Brussell, 24.5.2018

COM(2018) 355 final

2018/0180(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 dwar parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u parametri referenzjarji b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2018) 257 final}
{SWD(2018) 264 final}
{SWD(2018) 265 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Din il-proposta hija parti minn inizjattiva usa’ tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli. Hija tqiegħed il-pedament għal qafas tal-UE li jpoġġi l-kunsiderazzjonijiet Ambjentali, Soċjali u ta’ Governanza (ESG, (Environmental, Social and Governance)) fil-qalba tas-sistema finanzjarja biex tiġi appoġġjata t-trasformazzjoni tal-ekonomija Ewropea f’sistema aktar ambjentalment konxja, aktar reżiljenti u ċirkolari. Biex l-investimenti jkunu aktar sostenibbli jenħtieġ li jiġu kkunsidrati l-fatturi ESG fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ investiment li jagħmel l-investimenti aktar sostenibbli, filwaqt li jitqiesu l-emissjonijiet tal-gass, it-tnaqqis tar-riżorsi, jew il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Din il-proposta u l-atti leġislattivi proposti flimkien magħhom jimmiraw lejn l-integrazzjoni tal-konsiderazzjonijiet tal-ESG fil-proċess konsultattiv u ta’ investiment b’mod konsistenti tul is-setturi. Dan għandu jiżgura li l-parteċipanti kollha tas-suq finanzjarju (il-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS, l-AIFMs, l-impriżi tal-assigurazzjoni, l-IORPs, il-maniġers tal-EuVECA u l-maniġers tal-EuSEF), id-distributuri tal-assigurazzjoni jew konsulenti dwar l-investiment, li jirċievu mandat mingħand il-klijenti tagħhom jew mingħand il-benefiċjarji biex jieħdu deċiżjonijiet ta’ investiment f’isimhom, jintegraw il-konsiderazzjonijiet tal-ESG fil-proċessi interni tagħhom u jinfurmaw lill-klijenti tagħhom dwar dan. Barra minn hekk, sabiex l-investituri jkunu jistgħu jipparagunaw l-impronta tal-karbonju tal-investimenti, il-proposti jintroduċu kategoriji ġodda ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju u parametri referenżjarji b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv. Dawn il-proposti, li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku, għandhom jiffaċilitaw l-investimenti fi proġetti u assi sostenibbili madwar l-UE.

Il-pakkett tal-Kummissjoni jsegwi sforzi globali lejn ekonomija aktar sostenibbli. Gvernijiet madwar id-dinja għażlu triq iktar sostenibbli għall-pjaneta u għall-ekonomija tagħna billi adottaw il-ftehim ta’ Pariġi tal-2016 dwar it-tibdil fil-klima u l-Aġenda tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli..

L-UE hija impenjata favur żvilupp li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-preżent u li ma jxekkilx il-ħila tal-ġenerazzjonijiet futuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom. Is-sostenibbiltà ilha żmien twil fil-qalba tal-proġett Ewropew. It-Trattati tal-UE jagħrfu d-dimensjonijiet soċjali u ambjentali tagħha li jenħtieġ li jiġu indirizzati flimkien.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2016 dwar il-passi li jmiss għal futur Ewropew sostenibbli  torbot l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDGs) 1 tal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli mal-qafas tal-politika Ewropea biex tiżgura li l-azzjonijiet tal-UE u l-inizjattiva ta’ politika kollha fl-UE u globalment iqisu l-SDGs mill-bidu nett. L-UE hija wkoll impenjata bis-sħiħ biex tilħaq il-miri dwar il-klima u l-enerġija tal-UE 2030 u biex tintegra l-iżvilupp sostenibbli fil-politiki tal-UE, kif imħabbar fil-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea 2 tal-2014 ta’ Jean-Claude Juncker. Għalhekk, ħafna mil-prijoritajiet politiċi tal-Kummissjoni Ewropea għall-2014-2020 jikkontribwixxu għall-objettivi tal-UE dwar il-klima u jimplimentaw l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. Dawn jinkludu l-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa 3 , il-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari 4 , il-pakkett dwar l-Unjoni tal-Enerġija 5 , l-Aġġornament tal-Istrateġija tal-UE dwar il-Bioekonomika 6 , l-Unjoni tas-Swieq Kapitali 7  u l-baġit tal-UE għall-2014-2020, inkluż il-fond ta’ Koeżjoni u l-proġetti ta’ riċerka. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet pjattaforma ta’ ħafna partijiet ikkonċernati biex isegwu u jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar l-implimentazzjoni tal-SDG.

Il-kisba tal-għanijiet ta’ sostenibbiltà tal-UE teħtieġ investimenti importanti. Fil-qasam tal-klima u tal-enerġija biss, huwa stmat li investiment annwali addizzjonali ta’ EUR 180 biljun huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-miri tal-klima u tal-enerġija sal-2030 8 . Parti sostanzjali ta’ dawn il-flussi finanzjarji se jkollha tiġi mis-settur privat. L-għeluq ta’ din id-diskrepanza fl-investiment ifisser b’mod sinifikanti l-orjentazzjoni mill-ġdid ta’ flussi ta’ kapital privat lejn investimenti aktar sostenibbli u jeħtieġ reviżjoni komprensiva tal-qafas finanzjarju Ewropew.

F’dan il-kuntest, f’Diċembru 2016, il-Kummissjoni stabbilixxiet Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli (High-Level Expert Group, HLEG) biex tiġi żviluppata strateġija komprensiva tal-UE dwar il-finanzjament sostenibbli. L-HLEG ppubblika r-rapport finali tiegħu 9 fil-31 ta’ Jannar 2018. Dan ir-rapport ipprovda viżjoni komprensiva dwar il-finanzi sostenibbli għall-Ewropa u identifika żewġ ħtiġijiet għas-sistema finanzjarja tal-Ewropa. L-ewwel ħtieġa hija t-titjib tal-kontribuzzjoni ta’ finanzi għal tkabbir sostenibbli u inklużiv. It-tieni hija t-tisħiħ tal-istabbiltà finanzjarja permezz tal-inkorporazzjoni tal-fatturi ESG fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment. L-HLEG ħareġ tmien rakkomandazzjonijiet ewlenin, li hu jemmen huma l-elementi essenzjali ta’ sistema finanzjarja Ewropea sostenibbli. Fost dawn ir-rakkomandazzjonijiet, l-HLEG jikkunsidra li  l-fornituri tal-indiċijiet għandhom jintalbu jiddivulgaw id-dettalji ta’ esponiment tal-indiċijiet għal parametri sostenibbli bbażati fuq it-titoli inklużi fl-indiċijiet u fil-ponderazzjoni tagħhom. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-ESMA tinkludi referenzi għal konsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fil-gwida tagħha dwar id-“Dikjarazzjoni dwar il-Parametru Referenzjarju” li għandhom jindikaw b’mod ċar kif il-konsiderazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà (ESG), inkluża t-tranżizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju, huma riflessi fil-metodoloġija tal-parametru referenzjarju.

L-HLEG ġibed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-indiċijiet u l-parametri referenzjarji għandhom impatt indirett iżda importanti fuq l-investimenti. Ħafna investituri jiddipendu fuq parametri referenzjarji, b’mod partikolari fl-allokazzjoni tal-portafoll u biex titkejjel il-prestazzjoni ta’ prodotti finanzjarji. Filwaqt li l-fornituri tal-indiċijiet żviluppaw firxa wiesgħa ta’ indiċijiet immirata lejn il-ġbir tal-kunsiderazzjonijiet dwar il-klima u s-sostenibbiltà, is-sinifikat tagħhom f’allokazzjoni ta’ portafoll globali jibqa’ limitat.

Biex issegwi l-ħidma tal-HLEG u sabiex tikkontribwixxi għal sforzi usa’ biex torbot il-finanzi mal-ħtiġijiet tal-pjaneta u tas-soċjetà, il-Kummissjoni ppubblikat Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli 10  fit-8 ta’ Marzu 2018. F’dan il-Pjan ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni ħabbret  il-miżuri futuri  biex titjieb it-trasparenza tal-ESG tal-parametri referenzjarji kif ukoll inizjattiva biex tippreżenta standards għall-metodoloġija ta’ karbonju b’parametri referenzjarji baxxi fl-Unjoni.

L-istandards komuni għal parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju jfittxu li jindirizzaw ir-riskju tal-“greenwashing”, li skontu l-indiċijiet kollha b’livell baxx ta’ karbonju qed jiġu promossi b’mod ugwali bħala ambjentalment rilevanti minkejja li għandhom karatteristiċi differenti. Barra minn hekk, il-livelli differenti ta’ trasparenza fil-metodoloġija tal-ESG jagħmluha diffiċli għall-atturi tas-suq biex jitqabblu l-indiċijiet biex jintgħażlu parametri referenzjarji xierqa għall-istrateġija ta’ investiment tagħhom.

Sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet identifikati, din il-proposta tippreżenta emenda għar-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji. Huwa jistabbilixxi żewġ kategoriji ta’ parametri referenzjarji: (i) parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u (ii) parametri referenzjarji b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta se temenda r-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji billi jiġu introdotti regoli li jistabbilixxu u jirregolaw il-provvista ta’ parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv. Hija konsistenti mal-objettiv tar-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji, li jfittex li jiżgura li l-parametri referenzjarji jiżguraw rappreżentazzjoni preċiża u affidabbli tar-realtajiet ekonomiċi, u li jkunu jistgħu jinftiehmu faċilment mill-partijiet ikkonċernati kollha, u b’hekk tappoġġa livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur u għall-investitur. Il-proposta tintroduċi aktar rekwiżiti li jagħmlu l-metodoloġija ta’ kategoriji ġodda ta’ parametri referenzjarji aktar trasparenti, biex b’hekk ikunu aktar komparabbli u jippermettu teħid ta’ deċiżjonijiet aħjar mill-maniġers tal-portafolji.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta tikkumplimenta l-politiki ambjentali u klimatiċi eżistenti tal-UE billi ttejjeb it-trasparenza tal-ESG tal-metodoloġiji tal-parametri referenzjarji u billi tintroduċi regoli armonizzati għal parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju li għandhom iwasslu għal orjentazzjoni aktar effiċjenti ta’ investiment lejn attività sostenibbli.

Din il-proposta hija parti minn pakkett ta’ miżuri dwar finanzi sostenibbli li hija azzjoni prijoritarja skont il-proġett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Fiha miżuri biex jiġi sfruttat il-poter trasformattiv tat-teknoloġija finanzjarja u biex il-kapital privat jiġi dirett aktar lejn investiment sostenibbli. Hija tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ swieq kapitali aktar integrati billi tagħmilha aktar faċli għall-investituri li jibbenefikaw mis-suq uniku filwaqt li jieħdu deċiżjonijiet informati.

Din il-proposta hija wkoll parti minn strateġija tal-UE aktar komprensiva biex twettaq l-aġenda tal-UE dwar l-iżvilupp tal-klima u l-iżvilupp sostenibbli u tħaddan l-għanijiet tal-Unjoni dwar l-enerġija u l-klima għall-2014-2020, bħall-Politika dwar l-Arja Nadifa, il-Pakkett dwar l-Ekonomija Ċirkolari, l-Istrateġija tal-Unjoni dwar l-Enerġija, inklużi l-Pakkett għall-Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha u l-Istrateġija tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima.

Din il-proposta hija konsistenti mar-rieżami tas-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja 11 li jipprevedi li l-Awtorità Bankarja Ewropea, 12 l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol 13 u l-Awtorità Ewropea dwar it-Titoli u s-Swieq 14   iqisu r-riskji marbuta ma’ fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza meta jwettqu l-kompiti tagħhom b’tali mod li l-attivitajiet fis-swieq finanzjarji jkunu aktar konsistenti ma’ objettivi sostenibbli. Fl-aħħar nett, din il-proposta hija konsistenti mal-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew (pan-European Personal Pension Product, PEPP) li tipprevedi wkoll bosta divulgazzjoni fir-rigward ta’ fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza 15 .

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill il-kompetenza li jadottaw miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-oġġett tagħhom l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern. L-Artikolu 114 tat-TFUE jippermetti lill-UE tieħu miżuri mhux biss biex jiġu eliminati l-ostakli attwali għall-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali iżda wkoll biex jiġi evitat li ostakli bħal dawn jiżviluppaw, inklużi dawk li jagħmluha diffiċli għall-operaturi ekonomiċi, inklużi l-investituri, biex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-benefiċċji tas-suq intern.

In-nuqqas ta’ regoli armonizzati tal-UE b’livell baxx ta’ karbonju ħoloq standards diverġenti għal dawn il-parametri referenzjarji, li potenzjalment iwassal għal konfużjoni għall-investituri u għażla subottimali ta’ indiċijiet biex titkejjel il-prestazzjoni ta’ fondi u prodotti b’livell baxx ta’ karbonju. L-Artikolu 114 tat-TFUE jagħti lill-UE d-dritt li taġixxi sabiex (i) tiżgura l-funzjonament tas-suq intern fir-rigward ta’ indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju li jintużaw biex titkejjel il-prestazzjoni ta’ portafolji ta’ investiment ta’ livell baxx ta’ karbonju, (ii) tnaqqas l-ostakoli għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, u (iii) tiffaċilita l-investimenti transfruntiera f’attivitajiet sostenibbli fl-Unjoni kollha.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarja stipulat fl-Artikoli 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jirrikjedi li l-Unjoni tieħu azzjoni biss jekk u sakemm l-objettivi tal-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u għalhekk ikunu jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jinkisbu aħjar mill-Unjoni.

Filwaqt li xi parametri referenzjarji huma nazzjonali, l-użu ta’ parametri referenzjarji f’kuntratti u prodotti finanzjarji huwa ta’ spiss ta’ natura transfruntiera. Filwaqt li l-azzjoni f’livell nazzjonali rigward indiċi tista’ tgħin biex tiżgura li din tkun imfassla b’mod xieraq għall-kunsiderazzjonijiet speċifiċi nazzjonali, jista’ jkun li ma tilħaqx id-dimensjoni transfruntiera u dan jista’ jwassal għal geġwiġija ta’ regoli diverġenti, li joħolqu kundizzjonijiet żbilanċjati fis-suq uniku u li jirriżultaw f’approċċ inkonsistenti madwar l-UE. Azzjoni f’livell nazzjonali tkun ukoll inkonsistenti mal-objettivi tar-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji li għandu l-għan li jarmonizza r-regoli li jirregolaw il-produzzjoni u l-użu tal-parametri referenzjarji madwar l-Unjoni kollha. Din il-problema ġiet rikonoxxuta mill-G20 u l-FSB li qabbdu lill-IOSCO tipproduċi sett globali ta’ prinċipji li japplikaw għall-parametri referenzjarji finanzjarji. Emenda tar-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji tgħin biex jissaħħaħ is-suq uniku billi ttejjeb il-qafas komuni għal parametri referenzjarji affidabbli u użati kif xieraq fl-Istati Membri differenti.

Proporzjonalità

L-emenda proposta għar-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji hija proporzjonata, kif mitlub mill-Artikolu 5(4) tat-TUE. Hija timmira lejn dawk l-indiċijiet li jinkludu kunsiderazzjonijiet dwar is-sostenibbiltà, b’mod partikolari indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju. Huma biss dawk il-fornituri li se jkunu affettwati minn din il-proposta.

Il-proposta ssegwi approċċ proporzjonat billi jiġi żgurat li obbligi ġodda jiġu imposti fuq l-amministraturi tal-parametri referenzjarji li diġà huma soġġetti għal rekwiżiti simili skont ir-Regolament dwar il-Parametri referenzjarji. Jenħtieġ għalhekk li l-piż amministrattiv ma jiżdiedx b’mod sproporzjonat. Barra minn hekk, f’xi każijiet jista’ saħansitra jnaqqas il-piż tal-amministraturi ta’ parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju billi l-proposta tippreżenta regoli ċari u armonizzati għal parametri referenzjarji bħal dawn, u b’hekk possibbilment tnaqqas l-ispejjeż biex jiġu żviluppati l-politiki interni.

Għażla tal-istrument

Emenda għar-Regolament dwar il-Parametri referenzjarji hija l-aktar strument legali xieraq biex jiġu introdotti regoli ta’ divulgazzjoni tal-ESG kif ukoll standards minimi armonizzati għal parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju madwar l-Unjoni, minħabba n-natura transfruntiera ta’ ħafna parametri referenzjarji. L-użu ta’ Regolament, li huwa applikabbli direttament mingħajr il-ħtieġa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, jirrestrinġi l-possibilità li jittieħdu miżuri diverġenti mill-awtoritajiet kompetenti fil-livell nazzjonali, u jiżgura approċċ konsistenti u ċertezza tad-dritt akbar madwar l-UE kollha.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-HLEG ġie stabbilit f’Diċembru 2016 biex jgħin fl-iżvilupp ta’ strateġija tal-UE dwar il-Finanzi Sostenibbli permezz ta’ rakkomandazzjonijiet: huwa ppubblika rapport interim "Financing a Sustainable European Economy” (Il-Finanzjament ta’ Ekonomija Ewropea Sostenibbli) f’nofs Lulju 2017 u ppreżenta r-rapport f’avveniment tal-partijiet ikkonċernati fit-18 ta’ Lulju 2017, segwit minn kwestjonarju ta’ konsultazzjoni. Ġiet ippubblikata dikjarazzjoni ta’ feedback flimkien mar-rapport finali tal-HLEG dwar il-Finanzjament ta’ Ekonomija Ewropea Sostenibbli fil-31 ta’ Jannar 2018. Id-dikjarazzjoni ta’ feedback tiġbor fil-qosor it-tweġibiet tar-rispondenti, b’mod partikolari rigward ir-rwol tal-parametri referenzjarji tal-ESG.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonsultat xi partijiet ikkonċernati dwar i) il-ħtieġa għall-armonizzazzjoni ta’ standards għal metodoloġiji fil-livell Ewropew; ii) ostakli għall-użu ta’ indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju; u iii) l-elementi ewlenin li għandhom jiġu inklużi f’metodoloġija għal parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju. L-opinjonijiet tal-partijiet ikkonċernati nġabru fil-qosor hawn taħt.

Intervisti fil-mira mal-partijiet ikkonċernati

Ġie intervistat grupp varjat ta’ partijiet ikkonċernati, li jinkludi r-rispondenti mill-ġestjoni tal-assi, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji, l-infrastruttura tas-suq, is-settur bankarju u r-rappreżentanza/gruppi ta’ riflessjoni.

