Brussell, 31.5.2018

COM(2018) 358 final

2018/0186(CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE u li tħassar id-Deċiżjoni 96/409/CFSP

{SEC(2018) 263 final}
{SWD(2018) 272 final}
{SWD(2018) 273 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Id-dritt għal trattament indaqs rigward il-protezzjoni konsulari hu wieħed mid-drittijiet speċifiċi mogħtija mit-Trattati liċ-ċittadini tal-UE fuq il-bażi taċ-ċittadinanza tal-UE tagħhom. Iċ-ċittadini tal-UE huma intitolati jitolbu għajnuna mill-ambaxxata jew mill-konsulat ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-UE jekk jeħtieġu assistenza barra mill-UE, u ma jkun hemm ebda ambaxxata jew konsulat mill-Istat Membru tagħhom stess biex jgħinhom (jiġifieri, jekk “mhumiex rappreżentati” 1 ). L-Istati Membri jridu jassistu liċ-ċittadini mhux rappreżentati tal-UE bl-istess kundizzjonijiet li huma jassistu liċ-ċittadini tagħhom stess. Dan id-dritt, imnaqqax fl-Artikoli 20(2)(c) u 23 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u fl-Artikolu 46 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”), hu espressjoni tas-solidarjetà tal-UE u hu wieħed mill-benefiċċji prattiċi tal-fatt li wieħed ikun ċittadin tal-UE. Hu eżempju tajjeb ta’ kif l-UE tista’ titqarreb lejn iċ-ċittadini tagħha, xi ħaġa li hi prijorità tal-Kummissjoni 2 .

Forma minnhom ta’ assistenza pprovduta lil ċittadini mhux rappreżentati hi l-ħruġ ta’ dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar (“ETDs” - Emergency Travel Documents). L-ETDs huma dokumenti maħruġa liċ-ċittadini meta l-passaporti jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom ikunu ntilfu, insterqu jew inqerdu jew ikunu indisponibbli b’mod temporanju. Fl-1996, id-Deċiżjoni 96/409/CFSP 3 introduċiet dokument provviżorju tal-ivvjaġġar b’format komuni (l-“ETD tal-UE”), li għandu jinħareġ mill-Istati Membri lil ċittadini mhux rappreżentati tal-UE f’pajjiżi terzi (jiġifieri pajjiżi barra mill-UE).

L-ETDs jikkostitwixxu l-aktar tip frekwenti ta’ assistenza pprovduta mill-Istati Membri lil ċittadini mhux rappreżentati tal-UE li jkunu diffikultà f’pajjiżi terzi 4 u huma indispensabbli fl-għoti ta’ għajnuna lil dawn iċ-ċittadini biex jirritornaw lura pajjiżhom b’mod sikur. F’dan il-kuntest, iċ-ċittadini tal-UE jistgħu jserrħu rashom bis-saħħa tal-protezzjoni li tinkiseb mill-istatus tagħhom bħala ċittadini tal-UE f’pajjiżi terzi.

Issa għaddew 20 sena mindu ġew introdotti l-ETDs tal-UE, u hemm bżonn li jiġu aġġornati r-regoli tad-Deċiżjoni 96/409/CFSP u l-format tal-ETD tal-UE. It-tibdiliet riċenti fir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni konsulari mhumiex riflessi fid-Deċiżjoni 96/409/CFSP, u l-ETD tal-UE fil-forma attwali tiegħu mhux adattat għall-ambjent globali attwali tas-sigurtà.

Kwistjoni minnhom ta’ tħassib partikolari hi li l-format attwali tal-ETD tal-UE mhuwiex validu biżżejjed għall-futur. Dan ma jqisx it-titjib fis-sigurtà tad-dokumenti tal-ivvjaġġar u joffri protezzjoni insuffiċjenti kontra l-frodi u l-kontrafazzjonijiet. Dan wassal għal frammentazzjoni fl-użu tal-ETD tal-UE madwar l-Unjoni. Ċerti Stati Membri ma għadhomx jużaw il-format komuni tal-ETD minħabba tħassib dwar il-karatteristiċi tas-sigurtà tiegħu.

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 96/409/CFSP mhijiex allinjata mad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/637 5 . Din id-Direttiva, li l-Istati Membri kienu obbligati jittrasponu sal-1 ta’ Mejju 2018, tirregola l-protezzjoni konsulari għaċ-ċittadini mhux rappreżentati b’mod ġenerali, u b’hekk fiha wkoll regoli applikabbli għall-ħruġ ta’ ETDs tal-UE. Finalment, ċerti karatteristiċi relatati mad-disinn tal-format komuni tal-ETD (pereżempju n-nuqqas ta’ spazju biex tiġi mehmuża kwalunkwe viża ta’ tranżitu ta’ pajjiż terz neċessarja) jagħmluha anqas probabbli li tiġi aċċettata minn pajjiżi terzi.

Din il-proposta ssegwi l-istedina tal-Kunsill biex issir proposta għall-iżvilupp tal-ETD tal-UE l-ġdida li fiha karatteristiċi tas-sigurtà konformi mal-prattiki attwali, filwaqt li taġġorna l-karatteristiċi deskritti fid-Deċiżjoni 96/409/CFSP 6 .

Fil-pjan ta’ azzjoni tagħha tal-2016 dwar is-sigurtà tad-dokumenti ta’ Diċembru 2016 7 u fil-Komunikazzjoni tal-2016 dwar “It-titjib tas-sigurtà f’dinja ta’ mobilità: skambju mtejjeb tal-informazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u fruntieri esterni li jifilħu aktar” 8 , il-Kummissjoni indirizzat il-frodi ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar, xeħtet dawl fuq il-ħtieġa ta’ dokumenti siguri tal-ivvjaġġar u ħadet impenn li tesplora l-possibbiltajiet biex jissaħħu l-karatteristiċi tas-sigurtà tal-ETDs. Barra minn hekk, fir-Rapport tal-2017 dwar iċ-Ċittadinanza 9 , il-Kummissjoni ħadet impenn li tesplora l-possibbiltajiet li timmodernizza r-regoli dwar l-ETDs għaċ-ċittadini mhux rappreżentati tal-UE, inklużi l-karatteristiċi ta’ sigurtà tal-ETD tal-UE b’format komuni, biex tiggarantixxi li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw effettivament id-dritt tagħhom għall-protezzjoni konsulari.

Fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-pjan ta’ azzjoni 10 u fir-Rapport tal-2017 dwar iċ-Ċittadinanza 11 , il-Kunsill saħaq fuq l-importanza ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-identità siguri biex jiġi indirizzat il-fenomenu ta’ frodi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar. Il-konklużjonijiet stiednu wkoll lill-Kummissjoni biex tiżgura li jingħata s-segwitu xieraq.

Il-Parlament Ewropew, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport tal-2017 dwar iċ-Ċittadinanza 12 , stieden lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta għal format ġdid u aktar sigur għall-ETD tal-UE.

Il-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni tal-2018 13 jinkludi r-rieżami tal-proposta għal Direttiva tal-Kunsill biex tieħu post id-Deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta’ dokument provviżorju tal-ivvjaġġar (REFIT). L-għan tar-rieżami hu li jimmodernizza r-regoli dwar id-dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar għaċ-ċittadini mhux rappreżentati tal-UE, inkluż l-elementi ta’ sigurtà tal-format komuni tal-UE, biex jiggarantixxi li ċ-ċittadini jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt għall-protezzjoni konsulari tagħhom. Billi jissaħħu l-karatteristiċi tas-sigurtà tal-ETD tal-UE, ir-riskju ta’ kontrafazzjoni u ta’ falsifikazzjoni jitnaqqas, u b’hekk jiġu miġġielda l-frodi kif ukoll l-użu ħażin tad-dokumenti tal-ivvjaġġar. Min-naħa tiegħu, dan għandu jappoġġa l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Kull ċittadin tal-UE li jinsab fit-territorju ta’ pajjiż terz li fih l-Istat Membru tan-nazzjonalità tiegħu ma jkunx rappreżentant hu intitolat għal protezzjoni konsulari minn kwalunkwe Stat Membru bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru.

Biex jiġu stabbiliti l-miżuri ta’ kooperazzjoni u ta’ koordinazzjoni neċessarji għall-faċilitazzjoni tal-protezzjoni konsulari għal ċittadini mhux rappreżentati, fl-2015 il-Kunsill adotta d-Direttiva (UE) 2015/637. Id-Direttiva (UE) 2015/637 fiha regoli ġenerali dwar miżuri għall-faċilitazzjoni tal-protezzjoni konsulari għal ċittadini mhux rappreżentati. L-Artikolu 9(f) tagħha jiddikjara b’mod espliċitu li hi tapplika wkoll għall-ħruġ ta’ dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar.

