru li jikkommetti kif inkorporata fil-leġiżlazzjoni tiegħu stess u jenħtieġ għalhekk li l-protezzjoni legali tkun f’idejn il-qrati tal-Istati Membri li jikkommettu anki meta l-persuni jkollhom ir-residenza legali tagħhom fl-Istat Membru li jittrasferixxi. Jenħtieġ li l-istess prinċipju japplika għar-rimedju legali kontra l-Istat Membru li l-att amministrattiv tiegħu huwa kkontestat. Madankollu, jenħtieġ li jiġi applikat approċċ differenti għar-rimedju legali kontra l-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-Impenn jew id-Dikjarazzjoni. Jekk awtorità mill-Istat Membru li jittrasferixxi tkun aċċettat li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali emendati tal-Istat Membru li jagħmel impenn u tista' taġixxi fir-rigward ta' persuni residenti fiż-żona transfuntiera f'isem l-awtoritajiet tal-Istat Membru li jagħmel impenn, iżda f'isimha stess, jenħtieġ li l-qrati kompetenti jkunu dawk tal-Istat Membru fejn dawk il-persuni għandhom ir-residenza legali tagħhom. Min-naħa l-oħra, meta l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi ma tkunx tista taġixxi f'isimha, iżda f'isem l-awtorità kompetent li tagħmel l-impenn, jenħtieġ li l-qrati kompetenti jkunu dawk tal-Istat Membru li jagħmel l-impenn, irrispettivament mir-residenza legali tal-persuna.
(23)Jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tiegħu, il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tiegħu u dwar l-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tar-regoli ta' implimentazzjoni nazzjonali tagħhom.
(24)Sabiex jiġi stabbilit database skont l-Artikolu 8, jenħtieġ li jiġu kkonferiti setgħat ta’ implimentazzjoni fuq il-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tistabbilixxi regoli dwar it-tħaddim tiegħu, dwar il-protezzjoni tad-data u l-mudell li għandu jintuża meta l-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u dwar l-użu tal-Mekkaniżmu tintbagħat mill-Punti ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera. Jenħtieġ li dawn is-setgħat jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Jenħtieġ li għal skopijiet prattiċi u ta' koordinazzjoni, il-"Kumitat ta' Koordinazzjoni għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej" ikun il-kumitat kompetenti għall-proċedura tal-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni.
(25)Ir-regoli nazzjonali ta' implimentazzjoni għandhom jispeċifikaw liema reġjuni tal-fruntiera ta' Stat Membru partikolari huma koperti mill-Impenn jew Dikjarazzjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni se tkun f'pożizzjoni li tivvaluta jekk, għall-fruntiera li ma tkunx imsemmija, l-Istati Membri ikunx għażel mekkaniżmu differenti.
(26)Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali (l-Artikolu 8), id-dritt għall-edukazzjoni (l-Artikolu 14), il-libertà li tintgħażel okkupazzjoni u d-dritt għax-xogħol (l-Artikolu 15), b'mod partikolari l-libertà tat-tiftix ta’ impjieg, li jiġi eżerċitat id-dritt ta' stabbiliment u li jiġu pprovduti servizzi f'kull Stat Membru, il-libertà ta' impriża (l-Artikolu 16), l-aċċess għas-sigurtà soċjali u assistenza soċjali (l-Artikolu 34), l-aċċess għall-kura tas-saħħa (l-Artikolu 35) u l-aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (l-Artikolu 36).
(27)Jenħtieġ li l-kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni territorjali jinħolqu skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-Istati Membri wettqu inizjattivi individwali, bilaterali jew saħansitra multilaterali sabiex isolvu ostakli legali tal-fruntiera. Madankollu, dawk il-mekkaniżmi ma jeżistux fl-Istati Membri kollha jew mhux għall-fruntieri kollha ta' Stat Membru partikolari. L-istrumenti ta' finanzjament (prinċipalment Interreg) u l-istrumenti legali (prinċipalment REKT) ipprovduti fil-livell tal-Unjoni issa ma kinux biżżejjed sabiex jiġu solvuti ostakli legali tal-fruntiera madwar l-Unjoni. L-objettivi tal-azzjoni proposta konsegwentement ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, kemm f'livell ċentrali jew f'livell reġjonali u lokali, iżda pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant, hija meħtieġa azzjoni ulterjuri mil-leġiżlatur tal-Unjoni.
(28)Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE, il-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li ma jaqbżux dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati. L-użu tal-Mekkaniżmu speċifiku stabbilit b’dan ir-Regolament huwa volontarju. Jekk Stat Membru jiddeċiedi, rigward fruntiera speċifika ma' Stat Membru ġar wieħed jew aktar, li jkompli jsolvi ostakli legali f'reġjun transfruntiera speċifiku bil-mekkaniżmi effettivi li jkun stabbilixxa fil-livell nazzjonali jew li jkun stabbilixxa b'mod formali jew b'mod informali, flimkien ma' Stat Membru ġar wieħed jew aktar, il-Mekkaniżmu stabbilit skont dan ir-Regolament ma għandux għalfejn jintgħażel. Bl-istess mod, meta Stat Membru jiddeċiedi, rigward fruntiera speċifika ma' Stat Membru ġar wieħed jew aktar, biex jingħaqad ma' mekkaniżmu effettiv eżistenti stabbilit b'mod formali jew b'mod informali minn wieħed mill-Istati Membri ġirien jew aktar, sakemm dak il-mekkaniżmu jippermetti l-adeżjoni, għal darb'oħra, il-Mekkaniżmu mwaqqaf skont dan ir-Regolament ma għandux għalfejn jintgħażel. Għalhekk, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tiegħu għal dawk ir-reġjuni transfruntiera, li għalihom l-Istati Membri ma għandhom l-ebda mekkaniżmu effiċjenti sabiex isolvu l-ostakli legali fis-seħħ.
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 1
Suġġett
1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi mekkaniżmu li jippermetti l-applikazzjoni fi Stat Membru wieħed, fir-rigward ta’ reġjun transfruntier, tad-dispożizzjonijiet legali minn Stat Membru ieħor, fejn l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali ta’ dak tal-ewwel tkun tikkostitwixxi ostaklu legali li jfixkel l-implimentazzjoni ta’ xi Proġett konġunt (“il-Mekkaniżmu”).