L-intervisti wrew li l-maniġers tal-assi ġeneralment jużaw żewġ tipi ta’ indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju: l-indiċi b’livell baxx ta’ karbonju “mainstream” (konvenzjonali) u dak “pure-play” (esklużiv). Il-maniġers tal-assi jħarsu lejn l-indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju bħala għodda għall-ġestjoni tar-riskju ta’ intervent regolatorju futur possibbli li tista’ twassal għal assi “mhux irkuprabbli”. Fil-parti l-kbira dawn jiffukaw fuq l-indiċijiet “dekarbonizzati”. Dawn l-indiċijiet huma interpretati fuq il-bażi ta’ standard jew parametru referenzjarju “prinċipali”, filwaqt li jitneħħew jew jiġu ppenalizzati l-kumpaniji b’impronta tal-karbonju relattivament għolja. 

Il-fornituri ta’ indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju jimmiraw li jnaqqsu l-impronta tal-karbonju globali tal-portafoll sottostanti meta mqabbla mal-indiċijiet standard li ġeneralment japplikaw ponderazzjoni bbażata fuq il-kapitalizzazzjoni tas-suq. Pereżempju, huma jistgħu jimmiraw għal tnaqqis ta’ 40 % fl-impronta tal-karbonju meta mqabbel mal-indiċi standard jew “prinċipali”. Il-fornituri tal-indiċijiet “esklużivi” jargumentaw li dawn l-indiċijiet konvenzjonali “dekarbonizzati” mhumiex allinjati mal-objettivi ta’ 2C° tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima; huma jirrakkomandaw metodoloġija iktar stretta għall-għażla ta’ komponenti ta’ parametri referenzjarji, bħalma huwa l-proporzjon tal-impatt tal-karbonju. 

L-intervisti kixfu wkoll differenzi sinifikanti fil-mod kif il-fornituri tal-indiċijiet ikejlu l-impronta tal-karbonju. Il-parti l-kbira tal-fornituri ta’ indiċijiet konvenzjonali għandhom tendenza li jħarsu lejn l-emissjonijiet tal-karbonju kkawżati direttament mill-attivitajiet ta’ produzzjoni ta’ kumpanija (“l-emissjonijiet tal-ambitu 1”) u l-emissjonijiet indiretti ġġenerati mill-forniment ta’ materja prima jew ta’ “inputs” oħra akkwistati mill-kumpanija upstream sabiex jipproduċu l-prodotti tagħhom jew iwasslu s-servizzi tagħhom (“l-emissjonijiet tal-ambitu 2”). Ir-rappreżentanti tal-fornituri tal-indiċijiet “esklużivi” jemmnu, madankollu, li dan l-approċċ mhuwiex biżżejjed biex jirrifletti l-impronta tal-karbonju tal-kumpanija billi l-emissjonijiet ikkawżati mill-klijenti ta’ kumpanija huma kompletament injorati (“l-emissjonijiet tal-ambitu 3”).

Kwestjonarju

Il-maniġers tal-assi, l-kumpaniji ta’ riassigurazzjoni, il-fornituri tal-parametri referenzjarji u assoċjazzjoni bankarja waħda wieġbu għall-mistoqsijiet dwar l-utilità ta’ standards armonizzati rigward il-metodoloġija għal indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju.

Ir-rispondenti ddikjaraw li ma jużawx indiċi b’livell baxx ta’ karbonju minħabba li: (i) il-metodoloġiji attwali ma jirriflettux is-sorsi kollha tal-emissjonijiet tal-karbonju; (ii) il-klijenti tagħhom (l-investituri) m’għandhomx fiduċja fil-metodoloġija użata minn indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju disponibbli; u (iii) hemm nuqqas ta’ indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju li jirriflettu l-approċċ u l-istil tal-investimenti tagħhom.

Ir-rispondenti osservaw li hemm mertu fl-iżvilupp ta’ standards armonizzati għall-metodoloġija tal-indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju fil-livell tal-UE u enfasizzaw l-importanza ta’ data affidabbli dwar emissjonijiet indiretti tal-karbonju mill-utenti jew mill-fornituri ta’ kumpanija.

Meta ġew mistoqsija x’jenħtieġ li jkunu l-karatteristiċi ewlenin tal-indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju, il-maġġoranza tar-rispondenti osservat li l-emissjonijiet tal-ambitu 3 jenħtieġ li jkunu inklużi fil-valutazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju. Xi rispondenti nnutaw li l-metodoloġija ta’ indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju jenħtieġ li tkun allinjata mat-tassonomija futura potenzjali tal-UE. Madankollu, xi rispondenti oħra kienu xettiċi dwar l-iżvilupp ta’ metodoloġija armonizzata fil-livell tal-UE, semmew tħassib dwar id-data disponibbli, ir-rabta mhux ċara bejn l-impronta tal-karbonju u r-riskji ambjentali b’impatt finanzjarju (eż. ir-riskju ta’ tranżizzjoni), u n-natura retrospettiva ta’ bosta metodi.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-proposta hija mibnija fuq ir-rapport tal-HLEG dwar finanzi sostenibbli li jissuġġerixxi li jittieħdu passi biex titjieb it-trasparenza u l-gwida tal-parametri referenzji tas-suq finanzjarju. Din il-proposta tqis b’attenzjoni wkoll l-allinjament ma’ rakkomandazzjonijiet tal-HLEG oħra, bħad-divulgazzjoni u t-tassonomija ta’ dak kollu li huwa meqjus bħala sostenibbli.

Il-proposta tibni wkoll fuq l-istudju Defining 'green' in the context of green finance (Niddefinixxu dak li jitqies bħala “ekoloġiku” fil-kuntest tal-finanzjament ekoloġiku) ikkummissjonat mill-Kummissjoni fl-2017. Dan l-istudju jippreżenta:

·ħarsa ġenerali u analiżi tal-isforzi madwar id-dinja f’dak li għandu x’jaqsam mad-definizzjoni tal-kelma “aħdar/ħadra” għal bonds, self u strumenti ta’ kapital ħodor;

·il-mezzi u l-kamp ta’ applikazzjoni għall-identifikazzjoni ta’ assi u attivitajiet ħodor permezz ta’ definizzjonijiet kunċettwali, tassonomiji, metodoloġiji tal-klassifikazzjonijiet u mekkaniżmi oħra u l-ħtieġa li dawn jiġu riflessi fil-metodoloġiji użati biex jinħolqu parametri referenzjarji u fondi ħodor, u

·paragun mad-differenzi kbar fil-metodoloġiji sottostanti tal-ekwità ħadra u tal-indiċijiet tal-bonds ħodor

Għall-preparazzjoni ta’ atti delegati li jfasslu l-parametri tal-metodoloġija għall-għażla tal-assi sottostanti għall-indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv, il-Kummissjoni se toqgħod fuq parir tal-grupp ta’ esperti tekniċi dwar finanzjament sostenibbli stabbilit mill-Kummissjoni.

Valutazzjoni tal-impatt

B’konformità mal-politika tar-Regolamentazzjoni Aħjar, il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni tal-impatt tal-alternattivi ta’ politika.

L-alternattivi ġenerali ta’ politika eżaminati fil-valutazzjoni tal-impatt kienu jikkonsistu mill-għażliet li ġejjin:

(1)ebda azzjoni min-naħa tal-UE (Għażla 1);

(2)titjib fit-trasparenza tal-metodoloġija u l-istabbiliment ta’ standards minimi għal indiċijiet “dekarbonizzati” jew “b’livell baxx ta’ karbonju 16 ” - approċċ ġeneralista b’armonizzazzjoni minima (Għażla 2);

(3)regoli armonizzati tal-UE għal indiċijiet “esklużivi” b’livell baxx ta’ karbonju jew b’“livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv” li jallinjaw mal-objettiv ta’ 2°C - approċċ speċjalizzat bi ktieb tar-regoli dettaljat (Għażla 3);

(4)standards minimi għall-armonizzazzjoni tal-metodoloġija li għandha tiġi applikata għal indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju” u indiċijiet b’“livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv” (għażla 4, għażla sekondarja a) jew regoli tal-UE armonizzati għal tipi differenti ta’ indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju - approċċ regolatorju komprensiv (Għażla 4, għażla sekondarja b)

Taħt l-għażla 1, il-frammentazzjoni tas-suq, x’aktarx li tkompli tiżdied matul iż-żmien, filwaqt li l-kostijiet ta’ tiftix relatati għall-investituri jibqgħu għoljin. Investituri li jixtiequ jinvestu b’impatt reali f’assi allinjati mal-objettiv ta’ 2 °C, xorta ma għandhomx l-għodod xierqa (parametri referenzjarji) biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni ta’ fondi/portafoll tagħhom b’livell baxx ta’ karbonju. In-nuqqas ta’ armonizzazzjoni tal-metodoloġiji ta’ indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju se jkompli jaffettwa l-komparabbiltà u r-rilevanza tagħhom. Barra minn hekk, dan mhux se jkun ta’ inċentiv għall-kumpaniji biex jallinjaw l-istrateġiji korporattivi tagħhom mal-għanijiet klimatiċi.

L-Għażla 2 ittejjeb it-trasparenza tal-metodoloġija tal-parametru referenzjarju u tallinja xi elementi tagħha. Taħt din l-għażla, l-investituri jiġu pprovduti b’dettalji dwar l-integrazzjoni ta’ parametri relatati mal-klima, id-deskrizzjoni tal-komponenti tal-parametru referenzjarju, u l-kriterji użati għall-għażla u l-ponderazzjoni tagħhom. Din l-għażla tkun relattivament sempliċi għall-amministraturi ta’ parametri referenzjarji biex jadottawha, u relattivament kosteffiċjenti, peress li din tkun teħtieġ biss li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jikkonformaw mal-istandards minimi fil-metodoloġija tagħhom u li tingħatalhom ċerta flessibbiltà biex iżidu elementi/kriterji oħra. Madankollu, din il-metodoloġija armonizzata tkun tapplika biss għal segment ta’ indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju li ma għandhomx l-għan li jallinjaw mal-objettiv ta’ 2o C, u għalhekk ma tagħtix kontribut sinifikanti fil-politiki ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima billi tipprovdi ċarezza fil-livell tal-UE dwar x’inhuma assi/investimenti sostenibbli. Għalhekk din l-għażla mhijiex allinjata mal-kisba sħiħa tal-għanijiet ta’ sostenibbiltà tal-UE.

