Brussell, 28.5.2018

COM(2018) 337 final

2018/0169(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2018) 249 final}
{SWD(2018) 249 final}
{SWD(2018) 250 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

L-ilma huwa riżorsa limitata fl-UE, b’terz mit-territorju tal-UE jesperjenza stress fuq l-ilma. Il-bżonnijiet dejjem jikbru tal-popolazzjonijiet u t-tibdil fil-klima, fil-ġejjieni se jwasslu għal sfida ikbar fl-Ewropa fir-rigward tad-disponibbiltà tal-ilma bi kwantità u kwalità suffiċjenti. L-astrazzjoni tal-ilma eċċessiva, b’mod partikolari għat-tisqija agrikola 1 , iżda wkoll għall-użu industrijali u l-iżvilupp urban, hija waħda mit-theddidiet prinċipali fuq l-ambjent tal-ilma tal-UE, filwaqt li d-disponibbiltà ta’ ilma bi kwalità xierqa hija kundizzjoni kritika għat-tkabbir fis-setturi ekonomiċi li jiddependu mill-ilma u s-soċjetà b’mod ġenerali. L-impatti globali fuq l-ekonomija minħabba n-nixfa tal-2003 ġew stmati għal mill-inqas EUR 8,7 biljun (prinċipalment jikkonċernaw lill-pajjiżi tal-Mediterran, Franza u r-Renju Unit), imkejla bħala t-telf stmat li rriżulta direttament min-nixfa (KE, 2007). L-effetti immedjati tan-nixfiet, bħad-dannu għall-agrikoltura u l-infrastrutturi, kif ukoll effetti iktar indiretti, bħan-nuqqas ta’ rieda għall-investiment f’żona ta’ riskju, jista’ jkollhom ukoll impatt ekonomiku serju.

B’effett tat-tibdil fil-klima, il-frekwenza u l-intensità tan-nixfiet u d-danni ambjentali u ekonomiċi tagħhom żdiedu drastikament matul dawn l-aħħar tletin sena: bejn l-1976 u l-2006, l-għadd ta’ żoni u ta’ nies affettwati min-nixfiet żdied bi kważi 20 % u l-kostijiet totali tan-nixfiet ammonta għal EUR 100 biljun (KE, 2012). In-nixfiet tas-sajf tal-2017 jistgħu jispjegaw aktar id-dimensjonijiet tat-telf ekonomiku; is-settur agrikolu Taljan waħdu kien qed ibassar telf ta’ EUR 2 biljuni 2 . Din it-tendenza mistennija li tkompli bl-iskarsezza tal-ilma li ma għadhiex limitata għal ftit inħawi fl-Ewropa, iżda hija diġà ta’ tħassib madwar l-UE b’konsegwenzi ambjentali u ekonomiċi sinifikanti. Fl-istess ħin, dan jista’ jaffetwa l-kompetittività u l-funzjonament effiċjenti tas-suq intern. B’reazzjoni għal din il-problema, jenħtieġ li r-riżorsi tal-ilma tal-Ewropa jkunu ġestiti b’mod iktar effiċjenti. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Iskarsezza tal-Ilma u l-Perjodi ta’ Nixfa 3 tistabbilixxi l-ġerarkija ta’ miżuri li l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu fl-immaniġġjar tal-iskarezza tal-ilma u l-perjodi ta’ nixfa, b’enfasi li l-iffrankar tal-ilma jrid isir prijorità u jenħtieġ li jiġu esplorati l-possibbiltajiet kollha għat-titjib fl-effiċjenza tal-ilma. Minbarra l-iffrankar tal-ilma, bħala parti minn approċċ integrat għall-immaniġġjar tal-ilma, l-ilma mormi trattat mill-impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi joffri alternattiva affidabbli tal-provvista tal-ilma għal diversi finijiet. Fosthom, it-tisqija agrikola għandha l-ogħla potenzjal għal żieda fl-adozzjoni tal-użu mill-ġdid tal-ilma u tikkontribwixxi biex tittaffa l-iskarsezza tal-ilma fl-Ewropa. Ġeneralment, l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi trattat għandu impatt ambjentali iktar baxx milli pereżempju t-trasferimenti tal-ilma jew id-desalinizzazzjoni, u joffri firxa ta’ benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali. Barra minn hekk, jestendi ċ-ċiklu tal-ħajja tal-ilma u b’hekk jgħin biex jiġu preservati r-riżorsi tal-ilma u f’konformità sħiħa mal-għanijiet tal-ekonomija ċirkolari. Illum, filwaqt li l-użu mill-ġdid tal-ilma fl-UE bla dubju ma jista’ qatt isolvi waħdu l-problemi tal-iskarsezza tal-ilma, l-adozzjoni tal-prattiki tal-użu mill-ġdid tal-ilma huwa ’l bogħod ħafna milli jilħaq il-potenzjali sħiħ tiegħu minħabba li l-prattiki fost l-Istati Membri huma differenti ħafna minn xulxin.

L-għan ġenerali huwa li jsir kontribut biex titaffa l-iskarsezza tal-ilma madwar l-UE fil-kuntest tal-adattament għat-tibdil fil-klima, prinċipalment billi jiżdied l-użu mill-ġdid tal-ilma b’mod partikolari għat-tisqija agrikola kull meta dan ikun rilevanti u kosteffiċjenti, filwaqt li tiġi żgurata ż-żamma ta’ livell għoli fil-ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-ambjent. L-istabbiliment ta’ rekwiżiti minimi armonizzati (b’mod partikolari, parametri ewlenin dwar il-patoġeni ta’ referenza) għall-kwalità tal-ilma reklamat, u l-monitoraġġ flimkien mal-kompiti ta’ ġestjoni tar-riskju armonizzati, jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għal dawk involuti fl-użu mill-ġdid tal-ilma u dawk milquta, jipprevjenu l-ostakoli potenzjali għall-moviment ħieles tal-prodotti agrikoli imsoqqija bl-ilma reklamat, jiżguraw li s-saħħa u l-ambjent ikunu mħarsa, u għaldaqstant, iżidu wkoll il-kunfidenza fil-prattika tal-użu mill-ġdid tal-ilma. Huwa stmat li l-istrument propost jista’ jwassal li l-użu mill-ġdid tal-ilma fit-tisqija agrikola jilħaq is-6,6 biljun m3 kull sena meta mqabbel mal-1,7 biljun m3 kull sena fin-nuqqas ta’ kwalunkwe qafas legali tal-UE. L-użu mill-ġdid ta’ iktar minn 50 % tal-volum totali tal-ilma teoretikament disponibbli għat-tisqija minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi fl-UE, jevita aktar minn 5 % tal-astrazzjoni diretta minn korpi tal-ilma u l-ilma tal-pjan, li jirriżulta f’iktar minn 5 % ta’ tnaqqis tal-istress fuq l-ilma b’mod globali. Jekk naġixxu issa se nikkontribwixxu biex jittaffa l-istress fuq l-ilma li llum fl-UE huwa diġà realtà, kif ukoll biex jiġu ppreparati l-operaturi u l-bdiewa ħalli jkunu lesti li jaġixxu wkoll f’dawk il-partijiet tal-UE li fis-snin u l-għexieren ta’ snin li ġejjin se jesperjenzaw żieda fl-istress fuq l-ilma.

