Brussell, 28.5.2018

COM(2018) 340 final

2018/0172(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2018) 253 final}
{SWD(2018) 254 final}
{SWD(2018) 255 final}
{SWD(2018) 256 final}
{SWD(2018) 257 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

L-ammont ta’ żibel tal-plastik fl-oċeani u fl-ibħra qed jikber, askapitu tal-ekosistemi, tal-bijodiversità u potenzjalment tas-saħħa tal-bniedem, u jikkawża tħassib kbir. Fl-istess ħin, ladarba jsir żibel, jintilef dak il-materjal utli li jista’ jinġieb lura fl-ekonomija. Il-plastik, jikkostitwixxi bejn 80 u 85 % tal-għadd totali taż-żibel fil-baħar, imkejla permezz tal-għadd fuq ix-xtajtiet.

L-oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss (SUP/single use plastic) jirrappreżentaw madwar nofs l-oġġetti taż-żibel fil-baħar misjuba fuq ix-xtajtiet Ewropej skont l-għadd. L-10 oġġetti tal-plastik l-aktar misjuba li jintużaw darba biss jirrappreżentaw 86 % tal-għadd totali ta’ SUPs (li jikkostitwixxi għalhekk 43 % tal-oġġetti taż-żibel fil-baħar kollha misjuba fuq ix-xtajtiet Ewropej skont l-għadd). L-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik jammonta għal 27 % addizzjonali taż-żibel fil-baħar misjub fuq ix-xtajtiet Ewropej. Din l-inizjattiva għalhekk tiffoka fuq l-10 SUPs l-aktar misjuba u fuq l-irkaptu tas-sajd, li flimkien jirrappreżentaw madwar 70 % ta’ dawn l-oġġetti taż-żibel fil-baħar skont l-għadd.

Il-plastik huwa disponibbli b’mod mifrux, huwa persistenti, u ta’ spiss ikollu impatti tossiċi u impatti dannużi oħrajn. Minħabba l-persistenza tiegħu, aktar ma jakkumula fl-oċeani ż-żibel tal-plastik aktar qed jiżdiedu l-impatti tal-iskart tal-plastik kull sena. Ir-residwi tal-plastik issa jinstabu f’ħafna speċijiet tal-baħar – fkieren tal-baħar, foki, baleni, għasafar kif ukoll f’diversi speċijiet ta’ ħut u ta’ frott tal-baħar u għalhekk dawn jidħlu fil-katina alimentari. Minbarra l-ħsara lill-ambjent u potenzjalment lis-saħħa tal-bniedem, iż-żibel tal-plastik fil-baħar jagħmel ħsara lill-attivitajiet bħat-turiżmu, is-sajd u t-tbaħħir.

Il-kawżi sottostanti taż-żieda fl-iskart tal-plastik u t-tixrid fl-ambjent tal-baħar huma marbuta kemm mal-katina tal-valur tal-plastik kif ukoll mas-suq, u mal-imġiba individwali u x-xejriet soċjali. Bosta fatturi wasslu għas-sitwazzjoni attwali u dawn jinkludu d-disponibbilità mifruxa tal-plastik, ix-xejra tal-konsum għall-konvenjenza, in-nuqqas ta’ inċentivi biex jiġu żgurati l-ġbir u t-trattament tal-iskart li wasslu għal ġestjoni ħażina u infrastruttura insuffiċjenti.

L-Ewropa għandha r-responsabbiltà li tittratta ż-żibel fil-baħar li joriġina mill-Ewropa u tinsab impenjata li taġixxi fil-livell globali, partikolarment permezz tal-G7 u l-G20, iżda wkoll permezz tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU 1 . Din l-inizjattiva se tqiegħed l-UE fuq ta’ quddiem fl-isforzi globali, u b’hekk l-azzjoni internazzjonali tagħha f’dan il-qasam iżżid fil-kredibbiltà u fis-saħħa.

Il-problema taż-żibel fil-baħar hija fin-natura tagħha problema transfruntiera, billi ż-żibel jiċċaqlaq fl-ambjent tal-baħar u ż-żibel li joriġina f’pajjiż wieħed jista’ jaffettwa lil oħrajn. Tentieġ azzjoni konġunta sabiex jitnaqqas iż-żibel fil-baħar filwaqt li jiġi żgurat suq uniku bi standards ambjentali għolja u b’ċertezza legali għan-negozji. Għalhekk, bħala parti mill-Istrateġija għall-Plastiks 2 , il-Kummissjoni Ewropea impenjat ruħha li tikkunsidra azzjoni ulterjuri li tindirizza ż-żibel tal-plastik fil-baħar, li tibni fuq l-isforzi frammentati li għaddejjin fl-Istati Membri tal-UE, u li ssegwi l-approċċ użat għall-basktijiet tal-plastik ħfief.

Din l-inizjattiva tiffoka fuq il-kontribuzzjoni Ewropea liż-żibel tal-makroplastik fil-baħar. Hija tikkomplementa politiki oħra Ewropej dwar iż-żibel fil-baħar bħal-leġiżlazzjonijiet qafas tal-UE dwar l-iskart, l-ilma mormi u l-ambjent tal-baħar kif ukoll il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet.

L-għan ewlieni ta’ din l-inizjattiva huwa l-prevenzjoni u t-tnaqqis taż-żibel tal-plastik fil-baħar minn oġġetti li jintużaw darba biss u tal-irkapu tas-sajd li fih il-plastik, billi tikkomplementa l-miżuri diġà previsti fl-Istrateġija tal-UE għall-Plastiks, billi tindirizza l-lakuni identifikati fl-azzjonijiet eżistenti u fil-leġiżlazzjoni, u billi ssaħħaħ aktar l-approċċ sistematiku tal-UE għal din il-kwistjoni. L-Istrateġija għall-Plastiks diġà tinkludi miżuri speċifiċi fuq il-mikroplastiks, li jikkostitwixxu sehem importanti taż-żibel tal-plastik fil-baħar: restrizzjonijiet permezz tar-REACH 3 għall-mikroplastiks miżjuda apposta fi prodotti u għall-ossoplastiks kif ukoll miżuri għall-mikroplastiks minn sorsi oħra (tajers, tessuti u gerbub tal-plastik). Din l-inizjattiva għalhekk tiffoka fuq il-plastiks li jintużaw darba biss u fuq l-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik, li huma makroplastiks. 

L-inizjattiva għandha titqies fil-kuntest usa’ tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. Hija se tappoġġa s-soluzzjonijiet innovattivi għal mudelli kummerċjali ġodda, għal alternattivi b’użi multipli u għal prodotti alternattivi li jintużaw darba biss. Din il-bidla sistemika u s-sostituzzjoni materjali se jippromwovu wkoll alternattivi ekoloġiċi u bijoekonomija innovattiva, u b’hekk ikun hemm opportunitajiet ġodda għan-negozji u titjib fil-konvenjenza tal-konsumaturi.

Barra minn hekk, b’mod partikolari b’rabta mal-fliexken tax-xorb, l-inizjattiva se jkollha impatt dirett u pożittiv fuq ir-rati tal-ġbir, fuq il-kwalità tal-materjal miġbur u fuq ir-riċiklaġġ li jsegwi, billi toffri opportunitajiet għan-negozji tar-riċiklaġġ u għaż-żieda tal-kontenut riċiklat fil-prodotti.

L-indirizzar taż-żibel fil-baħar joħloq opportunitajiet ekonomiċi. L-ekonomija ċirkolari tqawwi l-kompetittività tan-negozji tagħna billi tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u dekarbonizzata kif ukoll għall-ħolqien tal-impjiegi li jsostnuha. L-innovazzjoni fid-disinn ta’ prodotti biex jiġi evitat l-iskart tal-plastik u l-mikroplastiks, kif ukoll l-investimenti fil-prevenzjoni taż-żibel fil-baħar (pereżempju fit-trattament tal-ilma u d-dranaġġ, fil-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet jew fir-riċiklaġġ tax-xbieki tas-sajd) u f’materjali alternattivi sostenibbli, fil-prodotti u fil-mudelli tan-negozju jistgħu joħolqu impjiegi u jsaħħu l-ħiliet tekniċi u xjentifiċi u l-kompetittività industrijali f’oqsma ta’ interess globali dejjem jikber.

Iż-żibel fil-baħar ilu għal bosta snin jiġi mmonitorjat fix-xtajtiet Ewropej abbażi ta’ metodi armonizzati bbażati fuq l-għadd 4 . L-għadd tal-oġġetti taż-żibel fix-xtajtiet huwa aċċettat bħala indikatur raġonevoli tal-kompożizzjoni taż-żibel fil-baħar, adatt biex jinforma l-politika.



Harsa ġenerali qasira tal-oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss u tal-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik kif ukoll tal-miżuri previsti fil-proposta tal-Kummissjoni hija mehmuża fit-tabella hawn taħt.

Tnaqqis fil-konsum

Restrizzjoni tas-suq

Rekwiżit tad-disinn tal-prodott

Rekwiżiti ta’ mmarkar

Responsabbiltà estiża tal-produttur

Għan tal-ġbir separat

Miżuri li jqajmu sensibilizzazzjoni

Kontenituri tal-ikel

X

X

X

Tazez għax-xorb

X

X

X

Stikek tal-cotton buds

X

Pożati, platti, ħawwada u straws

X

Stikek tal-bżieżaq

Bżieżaq

X

X

X

X

Pakketti u boroż

X

X

Kontenituri tax-xorb, it-tappijiet u l-għotjien tagħhom

- Fliexken tax-xorb

X

X

X

X

X

X

X

Filtri tal-prodotti tat-tabakk

X

X

Oġġetti sanitarji:

- Wet wipes

- Assorbenti sanitarji

X

X

X

X

X

Basktijiet tal-plastik ħfief

X

X

Irkaptu tas-sajd

X

X

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Meta wieħed iqis l-enfasi fuq l-użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u fuq ekonomija ċirkolari tal-plastik ġeneralment iktar effettiva bi prestazzjonijiet ekonomiċi u ambjentali aħjar, l-inizjattiva hija konformi b’mod sħiħ mal-għanijiet ta’ politika dwar l-Ekonomija Ċirkolari. L-Ekonomija Ċirkolari tikkostitwixxi parti integrali mill-10 prijoritajiet tal-Kummissjoni tal-President Juncker, b’mod partikolari l-ewwel prijorità tal-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment. Din l-inizjattiva kienet imħabbra wkoll fl-Istrateġija tal-UE għall-Plastiks, bħala parti mill-azzjonijiet ewlenin ippjanati fil-qafas tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari.

Il-proposta hija konsistenti ma’ u tikkomplementa l-leġiżlazzjoni stabbilita tal-UE fil-qasam tal-iskart u l-ilma, b’mod partikolari d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart 5 , id-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ 6 , id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina 7 u d-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi 8 .

Il-leġiżlazzjoni eżistenti dwar l-iskart tistabbilixxi l-għanijiet tal-prevenzjoni tal-iskart u tal-ġestjoni tal-iskart b’mod ġenerali fir-rigward tal-prevenzjoni u t-tnaqqis taż-żibel fil-baħar filwaqt li tħalli l-għażla tal-miżuri f’idejn l-Istati Membri. Din il-proposta tipprovdi għanijiet u miżuri speċifiċi sabiex jiġu indirizzati l-SUPs l-aktar mifruxa u l-irkapu tas-sajd li fih il-plastik. Għalhekk, dan jikkomplementa l-għan stabbilit fl-Artikolu 9 tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Iskart, kif emendata fl-2018, li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri għall-waqfien tat-tixrid taż-żibel fil-baħar u miżuri għall-prevenzjoni tal-iskart u biex dan jiġi miġġieled u jitnaddaf. Barra minn hekk, il-proposta tissupplementa l-Artikolu 8 tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart billi tistabbilixxi l-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur (EPR) fil-livell tal-Istati Membri sabiex ikunu koperti l-ispejjeż tal-prevenzjoni tat-tixrid taż-żibel u tal-ġestjoni tal-iskart, inkluż it-tindif taż-żibel magħmul minn prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss.

Din il-proposta tikkomplementa d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, li teħtieġ li sal-2020 l-Istati Membri jilħqu Status Ambjentali Tajjeb (GES) tal-ilmijiet marini. B’deskrittur wieħed iddedikat għar-rifjuti marini, id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina teżiġi li l-Istati Membri jistabbilixxu Programmi ta’ Miżuri biex jiġi żgurat li “il-kwantitajiet u l-kompożizzjoni ta’ rifjuti marini ma jikkawżawx dannu għall-ambjent kostali u marin”. Il-ħidma dejjiema mwettqa fil-kuntest tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina għall-monitoraġġ taż-żibel fil-baħar fuq ix-xtajtiet Ewropej tikkostitwixxi l-bażi xjentifika ta’ din il-proposta leġiżlattiva. Għal oġġetti speċifiċi, din il-proposta tmur lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina billi tirregola sorsi individwali ta’ tniġġis bis-saħħa tal-identifikazzjoni tal-kawżi u tar-rotot tat-tniġġis tal-plastik fil-baħar.

Il-proposta tiżgura wkoll konsistenza mad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi, li tistipula rekwiżiti għall-ġbir u t-trattament tal-ilma urban mormi u kriterji ta’ kwalità għat-trattament. Għalkemm id-Direttiva tippermetti li tinqabad parti sinifikanti mit-tniġġis rilaxxat, attwalment mhix effettiva biżżejjed, b’mod partikolari għall-ġbir u t-trattament tat-tifwir tal-ilma tal-maltemp. Barra minn hekk, xi oġġetti mormija bħall-istikek tal-plastik tal-cotton buds u applikazzjonijiet sanitarji ma jinqabdux b’mod tajjeb fil-faċilitajiet eżistenti u għalhekk jispiċċaw fuq ix-xtajtiet Ewropej. Din il-proposta leġiżlattiva tikkomplementa dik id-Direttiva billi tipproponi l-aġir upstream mit-trattament tal-ilma mormi permezz tat-tqajjim ta’ sensibilizzazzjoni, tar-responsabbiltà estiża tal-produttur u tar-rekwiżiti tal-ittikkettar għal ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss.

Din il-proposta tintroduċi wkoll miżuri għall-ġestjoni mtejba tal-irkaptu tas-sajd skartat li fih il-plastik li jiġi rritornat lejn ix-xatt u għall-finanzjament tagħha. Dawn il-mekkaniżmi u l-inċentivi mistennija li jżidu s-sehem tal-irkaptu tas-sajd irkuprat meta jintemm l-użu tiegħu. It-trattament ta’ skart iġġenerat mill-irkaptu tas-sajd huwa rregolat u sa ċertu punt finanzjarjament appoġġat permezz ta’ firxa ta’ strumenti tal-UE, li jindirizzaw b’mod partikolari r-rabta bejn ir-regoli ġenerali dwar l-iskart u ż-żibel minn sorsi bbażati fuq il-baħar u mill-irkaptu tas-sajd, u t-traċċar u r-rappurtar tal-irkaptu tas-sajd mitluf jew abbandunat fuq il-baħar. Din il-proposta tikkomplementa l-leġiżlazzjoni eżistenti li bħalissa qed tiġi riveduta 9 , dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet 10 għall-konsenja ta’ skart minn bastimenti. Ir-reviżjoni proposta tinkludi l-bastimenti tas-sajd fis-sistema tal-imposta indiretta ta’ 100 % , li tippermetti lil dawn il-bastimenti d-dritt tal-konsenja tal-iskart kollu tagħhom fil-portijiet, inkluż tal-irkaptu tas-sajd abbandunati. Barra minn hekk, din tikkomplementa wkoll ir-reviżjoni prevista tar-Regolament tal-Kontroll tas-Sajd 11 li jsaħħaħ id-dispożizzjoni għar-rappurtar dwar l-irkaptu mitluf, u dawk li jirrigwardaw l-irkupru ta’ rkaptu mitluf.