2.Il-mekkaniżmu għandu jikkonsisti f’waħda minn dawn il-miżuri li ġejjin:
(a)il-konklużjoni ta’ Impenn Ewropew Transfruntier, li jaħdem b’awtoeżekuzzjoni,
(b)il-konklużjoni ta’ Dikjarazzjoni Ewropea Transfruntiera li tkun teħtieġ proċedura leġiżlattiva fl-Istat Membru.
3.Dan ir-Regolament jistipula wkoll
(a)l-organizzazzjoni u l-kompiti tal-Punti ta' Koordinazzjoni Transfruntiera fl-Istati Membri,
(b)ir-rwol ta' koordinazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Mekkaniżmu,
(c)il-protezzjoni legali ta' persuni residenti f'reġjun transfruntier fir-rigward tal-Mekkaniżmu.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament japplika għal reġjuni trasnfruntiera kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 3.
2.Jekk Stat Membru jinkludi diversi entitajiet territorjali b'setgħat leġiżlattivi, dan ir-Regolament għandu japplika għal dawk l-entitajiet territorjali, inklużi l-awtoritajiet i jew id-dispożizzjonijiet legali tagħhom.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)"reġjun transfruntier" tfisser it-territorju kopert minn reġjuni tal-fruntiera ġirien f'żewġ Stati Membri jew aktar f'reġjuni tal-livell 3 NUTS;
(2)"proġett konġunt" tfisser kwalunkwe oġġett ta' infrastruttura b'impatt f'reġjun transfruntier partikolari jew kwalunkwe servizz ta' interess ekonomiku ġenerali pprovdut f'reġjun transfruntier partikolari;
(3)"dispożizzjoni legali" tfisser kwalunkwe dispożizzjoni, regola jew prattika amministrattiva legali jew amministrattiva applikabbli għal proġett konġunt, irrispettivament minn jekk ikunux adottati jew implimentati minn korp leġiżlattiv jew eżekuttiv;
(4)“ostaklu legali” tfisser kwalunkwe dispożizzjoni legali fir-rigward tal-ippjanar, l-iżvilupp, il-persunal, il-finanzjament jew il-funzjonament ta’ proġett konġunt li jostakola l-potenzjal inerenti ta’ reġjun tal-fruntiera meta jkun hemm interazzjoni minn naħa għal oħra tal-fruntiera;
(5)“inizjatur” tfisser l-attur li jidentifika l-ostaklu legali u jiskatta l-Mekkaniżmu billi jippreżenta dokument ta’ inizjattiva;
(6)"dokument ta' inizjattiva" tfisser id-dokument ippreparat minn inizjatur wieħed jew aktar sabiex jinbeda l-Mekkaniżmu;
(7)"Stat Membru li jagħmel impenn" tfisser l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkunu se jiġu applikati dispożizzjonijiet legali waħda jew aktar minn Stat Membru li jittrasferixxi taħt xi Impenn Ewropew Transfruntier (“Impenn”) jew Dikjarazzjoni Ewropea Transfruntiera (“Dikjarazzjoni”) jew fejn, fin-nuqqas ta' dispożizzjoni legali xierqa fil-qafas legal, tkun se tiġi stabbilita soluzzjoni legali ad hoc ;
(8)"Stat Membru li jittrasferixxi" tfisser l-Istat Membru li d-disposizzjonijiet legali tiegħu jkunu se japplikaw fl-Istat Membru li jagħmel impenn taħt xi Impenn jew Dikjarazzjoni;
(9)"awtorità kompetenti li tagħmel impenn" tfisser l-awtorità fl-Istat Membru li jagħmel impenn li tkun kompetenti sabiex taċċetta l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali tal-Istat Membru li jittrasferixxi fit-territorju tiegħu taħt xi Impenn partikolari jew, fil-każ ta' Dikjarazzjoni, sabiex timpenja ruħha li tibda l-proċedura meħtieġa għal deroga mid-dispożizzjonijiet legali domestiċi tagħha;
(10)"awtorità kompetenti li tittrasferixxi" tfisser l-awtorità fl-Istat Membru li jittrasferixxi, kompetenti għall-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet legali li jkunu se jiġu applikati fl-Istati Membru li jagħmel impenn u għall-applikazzjoni tagħhom fit-territorju tagħha stess, jew għat-tnejn li huma;
(11)"żona ta' applikazzjoni" tfisser iż-żona fl-Istat Membru li jagħmel impenn fejn għandha tapplika d-dispożizzjoni legali tal-Istat Membru li jittrasferixxi jew soluzzjoni legali ad hoc .
Artikolu 4
L-opzjonijiet tal-Istati Membri biex isolvu ostakli legali
1.Kull Stat Membru għandu jew jagħżel il-Mekkaniżmu jew inkella jagħżel modi eżistenti sabiex isolvi ostakli legali li jfixklu l-implimentazzjoni ta' xi proġett konġunt f'reġjuni transfruntiera ma’ Stat Membru ġar, wieħed, jew aktar.
2.Stat Membru jista' jiddeċiedi wkoll, fir-rigward ta' fruntiera speċifika ma' Stat Membru ġar wieħed jew aktar, li jingħaqad ma' mod effettiv eżistenti stabbilit b'mod formali jew b'mod informali minn Stat Membru ġar wieħed jew aktar.
3.L-Istati Membri jistgħu wkoll jużaw il-Mekkaniżmu f'reġjuni transfruntiera fuq fruntieri marittimi jew fir-reġjuni transfruntiera bejn Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz wieħed jew pajjiż jew territorju barrani wieħed jew aktar.
4.L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bi kwalunkwe deċiżjoni meħuda skont dan l-Artikolu.
Artikolu 5
Punti ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera
1.Jekk Stat Membru jagħżel il-Mekkaniżmu, huwa għandu jistabbilixxi Punti ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera, wieħed jew aktar, b’wieħed mill-modi li ġejjin:
(a)jinnomina, fil-livell nazzjonali jew reġjonali jew fiż-żewġ livelli, Punt ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera bħala korp separat;
(b)jistabbilixxi Punt ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera fi ħdan awtorità jew korp eżistenti, fil-livell nazzjonali jew reġjonali;
(c)jafda awtorità jew korp xierqa bil-kompiti addizzjonali bħala Punt ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera nazzjonali jew reġjonali.