Il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-problema fil-livell tal-UE ġiet rikonoxxuta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2012 “Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa” (COM(2012) 673). Kontroll tal-idoneità tal-politka tal-ilma ħelu tal-UE (SWD(2012) 393) ippubblikat f’Novembru 2012 bħala element kostitwenti tal-Blueprint, ikkonkluda li “jeħtieġ li nkomplu niddependu fuq l-għażliet alternattivi tal-provvista tal-ilma b’impatt ambjentali baxx” [traduzzjoni mhux uffiċjali] sabiex tiġi indirizzata l-iskarsezza tal-ilma. Fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari” (COM(2015) 614), ġew inklużi għadd ta’ azzjonijiet għall-promozzjoni tal-użu mill-ġdid tal-ilma, fosthom azzjoni biex tiġi mħejjija proposta leġiżlattiva dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma għat-tisqija u għar-risanament tal-ilma tal-pjan. Din il-proposta ġiet inkluża fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Ewropea għall-2017 u l-2018 peress li tikontribwixxi għall-prijoritajiet politiċi stabbiliti mill-Kummissjoni għall-promozzjoni ta’ ekonomija iktar ċirkolari. Barra minn hekk, tista’ tikkomplementa l-modernizazzjoni futura ppjanata tal-Politika Agrikola Komuni. 4 Fl-aħħar nett, ir-Regolament propost jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-UE tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u b’mod partikolari għall-SDG 6 dwar l-ilma nadif u s-sanitazzjoni, li jistabbilixxi l-mira li jiżdied sostanzjalment ir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid tal-ilma sikur globalment sal-2030.

L-intenzjoni li jiġi indirizzat l-użu mill-ġdid tal-ilma bi proposta leġiżlattiva ġdida ġiet innotata b’interess mill-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-Blueprint u dwar l-Ekonomija Ċirkolari, u fil-konklużjonijiet tiegħu dwar l-Immaniġġjar Sostenibbli tal-Ilma (11902/16). Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew, fir-Riżoluzzjoni tiegħu ta’ Settembru 2015 dwar is-segwitu għall-Inizjattiva “Right2Water” taċ-Ċittadini Ewropej, u l-Kumitat tar-Reġjuni fl-opinjoni tiegħu ta’ Diċembru 2016 dwar “Is-sistema ta’ mmaniġġjar tal-ilma effettiva: approċċ għal soluzzjonijiet innovattivi”, ħeġġu lill-Kummissjoni biex tfassal qafas leġiżlattiv dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Attwalment, l-użu mill-ġdid tal-ilma huwa diġà identifikat u mħeġġeġ fid-dispożizzjonijiet taż-żewġ strumenti eżistenti tal-UE, li madankollu ma jispeċifikawx il-kundizzjonijiet għall-użu mill-ġdid:

·Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE, WFD): fil-parti B tal-Anness VI tagħha ssemmi l-użu mill-ġdid tal-ilma bħala wieħed mill-miżuri supplimentari possibbli;

·Id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (91/271/KEE, UWWTD): fl-Artikolu 12 tagħha bħala parti mill-kundizzjoni dwar l-iskariki tal-ilma mormi tistipula li “l-ilma mormi trattat għandu jerġa’ jintuża meta jkun xieraq. Rotot ta’ disponiment għandhom inaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti ħżiena fuq l-ambjent.”.

Fid-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, l-itrattar tal-iskarsezza tal-ilma huwa wieħed mill-aspetti ewlenin tal-immaniġġjar tal-ilma. Fost l-oħrajn, din il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi l-għan ewlieni li jintlaħaq status tajjeb għall-ilmijiet tal-Ewropa sal-2015. Teħtieġ li l-Istati Membri jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni tal-ilma tagħhom f’termini ta’ pressjonijiet minn attivitajiet umani u tistabbilixxi “programmi ta’ miżuri” biex jintlaħaq l-għan ta’ status tajjeb. Dawk il-programmi huma parti mill-Pjanijiet ta’ Mmaniġġjar tal-Baċini tax-Xmajjar, li jridu jiġu riveduti u rrappurtati lill-Kummissjoni kull sitt snin. Fl-2007, il-politika tal-UE dwar l-iskarsezza tal-ilma u l-perjodi ta’ nixfa (COM(2007) 414) elaborat fuq l-integrazzjoni tal-ippjanar għall-iskarsezza tal-ilma fil-Pjanijiet ta’ Mmaniġġjar tal-Baċini tax-Xmajjar, inkluż l-użu ta’ prezzar tal-ilma xieraq u r-rekwiżiti ekoloġiċi għall-flussi tax-xmajjar. Iddefinixxiet il-ġerarkija ta’ miżuri li l-Istati Membri jenħtieġ li jikkunsidraw fl-immaniġġjar tal-iskarsezza tal-ilma u l-perjodi ta’ nixfa, bi prijorità lill-miżuri għall-iffrankar tal-ilma u l-effiċjenza, bl-infrastrutturi addizzjonali tal-provvista tal-ilma li trid titqies biss bħala għażla meta għażliet oħra jkunu ġew eżawriti. Ir-Regolament propost dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma jeħtieġ jitqies fi ħdan dan l-approċċ ta’ mmaniġġjar tal-ilma integrat. Barra minn hekk, ir-Regolament propost se jikkomplementa d-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi.

Filwaqt li ma tkunx qed tnaqqas il-livelli applikabbli tal-ħarsien tal-ambjent fil-qafas leġiżlattiv eżistenti tal-UE dwar l-ilma, proposta għal Regolament se tkun b’mod partikolari qed tikkomplementa dawn li ġejjin u tkun koerenti magħhom:

·Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar l-Ilma ta’ taħt l-art, id-Direttiva dwar l-Istandards ta’ Kwalità Ambjentali, id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi, id-Direttiva dwar il-Ħama tad-Drenaġġ, id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, ir-Regolament dwar ir-Reġistrazzjoni, l-Evalwazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi, u d-Direttiva dwar in-Nitrati.

·Is-sikurezza alimentari, b’mod partikolari r-Regolament dwar l-Iġjene tal-Prodotti tal-Ikel.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-għan ġenerali tal-proposta huwa f’konformità sħiħa mas-seba’ Programm ta’ Azzjoni Ambjentali 5 u fil-livell globali, mal-Aġenda tal-2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-iżvilupp sostenibbli u l-kisba tal-għan tal-iżvilupp sostenibbli nru 6 “L-iżgurar tal-aċċess għall-ilma u s-sanitazzjoni għal kulħadd”, b’mod partikolari fir-rigward taż-żewġ miri li ġejjin:

·Sal-2030, titjieb il-kwalità tal-ilma permezz ta’ tnaqqis fit-tniġġis, l-eliminazzjoni tar-rimi u t-tnaqqis tar-rilaxx ta’ kimiċi u materjali perikolużi, it-tnaqqis bin-nofs tal-proporzjon tal-ilma mormi mhux trattat u ż-żieda sostanzjali tar-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid sikur globalment;

·Sal-2030, tiżdied sostanzjalment l-effiċjenza fl-użu tal-ilma fis-setturi kollha u jiġu żgurati l-irtirar sostenibbli u l-provvista tal-ilma ħelu sabiex tiġi indirizzata l-iskarsezza tal-ilma u jitnaqqas sostanzjalment l-għadd ta’ nies li jbatu minn skarsezza tal-ilma.