Wieħed mill-għanijiet ta’ din il-proposta hu l-allinjament sħiħ tar-regoli speċifiċi applikabbli għall-ETDs tal-UE mad-Direttiva (UE) 2015/637. Fejn ikun hemm bżonn, din il-proposta tispeċifika wkoll ir-regoli ġenerali li jinsabu fid-Direttiva (UE) 2015/637, pereżempju dwar il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri meta jipproċessaw applikazzjoni tal-ETD tal-UE. Id-direttiva proposta ma tbiddel ebda dritt stabbilit mid-Direttiva (UE) 2015/637.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Dokumenti siguri u affidabbli huma element importanti tal-ġestjoni tal-fruntieri.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Din il-proposta hi bbażata fuq l-Artikolu 23 TFUE, u hekk ukoll id-Direttiva (UE) 2015/637 dwar il-protezzjoni konsulari. Skont il-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jista’ jadotta direttivi li jistabbilixxu l-miżuri ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni meħtieġa biex jiffaċilitaw il-protezzjoni konsulari għal ċittadini mhux rappreżentati tal-UE. Din id-dispożizzjoni tapplika għall-Istati Membri kollha.

Il-proposta għandha l-għan li tistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-faċilitazzjoni tal-protezzjoni konsulari għall-aktar tip frekwenti ta’ assistenza konsulari pprovduta lil ċittadini mhux rappreżentati, jiġifieri l-ħruġ ta’ dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar. Dan l-objettiv għandu jinkiseb billi tiġi stabbilita proċedura standardizzata ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri għall-ħruġ ta’ dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar f’format uniformi fuq il-bażi ta’ karatteristiċi mtejba tas-sigurtà. Dan ikun jippermetti liċ-ċittadini biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal protezzjoni konsulari b’mod effettiv u f’ambjent aktar sigur.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-ħruġ ta’ ETDs tal-UE jinvolvi dimensjoni transfruntiera peress li dan jikkonċerna l-protezzjoni offruta minn Stat Membru liċ-ċittadini ta’ Stat Membru ieħor.

Il-format kurrenti għall-ETDs tal-UE kif stabbilit mid-Deċiżjoni 96/409/CFSP irid jiġi aġġornat. Tibdiliet għal dan il-format jistgħu jiġu proposti mill-Kummissjoni biss. ETD tal-UE b’karatteristiċi aġġornati tas-sigurtà se jtejjeb is-sigurtà ġenerali tal-UE, peress li dawn id-dokumenti jippermettu lid-detenturi tagħhom biex jaqsmu l-fruntieri tal-UE. Barra minn hekk, użu akbar tal-format uniformi u tal-karatteristiċi armonizzati tas-sigurtà se jsaħħaħ ir-rikonoxximent minn pajjiżi terzi. Dawn l-objettivi ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom.

Mingħajr format uniformi aġġornat tal-ETD tal-UE, l-Istati Membri jistgħu jibbażaw dejjem aktar fuq l-ETDs nazzjonali biex jikkonformaw mal-obbligu tat-Trattat tagħhom li joffru protezzjoni konsulari lil ċittadini mhux rappreżentati tal-UE bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk offruti liċ-ċittadini tagħhom stess. Dan joħloq riskju ta’ frammentazzjoni bejn l-Istati Membri f’termini tad-dokumenti użati u tal-proċeduri segwiti. Joħloq ukoll riskju ta’ “għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni” (“forum shopping”) (fejn iċ-ċittadini jfittxu dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar minn Stat Membru partikolari u mhux minn ieħor għaliex id-dokumenti ta’ ċerti Stati Membri jkunu rikonoxxuti b’mod aktar mifrux, orħos jew aktar faċli biex jinkisbu minn dawk ta’ Stati Membri oħra).

Proporzjonalità

L-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li azzjoni mill-Unjoni ma tistax tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattat. Il-forma magħżula għal din l-azzjoni tal-UE trid tippermetti li l-proposta tilħaq l-għan tagħha u li tkun implimentata bl-iktar mod effettiv possibbli.

Din il-proposta tagħmel l-użu tal-ETDs tal-UE obbligatorju għal ċittadini mhux rappreżentati barra mill-UE. L-Istati Membri jkunu obbligati joħorġu ETD tal-UE lil ċittadini mhux rappreżentati li jissodisfaw il-kundizzjonijiet applikabbli. Il-proposta tkopri sitwazzjonijiet diġà previsti mill-obbligu legali ta’ forniment ta’ protezzjoni konsulari.

Il-proposta ttejjeb il-karatteristiċi tas-sigurtà tal-ETD tal-UE għall-istandard mistenni mill-Istati Membri u minn pajjiżi terzi. Tagħmel dan billi tibbaża fuq l-istandards eżistenti stabbiliti fil-kuntest tal-format uniformi għall-viżi 14 . Għaldaqstant, il-proposta tippermetti biex ikompli jintuża t-tagħmir li diġà hu disponibbli fl-ambaxxati u fil-konsulati tal-Istati Membri għall-ETDs tal-UE, biex b’hekk tiġi limitata l-ħtieġa ta’ tagħmir ġdid u ta’ taħriġ.

Għażla tal-istrument

F’konformità mal-Artikolu 23(2) TFUE, l-istrument propost hu direttiva.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

L-evalwazzjoni tad-Deċiżjoni 96/409/CFSP sabet li l-ħruġ tal-ETDs tal-UE kien effettiv fl-għoti ta’ għajnuna ġenwina lil ċittadini tal-UE f’diffikultà f’pajjiżi terzi. L-evalwazzjoni sabet ukoll li l-ETDs tal-UE pprovdew dimostrazzjoni prattika tal-benefiċċji taċ-ċittadinanza tal-UE, u huma mistennija jibqgħu rilevanti fil-ġejjieni.

Madankollu, il-qafas legali għall-ETDs tal-UE għandu jiġi adattat biex jiġu indirizzati ċerti kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni identifikati mill-evalwazzjoni. B’mod partikolari, dawn l-adattamenti għandhom jimmiraw li jiżguraw il-konsistenza mad-Direttiva (UE) 2015/637 u li jtejbu l-karatteristiċi tas-sigurtà tal-ETD tal-UE fil-kuntest tal-ħtiġijiet tas-sigurtà li qed jinbidlu. Il-problemi ewlenin identifikati mill-evalwazzjoni huma l-approċċ frammentat għall-ħruġ tal-ETDs (mhux l-Istati Membri kollha jużaw il-format tal-ETD stabbilit mid-Deċiżjoni 96/409/CFSP) u l-aċċettabilità, l-inċertezza tad-dritt u l-eżegwibbiltà mnaqqsa perċepiti tagħhom, u t-tħassib dwar is-sigurtà tal-format komuni tal-ETD. Din il-proposta għandha l-għan li tindirizza l-kwistjonijiet identifikati mill-evalwazzjoni tad-Deċiżjoni 96/409/CFSP.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-proċess ta’ konsultazzjoni ġabar flimkien għodod ta’ ambitu ġenerali, bħal konsultazzjoni pubblika, ma’ konsultazzjonijiet u ma’ stħarriġijiet aktar iffukati tal-Istati Membri u ta’ gruppi ta’ partijiet ikkonċernati. Uħud mill-partijiet kkonċernati li ġew ikkonsultati kienu jinkludu l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri; il-missjonijiet tal-Istati Membri f’pajjiżi terzi; l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi; l-assoċjazzjonijiet kummerċjali (inklużi operaturi ta’ ġiti, kumpaniji tal-linji tal-ajru u kumpaniji tal-assigurazzjoni); ċittadini u gruppi ta’ ċittadini; u esperti mill-Kummissjoni Ewropea, mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u mis-Segretarjat tal-Kunsill. Il-fehmiet ta’ dawn il-partijiet ikkonċernati ttieħdu f’kunsiderazzjoni fit-tħejjija ta’ din il-proposta.

Informazzjoni dettaljata dwar ir-riżultati tal-proċess ta’ konsultazzjoni tinsab fl-Anness 2 tal-valutazzjoni tal-impatt li jakkumpanja dan id-dokument.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-Kummissjoni, skont il-kuntratt ta’ qafas rilevanti, ikkummissjonat studju dwar “l-evalwazzjoni ta’ strument eżistenti tal-UE dwar dokument provviżorju Ewropew tal-ivvjaġġar u valutazzjoni tal-impatt”.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-valutazzjoni tal-impatt li ssostni din il-proposta rċeviet opinjoni pożittiva mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju, b’xi suġġerimenti għal titjib 15 . Il-valutazzjoni tal-impatt ikkunsidrat għadd ta’ għażliet politiċi possibbli: żamma tal-istatus quo; adozzjoni biss ta’ miżuri mhux vinkolanti; revoka tad-Deċiżjoni 96/409/CFSP u tneħħija tal-ETDs tal-UE; leġiżlazzjoni ġdida li tagħmel l-ETDs tal-UE obbligatorji għaċ-ċittadini kollha tal-UE; leġiżlazzjoni ġdida li tistabbilixxi ETD tal-UE b’karatteristiċi tas-sigurtà msaħħa; u leġiżlazzjoni ġdida li tistabbilixxi ETD tal-UE bil-bijometrika.

L-għażliet ta’ żamma tal-istatus quo jew ta’ tneħħija tal-ETDs tal-UE tqiesu li ma kinux sodisfaċenti u kienu ineffiċjenti fil-kisba tal-objettivi. Tqies li kien sproporzjonat li l-ETD tal-UE jsir obbligatorju għaċ-ċittadini kollha tal-UE. Miżuri mhux vinkolanti wkoll tqiesu li ma kinux sodisfaċenti jekk jiġu implimentati waħedhom. Madankollu, miżuri mhux vinkolanti għandhom jakkumpanjaw l-għażla li finalment tintgħażel biex jassistu fl-implimentazzjoni tagħha.