2.L-Istati Membri li jikkommettu u l-Istati Membri li jittrasferixxu għandhom jiddeterminaw ukoll:
(a)jekk ikunx il-Punt ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera jew xi awtorità kompetenti li tagħmel impenn/tittrasferixxi li jistgħu jikkonkludu u jiffirmaw Impenn, u jiddeċiedu d-dritt nazzjonali applikabbli li minnu tkun se ssir deroga mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dak l-Impenn; jew
(b)jekk ikunx il-Punt ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera jew xi awtorità kompetenti li tagħmel impenn/tittrasferixxi li jistgħu jiffirmaw Dikjarazzjojni u jiddikjaraw formalment fiha li l-awtorità kompetenti li tagħmel impenn tkun se tagħmel dak li hu meħtieġ sabiex atti leġiżlattivi jew atti oħra jittieħdu mill-korpi leġiżlattivi kompetenti f'dak l-Istat Membru sa skadenza partikolari.
3.L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-punti ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera maħtura sad-data tal-bidu tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 6
Il-kompiti tal-Punti ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera
1.Kull Punt ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera għandu jkollu mill-inqas il-kompiti li ġejjin:
(a)jimplimenta l-proċedura stabbilita fl-Artikoli 10 u 11;
(b)jikkoordina l-preparazzjoni, l-iffirmar, l-implimentazzjoni u s-sorveljanza għall-Impenji u d-Dikjarazzjonijiet li jikkonċernaw it-territorju tal-Istat Membru tiegħu;
(c)jibni u jwettaq manutenzjoni ta' database li tkopri l-Punti ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera kollha li jikkonċernaw it-territorju tal-Istat Membru tiegħu;
(d)jikkollabora, fejn ikunu jeżistu, mal-Punti ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera fl-Istat jew Stati Membri ġirien u mal-Punti ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera f’entitajiet territorjali oħra b'setgħat leġiżlattivi tal-Istat Membru tiegħu jew Stat Membru ieħor;
(e)jikkollabora mal-Kummissjoni;
(f)jagħti l-għajnuna tiegħu lill-Kummissjoni rigward id-database dwar id-Dikjarazzjonijiet u l-Impenji.
2.Kull Stat Membru jew kull entità territorjali b'setgħat leġiżlattivi f'dak l-Istat Membru tista' tiddeċiedi li tafda l-Punt ta’ Koordinazjoni Transfruntiera rispettiv anki bil-kompiti li ġejjin:
(a)fejn applikabbli, li jikkonkludi Impenji jew Dikjarazzjonijiet skont l-Artikoli 16(2) u 17(2);
(b)b'talba minn inizjatur partikolari, jappoġġa lil dak l-inizjatur billi, fost affarijiet oħrajn, jidentifika l-awtorità kompenenti li tagħmel impenn fl-istess Stat Membru jew l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi fi Stat Membru ieħor;
(c)b'talba minn awtorità kompetenti partikolari li tagħmel impenn li tkun tinsab fi Stat Membru ieħor mingħajr il-Punt ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera tiegħu stess, iwettaq l-analiżi preliminari ta' dokument ta' inizjattiva;
(d)jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Impenji u d-Dikjarazzjonijiet kollha li jikkonċernaw it-territorju tal-Istat Membru tiegħu;
(e)ifakkar lill-awtorità kompetenti li tagħmel impenn biex tkun konformi mal-iskadenzi kif stabbiliti f'xi Impenn jew Dikjarazzjoni u jitlob risposta fi skadenza partikolari;
(f)jinforma lill-awtorità li tissorvelja l-awtorità kompetenti li tagħmel impenn dwar l-iskadenzi maqbuża kif stabbilit f'xi Impenn jew Dikjarazzjoni.
3.Jekk mill-inqas wieħed fost ostakli legali oġrajn ikun jikkonċerna kwistjoni ta' kompetenza leġiżlattiva fil-livell nazzjonali, il-Punt ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera nazzjonali għandu jieħu f’idejh il-kompiti stabbiliti fl-Artikoli minn 9 sa 17 u jikkoordina mal-Punt jew Punti ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera reġjonali rilevanti fl-istess Stat Membru, sakemm l-Istat Membru ma jkunx iddeċieda li l-kompiti stabbiliti fl-Artikoli minn 14 sa 17 għandhom jiġu afdati f’idejn awtorità kompetenti li tagħmel impenn fil-livell nazzjonali.
4.Jekk l-ebda wieħed mill-ostakli legali ma jkun jikkonċerna kwistjoni ta' kompetenza leġiżlattiva fil-livell nazzjonali, il-Punt ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera kompetenti reġjonali għandu jieħu f’idejh il-kompiti stabbiliti fl-Artikoli minn 9 sa 17 u jikkoordina mal-Punt jew Punti ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera reġjonali fl-istess Stati Membri, fil-każijiet fejn ikun hemm aktar minn entità territorjali waħda li tkun ikkonċernata mill-proġett konġunt, sakemm l-Istat Membru ma jkunx iddeċieda li l-kompiti stabbiliti fl-Artikoli minn 14 sa 17 għandhom jiġu fdati f’idejn Punt ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera nazzjonali. Dan il-Punt ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera reġjonali kompetenti għandu jżomm lill-Punt ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera nazzjonali infurmat dwar kwalunkwe Impenn jew Dikjarazzjoni.
Artikolu 7
Ir-rwol ta' koordinazzjoni tal-Kummissjoni
1.Il-Kummissjoni għandha twettaq il-kompiti ta' koordinazzjoni li ġejjin:
(a)tikkoordina mal-Punti ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera;
(b)tippubblika u żżomm lista aġġornata tal-Punti ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera nazzjonali u reġjonali kollha;
(c)tistabbilixxi u żżomm databse tal-Impenji u d-Dikjarazzjonijiet kollha.
2.Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-funzjonament tad-database li ssir referenza għaliha fil-punt (c) tal-paragrafu 1 u l-formoli li għandhom jintużaw meta tiġi ppreżentata informazzjoni dwar l-implimentazzjoni u dwar l-użu tal-Mekkaniżmu minn xi Punti ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' konsulenza msemmija fl-Artikolu 23(2).
KAPITOLU II
Proċedura għall-konklużjoni ta’ Impenn jew għall-iffirmar ta’ Dikjarazzjoni
Artikolu 8
Preparazzjoni u preżentazzjoni tad-dokument ta' inizjattiva
1.L-inizjatur għandu jidentifika l-ostaklu legali fir-rigward tal-ippjanar, l-iżvilupp, il-persunal, il-finanzjament jew it-tħaddim ta' proġett konġunt.