Il-proposta tkun qed tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta’ bosta politiki oħra tal-UE, b’mod partikolari l-politiki tal-UE għall-adattament għat-tibdil fil-klima u għall-prevenzjoni tad-diżastri u l-inizjattiva ewlenija għal Ewropa effiċjenti fir-riżorsi skont l-Istrateġija Ewropa 2020.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ex Artikolu 175 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea) peress li l-għan ewlieni huwa l-preservazzjoni, l-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent; il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, il-kontribuzzjoni għal użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali u l-promozzjoni ta’ miżuri fil-livell internazzjonali biex jiġu indirizzati l-problemi ambjentali reġjonali jew fid-dinja, u b’mod partikolari l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-proposta mistennija wkoll li tikkontribwixxi għall-funzjonament tas-suq intern.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-UE għandha kompetenza kondiviża mal-Istati Membri biex tirregola l-ambjent u s-saħħa fil-qasam tal-ilma. Dan ifisser li l-UE tista’ tagħmel leġiżlazzjoni biss sa fejn jippermettu t-Trattati, u meta tqis b’mod xieraq il-prinċipji ta’ neċessità, sussidjarjetà u proporzjonalità.

L-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem mill-effetti negattivi ta’ kwalunkwe kontaminazzjoni tal-ilma reklamat, se jintlaħqu billi jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għall-kwalità tal-ilma, il-monitoraġġ u l-miżuri ta’ prevenzjoni, u l-kompiti ewlenin ta’ ġestjoni tar-riskju fil-livell tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-ħarsien tal-ambjent, l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni għall-immaniġġjar tal-ilma hija ġustifikata wkoll minħabba li 60 % tal-baċiri idrografiċi huma internazzjonali u kondiviżi bejn madwar żewġ u 19-il pajjiż (Danubju); għaldaqstant, mhuwiex biżżejjed li tittieħed azzjoni minn Stat Membru waħdu jew ftit Stati Membri, pereżempju fir-rigward tal-aspetti kwantitattivi tal-immaniġġjar tal-ilma u t-tniġġis tal-ilma transkonfinali. Barra minn hekk, jekk l-Istati Membri jaġixxu waħedhom, probabbilment l-ostakli tekniċi tal-użu mill-ġdid tal-ilma u l-kostijiet assoċjati jkunu għoljin għalxejn.

L-intervent tal-UE dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma għat-tisqija agrikola huwa ġustifikat biex jipprevjeni li r-rekwiżiti differenti f’ġurisdizzjonijiet individwali jolqtu l-kundizzjonijiet ekwi b’mod negattiv (eż. bejn il-bdiewa u l-kultivaturi) u li jinħolqu ostakli lis-suq intern, speċjalment għall-prodotti agrikoli primarji. Barra minn hekk, rekwiżiti differenti jistgħu jintużaw ukoll bħala argument biex tiġi limitata l-importazzjoni tal-prodotti tal-ikel minn Stati Membri susspettati li jkollhom inqas rekwiżiti, kif deher fit-tifqigħa tal-E. coli tal-2011 6 . Is-sitwazzjoni attwali ma tiżgurax kundizzjonijiet ekwi bejn il-produtturi tal-ikel ta’ pajjiżi differenti; il-qafas regolatorju attwali tal-UE għadu ma jindirizzax il-modalitajiet speċifiċi ta’ prodotti agrikoli msoqqija bl-ilma mormi trattat. L-indirizzar ta’ dawn l-ostakli huwa reazzjoni xierqa fil-livell tal-UE, u jqis il-politiki tal-UE dwar is-sikurezza alimentari, is-saħħa, l-agrikoltura, il-klima u l-enerġija.

L-azzjoni tal-UE hija ġustifikata ulterjorment minħabba li rekwiżiti differenti u li jinbidlu fil-ġurisdizzjonijiet individwali huma ostaklu għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-investimenti fl-innovazzjoni u għall-użu mill-ġdid tal-ilma. Huwa improbabbli li r-regolaturi nazzjonali jikkoordinaw armonizzazzjoni tar-rekwiżiti regolatorji tagħhom minħabba li l-għadd ta’ Stati Membri involuti huwa kbir wisq u qiegħed dejjem jiżdied.

Proporzjonalità

Ir-Regolament propost dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma, b’mod partikolari t-tisqija agrikola, flimkien ma’ azzjonijiet mhux regolatorji oħra kif deskritt fil-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari, huwa reazzjoni proporzjonata għall-għan li jitrawwem l-iżvilupp tal-użu mill-ġdid sikur tal-ilma mormi trattat. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan. Mhux se tintmiss il-prerogattiva importanti tal-Istati Membri li sa fejn possibbli l-użu mill-ġdid tal-ilma se jkun imħeġġeġ.

L-ilma mormi trattat jista’ jintuża għal firxa wiesgħa ta’ finijiet. Fil-Komunikazzjoni tal-2015 “L-għeluq taċ-ċirku – Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal ekonomija ċirkolari” (COM/2015/614) u fil-Valutazzjoni tal-Impatt, it-tisqija agrikola ġiet identifikata bħala s-sors potenzjali ewlieni tad-domanda għall-ilma użat mill-ġdid billi għandha l-ikbar potenzjal fit-termini tal-adozzjoni tagħha, it-taffija tal-iskarsezza u r-rilevanza għall-UE.

Għażla tal-istrument

Il-valutazzjoni tal-impatt għal din il-proposta qieset il-firxa sħiħa tal-istrumenti legali, jiġifieri dawk li jemendaw waħda mid-Direttivi eżistenti, Direttiva ġdida jew Regolament ġdid, jew Gwida.