Il-proposta attwali tindirizza biss parti mill-kwistjoni taż-żibel tal-plastik fil-baħar. Hija inkluża f’approċċ Ewropew ġenerali integrat u konsistenti biex jiġi indirizzat kull sors taż-żibel tal-plastik fil-baħar kif iddettaljat fl-Istrateġija għall-Plastiks adottata dan l-aħħar. Din l-Istrateġija tisħaq fuq il-lakuni jew in-nuqqasijiet fil-qafas legali u ta’ politika attwali sabiex jiġi indirizzat iż-żibel tal-plastik fil-baħar u tipproponi miżuri mmirati lejn it-titjib fil-prevenzjoni, fil-ġbir u fir-riċiklabbiltà tal-plastiks, b’mod partikolari, tal-imballaġġ tal-plastik. Hija għandha wkoll l-għan li tiżviluppa qafas regolatorju għall-plastiks bi proprjetajiet bijodegradabbli għall-ħarsien tal-ekosistemi mill-ħsara. L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi qed tħejji dossiers dwar il-partiċelli tal-mikroplastik miżjuda intenzjonalment ma’ preparazzjonijiet, bħall-kożmetiċi, u l-użu ta’ plastiks ossodegradabbli; qed jitħejjew miżuri għal mikroplastiks li ma jintużawx fil-prodotti intenzjonalment iżda li jiġu ġġenerati waqt l-użu tagħhom, bħal pereżempju dawk ġejjin mit-tajers u t-tessuti, kif ukoll miżuri biex jitnaqqsu r-rilaxxi tal-gerbub tal-plastik ta’ preproduzzjoni.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Minbarra l-għanijiet ambjentali deskritti hawn fuq, il-proposta għandha l-għan li tippreserva s-suq intern minn frammentazzjoni addizzjonali, li huwa wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Unjoni Ewropea.

L-inizjattiva taqbel kompletament mal-prinċipju tal-innovazzjoni, u mal-azzjonijiet relatati tal-Istrateġija għall-Plastiks biex jiffaċilitaw u jistimolaw l-innovazzjoni u l-investiment lejn soluzzjonijiet ċirkolari bħall-finanzjament tar-riċerka tal-UE fil-kuntest tal-Orizzont 2020 u bħall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej.

B’mod aktar ġenerali, din l-inizjattiva se tgħin sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti (SDG) 12 u 14 12 u l-miri tal-Komunikazzjoni dwar il-Governanza Internazzjonali tal-Oċeani 13 u l-impenji meħuda f’Malta fl-2017 waqt il-Konferenza “Our Ocean”. Din l-inizjattiva hija koerenti mal-Istrateġija 2017 “Lejn ir-Reġjuni Ultraperiferiċi” 14 li tirrikonoxxi l-potenzjal tagħhom għal tkabbir fit-turiżmu u fl-ekonomija blu, kif ukoll fl-ekonomija ċirkolari.

Fl-aħħar nett, l-inizjattiva hija konsistenti mal-obbligi internazzjonali tal-UE fil-qasam tal-politika kummerċjali, b’mod notevoli billi jiġi żgurat li ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn prodotti manifatturati fl-UE u prodotti importati.

Il-proposta se tgħin ukoll biex jinkiseb l-għan prijoritarju nru 1 tas-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali sal-2020: “li jitħares, jiġi kkonservat u msaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni” 15 Din il-proposta taqbel ukoll mal-għan prijoritarju 4, li jesiġi li l-pubbliku jkollu aċċess għal tagħrif ambjentali ċar fil-livell nazzjonali. Għal dak il-fini, il-proposta tagħmel kontroreferenzi u tiggarantixxi l-konsistenza mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2003/4/KE 16 u mad-Direttiva INSPIRE 17 .

Il-proposta timmira wkoll li tiżgura l-obbligi ta’ monitoraġġ u rappurtar simplifikati, u b’hekk jiġi limitat il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri, b’konformità mal-approċċ tal-UE dwar Regolamentazzjoni Aħjar 18 u tal-Kontroll tal-Idoneità dwar Rappurtar u Monitoraġġ 19 .

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-għan ewlieni tal-proposta huwa li timpedixxi u tnaqqas l-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent, b’mod partikolari l-ambjent akkwatiku. Dan jinkiseb billi jiġu ddefiniti għanijiet u miżuri speċifiċi għall-prevenzjoni tal-iskart u għall-ġestjoni tal-iskart rigward il-prodotti tal-plastik l-aktar misjuba li jintużaw darba biss fuq ix-xtajtiet fl-Unjoni, kif ukoll rigward l-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik. Meta dan isir b’mod koordinat fl-Unjoni kollha, il-proposta se tikkontribwixxi wkoll għall-funzjonament bla xkiel tas-suq tal-Unjoni. Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Minħabba l-propensità taż-żibel li jinġarr bir-riħ, bil-kurrenti u bil-marea, il-problema tal-iskart tal-plastik u taż-żibel fil-baħar hija fin-natura tagħha problema transfruntiera u għalhekk ma tistax tiġi indirizzata b’mod iżolat mill-Istati Membri li jaqsmu bejniethom l-istess ibħra u passaġġi tal-ilma. L-azzjonijiet li għandhom jittieħdu jridu jiġu kkoordinati biex ikun żgurat li l-isforzi li saru fuq naħa waħda tal-ibħra ma jiġux imfixkla min-nuqqas ta’ azzjonijiet fuq in-naħa l-oħra. Għal dik ir-raġuni, huwa biss permezz ta’ approċċ ta’ politika koerenti u komprensiv u ta’ miżuri fil-livell tal-UE li ż-żibel fil-baħar jista’ jiġi evitat u mnaqqas effettivament. Barra minn hekk, minħabba d-dimensjoni globali tal-problema, din il-kooperazzjoni hija msaħħa minn azzjonijiet Ewropej u mill-involviment fil-Konvenzjonijiet Ewropej tal-Ibħra Reġjonali billi kollha adottaw pjanijiet ta’ azzjoni reġjonali għall-ġlieda kontra ż-żibel fil-baħar, kif ukoll minn impenji globali meħuda mill-UE u mill-Istati Membri tagħha, bħal pereżempju, il-programmi UNEA u l-SDGs.

Hemm riskju tal-frammentazzjoni tas-suq meta l-Istati Membri jieħdu miżuri b’mod mhux koordinat, li jvarjaw fil-kamp ta’ applikazzjoni, fil-livell ta’ ambizzjoni u ta’ attenzjoni. L-azzjonijiet attwali jimmiraw diversi prodotti tal-plastik u jadottaw approċċi differenti (bħall-projbizzjoni tal-Italja fuq il-cotton buds tal-plastik, ir-regoli Franċiżi dwar il-limitazzjoni tat-tqegħid fis-suq ta’ tazzi u platti tal-plastik li jintużaw darba biss sakemm ma jkunux konformi mal-kriterji speċifiċi ta’ bijodegradabilità). Dan jista’ jwassal għal għadd ta’ restrizzjonijiet fuq l-aċċess għas-suq fost l-Istati Membri, għal ostakli għall-moviment liberu tal-merkanzija u għall-kundizzjonijiet ekwi bejn il-produtturi f’pajjiżi differenti, u b’hekk iqiegħed fil-periklu l-kisba effiċjenti tal-għan tat-tnaqqis taż-żibel fil-baħar, li għandu impatti aktar mifruxa fil-livell tal-UE u dak internazzjonali. Għal din ir-raġuni, jeħtieġ li jiġi stabbilit qafas leġiżlattiv armonizzat għat-twaqqif ta’ għanijiet u miżuri komuni fil-livell tal-UE sabiex jiġi evitat u jitnaqqas iż-żibel fil-baħar b’tali mod li l-miżuri ta’ Stat Membru jkunu ffukati fuq prodotti tal-plastik speċifiċi li jintużaw darba biss u fuq l-irkapu tas-sajd li fih il-plastik. It-tip ta’ miżuri li jridu jintużaw, filwaqt li jġu bbażati fuq valutazzjoni komuni, hija differenzjata skont it-tip tal-oġġett tal-plastik, filwaqt li jitqies il-valur miżjud tal-azzjoni potenzjali tal-UE u l-komplementarjetà mal-azzjoni meħuda mill-Istati Membri tal-UE.

Għal xi oġġetti, il-problema tat-tixrid taż-żibel (eż. tappijiet u għotjien tal-plastik għall-kontenituri tax-xorb) u impatti oħra fuq l-ambjent jistgħu jiġu ttrattati bl-aktar mod effiċjenti permezz ta’ bidliet fid-disinn tal-prodott u jinqalbu għal sostituti sostenibbli (eż. is-sostituzzjoni tal-kontenut tal-plastik). F’każijiet bħal dawn, fejn hemm rabta ċara mar-rekwiżiti tal-prodott u mal-aċċess għas-suq intern, kundizzjonijiet ekwi għan-negozji għandhom importanza.

Barra minn hekk, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, din il-proposta leġiżlattiva għal uħud mill-miżuri tħalli ċerta flessibbiltà għall-Istati Membri –biex jagħżlu l-metodi speċifiċi u l-aktar xierqa għall-implimentazzjoni u għall-ġbir tad-data. Pereżempju, l-Istati Membri għandhom marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni meta jiddeċiedu fuq miżuri nazzjonali kif ikun xieraq, skont il-kundizzjonijiet lokali, sabiex jimplimentaw l-għan tal-UE ta’ tnaqqis sinifikanti fil-konsum ta’ ċerti oġġetti.

Proporzjonalità

Il-proposta hija mmirata u proporzjonata billi tiffoka fuq l-oġġetti makroplastiċi l-aktar misjuba fuq ix-xtajtiet Ewropej skont l-għadd, jiġifieri SUPs u l-irkaptu tas-sajd. Meta l-oġġetti jitqiesu skont l-għadd tagħhom, dan huwa l-aqwa indikatur disponibbli tal-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi. Din l-inizjattiva tiffoka fuq l-għaxar SUPs l-aktar misjuba li jirrappreżentaw 86 % tal-oġġetti SUPs kollha skont l-għadd (u jikkostitwixxu għalhekk 43 % taż-żibel fil-baħar). Ir-regolamentazzjoni tal-prodotti tal-plastik kollha li jintużaw darba biss, kif misjuba fuq ix-xtajtiet, ma tkunx proporzjonata meta mqabbla mal-valur miżjud potenzjali. Dan iwassal għal spejjeż bla bżonn u għal piżijiet fuq l-Istati Membri.

Il-miżuri dwar l-irkaptu tas-sajd huma bbażati fuq il-prinċipju li min iniġġes iħallas, bil-għan, partikolarment, li jiġi żgurat li l-produtturi ta’ rkaptu tas-sajd li fih il-plastik jieħdu r-responsabbiltà għall-fażi tal-iskart tal-prodotti tagħhom, b’mod partikolari, billi jtejbu l-ġbir separat u t-trattament, b’mod partikolari, ir-riċiklaġġ, kif ukoll l-użu mill-ġdid. Dawn il-miżuri jiffaċilitaw inċentivi pożittivi għas-sajjieda li jirritornaw l-irkpatu lejn ix-xatt, filwaqt li jiġi żgurat li ma jkunx hemm piż sproporzjonat fuq l-operaturi tas-sajd, b’mod partikolari għall-operaturi ż-żgħar.

Il-proposta hija adattata biex tindirizza l-problema ambjentali urġenti u, flimkien mal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-azzjonijiet ippjanati fl-Istrateġija għall-Plastiks, sabiex twassal riżultati ambjentali ambizzjużi, filwaqt li jinkisbu impatti ekonomiċi pożittivi, b’effett limitat iżda pożittiv fuq l-impjiegi netti, tinkoraġġixxi l-innovazzjoni, tiżgura l-aċċettazzjoni pubblika, u tikkontribwixxi għal aktar effiċjenza fl-użu tar-riżorsi.

Il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta tipprovdi aktar dettalji dwar il-proporzjonalità tal-elementi f’din il-proposta leġiżlattiva.

Għażla tal-istrument

Huwa propost strument leġiżlattiv speċifiku li jindirizza l-prodotti tal-plastik kollha li jintużaw darba biss billi jimmirahom fi strument legali wieħed billi jiġu ddefiniti għanijiet u miżuri speċifiċi sabiex jiġi evitat u jitnaqqas l-impatt tagħhom fuq iż-żibel fil-baħar. It-tali strument leġiżlattiv speċifiku huwa meqjus bħala l-aktar wieħed xieraq sabiex jiġi evitat xenarju ġuridiku frammentat, meta mqabbel mal-approċċ alternattiv li jkun jinvolvi l-emendar ta’ bosta strumenti legali, pereżempju d-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, id-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ, id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, id-Direttiva dwar il-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet, jew ir-Regolament tal-Kontroll tas-Sajd.

Filwaqt li għal xi prodotti hija meħtieġa l-armonizzazzjoni fil-livell tal-UE, għal prodotti tal-plastik oħrajn li jintużaw darba biss u għall-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik, skont il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-iskart, huwa meħtieġ li titħalla xi flessibbiltà lill-Istati Membri biex jagħżlu l-aħjar strumenti ġuridiċi, amministrattivi u ekonomiċi biex jimplimentaw l-għanijiet u l-miżuri definiti. Għalhekk, Direttiva hija l-istrument legali xieraq sabiex jintlaħqu l-għanijiet u l-miżuri previsti.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Għall-fini ta’ din il-proposta leġiżlattiva, ġie mfassal xenarju eżawrjenti tal-leġiżlazzjoni eżistenti biex wieħed jifhem fejn huma meħtieġa l-azzjonijiet komplementari tal-UE sabiex jiġu ttrattati t-tixrid tal-SUPs u l-impatt tagħhom fuq l-ambjent. Dik il-leġiżlazzjoni ta’ spiss timmira perkorsi differenti, hija leġiżlazzjoni frammentata f’termini ta’ fuq xiex tiffoka u ta’ ambizzjoni u għad ma kellhiex l-impatt meħtieġ fuq iż-żibel fil-baħar.

Kif spjegat fit-taqsima 2 hawn fuq, l-Istrateġija għall-Plastiks li ġiet adottata dan l-aħħar tidentifika ħtieġa għal proposta leġiżlattiva fil-livell tal-UE li timmira l-SUPs b’mod speċifiku.

Skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart, jenħtieġ li l-iskart kollu jkun suġġett għall-ġbir u t-trattament xieraq. Din il-leġiżlazzjoni tiddefinixxi miri ta’ riċiklaġġ għall-iskart muniċipali (65 % sal-2030) u għall-iskart mill-imballaġġ tal-plastik (55 % sal-2030) li se jkomplu jżidu l-qbid tal-iskart tal-plastik. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jilħqu dawn l-għanijiet mingħajr sforzi mtejba dwar it-tixrid taż-żibel. L-aħħar emendi għad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart se jitolbu lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jidentifikaw is-sorsi ewlenin taż-żibel fil-baħar kif ukoll jieħdu miżuri sabiex jimpedixxu u jnaqqsu l-iskart minn dawk is-sorsi. Minkejja dan, bosta fatturi marbutin ma’ infrastruttura tal-iskart inadegwata u ma’ mġiba tal-konsumaturi mhux xierqa xorta se jirriżultaw f’tixrid taż-żibel u f’rilaxx tal-plastik fl-ambjent. Din l-inizjattiva tikkomplementa l-leġiżlazzjoni dwar l-iskart il-ġdida billi tipprovdi soluzzjonijiet fil-livell Ewropew għal parti sinifikanti tas-sorsi tat-tixrid taż-żibel. Din tenfasizza l-importanza ta’ “strument legali ffokat fuq il-prodott”, kif ikkonfernat mir-riżultati miksuba permezz tad-Direttiva dwar il-Basktijiet tal-Plastik li kienet l-ewwel strument Ewropew ta’ din in-natura u li kisbet tnaqqis reali fil-konsum u fl-impatti ambjentali relatati tal-oġġett fil-mira.

L-evalwazzjoni tal-programmi ta’ miżuri mwettqa fil-qafas tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, turi li dawn jipprovdu ħarsa ġenerali utli tal-azzjonijiet meħuda jew ippjanati, iżda li huma meħtieġa miżuri addizzjonali sabiex dawn isiru effettivi. Din il-proposta leġiżlattiva tmur lil hinn billi tirregola sorsi individwali ta’ tniġġis bis-saħħa tal-identifikazzjoni tal-kawżi u tar-rotot tat-tniġġis mill-plastik fil-baħar.

Waħda mil-limitazzjonijiet tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi, li bħalissa qed jiġi evalwat, hija marbuta mar-rekwiżiti dwar il-qbid u t-trattament tat-tifwir tal-ilmijiet tal-maltemp, li jkun jeħtieġ li jiġu kkunsidrati. Din il-proposta leġiżlattiva l-ġdida timmira li tindirizza din il-kwistjoni billi tħeġġeġ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u rekwiżiti tat-tikkettar li jimpedixxu l-ifflaxxjar ta’ oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss li ma jinqabdux kif suppost mis-sistemi kollha tat-trattament tad-drenaġġ.

L-iskart mill-irkaptu tas-sajd huwa rregolat permezz ta’ firxa ta’ strumenti tal-UE. Madankollu għad hemm lakuni notevoli. B’mod partikolari, bħalissa ma hemm l-ebda inċentiv speċifiku għall-operaturi biex tiġi żgurata rata massima tar-ritorn lix-xatt tal-iskart tal-irkaptu tas-sajd u ma hemmx fis-seħħ mekkaniżmi tal-kondiviżjoni tal-piżijiet. Għalhekk, ir-reviżjoni li għaddejja tad-Direttiva dwar il-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet timxi id f’id ma’ din il-proposta biex jiġi rregolat l-irkaptu tas-sajd billi tindirizza d-diżinċentivi preċedenti għall-bastimenti li jirritornaw l-iskart tagħhom lix-xatt flimkien mal-iskart mistad tagħhom. Barra minn hekk, ir-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Kontroll tas-Sajd teħtieġ l-immarkar tal-irkaptu, il-ġarr abbord tat-tagħmir tal-irkupru, l-irkupru tal-irkaptu mitluf, jew ir-rappurtar tat-telf f’każ li ma jkunx jista’ jiġi rkuprat permezz tar-rappurtar elettroniku ta’ kuljum. Madankollu, il-qafas leġiżlattiv attwali jista’ jissaħħaħ aktar billi jipprovdi inċentivi għall-ġestjoni aktar effiċjenti tal-irkaptu tas-sajd bħala fluss speċifiku tal-ġestjoni u r-riċiklaġġ tal-iskart. Din il-proposta leġiżlattiva l-ġdida timmira li tindirizza dan permezz ta’ skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-konsultazzjoni pubblika, li saret bejn Diċembru 2017 u Frar 2018, kisbet aktar minn 1800 kontribuzzjoni. 98,5 % ta’ dawk li wieġbu jqisu li l-azzjoni biex jiġi affrontat iż-żibel fil-baħar mill-SUPs hija “neċessarja”, u 95 % jqisu li hija “neċessarja u urġenti”. Aktar minn 70 % tal-manifatturi u aktar minn 80 % tad-ditti u r-riċiklaturi qiesu li l-azzjoni hija “neċessarja u urġenti”. Kienu 2 % biss ta’ dawk li wieġbu li jaħsbu li m’għandux ikun hemm miżuri ġodda fil-livell Ewropew, u 79 % ħasbu li jekk ma jittieħdux miżuri fil-livell tal-UE, dawn se jibqgħu ineffettivi.

Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika kienu favur l-użu tal-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur biex ikopru l-ispejjeż tat-tindif taż-żibel li huwa valur miżjud ewlieni ta’ din il-proposta leġiżlattiva meta mqabbla mar-rekwiżiti minimi ddefiniti fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart għall-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur. Barra minn hekk, il-konsultazzjoni pubblika wriet appoġġ għar-rekwiżiti leġiżlattivi tad-disinn imtejjeb bħala wieħed mill-aktar approċċi effettivi, segwit mill-miri tat-tnaqqis, li kienu kkunsidrati fil-proposta bħala azzjoni ewlenija li għandha tiġi implimentata mill-Istati Membri.

Rigward l-irkaptu tas-sajd, 88 % ta’ dawk li wieġbu huma favur il-miżuri li joħolqu inċentivi biex l-iskart fil-baħar u l-irkaptu tas-sajd li wasal fit-tmiem tal-ħajja tiegħu jittellgħu l-art u 77 % xtaqu faċilitajiet aħjar tal-ġbir u tas-separazzjoni fuq il-bastimenti u fil-portijiet.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Fil-qafas tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, fl-2016 l-attivitajiet tal-Grupp Tekniku dwar l-Iskart Marin taċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka (programmi ta’ monitoraġġ, kampanji ta’ tindif u proġetti ta’ riċerka) wasslu informazzjoni dwar l-oġġetti taż-żibel u informazzjoni dwar l-oġġetti taż-żibel fil-baħar misjuba fuq ix-xtajtiet Ewropej, miġburin minn 276 xtajta ta’ 17-il Stat Membru tal-UE u minn erba’ Ibħra Reġjonali. Total ta’ 355,671 oġġett osservati waqt 679 stħarriġ kienu kklassifikati skont l-abbundanza, prinċipalment f’konformità mal-Lista Definittiva ta’ Kategoriji ta’ oġġetti ta’ żibel fuq ix-xtajtiet tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina. Il-lista tal-JRC imbagħad intużat għall-kompilazzjoni ta’ lista iqsar ta’ klassifikazzjonijiet diskreti li jipprovdu l-kontribuzzjonijiet relattivi ta’ oġġetti li huma simili f’termini tas-sors, tal-użu jew tal-materjal, u li ġeneralment jaqgħu fi ħdan qasam ta’ politika definit. Din id-data ġiet ikkomplementata wkoll minn diversi proġetti diġà eżistenti li għaddejjin bħall-“Marine Litter Watch” 20 żviluppat mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

Is-sħubija tan-Netwerk Ewropew ta’ Osservazzjoni 21 u Data Marittima, EMODnet 22 u l-Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali ġabu magħhom ukoll għarfien espert importanti għal din il-proposta leġiżlattiva, pereżempju billi kkontribwixxew għall-ħidma tal-JRC fl-assemblaġġ u l-armonizzazzjoni tad-data sabiex tingħata stampa ġenerali aħjar dwar il-konċentrazzjonijiet ta’ skart tal-plastik fl-ibħra u f’qiegħ il-baħar Ewropej.

Fir-rigward ta’ SUPs u l-irkaptu tas-sajd, il-Kummissjoni Ewropea bbażat ruħha wkoll fuq il-ħidma ta’ konsulenti esterni. Fir-rigward tal-SUPs, abbażi tad-data tal-JRC, dawn analizzaw il-kawżi u r-rotot li jwasslu għaż-żibel fil-baħar u l-miżuri possibbli ewlenin li jistgħu jitressqu f’din il-proposta leġiżlattiva ġdida sabiex jiġu indirizzati l-SUPs. F’dak li jirrigwarda l-irkaptu tas-sajd, twettaq studju separat u fil-fond 23 biex wieħed jifhem fejn jinsabu l-lakuni leġiżlattivi u liema miżuri għandhom jikkomplementaw ix-xenarju bażi eżistenti sabiex jitnaqqas l-impatt tal-irkaptu tas-sajd fuq l-ambjent tal-baħar. L-analiżi kkunsidrat rivisti tal-letteratura tar-riċerka eżistenti, sessjonijiet ta’ ħidma li kienu jinvolvu lill-uffiċjali tal-Kummissjoni u partijiet ikkonċernati esterni u riċerka bbażata fl-uffiċċji, inklużi l-bażijiet tad-data tal-PRODCOM tal-EUROSTAT (id-dejta tal-UE dwar il-kummerċ estern, l-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet u l-produzzjoni).

Matul l-istudju, twettqet firxa ta’ intervisti formali u informali mal-partijiet ikkonċernati minn istituzzjonijiet pubbliċi, minn NGOs, minn assoċjazzjonijiet tal-industrija u minn negozji sabiex dawn jgħinu jiżviluppaw l-analiżi tal-problema u tal-impatt. Dawn l-intervisti eżaminaw x’kien teknikament fattibbli u l-effetti diretti li aktarx ikollhom ċerti għażliet. L-intervisti ntużaw ukoll biex tinġabar data speċifika marbuta mal-prestazzjoni u l-ispejjeż u kif dawn jistgħu jinbidlu bħala riżultat ta’ miżuri ta’ intervent potenzjali.

Valutazzjoni tal-impatt

Sommarju tal-valutazzjoni tal-impatt huwa mehmuż ma’ din il-proposta. Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ħareġ opinjoni negattiva, segwita minn opinjoni pożittiva b’riżervi 24 , abbażi tal-valutazzjoni tal-impatt riveduta. Fl-opinjoni finali ll-Bord irrikonoxxa li r-rapport rivedut juri b’mod aktar ċar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-inizjattiva, limitat għall-makroplastiks. Intalbu aktar dettalji prinċipalment fuq ir-rwol komplementari ta’ strument ġdid għal-leġiżlazzjoni eżistenti kemm b’rabta (1) mal-irkaptu tas-sajd (valur miżjud meta mqabbel mar-Regolament dwar il-Kontroll, id-Direttiva dwar il-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet u l-Fond Ewropew Marittimu u għas-Sajd) u (2) mal-SUPs (tifsira għall-ambizzjoni dgħajfa tal-leġiżlazzjoni attwali jew implimentazzjoni dgħajfa). Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju talab aktar informazzjoni dwar l-effetti dannużi tal-SUPs bħala grupp u bħala oġġetti individwali, u dwar il-fatt li azzjoni tal-Istat Membru individwali tista’ twassal għall-frammentazzjoni tas-suq.

B’riżultat ta’ dan, il-valutazzjoni tal-impatt finali tkompli tiċċara li ż-żibel fil-baħar jikkawżaw ħsara ekonomika, soċjali u ambjentali u tiddeskrivi kif in-nuqqasijiet fl-acquis eżistenti huma koperti għaliex il-leġiżlazzjoni eżistenti għall-ġestjoni tal-iskart, għat-trattament tal-ilma mormi, għall-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet eċċ. mhix biżżejjed biex tindirizza l-kawżi tal-problemi għall-impatti ta’ oġġetti speċifiċi. B’rabta mal-SUPs, il-leġiżlazzjoni dwar l-iskart se jkollha effetti prinċipalment fuq iż-żieda tar-riċiklaġġ, b’impatt iżgħar fuq it-tixrid taż-żibel. Il miżuri upstream bil-għan li jitnaqqas il-konsum huma aktar effiċjenti. Il-valutazzjoni tal-impatt ikkonfermat li, bħala grupp, l-oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss u l-irkaptu tas-sajd li nstabu l-iktar ta’ spiss jikkostitwixxu kontribuzzjoni għolja għaż-żibel makro fil-baħar. Huma jammontaw għal madwar 70 % taż-żibel fuq ix-xtajtiet skont l-għadd, iżda l-kontribuzzjoni ta’ kull oġġett individwali tgħodd ukoll. Fil-każ tal-irkaptu tas-sajd, l-iżvilupp ta’ miżuri addizzjonali kien parti mill-approċċ segwit fil-kuntest tal-Istrateġija tal-UE għall-Plastiks u r-reviżjoni proposta tad-Direttiva dwar il-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet 25 . Fil-proposta għar-reviżjoni ta’ din id-Direttiva, is-sajjieda individwali mhux se jiġu penalizzati meta jtellgħu l-iskart fuq l-art. Madankollu, it-tariffi tal-portijiet se jiżdiedu jekk jittella’ iktar skart l-art u jeħtieġ li l-faċilitajiet tal-immaniġġjar tal-iskart jiġu aġġornati, speċjalment fil-portijiet tas-sajd iż-żgħar li ħafna bastimenti li jużaw. Minbarra li tiżgura ġestjoni msaħħa tal-iskart tal-irkaptu tas-sajd ladarba jinħatt l-art fil-port, l-iskema ta’ responsbilitia estiża tal-produttur proposta tiżgura li l-produtturi tal-ikaptu tas-sajd li fih il-plastik, jieħdu f’idejhom l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-iskart, inklużi l-ispejjeż kollha jew xi wħud minnhom marbuta mal-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet.

Barra minn hekk, il-valutazzjoni tipponta lejn riskju li qed jiżdied u li ntwera, tal-frammentazzjoni tas-suq, jiġifieri kif ir-reġjuni jew l-Istati Membri individwali jittrattaw il-kwistjoni tal-SUPs u l-irkaptu tas-sajd. Għalhekk din il-proposta għandha l-għan li tiżgura livell minimu ta’ koerenza tal-miżuri fl-Istati Membri, sabiex jiġu evitati kundizzjonijiet mhux ekwi, li jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetittività bejn l-operaturi, li min-naħa tagħha tista’ tfixkel il-ksib tal-għan tat-tnaqqis tal-skart. Din il-proposta leġiżlattiva tikseb bilanċ tajjeb bejn id-disponibbiltà ta’ alternattivi u l-ħtieġa ta’ armonizzazzjoni.

Fl-aħħar nett, l-Unjoni Ewropea teħtieġ li tkun minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra ż-żibel tal-plastik fil-baħar fl-ibħra Ewropej permezz tal-azzjonijiet tal-Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali iżda wkoll fil-livell internazzjonali. Billi tieħu azzjoni l-UE se tixpruna lil pajjiżi oħra biex jaġixxu, li jwassal għal tnaqqis globali taż-żibel fil-baħar fl-Ibħra Ewropej u lil hinn minnhom.

Għalhekk hija rilevanti ħafna l-azzjoni legali diretta b’rabta ma’ dawn il-punti sabiex ikun hemm azzjoni kontra t-tniġġis tal-baħar.