2.L-inizjatur għandu jkun wieħed minn dawn li ġejjin:
(a)il-korp pubbliku jew privat responsabbli għall-inizjazzjoni jew responsabbli kemm għall-inizjazzjoni u għall-implimentazzjoni ta' proġett konġunt;
(b)l-awtorità jew awtoritajiet lokali jew reġjonali li jinsabu f'reġjun transfruntier partikolari jew li jeżerċitaw setgħa pubblika f'dak ir-reġjun transfruntier;
(c)korp b'personalità ġuridika jew mingħajrha stabbilit għal kooperazzjoni transfruntiera li jkun jinsab jew ikopri, mill-inqas parzjalment, reġjun transfruntier partikolari, inklużi raggruppamenti Ewropej ta' kooperazzjoni territorjali skont ir-Regolament (KE) Nru 1082/2006, l-Ewroreġjuni, l-Euregios u korpi simili;
(d)organizzazzjoni stabbilita f'isem reġjuni transfruntiera bil-għan li tippromwovi l-interessi ta' territorji transfruntiera u tiffaċilita n-netwerking ta' atturi u l-iskambju ta' esperjenzi, bħall-Assoċjazzjoni ta' Reġjuni mal-Fruntieri Ewropej, il- Mission Opérationnelle Transfrontalière jew is-Servizz tal-Ewropa Ċentrali għall-Inizjattivi Transfruntiera; jew
(e)għadd ta’ entitajiet imsemmija fil-punti minn (a) sa (d) b'mod konġunt.
3.L-inizjatur għandu jipprepara dokument ta' inizjattiva abbozzat skont l-Artikolu 9.
4.L-inizjatur għandu jippreżenta d-dokument ta' inizjattiva lill-Punt ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera kompetenti tal-Istat Membru li jagħmel impenn u jibgħat kopja lill-Punti ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera tal-Istat Membru li jittrasferixxi.
Artikolu 9
Kontenut tad-dokument ta' inizjattiva
1.Id-dokument ta’ inizjattiva għandu jinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:
(a)deskrizzjoni tal-proġett konġunt u tal-kuntest tiegħu, tal-ostaklu legali korrispondenti fl-Istat Membru li jikkommetti kif ukoll tar-raġunar għas-soluzzjoni tal-ostaklu legali;
(b)lista tad-dispożizzjonijiet legali speċifiċi tal-Istat Membru li jittrasferixxi li jsolvu l-ostaklu legali jew, jekk ma tkunx teżisti dispożizzjoni legali xierqa, proposta għal soluzzjoni legali ad hoc ;
(c)ġustifikazzjoni għaż-żona ta' applikazzjoni;
(d)it-tul previst jew, fejn iġġustifikat kif dovut, id-dewmien illimitat tagħha;
(e)lista tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħmel impenn;
(f)lista tal-awtorità jew awtoritajiet kompetenti li jittrasferixxu.
2.Iż-żona ta' applikazzjoni għandha tkun limitata għall-minimu meħtieġ għall-implimentazzjoni effettiva tal-proġett konġunt.
Artikolu 10
Analiżi preliminari tad-dokument ta' inizjattiva mill-Istat Membru li jikkommetti
1.Il-Punt ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera kompetenti għandu janalizza d-dokument ta’ inizjattiva. Huwa għandu jikkollabora mal-awtoritajiet kollha kompetenti li jagħmlu impenn u mal-Punti ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera nazzjonali jew, fejn rilevanti, reġjonali oħra fl-Istat Membru li jikkommetti u mal-Punti ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera nazzjonali fl-Istat Membru li jittrasferixxi.
2.Fi żmien tliet xhur wara li jirċievi d-dokument ta’ inizjattiva, il-Punt ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera għandu jieħdu waħda jew aktar mill-azzjonijiet li ġejjin, li għandhom jiġu trasmessi lill-inizjatur bil-miktub:
(a)jinforma lill-inizjatur li d-dokument ta' inizjattiva ġie ppreparat skont l-Artikolu 9 u għalhekk huwa ammissibbli;
(b)jitlob, jekk meħtieġ, li jintbagħat dokument ta' inizjattiva rivedut jew informazzjoni speċifika addizzjonali filwaqt li jiġi spjegat għaliex u f'liema aspett id-dokument ta' inizjattiva ma jkunx meqjus bħala suffiċjenti;
(c)jinforma lill-inizjatur dwar il-valutazzjoni tiegħu li m'hemm l-ebda ostaklu legali waqt li jistipula r-raġunijiet u jirreferi wkoll għall-mezzi ta' rimedju legali kontra dik id-deċiżjoni skont il-liġi tal-Istat Membru li jagħmle impenn;
(d)jinforma lill-inizjatur dwar il-valutazzjoni tiegħu li l-ostaklu legali jikkonsisti f'wieħed mill-każijiet elenkati fl-Artikolu 12(4) u jiddeskrivi l-impenn tal-awtorità kompetenti li tagħmel impenn, biex tbiddel jew tadatta dak l-ostaklu legali;
(e)jinforma lill-inizjatur dwar il-valutazzjoni tiegħu li l-ostaklu legali jikkonsisti f'waħda mis-sitwazzjonijiet taħt l-Artikolu 12(4) filwaqt li jispjega r-raġunijiet tiegħu sabiex jirrifjuta li jbiddel jew jadatta dak l-ostaklu legali u jirreferi għall-mezzi ta' rimedju legali kontra dik id-deċiżjoni skont il-liġi tal-Istat Membru li jagħmel impenn;
(f)jagħmel impenn favur l-inizjatur biex tinstab soluzzjoni għall-ostaklu jew l-ostakli legali fi żmien sitt xhur, jew billi jiffirma Impenn mal-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera tal-Istat Membru li jittrasferixxi jew mal-awtorità kompetenti li tittrasferixxi, kif maħtura mill-Istat Membru li jittrasferixxi, jew billi jipproponi soluzzjoni legali ad hoc fil-qafas legali tal-Istat Membru li jagħmel impenn.
3.F'każijiet debitament iġġustifikati, l-awtorità kompetenti li tagħmel impenn tista' testendi l-iskadenza li ssir referenza għaliha fil-punt (f) tal-paragrafu 2 darba, sa massimu ta' sitt xhur u għandha tinforma lill-inizjatur u lill-Istat Membru li jittrasferixxi dwar dan, filwaqt li tistabbilixxi r-raġunijiet bil-miktub.