Meta tqieset leġiżlazzjoni ġdida dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma, waħda mill-għażliet possibbli kienet li jiġi emendat il-qafas eżistenti fejn l-użu mill-ġdid tal-ilma jissemma diġà, b’mod partikolari d-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi. Madankollu, Direttiva emendata jew ġdida tkun teħtieġ traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali mill-Istati Membri kollha. Filwaqt li l-użu mill-ġdid tal-ilma bla dubju huwa għażla promettenti għal ħafna Stati Membri, jeħtieġ li jitqies li attwalment sitt Stati Membri biss (Ċipru, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Italja u l-Portugall) għandhom rekwiżiti fis-seħħ dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma (fil-leġiżlazzjoni jew fl-istandards nazzjonali mhux regolatorji). Direttiva emendata jew ġdida tkun timplika traspożizzjoni għall-Istati Membri kollha u tippermetti bilfors flessibilità fit-traspożizzjoni tar-rekwiżiti. Filwaqt li dan jindirizza d-differenzi fl-UE, jillimta b’mod serju l-kisba tal-għanijiet, b’mod partikolari fir-rigward tal-armonizzazzjoni minima tar-rekwiżiti għall-ilma reklamat u l-metodoloġija biex tiġi applikata l-ġestjoni tar-riskju, kif ukoll biex jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi komuni. Din il-limitazzjoni diġà ġiet identifikata fil-valutazzjoni tal-impatt “Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa” fejn eventwalment ir-regolament kien l-unika għażla ta’ politika regolatorja vvalutata fid-dettall. Il-flessibilità għall-adattament fil-kuntesti lokali, li jidher li hi l-argument ewlieni għal Direttiva jew emenda ta’ Direttiva, tista’ tintlaħaq b’għodod oħra, b’mod partikolari l-introduzzjoni proposta għal ġestjoni tar-riskju komuni.

Fir-rigward tat-tip ta’ strument legali, il-valutazzjoni tal-impatt tqis li kemm Direttiva, kif ukoll Regolament ikunu adatti, bit-tnejn li huma għandhom xi vantaġġi u żvantaġġi. Regolament ikun iktar adatt għan-natura abilitanti tal-inizjattiva, b’mod partikolari għal dawk l-Istati Membri fejn l-użu mill-ġdid tal-ilma huwa meqjus bħala utli jew fejn jeżistu interessi tan-negozju qawwijin għall-iżvilupp tat-teknoloġiji għall-użu mill-ġdid tal-ilma. Direttiva tista’ tippermetti iktar flessibilità fit-termini tal-istabbiliment ta’ rekwiżiti nazzjonali iktar ristretti, filwaqt li timponi piż akbar għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri kollha, anki jekk attwalment l-użu mill-ġdid tal-ilma mhuwiex rilevanti għal kulħadd.

Fl-aħħar nett, ir-Regolament intgħażel bħala l-istrument legali l-iktar xieraq biex jintlaħqu l-għanijiet għar-raġunijiet li ġejjin:

·Ikun direttament applikabbli għall-operaturi tan-negozju (flimkien mal-Istati Membri), u b’hekk jiġi stimolat l-użu fis-suq potenzjalment anki minn dawk l-Istati Membri li bħalissa ma għandhomx il-kwistjoni tal-iskarsezza tal-ilma, iżda fejn qed jiġu prodotti teknoloġiji ekoloġiċi tajbin. Dan jista’ jkollu impatt pożittiv fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll l-introduzzjoni tal-aħjar teknoloġiji u opportunitajiet ta’ negozju ġodda fis-suq intern.

·Regolament jista’ jidħol fis-seħħ iktar malajr minn kwalunkwe emenda potenzjali fil-futur tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (li l-valutazzjoni tagħha li għaddejja hija skedata li titlesta fl-2019; kwalunkwe proposta leġiżlattiva sussegwenti għal emenda tista’ tkun possibbli biss wara proċess ta’ valutazzjoni tal-impatt), u għalhekk l-għan ewlieni għall-indirizzar tal-iskarsezza tal-ilma jintlaħaq iktar malajr.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-problema fil-livell tal-UE ġiet rikonoxxuta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2012 “Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa” (COM(2012) 673). Kontroll tal-idoneità tal-politka tal-ilma ħelu tal-UE (SWD(2012)393) ippubblikat f’Novembru 2012 bħala element kostitwenti tal-Blueprint, ivvaluta l-prestazzjoni tal-miżuri meħuda, kemm fl-ambjent, kif ukoll fl-oqsma tal-politika oħra, sabiex jintlaħqu l-għanijiet diġà maqbula fil-kuntest tal-politika tal-ilma. Identifika wkoll il-lakuni ewlenin li jridu jitneħħew sabiex jinkisbu l-għanijiet ambjentali b’mod iktar effiċjenti. B’rabta mal-użu mill-ġdid tal-ilma mormi, il-Kontroll tal-idoneità kkonkluda li ““jeħtieġ li nkomplu niddependu fuq l-għażliet alternattivi tal-provvista tal-ilma b’impatt ambjentali baxx” [traduzzjoni mhux uffiċjali] sabiex tiġi indirizzata l-iskarsezza tal-ilma. 

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-proċess ta’ konsultazzjoni għal inizjattiva possibbli ġdida tal-UE dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma beda fl-2012 u tkompla sa Lulju 2017 f’diversi għamliet, kemm organizzati, kif ukoll ad hoc. L-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ konsultazzjoni kienet tinvolvi l-ġbir u l-analiżi tal-input minn firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, kif ukoll minn żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi online.

L-ewwel konsultazzjoni pubblika fuq l-internet saret bejn it-30 ta’ Lulju u s-7 ta’ Novembru 2014 u rċeviet 506 kontribut. It-tieni konsultazzjoni pubblika fuq l-internet saret bejn it-28 ta’ Ottubru 2016 u s-27 ta’ Jannar 2017 u ffokat fuq l-għażliet ta’ politika l-iktar dettaljati biex jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma għat-tisqija u r-risanament tal-ilma tal-pjan. B’kollox waslu 344 kontribut. Fil-konsultazzjonijiet pubbliċi online tal-2016 u l-2014, bejn 60 % u 80 % ta’ dawk li wieġbu kienu favur qafas regolatorju tal-UE. Barra minn hekk, iktar minn 80 % ta’ dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni pubblika online li saret fl-2014, qiesu li standards minimi tal-UE legalment vinkolanti jkunu effikaċi biex jiżguraw is-sikurezza ambjentali u tas-saħħa tal-prattiki għall-użu mill-ġdid tal-ilma. Fiż-żewġ każijiet, dawk li wieġbu li huma l-aktar favur l-istrument ta’ regolament tal-UE huma rappreżentanti minn kumpaniji privati, mis-setturi tas-sanitazzjoni, tal-ilma tajjeb għax-xorb, tal-industrija tal-ikel u tal-ambjent, u/jew minn Stati Membri tan-Nofsinhar tal-UE.

Fost dawk li wieġbu teżisti perċezzjoni wiesgħa dwar il-benefiċċji tal-użu mill-ġdid tal-ilma għat-tisqija jew għall-finijiet tar-risanament tal-akwifer fir-rigward tad-disponibbilità tar-riżorsi tal-ilma, fil-kuntest tal-istress fuq l-ilma jew l-iskarsezza tal-ilma, l-astrazzjonijiet tal-ilma mhux sostenibbli u t-tibdil fil-klima (perċezzjoni ta’ iktar minn 70 % ta’ dawk li wieġbu fost il-kategoriji differenti ta’ dawk li wieġbu). Għadd kbir ta’ dawk li wieġbu iqisu wkoll il-kontribut potenzjali tal-użu mill-ġdid tal-ilma għall-kwalità tal-korpi tal-ilma, permezz tal-preservazzjoni tal-ilma tal-pjan mis-salinizzazzjoni. Barra minn hekk, għadd minn dawk li wieġbu iqisu wkoll l-użu mill-ġdid tal-ilma bħala mezz biex tiżdied l-effiċjenza fir-riżorsi, titrawwem l-innovazzjoni, kif ukoll jikkontribwixxi għall-fertilizzazzjoni tal-ħamrija, għalkemm dawn il-benefiċċji tqiesu li kienu iktar moderati meta mqabbla ma’ dawk preċedenti.