Plastiks li jintużaw darba biss

Il-valutazzjoni tal-impatt teżamina firxa wiesgħa ta’ miżuri. Ġew immudellati erba’ għażliet jew xenarji, b’għażla ta’ miżuri applikati għall-oġġetti differenti. Kull għażla tippreżenta pass ’il fuq fil-livell ta’ ambizzjoni fir-rigward tal-eżiti ġenerali. Kunsiderazzjoni essenzjali f’dan il-kuntest kien l-impatt mistenni fuq il-fluss tal-SUPs fl-ambjent tal-baħar.

Dan irriżulta fi tliet kategoriji ta’ oġġetti:

·Għall-oġġetti li għalihom hemm alternattivi sostenibbli disponibbli, l-għan huwa li jiġu promossi alternattivi li jagħmlu inqas ħsara.

·Oġġetti li għalihom ma jeżistux alternattivi. Għal dawn l-oġġetti, l-għan huwa li jiġu limitati d-danni billi l-konsumaturi jiġu infurmati aħjar u billi l-produturi jsiru finanzjarjament responsabbli għall-konsegwenzi fuq l-ambjent.

·L-oġġetti li diġà qed jinqabdu b’mod xieraq, fejn l-għan huwa li jiġi żgurat li jispiċċaw fiċ-ċirkwit eżistenti (jew imminenti) tal-ġbir separat u tar-riċiklaġġ.

L-erba’ xenarji li tqabblu max-xenarju bażi nru 1 u li huma deskritti hawn taħt.

Ix-xenarju 2a – Impatt aktar baxx fuq it-tnaqqis taż-żibel fil-baħar

Dan ix-xenarju jindirizza l-kawżi b’mod limitat. Jinkludi kampanji ta’ informazzjoni, azzjonijiet volontarji u t-tikkettar u jista’ jżid is-sensibilizzazzjoni ġenerali (eż. dwar il-kwistjoni taż-żibel, ir-rotot tipiċi, ir-rimi kif suppost), u għalhekk l-imġiba tal-konsumatur. Madankollu, mhuwiex ċar xi jkun l-eżitu għaliex ftit li xejn hemm evidenza li t-tali sensibilizzazzjoni effettivament tbiddel l-imġiba tal-persuni.

Ix-xenarju 2b – Impatt medju fuq it-tnaqqis taż-żibel fil-baħar,

Dan ix-xenarju huwa aktar effettiv minn 2a, għalkemm huwa aktar diffiċli biex jiġi implimentat, u jġorr miegħu aktar spejjeż u piż għal dawk affettwati.

Ix-xenarju 2c – Impatt bejn medju u għoli fuq it-tnaqqis taż-żibel fil-baħar (l-għażla magħżula)

Dan ix-xenarju għandu jindirizza b’mod aktar adegwat il-kawżi sottostanti u jmur oltre biex ibiddel l-imġiba tal-konsumaturi. Dan jinkludi miżuri tad-disinn tal-prodott għall-fliexken tax-xorb bit-tappijiet imwaħħlin li jkollhom impatt dirett fuq ir-rilaxx tat-tappijiet fl-ambjent.

Ix-xenarju 2d – Impatt massimu fuq it-tnaqqis taż-żibel fil-baħar

Dan ix-xenarju jkomplu jtejjeb l-indirizzar tal-kawżi sottostanti, b’mod notevoli n-nuqqas ta’ inċentiv biex l-SUPs jinġabru u jiġu ġestiti kif suppost meta jintemm l-użu tagħhom, iżda bi spiża ogħla, jiġifieri fir-rigward tat-trattament tal-ilma mormi. Dan jinkludi l-introduzzjoni ta’ skema tar-rimborż tad-depożitu jew sistemi ekwivalenti u tkun tinvolvi spiża addizzjonali (madwar EUR 1,4 biljun għall-UE) iżda għandu jkompli jnaqqas b’mod sinifikanti ż-żibel fil-baħar kif ukoll itejjeb il-kwalità tal-materjal miġbur u r-rati ta’ riċiklaġġ. Bħal fl-iskemi kollha ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur l-ispiża tal-introduzzjoni u t-tmexxija ta’ skema tar-rimborż tad-depożitu, normalment tinġarr mill-atturi ekonomiċi involuti fil-katina tal-provvista rilevanti skont l-istruttura, iżda mhux mill-awtoritajiet pubbliċi. L-aqwa prattiki għat-trattament tal-ilma mormi għandhom itejbu l-infrastruttura iżda jeħtieġu investiment addizzjonali importanti ta’ madwar EUR 7,7 biljun fis-sena. Din il-miżura hija diffiċli li tiġi ġġustifikata jekk l-għan ikun biss li tissolva l-problema tal-wet wipes, iżda hija rilevanti għal firxa ferm usa’ tar-rilaxxi tat-tniġġis. L-evalwazzjoni li għaddejja tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (UWWTD) se tipprovdi data aktar dettaljata dwar din il-kwistjoni.

Sabiex jiġu evitati konsegwenzi mhux intenzjonati fir-rigward tal-impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali, huwa meqjus li t-tranżizzjoni lejn l-alternattivi għandha tkun orjentata lejn l-eżiti u għandu jkollhom spazju mifrux għall-potenzjal ta’ soluzzjonijiet. Tali approċċ huwa konformi mal-prinċipju tal-innovazzjoni, irendi l-proposta leġiżlattiva li tħares ’il quddiem (“vijabbiltà għall-futur”) u favorevoli għall-innovazzjoni.

F’konformità mal-analiżi li saret dwar l-għażliet ta’ politika differenti u dwar l-ispeċifiċitajiet ta’ kull oġġett SUP, ix-Xenarju 2c intagħżel bħala l-għażla ppreferuta. Ix-xenarju jinkludi l-azzjonjiet li ġejjin:

·Restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq ta’ SUPs li għandhom alternattivi li huma faċilment disponibbli (eż. straws);

·Miri ta’ tnaqqis ġenerali (eż. tazez għax-xorb, kontenituri tal-ikel) li jippermettu lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri tagħhom stess biex jiksbu t-tnaqqis. L-ispejjeż biex jiġu implimentati dawn il-miżuri mbagħad se jiddependu fuq l-għażla u fuq it-tfassil tal-miżuri adottati fil-livell nazzjonali;

·Miżuri li jqajmu sensibilizzazzjoni u skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għall-oġġetti kollha li ma jaqgħux fil-kuntest tal-miżura tar-restrizzjoni tas-suq, sabiex dawn jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-prevenzjoni, tal-ġestjoni tal-iskart, inkluż it-tindif taż-żibel, eskluż l-irkaptu tas-sajd;

·Rekwiżiti ta’ tikkettar li jinfurmaw lill-konsumaturi dwar operazzjonijiet xierqa ta’ rimi tal-iskart jew mezzi ta’ rimi li għandhom jiġu evitati (eż. wet wipes);

·Miżuri tad-disinn tal-prodott (eż. fliexken tax-xorb b’rabta mat-tappijiet imwaħħlin).

Madankollu l-għażla IA turi li l-iskemi tar-rimborż tad-depożitu jew sistemi ekwivalenti għall-fliexken tax-xorb tal-plastik li jwasslu għal rati ta’ ġbir għoljin simili (eżaminati bħala parti mill-għażla 2d) jista’ jkun strument effikaċi ħafna biex iwassal għal rati għoljin ta’ ġbir, u jimpedixxi t-tixrid taż-żibel u taż-żibel fil-baħar b’mod partikolari. L-iskemi tar-rimborż tad-depożitu għalhekk żdiedu mat-taħlita ta’ politika ppreferuta. Dawn għandhom impatt dirett u pożittiv fuq il-ġbir minħabba t-tariffa tad-depożitu u dawn iwasslu għal kwalità mtejba tal-materjal miġbur u sussegwentement għal riċiklat ta’ kwalità għolja. Filwaqt li l-flessibbiltà titħalla f’idejn l-Istati Membri biex jagħżlu strumenti xierqa, huwa għalhekk propost li tiġi stabbilita mira minima tal-ġbir separat f’livell li jirrifletti l-livell medjan tar-rata tal-ġbir tal-iskemi eżistenti fl-UE tar-rimborż tad-depożitu għall-fliexken tal-plastik li jintużaw darba biss (90 %). L-iskemi tar-rimborż tad-depożitu jew skemi ekwivalenti jistgħu joffu soluzzjonijiet u infrastruttura sabiex jinkiseb ġbir aħjar tal-kontenituri tax-xorb magħmula minn materjali oħrajn, soġġett għall-miri tar-riċiklaġġ għall-imballaġġ, b’mod partikolari l-aluminju. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu miżuri bħal dawn ukoll għall-imballaġġ tax-xorb magħmul minn materjali oħrajn.

Għal raġunijiet ta’ fattibbiltà, għall-wet wipes il-proposta eventwali hija l-għażla 2b li tipprevedi l-obbligi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur, ir-rekwiżiti tat-tikkettjar u l-miżuri li jqajmu sensibilizzazzjoni. Għall-assorbenti sanitarji, huma proposti rekwiżiti tat-tikkettar u miżuri li jqajmu sensibilizzazzjoni.

Għall-basktijiet tal-plastik ħfief, inklużi l-basktijiet tal-plastik ħfief ħafna, li huma fost l-oġġetti l-aktar misjuba fuq ix-xtajtiet tal-Unjoni, diġà teżisti legiżlazzjoni, jiġifieri d-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ, li tistabbilixxi għanijiet għat-tnaqqis fil-konsum. Din il-proposta tipprevedi skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur u miżuri li jqajmu sensibilizzazzjoni għall-basktijiet tal-plastik ħfief kollha.



Irkaptu tas-sajd

L-ewwel xenarju ikkunsidrat jikkonsisti fl-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri eżistenti u l-proposta diġà mressqa, li twassal għal dawn l-iżvantaġġi li ġejjin:

·Skont ir-Regolament rivedut dwar il-Kontroll, ma hemm l-ebda inċentiv partikolari speċifiku għas-sajjieda biex iżidu l-kwantità ta’ rkaptu li ma jirrappurtawx bħala mitluf u li ma jġibux lura lejn l-art.

·Billi d-Direttiva riveduta dwar il-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet tnaqqas b’mod sinifikanti d-diżinċentiv tal-ispejjeż u l-piżijiet għas-sajjieda biex jirritornaw l-irkaptu u skart ieħor fil-port, għandha l-għan li ttejjeb il-ġbir tal-iskart minn bastimenti (inklużi bastimenti tas-sajd) b’mod ġenerali, jiġifieri mhijiex immirata lejn it-trattament tal-iskart tal-irkaptu tas-sajd b’mod speċifiku. Id-Direttiva ma tinkludix inċentivi pożittivi diretti għall-ġbir tal-irkaptu tas-sajd skartat kollu u għat-trattament sussegwenti tiegħu b’mod li timmassimizza l-potenzjal tal-użu mill-ġdid u tar-riċiklaġġ tal-kontenut tal-plastik fl-irkaptu tas-sajd. Miżuri tal-Istati Membri li għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċitajiet tal-ġbir tal-iskart u tal-irkaptu tas-sajd jew l-iżvilupp ta’ skemi ta’ riċiklaġġ għall-irkaptu tas-sajd huma wisq eteroġenji u lokali biex ikunu effiċjenti. Fid-dawl ta’ dan, il-proposta għal Direttiva riveduta dwar il-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet tipprevedi li se jiġu meqjusa passi ulterjuri fl-Istrateġija tal-UE għall-Plastiks 26 sabiex jitjiebu l-ġbir u t-trattament tal-irkaptu tas-sajd.

It-tieni xenarju kkunsidrat jikkonsisti fl-introduzzjoni ta’ skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għall-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik.

It-tielet xenarju kkunsidrat jikkonsisti fit-tisħiħ tal-proposta għal skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur biż-żieda ta’ skema ta’ depożitu u ta’ mira ta’ riċiklaġġ li għandhom ikomplu jsaħħu l-livell tar-ritorn tal-irkaptu. Madankollu, dan jinvolvi aktar spejjeż għall-implimentazzjoni, u potenzjalment iżid l-ispejjeż għas-settur filwaqt li jżid ukoll il-piż amministrattiv. Barra minn hekk, fil-każ tal-irkaptu tas-sajd, u bil-kuntrarju tal-materjal tal-plastik fuq l-art, ir-riskju li d-depożitu jintilef huwa relattivament għoli, u dan potenzjalment inaqqas l-impatt tiegħu bħala inċentiv.

Parti minn din l-għażla kienet ukoll l-iffissar ta’ mira ta’ riċiklaġġ. Il-kumplessitajiet għad-definizzjoni ta’ mira bħal din, u l-piż amministrattiv u l-ispejjeż tal-monitoraġġ tagħha kienu meqjusa bħala sproporzjonati, b’mod partikolari, f’kuntest fejn l-istabbiliment ta’ skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur fiha nifsha diġà aktarx tistimola l-iżvilupp ulterjuri tas-suq attwali żgħir għar-riċiklaġġ tal-materjali tal-irkaptu tas-sajd.

Ir-raba’ xenarju jżid fi ħdan l-iskema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur l-obbligu tal-iffinanzjar ta’ skema obbligatorja tal-irkupru għall-irkaptu tas-sajd. Dan ġie konkluż bħala sproporzjonat, li jirdoppja x-xogħol u li mhuwiex prattiku. Dan kieku jwassal biex il-produtturi tal-irkaptu tas-sajd ikunu responsabbli biex ikopru l-ispejjeż tal-azzjoni tal-irkupru li hija bbażata fuq il-parteċipazzjoni volontarja u li bħalissa qed tiġi appoġġata bl-istrumenti finanzjarji lokali, nazzjonali u tal-UE. L-irkupru tal-irkaptu diġà huwa mdaħħal bħala obbligu fir-Regolament dwar il-Kontroll fil-kuntest tal-Politika Komuni tas-Sajd.

Għalhekk, l-aktar xenarju effiċjenti biex jiġi indirizzat l-irkaptu tas-sajd u biex jiġu kkomplementati l-lakuni fil-leġiżlazzjoni eżistenti huwa l-introduzzjoni ta’ skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għall-produtturi tal-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik. Din l-għażla titqies bħala l-aktar waħda effettiva b’mod ġenerali biex jitnaqqas l-impatt potenzjali tas-sehem taż-żibel fil-baħar mill-irkaptu tas-sajd u tal-akkwakutura li jiġu abbandunati, mitlufa u mwarrba. Hija għandha tirfed u tiffaċilita l-implimentazzjoni sħiħa ta’ strumenti oħra, u tkompli tgħin biex jitnaqqas l-ammont tal-influss ta’ skart mill-irkaptu tas-sajd. B’mod partikolari, tibni fuq u tissupplementa r-Regolament dwar il-Kontroll u l-proposta tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Faċilitajiet tal-Akkoljenza fil-Portijiet biż-żieda ta’ mekkaniżmu ddedikat li jiffaċilita l-ġbir separat u r-ritorn tal-irkaptu tas-sajd skartat lis-sistemi tal-ġbir u tat-trattament tal-iskart mill-irkaptu tas-sajd, b’mod partikolari, ir-riċiklaġġ. Dan, b’mod partikolari, se jikkontribwixxi sabiex jittaffu l-piżijiet finanzjarji għall-portijiet ta’ skala żgħira u/jew għall-operaturi tas-sajd li jistgħu jiffaċċjaw spejjeż ogħla marbutin maż-żieda fil-ġbir u t-trattament tal-irkaptu tas-sajd skartat ladarba jitwassal fil-portijiet.