Miż-żewġ għażliet li jeħtieġu leġiżlazzjoni ġdida, l-għażla li jiġi stabbilit ETD tal-UE b’karatteristiċi msaħħa tas-sigurtà tqieset aktar preferibbli minn dik li jiġi stabbilit ETD tal-UE bil-bijometrika, primarjament għal raġunijiet ta’ kosteffiċjenza u ta’ proporzjonalità. B’mod partikolari, filwaqt li l-għażla msemmija l-ewwel tkun tagħmel użu minn tagħmir eżistenti użat għall-istampar tal-format uniformi għall-viżi, dik imsemmija l-aħħar tkun teħtieġ li jiġi installat tagħmir li kapaċi jistampa informazzjoni bijometrika. Dan aktarx ikun iwassal għal spejjeż sinifikanti għall-Istati Membri u għaċ-ċittadini.

L-għażla ppreferuta hi mistennija ġġib magħha benefiċċji f’diversi oqsma. Ċittadini mhux rappreżentati tal-UE li jkunu fil-bżonn ikunu jistgħu jiksbu ETD tal-UE mingħand il-konsulati kollha tal-Istati Membri skont proċedura simplifikata bbażata fuq id-Direttiva (UE) 2015/637. Dawn ikunu jibbenefikaw minn dritt għal ETD tal-UE f’aktar sitwazzjonijiet minn dawk previsti skont id-Deċiżjoni attwali dwar l-ETD tal-UE. Dawn ikunu jibbenefikaw ukoll minn proċeduri ta’ ħruġ u minn skadenzi aktar ċari.

L-Istati Membri u l-UE jkunu jibbenefikaw mill-karatteristiċi msaħħa tas-sigurtà tal-ETD tal-UE l-ġdid. Użu akbar tad-dokument il-ġdid għandu l-potenzjal li jżid l-aċċettazzjoni tiegħu minn pajjiżi terzi, u l-adozzjoni ta’ standards aġġornati għall-qari mill-magni għandha tirriżulta fi proċessar aktar faċli fil-fruntieri. Rikonoxximent aħjar minn pajjiżi terzi jkun ta’ għajnuna għaċ-ċittadini mhux rappreżentati biex jiffrankaw il-flus billi tonqos il-ħtieġa ta’ soġġorni addizzjonali f’lukandi u ta’ arranġamenti alternattivi tal-ivvjaġġar. Format aktar sigur tal-ETD tal-UE, multilingwi u prodott f’livell tal-UE jista’ jkun alternattiva kosteffiċjenti wkoll għall-Istati Membri li qed jikkunsidraw ibiddlu kwalunkwe ETD nazzjonali antik. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tkun tista’ tinforza l-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-ETD tal-UE u twettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħha.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-inizjattiva hi inkluża fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2018 taħt l-inizjattivi tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) fil-Qasam tal-Ġustizzja u tad-Drittijiet Fundamentali Abbażi tal-Fiduċja Reċiproka 16 . F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ħarset ukoll lejn opportunitajiet biex tissimplifika u tnaqqas il-piżijiet.

Il-proposta għandha l-għan li tissimplifika l-proċedura għall-ħruġ ta’ ETDs tal-UE, li twassal għal piż imnaqqas għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u għaċ-ċittadini f’diffikultà minħabba t-telf ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar. Fl-istess ħin, il-proposta żżid il-karatteristiċi tas-sigurtà tal-ETD tal-UE, peress li jkun jista’ jintuża biex wieħed jidħol fit-territorju tal-UE. Għal dak l-għan, il-proposta tibbaża fuq tagħmir u għarfien espert eżistenti fil-kuntest tal-istiker tal-viża. ETD tal-UE uniformi u aktar sigur jista’ jnaqqas l-ispejjeż u l-inkonvenjenzi għaċ-ċittadini u għan-negozji (pereżempju, kumpaniji ta’ linji tal-ajru) billi jtejjeb l-aċċettazzjoni minn pajjiżi terzi u l-ipproċessar fil-fruntiera esterna tal-UE.

L-elementi ta’ simplifikazzjoni huma stmati għal EUR 93 000 fis-sena għaċ-ċittadini. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ data affidabbli, l-iffrankar potenzjali tal-ispejjeż għan-negozji u għall-awtoritajiet tal-fruntieri ma ġiex ikkwantifikat.

Drittijiet fundamentali

Din il-proposta timplimenta d-dritt fundamentali taċ-ċittadini tal-UE għal protezzjoni diplomatika u konsulari, garantit mill-Artikolu 46 tal-Karta.

Il-proposta taffettwa wkoll l-Artikolu 7 tal-Karta dwar ir-rispett tal-ħajja privata u l-Artikolu 8 dwar id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. L-ipproċessar ta’ data personali taċ-ċittadini, inklużi l-ġbir, l-aċċess għad-data personali u l-użu ta’ din, jaffettwa d-dritt għall-privatezza u d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali skont il-Karta. L-interferenza ma’ dawn id-drittijiet fundamentali trid tkun iġġustifikata 17 .

Rigward id-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali, u l-protezzjoni ta’ data inkluża s-sigurtà tad-data, japplikaw ir-regoli rilevanti tal-UE 18 . Mhi prevista ebda deroga mir-reġim ta’ protezzjoni tad-data. L-Istati Membri jridu jimplimentaw regoli, kundizzjonijiet u salvagwardji ċari f’konformità mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data kif xieraq. Din l-inizjattiva ma tipprovdix għall-bażi ġuridika għall-ħżin ta’ data miġbura taħt din jew għall-użu tat-tali data għal finijiet oħra għajr dawk ta’ verifika tal-identità tal-applikant, għall-istampar tal-istiker tal-ETD tal-UE u għall-faċilitazzjoni tal-ivvjaġġar tal-persuna kkonċernata. Kwalunkwe ħżin bħal dan ta’ data jkollu jikkonforma mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679. L-inklużjoni obbligatorja fuq l-istiker kif ukoll it-trasferiment, lill-Istat Membru tan-nazzjonalità għall-finijiet ta’ verifika tal-identità tal-applikant, tad-data personali tal-applikant, inkluża l-istampa tal-wiċċ, se jiġu implimentati b’sett adegwat ta’ salvagwardji.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Fid-dawl tal-għadd limitat ta’ ETDs tal-UE maħruġa mill-Istati Membri, importanti li jiġi adottat approċċ realistiku biex tiġi ssorveljata l-implimentazzjoni tal-proposta u ma jinxteħitx piż eċċessiv fuq l-awtoritajiet nazzjonali. L-Istati Membri huma mitluba jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni fuq għadd limitat ta’ indikaturi ewlenin fuq bażi annwali. Jekk ikun hemm bżonn, jista’ jiġi deċiż li tinġabar informazzjoni addizzjonali. Wara ħames snin, il-Kummissjoni se tevalwa l-implimentazzjoni tad-direttiva.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-Kapitolu I (Artikoli 1 u 2) jiddeskrivi s-suġġett tal-proposta u jistabbilixxi għadd ta’ definizzjonijiet. Il-proposta tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-proċedura għal ċittadini mhux rappreżentati biex jiksbu ETD tal-UE, u tistabbilixxi format uniformi għat-tali dokumenti. Din tuża l-istess definizzjoni ta’ “ċittadin mhux rappreżentat” bħad-Direttiva (UE) 2015/637.

Il-Kapitolu II jistabbilixxi fl-Artikolu 3 l-kundizzjonijiet li jridu jinħarġu ma’ ETD tal-UE. Ġeneralment, ETD tal-UE għandu jinħareġ lil ċittadini mhux rappreżentati li l-passaport jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom ikunu, għal raġunijiet differenti, indisponibbli, għal vjaġġ wieħed lejn l-Istat Membru tan-nazzjonalità jew ta’ residenza taċ-ċittadin. Id-dokument għandu jinħareġ wara li jiġi kkonsultat l-Istat Membru tan-nazzjonalità taċ-ċittadin mill-Istat Membru li jassisti.

L-Artikolu 4 jiddeskrivi l-proċedura għall-ħruġ ta’ ETD tal-UE, inkluża l-konsultazzjoni bejn l-Istat Membru li jassisti liċ-ċittadin mhux rappreżentat u l-Istat Membru tan-nazzjonalità taċ-ċittadin, kif ukoll l-iskadenzi applikabbli. L-Artikolu 4 jistabbilixxi l-eċċezzjonijiet f’każijiet ġustifikati kif xieraq jew f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Fih ukoll miżuri tas-sigurtà.

Skont l-Artikolu 5, ETD tal-UE għandu jkun validu għal ftit aktar żmien mill-perjodu minimu meħtieġ għall-vjaġġ ta’ ritorn.

L-Artikolu 6 jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli dment li dawn ikunu kompatibbli mad-Direttiva

B’mod partikolari, l-Artikolu 7 jistabbilixxi sitwazzjonijiet possibbli li fihom l-Istati Membri jistgħu joħorġu ETD tal-UE. Ir-riċevituri ta’ ETD tal-UE għajr ċittadini mhux rappreżentati tal-UE f’pajjiżi terzi jistgħu jkunu, pereżempju, membri tal-familja li jakkumpanjaw, ċittadini proprji jew residenti ta’ Stat Membru, u ċittadini rappreżentati tal-UE ta’ Stat Membru ieħor. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li joħorġu ETDs tal-UE fl-UE wkoll.