Min-naħa l-oħra, kien hemm inqas tendenza fost dawk li wieġbu li jqisu l-iffrankar fil-kostijiet għall-awtoritajiet, iż-żieda fid-dħul, jew l-iffrankar tal-enerġija u l-karbonju bħala benefiċċji tal-użu mill-ġdid tal-ilma. L-analiżi għal kull kategorija ta’ dawk li wieġbu, b’mod partikolari wriet li l-pajjiżi li huma esposti regolarment għal stress fuq l-ilma u l-Istati Membri tal-UE tan-Nofsinhar, iqisu b’mod aktar sinifikanti il-benefiċċji minn kategoriji oħra ta’ dawk li wieġbu. Instab kunsens kbir dwar dawn il-benefiċċji fost dawk li wieġbu mis-setturi tas-sanità, tal-ilma tajjeb għax-xorb, tal-ambjent u tal-ekonomija.

Hemm kunsens ġenerali fost dawk li wieġbu dwar is-sikurezza tal-użu mill-ġdid tal-ilma meta mqabbel mal-ilma mix-xmajjar, hekk kif kważi 70 % ta’ dawk li wieġbu jqisu li tal-inqas l-użu mill-ġdid tal-ilma huwa sikur. Dawk li wieġbu mill-Istati Membri tal-UE tan-Nofsinhar u mill-pajjiżi li jesperjenzaw regolarment l-istress fuq l-ilma, għandhom iktar tendenza li jqisu li l-ilma użat mill-ġdid kemm għat-tisqija, kif ukoll għar-risanament tal-akwifer, huwa mill-inqas sikur daqs is-sorsi alternattivi (ix-xmajjar jew l-ilma tal-pjan), milli minn dawk li wieġbu mill-Istati Membri tal-UE tax-Xlokk u tat-Tramuntana li għandhom tendenza li jqisu l-ilma użat mill-ġdid bħala inqas sikur fl-istess proporzjonijiet. Dawk li wieġbu minn kumpaniji privati wrew l-iktar perċezzjoni pożittiva dwar is-sikurezza tal-ilma użat mill-ġdid meta mqabbel ma’ tipi oħra ta’ organizzazzjoni, meta wieħed iqis li 60 % minnhom huma involuti fis-setturi tax-xorb u tas-sanità.

Il-kontributi varji li waslu minn partijiet ikkonċernati mmirati 7 jinsabu mqassra fl-Anness II – Rapport fil-qosor dwar l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni tar-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt. Il-kontribut li wasal u s-sejbiet intużaw fit-tħejjija tal-valutazzjoni tal-impatt u fl-aġġornament tal-bażi xjentifika għall-proposta attwali (ir-rapport tal-JRX fl-Anness 7 tar-Rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt) u ntużaw ulterjorment biex jiġi informat il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fid-dawl ta’ proposta għal Regolament dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma fil-livell tal-UE.

Konsultazzjoni mal-esperti fl-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati

Il-konsultazzjoni saret fil-qafas tal-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni Komuni għall-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. L-użu mill-ġdid tal-ilma ġie diskuss f’sitt laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma preċedenti dwar il-Programmi ta’ Miżuri (Settembru u Novembru 2013, Marzu u Ottubru 2014, Marzu u Ottubru 2015). Attività ddedikata għall-użu mill-ġdid tal-ilma u Task Group Ad-hoc ġie inkluż fil-programm ta’ ħidma tal-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni Komuni għall-2016-2018 biex jakkumpanja l-iżvilupp tal-azzjonijiet relatati u ltaqa’ regolarment. 8  

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-proposta legali, kif ukoll il-Valutazzjoni tal-Impatt, huma bbażati fuq korp mifrux ta’ evidenza dokumentata, kif imsemmi fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Valutazzjoni tal-Impatt. Is-sorsi ta’ informazzjoni ewlenin għall-Valutazzjoni tal-Impatt tar-Regolament propost kienu l-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Blueprint mill-2012 u l-istudji ta’ appoġġ sussegwenti, kif ukoll il-bażi xjentifika żviluppata mill-JRC (ir-rekwiżiti minimi ta’ kwalità), flimkien mal-immudellar tal-ilma mill-JRC. Barra minn hekk, ġew ivvalutati l-aspetti speċifiċi, b’mod partikolari, l-impatti fuq l-innovazzjoni u l-impatti territorjali.

Għall-finijiet tal-iżvilupp tal-proposta attwali, bħala l-ewwel pass il-JRC wettaq rieżami tal-għarfien xjentifiku, tekniku u legali disponibbli dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma fit-tisqija agrikola u r-risanament tal-akwifer. Id-dokumenti li kienu ta’ bażi biex tiġi stabbilita l-proposta għal rekwiżiti minimi ta’ kwalità jinkludu:

·il-qafas regolatorju fil-livell tal-UE dwar il-ħarsien tas-saħħa u tal-ambjent;

·il-leġiżlazzjonijiet u l-linji gwida tal-Istati Membri dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma, flimkien mal-esperjenza tagħhom fis-sistemi tal-użu mill-ġdid tal-ilma;

·il-linji gwida ta’ referenza u r-regolamenti dinjija dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma;

·ir-referenzi xjentifiċi addizzjonali meqjusa rilevanti għas-suġġett.

Waqt l-iżvilupp tal-bażi xjentifika għal din il-proposta, il-JRC applika approċċ f’diversi stadji għall-konsultazzjoni. Fl-ewwel stadju, il-JRC talab lil grupp ta’ esperti magħżula akkademiċi, mis-settur tal-ilma u mill-WHO biex jipprovdu r-rispons tagħhom u jikkummentaw dwar ix-xogħol tal-abbozzar. Fit-tieni stadju, l-Istati Membri ġew informati formalment permezz tal-Grupp Ad-hoc dwar l-Użu mill-ġdid tal-Ilma, fejn fi tliet okkażjonijiet, il-JRC ippreżenta l-verżjonijiet rispettivi. Il-kummenti li waslu bil-kitba mill-Istati Membri ġew dokumentati u t-tweġibiet mill-JRC ġew imxerrda. Barra minn hekk, il-JRC ippreżenta l-progress tax-xogħol f’bosta avvenimenti pubbliċi, kif ukoll f’laqgħat xjentifiċi. Fost l-oħrajn, dawn il-preżentazzjonijiet inkludew il-Grupp tal-Ilma tal-Parlament Ewropew, il-Grupp ta’ Azzjoni għall-Ilma tal-EIP dwar l-Użu mill-ġdid tal-Ilma, il-11-il Konferenza Internazzjonali tal-IWA dwar ir-Risanament u l-Użu mill-Ġdid tal-Ilma, kif ukoll l-Azzjoni COST NEREUS dwar l-Isfidi u l-Opportunitajiet Emerġenti fl-Użu mill-Ġdid tal-Ilma Mormi. Meta qiesu s-sensittività tal-kwistjoni tas-saħħa u dik ambjentali, u l-kunfidenza tal-pubblika fil-prattika tal-użu mill-ġdid tal-ilma, fit-tielet stadju intalbu l-opinjonijiet xjentifiċi tal-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji Sanitarji, Ambjentali u Emerġenti (SCHEER) indipendenti u tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), u tqiesu fil-finalizzazzjoni tad-dokument u fejn dan ma sarx ingħatat ġustifikazzjoni. L-esperti, li l-kontributi tagħhom huma rikonoxxuti b’apprezzament, ġew ikkonsultati biex jagħtu l-kummenti u r-rispons tagħhom permezz ta’ diskussjoni kritika dwar id-dokument tul il-proċess.