Dan it-tip ta’ inċentiv pożittiv sabiex l-iskart jittella’ l-art huwa meqjus mill-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati bħala l-aktar mezz effettiv għat-tnaqqis tat-telf tal-irkaptu fil-baħar.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Tqieset bħala ħaġa mhux ġustifikata li l-mikrointrapriżi jiġu eżenati mill-inizjattiva jew li jkunu previsti reġimi eħfef għall-SMEs. Madankollu, il-miżuri previsti f’din l-inizjattiva huma mistennija li jżidu l-opportunitajiet għall-mikrointrapriżi u għall-SMEs fl-Ewropa. Kumpaniji Ewropej li diġà adottaw mudelli tad-disinn u tan-negozju ċirkolari se ikollhom suq ikbar u iktar opportunitajiet ta’ kummerċ, ta’ investiment u ta’ negozju. Il-biċċa l-kbira tal-50,000 kumpanija fis-settur tal-konvertituri tal-plastik fl-UE huma SMEs. L-effett fuqhom se jiddependi fuq jekk in-negozju tagħhom huwiex dipendenti fuq l-SUPs, u l-kapaċità tagħhom li jaqilbu għall-manifattura ta’ oġġetti oħrajn tal-plastik. Parti kbira mill-oġġetti SUP immirati b’restrizzjonijiet tas-suq huma prodotti barra mill-UE. Barra minn hekk, SMEs bħall-bejjiegħa bl-imnut jistgħu jesperjenzaw impatt pożittiv billi jevitaw il-ħtieġa li jixtru oġġetti li jintużaw darba biss li jakkumpanjaw l-ikel jew li jkun fihom l-ikel jew ix-xorb li huma jbigħu. Tnaqqis fl-infiq tal-konsumatur se jissarraf fit-tnaqqis tal-bejgħ bl-imnut iżda se jkun hemm ibbilanċjar mill-ġdid hekk kif il-konsumaturi jonfqu flushom fuq alternattivi, u jiffavorixxu reazzjonijiet innovattivi. Se jiġu żviluppati mudelli tan-negozju ġodda sabiex oġġetti b’użi multipli jsiru disponibbli għall-konsumaturi u dan jista’ jnaqqas l-ispejjeż, speċjalment minħabba li l-għażliet jiżdiedu.

Sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-ispejjeż tal-konformità għall-Istati Membri u għall-operaturi, l-arranġamenti previsti għall-monitoraġġ u r-rappurtar huma sempliċi u jenħtieġ li kemm jista’ jkun dawn jibbenefikaw minn sinerġiji ma’ sistemi eżistenti ta’ rappurtar kif spjegat fit-Taqsima 5 hawn taħt.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-Unjoni.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Jenħtieġ li l-organizzazzjoni u l-metodi tal-ġbir tad-data, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, jibqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri.

L-għadd ta’ oġġetti l-aktar misjuba fuq ix-xtajtiet jibqa’ indikatur effiċjenti biex jiġi vvalutat l-ammont taż-żibel fil-baħar li jinsab fuq il-kosta Ewropea u l-evoluzzjoni tal-oġġetti tal-plastik l-aktar misjuba li jintużaw darba biss. Pereżempju fl-Irlanda, wara l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Basktijiet tal-Plastik, ġie osservat tnaqqis kbir tal-basktijiet tal-plastik li nstabu fuq ix-xtajtiet. L-Istati Membri għandhom jużaw il-metodoloġija żviluppata mill-Grupp Tekniku tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina fuq iż-żibel fil-baħar, stabbilita wkoll fir-Rapporti Tekniċi tal-JRC. F’April 2017 ġiet adottata Deċiżjoni tal-Kummissjoni riveduta li tistabbilixxi kriterji u standards metodoloġiċi. Din teħtieġ li fil-każijiet kollha l-iskart jiġi mmonitorjat f’xatt il-baħar u barra minn hekk jista’ jiġi mmonitorjat ukoll f’wiċċ il-baħar u f’qiegħ il-baħar; meta jkun fattibbli, għandha tinġabar informazzjoni dwar is-sors u r-rotta kif jidħol l-iskart.

Se jkun meħtieġ ukoll monitoraġġ fir-rigward ta’ miżuri għat-tnaqqis fil-konsum ta’ SUPs. Huwa propost li tali monitoraġġ ikun ibbażat fuq id-data rilevanti tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li jitqiegħedu fis-suq f’sena. Fejn meħtieġ, regoli armonizzati dwar il-ġbir ta’ tali data u l-format tar-rappurtar se jkunu stabbiliti mill-kumitat tal-iskart stabbilit skont il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart. Fejn possibbli għandu jittieħed vantaġġ mill-bażijiet tad-data kummerċjali u ta’ produzzjoni eżistenti tal-UE (PRODCOM 27 u COMEXT 28 ) ġestiti mill-Eurostat u aġġornati regolarment b’informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri. Jenħtieġ ukoll li jkun hemm sinerġiji fir-rigward tal-mekkaniżmi tar-rappurtar eżistenti.

Hija prevista evalwazzjoni fil-proposta biex jiġi evalwat l-impatt tal-miżuri previsti u sabiex jitqiesu l-evoluzzjonijiet futuri. Din se tevalwa, b’mod partikolari, il-ħtieġa li tiġi riveduta l-lista tal-plastiks li jintużaw darba biss u l-miżuri introdotti bħalma huma miri ta’ tnaqqis tal-konsum, fejn xieraq. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni se tindirizza kwistjonijiet ta’ bijodegradabilità.

Din il-proposta ma tindirizzax b’mod dirett kwistjonijiet dwar il-politika tal-prodotti u l-għażliet tal-materjali li jissostitwixxu l-plastik. Madankollu, indirettament, billi jittieħdu xi prodotti mis-suq u oħrajn jitnaqqsu, il-proposta se toħloq opportunitajiet importanti għal soluzzjonijiet innovattivi tas-sostituzzjoni ta’ materjali u tas-sostituzzjoni ta’ prodotti li jintużaw darba biss, kif ukoll għal mudelli tan-negozju ġodda u għal sistemi tal-użu mill-ġdid. Barra minn hekk, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-Plastiks bħalissa għaddejja ħidma bil-għan li jiġu żviluppati regoli armonizzati għad-definizzjoni u t-tikkettar tal-plastiks kompostabbli u bijodegradabbli b’kont meħud ta’ applikazzjonijiet speċifiċi u tat-tħassib dwar it-tixrid taż-żibel, b’mod partikolari fl-ambjent tal-baħar. Fid-dawl ta’ dan ix-xogħol u, fejn il-progress xjentifiku u tekniku jippermetti, il-Kummissjoni fiż-żmien tal-evalwazzjoni tal-proposta is-sostituti possibbli għall-plastik sabiex jiġi ddeterminat jekk għandhomx jiġu eżentati prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss mir-restrizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni proposti f’din l-inizjattiva.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-Direttivi)

L-ebda dokument ta’ spjegazzjoni ma hu meħtieġ għat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva minħabba n-numru limitat ta’ miżuri f’din il-proposta.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-aktar dispożizzjonijiet importanti ta’ din id-Direttiva huma deskritti hawn taħt.

L-Artikolu 1 jistipula li l-għan tad-Direttiva proposta huwa li timpedixxi u tnaqqas l-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u tal-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem kif ukoll li tippromwovi t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari b’mudelli tan-negozju, prodotti u materjali innovattivi, u b’hekk tikkontribwixxi għall-funzjonament effiċjenti tas-suq intern.

L-Artikolu 2 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u li dan japplika għal ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u li huma identifikati u ddefiniti fl-Anness tal-proposta u għall-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik.

L-Artikolu 3 jistipula d-definizzjonijiet tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, l-irkaptu tas-sajd u d-definizzjoni ta’ produttur għall-finijiet tal-istabbiliment tal-miżuri għat-tnaqqis tal-konsum, tar-rekwiżiti tal-prodott u tar-responsabbiltà estiża tal-produttur.

L-Artikolu 4 jeħtieġ li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiksbu tnaqqis sinifikanti fil-konsum tal-kontenituri tal-ikel, u tat-tazez għax-xorb li huma prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss.

L-Artikolu 5 jistabbilixxi r-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq ta’ ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li għalihom jeżistu alternattivi fis-suq.

L-Artikolu 6 jistipula r-rekwiżiti tad-disinn tal-prodotti għall-kontenituri tax-xorb li huma prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, li jiżguraw li t-tappijiet u l-għotjien b’parti sinifikanti magħmula mill-plastik jibqgħu mwaħħla mal-kontenitur matul l-istadju tal-użu sabiex it-tali skart ma jnixxix fl-ambjent.

L-Artikolu 7 jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ mmarkar għal ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss sabiex jiġi evitat li dawn jintremew b’mod mhux xieraq, pereżempju permezz tal-ifflaxxjar fit-tojlits, biex il-konsumaturi jiġu mgħarrfa dwar l-implikazzjonijiet potenzjali tar-rimi mhux xieraq tal-iskart f’termini taż-żibel fil-baħar u dwar l-aktar prattiki xierqa għall-ġestjoni tal-iskart.

L-Artikolu 8 jistabbilixxi skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur għal irkaptu tas-sajd li fih il-plastik u għal ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss. Filwaqt li r-rekwiżiti minimi ġenerali għall-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur stabbiliti fid-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart tapplika għal dawn l-iskemi, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi wkoll rekwiżiti speċifiċi għar-responsabbiltà tal-produtturi, b’mod partikolari, għall-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u fil-każ tal-plastiks li jintużaw darba biss, ukoll għat-tindif tal-iskart.

L-Artikolu 9 jeħtieġ li l-Istati Membri jiksbu mira minima għall-ġbir separat tal-fliexken tax-xorb tal-plastik li jintużaw darba biss.

L-Artikolu 10 jeħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex iqajmu sensibilizzazzjoni dwar l-impatt fuq l-ambjent tat-tixrid taż-żibel u tar-rimi mhux xieraq tal-iskart, b’mod partikolari, l-ambjent akkwatiku u dwar l-għażliet disponibbli għall-użu mill-ġdid u għall-ġestjoni tal-iskart.

L-Artikolu 11 jistabbilixxi r-rekwiżit li l-Istati Membri jikkoordinaw u jiżguraw konsistenza tal-miżuri li huma jadottaw biex jimplimentaw din id-Direttiva mal-miżuri li huma jadottaw biex jimplimentaw, jimpedixxu u jnaqqsu ż-żibel fil-baħar skont strumenti legali dwar il-kwalità tal-ilma, il-prevenzjoni tal-iskart u l-għanijiet ta’ ġestjoni skont id-Direttivi 2000/59/KE, 2000/60/KE, 2008/56/KE, 2008/98/KE u skont il-liġi tal-UE dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fi-portijiet.

L-Artikolu 12 jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Aarhus fir-rigward tal-aċċess għall-ġustizzja u hija f’konformità mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Għandu jkun possibbli għaċ-ċittadini u għall-NGOs li jitolbu reviżjoni legali tad-deċiżjonijiet meħuda mill-Istati Membri skont din id-Direttiva.

L-Artikolu 13 jesiġi li l-Istati Membri jistabbilixxu sett ta’ data dwar il-konsum ta’ prodotti li huma suġġetti għal għan tat-tnaqqis, biex ikun jista’ jsir monitoraġġ tal-implimentazzjoni tat-tali għan tat-tnaqqis fil-konsum stipulat f’din id-Direttiva. Jenħtieġ li s-sett tad-data jitwaqqaf skont id-Direttiva 2007/2/KE 29 . Għal dak il-għan, huwa previst l-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, li r-rwol tagħha se jkun li b’mod regolari taċċessja d-data u tagħti lill-Kummissjoni ħarsa ġenerali dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva fil-livell tal-Unjoni, li għandha tintuża wkoll fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet futuri tad-Direttiva.

L-Artikolu 15 jistabbilixxi l-qafas għall-evalwazzjonijiet futuri tad-Direttiva. L-ewwel evalwazzjoni hija prevista għal 6 snin wara l-iskadenza tat-traspożizzjoni tad-Direttiva.

2018/0172 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 30 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 31 ,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

(1)Il-funzjonalità għolja u l-ispiża relattivament baxxa tal-plastik ifisser li dan il-materjal jinstab dejjem aktar u kullimkien fil-ħajja ta’ kuljum. L-użu dejjem jikber tiegħu f’applikazzjonijiet b’ħajja qasira, li mhumiex maħsuba għall-użu mill-ġdid jew għar-riċiklaġġ kosteffettiv ifisser li x-xejriet tal-produzzjoni u tal-konsum relatati saru dejjem aktar ineffiċjenti u lineari. Għalhekk, fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Ċirkolari 32 , il-Kummissjoni kkonkludiet fl-Istrateġija Ewropea għall-Plastiks 33 li ż-żieda kostanti fil-ġenerazzjoni tal-iskart u r-rilaxx tiegħu fl-ambjent tagħna, b’mod partikolari fl-ambjent tal-baħar, iridu jiġu indirizzati sabiex jinkiseb approċċ taċ-ċiklu tal-ħajja verament ċirkolari għall-plastiks.

(2)Approċċi ċirkolari li jipprijoritizzaw il-prodotti riutilizzabbli u s-sistemi għall-użu mill-ġdid se jwasslu għal tnaqqis tal-iskart iġġenerat, u tali prevenzjoni hija fuq nett fil-ġerarkija tal-iskart imnaqqxa fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 34 . Approċċi bħal dawn huma wkoll konformi mal-Għan nru 12 ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti 35 li jiżgura xejriet sostenibbli ta’ konsum u ta’ produzzjoni.

(3)Iż-żibel fil-baħar, min-natura tiegħu stess, jaqsam il-fruntieri u huwa rikonoxxut bħala problema globali. It-tnaqqis taż-żibel fil-baħar huwa azzjoni ewlenija għall-kisba tal-Għan nru 14 ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti li jitlob għall-konservazzjoni u l-użu b’mod sostenibbli tal-oċeani, tal-ibħra u tar-riżorsi tal-baħar għall-iżvilupp sostenibbli 36 . L-Unjoni għandha tagħti s-sehem tagħha għat-trattament taż-żibel tal-baħar u għandu jkollha l-għan li tkun mudell standard għad-dinja F’dan il-kuntest, l-Unjoni qed taħdem ma’ msieħba f’bosta fora internazzjonali bħall-G20, il-G7 u n-Nazzjonijiet Uniti biex tippromwovi l-azzjoni konġunta. Din l-inizjattiva tagħmel parti mill-sforzi tal-Unjoni f’dan ir-rigward.