Skont l-għażla 3, il-Kummissjoni toħloq sensiela ta’ regoli armonizzati li jkopru l-indiċijiet esklużivi b’impatt baxx ta’ karbonju jew b’livell ta’ karbonju “b’impatt pożittiv 17 ”. Dawn l-indiċijiet jippermettu lill-maniġers tal-assi/lill-investituri istituzzjonali li jsegwu/jivvalutaw b’mod xieraq il-prestazzjoni tal-fondi tagħhom magħżula f’konformità mal-objettiv ta’ 2oC tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima u juri konformità ma’ din l-istrateġija ta’ investiment lill-klijenti/benefiċjarji tagħhom. Il-metodoloġija, b’kuntrast mal-għażla 2, tippermetti l-inklużjoni tal-assi ta’ dawk il-kumpaniji li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet, għalhekk, jidderieġu iktar flussi ta’ investimenti lejn tali emittenti 18 . Madankollu, l-indiċijiet “esklużivi” b’livell baxx ta’ karbonju jistgħu jikkonċentraw l-investimenti f’ċerti setturi biss u ma jitqisux bħala adattati għall-bini ta’ portafoll ta’ ekwità ewlieni minn grupp kbir ta’ partijiet ikkonċernati, u dan jirriżulta f’riskju ta’ użu limitat fis-suq tal-parametri referenzjarji.

L-għażla 4, tipprevedi l-introduzzjoni ta’ regoli armonizzati għal (1) verżjonijiet ta’ indiċijiet standard “dekarbonizzati” jew “b’livell baxx ta’ karbonju” u (2) indiċijiet “esklużivi” b’livell baxx ta’ karbonju jew indiċjiet b’livell ta’ karbonju b’“impatt pożittiv”. Għalhekk, din l-għażla tapplika għal firxa usa’ ta’ indiċijiet milli l-għażliet 2 jew 3. Din tippermetti lill-investituri istituzzjonali u lill-maniġers tal-assi biex isegwu/jivvalutaw b’mod xieraq il-prestazzjoni ta’ aktar tipi ta’ fondi b’livell baxx ta’ karbonju u tipprovdi għażla relattivament kbira ta’ għodod biex juru l-konformità tagħhom mal-preferenzi tal-klijenti tagħhom b’livell baxx ta’ karbonju.

Din l-għażla ġiet analizzata taħt żewġ għażliet sekondarji.

Għażla sekondarja 4a (l-għażla ppreferuta) skont l-approċċ stabbilit f’din l-għażla sekondarja, il-qafas il-ġdid jintroduċi standards minimi għall-armonizzazzjoni tal-metodoloġija li għandha tiġi applikata għal indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju u għal indiċijiet “b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv”. Din l-għażla tistabbilixxi ċerti elementi minimi ewlenin tal-metodoloġija użata biex jiġu ddeterminati l-parametri referenzjarji dekarbonizzati u l-parametri referenzjarji “b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv”, billi tipprovdi standards dwar il-kriterji u l-metodi użati għall-għażla u l-ponderazzjoni tal-assi sottostanti tal-parametru referenzjarju, u biex tiġi kkalkulata l-impronta tal-karbonju u l-iffrankar tal-karbonju assoċjat mal-assi sottostanti, bl-użu ta’ metodoloġiji Ewropej eżistenti approvati mill-Kummissjoni u li jintużaw l-aktar mill-kumpaniji biex jikkalkulaw il-prestazzjoni ambjentali tagħhom bħalma huma l-Impronta Ambjentali tal-Prodott (PEF) u l-Impronta Ambjentali tal-Organizzazzjoni (OEF) 19 .

Għażla sekondarja 4b: din tintroduċi arranġamenti għal armonizzazzjoni massima, meta l-metodoloġija taż-żewġ kategoriji ġodda ta’ parametri referenzjarji jkunu armonizzati b’mod sħiħ abbażi ta’ sett ta’ regoli komprensivi u dettaljati pprovduti fil-Livell 1 u speċifikati aktar b’ rekwiżiti dettaljati fil-Livell 2. Dawn ir-regoli jistabbilixxu kriterji dettaljati għall-għażla u għall-ponderazzjoni tal-assi sottostanti tal-parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv. Dan l-approċċ jippermetti livell għoli ta’ komparabilità tal-metodoloġiji tal-kategoriji ġodda ta’ parametri referenzjarji. Madankollu, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jkollhom nuqqas ta’ ċerta flessibbiltà fit-tfassil tal-metodoloġija tagħhom u jġarrbu kostijiet sinifikanti ta’ konformità mar-rekwiżiti stretti ġodda stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-UE.

Fl-għażla sekondarja 4a, billi l-investituri jgawdu livell ftit iktar baxx ta’ komparabbiltà fil-metodoloġijia tal-parametri referenzjarji, titħalla flessibbiltà sinifikanti f’idejn l-amministraturi tal-parametri referenzjarji fit-tfassil tal-formula għall-kalkolu tal-metodoloġija tagħhom. B’mod aktar ġenerali, dan l-approċċ għandu jippermetti spazju għall-atturi tas-suq biex jiżviluppaw strateġiji ġodda għall-indirizzar tat-tħassib ambjentali. Barra minn hekk, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji se jġarrbu kostijiet żgħar biex jadattaw il-metodoloġiji stabbiliti proprji tagħhom għall-istandards minimi stipulati mil-leġiżlazzjoni tal-UE.

Din l-għażla sekondarja hija kompatibbli wkoll ma’ proposti oħra tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ finanzi sostenibbli 20 , peress li din tikkontribwixxi għat-titjib fil-kwalità ta’ informazzjoni pprovduta minn maniġers tal-assi lill-investituri aħħarija skont l-objettiv ta’ investiment. B’mod simili għall-għażla 3, l-għażla sekondarja 4a tista’ wkoll tgħaddi aktar investimenti lil kumpaniji minn setturi b’kontenut għoli ta’ karbonju li jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-tnaqqis tal-emissjonijiet. Madankollu, jeżistu diversi sfidi relatati ma’ din l-għażla: i) id-data disponibbli mhijiex stabbli u normalment ma tkunx kompluta; ii) it-tqabbil tal-emissjonijiet tal-karbonju ta’ kumpaniji minn setturi differenti jista’ jkun kumpless; u iii) hemm riskju potenzjali li l-istabbiliment ta’ metodoloġiji armonizzati jista’ jfixkel l-innovazzjoni.

Il-Kummissjoni tipprevedi dawn l-impatti tal-għażla preferuta f’termini ekonomiċi, ambjentali u soċjali:

F’termini ta’ impatti ekonomiċi, l-istandards armonizzati tal-UE għal metodoloġiji trasparenti b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv, flimkien ma’ aktar divulgazzjonijiet dettaljati tal-ESG għal parametri referenzjarji oħra, ikollhom l-impatt li ġej: (i) inaqqsu l-assimetrija tal-informazzjoni bejn l-investituri u l-fornituri tal-indiċijiet, billi l-maniġers tal-assi u l-maniġers tal-portafolli jkollhom l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jagħżlu indiċi b’livell baxx ta’ karbonju b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittivi li jirrifletti l-istil ta’ investiment tagħhom; (ii) inaqqsu l-frammentazzjoni attwali tas-suq peress li l-metodoloġiji għall-indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju għadhom ma ġewx standardizzati; u (iii) jtejbu l-kwalità u l-komparabbiltà tal-informazzjoni marbuta mal-klima divulgata minn kumpaniji korporattivi, li issa se jiġu inċentivati li jiddivulgaw din l-informazzjoni biex tiġi inkluża fl-indiċi. Għalhekk, l-użu ta’ standards armonizzati tal-UE għal metodoloġiji trasparenti jirriżulta fl-iżvilupp ta’ parametri referenzjarji li jkunu aktar adatti biex titkejjel il-prestazzjoni ta’ portafoll jew ta’ prodott finanzjarju li jew isegwi strateġija ta’ investiment b’“livell baxx ta’ karbonju” jew l-objettiv “ 2o C ”, rispettivament.

F’termini ta’ impatti ambjentali, jirriderieġu relattivament malajr, il-finanzjament lejn assi u proġetti b’miri sostenibbli li jkollhom impatt pożittiv f’termini ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima. Għal din ir-raġuni, l-armonizzazzjoni ta’ l-istandards u tal-informazzjoni relatata mal-metodoloġija għal tipi differenti ta’ indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv tipprovdi lill-investituri li jsegwu l-varji strateġiji b’livell baxx ta’ karbonju, b’għodda xierqa biex jivvalutaw il-konsistenza bejn il-fond/portafolji tagħhom u l-parametru referenzjarju magħżul, u tippermetti lil dawn l-investituri li jsegwu/jkejlu aħjar il-prestazzjoni kontra l-parametru referenzjarju xieraq b’livell baxx ta’ karbonju.

Il-proposta ma għandha l-ebda impatt soċjali sinifikanti dirett jew indirett.