L-istudji sottostanti kollha u r-rapport tekniku tal-JRC huma disponibbli fuq http://ec.europa.eu/environment/water/reuse.htm .

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta hija bbażata fuq Valutazzjoni tal-Impatt li rċeviet opinjoni pożittivi bir-riżervi 9 mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fid-19 ta’ Jannar 2018 (preċedentement, ġiet riċevuta opinjoni negattiva fis-27 ta’ Ottubru 2017). Il-kwistjonijiet imqajma mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ġew indirizzati fil-verżjoni riveduta tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Valutazzjoni tal-Impatt, fejn kapitolu speċifiku jagħti d-dettalji tat-tibdil li sar wara l-opinjoni tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (Anness 1 tar-rapport tal-Valutazzjoni tal-Impatt - Informazzjoni proċedurali).

Għadd ta’ għażliet ta’ politika ġew żviluppati biex jindirizzaw il-problema identifikata u l-kawżi sottostanti tagħha, abbażi tal-Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa, il-Kontroll tal-Idoneità tal-politika tal-Ilma Ħelu tal-UE, l-istudji ta’ appoġġ u l-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati. Il-Valutazzjoni tal-Impatt ivvalutat l-għażliet fid-dawl tal-potenzjal u l-effiċjenza tagħhom biex jiksbu l-għan ewlieni tar-Regolament li tiġi indirizzata l-iskarsezza tal-ilma permezz tal-użu mill-ġdid tal-ilma filwaqt li jiġi żgurat il-ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem. Fir-rigward tar-risanament tal-akwifer, l-analiżi mwettqa fil-valutazzjoni tal-impatt uriet li azzjoni regolatorja tal-UE ma nstabitx li kien proporzjonata, minħabba d-dimensjoni lokali qawwija. Id-dettalji tal-eżitu ta’ dawn l-analiżi jinsabu fl-Istudju tal-Valutazzjoni tal-Impatt u fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Valutazzjoni tal-Impatt.

It-tlett għażliet ta’ politika vvalutati fihom (1) Strument legali li jiżgura s-sikurezza tal-prodotti agrikoli b’approċċ ta’ universalità (ir-rekwiżiti minimi l-iktar stretti stabbiliti irrispettivament tal-kategorija ta’ kultivazzjoni alimentari u t-teknika ta’ tisqija) u l-ħarsien tas-saħħa pubblika lokali u tal-ambjent (il-kompiti ewlenin ta’ ġestjoni tar-riskju), (2) Strument legali li jiżgura s-sikurezza tal-prodotti alimentari b’approċċ imfassal apposta (ir-rekwżiti minimi stabbiliti skont il-kategorija ta’ kultivazzjoni alimentari u t-teknika ta’ tisqija) u l-ħarsien tas-saħħa pubblika lokali u tal-ambjent (il-kompiti ewlenin ta’ ġestjoni tar-riskju) u (3) Dokument ta’ gwida dwar is-sikurezza tal-prodotti agrikoli b’approċċ imfassal apposta (ir-rekwiżiti minimi stabbiliti skont il-kategorija ta’ kultivazzjoni alimentari u t-teknika ta’ tisqija) u l-ħarsien tas-saħħa pubblika lokali u tal-ambjent (il-kompiti ewlenin ta’ ġestjoni tar-riskju). Għall-għażliet (1) u (2), l-istrument legali jkun akkumpanjat minn Gwida dwar l-implimentazzjoni tal-kompiti ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju, li jridu jiġu elaborati flimkien mal-Istati Membri.

It-tisqija agrikola hija ċertament l-akbar applikazzjoni ta’ ilma użat mill-ġdid fid-dinja fl-Ewropa, u użu sinifikanti ta’ ilma fl-Ewropa li globalment jgħodd għal madwar kwart tal-ilma ħelu kollu astratt. L-astrazzjoni għatt-tisqija tirrappreżenta madwar 60 % tal-astrazzjoni totali ta’ ilma ħelu fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Ewropa, u sa 80 % f’ċerti distretti bil-baċiri idroloġiċi. Għaldaqstant, l-użu mill-ġdid tal-ilma fl-agrikoltura għandu l-ogħla potenzjal għal żieda fl-użu mill-ġdid tal-ilma u għalhekk jikkontribwixxi biex tittaffa l-iskarsezza tal-ilma fl-Ewropa. L-analiżi u l-iklassifikar konsegwenti tal-għażliet wassal għall-konklużjoni li l-għażla favorita għat-tisqija agrikola hija strument legali b’approċċ imfassal apposta minħabba li huwa kapaċi jipprovdi volum ogħla ta’ ilma mormi trattat b’kost iktar baxx mill-għażliet l-oħra. Għat-tisqija agrikola, Regolament tal-UE b’approċċ imfassal apposta u ġestjoni tar-riskju jinvolvi l-aktar benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali meta mqabbel mal-għażliet l-oħra. B’mod partikolari, jikkontribwixxi biex jittaffa l-istress fuq l-ilma permezz ta’ żieda fl-użu mill-ġdid tal-ilma bi prezzijiet affordabbli li jilħqu is-6,6 biljun m3 fis-sena meta mqabbla mal-linja bażi ta’ 1,7 biljun m3. Barra minn hekk, joħloq kundizzjonijiet ekwi għall-investituri u jagħti ċertezza għad-distribuzzjoni tal-prodotti rilevanti fis-suq intern, u b’hekk jikkontribwixxi wkoll għal żieda fil-kunfidenza pubblika fl-użu mill-ġdid tal-ilma għat-tisqija.