Artikolu 11
Analiżi preliminari tad-dokument ta' inizjattiva mill-Istat Membru li jittrasferixxi
Malli jirċievi dokument ta' inizjattiva, il-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera kompetenti tal-Istat Membru li jittrasferixxi għandu jwettaq ukoll il-kompiti elenkati fl-Artikolu 10(2) u jista' jibgħat ir-reazzjoni preliminari tiegħu lill-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera kompetenti tal-Istat Membru li jagħmel impenn.
Artikolu 12
Segwitu dwar l-analiżi preliminari tad-dokument ta' inizjattiva
1.Jekk il-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera kompetenti tal-Istati Membri li jagħmel impenn jitlob dokument ta' inizjattiva rivedut jew informazzjoni speċifika addizzjonali, huwa għandu janalizza d-dokument ta' inizjattiva rivedut jew l-informazzjoni speċifika addizzjonali jew it-tnejn li huma u, fi żmien tliet xhur minn meta jirċevihom, iwettaq l-azzjonijiet bħallikieku d-dokument ta' inizjattiva ntbagħat l-ewwel darba.
2.Jekk il-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera kompetenti tal-Istat Membri li jagħmel impenn jikkunsidra li d-dokument ta' inizjattiva rivedut għadu mhux ippreparat skont l-Artikolu 10 jew li l-informazzjoni speċifika addizzjonali għadha mhix suffiċjenti, dan għandu jinforma lill-inizjatur bil-miktub, fi żmien tliet xhur minn meta jirċievi d-dokument ta' inizjattiva rivedut, dwar id-deċiżjoni tiegħu li jtemm il-proċedura. Din id-deċiżjoni għandha tkun iġġustifikata kif xieraq.
3.Jekk l-analiżi mill-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera kompetenti tal-Istati Membru li jagħmel impenn jew mill-awtorità kompetenti li tagħmel impenn tikkonkludi li l-ostaklu legali deskritt fid-dokument ta' inizjattiva huwa bbażat fuq nuqqas ta' ftehim jew interpretazzjoni ħażina tal-leġiżlazzjoni rilevanti jew fuq nuqqas ta' informazzjoni suffiċjenti dwar il-leġiżlazzjoni rilevanti, il-proċedura tintemm billi l-inizjatur jiġi infurmat dwar il-valutazzjoni li ma jkun hemm l-ebda ostaklu legali.
4.Jekk l-ostaklu legali jikkonsisti biss f'dispożizzjoni amministrattiva, regola jew prattika amministrattiva tal-Istat Membru li jagħmel impenn jew f'dispożizzjoni amministrattiva, regola jew prattika amministrattiva distinta b'mod ċar minn dispożizzjoni adottata skont proċedura leġiżlattiva u għalhekk tista' tinbidel jew tiġi adattata mingħajr proċedura leġiżlattiva, l-awtorità kompetenti li tagħmel impenn għandha tinforma lill-inizjatur bil-miktub ir-rieda jew ir-rifjut tagħha li tbiddel jew tadatta d-dispożizzjoni amministrattiva, regola jew prattika amministrattiva rilevanti fi żmien tmien xhur.
5.F'każijiet debitament iġġustifikati, l-awtorità kompetenti li tagħmel impenn tista' testendi l-iskadenza li ssir referenza għaliha fil-paragrafu 4 darba, sa massimu ta' tmien xhur u għandha tinforma lill-inizjatur u lill-Istat Membru li jittrasferixxi dwar dan, filwaqt li tistabbilixxi r-raġunijiet bil-miktub.
Artikolu 13
Il-preparazzjoni tal-abbozz ta’ Impenn jew Dikjarazzjoni
Il-Punt ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera jew l-awtorità kompetenti li tagħmel impenni tal-Istat Membru li jagħmel impenn għandu jfassal abbozz ta’ Impenn jew abbozz ta’ Dikjarazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14, fuq il-bażi tad-dokument ta’ inizjattiva.
Artikolu 14
Il-kontenut tal-abbozz ta’ Impenn jew ta’ Dikjarazzjoni
1.L-abbozz ta’ Impenn għandu jinkludi mill-inqas l-elementi li ġejjin:
(a)id-deskrizzjoni tal-proġett konġunt u tal-kuntest tiegħu, tal-ostaklu legali korrispondenti kif ukoll tar-raġunar għal soluzzjoni tal-ostaklu legali;
(b)il-lista tad-dispożizzjoni legali speċifika jew id-dispożizzjonijiet li jikkostitwixxu l-ostaklu legali u li għalhekk m'għandhomx japplikaw għall-proġett konġunt;
(c)iż-żona ta’ applikazzjoni;
(d)it-tul tal-perjodu ta’ applikazzjoni u ġustifikazzjoni għal dak it-tul ta’ żmien;
(e)l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li jagħmlu l-impenn;
(f)id-dispożizzjoni legali speċifika tal-Istat Membru li jittrasferixxi li għandha tapplika għall-proġett konġunt;
(g)il-proposta tar-riżoluzzjoni legali ad hoc, fejn ma tkun teżisti l-ebda dispożizzjoni legali xierqa fil-qafas legali tal-Istat Membru li jittrasferixxi;
(h)l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li jittrasferixxu;
(i)l-awtorità jew l-awtoritajiet mill-Istat Membru li jagħmel impenn kompetenti għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ;
(j)l-awtorità jew l-awtoritajiet mill-Istat Membru li jittrasferixxi li huma proposti li jiġu maħtura b'mod konġunt għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ;
(k)id-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu;
Id-data tad-dħul fis-seħħ li ssir referenza għaliha fil-punt (k) għandha tkun jew id-data li fiha ż-żewġ Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera, jew iż-żewġ awtoritajiet kompetenti, jkunu ffirmaw jew id-data meta tkun ġiet innotifikata lill-inizjatur
2.B’żieda mal-elementi elenkati fil-paragrafu 1, l-abbozz ta’ Impenn għandu jinkludi wkoll data tal-applikazzjoni li tista’ tkun
(a)iffissata għall-istess jum tad-dħul fis-seħħ tiegħu;
(b)iffissata b’effett retroattiv;
(c)differita għal data fil-futur.