Il-Kapitolu III jistabbilixxi fl-Artikolu 8 il-format uniformi li għandu jintuża għall-ETDs tal-UE, li jikkonsisti f’formola u fi stiker uniformi. Id-data rilevanti dwar ir-riċevitur ta’ ETD tal-UE hi stampata fuq l-istiker, u mbagħad titwaħħal mal-formola.

L-Artikolu 9 jistabbilixxi l-proċedura użata għall-ħruġ ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali għall-ETDs tal-UE. Dawn l-ispeċifikazzjonijiet jistgħu jkunu sigrieta jekk ikun hemm bżonn.

L-Artikolu 10 jikkonċerna l-korpi tal-Istati Membri li huma responsabbli mill-istampar tal-ETDs tal-UE. Dawn il-korpi jridu jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

L-Artikolu 11 fih regoli dwar il-kumitat inkarigat mill-assistenza lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tad-Direttiva.

L-Artikolu 12 jinkariga lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni f’pajjiżi terzi bin-notifika tal-format uniformi tal-ETDs tal-UE lil pajjiżi terzi u bil-forniment ta’ mudelli tal-ETDs tal-UE lil dawn.

Il-Kapitolu IV fih għadd ta’ dispożizzjonijiet finali.

L-Artikolu 13 jispeċifika l-qafas ta’ protezzjoni tad-data.

L-Artikolu 14 jistabbilixxi l-obbligu tal-Istati Membri biex jissorveljaw l-applikazzjoni tad-Direttiva u jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni fuq bażi annwali.

Skont l-Artikolu 15, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tad-Direttiva u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

L-Artikolu 16 iħassar id-Deċiżjoni 96/409/CFSP.

L-Artikolu 17 jistabbilixxi d-data sa meta l-Istati Membri għandhom jittrasponu d-Direttiva fid-dritt nazzjonali.

L-Artikolu 18 jistabbilixxi li d-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Skont l-Artikolu 19, id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri kollha.

L-Annessi I u II fihom speċifikazzjonijiet għall-formola u għall-istiker uniformi tal-ETD tal-UE.

2018/0186 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE u li tħassar id-Deċiżjoni 96/409/CFSP

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 23(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 19 ,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni hija l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri. Din tagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt li jgawdi, fit-territorju ta’ pajjiż terz fejn l-Istat Membru li tiegħu hu ċittadin ma jkunx rappreżentat, mill-protezzjoni tal-awtoritajiet diplomatiċi u konsulari ta’ Stat Membru ieħor bl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru. Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/637 20 iddaħħal fis-seħħ dak id-dritt billi tistabbilixxi l-miżuri ta’ kooperazzjoni u ta’ koordinazzjoni meħtieġa biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari għaċ-ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni.

(2)Id-Direttiva (UE) 2015/637 tirreferi għad-dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar bħala tip wieħed ta’ assistenza konsulari li trid tiġi pprovduta mill-ambaxxati u mill-konsulati tal-Istati Membri lil ċittadini mhux rappreżentati. Dokument provviżorju tal-ivvjaġġar (ETD - emergency travel document) hu dokument għal vjaġġ wieħed li jippermetti lid-detentur jirritorna lura pajjiżu, jew, f’każijiet eċċezzjonali, f’destinazzjoni oħra, f’każ li dan ma jkollux aċċess għad-dokumenti tal-ivvjaġġar regolari tiegħu, pereżempju għaliex dawn ikunu nsterqu jew intilfu.

(3)Id-Deċiżjoni 96/409/CFSP tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri 21 stabbiliet dokument provviżorju tal-ivvjaġġar komuni għall-ħruġ mill-Istati Membri lil ċittadini tal-Unjoni f’postijiet fejn l-Istat Membru tan-nazzjonalità ta’ dawk iċ-ċittadini ma jkollux rappreżentanza diplomatika jew konsulari permanenti. Issa hemm bżonn li jiġu aġġornati r-regoli ta’ dik id-Deċiżjoni u li jiġi stabbilit format modernizzat u aktar sigur għad-Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE (ETD tal-UE). Jenħtieġ li tiġi żgurata konsistenza bejn il-kundizzjonijiet speċifiċi u l-proċedura għall-ħruġ tal-ETDs tal-UE u r-regoli ġenerali dwar il-protezzjoni konsulari stabbiliti mid-Direttiva (UE) 2015/637, peress li dik id-Direttiva, inkluża l-proċedura finanzjarja pprovduta mill-Artikolu 14 tagħha, tapplika għall-ħruġ ta’ ETDs tal-UE lil ċittadini mhux rappreżentati. Din id-Direttiva jenħtieġ li tipprovdi regoli addizzjonali li jridu jiġu applikati flimkien ma’ dawk fid-Direttiva (UE) 2015/637 fejn ikun hemm bżonn.

(4)ETD tal-UE jenħtieġ li jinħareġ, fuq talba tiegħu jew tagħha, lil kwalunkwe ċittadin mhux rappreżentat li l-passaport jew id-dokument tal-ivvjaġġar tiegħu jkun intilef, insteraq jew inqered, ikun indisponibbli b’mod temporanju, ikun skada, jew li ma jkunx jista’ jinkiseb b’xi mod ieħor fi żmien raġonevoli, pereżempju lil trabi li jitwieldu matul l-ivvjaġġar, ladarba l-Istat Membru li jassisti liċ-ċittadin mhux rappreżentat ikun irċieva konferma tan-nazzjonalità taċ-ċittadin mingħand l-Istat Membru tan-nazzjonalità.

(5)Peress li t-telf ta’ passaport jew ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar jista’ jikkawża stress sinifikanti għaċ-ċittadini f’pajjiżi terzi, hemm bżonn li tiġi stabbilita proċedura simplifikata għall-kooperazzjoni u għall-koordinazzjoni bejn l-Istat Membru tal-assistenza u l-Istat Membru tan-nazzjonalità taċ-ċittadin mhux rappreżentat. Fl-istess ħin, hemm bżonn li tinżamm biżżejjed flessibbiltà f’każijiet eċċezzjonali. F’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, l-Istat Membru li jassisti jenħtieġ li jkun jista’ joħroġ ETDs tal-UE mingħajr konsultazzjoni minn qabel mal-Istat Membru tan-nazzjonalità. F’dawn is-sitwazzjonijiet, l-Istat Membru li jassisti jenħtieġ li jinnotifika lill-Istat Membru tan-nazzjonalità mill-aktar fis possibbli dwar l-assistenza mogħtija f’ismu biex jiġi żgurat li l-Istat Membru tan-nazzjonalità jkun informat b’mod adegwat.

(6)Għal raġunijiet ta’ sigurtà, jenħtieġ li d-destinatarji tal-ETDs tal-UE jirritornawhom ladarba jirritornaw f’pajjiżhom b’mod sikur. Barra minn hekk, jenħtieġ li kopja ta’ kull ETD tal-UE maħruġ tinħażen għand l-awtorità emittenti tal-Istat Membru li jassisti u jenħtieġ li kopja oħra tintbagħat lill-Istat Membru tan-nazzjonalità tal-applikant. L-ETDs tal-UE ritornati u l-kopji maħżuna jenħtieġ li jinqerdu wara ċertu perjodu.

(7)Iċ-ċittadini mhux rappreżentati jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw għal ETD tal-UE fl-ambaxxata jew fil-konsulat ta’ kwalunkwe Stat Membru. Kif previst fl-Artikolu 7(2) tad-Direttiva (UE) 2015/637, l-Istati Membri jistgħu jikkonkludu arranġamenti prattiċi għall-fini ta’ qsim tar-responsabbiltajiet biex jipprovdu ETDs tal-UE lil ċittadini mhux rappreżentati. L-Istati Membri li jirċievu applikazzjonijiet għal ETDs tal-UE jenħtieġ li jivvalutaw, fuq bażi ta’ każ b’każ, jekk huwiex xieraq li joħorġu l-ETD tal-UE jew jekk il-każ għandux jiġi ttrasferit lill-ambaxxata jew lill-konsulat li huma magħżula bħala kompetenti skont it-termini ta’ kwalunkwe arranġament diġà fis-seħħ.

(8)F’konformità mal-iskop tiegħu bħala dokument għal vjaġġ wieħed, l-ETD tal-UE jenħtieġ li jkun validu għall-perjodu meħtieġ biex isir dak il-vjaġġ. Fid-dawl tal-possibbiltajiet u tal-veloċità tal-ivvjaġġar ta’ żminijietna, il-validità ta’ ETD tal-UE, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jenħtieġ li ma taqbiżx il-15-il jum tal-kalendarju.

(9)Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax id-dispożizzjonijiet nazzjonali iżjed favorevoli sa fejn dawn ikunu kompatibbli magħha.