Il-kostijiet amministrattivi għall-awtoritajiet nazzjonali ġew ivvalutati li huma negliġibbli jew li qed jonqsu meta mqabbla mal-linja bażi. Regolament tal-UE b’approċċ imfassal apposta huwa mistenni li jeħtieġ investimenti biex jiġu trattati l-volumi disponibbli tal-ilma ta’ EUR 38/m3/jum filwaqt li b’approċċ ta’ universalità dawn jiżdiedu għal EUR 271 /m3/jum. Investiment ta’ inqas minn EUR 700 miljun jippermetti li jiġu trattati iktar minn 6,6 biljun m3 kull sena taħt l-istess livell limitu ta’ kost skont l-approċċ imfassal apposta, b’kost totali ta’ ilma reklamat taħt EUR 0,5 /m3.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Ir-Regolament propost huwa ġdid u għaldaqstant ma kienx kopert bil-Kontroll tal-Idoneità riċenti tar-Rapportar u l-Monitoraġġ tal-politika ambjentali tal-UE 10 . Madankollu, l-eżitu, il-lezzjonijiet meħuda u r-rakkomandazzjonijiet minn dan il-Kontroll tal-Idoneità u l-pjan ta’ azzjoni relatat 11 , tqiesu fit-tħejjija tal-obbligi ta’ monitoraġġ u rapportar skont din il-proposta bil-ħsieb li jitnaqqas il-piż amministrattiv (billi jintużaw għodod moderni tal-ICT u ssir enfasi fuq ir-rapporti bbażati fuq l-indikaturi) u biex tiġi żgurata t-trasparenza u l-kontabilità fir-rigward taċ-ċittadini. Barra minn hekk, l-approċċ iqis ukoll il-bżonn li jiġi żgurat li l-bażi ta’ evidenza xierqa tkun disponibbli għall-evalwazzjoni tar-Regolament f’konformità mal-Linji Gwida dwar Regolamentazzjoni Aħjar (taqsima V dwar il-monitoraġġ). L-approċċ simplifikat għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ġie applikat l-ewwel fil-proposta riċenti tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb 12 . Din il-proposta attwali użat dawn id-dispożizzjonijiet bħala punt tat-tluq, u adottathom fejn meħtieġ. Għaldaqstant, l-approċċ se jiżgura wkoll il-koerenza li hija fattur importanti ieħor għall-idoneità regolatorja.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta se tikkontribwixxi wkoll għall-applikazzjoni tal-Artikolu 37 dwar il-ħarsien tal-ambjent tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta hija prinċipalment għal miżuri regolatorji mingħajr impatt immedjat fuq in-nefqa operazzjonali. Matul l-implimentazzjoni konkreta li mistennija tibda biss fl-2021, jista’ jseħħ impatt limitat fuq ir-riżorsi għall-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA). Madankollu, fi kwalunkwe każ dan se jiġi kopert mill-pakkett finanzjarju u l-allokazzjoni tal-persunal għall-EEA skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li ġej wara l-2020.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

It-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni huma aspett kritiku għall-promozzjoni tal-fiduċja fost l-utenti, kif ukoll għall-pubbliku ġenerali, fir-rigward tas-sikurezza tal-ilma reklamat. Għaldaqstant, saret enfażi dwar il-forniment ta’ informazzjoni lill-pubbliku minflok l-obbligi ta’ rapportar tradizzjonali. Primarjament, ir-rekwiżiti ta’ monitoraġġ se jiġu imposti fuq l-operaturi tal-impjanti tar-reklamazzjoni, u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni tkun disponibbli online għall-pubbliku.

Ir-Regolament propost jinkludi rekwiżiti ta’ monitoraġġ addizzjonali dwar il-kwalità tal-ilma reklamat. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw il-konformità mal-kundizzjonijiet ta’ permess ibbażati fuq id-data ta’ monitoraġġ miksuba skont dan ir-Regolament propost, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u informazzjoni rilevanti oħra. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw l-eżitu tal-kontroll tal-konformità u jiżguraw li l-Kummissjoni jkollha aċċess għad-data rilevanti.

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-għamla u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni li jenħtieġ li tkun disponibbli online għall-pubbliku. Ir-rekwiżiti se jiġu żviluppati b’konsultazzjoni mal-esperti fl-Istati Membri, filwaqt li jitqiesu l-konklużjoni tal-Kontroll tal-Idoneità tar-Rapportar u tal-Monitoraġġ tal-politika ambjentali tal-UE u l-azzjonijiet ta’ segwitu, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT).

Minħabba l-evoluzzjoni mistennija kemm fl-għarfien, kif ukoll fil-qafas ta’ politika fir-rigward tal-kontaminanti ta’ tħassib emerġenti, il-proposta tinkludi klawżola biex l-annessi jiġu adattati għall-progress tekniku u xjentifiku, kif ukoll rekwiżit għal evalwazzjoni.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Artikolu 1 – Suġġett u għan

Dan l-Artikolu jispeċifika l-għanijiet tal-proposta, jiġifieri li jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għall-kwalità u l-monitoraġġ tal-ilma u li jiġu stabbiliti l-kompiti ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju sabiex jiġi garantit li l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi trattat ikun sikur, jindirizza l-kwistjoni tal-iskarsezza tal-ilma u jikkontribwixxi għall-funzjonament effiċjenti tas-suq intern.

Artikolu 2 – Kamp ta’ applikazzjoni

Dan l-Artikolu jispeċifika l-applikazzjoni tar-Regolament propost dwar l-ilma reklamat maħsub għall-użi speċifiċi stabbiliti fit-taqsima 1 tal-Anness I, li hija t-tisqija agrikola.

Artikolu 3 – Definizzjonijiet

Dan l-Artikolu jelenka d-definizzjonijiet użati fir-Regolament propost.

Artikolu 4 – Obbligi tal-operaturi tal-impjanti tar-reklamazzjoni fir-rigward tal-kwalità tal-ilma

Dan l-Artikolu jiddefinixxi r-rekwiżiti minimi għall-konformità qabel ma l-ilma reklamat ikun jista’ jintuża għat-tisqija agrikola. Saret referenza għall-Anness I li jispeċifika r-rekwiżiti minimi għall-kwalità u l-monitoraġġ tal-ilma reklamat u r-rekwiżiti addizzjonali kif imsemmija fl-Artikolu 7, abbażi tal-applikazzjoni tal-ġestjoni tar-riskju, kif definit mill-Artikolu 5.

Artikolu 5 – Ġestjoni tar-riskju

Dan l-Artikolu jiddefinixxi l-proċess tal-ġestjoni tar-riskju li jenħtieġ li jitwettaq mill-operatur tal-impjant ta’ reklamazzjoni, b’kooperazzjoni mal-partijiet rilevanti (l-utent aħħari tal-ilma reklamat, l-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi li jforni l-ilma lill-impjant tar-reklamazzjoni, eċċ.). L-operatur tal-impjant tar-reklamazzjoni għandu jelabora Pjan tal-Ġestjoni tar-Riskju għall-Użu mill-ġdid tal-Ilma li jidentifika rekwiżiti addizzjonali għall-mitigazzjoni ulterjuri tar-riskji, li jkunu parti minn permess maħruġ mill-awtorità kompetenti. Il-Pjan tal-Ġestjoni tar-Riskju għall-Użu mill-ġdid tal-Ilma jrid ikun ibbażat fuq il-prinċipji ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju, kif definit mill-Anness II tal-proposta. Att delegat huwa maħsub sabiex jiġu stabbiliti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jistgħu jissupplimentaw il-kompiti ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju, kif definit fl-Anness II.