3.B’żieda mal-elementi elenkati fil-paragrafu 1, l-abbozz ta’ Dikjarazzjoni għandu wkoll jinkludi dikjarazzjoni formali dwar sa liema data jew dati kull awtorità kompetenti li tagħmel impenn jkollha tippreżenta proposta formali lill-korp leġiżlattiv rispettiv għall-emenda tad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali skont dan.
Id-data li ssir referenza għaliha fl-ewwel subparagrafu ma għandhiex tkun aktar tard minn tnax-il xahar wara l-konklużjoni tad-Dikjarazzjoni.
Artikolu 15
Trasmizzjoni tal-abbozzi ta’ Impenn jew ta’ Dikjarazzjoni
1.Jekk l-awtorità kompetenti li tagħmel impenn tkun ippreparat l-abbozz ta’ Impenn jew l-abbozz ta’ Dikjarazzjoni, hija għandha tittrażmetti dan l-abbozz lill-Punt ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera kompetenti tal-Istati Membru li jagħmel impenn:
(a)fi żmien massimu ta' tliet xhur wara li tkun ittrasmettiet informazzjoni skont l-Artikolu 10(2) jew l-Artikolu 12(1) u (2);
(b)fi żmien massimu ta' tmien xhur skont l-Artikolu 12(4) u (5).
2.Jekk il-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera tal-Istati Membru li jagħmel impenn ikun ipprepara l-abbozz ta' Impenn jew l-abbozz ta’ Dikjarazzjoni jew meta jkun irċevihom mill-awtorità kompetenti li tikkommetti huwa għandu jittrażmetti dan l-abbozz lill-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera tal-Istat Membru li jittrasferixxi fi ħdan il-perjodi li ssir referenza għalihom fil-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 1.
3.Fiż-żewġ każijiet, għandha wkoll tintbagħat kopja għall-informazzjoni lill-inizjatur.
Artikolu 16
Kompiti tal-Istat Membru li jittrasferixxi fil-konklużjoni u l-iffirmar tal-Impenn jew fl-iffirmar tad-Dikjarazzjoni
1.Il-Punt ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera kompetenti tal-Istat Membru li jittrasferixxi għandu jeżamina l-abbozz ta’ Impenn jew l-abbozz ta’ Dikjarazzjoni li jkun irċieva skont l-Artikolu 15, fi żmien massimu ta’ tliet xhur wara li jirċievi l-abbozz u wara li jikkonsulta mal-awtoritajiet kompetenti li jittrasferixxu, jieħdu waħda jew aktar mill-azzjonijiet li ġejjin:
(a)jaqbel mal-abbozz ta' Impenn jew l-abbozz ta’ Dikjarazzjoni, jiffirma żewġ kopji oriġinali u jibgħat waħda minnhom lura lill-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera tal-Istat Membru li jagħmel impenn;
(b)jaqbel mal-abbozz ta’ Impenn jew mal-abbozz ta’ Dikjarazzjoni, wara li jkun ikkoreġa jew issupplimenta l-informazzjoni li ssir referenza għaliha fil-punti (f) u (h) tal-Artikolu 14(1), jiffirma żewġ kopji oriġinali tal-abbozz rivedut ta’ Impenn jew l-abbozz rivedut ta’ Dikjarazzjoni u jibgħat waħda lura lill-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera tal-Istat Membru li jagħmel impenn;
(c)jirrifjuta li jiffirma l-abbozz ta' Impenn jew l-abbozz ta’ Dikjarazzjoni, u jittrażmetti ġustifikazzjoni dettaljata lill-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera kompetenti tal-Istat Membru li jagħmel impenn;
(d)jirrifjuta li jiffirma l-abbozz ta’ Impenn jew l-abbozz ta’ Dikjarazzjoni u jibgħat lura abbozz emendat fir-rigward tal-informazzjoni li ssir referenza għaliha fil-punti (c), (d) u, fejn rilevanti, (g) tal-Artikolu 14(1), kif ukoll għall-abbozz ta’ Impenn l-informazzjoni li ssir referenza għaliha taħt l-Artikolu 14(2), b’ġustifikazzjoni għall-emendi lill-Punti ta’ Koordinazzjoni Transfruntiera kompetenti fl-Istat Membru li jagħmel impenn.
2.Fi Stati Membri fejn l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi għandha tiffirma Impenn jew Dikjarazzjoni, il-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera tal-Istat Membru li jittrasferixxi għandu jibgħat, skont il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, iż-żewġ kopji oriġinali ffirmati mill-awtorità kompetenti li tittrasferixxi.
3.Jekk l-Istat Membru li jittrasferixxi jaqbel, skont il-punt (a) jew (b) tal-paragrafu 1 li jiffirma Impenn jew Dikjarazzjoni, huwa għandu, barra minn hekk, espliċitament jikkonferma jew jirrifjuta li l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li huma proposti li jiġu maħtura b’mod konġunt għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Impenn jew id-Dikjarazzjoni skont il-punt (j) tal-Artikolu 14(1) għandhom jieħu f’idejhom dawk il-kompiti li għandhom jitwettqu fil-qasam ta’ applikazzjoni.
Artikolu 17
Kompiti tal-Istati Membru li jagħmlu impenn fil-konklużjoni u l-iffirmar tal-Impenn jew fl-iffirmar tad-Dikjarazzjoni
1.Il-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera kompetenti tal-Istat Membru li jagħmel impenn għandu jeżamina r-risposta mibgħuta mill-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera kompetenti tal-Istat Membru li jittrasferixxi u jwettaq, fi żmien massimu ta' xahar wara li jirċeviha, waħda mill-azzjonijiet li ġejjin jew aktar, li għandhom jintbagħtu bil-miktub lill-awtorità kompetenti li tittrasferixxi:
(a)fil-każ tal-punt (a) tal-paragrafu 2, jiffinalizza l-Impenn jew id-Dikjarazzjoni, jiffirma żewġ kopji oriġinali u jibgħat waħda lura lill-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera kompetenti tal-Istat Membru li jittrasferixxi għall-firma;
(b)fil-każ tal-punt (b) tal-paragrafu 2, jemenda l-Impenn jew id-Dikjarazzjoni fir-rigward tal-informazzjoni fl-abbozz ta' Impenn jew l-abbozz ta’ Dikjarazzjoni kopert mill-punti (f) u (h) tal-Artikolu 14(1) skont dan, jiffinalizza l-Impenn jew id-Dikjarazzjoni, jiffirma żewġ kopji oriġinali u jibgħat waħda lura lill-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera kompetenti tal-Istat Membru li jittrasferixxi għall-firma;
(c)fil-każ tal-punt (c) tal-paragrafu 2, jinforma lill-inizjatur u lill-Kummissjoni, filwaqt li jżid il-ġustifikazzjoni kif stabbilita mill-awtorità kompetenti li tittrasferixxi;
(d)fil-każ tal-punt (d) tal-paragrafu 2, jikkunsidra l-emendi u jew jipproċedi skont il-punt (b) ta' dan il-paragrafu jew inkella jerġa' jniedi proċedura oħra skont l-Artikolu 9 u jfisser għaliex uħud mill-emendi jew l-emendi kollha ma setgħux jiġu aċċettati mill-awtorità kompetenti li tagħmel impenn.