Il-proposta tikkunsidra l-opinjonijiet (l-opinjoni pożittiva b’riżervi maħruġa fl-14 ta’ Mejju 2018 u l-aħħar żewġ opinjonijiet negattivi) maħruġa mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB, Regulatory Scrutiny Board). Il-proposta u l-valutazzjoni tal-impatt rivedut jindirizzaw il-kummenti ta’ dan il-Bord, li kkonkluda li l-aġġustamenti kienu meħtieġa qabel titkompla tiżviluppa din l-inizjattiva (link).

Fil-kummenti tiegħu, l-RSB issuġġerixxa li l-valutazzjoni tal-impatt ma qisitx kif jixraq ir-riskji li amministraturi ta’ parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju jintalbu jużaw it-tassonomija. Il-Bord esprima wkoll tħassib li, fir-rigward ta’ l-iżvilupp futur tal-metodoloġija għal parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju, il-valutazzjoni tal-impatt ma indirizzatx b’mod suffiċjenti l-kunsiderazzjonijiet tal-kostijiet għall-amministraturi u l-utenti ta’ dawn il-parametri referenzjarji.

Sabiex tindirizza t-tħassib tal-Bord, il-Kummissjoni neħħiet l-obbligu għall-amministraturi ta’ livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittivi li jużaw it-tassonomija tal-UE meta jfasslu l-parametri tal-metodoloġija għall-għażla ta’ assi sottostanti u li jikkonformaw mal-obbligi ta’ divulgazzjoni. Barra minn hekk, din il-proposta ġie aġġustata ulterjorment biex jiġi żgurat li jitqiesu kif xieraq il-konsiderazzjonijiet tal-kostijiet fl-iżvilupp tal-metodoloġija għal parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv. Il-Kummissjoni se jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati li jispeċifikaw biss l-istandards minimi ta’ metodoloġija armonizzata għal parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv. Dawn l-atti delegati għalhekk, mhumiex se jintroduċu metodoloġija armonizzata għal kollox, iżda minflok kriterji minimi, biex b’hekk titħalla l-flessibbiltà meħtieġa lill-amministraturi tal-parametri referenzjarji. Għalhekk, il-kostijiet tal-konformità jkunu limitati.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea minħabba l-obbligu li l-attività ekonomika ambjentalment sostenibbli identifikata trid issir f’konformità mas-salvagwardji minimi soċjali, etiċi u ta’ governanza.

Id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u għall-informazzjoni jirrikjedi li l-libertà tal-midja tkun rispettata. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi interpretat u applikat skont dan id-dritt fundamentali. Għalhekk meta persuna sempliċiment tippubblika jew tirreferi għal xi parametru referenzjarju b’livell baxx ta’ karbonju jew b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv bħala parti mill-attivitajiet ġurnalistiċi tagħha iżda ma jkollhiex kontroll fuq il-forniment ta’ dak il-parametru referenzjarju, dik il-persuna ma għandhiex tkun suġġetta għar-rekwiżiti imposti fuq l-amministraturi minn dan ir-Regolament. Dan għalhekk iħalli lill-ġurnalisti ħielsa meta jwettqu attivitajiet ġurnalistiċi ta' rappurtaġġ dwar is-swieq finanzjarji u tal-prodotti. Għalhekk id-definizzjoni tal-amministratur ta’ parametru referenzjarju ġiet definita b'mod strett biex jiġi żgurat li tinkludi l-forniment ta’ parametru referenzjarju iżda ma tinkludix fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-attivitajiet ġurnalistiċi.

4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

L-inizjattiva mhijiex mistennija li jkollha impatt fuq il-baġit tal-UE. Ir-rekwiżiti għal parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv se jissupplimentaw ir-rekwiżiti diġà eżistenti għal maniġers ta’ parametri referenzjarji u għalhekk mhux se jkollhom impatt sinifikanti fuq il-kostijiet imġarrba mill-awtoritajiet superviżorji rilevanti, minħabba l-kapaċità u r-riżorsi attwali tagħhom previsti mir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi programm għall-monitoraġġ tal-outputs, tar-riżultati u tal-impatti ta’ din l-inizjattiva sena wara li l-istrument legali jsir effettiv. Il-programm ta’ monitoraġġ għandu jistabbilixxi l-mezzi li permezz tagħhom id-data u evidenza oħra meħtieġa għandhom jinġabru. Hija prevista evalwazzjoni ħames snin wara l-implimentazzjoni tal-miżuri. L-objettiv tal-evalwazzjoni huwa li jiġi vvalutat, fost affarijiet oħra, kemm kienu effettivi u effiċjenti l-miżuri biex jintlaħqu l-objettivi ppreżentati f’din il-valutazzjoni tal-impatt u biex jiġi deċiż jekk humiex meħtieġa miżuri jew emendi ġodda.

L-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni speċifiċi (specific key performance indicators, KPIs) maħsuba biex ikejlu l-implimentazzjoni u l-kontribut ta’ parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv mal-objettivi deskritti fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli u għas-soluzzjoni tal-problemi deskritti fit-Taqsima 1 ta’ dan il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni huma kif ġej:

·l-evoluzzjoni fin-numru u fid-daqs tal-fondi/portafolji li jużaw parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv;

·l-għadd ta’ lmenti li waslu għand il-Kummissjoni mill-utenti ta’ parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv;

·il-kostijiet tal-produzzjoni ta’ parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv;

·rapport tal-Kummissjoni skont ir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji biex jirrieżamina l-funzjonament u l-effettività ta’ parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u l-adegwatezza tas-superviżjoni tagħhom (klawżola ta’ reviżjoni Artikolu 54).

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1, il-paragrafu 1 jintroduċi d-definizzjonijiet tal-kategoriji ġodda ta’ parametri referenzjarji fir-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji, jiġifieri l-“parametru referenzjarju b’livell baxx ta’ karbonju” u l-“parametru referenzjarju b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv”.

L-Artikolu 1, il-paragrafu 2 jemenda l-Artikolu 13, il-paragrafu 1, tar-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji, (“It-Trasparenza tal-metodoloġija”) filwaqt li jżid punt ġdid (d) mal-lista ta’ informazzjoni li amministratur ta’ parametru referenzjarju għandu jippubblika jew jagħmel disponibbli. B’mod partikolari, skont l-obbligu l-ġdid, barra minn informazzjoni oħra li diġà trid tiġi ddivulgata, l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji jew il-familji ta’ parametri referenzjarji li jsegwu jew jieħdu inkunsiderazzjoni l-objettivi tal-ESG jkunu jridu jipprovdu spjegazzjoni dwar kif l-elementi ewlenin tal-metodoloġija jirriflettu l-fatturi ESG. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tispeċifika aktar il-kontenut minimu ta’ tali divulgazzjoni.

Skont l-Artikolu 1, il-paragrafu 3, qed jiddaħħal Kapitolu ġdid 3A fit-Titolu III tar-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji li jistabbilixxi dispożizzjoni unika (l-Artikolu 29a) li tistipula r-rekwiżiti ewlenin applikabbli għall-metodoloġija ta’ parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv (elenkati f’anness ġdid introdott). Il-Kummissjoni inizjalment ikkunsidrat li tintroduċi reġim kompletament armonizzat għall-metodoloġija tal-kategoriji tal-parametri referenzjarji l-ġodda fuq il-bażi ta’ sett komprensiv ta’ regoli. Skont dan l-approċċ, l-elementi ewlenin tal-metodoloġija stabbiliti f’din il-proposta leġiżlattiva, kien ikollhom jiġu speċifikati aktar b’rekwiżiti dettaljati għall-għażla u l-ponderazzjoni tal-assi sottostanti f’atti delegati li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-parir tal-Grupp ta’ Esperti. Barra minn hekk, l-imsemmija atti delegati kellhom l-għan li jeżiġu li l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv jużaw ir-Regolament tat-Tassonomija tal-UE, meta jfasslu l-parametri tal-metodoloġija għall-għażla tal-assi sottostanti.

Madankollu, sabiex jiġi indirizzat it-tħassib tal-RSB dwar il-kostijiet imġarrba fl-iżvilupp futur ta’ tali sistema stretta ta’ metodoloġija, il-Kummissjoni aġġustat din il-proposta sabiex tipprevedi li l-għoti ta’ setgħa għall-adozzjoni ta’ atti ddelegati tkun limitata li tispeċifika aktar l-istandards minimi għal parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv. Dan l-approċċ ġie ffavorit ukoll peress li xorta jkun jippermetti livell sinifikanti ta’ komparabbiltà tal-metodoloġiji tal-parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju. Fl-istess ħin, l-amministraturi tal-parametri referenzjarji ma jġarrbux kostijiet għolja biex jallinjaw il-metodoloġija tagħhom mal-istandard tal-UE u jżommu ċertu grad ta’ flessibbiltà fit-tfassil tal-metodoloġija tagħhom. B’mod aktar ġenerali, dan l-approċċ jippermetti l-ispazju għas-suq biex jiżviluppa strateġiji innovattivi għall-indirizzar ta’ tħassib ambjentali.

Sabiex jiġi kkunsidrat it-tħassib imqajjem mill-Bord dwar ir-riskji ta’ l-użu mandatorju tat-tassonomija minn amministraturi tal-parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju, il-proposta kompliet tiġi aġġustata b’tali mod li l-atti delegati li jispeċifikaw l-istandards minimi għal armonizzazzjoni mhux se jeħtieġu li l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv jużaw it-tassonomija tal-UE meta jfasslu l-parametri tal-metodoloġija għall-għażla tal-assi sottostanti. Is-separazzjoni tal-metodoloġija mit-tassonomija tal-UE tagħti wkoll lill-amministraturi l-grad neċessarju ta’ flessibbiltà li jeħtieġu.