(10)Jenħtieġ li din id-Direttiva ma tipprekludix lill-Istati Membri milli joħorġu ETDs tal-UE f’sitwazzjonijiet oħra, b’kunsiderazzjoni tad-dritt u tal-prattika nazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu joħorġu wkoll ETDs tal-UE lil ċittadini mhux rappreżentati fit-territorju tal-Unjoni, lil ċittadini rappreżentati, u liċ-ċittadini jew lir-residenti tagħhom stess. Meta jagħmlu dan, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu abbuż u frodi.

(11)F’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2015/637 u bl-għan li tiġi żgurata l-effettività tad-dritt imnaqqax fl-Artikolu 20(2)(c) tat-Trattat u tad-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja kif rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b’kunsiderazzjoni tad-dritt u tal-prattika nazzjonali, Stat Membru li jassisti jenħtieġ li jkun jista’ joħroġ ETDs tal-UE lil membri tal-familja ta’ pajjiżi terzi ta’ ċittadini tal-Unjoni, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi individwali ta’ kull każ.

(12)L-ETD tal-UE, li jikkonsisti f’formola u fi stiker, jenħtieġ li jkun fih l-informazzjoni kollha neċessarja u jkun jilħaq standards tekniċi għolja, b’mod partikolari fir-rigward tas-salvagwardji kontra l-kontrafazzjoni u l-falsifikazzjoni. Jenħtieġ li jkun adattat biex jintuża mill-Istati Membri kollha u jkun jinkorpora karatteristiċi tas-sigurtà rikonoxxibbli b’mod universali u li jkunu jistgħu jintlemħu mill-għajn.

(13)Il-formola uniformi tal-ETD tal-UE jenħtieġ li jkun fiha folji vojta biex, jekk ikun hemm bżonn, il-viżi ta’ tranżitu jkunu jistgħu jiġu mehmuża direttament mal-formola. Dik il-formola jenħtieġ li sservi biex fiha jkun hemm l-istiker tal-ETD tal-UE, li jkun fiha l-informazzjoni rilevanti dwar l-applikant. Jenħtieġ li l-istiker tiġi mmudellata fuq il-format uniformi għall-viżi kif stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 22 u jenħtieġ li jkun fiha karatteristiċi ekwivalenti tas-sigurtà. L-istiker tal-ETD tal-UE jenħtieġ li tkun personalizzata fl-ambaxxata jew fil-konsulat tal-Istat Membru li jassisti bl-użu tal-istess stampaturi bħal dawk użati għall-viżi.

(14)Biex jiżdiedu s-sigurtà u l-veloċità tal-proċess tal-ħruġ, stampa tal-wiċċ tal-applikant użata għall-ETD tal-UE jenħtieġ li tittieħed dak il-ħin fl-ambaxxata jew fil-konsulat permezz ta’ kamera diġitali jew b’mezz ekwivalenti. L-istess stampa tal-wiċċ jenħtieġ li tintbagħat lill-Istat Membru tan-nazzjonalità għall-konferma tal-identità taċ-ċittadin.

(15)Din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet li huma mistennija li ma jinżammux sigrieti. Fejn xieraq, dawk l-ispeċifikazzjonijiet jaf ikollhom bżonn jiġu ssuplimentati minn speċifikazzjonijiet sigrieti oħra għall-prevenzjoni tal-kontrafazzjoni u tal-falsifikazzjoni.

(16)Biex tiġi żgurata s-segretezza ta’ kwalunkwe speċifikazzjoni teknika addizzjonali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 23 .

(17)Biex jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali ma titqiegħedx għad-dispożizzjoni ta’ aktar persuni minn dawk neċessarji, jenħtieġ li kull Stat Membru jiddeżinja korp wieħed li jkun responsabbli għall-istampar tal-ETD uniformi tal-UE. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jbiddlu t-test ewlieni, jekk ikun hemm bżonn. Għal raġunijiet ta’ sigurtà, kull Stat Membru jenħtieġ li jikkomunika l-isem tal-korp kompetenti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.

(18)Biex tiżdied l-aċċettazzjoni tal-ETDs tal-UE, id-delegazzjonijiet tal-Unjoni f’pajjiżi terzi jenħtieġ li jinnotifikaw lill-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi terzi dwar il-format uniformi tal-ETD tal-UE u dwar kwalunkwe modifika sussegwenti u jippromwovu l-użu ta’ dan.

(19)F’konformità mal-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 24 , jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari abbażi tal-informazzjoni miġbura permezz ta’ arranġamenti ta’ monitoraġġ speċifiċi, biex tivvaluta l-effetti reali tad-Direttiva u l-ħtieġa għal kwalunkwe azzjoni ulterjuri.

(20)Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 japplika għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-Istati Membri meta jimplimentaw din id-Direttiva. Is-sistema tal-ETD tal-UE teħtieġ l-ipproċessar ta’ data personali neċessarja għall-fini ta’ verifika tal-identità tal-applikant, ta’ stampar tal-istiker tal-ETD tal-UE u għall-faċilitazzjoni tal-ivvjaġġar tas-suġġett ikkonċernat. Hu neċessarju li jiġu speċifikati b’mod ulterjuri s-salvagwardji applikabbli għad-data personali pproċessata, bħall-perjodu massimu ta’ żamma tad-data personali miġbura. Perjodu massimu ta’ żamma ta’ tliet snin hu neċessarju biex jiġu evitati abbużi possibbli. Jenħtieġ li t-tħassir ta’ data personali tal-applikanti ma jaffettwax il-kapaċità tal-Istati Membri li jwettqu monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(21)Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda, minħabba l-ħtieġa li jiġu evitati l-frammentazzjoni u l-aċċettazzjoni mnaqqsa li tirriżulta tad-dokumenti provviżorji tal-ivvjaġġar maħruġa mill-Istati Membri lil ċittadini mhux rappreżentati, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex tilħaq dawk l-objettivi.

(22)Din id-Direttiva għandha l-għan li tippromwovi l-protezzjoni konsulari kif garantita mill-Artikolu 46 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Hi tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta, inkluż id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja u d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali. Għaldaqstant din id-Direttiva jenħtieġ li tiġi interpretata u applikata f’konformità ma’ dawk id-drittijiet u l-prinċipji.

(23)Id-Deċiżjoni 96/409/CFSP jenħtieġ li titħassar,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I
SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1
Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-kundizzjonijiet u l-proċedura għal ċittadini mhux rappreżentati f’pajjiżi terzi biex jiksbu Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE (ETD tal-UE) u tistabbilixxi format uniformi għat-tali dokumenti.

Artikolu 2
Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(1)“ċittadin mhux rappreżentat” tfisser kull ċittadin li jkollu nazzjonalità ta’ Stat Membru li ma jkunx rappreżentat f’pajjiż terz kif stipulat fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2015/637;

(2)“applikant” tfisser il-persuna li tapplika għal ETD tal-UE;

(3)“l-Istat Membru li jassisti” tfisser l-Istat Membru li jirċievi applikazzjoni għal ETD tal-UE;

(4)“l-Istat Membru tan-nazzjonalità” tfisser l-Istat Membru tan-nazzjonalità ddikjarata mill-applikant;

(5)“Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE” jew “ETD tal-UE” tfisser dokument tal-ivvjaġġar maħruġ minn Stat Membru lil ċittadin mhux rappreżentat f’pajjiż terz għal vjaġġ wieħed lejn l-Istat Membru tan-nazzjonalità jew ta’ residenza taċ-ċittadin, kif mitlub miċ-ċittadin, jew f’eċċezzjonijiet, lejn destinazzjoni oħra.

KAPITOLU II
ID-DOKUMENT PROVVIŻORJU TAL-IVVJAĠĠAR TAL-UE (ETD TAL-UE)

Artikolu 3
Id-Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE (ETD tal-UE)

L-Istati Membri għandhom joħorġu ETDs tal-UE lil ċittadini mhux rappreżentati f’pajjiżi terzi li l-passaporti jew id-dokumenti tal-ivvjaġġar tagħhom ikunu ntilfu, insterqu jew inqerdu, ikunu indisponibbli b’mod temporanju, ikunu skadew, jew inkella ma jistgħux jinkisbu b’xi mod ieħor fi żmien raġonevoli, f’konformità mal-proċedura spjegata fl-Artikolu 4.

Artikolu 4
Proċedura

1.Meta Stat Membru jirċievi applikazzjoni għal ETD tal-UE, dan, fi żmien 24 siegħa, għandu jikkonsulta lill-Istat Membru tan-nazzjonalità f’konformità mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva (UE) 2015/637 għall-fini ta’ verifika tan-nazzjonalità tal-applikant.

2.L-Istat Membru li jassisti għandu jipprovdi lill-Istat Membru tan-nazzjonalità bl-informazzjoni rilevanti kollha, li tinkludi:

(a)id-data dwar l-applikant li għandha tiġi inkluża fuq l-istiker tal-ETD tal-UE f’konformità mal-Anness II;

(b)stampa tal-wiċċ tal-applikant li, ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali, għandha tittieħed dakinhar tal-applikazzjoni mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li jassisti.

3.Fi żmien 36 siegħa mir-riċevuta tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru tan-nazzjonalità għandu jwieġeb għall-konsultazzjoni f’konformità mal-Artikolu 10(3) tad-Direttiva (UE) 2015/637 u għandu jikkonferma jekk l-applikant għandux in-nazzjonalità tiegħu. Mal-konferma tan-nazzjonalità tal-applikant, l-Istat Membru li jassisti għandu jipprovdi lill-applikant bl-ETD tal-UE mhux aktar tard mill-jum tax-xogħol li jaħbat wara dak li fih tiġi riċevuta t-tweġiba mingħand l-Istat Membru tan-nazzjonalità.