2.Mal-wasla tal-Impenn jew id-Dikjarazzjoni, kif iffirmat ukoll mill-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera kompetenti jew l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi fil-każijiet tal-punti (a) jew (b) tal-paragrafu 1 jew, meta l-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera kompetenti tal-Istat Membru li jittrasferixxi jkun irreaġixxa b'mod pożittiv skont it-tieni proċedura tal-punt (d) tal-paragrafu 1, il-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera kompetenti tal-Istat Membru li jagħmel impenn għandu:
(a)jittrasmetti l-Impenn jew id-Dikjarazzjoni finali lill-inizjatur;
(b)jittrasmetti t-tieni kopja oriġinali lill-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera tal-Istat Membru li jittrasferixxi;
(c)jibgħat kopja lill-awtoritajiet kompetenti kollha li jikkommettu;
(d)jibgħat kopja lill-punt ta' koordinazzjoni fil-livell tal-UE; kif ukoll
(e)jitlob lis-servizz kompetenti fl-Istat Membru li jikkommetti responsabbli għall-pubblikazzjonijiet uffiċjali sabiex jippubblika l-Impenn jew id-Dikjarazzjoni.
KAPITOLU III
Implimentazzjoni u monitoraġġ ta’ Impenji u Dikjarazzjonijiet
Artikolu 18
Implimentazzjoni tal-Impenn
1.L-informazzjoni li ssir referenza għaliha fil-punt (c) tal-Artikolu 17(2) u mibgħuta lill-awtoritajiet ikkonċernati li jikkommettu kollha, għandha tkun akkumpanjata minn skeda ta' żmien, li permezz tagħha kull waħda minn dawk l-awtoritajiet għandha, fejn rilevanti, temenda kwalunkwe att amministrattiv adottat skont il-liġi applikabbli fir-rigward tal-proġett konġunt u tadotta kwalunkwe att amministrattiv meħtieġ sabiex l-Impenn jiġi applikat għall-proġett konġunt sabiex tiġi applikata għalih id-dispożizzjoni legali tal-Istat Membru li jittrasferixxi jew xi soluzzjoni legali ad hoc .
2.Kopja tal-iskeda ta' żmien għandha tintbagħat lill-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera nazzjonali u, fejn rilevanti, reġjonali tal-Istat Membru li jagħmel impenn.
3.Kwalunkwe att amministrattiv li ssir referenza għalih fil-paragrafu 1 għandu jiġi adottat u notifikat lill-inizjatur, b'mod partikolari lill-korp pubbliku jew privat responsabbli għall-inizjazzjoni jew responsabbli kemm għall-inizjazzjoni kif ukoll għall-implimentazzjoni ta' proġett konġunt, skont il-liġi nazzjonali applikabbli għal tali atti amministrattivi.
4.Ladarba l-atti amministrattivi kollha fir-rigward ta' proġett konġunt partikolari jkunu adottati, il-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera tal-Istat Membru li jikkommetti għandu jinforma lill-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera tal-Istat Membru li jittrasferixxi u lill-punt ta' koordinazzjoni fil-livell tal-UE.
5.Il-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera tal-Istat Membru li jittrasferixxi għandu jinforma, fejn rilevanti, lill-awtoritajiet kompetenti li jittrasferixxu.
Artikolu 19
Implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni
1.Kull awtorità kompetenti li tagħmel impenn elenkata f'Dikjarazzjoni taħt l-Artikolu 14(3) għandha tippreżenta proposta formali lill-korp leġiżlattiv rispettiv sad-data rispettiva stabbilita fid-Dikjarazzjoni ffirmat sabiex temenda d-dispożizzjonijiet legali nazzjonali kif xieraq.
2.F'każ li d-data rispettiva stabbilita fid-Dikjarazzjoni ma tkunx tista tiġi rrispettata, b'mod partikolari fid-dawl ta’ xi elezzjonijiet li jkunu jmissu għall-korp leġiżlattiv kompetenti, l-awtorità kompetenti li tagħmel impenn għandha tinforma bil-miktub lill-inizjatur kif ukoll lill-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera kompetenti kemm tal-Istat Membru li jagħmel impenn kif ukoll tal-Istat Membru li jittrasferixxi.
3.Ladarba tkun ġiet ippreżentata proposta formali lill-korp leġiżlattiv rispettiv, l-awtorità kompetenti rispettiva li tagħmel impenn għandha taġġorna bil-miktub lill-inizjatur kif ukoll lill-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera kompetenti kemm tal-Istat Membru li jagħmel impenn kif ukoll ta’ dak li jittrasferixxi dwar il-monitoraġġ fil-korp leġiżlattiv rispettiv, u dan kull sitt xhur wara d-data ta' preżentazzjoni formali.
4.Malli jidħol fis-seħħ l-att leġiżlattiv ta' emenda jew il-pubblikazzjoni tiegħu fil- Ġurnal uffiċjali jew iseħħu t-tnejn li huma, kull awtorità kompetenti li tikkommetti għandha temenda kull att amministrattiv adottat skont il-liġi nazzjonali applikabbli fir-rigward tal-proġett konġunt u tadotta kwalunkwe att amministrattiv meħtieġ biex jiġu applikati d-dispożizzjonijiet legali emendati għall-proġett konġunt.
5.Kwalunkwe att amministrattiv kif imsemmi fil-paragrafu 4 għandu jiġi adottat u notifikat lill-inizjatur, b'mod partikolari meta dan l-inizjatur ikun korp pubbliku jew privat responsabbli għall-inizjazzjoni jew responsabbli kemm għall-inizjazzjoni kif ukoll għall-implimentazzjoni ta' proġett konġunt, skont il-liġi nazzjonali applikabbli għal tali atti amministrattivi.