L-Artikolu 1, il-paragrafu 4, jemenda l-Artikolu 27 tar-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji (“L-istqarrija dwar il-parametru referenzjarju”) billi jintroduċi paragrafu ġdid bl-għan li jirrikjedi, għal kull parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji provduti li jsegwu jew jikkunsidraw l-objettivi tal-ESG, li l-maniġers jispjegaw fl-Istqarrija dwar il-parametru referenzjarju il-mod kif kull wieħed minn dawn il-parametri referenzjarji jirrifletti l-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tkompli tispeċifika l-informazzjoni li għandha tingħata.

Il-paragrafu 5 jintroduċi Anness III ġdid mar-Regolament dwar il-Parametri Referenzjarji li jistabbilixxi r-rekwiżiti ewlenin għall-metodoloġija għall-parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv u jelenka l-elementi li l-maniġers għandhom jiddivulgaw u l-proċedura li għandha tiġi segwita biex tġi emendata l-metodoloġija tagħhom.

Skont l-Artikolu 2, dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2018/0180 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 dwar parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u parametri referenzjarji b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 21 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 22 ,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)Fil-25 ta’ Settembru 2015, l-Assemblea Ġenerali tan-NU adottat qafas globali ġdid għall-iżvilupp sostenibbli: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli 23 , li għandha fil-qalba tagħha l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs). Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2016 dwar il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli 24 torbot l-SDGs mal-qafas ta’ politika tal-Unjoni biex ikun żġurat li l-azzjonijiet u inizjattivi ta’ politika kollha tal-Unjoni, kemm fl-Unjoni kif ukoll fuq livell dinji, jieħu inkonsiderazzjoni mill-bidu nett l-SDGs. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta’ Ġunju 2017 25 ikkonfermaw l-impenn tal-Unjoni u tal-Istati Membri, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 b’mod sħiħ, koerenti, komprensiv, integrat u effikaċi, u f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ sħab u ma’ partijiet ikkonċernati oħra.

(2)Fl-2015, l-Unjoni kkonkludiet il-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima 26 . L-Artikolu 2(c) ta’ dan il-Ftehim jistabbilixxi l-objettiv li tissaħħaħ ir-reazzjoni għat-tibdil fil-klima, fost mezzi oħra billi l-flussi finanzjarji jkunu konsistenti ma’ triq lejn emissjonijiet baxxi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u żvilupp reżiljenti għall-klima.

(3)Is-sostenibbiltà u t-transizzjoni għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju u reżiljenti għat-tibdil fil-klima, aktar effiċjenti fir-riżorsi u l-ekonomija ċirkolari huma ta’ importanza ewlenija biex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tal-ekonomija tal-Unjoni. Is-sostenibbiltà ilha ferm fil-qalba tal-proġett tal-Unjoni u t-Trattati tal-Unjoni jirrikonoxxu d-dimensjonijiet soċjali u ambjentali tagħha.

(4)F’Marzu 2018, il-Kummissjoni ppubblikat il-Pjan ta’ Azzjoni tagħha “Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli 27 ”, li jistabbilixxi strateġija ambizzjuża u komprensiva dwar il-finanzjament sostenibbli. Wieħed mill-objettivi ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni huwa li jirriorjenta l-flussi kapitali lejn l-investiment sostenibbli biex jinkiseb tkabbir sostenibbli u inklużiv.

(5)Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 28 appellat għal żieda fil-finanzjament tas-settur privat għan-nefqa ambjentali u relatata mal-klima, b’mod partikolari billi jiġu stabbiliti inċentivi u metodoloġiji li jistimulaw lill-kumpaniji biex ikejlu l-kostijiet ambjentali tan-negozju u l-qligħ tagħhom derivati​mill-użu ta’ servizz ambjentali.

(6)Il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli fl-Unjoni teħtieġ l-użu ta’ flussi ta’ kapital lejn investimenti sostenibbli. Huwa importanti li jiġi sfruttat b’mod sħiħ il-potenzjal tas-suq intern għall-kisba ta’ dawn l-għanijiet. F’dan il-kuntest, huwa kruċjali li jitneħħew l-ostakli għall-moviment effiċjenti ta’ kapital lejn investimenti sostenibbli fis-suq intern u li jiġi evitat li ostakoli mistennija bħal dawn jitfaċċaw.

(7)Ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 29 jistabbilixxi regoli uniformi għal parametri referenzjarji fl-Unjoni u jaħseb għal tipi differenti ta’ parametri referenzjarji. Għadd dejjem jiżdied ta’ investituri jsegwi strateġiji ta’ investiment b’livell baxx ta’ karbonju u jirrikorri għal parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju biex iqabbel jew ikejjel il-prestazzjoni ta’ portafolji ta’ investiment.

(8)Varjetà wiesgħa ta’ indiċijiet hija attwalment miġbura flimkien bħala indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju. Dawn l-indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju jintużaw bħala parametri referenzjarji għal portafolji ta’ investiment u għal prodotti li jinbiegħu lil hinn mill-fruntieri. Il-kwalità u l-integrità tal-parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju jaffettwaw il-funzjonament effettiv tas-suq intern f’varjetà wiesgħa ta’ portafolji ta’ investiment individwali u kollettivi. Ħafna indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju użati bħala miżuri ta’ prestazzjoni għal portafolji ta’ investiment, b’mod partikolari għal kontijiet ta’ investiment seggregati u għal skemi ta’ investiment kollettivi, huma fornuti fi Stat Membru wieħed iżda jintużaw minn maniġers tal-assi u ta’ portafolji fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, il-maniġers tal-assi u ta’ portafolji ta’ spiss jiħħeġġjaw ir-riskji tal-esponiment għall-karbonju tagħhom billi jużaw parametri referenzjarji prodotti fi Stati Membri oħra.

(9)Tfaċċaw fis-suq kategoriji differenti ta’ indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju bi gradi differenti ta’ ambizzjoni. Filwaqt li xi parametri referenzjarji għandhom l-għan li jnaqqsu l-impronta tal-karbonju ta’ portafoll ta’ investiment standard, oħrajn għandhom l-għan li jagħżlu biss komponenti li jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-objettiv ta’ 2°C kif stabbilit fil-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima. Minkejja d-differenzi fl-għanijiet u fl-istrateġiji kollha, dawn il-parametri referenzjarji kollha huma ta’ spiss promossi bħala parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju.

(10)L-approċċi diverġenti għal metodoloġiji ta’ parametri referenzjarji jirriżultaw fil-frammentazzjoni tas-suq intern billi l-utenti tal-parametri referenzjarji ma jkollhomx ċarezza dwar jekk indiċi partikolari b’livell baxx ta’ karbonju huwiex parametru referenzjarju allinjat mal-objettiv 2 °C jew sempliċement parametru referenzjarju li għandu l-għan li jnaqqas l-impronta tal-karbonju ta’ portafoll ta’ investiment standard. Biex jindirizzaw talbiet potenzjalment illeġittimi minn amministraturi dwar in-natura b’livell baxx ta’ karbonju tal-parametri referenzjarji tagħhom, l-Istati Membri x’aktarx li jadottaw regoli differenti biex jevitaw li tinħoloq konfużjoni fost l-investituri u ambigwità dwar l-iskop u l-livell ta’ ambizzjoni li jirfdu l-kategoriji differenti tal-hekk imsejħa indiċijiet b’livell baxx ta’ karbonju użati bħala parametri referenzjarji għal portafoll ta’ investiment b’livell baxx ta’ karbonju.

(11)Fin-nuqqas ta’ qafas armonizzat biex jiżgura l-preċiżjoni u l-integrità tal-kategoriji prinċipali ta’ parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju użati fil-portafolji ta’ investiment individwali jew kollettivi, huwa probabbli li d-differenzi fl-approċċi tal-Istati Membri joħolqu ostakoli għat-tħaddim bla xkiel tas-suq intern.

(12)Għalhekk, biex jinżamm il-funzjonament xieraq tas-suq intern, biex jitjiebu aktar il-kundizzjonijiet tal-funzjonament tiegħu, u biex ikun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u tal-investitur, huwa xieraq li r-Regolament (UE) 2016/1011 jiġi adattat biex jinħoloq qafas regolatorju għal parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju fil-livell tal-Unjoni.

(13)Barra minn hekk, huwa meħtieġ li tiġi introdotta distinzjoni ċara bejn parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv. Filwaqt li l-assi sottostanti f’ekonomija b’parametru referenzjarju b’livell baxx ta’ karbonju għandhom jintgħażlu bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju ta’ portafoll ta’ indiċi meta mqabbla mal-indiċi prinċipali, indiċi b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv għandu jikkonsisti biss minn komponenti li l-iffrankar tal-emissjonijiet tagħhom jaqbeż l-emissjonijiet tal-karbonju tagħhom.

(14)Jenħtieġ li kull kumpanija li l-assi tagħha jintgħażlu bħala sottostanti f’parametru referenzjarju b’impatt pożittiv tiffranka ħafna iżjed emissjonijiet tal-karbonju milli tipproduċi, biex b’hekk ikollha impatt pożittiv fuq l-ambjent. Għalhekk, il-maniġers tal-assi u tal-portafolji li jsostnu li jsegwu strateġija ta’ investiment kompatibbli mal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima, jenħtieġ li jużaw parametri referenzjarji b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv.