(4)Skont ftehimiet multilaterali 37 u skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskart 38 , l-Istati Membri huma meħtieġa li jiżguraw il-ġestjoni tajba tal-iskart sabiex jiġi evitat u jitnaqqas iż-żibel fil-baħar minn sorsi kemm fuq l-art kif ukoll fuq il-baħar. F’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ilma 39 , l-Istati Membri huma meħtieġa wkoll li jindirizzaw iż-żibel fil-baħar fejn dan jagħmel ħsara għall-ilħiq ta’ status ambjentali tajjeb tal-ilmijiet tal-baħar tagħhom, inkluż bħala kontribuzzjoni lill-Għan nru 14 ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

(5)Fl-Unjoni, bejn 80 u 85 % taż-żibel fil-baħar, imkejjel bħala żibel fuq ix-xtajtiet, huwa plastik; 50 % huwa kkostitwit minn oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss filwaqt li oġġetti relatati mas-sajd jirrappreżentaw 27 %. Prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss jinkludu firxa wiesgħa ta’ prodotti tal-konsumatur użati komunement u li jimxu ħafna u li jintremew wara li jintużaw darba għall-fini li għalih ġew ipprovduti, rarament jiġu riċiklati, u jagħtu lok għat-tixrid taż-żibel. Proporzjon sinifikanti tal-irkaptu tas-sajd li jitqiegħed fis-suq ma jinġabarx għat-trattament. Il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u l-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik għalhekk jikkostitwixxu problema partikolarment serja fil-kuntest taż-żibel fil-baħar u joħolqu riskju serju għall-ekosistemi tal-baħar, għall-bijodiversità u, potenzjalment, għas-saħħa tal-bniedem u huma ta’ ħsara għall-attivitajiet bħat-turiżmu, is-sajd u t-tbaħħir.

(6)Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni 40 u l-istrumenti ta’ politika eżistenti jipprovdu ċerti reazzjonijiet regolatorji li jindirizzaw iż-żibel fil-baħar. B’mod partikolari, l-iskart tal-plastik huwa soġġett għal miżuri u miri ġenerali tal-Unjoni rigward il-ġestjoni tal-iskart, bħall-mira tar-riċiklaġġ għall-iskart tal-imballaġġ tal-plastik 41 u l-għan reċentement adottat fl-Istrateġija għall-Plastiks 42 biex jiġi żgurat li l-imballaġġ tal-plastik kollu jkun riċiklabbli sal-2030. Madankollu, l-impatt ta’ dik il-leġiżlazzjoni fuq l-iskart fil-baħar mhuwiex biżżejjed u hemm differenzi fil-kamp ta’ applikazzjoni u fil-livell ta’ ambizzjoni fost il-miżuri nazzjonali sabiex jiġi evitat u jitnaqqas iż-żibel fil-baħar. Barra minn hekk, uħud minn dawn il-miżuri, b’mod partikolari r-restrizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, jistgħu joħolqu ostakli għall-kummerċ u jgħawġu l-kompetizzjoni fl-Unjoni.

(7)Sabiex l-isforzi jiġu ffukati fejn huma l-aktar meħtieġa, jenħtieġ li din id-Direttiva tkopri biss il-prodotti tal-plastik l-aktar misjuba li jintużaw darba biss, li huma stmati li jirrappreżentaw madwar 86 % tal-SUPs misjuba, skont l-għadd, fuq ix-xtajtiet fl-Unjoni.

(8)Prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss jistgħu jiġu mmanifatturati minn firxa wiesgħa ta’ plastiks. Il-plastiks huma normalment iddefiniti bħala materjali polimeriċi li magħhom jista’ jkun li nżidulhom l-addittivi. Madankollu, din id-definizzjoni tkopri ċerti polimeri naturali. Jenħtieġ li l-polimeri naturali mhux modifikati ma jiġux koperti, billi dawn jeżistu b’mod naturali fl-ambjent. Għalhekk, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li tiġi adattata d-definizzjoni ta’ polimeru fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 43 u li tiġi introdotta definizzjoni separata. Il-plastiks manifatturati b’polimeri naturali modifikati, jew il-plastiks manifatturati minn sustanzi inizjali b’bażi bijoloġika, fossili jew sintetiċi, li mhumiex ta’ oriġini naturali u għalhekk jenħtieġ li jiġu indirizzati f’din id-Direttiva. Għalhekk jenħtieġ li d-definizzjoni adattata tal-plastiks tkopri l-oġġetti tal-lasktu b’bażi ta’ polimeri u l-plastiks b’bażi bijoloġika u bijodegradabbli irrispettivament minn jekk humiex derivati minn bijomassa u/jew intenzjonati biex jiġu bijodegradati maż-żmien. Ċerti materjali polimeriċi mhumiex kapaċi jiffunzjonaw bħala komponent strutturali prinċipali ta’ materjali u prodotti finali, bħal kisi, żebgħa, linka, u adeżivi polimeriċi. Jenħtieġ li dawk il-materjali ma jiġux indirizzati f’din id-Direttiva u għalhekk ma jiġux koperti mid-definizzjoni.

(9)Sabiex jiġi definit b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li jiġi definit it-terminu prodott tal-plastik li jintuża darba biss. Jenħtieġ li d-definizzjoni teskludi prodotti tal-plastik li huma maħsuba, iddisinjati u mqegħdin fis-suq biex iwettqu matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom vjaġġi jew rotazzjonijiet multipli billi jerġgħu jimtlew jew jintużaw mill-ġdid għall-istess skop li għalih huma maħsuba. 

(10)Jenħtieġ li prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss jiġu indirizzati minn miżura waħda jew minn bosta miżuri, u dan jiddependi fuq diversi fatturi, pereżempju d-disponibbiltà ta’ riżorsi adatti u ta’ alternattivi aktar sostenibbli, il-fattibbiltà li jibdlu x-xejriet tal-konsum, u safejn huma diġà koperti mil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni.

(11)Għal ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, għad mhumiex disponibbli fil-pront alternattivi xierqa u aktar sostenibbli u l-konsum tal-biċċa l-kbira ta’ tali prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss mistenni li jiżdied. Sabiex din ix-xejra tinbidel u jiġu promossi sforzi lejn soluzzjonijiet aktar sostenibbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu meħtieġa jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiksbu tnaqqis sinifikanti fil-konsum ta’ dawk il-prodotti, mingħajr ma jikkompromettu l-iġjene tal-ikel jew is-sikurezza tal-ikel, prattiki tal-iġjene tajba, prattiki tajba ta’ manifattura, l-informazzjoni għall-konsumatur, jew ir-rekwiżiti ta’ traċċabilità stabbiliti fil-leġiżlazzjoni dwar l-ikel tal-Unjoni 44 .

(12)Għal tipi oħra ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, jinsabu disponibbli alternattivi xierqa u aktar sostenibbli li huma wkoll affordabbli. Sabiex jiġi limitat l-impatt negattiv ta’ dawn il-prodotti fuq l-ambjent, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprojbixxu t-tqegħid tagħhom fis-suq tal-Unjoni. B’hekk, jiġu promossi l-użu ta’ dawk diġà disponibbli u ta’ alternattivi aktar sostenibbli kif ukoll soluzzjonijiet innovattivi favur mudelli tan-negozju aktar sostenibbli, favur alternattivi riutilizzabbli u s-sostituzzjoni ta’ materjali.

(13)It-tappijiet u l-għotjien, b’parti sinifikanti magħmula mill-plastik, ġejjin minn kontenituri tax-xorb huma fost l-oġġetti tal-plastik l-aktar misjuba li jintużaw darba biss mormija fuq ix-xtajtiet. Għalhekk, jenħtieġ li l-kontenituri tax-xorb li jikkostitwixxu prodotti li jintużaw darba biss, jitħallew jitqiegħdu fis-suq biss jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti speċifiċi tad-disinn tal-prodott, u dan inaqqas b’mod sinifikanti r-rilaxx fl-ambjent tat-tappijiet u l-għotjien tal-kontenituri tax-xorb. Għall-kontenituri tax-xorb li jikkostitwixxu prodotti u imballaġġi tal-plastik li jintużaw darba biss, din il-kundizzjoni hija żieda mar-rekwiżiti essenzjali dwar il-kompożizzjoni u n-natura tal-imballaġġi li jistgħu jintużaw mill-ġdid u li huma riċiklabbli, inklużi r-riċiklabbli stipulati fl-Anness II tad-Direttiva 94/62/KEE. Sabiex tiġi ffaċilitata l-konformità mar-rekwiżit tad-disinn tal-prodott u sabiex jiġi żgurat il-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern, jeħtieġ li jiġi żviluppat standard armonizzat adottat skont ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 45 u l-konformità ma’ dak l-istandard għandu jippermetti l-preżunzjoni ta’ konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti. Jenħtieġ li jkun previst biżżejjed żmien għall-iżvilupp ta’ standard armonizzat u li l-produtturi jitħallew jadattaw il-katini tal-produzzjoni tagħhom b’rabta mal-implimentazzjoni tar-rekwiżit tad-disinn tal-prodott.

(14)Ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss jispiċċaw fl-ambjent bħala riżultat tar-rimi inadegwat fil-kanali tad-drenaġġ jew ta’ rilaxx ieħor mhux adegwat fl-ambjent. Għalhekk, jenħtieġ li l-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u li ta’ spiss jintremew fil-kanali tad-drenaġġ jew inkella li jintremew b’mod ieħor mhux adegwat, jiġu soġġetti għar-rekwiżiti tal-immarkar. Jenħtieġ li l-immarkar jgħarraf lill-konsumaturi dwar l-għażliet xierqa ta’ rimi tal-iskart u/jew dwar għażliet ta’ rimi tal-skart li jridu jiġu evitati u/jew dwar l-impatti ambjentali negattivi tal-iskart minħabba r-rimi mhux xieraq. Jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tistabbilixxi format armonizzat għall-immarkar u meta tagħmel dan, fejn ikun xieraq, li tittestja l-perċezzjoni tal-immarkar propost ma’ gruppi rappreżentattivi tal-konsumaturi sabiex tiżgura li dan ikun effettiv u jinftiehem b’mod ċar.

(15)Fir-rigward ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u li għalihom ma jkunx hemm disponibbli alternattivi xierqa u iktar sostenibbli, jenħtieġ lil-Istati Membri, f’konformità mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, jintroduċu wkoll skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur biex ikopru l-ispejjeż tal-ġestjoni tal-iskart u tat-tindif taż-żibel kif ukoll l-ispejjeż tal-miżuri li jqajmu sensibilizzazzjoni sabiex jiġi evitat u jitnaqqas dan iż-żibel.

(16)Is-sehem kbir tal-plastik ġej minn irkaptu tas-sajd li jkun fih il-plastik li jiġi abbandunat, mitluf, u mormi ġoż-żibel fil-baħar jindika li r-rekwiżiti legali eżistenti 46 ma jipprovdux biżżejjed inċentivi għar-ritorn lejn ix-xatt tal-irkaptu tas-sajd għall-ġbir u t-trattament. Is-sistema tal-imposta indiretta prevista skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-konsenja tal-iskart iġġenerat mill-bastimenti tneħħi l-inċentiv għall-bastimenti li jarmu l-iskart tagħhom fil-baħar, u tiggarantixxi dritt ta’ konsenja. Madankollu, jenħtieġ li dik is-sistema tiġi ssupplementata minn inċentivi finanzjarji ulterjuri għas-sajjieda li jtellgħu l-art l-irkaptu tagħhom tal-iskart sabiex tkun evitata kwalunkwe żieda potenzjali fl-imposta indiretta tal-iskart li għandha titħallas. Billi l-komponenti tal-plastik tal-irkaptu tas-sajd għandhom potenzjal għoli ta’ riċiklaġġ, jenħtieġ li l-Istati Membri, f’konformità mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, jintroduċu responsabbiltà estiża tal-produttur għall-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik biex jiffaċilitaw il-ġbir separat tal-irkaptu tas-sajd skartat u biex jiffinanzjaw il-ġestjoni tajba tal-iskart ta’ dan it-tip ta’ rkaptu tas-sajd, b’mod partikolari r-riċiklaġġ.

(17)Filwaqt li ż-żibel fil-baħar li fih il-plastik joħloq riskji għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem u jenħtieġ li jiġi ttrattat, għandhom jitqiesu wkoll kunsiderazzjonijiet ta’ proporzjonalità. Għalhekk, jenħtieġ li s-sajjieda nfushom u l-artiġani tal-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik ma jkunux koperti bir-responsabbiltà estiża tal-produttur.

(18)Sabiex jiġi evitat it-tixrid taż-żibel u forom oħrajn ta’ rimi mhux adegwat li jirriżulta f’żibel fil-baħar li fih il-plastik, jeħtieġ li l-konsumaturi jkunu infurmati tajjeb dwar l-għażliet disponibbli u l-aktar addattati għar-rimi tal-iskart u/jew dwar l-għażliet għar-rimi tal-iskart li għandhom jiġu evitati, dwar l-aqwa prattiki fir-rigward tar-rimi tal-iskart u l-impatt ambjentali tar-rimi ħażin kif ukoll dwar il-kontenut tal-plastik f’ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u fl-irkaptu tas-sajd. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu obbligati li jieħdu miżuri li jqajmu sensibilizzazzjoni u li jiżguraw li l-konsumaturi jingħataw it-tali informazzjoni. Jenħtieġ li l-informazzjoni ma tinkludi l-ebda kontenut promozzjonali li jħeġġeġ l-użu ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu l-miżuri l-aktar xierqa bbażati fuq in-natura tal-prodott jew l-użu tiegħu. Jenħtieġ li l-produtturi tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u tal-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik ikopru l-ispejjeż tal-miżuri li jqajmu sensibilizzazzjoni bħala parti mill-obbligu tagħhom ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur.

(19)Id-Direttiva 2008/98/KE tistabbilixxi rekwiżiti minimi ġenerali għall-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti japplikaw għal skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur stabbiliti b’din id-Direttiva. Din id-Direttiva, madankollu, tistabbilixxi rekwiżiti addizzjonali dwar ir-responsabbiltà estiża tal-produttur, pereżempju, ir-rekwiżit fuq il-produtturi ta’ ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li jkopru l-ispejjeż tat-tindif tal-iskart.

(20)Fliexken tax-xorb li huma prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss huma wieħed minn fost l-oġġetti taż-żibel fil-baħar l-aktar misjuba fuq ix-xtajtiet fl-Unjoni. Dan huwa minħabba sistemi mhux effettivi tal-ġbir separat u minħabba l-parteċipazzjoni baxxa mill-konsumaturi f’dawk is-sistemi. Jeħtieġ li jiġu promossi sistemi aktar effiċjenti tal-ġbir separat u għalhekk, trid tiġi stabbilita mira minima tal-ġbir separat għall-fliexken tax-xorb li huma prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu kapaċi jilħqu dik il-mira minima billi jistabbilixxu miri tal-ġbir separat għall-fliexken tax-xorb li huma prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss fil-qafas tal-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur, jew billi jistabbilixxu skemi tar-rimborż tad-depożitu jew kwalunkwe miżura oħra li huma jqisu xieraq. Dan se jkollu impatt pożittiv u dirett fuq ir-rata tal-ġbir, fuq il-kwalità tal-materjal miġbur u fuq il-kwalità tar-riċiklati, li joffri opportunitajiet għan-negozju tar-riċiklaġġ u għas-suq tar-riċiklat.

(21)Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet, ikun inkompatibbli mal-effett vinkolanti, li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 tat-Trattat jagħti lil Direttiva, li tiġi eskluża, fil-prinċipju, il-possibbiltà ta’ obbligu impost minn Direttiva milli jiġi invokat mill-persuni kkonċernati. Din il-kunsiderazzjoni tapplika b’mod partikolari għal Direttiva, li fost l-għanijiet tagħha ikun hemm l-għan tal-ħarsien tal-ambjent mill-effetti ħżiena taż-żibel fil-baħar. Għalhekk, skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, jenħtieġ li l-membri tal-pubbliku kkonċernati jkollhom aċċess għall-ġustizzja sabiex jikkontribwixxu għall-ħarsien tad-dritt li wieħed jgħix f’ambjent, li huwa xieraq għas-saħħa u l-benesseri personali. Barra minn hekk, fejn għadd kbir ta’ persuni jkunu f’“sitwazzjoni ta’ dannu tal-massa”, minħabba l-istess prassi illegali relatata mal-ksur tad-drittijiet mogħtija minn din id-Direttiva, jenħtieġ li dawn ikollhom il-possibbiltà li jużaw mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv, fejn dawn il-mekkaniżmi ġew stabbiliti mill-Istati Membri skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2013/396/UE 47 .