6.Ladarba l-atti amministrattivi kollha fir-rigward ta' proġett konġunt partikolari jkunu adottati, il-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera tal-Istat Membru li jagħmel impenn għandu jinforma lill-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera tal-Istat Membru li jittrasferixxi u lill-punt ta' koordinazzjoni fil-livell tal-UE.
7.Il-Punt ta’ Koodinazzjoni Transfruntiera tal-Istat Membru li jittrasferixxi għandu jinforma, fejn rilevanti, lill-awtoritajiet kompetenti li jittrasferixxu.
Artikolu 20
Monitoraġġ tal-Impenji u d-Dikjarazzjonijiet
1.Fuq il-bażi tal-atti amministrattivi msemmija fl-Artikoli 18(1) u 19(4), l-Istati Membri li jagħmlu impenn u li jittrasferixxu għandhom jiddeċiedu jekk il-kontroll tal-applikazzjoni ta' Impenn jew tal-leġiżlazzjoni nazzjonali emendata skont Dikjarazzjoni għandux isir mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li jittrasferixxi, b'mod partikolari minħabba l-għarfien espert tagħhom dwar id-dispożizzjonijiet legali ttrasferiti, jew mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li jagħmel impenn.
2.Jekk l-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali ttrasferiti jkun fdat f'idejn l-awtoritajiet tal-Istat Membru li jittrasferixxi, l-Istat Membru li jagħmel impenn għandu jiddeċiedi, bi ftehim mal-Istati Membri li jittrasferixxu, jekk l-awtoritajiet tal-Istat Membru li jittrasferixxi għandhomx jaġixxu fir-rigward tad-destinatarji tal-kompiti ta' kontroll fl-interess u f'isem l-awtoritajiet tal-Istat Membru li jagħmel impenn jew fl-interess tagħhom, imma f'isimhom.
KAPITOLU IV
Protezzjoni legali kontra l-applikazzjoni u l-monitorġġ ta’ Impenji u Dikjarazzjonijiet
Artikolu 21
Protezzjoni legali kontra l-applikazzjoni ta' Impenn jew Dikjarazzjoni
1.Kwalunkwe persuna residenti fit-territorju kopert minn Impenn jew Dikjarazzjoni jew, għalkemm mhux residenti f'dak it-territorju, li tkun utent ta' servizz ta' interess ekonomiku ġenerali pprovdut f'dak it-territorju ("persuna residenti fir-reġjun transfruntier"), li tqis li sarilha dannu minħabba l-atti jew l-ommissjonijiet bl-applikazzjoni, skont xi Impenn jew Dikjarazzjoni, ta' dispożizzjoni legali ta' Stat Membru li jittrasferixxi għandha tkun intitolata li tfittex rimedju legali quddiem il-qrati tal-Istat Membru li jagħmel impenn.
2.Madankollu, il-qrati kompetenti għal rimedju legali kontra kwalunkwe atti amministrattivi adottati skont l-Artikolu 18(3) u 19(5) għandhom ikunu esklussivament il-qrati tal-Istat Membru li l-awtoritajiet tiegħu jkunu ħarġu l-att amministrattiv.
3.Xejn f'dan ir-Regolament ma għandu jċaħħad lill-persuni milli jeżerċitaw id-drittijiet kostituzzjonali nazzjonali tagħhom ta' appell kontra awtoritajiet li jkunu partijiet ta' xi Impenn fir-rigward ta':
(a)deċiżjonijiet amministrattivi fir-rigward ta' attivitajiet li qed jitwettqu skont xi Impenn;
(b)aċċess għal servizzi fil-lingwa tagħhom stess; kif ukoll
(c)aċċess għal informazzjoni.
F'dawn il-każijiet il-qrati kompetenti għandhom ikunu dawk tal-Istat Membru li d-drittijiet tal-appell jirriżultaw taħt il-kostituzzjoni tagħhom.
Artikolu 22
Protezzjoni legali kontra l-monitoraġġ ta' Impenn jew Dikjarazzjoni
1.Jekk l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi tkun aċċettat li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali tal-Istat Membru li jittrasferixxi fil-qasam relevanti u tista' taġixxi f'isimha stess rigward persuni residenti fir-reġjun transfruntier tal-Istat Membru li jagħmel impenn, il-qrati kompetenti għal rimedju legali kontra kwalunkwe azzjoni jew ommissjoni minn dik l-awtorità għandhom ikunu l-qrati tal-Istat Membru fejn dawk il-persuni għandhom ir-residenza legali tagħhom.
2.Jekk l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi tkun aċċettat li tissorvelja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali tal-Istat Membru li jagħmel impenn fit-territorju tal-Istat Membru li jagħmel impenn, iżda ma tistax taġixxi f'isimha stess rigward persuni residenti fir-reġjun transfruntiera, il-qrati kompetenti għar-rimedju legali kontra kwalunkwe azzjoni jew ommissjoni minn dik l-awtorità għandhom ikunu biss il-qrati tal-Istat Membru li jagħmel impenn, inkluż għal persuni li għandhom ir-residenza legali tagħhom fl-Istat Membru li jittrasferixxi.
KAPITOLU V
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 23
Proċedura ta’ Kumitat
1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat ta’ Koordinazzjoni għall-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment stabbilit permezz tal-Artikolu 108(1) tar-Regolament (UE) Nru [CPR ġdid]. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 24
Dispożizzjonijiet ta' implimentazzjoni fl-Istati Membri
1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu dawk id-dispożizzjonijiet li jkunu adegwati sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.
2.Sad-data tal-bidu tal-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni rigward kwalunkwe dispożizzjonijiet adottati skont il-paragrafu 1.
3.Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni li tirċievi mill-Istati Membri.
Artikolu 25
Rappurtar
Sa jj xx ssss [jiġifieri l-ewwel (1) jum tax-xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament + ħames snin; għandha timtela mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjoni], il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat tar-Reġjuni li jivvaluta l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fuq il-bażi ta' indikaturi dwar l-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-valur miżjud Ewropew u l-kamp ta' applikazzjoni għas-simplifikazzjoni tiegħu.
Artikolu 26
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika minn [l-ewwel (1) jum tax-xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament + sena; għandha timtela mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjoni].
Madankollu, l-Artikolu 24 għandu japplika minn [l-ewwel (1) jum tax-xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament; għandha timtela mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjoni].
Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Strasburgu,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President