(15)Varjetà ta’ amministraturi ta’ parametri referenzjarji jsostnu li l-parametri referenzjarji tagħhom isegwu objettivi ambjentali, soċjali u ta’ governanza (environmental, social and governance objectives, “ESG”). L-utenti ta’ dawn il-parametri referenzjarji madankollu mhux dejjem ikollhom l-informazzjoni meħtieġa dwar sa liema punt il-metodoloġija ta’ dawn l-amministraturi tal-parametri referenzjarji tikkunsidra dawn l-objettivi ESG. L-informazzjoni eżistenti ħafna drabi tixxerred u ma tagħtix lok għat-tqabbil effettiv għal skopijiet ta’ investimenti transfruntiera. Biex tippermetti lill-atturi tas-suq jagħmlu għażliet informati tajjeb, jenħtieġ li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jintalbu jiddivulgaw kif il-metodoloġija tagħhom tqis il-fatturi ESG għal kull parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji ppreżentata bħala li ssegwi l-objettivi ESG. Jenħtieġ li din l-informazzjoni tiġi ddivulgata wkoll fid-dikjarazzjoni tal-parametru referenzjarju. Jenħtieġ li l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji li ma jippromwovux jew ma jqisux l-objettivi ESG, ma jkunux suġġetti għal dan l-obbligu ta’ divulgazzjoni.

(16)Għall-istess raġunijiet, jenħtieġ li l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji b’livelli baxxi ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv jippubblikaw ugwalment il-metodoloġija tagħhom użata għall-kalkolu tagħhom. Jenħtieġ li din l-informazzjoni tiddeskrivi kif l-assi sottostanti kienu magħżula u ponderati u liema assi kienu esklużi u għal liema raġuni. Jenħtieġ li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jispeċifikaw ukoll kif il-parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju jvarjaw mill-indiċi prinċipali sottostanti, b’mod partikolari f’termini ta’ ponderazzjoni applikabbli, kapitalizzazzjoni tas-suq u l-prestazzjoni finanzjarja tal-assi sottostanti. Biex jivvaluta kif il-parametru referenzjarju jikkontribwixxi għall-objettivi ambjentali, jenħtieġ li l-amministratur tal-parametru referenzjarju jiddivulga kif l-iffrankar tal-karbonju u l-impronta tal-karbonju tal-assi sottostanti kienu mkejla, il-valuri rispettivi tagħhom, inkluża l-impronta tal-karbonju totali tal-parametru referenzjarju, u t-tip u s-sors ta’ data użata. Sabiex il-maniġers tal-assi jkunu jistgħu jagħżlu l-aktar valur referenzjarju xieraq għall-istrateġija ta’ investiment tagħhom, jenħtieġ li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jispjegaw ir-raġuni wara l-parametri tal-metodoloġija tagħhom u jispjegaw kif il-parametru referenzjarju jikkontribwixxi għall-objettivi ambjentali, inkluż l-impatt tiegħu fuq it-taffija tat-tibdil fil-klima. Jenħtieġ li l-informazzjoni tinkludi wkoll dettalji dwar il-frekwenza tar-rieżamijiet u l-proċedura segwita.

(17)Barra minn hekk, jenħtieġ li l-amministratur ta’ parametri referenzjarji b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv, jiddivulga l-impatt ta’ karbonju b’impatt pożittiv ta’ kull assi sottostanti inkluż f’dawn il-parametri referenzjarji, filwaqt li jispeċifika l-metodu użat biex jiddetermina jekk l-iffrankar tal-emissjonijiet jaqbiżx l-impronta tal-karbonju tal-assi tal-investiment.

(18)Biex tiġi żgurata konformità kontinwa mal-objettiv għat-tnaqqis tat-tibdil fil-klima magħżul, jenħtieġ li l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv jirrieżaminaw regolarment il-metodoloġiji tagħhom u jinfurmaw lill-utenti dwar il-proċeduri applikabbli għal kull bidla materjali. Meta jintroduċu bidla materjali, jenħtieġ li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji jiddivulgaw ir-raġunijiet għal din il-bidla u jispjegaw kif il-bidla hija konsistenti mal-objettivi tal-parametri referenzjarji inizjali.

(19)Bil-għan li tittejjeb it-trasparenza u li jiġi żgurat livell xieraq ta’ armonizzazzjoni, jenħtieġ li s-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tiġi ddelegata lill-Kummissjoni biex tispeċifika aktar il-kontenut minimu tal-obbligi ta’ divulgazzjoni li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji li jqisu l-objettivi ESG għandhom ikunu suġġetti għalihom, u biex tispeċifika l-istandards minimi għall-armonizzazzjoni tal-metodoloġija tal-parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv, inklużi l-metodu għall-kalkolu tal-emissjonijiet tal-karbonju u l-iffrankar tal-karbonju assoċjati mal-użu tal-assi sottostanti, filwaqt li jitqiesu l-metodi tal-Impronta Ambjentali tal-Prodotti u tal-Organizzazzjoni kif definit fil-punti (a) u (b) tal-punt 2 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE 30 . Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell espert, u li dawn il-konsultazzjonijiet jitwettqu f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta' April 2016. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati. 

(20)Jenħtieġ għalhekk li r-Regolament (UE) 2016/1011 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi tar-Regolament (UE) 2016/1011

Ir-Regolament (UE) 2016/1011 huwa emendat kif ġej:

1.fl-Artikolu 3(1), jiddaħħlu l-punti 23(a) u 23(b) li ġejjin:

“(23a) ‘parametru referenzjarju b’ livell baxx ta’ karbonju’ tfisser parametru referenzjarju fejn l-assi sottostanti, għall-finijiet tal-punt 1(b)(ii) ta’ dan il-paragrafu, jintgħażlu sabiex il-portafoll tal-parametru referenzjarju li jirriżulta jkollu inqas emissjonijiet ta’ karbonju meta mqabbel mal-assi li jinkludu parametru referenzjarju standard ponderat għall-kapital u li huwa mibni skont l-istandards stabbiliti fl-atti delegati msemmija fl-Artikolu 19a(2);

(23b) ‘parametru referenzjarju b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv’ tfisser parametru referenzjarju fejn l-assi sottostanti, għall-finijiet tal-punt 1(b)(ii) ta’ dan il-paragrafu, jintgħażlu fuq il-bażi li l-iffrankar ta’ emissjonijiet ta’ karbonju tagħhom jaqbeż l-impronta ta’ karbonju tal-assi u li huwa mibni skont l-istandards stabbiliti fl-atti delegati msemmija fl-Artikolu 19a(2).”;

2.L-Artikolu 13 huwa emendat kif ġej:

(a)    fil-paragrafu 1, jiddaħħal il-punt (d) li ġej:

“(d) spjegazzjoni dwar kif l-elementi ewlenin tal-metodoloġija stabbilita fil-punt (a) jirriflettu fatturi ambjentali, soċjali jew ta’ governanza (“ESG”) għal kull parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji li jsegwu jew iqisu l-objettivi ESG;”;

(b)    jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a.    Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 49 biex tispeċifika aktar il-kontenut minimu tal-ispjegazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 1.”;

3.fit-Titolu III, jiddaħħal il-Kapitolu 3a li ġej:

“Kapitolu 3a

Parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv

Artikolu 19 a

Parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv

(1)Ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness III għandhom japplikaw sabiex ikun hemm, u jingħata kontribut għall-parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv, flimkien mar-rekwiżiti tat-Titoli II, III u IV jew bħala sostitut għalihom.

(2)Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 49 biex tispeċifika aktar l-istandards minimi għal parametri referenzjarji b’livell baxx ta’ karbonju u b’livell ta’ karbonju b’impatt pożittiv, inklużi:

(a)il-kriterji għall-għażla tal-assi sottostanti, inklużi, fejn applikabbli, il-kriterji tal-esklużjoni għall-assi;

(b)il-kriterji u l-metodu għall-ponderazzjoni tal-assi sottostanti fil-parametru referenzjarju;

(c)il-metodu għall-kalkolu tal-emissjonijiet tal-karbonju u l-iffrankar tal-karbonju assoċjat mal-assi sottostanti.”;

4.fl-Artikolu 27, jiddaħħlu l-paragrafi 2 a u 2b li ġejjin:

“2a. Għal kull rekwiżit fil-paragrafu 2, stqarrija ta’ parametru referenzjarju għandha tinkludi spjegazzjoni dwar kif il-fatturi ambjentali, soċjali u ta’ governanza huma riflessi għal kull parametru referenzjarju jew familja ta’ parametri referenzjarji pprovduti u ppubblikati li jsegwu jew iqisu l-objettivi ESG.

2b.    Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 49 biex tispeċifika aktar l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2a”.