4.F’każijiet ta’ eċċezzjoni debitament iġġustifikati, l-Istati Membri jistgħu jieħdu aktar mil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafi 1 u 3.

5.F’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, l-Istat Membru li jassisti jista’ joħroġ ETD tal-UE mingħajr konsultazzjoni minn qabel tal-Istat Membru tan-nazzjonalità. L-Istat Membru li jassisti għandu jinnotifika lill-Istat Membru tan-nazzjonalità, mill-aktar fis possibbli, dwar il-fatt li nħareġ ETD tal-UE u dwar l-identità tal-persuna li lilha nħarġilha l-ETD tal-UE. Dik in-notifika għandha tinkludi isem il-persuna u d-data kollha li ddaħħlet fl-ETD tal-UE.

6.L-awtorità tal-Istat Membru li joħroġ l-ETD tal-UE għandha taħżen kopja waħda ta’ kull ETD tal-UE maħruġ u għandha tibgħat oħra lill-Istat Membru tan-nazzjonalità tal-applikant. Il-kopji għandhom jinqerdu fi żmien 60 jum wara l-iskadenza tal-ETD tal-UE, sakemm ma jkunux neċessarji għall-ħruġ ta’ passaport jew ta’ dokument tal-ivvjaġġar ġdid.

7.Ir-riċevitur ta’ ETD tal-UE għandu jintalab jirritorna l-ETD tal-UE, indipendentement minn jekk skadiex, meta japplika għal passaport jew għal dokument tal-ivvjaġġar ġdid. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull ETD tal-UE li jkun irritornat jinqered b’mod sikur u f’waqtu.

8.L-Artikolu 14 tad-Direttiva (UE) 2015/637 għandu japplika għal applikazzjonijiet għal ETD tal-UE.

Artikolu 5
Validità

ETD tal-UE għandu jkun validu għall-perjodu meħtieġ għat-tlestija tal-vjaġġ li għalih ikun inħareġ. Fil-kalkolu ta’ dak il-perjodu, għandu jingħata biżżejjed żmien għal waqfiet neċessarji matul il-lejl u biex isiru l-konnessjonijiet tal-ivvjaġġar. Il-perjodu ta’ validità għandu jinkludi “perjodu ta’ konċessjoni” addizzjonali ta’ jumejn. Ħlief f’ċirkostanzi eċċezzjonali, il-validità ta’ ETD tal-UE ma għandhiex taqbeż il-15-il jum tal-kalendarju.

Artikolu 6
Trattament aktar favorevoli

L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew iżommu dispożizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk ta’ din id-Direttiva sa fejn ikunu kompatibbli magħha.

Artikolu 7
Destinatarji addizzjonali ta’ ETD tal-UE

Meta l-passaport jew il-karta tal-identità tal-applikant ikunu ntilfu, insterqu jew inqerdu, ikunu indisponibbli b’mod temporanju, ikunu skadew, jew ma jkunux jistgħu jinkisbu b’xi mod ieħor fi żmien raġonevoli, l-Istati Membri jistgħu joħorġu ETDs tal-UE:

(a)lil membri tal-familja taċ-ċittadini mhux rappreżentati, li huma stess ma jkunux ċittadini tal-Unjoni, li jakkumpanjaw liċ-ċittadini mhux rappreżentati, f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva (UE) 2015/637;

(b)liċ-ċittadini jew lir-residenti tagħhom stess;

(c)lil ċittadini ta’ Stat Membru ieħor li jkun rappreżentat fil-pajjiż fejn dawk iċ-ċittadini jfittxu li jiksbu l-ETD tal-UE;

(d)lil ċittadini tal-UE u lill-membri tal-familja tagħhom fit-territorju tal-Unjoni;

(e)lil persuni oħra marbuta magħha u li hi lesta li tilqa’.

KAPITOLU III
FORMAT UNIFORMI GĦALL-ETDS TAL-UE

Artikolu 8
Format uniformi għall-ETDs tal-UE

1.L-ETDs tal-UE għandhom jikkonsistu f’formola u fi stiker uniformi. Il-formola u l-istiker għandhom ikunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Annessi I u II u kif previst mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2018) 674 tad-9 ta’ Marzu 2018 fir-rigward ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi oħrajn għal format uniformi tal-viżi u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 3191.

2.Meta timtela l-istiker tal-ETD tal-UE, għandhom jimtlew it-taqsimiet stipulati fl-Anness II u għandha timtela l-parti li tinqara mill-magni, f’konformità mad-dokument 9303, Parti 2, tal-ICAO.

3.L-Istati Membri jistgħu jżidu kwalunkwe entrata nazzjonali neċessarja fit-taqsima “kummenti” tal-istiker tal-ETD tal-UE. Dawk l-entrati nazzjonali ma għandhomx jidduplikaw it-taqsimiet stabbiliti fl-Anness II.

4.L-entrati kollha fl-istiker tal-ETD tal-UE għandhom jiġu stampati. Ma għandu jsir ebda tibdil manwali fuq stiker stampata tal-ETD tal-UE.

5.L-istikers tal-ETD tal-UE jistgħu jimtlew manwalment biss f’każijiet ta’ force majeure teknika. Ma għandu jsir ebda tibdil fi stiker tal-ETD tal-UE li tkun imtliet manwalment.

6.Jekk jinstab żball fuq stiker tal-ETD tal-UE li ma tkunx għadha ġiet mehmuża ma’ formola tal-ETD tal-UE, l-istiker tal-ETD tal-UE għandha tiġi invalidata. Jekk żball jinstab wara li l-istiker tal-ETD tal-UE tkun ġiet mehmuża mal-formola, it-tnejn li huma għandhom jinqerdu u t-tnejn li huma għandhom jiġu prodotti mill-ġdid.

7.L-istiker stampata tal-ETD tal-UE li jkun fiha t-taqsimiet mimlija għandha tiġi mehmuża mal-formola tal-ETD tal-UE f’konformità mal-Anness I.

8.F’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, jista’ jintuża format differenti minn dak stabbilit minn dan l-Artikolu, dment li dan ikun fih it-taqsimiet kollha li għandhom jimtlew stipulati fl-Anness II.

Artikolu 9
Speċifikazzjonijiet addizzjonali

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li fihom speċifikazzjonijiet tekniċi addizzjonali għall-ETDs tal-UE relatati ma’ dawn li ġejjin:

(a)id-disinn, id-daqs u l-kuluri tal-formola u tal-istiker uniformi tal-ETD tal-UE;

(b)karatteristiċi u ħtiġiet oħra ta’ sigurtà inklużi standards imsaħħa ta’ protezzjoni kontra l-kontrafazzjoni u l-falsifikazzjoni;

(c)regoli oħra li għandhom ikunu osservati għall-mili u għall-ħruġ tal-ETD tal-UE.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2). Jista’ jiġi deċiż li dawn l-ispeċifikazzjonijiet iridu jinżammu sigrieti u ma jistgħux jiġu ppubblikati. F’dak il-każ dawn għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni biss tal-korpi magħżula mill-Istati Membri bħala responsabbli għall-istampar tal-ETDs tal-UE u tal-persuni awtorizzati kif dovut minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni.

Artikolu 10
L-istampar tal-ETDs tal-UE

Kull Stat Membru għandu jagħżel korp wieħed bir-responsabbiltà għall-istampar tal-ETDs tal-UE. Dan għandu jikkomunika l-isem ta’ dak il-korp lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra. L-istess korp jista’ jintgħażel minn żewġ Stati Membri jew aktar. Meta Stat Membru jibdel il-korp magħżul minnu, hu għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra kif xieraq.

Artikolu 11
Proċedura ta’ kumitat

1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 12
Notifika lil pajjiżi terzi

1.Sa mhux aktar tard minn 21 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, l-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 16(9) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea għandu jipprovdi eżemplari tal-formola u tal-istiker uniformi tal-ETDs tal-UE lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

2.Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna għandu jibgħat eżemplari tal-formola u tal-istiker lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni f’pajjiżi terzi.

3.Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni f’pajjiżi terzi għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet rilevanti fil-pajjiżi terzi dwar il-format uniformi tal-ETD tal-UE kif ukoll dwar il-karatteristiċi tas-sigurtà ewlenin tiegħu, inkluż billi jipprovdu eżemplari tal-formola u tal-istiker għall-finijiet ta’ referenza. Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni f’pajjiżi terzi għandhom iqiegħdu eżemplari tal-formola u tal-istiker uniformi tal-ETD tal-UE għad-dispożizzjoni tal-missjonijiet diplomatiċi u konsulari tal-Istati Membri għall-finijiet ta’ taħriġ jew ta’ referenza.

4.Kull darba li tiġi modifikata l-formola jew l-istiker uniformi tal-ETD tal-UE, għandha tiġi ripetuta l-proċedura spjegata fil-paragrafi 1-3. L-iskadenza msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ta’ 3 xhur wara l-adozzjoni tal-format modifikat.

KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13
Protezzjoni ta’ data personali

1.Data personali proċessata għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, inkluża l-istampa tal-wiċċ tal-applikant meħuda f’konformità mal-Artikolu 4(2), għandha tintuża biss biex tiġi vverifikata l-identità tal-applikant f’konformità mal-proċedura spjegata fl-Artikolu 4, biex tiġi stampata l-istiker tal-ETD tal-UE, u biex jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar tal-persuna kkonċernata. L-Istat Membru li jassisti u l-Istat Membru tan-nazzjonalità għandhom jiżguraw is-sigurtà xierqa tad-data personali.

2.Mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 2016/679, applikant li jinħariġlu ETD tal-UE għandu jkollu d-dritt li jivverifika d-data personali li tinsab f’ETD tal-UE u, fejn xieraq, li jitlob li jsiru korrezzjonijiet.

3.Ma għandha tiġi inkluża ebda informazzjoni f’forma li tinqara mill-magni f’ETD tal-UE sakemm din ma tkunx tidher ukoll fit-taqsimiet imsemmija fil-punti minn 6 sa 14 tal-Anness II.

4.L-Istat Membru li jassisti u l-Istat Membru tan-nazzjonalità għandhom iżommu d-data personali ta’ applikant għal mhux aktar minn tliet snin. Malli jiskadi l-perjodu ta’ żamma, id-data personali ta’ applikant għandha titħassar.

Artikolu 14
Monitoraġġ

1.L-Istati Membri għandhom iwettqu monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva b’mod regolari fuq il-bażi tal-indikaturi li ġejjin:

l-ETDs tal-UE maħruġa f’konformità mal-Artikolu 3;

l-ETDs tal-UE maħruġa f’konformità mal-Artikolu 7;

Każijiet ta’ frodi u ta’ kontrafazzjonijiet tal-ETDs tal-UE.

2.L-Istati Membri għandhom jorganizzaw il-produzzjoni u l-ġbir tad-data neċessarja biex ikejlu t-tibdil fl-indikaturi deskritti fil-paragrafu 1 ta’ hawn fuq, u għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni lill-Kummissjoni fuq bażi annwali.

3.F’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 11(2), il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu indikaturi addizzjonali għal dawk imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 15
Evalwazzjoni

1.Mhux qabel ħames snin wara d-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, inkluż dwar l-adegwatezza tal-livell ta’ sigurtà tad-data personali.

2.L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija ta’ dawk ir-Rapport.

Artikolu 16
Tħassir

1.Id-Deċiżjoni 96/409/CFSP titħassar b’effett minn 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

2.Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-qerda tal-formoli tal-ETD prodotti f’konformità mad-Deċiżjoni 96/409/CFSP sad-data msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 17
Traspożizzjoni

1.Sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn 24 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu riferiment għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali riferiment fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-mod kif għandu jsir dan ir-riferiment.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva

Artikolu 18
Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 19
Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ara wkoll l-Artikolu 6 tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/637 tal-20 ta’ April 2015 dwar il-miżuri ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari għal ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni f’pajjiżi terzi u li tħassar id-Deċiżjoni 95/553/KE (ĠU L 106, 24.4.2015, p. 1).
(2)     https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/juncker-political-guidelines-speech_mt.pdf  
(3)    Id-Deċiżjoni 96/409/CFSP tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fil-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar l-istabbiliment ta’ dokument provviżorju tal-ivvjaġġar (ĠU L 168, 6.7.1996, p. 4).
(4)    Skont ir-Rapport tal-2017 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE (COM(2017) 30 final/2), “Il-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ emerġenza fil-prattika huwa l-aktar forma frekwenti ta’ għajnuna mogħtija mill-Istati Membri liċ-ċittadini tal-UE li mhumiex rappreżentati (aktar minn 60 % fil-każijiet kollha)”. F’termini assoluti, in-numru ta’ ETDs tal-UE maħruġa hu relattivament żgħir. In-numri annwali ġew stmati għal madwar 320 barra mill-UE u għal 250 oħra fi ħdan l-UE. Hu stmat li ta’ kull sena 400-500 ċittadin mhux rappreżentant jinħarġulhom ETDs nazzjonali minflok il-format ta’ ETDs tal-UE. Madankollu, iċ-ċifri għall-ETDs tal-UE huma frammentarji u aktarx sottovalutati, peress li bħalissa mhux l-Istati Membri kollha jiġbru data statistika preċiża dwar l-ETDs tal-UE (aktar informazzjoni disponibbli fl-evalwazzjoni li takkumpanja din il-proposta).
(5)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/637 tal-20 ta’ April 2015 dwar il-miżuri ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari għal ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni f’pajjiżi terzi u li tħassar id-Deċiżjoni 95/553/KE (ĠU L 106, 24.4.2015, p. 1).
(6)     http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-5287-2011-INIT/mt/pdf  
(7)    COM(2016) 790 final.
(8)    COM(2016) 602 final.
(9)    COM(2017) 30 final/2.
(10)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tar-reazzjoni Ewropea għall-frodi tad-dokumenti tal-ivvjaġġar, adottati fis-27 ta’ Marzu 2017 http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-7696-2017-INIT/mt/pdf
(11)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Rapport tal-2017 dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE, adottati fil-11 ta’ Mejju 2017 http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9080-2017-INIT/mt/pdf
(12)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE 2017: Insaħħu d-Drittijiet taċ-Ċittadini f’Unjoni ta’ Tibdil Demokratiku http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&reference=P8-TA-2017-0487&language=MT&ring=A8-2017-0385  
(13)     https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/cwp_2018_annex_ii_en.pdf  
(14)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża kif emendat mir-Regolament (UE) 2017/1370 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża.
(15)    L-opinjoni tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju hi disponibbli fuq: http://ec.europa.eu/transparency/regdoc/?fuseaction=ia&language=mt  
(16)     https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/cwp_2018_annex_ii_en.pdf  
(17)    Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea stabbiliet il-kriterji għall-ġustifikazzjoni ta’ interferenza bħal din fil-kuntest tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2252/2004 fil-Kawża C-291/12 Schwarz vs Stadt Bochum, ECLI:EU:C:2013:670. Din fakkret li l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-Karta jridu jkunu “previsti mil-liġi, bil-kundizzjoni li jirrispettaw il-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u bil-kundizzjoni, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, li dawn il-limitazzjonijiet ikunu neċessarji u li effettivament jaqdu għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor”. Hi sabet ukoll li l-objettiv “li tiġi evitata l-falsifikazzjoni tal-passaporti filwaqt li t-tieni wieħed huwa li jiġi ostakolat l-użu frawdolenti tagħhom” kien jissodisfa dawk il-kriterji.
(18)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(19)    ĠU C , , p. .
(20)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/637 tal-20 ta’ April 2015 dwar il-miżuri ta’ koordinazzjoni u kooperazzjoni biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni konsulari għal ċittadini mhux rappreżentati tal-Unjoni f’pajjiżi terzi u li tħassar id-Deċiżjoni 95/553/KE (ĠU L 106, 24.4.2015, p. 1).
(21)    Id-Deċiżjoni 96/409/CFSP tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri fil-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar l-istabbiliment ta’ dokument provviżorju tal-ivvjaġġar (ĠU L 168, 6.7.1996, p. 4).
(22)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta’ Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1).
(23)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(24)    Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 (ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1).
(25)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

Brussell,31.5.2018

COM(2018) 358 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal Direttiva tal-Kunsill

li tistabbilixxi Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar tal-UE u li tħassar id-Deċiżjoni 96/409/CFSP

{SEC(2018) 263 final}
{SWD(2018) 272 final}
{SWD(2018) 273 final}


ANNESS I
Formola uniformi tal-ETD tal-UE

Il-formola uniformi tal-ETD tal-UE għandhom jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

1.Disinn u daqs

Il-formola tal-ETD tal-UE għandha tkun b’disinn mitwi fi tlieta (folja waħda stampata miż-żewġ naħat u mitwija f’terzi). Meta tkun mitwija, id-daqs tal-formola għandu jikkonforma mal-istandard ISO/IEC 7810 ID-3.

2.Il-paġna tal-faċċata

Il-paġna tal-faċċata tal-ETD tal-UE għandu jkun fih, f’din l-ordni, il-kliem “UNJONI EWROPEA” bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni u l-kliem “EMERGENCY TRAVEL DOCUMENT” u “TITRE DE VOYAGE PROVISOIRE”.

3.It-twaħħil tal-istiker tal-ETD tal-UE

L-istiker tal-ETD tal-UE għandha tkun imwaħħla mat-tieni paġna tal-formola uniformi tal-ETD tal-UE b’tali mod li ma tkunx tista’ tinqala’ faċilment. L-istiker għandha tkun allinjata u mwaħħla mat-tarf tal-paġna. Il-parti tal-istiker li tista’ tinqara mill-magni għandha tkun allinjata mat-tarf tal-paġna. It-timbru tal-awtoritajiet emittenti għandu jitqiegħed fit-taqsima “KUMMENTI” b’tali mod li jitqiegħed kemm fuq l-istiker kif ukoll fuq il-paġna.

4.It-tielet paġna

It-tielet paġna għandu jkun fiha traduzzjoni ta’ “Dokument Provviżorju tal-Ivvjaġġar” fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni ħlief l-Ingliż u l-Franċiż.