(22)Il-paragrafu 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 48 , jeħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li dik l-evalwazzjoni tkun ibbażata fuq l-esperjenza miġbura u fuq id-data miġbura matul l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u fuq id-dejta miġbura skont id-Direttiva 2008/56/KE jew id-Direttiva 2008/98/KE. Jenħtieġ li l-evalwazzjoni tipprovdi l-bażi għal valutazzjoni ta’ miżuri ulterjuri possibbli u għal valutazzjoni dwar jekk, fid-dawl tal-monitoraġġ taż-żibel fil-baħar fl-Unjoni, jeħtieġx li jiġi rivedut l-Anness li jelenka l-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss. L-evalwazzjoni għandha tqis ukoll jekk il-progress xjentifiku u tekniku li seħħ fil-frattemp, inkluż l-iżvilupp ta’ materjali bijodegradabbli u l-iżvilupp ta’ kriterji jew standard għall-bijodegradabbiltà tal-plastiks fl-ambjent tal-baħar, kif previst fl-Istrateġija Ewropea għall-Plastiks, u tippermetti t-twaqqif ta’ standard għall-bijodegradazzjoni fl-ambjent tal-baħar ta’ ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss. Dak l-istandard ikun jinkludi standard li jittestja jekk, bħala riżultat ta’ dekompożizzjoni fiżika u bijoloġika fl-ambjent tal-baħar, il-plastiks jiddekomponu kompletament f’diossidu tal-karbonju (CO2), f’bijomassa u fl-ilma f’perijodu ta’ żmien qasir biżżejjed biex il-plastiks ma jkunux ta’ ħsara għall-ħajja marina u ma jwasslux għall-akkumulazzjoni tal-plastiks fl-ambjent. Jekk dan ikun il-każ, il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li jilħqu dan l-istandard jistgħu jiġu eżentati mill-projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq. Filwaqt li l-Istrateġija Ewropea għall-Plastiks diġà tipprevedi azzjoni f’dan il-qasam, hija tirrikonoxxi wkoll l-isfidi f’dak li jirrigwarda l-iffissar ta’ qafas regolatorju għall-plastiks b’karatteristiċi bijodegradabbli minħabba l-kundizzjonijiet marini differenti fl-ibħra. 

(23)L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar il-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali jenħtieġ li jkunu effettivi, proprozjonati u dissważivi.

(24)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-metodoloġija għall-kalkolu tal-konsum annwali tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li għalihom ġew stabbiliti l-għanijiet tat-tnaqqis fil-konsum, l-ispeċifikazzjonijiet biex titwaħħal il-marka fuq ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u l-format tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri u kkumpilata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 49 .

(25)Billi l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, jiġifieri biex timpedixxi u tnaqqas l-impatt fuq l-ambjent ta’ ċerti prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u tal-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik, biex tippromwovi t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, inkluż it-trawwim ta’ mudelli tan-negozju, prodotti u materjali innovattivi, u b’hekk tikkontribwixxi għall-funzjonament effiċjenti tas-suq intern, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.



ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Għanijiet

L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li timpedixxi u tnaqqas l-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent, b’mod partikolari l-ambjent akwatiku, u fuq is-saħħa tal-bniedem kif ukoll biex tiġi promossa t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari b’mudelli tan-negozju, prodotti u materjali innovattivi, u b’hekk tikkontribwixxi wkoll għall-funzjonament effiċjenti tas-suq intern.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fl-Anness u għall-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“plastik” tfisser materjal magħmul minn polimeru skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, li jaf ikollu addittivi jew sustanzi oħra miżjuda, u li jista’ jiffunzjona bħala komponent strutturali prinċipali tal-prodotti finali, bl-eċċezzjoni tal-polimeri naturali li ma ġewx modifikati kimikament;

(2)“prodott tal-plastik li jintuża darba biss” tfisser prodott li huwa magħmul kompletament jew parzjalment mill-plastik u li mhuwiex maħsub, iddisinjat jew imqiegħed fis-suq biex iwettaq, għat-tul tal-ħajja tiegħu, vjaġġi jew rotazzjonijiet multipli billi jiġi rritornat għand il-produttur biex jerġa’ jimtela jew biex jerġa’ jintuża għall-istess skop li għalih kien maħsub;

(3)“irkaptu tas-sajd” tfisser kwalunkwe prodott jew biċċa tagħmir li jintuża fis-sajd u fl-akkwakultura biex jimmira jew jaqbad riżorsi bijoloġiċi tal-baħar jew li jkun f’wiċċ il-baħar u li jintuża bil-għan li jattira u jaqbad it-tali riżorsi bijoloġiċi tal-baħar;

(4)“irkaptu tas-sajd skartat” tfisser kwalunkwe rkaptu tas-sajd li jaqa’ fid-definizzjoni ta’ skart skont id-Direttiva 2008/98/KE, inklużi l-komponenti, is-sustanzi jew il-materjali separati kollha, li kienu parti minn jew marbuta ma’ tali rkaptu tas-sajd meta ġie skartat;

(5)“tqegħid fis-suq” tfisser li prodott isir disponibbli għall-ewwel darba fis-suq tal-Unjoni;

(6)“isir disponibbli fis-suq” tfisser kwalunkwe forniment ta’ prodott għad-distribuzzjoni, għall-konsum jew għall-użu fis-suq tal-Unjoni tul attività kummerċjali, kemm jekk isir bi ħlas kif ukoll jekk ikun mingħajr ħlas;

(7)“standard armonizzat” tfisser standard armonizzat kif definit fl-Artikolu 2(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;

(8)“skart” tfisser skart kif definit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98/KE;

(9)“skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur” tfisser skema ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur kif definit fl-Artikolu 3(21) tad-Direttiva 2008/98/KE;

(10)“produttur” tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li, irrispettivament mill-metodu ta’ bejgħ użat, inklużi kuntratti mill-bogħod skont it-tifsira tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 50 , tqiegħed fis-suq prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u rkaptu tas-sajd li fih il-plastik, minbarra l-persuni li jwettqu attivitajiet tas-sajd kif definiti fl-Artikolu 4(28) tar-Regolament (KE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 51 ;

(11)“ġbir” tfisser ġbir kif definit fl-Artikolu 3(10) tad-Direttiva 2008/98/KE;

(12)“trattament” tfisser trattament kif definit fl-Artikolu 3(14) tad-Direttiva 2008/98/KE;

(13)“imballaġġ” tfisser imballaġġ kif definit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 94/62/KE;

(14)“faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet” tfisser “faċilitajiet tal-akkoljenza tal-port” kif iddefinit fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2000/59/KE.

Artikolu 4

Tnaqqis fil-konsum

1.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiksbu tnaqqis sinifikanti fil-konsum tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li huma elenkati fil-Parti A tal-Anness fit-territorju tagħhom sa … [sitt snin wara d-data finali għat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva].

Dawk il-miżuri jistgħu jinkludu miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-konsum, miżuri li jiżguraw li fil-punt tal-bejgħ lill-konsumatur finali, kien hemm id-disponibbiltà ta’ alternattivi riutilizzabbli għal dawk il-prodotti, strumenti ekonomiċi pereżempju li jiġi żgurat li l-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss ma jingħatawx mingħajr ħlas fil-punt tal-bejgħ lill-konsumatur finali. Dawk il-miżuri jistgħu jvarjaw, skont l-impatt ambjentali tal-prodotti msemmija fl-ewwel subparagrafu.

2.Il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-metodoloġija għall-kalkolu u l-verifika tat-tnaqqis sinifikanti fil-konsum tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss imsemmijin fil-paragrafu 1. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 16(2).

Artikolu 5

Restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq

L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li huma elenkati fil-Parti B tal-Anness.

Artikolu 6

Rekwiżiti tal-prodott

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti C tal-Anness li jkollhom tappijiet u għotjien b’parti sinifikanti magħmula mill-plastik jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk it-tappijiet u l-għotjien jibqgħu imwaħħla mal-kontenitur matul l-istadju tal-użu intenzjonat tal-prodott.

2.Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu it-tappijiet jew l-għotjien tal-metall b’siġilli tal-plastik ma għandhomx jitqiesu li għandhom parti sinifikanti magħmula mill-plastik.

3.Il-Kummissjoni għandha titlob lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni biex jiżviluppaw standards armonizzati fir-rigward tar-rekwiżit imsemmi fil-paragrafu 1.

4.Mid-data tal-pubblikazzjoni tal-istandards armonizzati msemmijin fil-paragrafu 3 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, il-kontenituri tax-xorb imsemmija fil-paragrafu 1 li jikkonformaw ma’ dawk l-istandards jew ma’ partijiet minnhom għandu jkun preżunt li huma konformi mar-rekwiżit kopert minn dawk l-istandards jew minn partijiet minnhom stabbiliti fil-paragrafu 1.

Artikolu 7

Rekwiżit ta’ mmarkar

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull prodott tal-plastik li jintuża darba biss li huwa elenkat fil-Parti D tal-Anness, meta jitqiegħed fis-suq ikun immarkat b’mod li jidher u jinqara b’mod ċar u li ma jitħassarx sabiex il-konsumaturi jkunu mgħarrfa b’wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)l-għażliet xierqa għar-rimi tal-prodott jew il-mezzi għar-rimi tal-iskart li għandhom jiġu evitati għal dak il-prodott,

(b)l-impatti ambjentali negattivi tar-rimi tal-iskart jew tat-tixrid taż-żibel jew ta’ rimi ieħor inadegwat tal-iskart tal-prodotti, jew

(c)il-preżenza tal-plastiks fil-prodott.

2.Il-Kummissjoni għandha, sa... [12-il xahar qabel id-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva], tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-immarkar imsemmi fil-paragrafu 1. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 16(2).

Artikolu 8

Responsabbiltà estiża tal-produttur

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskemi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur ikunu stabbiliti għall-prodotti tal-plastik kollha li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti E tal-Anness imqiegħda fis-suq tal-Unjoni, skont id-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà estiża tal-produttur tad-Direttiva 2008/98/KE.

2.Fir-rigward tal-iskemi stabbiliti skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti E tal-Anness għandhom ikopru l-ispejjeż tal-ġbir tal-iskart li jikkonsisti minn dawk il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u t-trasport u t-trattament sussegwenti tiegħu, inklużi l-ispejjeż biex jitnaddaf l-iskart u l-ispejjeż tal-miżuri li jqajmu sensibilizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 fir-rigward ta’ dawk il-prodotti.

Għal prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li huma imballaġġ, ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-paragrafu jissupplementaw ir-rekwiżiti rigward skemi tar-responsabbiltà estiża tal-produttur stabbiliti fid-Direttiva 94/62/KEE u fid-Direttiva 2008/98/KE.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur ikunu stabbiliti għal irkaptu tas-sajd li fih il-plastik imqiegħed fis-suq tal-Unjoni, skont id-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà estiża tal-produttur tad-Direttiva 2008/98/KE.

4.Fir-rigward tal-iskemi stabbiliti skont il-paragrafu 3, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-produtturi ta’ rkaptu tas-sajd li fih il-plastik għandhom ikopru l-ispejjeż tal-ġbir tal-irkaptu tas-sajd skartat li fih il-plastik li twassal fil-faċilitajiet adegwati tal-akkoljenza fil-portijiet skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet jew f’sistemi ta’ ġbir ekwivalenti oħrajn li jaqgħu barra l-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet u t-trasport u t-trattament sussegwenti tiegħu. Il-produtturi għandhom ikopru wkoll l-ispejjeż tal-miżuri li jqajmu sensibilizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 10 dwar l-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik.

Ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-paragrafu jiżdiedu mar-rekwiżiti applikabbli għall-iskart minn bastimenti tas-sajd fil-liġi tal-Unjoni dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet.

Artikolu 9

Ġbir separat

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex, sal-2025, jiġbru b’mod separat, ammont ta’ skart tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti F tal-Anness li jammonta għal 90 % tat-tali prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, imqiegħda fis-suq f’sena partikolari skont il-piż. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-Istati Membri jistgħu inter alia:

(a)jistabbilixxu skemi tar-rimborż tad-depożitu, jew

(b)jistabbilixxu miri tal-ġbir separat għall-iskemi rilevanti ta’ responsabbiltà estiża tal-produttur.

Artikolu 10

Miżuri li jqajmu sensibilizzazzjoni

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jinfurmaw lill-konsumaturi tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti G tal-Anness u tal-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik dwar dawn li ġejjin:

(a)is-sistemi disponibbli għall-użu mill-ġdid u l-għażliet għall-ġestjoni tal-iskart għal dawk il-prodotti u għal dak l-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik kif ukoll l-aqwa prattiki tal-ġestjoni tajba tal-iskart imwettqa skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/98/KE;

(b)l-impatt tat-tixrid taż-żibel u ta’ rimi ieħor inadegwat tal-iskart ta’ dawk il-prodotti u ta’ dak l-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik, u b’mod partikolari fuq l-ambjent marin.

Artikolu 11

Koordinazzjoni ta’ miżuri

Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-miżuri meħuda biex jittrasponu u jimplimentaw din id-Direttiva jiffurmaw parti integrali minnha u li jkunu konsistenti mal-programmi tagħha ta’ miżuri stabbiliti skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/56/KE għal dawk l-Istati Membri li għandhom ilmijiet marini, il-programmi ta’ miżuri stabbiliti skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2000/60/KE, il-programmi tal-ġestjoni tal-iskart u tal-prevenzjoni tal-iskart stabbiliti skont l-Artikoli 28 u 29 tad-Direttiva 2008/98/KE u l-pjanijiet tal-akkoljenza u tal-ġestjoni tal-iskart stabbiliti skont il-liġi tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-iskart mill-bastimenti.

Il-miżuri li jieħdu l-Istati Membri biex jittrasponu u jimplimentaw l-Artikoli 4 sa 9 għandhom jikkonformaw mal-liġi tal-ikel tal-Unjoni biex jiżguraw li l-iġjene tal-ikel u s-sikurezza tal-ikel ma jiġux kompromessi.

Artikolu 12

Aċċess għall-ġustizzja

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom, skont il-leġiżlazzjoni jew il-prattika nazzjonali, ikollhom aċċess għal proċedura ta’ reviżjoni f’qorti tal-ġustizzja jew f’korp ieħor indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi biex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali ta’ deċiżjonijiet, azzjonijiet jew ommissjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Artikoli 5, 6, 7 u 8 meta tkun issodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)ikollhom interess suffiċjenti;

(b)isostnu li ġie kompromess xi dritt, meta l-liġi proċedurali amministrattiva ta’ Stat Membru teħtieġ dan bħala prekondizzjoni.

2.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet, l-azzjonijiet jew l-omissjonijiet.