5.jiżdied it-test tal-Anness ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Is-17-il SDG jipprovdu objettivi kwalitattivi u kwantitattivi għall-15-il sena li jmiss sabiex inħejju lilna nfusna għall-ġejjieni u naħdmu favur id-dinjità tal-bniedem, l-istabbiltà, pjaneta f’saħħitha, soċjetajiet ġusti u reżiljenti u ekonomiji għonja.
(2)    Bidu Ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda Tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizza u t-Tibdil Demokratiku - Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss, Strasburgu, il-15 ta’ Lulju 2014 disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/juncker-political-guidelines-speech_mt.pdf  
(3)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew ta' Investiment: Pjan ta' Investiment għall-Ewropa (COM(2014)0903 final).
(4)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għall-Ekonomija Ċirkolari, COM(2015) 614 final.
(5)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni u l-Bank Ewropew tal-Investiment : Strateġiku Qafas għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li Tħares ’il Quddiem COM (2015) 80 final.
(6)    Ares(2018)975361
(7)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali, (COM(2015)468 final).
(8)    L-istima hija diskrepanza medja annwali ta’ investiment għall-perjodu bejn l-2021 u l-2030, ibbażata fuq it-tbassir tal-mudell PRIMES użat mill-Kummissjoni Ewropea fil-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Proposta għad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika (2016), http://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?qid=1483696687107&uri=CELEX:52016SC0405 .
(9)    Ir-Rapport Finali tal-2018 tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar il-Finanzi Sostenibbli: “Financing A Sustainable European Economy”.
(10)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan ta' Azzjoni: Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli (COM(2018)097 final).
(11)    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, 1094/2010, 1095/2010, 345/2013, 346/2013, 600/2014, 2015/760, 2016/1011, 2017/1129 (COM (2017) 536 final).
(12)    Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).
(13)    Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).
(14)    Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).
(15)    Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew (PEPP) (COM (2017) 343 final).
(16)    Dawn l-indiċijiet tipikament jinbnew billi jittieħed parametru referenzjarju standard, bħal S&P 500 jew NASDAQ 100, u jineħħew jew jiġu ppenalizzati l-kumpaniji b’impronta tal-karbonju relattivament għolja. Għal aktar dettalji, irreferi għall-Anness 9 tal-Valutazzjoni tal-Impatt [link].
(17)    Dawn l-indiċijiet tipikament jagħżlu kumpaniji mill-univers investibbli li jikkontribwixxu għal tnaqqis sinifikanti ta’ impronti tal-karbonju bbażat fuq proporzjonijiet bħall-Proporzjon tal-Impatt tal-Karbonju jew (CIR, Carbon Impact Ratio). Għal aktar dettalji, irreferi għall-Anness 9 tal-Valutazzjoni tal-Impatt.
(18)    Għal spjegazzjoni, irreferi għall-Anness 9 tal-Valutazzjoni tal-Impatt [link].
(19)    Ir-Rakkomandazzjoni 179/2013 adottata mill-Kulleġġ fid-9 ta’ April 2013 u ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali fl-4 ta’ Mejju 2013.
(20)    LINK għal testi oħra mill-pakkett ta’ Mejju
(21)    ĠU C […], […], p. […].
(22)    ĠU C , , p. .
(23)    Nittrasformaw id-Dinja tagħna: L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (NU 2015).
(24)    COM(2016) 739 final.
(25)    CO EUR 17, CONCL. 5.
(26)    ĠU L 282, 19.10.2016, p. 4.
(27)    COM(2018) 97 final.
(28)    Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171).
(29)    Ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta' fondi ta' investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1).
(30)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE tad-9 ta’ April 2013 dwar l-użu ta’ metodi komuni għall-kejl u l-komunikazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ prodotti u ta’ organizzazzjonijiet (ĠU L 124, 4.5.2013, p. 1).

Brussell,24.5.2018

COM(2018) 355 final

ANNESS

tal-

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1011 dwar parametri referenzjarji ta' livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u parametri referenzjarji ta' impatt pożittiv b'rabta mal-karbonju

{SEC(2018) 257 final}
{SWD(2018) 264 final}
{SWD(2018) 265 final}


ANNESS

Parametri referenzjarji ta' livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u ta’ impatt pożittiv b’rabta mal-karbonju

Il-metodoloġija għal parametri referenzjarji ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju

1.L-amministratur ta’ parametru referenzjarju ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju għandu jifformalizza, jiddokumenta, u jippubblika kull metodoloġija użata għall-kalkolu ta’ parametri referenzjarji ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, li jiddeskrivi dan li ġej:

(a)    il-lista ta’ assi sottostanti li jintużaw għall-kalkolu tal-parametru referenzjarju ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju;

(b)il-kriterji u l-metodi kollha, inklużi l-għażla u l-fatturi ta’ ponderazzjoni, kejl, indikaturi użati fil-kalkolu tal-parametru referenzjarju;

(c)il-kriterji applikati biex jeskludu assi jew kumpaniji li huma assoċjati ma’ livell ta’ marka tal-karbonju jew livell ta’ riżervi ta’ fossili li huma inkompatibbli mal-inklużjoni ta’ referenza ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju;

(d)il-kriterji u l-metodi ta’ kif il-parametru referenzjarju ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u miżuri ta’ ffrankar tal-karbonju assoċjat mal-assi sottostanti fil-portafoll tal-indiċi;

(e)l-indiċi ta’ devjazzjoni bejn il-parametru referenzjarju ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u l-indiċi prinċipali;

(f)il-ponderazzjoni mill-ġdid pożittiv ta’ assi ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fil-parametru referenzjarju ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju meta mqabbla mal-indiċi prinċipali u l-ispjegazzjoni ta’ għalfejn dan il-ponderazzjoni mill-ġdid huwa meħtieġ biex jirrifletti l-objettivi magħżulin ta’ parametru referenzjarju ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju;

(g)il-proporzjon bejn il-valur tas-suq tas-sigurtajiet li huma fil-parametru referenzjarju ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u l-valur tas-suq tat-titoli fl-indiċi prinċipali;

(h)it-tip u s-sors ta’ data tal-input użati għall-għażla ta’ assi jew il-kumpaniji eliġibbli għall-parametru referenzjarju ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, inklużi:

(i)l-emissjonijiet minn sorsi li huma kkontrollati mill-impriża;

(ii)l-emissjonijiet mill-konsum ta’ xiri ta’ elettriku, fwar, jew sorsi oħra ta’ enerġija ġġenerata upstream mill-kumpanija;

(ii)emissjonijiet li huma konsegwenza ta’ operazzjonijiet ta’ kumpanija iżda li mhumiex ikkontrollati direttament mill-kumpanija;

(iv)emissjonijiet li jibqgħu jeżistu jekk il-prodotti tal-kumpanija jew is-servizzi jinbidlu b’sostituti oħra b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju (“tnaqqis ta’ emissjonijiet”);

(v)jekk id-data tal-input tużax il-metodi tal-Impronta Ambjentali tal-Prodotti u tal-Organizzazzjonijiet kif definit f’(a) u (b) tal-punt 2 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/179/UE;

(i)it-total tal-esponiment tal-impronta tal-karbonju tal-portafoll ta’ indiċi u l-impatti stmati fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fl-istrateġija ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju segwita mill-parametru referenzjarju;

(j)ir-raġunijiet tal-adozzjoni ta’ strateġija partikolari jew ta’ objettiv partikolari fir-rigward tal-metodoloġija ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u spjegazzjoni għalfejn il-metodoloġija hija adatta għall-kalkolu tal-objettivi marbuta ma’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju tal-parametru referenzjarju;

(k)il-proċedura għal rieżami u approvazzjoni interni ta' metodoloġija partikolari, kif ukoll il-frekwenza ta' tali rieżami intern.

Il-metodoloġija għal parametri referenzjarji ta’ impatt pożittiv b’rabta mal-karbonju

2.L-amministratur ta’ parametru referenzjarju ta’ impatt pożittiv b’rabta mal-karbonju, flimkien mal-obbligi applikabbli għall-amministratur ta’ parametru referenzjarju ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju, għandhom jiżvelaw l-impatt pożittiv tal-karbonju ta’ kull assi sottostanti inklużi fil-parametru referenzjarju u għandhom jispeċifikaw il-formula jew il-kalkolu li jintużaw biex jiddeterminaw jekk it-tnaqqis ta’ emissjonijiet jaqbiżx l-impronta ta’ karbonju tal-kumpanija jew tal-attività ta’ investiment (“il-proporzjon ta’ impatt pożittiv b’rabta mal-karbonju”).

Bidliet fil-metodoloġija

3.L-amministraturi ta’ parametri referenzjarji ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u ta’ impatt pożittiv b’rabta mal-karbonjui għandhom jadottaw u jippubblikaw lill-utenti proċeduri u r-raġunijiet għal kull bidla materjali proposta fil-metodoloġija tagħhom. Dawn il-proċeduri għandhom ikunu konsistenti mal-għan prevalenti li l-kalkoli tal-parametru referenzjarju jaderixxu b’mod kontinwu mal-objettivi ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jew ta’ impatt pożittiv b’rabta mal-karbonju. Dawn il-proċeduri jipprevedu:

(a)avviż bil-quddiem f'perjodu ta' żmien ċar li jagħti lill-utenti opportunità biżżejjed biex janalizzaw u jikkummentaw dwar l-impatt ta' dawn il-bidliet proposti, wara li jitqiesu ċ-ċirkostanzi kumplessivi tal-kalkolu tal-amministratur;

(b)il-possibbiltà għall-utenti li jikkummentaw dwar dawk il-bidliet u għall-amministraturi biex iwieġbu għal dawk il-kummenti, filwaqt li dawk il-kummenti għandhom ikunu aċċessibbli għall-utenti kollha tas-suq wara kull perjodu ta’ konsultazzjoni, ħlief jekk il-kummentatur ikun talab il-kunfidenzjalità.

4.L-amministraturi ta’ parametri referenzjarji ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u ta’ impatt pożittiv b’rabta mal-karbonju għandhom jeżaminaw regolarment il-metodoloġiji tagħhom biex jiżguraw li dawn jirriflettu b’mod affidabbli l-objettivi ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u ta’ impatt pożittiv b’rabta mal-karbonju u għandu jkollhom proċess fis-seħħ li jikkunsidra l-opinjonijiet tal-utenti rilevanti.