5.Viża ta’ tranżitu

Ir-raba’ u l-ħames paġna għandu jkollhom l-intestatura “TRANSIT VISA – VISA DE TRANSIT” u fil-bqija għandhom jitħallew vojta.

6.Timbri tad-dħul / tal-ħruġ

Is-sitt paġna għandu jkollha l-intestatura “ENTRY / EXIT STAMPS – CACHETS D’ENTRÉE / DE SORTIE” u fil-bqija għandha titħalla vojta.

7.In-numru tal-istiker tal-ETD tal-UE

Il-kodiċi tal-pajjiż bi tliet ittri tal-Istat Membru emittenti kif stipulat fid-Dokument 9303 tal-ICAO u n-numru nazzjonali tal-istiker tal-ETD tal-UE msemmi fil-punt 6 tal-Anness II għandhom ikunu stampati minn qabel fuq kull paġna tal-formola tal-ETD tal-UE.

8.Il-karta

L-ETDs tal-UE għandhom ikunu stampati fuq karta tas-sigurtà (bejn wieħed u ieħor 90 g/m2), mingħajr aġenti illuminanti, bl-użu ta’ marka tal-ilma standard “CHAIN WIRES” legalment protetta għall-fabbrikatur tad-dokument, b’żewġ fibri inviżibbli (blu u isfar, SSI/05) fluworexxenti taħt dawl ultravjola u reaġenti kontra t-tħassir kimiku.

9.Karatteristiċi addizzjonali ta’ sigurtà

Għandha tintuża’ t-teknoloġija tal-istampar segwenti:

(a)STAMPAR B’INTALL, recto inkluż it-test f’paġna 1, l-immaġni latenti u l-mikrostampar b’inka b’rifless ikħal;

(b)OFFSET, recto u verso, f’żewġ kuluri u IRIS;

(c)l-ewwel: test, b’rifless ikħal;

(d)it-tieni: sfond antiscanner b’ikħal ċar;

(e)it-tielet: sfond guilloche b’effett IRIS b’żewġ kuluri, aħdar u vjola, it-tieni wieħed bi fluworexxenza safra taħt dawl UV.

L-inka użata trid tkun reżistenti għall-ikkupjar u kull tentattiv li ssir kopja bil-kulur għandu jissarraf f’tibdil fil-kulur li faċilment wieħed jinduna bih. Barra minn hekk, minn tal-anqas kulur wieħed għandu jkun fih aġenti fluworexxenti. L-inka għandu jkun fiha wkoll reaġenti kontra t-tħassir kimiku.

10.Il-forom tal-istampar

Għandhom jintużaw forom tal-istampar bi sfond guilloche multikuluriti u pproċessati ddisinjati speċifikament għall-formola tal-ETD tal-UE b’mikrotipi integrati.

11.Il-ħżin tal-formoli vojta tal-ETD tal-UE

Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ falsifikazzjoni u kontrafazzjoni, l-Istati Membri kollha għandhom jiżguraw il-ħżin protett mis-serq tal-formoli vojta tal-ETD tal-UE.

ANNESS II
Stiker uniformi tal-ETD tal-UE

L-istiker uniformi tal-ETD tal-UE għandha tikkonforma mal-ispeċifikazzjonijiet segwenti:

Karatteristiċi tas-sigurtà

1.Għandu jkun fiha ritratt bil-kulur integrat ta’ wiċċ id-detentur, prodott bi standards ta’ sigurtà għolja. L-istampa tal-wiċċ għandha tkun dik użata għall-finijiet tal-Artikolu 4(2).

2.Għandu jkun fiha element ta’ identifikazzjoni diffrattiv ottikament varjabbli (“Kinegram” jew ekwivalenti). Skont l-angolu minn fejn wieħed iħares lejha, għandhom ikunu jidhru, f’diversi daqsijiet u kuluri, l-ittri “EU”, “EUE” u l-linji kinematiċi tat-tip guilloche.

3.Għandha tinkludi l-kodiċi tal-pajjiż bi tliet ittri kif stipulat fid-Dokument 9303 tal-ICAO dwar id-dokumenti tal-ivjaġġar tal-Istat Membru emittenti li jistgħu jinqraw mill-magni f’kolorazzjoni ottikament varjabbli. Skont l-angolu minn fejn wieħed iħares lejh, il-kodiċi tal-pajjiż għandu jidher f’diversi kuluri.

4.Dawn li ġejjin għandhom jidhru b’ittri kapitali:

(a)l-abbrevjazzjoni “EU ETD”; l-Istat Membru li jassisti jista’ jinkludi t-terminu ekwivalenti b’lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni;

(b)l-isem tal-Istat Membru li jassisti, bl-Ingliż, bil-Franċiż u b’lingwa uffiċjali oħra tal-Unjoni;

(c)il-kodiċi tal-pajjiż bi tliet ittri tal-Istat Membru li jassisti, kif stipulat fid-Dokument 9303 tal-ICAO.

5.Għandu jkun fiha n-numru nazzjonali b’disa’ figuri tal-istiker tal-ETD tal-UE f’orjentazzjoni orizzontali, stampat minn qabel bl-iswed. Għandu jintuża tip ta’ font speċjali.

6.Għandu jkun fiha n-numru nazzjonali b’disa’ figuri tal-istiker tal-ETD tal-UE f’orjentazzjoni vertikali, stampat minn qabel bl-aħmar. Għandu jintuża tip ta’ font speċjali, differenti minn dak użat fil-punt 5.

7.Għandu jkun fiha l-ittri “EU” b’effett ta” immaġni latenti. Dawk l-ittri għandhom jidhru skuri meta wieħed ixaqlibha ’l bogħod minnu u ċari meta mbagħad tixxaqleb b’90°.

8.Għandu jkun fiha l-kodiċi kif imsemmi fil-punt 3 b’effett ta’ immaġni latenti. Dak il-kodiċi għandu jidher skur meta wieħed ixaqlibha ’l bogħod minnu u ċar meta mbagħad tixxaqleb b’90°.

It-taqsimiet li jridu jimtlew

Id-deskrizzjoni tat-taqsimiet li jridu jimtlew għandha tidher bl-Ingliż u bil-Franċiż. L-Istat Membru emittenti jista’ jżid traduzzjoni b’lingwa oħra tal-Unjoni.

Id-dati għandhom jinkitbu kif ġej: żewġ figuri għan-numru tal-jum: l-ewwel figura tkun żero jekk il-jum inkwistjoni jkun b’figura waħda; żewġ figuri għax-xahar: l-ewwel figura tkun żero jekk ix-xahar inkwistjoni jkun b’figura waħda; żewġ figuri għas-sena, li jikkorrispondu għall-aħħar żewġ figuri tas-sena. Wara l-jum u x-xahar għandu jkun hemm sing. Pereżempju: 20-01-18 = l-20 ta’ Jannar 2018.

L-istiker uniformi tal-ETD tal-UE għandu jkun fiha t-taqsimiet segwenti li jridu jimtlew:

9.Taqsima li tibda bil-kliem “għal vjaġġ wieħed lejn” u l-kliem “li jgħaddi minn” għandu jidher ftit wara fl-istess linja. Hawnhekk l-awtorità emittenti għandha tindika l-pajjiż tad-destinazzjoni u kull pajjiż ta’ tranżitu li għaliha jinħareġ l-ETD tal-UE.

10.Taqsima li tibda bil-kliem “validu minn” u l-kelma “sa” għandha tidher ftit wara fl-istess linja. Hawnhekk l-awtorità emittenti għandha tindika l-perjodu ta’ validità tal-ETD tal-UE.

11.Taqsima li tibda bil-kliem “maħruġ minn”, li għandha tintuża biex tindika l-awtorità emittenti li toħroġ l-ETD tal-UE u l-post fejn din tinsab. Ftit wara fl-istess linja għandha tidher il-kelma “fi”, li warajha għandha titniżżel id-data tal-ħruġ mill-awtorità emittenti.

12.Taqsima li tibda bil-kliem “Kunjom, Isem”. Ftit wara fl-istess linja għandha tidher il-kelma “Nazzjonalità”.

13.Taqsima li tibda bil-kliem “Data tat-twelid”. Ftit wara fl-istess linja għandu jidher il-kliem “Post tat-twelid”.

14.Taqsima li tibda bil-kelma “kummenti”. L-ispazju taħt il-kelma “kummenti” għandu jintuża mill-awtorità emittenti sabiex tindika kull informazzjoni neċessarja oħra, pereżempju t-tip u n-numru tad-dokument sostitwit.

Informazzjoni li tista’ tinqara mill-magni

15.L-istiker tal-ETD tal-UE għandu jkun fiha l-informazzjoni rilevanti li tista’ tinqara mill-magni biex tiffaċilita l-kontrolli fil-fruntieri esterni. Il-parti li tista’ tinqara mill-magni għandu jkun fiha test stampat fl-istampar tal-isfond viżibbli bil-kliem “Unjoni Ewropea” bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Dan it-test ma għandux jaffettwa l-karatteristiċi tekniċi tal-parti li tista’ tinqara mill-magni jew il-fakultà li din tkun tista’ tinqara.

16.Għandu jitħalla spazju għall-possibbiltà li tiżdied barcode 2D komuni.