3.Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u l-kompromess ta’ dritt għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-għan li lill-pubbliku konċernat jingħata aċċess liberu għall-ġustizzja.

Għal dan il-fini, l-interess ta’ kwalunkwe organizzazzjoni mhux governattiva li tippromwovi l-ħarsien ambjentali u li tissodisfa r-rekwiżiti skont il-liġi nazzjonali għandu jitqies bħala suffiċjenti għall-għan tal-punt (a) tal-paragrafu 1.

Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet li jistgħu jiġu kompromessi għall-finijiet tal-punt (b) tal-paragrafu 1.

4.Il-paragrafi 1, 2 u 3 m’għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ reviżjoni preliminari quddiem awtorità amministrattiva u m’għandhomx jaffettwaw ir-rekwiżit tal-eżawriment tal-proċeduri tar-reviżjoni amministrattiva qabel ir-rikors għall-proċeduri tar-reviżjoni ġudizzjarja, meta jeżisti dan ir-rekwiżit skont il-liġi nazzjonali.

5.Kwalunkwe tali proċedura ta’ reviżjoni kif imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 għandha tkun ġusta, ekwa, f’waqtha u ma tkunx tiswa tant li tkun projbittiva.

6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni ssir disponibbli lill-pubbliku dwar l-aċċess għall-proċeduri amministrativi u tar-reviżjoni ġudizzjarja.

Artikolu 13

Informazzjoni dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni

1.Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 52 u għad-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, 53 l-Istati Membri, megħjuna mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, għandhom jistabbilixxu sett ta’ data li fih:

(a)id-data dwar il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti A tal-Anness li jkunu tqiegħdu fis-suq tal-Unjoni kull sena, sabiex jintwera t-tnaqqis fil-konsum skont l-Artikolu 4(1);

(b)l-informazzjoni dwar il-miżuri meħuda mill-Istati Membri għall-finijiet tal-Artikolu 4(1).

Id-data msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandha tiġi aġġornata kull sena fi żmien 12-il xahar minn tmiem is-sena ta’ referenza li għaliha tinġabar. Fejn possibbli, is-servizzi ta’ data ġeografika kif iddefiniti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2007/2/KE għandhom jintużaw biex jippreżentaw dawk is-settijiet ta’ dejta.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Kummissjoni u l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ikollhom aċċess għas-settijiet ta’ data stabbiliti skont il-paragrafu 1.

3.B’mod regolari, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għandha tippubblika u taġġorna ħarsa ġenerali għall-Unjoni kollha fuq il-bażi tad-data miġbura mill-Istati Membri. Il-ħarsa ġenerali fl-Unjoni kollha għandha tinkludi, kif xieraq, indikaturi għall-outputs, ir-riżultati u l-impatti ta’ din id-Direttiva, mapep ta’ analiżi għall-Unjoni kollha u rapporti tal-Istati Membri li jipprovdu ħarsa ġenerali

4.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-format tas-sett ta’ data, tal-informazzjoni u tad-data msemmija fil-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 16(2).

Artikolu 14

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-penali stipulati għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom, sa … [sentejn (2) wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva], jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli u dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha dwar kull emenda sussegwenti li taffettwahom.

Artikolu 15

Evalwazzjoni u reviżjoni

1.Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva sa … [sitt snin wara d-data finali għat-trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva]. Din l-evalwazzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-informazzjoni disponibbli skont l-Artikolu 13. Għall-finijiet tal-evalwazzjoni u tat-tħejjija tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jipprovdu kull informazzjoni addizzjonali meħtieġa lill-Kummissjoni.

2.Il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport dwar is-sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni mwettqa skont il-paragrafu 1, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

3.Dak ir-rapport għandu jindika wkoll jekk:

(a)jeħtieġx jiġi rivedut l-Anness li jelenka prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss;

(b)huwiex fattibbli li jiġu stabbiliti miri kwantitattivi vinkolanti tal-Unjoni għat-tnaqqis tal-konsum, b’mod partikolari, tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss elenkati fil-Parti A tal-Anness;

(c)sarx biżżejjed progress xjentifiku u tekniku, u kriterji jew standard għall-bijodegradabbiltà fl-ambjent marin applikabbli għal prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u jekk ġewx żviluppati s-sostituti tagħhom li jintużaw darba biss, sabiex jiġi ddeterminat liema prodotti m’għadx għandhom bżonn ikunu soġġetti għar-restrizzjonijiet fuq it-tqegħid fis-suq, fejn xieraq.

Artikolu 16

Proċedura tal-Kumitat

1.Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 17

Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva sa … [sentejn (2) wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva]. Dawn għandhom jibagħtu minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri neċessarji biex jikkonformaw mal-Artikoli 5 u 7(1) minn … [sentejn (2) wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva] u mal-Artikolu 6(1) minn …[3 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

Meta l-Istati Membri jadottaw il-miżuri msemmija f’dan il-paragrafu, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 19

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    B’mod partikolari l-SDG 14 “Il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċeani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar għall-iżvilupp sostenibbli” u l-SDG 12 “Konsum u Produzzjoni Responsabbli”
(2)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija Ewropea għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari” (COM(2018)28 final).
(3)    Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).
(4)    Ir-rapporti stabbiliti mill-Istati Membri u kkumpilati mill-JRC fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina.
(5)    Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3-30).
(6)    Id-Direttiva 1994/62/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10).
(7)    Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).
(8)    Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40-52).
(9)    COM(2018) 33 final
(10)    Id-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81).
(11)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
(12)    Fl-2015, il-pajjiżi adottaw l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u s-17 il-Għan tagħha għall-Iżvilupp Sostenibbli. L-Għan nru 12 ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex jiġu żgurati xejriet sostenibbli ta’ konsum u ta’ produzzjoni u l-Għan nru 14 sabiex jiġi evitat u jitnaqqas b’mod sinifikanti t-tniġġis tal-baħar ta’ kull xorta, b’mod partikolari minn attivitajiet ibbażati fuq l-art, inkluż l-iskart fil-baħar u t-tniġġis minn nutrijenti sal-2025.
(13)    SWD(2016) 352 final
(14)    COM (2017)623
(15)    Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 “Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna” (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171-200)
(16)    Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p.26-32).
(17)    Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire) (ĠU L 108, 25.4.2007, p.1-14).
(18)    SWD(2015)111 final
(19)    COM(2017)312 final
(20)    https://www.eea.europa.eu/themes/water/europes-seas-and-coasts/marine-litterwatch
(21)    http://www.emodnet.eu/
(22)    http://ec.europa.eu/environment/marine/international-cooperation/regional-sea-conventions/index_en.htm
(23)    Studju li jappoġġa l-valutazzjoni tal-impatt tal-għażliet biex jitnaqqsu l-livell u l-impatt detrimentali tal-plastik mis-sajd.
(24)     http://ec.europa.eu/transparency/regdoc/?fuseaction=ia&year=2017&serviceId=&s=Chercher
(25)    COM(2018)33 final
(26)    Il-Memorandum ta’ Spjegazzjoni li jinsab fid-dokument COM(2018)33 final.
(27)    Stħarriġ għall-ġbir u d-disseminazzjoni ta’ statistika dwar il-produzzjoni ta’ oġġetti industrijali (prinċipalment manifatturati), kemm f’termini ta’ valur u ta’ kwantità, b’tal-inqas frekwenza annwali, fl-UE.
(28)    Bażi tad-data ta’ referenza tal-Eurostat għall-kummerċ estern tal-UE, li tinkludi l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet.
(29)    Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire) (ĠU L 108, 25.4.2007, p.1-14).
(30)    ĠU C […], […], p. […].
(31)    ĠU C […], […], p. […].
(32)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni L-għeluq taċ-ċirku - Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari (COM(2015) 0614 final).
(33)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - “Strateġija Ewropea għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari” (COM(2018)28 final).
(34)    Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3)
(35)    L-aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta’ Settembru 2015.
(36)    L-aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-25 ta’ Settembru 2015.
(37)    Il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS), il-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni tat-Tniġġis tal-Baħar mir-Rimi ta’ Skart u Materja Oħra tal-1972 (Konvenzjoni ta’ Londra) u l-Protokoll tagħha tal-1996 (il-Protokoll ta’ Londra), l-Anness V tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis minn Vapuri (MARPOL), il-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll ta’ Movimenti Transkonfinali ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi Tiegħu.
(38)    Id-Direttiva 2008/98/KE u d-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81).
(39)    Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1) u d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika ta’ l-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) (ĠU L 164 25.6.2008, p. 19).
(40)    Id-Direttiva 2008/98/KE, id-Direttiva 2000/59/KE, id-Direttiva 2000/60/KE, id-Direttiva 2008/56/KE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
(41)    Id-Direttiva 94/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ (ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10).
(42)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - “Strateġija Ewropea għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari” (COM(2018)28 final).
(43)    Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).
(44)    Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1-24), ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1-54), ir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 dwar materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel u leġiżlazzjoni rilevanti oħra marbuta mas-sikurezza, l-iġjene u t-tikkettar tal-ikel (ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4-17).
(45)    Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, p.12).
(46)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, id-Direttiva 2000/59/KE u d-Direttiva 2008/98/KE.
(47)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ġunju 2013 dwar prinċipji komuni għal mekkaniżmi ta’ rimedju kollettiv ta’ inġunzjoni u kumpensatorji fl-Istati Membri li jirrigwardaw il-ksur tad-drittijiet skont il-Liġi tal-Unjoni, (ĠU L 201, 26.7.2013, p. 60).
(48)    ĠU L 123 12.5.2016 p. 1.
(49)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(50)    Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64–88).
(51)    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
(52)    Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).
(53)    Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).

Brussell,28.5.2018

COM(2018) 340 final

ANNESS

ta’ [...]

Proposta tal-Kummissjoni għal

Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent

{SEC(2018) 253 final}
{SWD(2018) 254 final}
{SWD(2018) 255 final}
{SWD(2018) 256 final}
{SWD(2018) 257 final}


ANNESS

Parti A

Prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li huma koperti mill-Artikolu 4 dwar it-tnaqqis tal-konsum

Kontenituri tal-ikel, jiġifieri reċipjenti bħal kaxex, bl-għatu jew mingħajr, użati biex fihom jitqiegħed ikel li huwa maħsub għall-konsum immedjat mill-kontenitur fuq il-post jew bħala take-away mingħajr aktar preparazzjoni, bħalma huma kontenituri użati għal ikel fast food, minbarra kontenituri tax-xorb, platti u pakketti u boroż li fihom l-ikel

Tazez għax-xorb

Parti B

Prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li huma koperti mill-Artikolu 5 dwar ir-restrizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq

Stikek tal-cotton buds, ħlief għal swabs maħsubin u użati għal skopijiet mediċi

Pożati (frieket, skieken, imgħaref, chopsticks),

Platti

Straws, ħlief għal straws maħsubin u użati għal skopijiet mediċi

Ħawwada tax-xorb

Stikek li jitwaħħlu mal-bżieżaq u li jżommuhom, ħlief il-bżieżaq għall-użi u għall-applikazzjonijiet industrijali jew professjonali oħrajn li mhumiex distribwiti lill-konsumaturi, inklużi l-mekkaniżmi tat-tali stikek

Parti C

Prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li huma koperti mill-Artikolu 6 dwar it-tqegħid fis-suq

Kontenituri tax-xorb, jiġifieri reċipjenti użati biex jinżamm fihom il-likwidu bħalma huma l-fliexken tax-xorb inklużi t-tappijiet u l-għotjien tagħhom

Parti D

Prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li huma koperti mill-Artikolu 7 dwar l-immarkar

Assorbenti sanitarji (pads) u tampuni u applikaturi tat-tampuni

Wet wipes, jiġifieri wipes imxarrbin minn qabel tal-kura personali, u dawk domestiċi u industrijali

Bżieżaq, ħlief il-bżieżaq għall-użi u għall-applikazzjonijiet industrijali jew professjonali oħrajn, li mhumiex distribwiti lill-konsumaturi

Parti E

Prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li huma koperti mill-Artikolu 8 dwar ir-responsabbiltà estiża tal-produttur

Kontenituri tal-ikel, jiġifieri reċipjenti bħal kaxex, bl-għatu jew mingħajr, użati biex fihom jitqiegħed ikel li huwa maħsub għall-konsum immedjat mill-kontenitur fuq il-post jew bħala take-away mingħajr aktar preparazzjoni, bħalma huma kontenituri użati għal ikel fast food, minbarra kontenituri tax-xorb, platti u pakketti u boroż li fihom l-ikel

Pakketti u boroż magħmula minn materjal flessibbli li fihom jitqiegħed ikel li huwa maħsub għall-konsum immedjat mill-pakkett jew mill-borża individwali mingħajr aktar preparazzjoni

Kontenituri tax-xorb, jiġifieri reċipjenti użati biex jinżamm fihom il-likwidu bħalma huma l-fliexken tax-xorb inklużi t-tappijiet u l-għotjien tagħhom

Tazez għax-xorb

Prodotti tat-tabakk bil-filtri u filtri mqiegħda fis-suq għal użu flimkien mal-prodotti tat-tabakk

Wet wipes, jiġifieri wipes imxarrbin minn qabel tal-kura personali, u dawk domestiċi u industrijali

Bżieżaq, ħlief il-bżieżaq għall-użi u għall-applikazzjonijiet industrijali jew professjonali oħrajn, li mhumiex distribwiti lill-konsumaturi

Basktijiet tal-plastik ħfief ħafna kif iddefiniti fl-Artikolu 3(1c) tad-Direttiva 94/62/KE

Parti F

Prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li huma koperti mill-Artikolu 9 dwar il-ġbir separat

Fliexken tax-xorb

Parti G

Prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss li huma koperti mill-Artikolu 10 dwar it-tqajjim ta’ sensibilizzazzjoni

Kontenituri tal-ikel, jiġifieri reċipjenti bħal kaxex, bl-għatu jew mingħajr, użati biex fihom jitqiegħed ikel li huwa maħsub għall-konsum immedjat mill-kontenitur fuq il-post jew bħala take-away mingħajr aktar preparazzjoni, bħalma huma kontenituri użati għal ikel fast food, minbarra kontenituri tax-xorb, platti u pakketti u boroż li fihom l-ikel

Pakketti u boroż magħmula minn materjal flessibbli li fihom jitqiegħed ikel li huwa maħsub għall-konsum immedjat mill-pakkett jew mill-borża individwali mingħajr aktar preparazzjoni

Kontenituri tax-xorb, jiġifieri reċipjenti użati biex jinżamm fihom il-likwidu bħalma huma l-fliexken tax-xorb inklużi t-tappijiet u l-għotjien tagħhom

Tazez għax-xorb

Prodotti tat-tabakk bil-filtri u filtri mqiegħda fis-suq għal użu flimkien mal-prodotti tat-tabakk

Wet wipes, jiġifieri wipes imxarrbin minn qabel tal-kura personali, u dawk domestiċi u industrijali

Bżieżaq, ħlief il-bżieżaq għall-użi u għall-applikazzjonijiet industrijali jew professjonali oħrajn, li mhumiex distribwiti lill-konsumaturi

Basktijiet tal-plastik ħfief ħafna kif iddefiniti fl-Artikolu 3(1c) tad-Direttiva 94/62/KE

Assorbenti sanitarji (pads) u tampuni u applikaturi tat-tampuni