Artikolu 6 – Applikazzjoni għal permess tal-forniment ta’ ilma reklamat

Dan l-Artikolu jispeċifika l-proċess ta’ applikazzjoni għal permess tal-forniment ta’ ilma reklamat, inkluż lista ta’ dokumenti li jridu jiġu pprovduti mill-applikant.

Artikolu 7 – Għotja tal-permess

Dan l-Artikolu jispeċifika l-obbligi tal-atturi rilevanti fil-proċedura tal-għotja tal-permess. Barra minn hekk, jiddefinixxi l-kundizzjonijiet li jridu jiġu inklużi u r-rekwiżit biex il-permess jiġi rivedut mill-inqas kull ħames snin.

Artikolu 8 – Kontroll tal-konformità

Dan l-Artikolu jiddefinixxi l-obbligu tal-awtoritajiet kompetenti li jivverifikaw il-konformità tal-ilma reklamat mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-permess. Dan l-Artikolu jispeċifika ulterjorment ir-regoli li jeħtieġ li jiġu segwiti f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità jew inċidenti li jirriżultaw f’nuqqas ta’ konformità mar-Regolament propost.

Artikolu 9 – Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri

Dan l-Artikolu jipprevedi l-modalitajiet għal skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta rilevanti, qabel ma jinħareġ il-permess għall-użu mill-ġdid tal-ilma.

Artikolu 10 – Informazzjoni lill-pubbliku

Skont il-konklużjonijiet tal-Kontroll tal-Idoneità dwar ir-Rapportar, dan l-Artikolu jistipula l-informazzjoni li l-Istati Membru jeħtieġ jipprovdu lill-pubbliku. Il-ħsieb hu li tiżdied it-trasparenza li twassal għal titjib fil-kunfidenza tal-konsumaturi fl-użu mill-ġdid tal-ilma, kif ukoll fil-fehim tal-impatti ta’ dan ir-Regolament dwar adozzjoni ogħla tal-użu mill-ġdid tal-ilma. Att ta’ implimentazzjoni huwa maħsub sabiex jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-għamla u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni li jeħtieġ tiġi pprovduta.

Artikolu 11 – Informazzjoni dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni

Skont il-konklużjonijiet tal-Kontroll tal-Idoneità dwar ir-Rapportar, dan l-Artikolu jispeċifika l-proċedura tal-ġbir tad-data rilevanti dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament propost, bl-għan li jiġi minimizzat il-piż amministrattiv (permezz tal-użu ta’ għodod tal-ICT moderni u l-iffokar fuq rapporti bbażati fuq l-indikaturi) u li tiġi żgurata t-trasparenza u l-kontabilità fir-rigward taċ-ċittadini. Dan l-Artikolu jipprevedi li l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu settijiet ta’ data li jkun fih informazzjoni dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma, bl-użu kemm jista’ jkun ta’ data fattibbli mill-flussi ta’ rapportar attwali skont id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u d-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb. Is-settijiet ta’ data jenħtieġ li jiġu stabbiliti f’konformità mad-Direttiva INSPIRE. Għal dan l-għan, huwa previst l-appoġġ mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent li r-rwol tagħha se jkun ukoll li taċċedi regolarment id-data u tipprovdi lill-Kummissjoni bil-ħarsiet ġenerali tal-implimentazzjoni tar-Regolament fil-livell tal-Unjoni, li jridu jintużaw ukoll fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet futuri tar-Regolament (Artikolu 13). Att ta’ implimentazzjoni huwa maħsub sabiex jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-għamla u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni li jeħtieġ tiġi pprovduta.

Artikolu 12 – Aċċess għall-ġustizzja

Dan l-Artikolu huwa konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Aarhus fir-rigward tal-aċċess għall-ġustizzja. Jenħtieġ li jkun possibbli li ċ-ċittadini u l-NGOs ikunu jistgħu jirrevedu legalment id-deċiżjonijiet meħuda mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament.

Artikolu 13 - Evalwazzjoni

Dan l-Artikolu jistabbilixxi l-qafas għall-evalwazzjonijiet futuri (skont il-linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni) tar-Regolament. L-ewwel evalwazzjoni hija prevista sitt snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

Artikolu 14 – Eżerċitar tad-delega

Dan huwa Artikolu standard għall-adozzjoni tal-atti delegati.

Artikolu 15 – Proċedura tal-kumitat

Dan huwa Artikolu standard għall-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni.

Artikolu 16 – Penali

Dan huwa Artikolu standard dwar il-penali.

Artikolu 17 – Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan l-Artikolu jistabbilixxi d-data tad-dħul fis-seħħ u d-data tal-applikazzjoni, jiġifieri sena wara d-data tad-dħul fis-seħħ sabiex jingħata żmien biżżejjed lill-Istati Membri biex jadattaw għar-Regolament, kif ukoll biex jelaboraw att ta’ implimentazzjoni li jiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-ġestjoni tar-riskju.

Anness I – Użi u rekwiżiti minimi

Taqsima 1 – Użi tal-ilma reklamat

Din it-taqsima tispeċifika l-użi tal-ilma reklamat, b’mod partikolari t-tisqija agrikola.

Taqsima 2 – Rekwiżiti minimi

Din il-parti tispeċifika l-klassijiet tal-kwalità tal-ilma reklamat u l-użi agrikoli assoċjati (Tabella 1). Il-Parti (a) tispeċifika r-rekwiżiti minimi għall-kwalità tal-ilma kif definit mill-JRC abbażi tal-prattika tal-Istati Membri u dik internazzjonali (Tabella 2).

Il-Parti (b) tispeċifika r-rekwiżiti tal-monitoraġġ għall-ilma reklamat (Tabella 3) u l-monitoraġġ tal-validazzjoni għall-klassi A l-iktar stretta (Tabella 4).

Anness II – Kompiti ewlenin ta’ ġestjoni tar-riskju

Dan l-Anness jistabbilixxi d-dettalji għall-kompiti li jridu jiġu segwiti mill-operatur tal-impjant tar-reklamazzjoni sabiex jiġi żviluppat Pjan għall-Ġestjoni tar-Riskju tal-Użu mill-Ġdid tal-Ilma, biex jiġu identifikati r-rekwiżiti ulterjuri li jridu jiġu inklużi fil-permess, kif ukoll għall-implimentazzjoni tas-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma.

2018/0169 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 13 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 14 ,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Ir-riżorsi tal-ilma tal-Unjoni qed ikunu dejjem iktar taħt pressjoni, li qed iwassal għall-iskarsezza tal-ilma u d-deterjorament tal-kwalità. B’mod partikolari, it-tibdil fil-klima u n-nixfa qed jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-istrapazz fuq id-disponibbiltà tal-ilma ħelu li qed jinħoloq mill-iżvilupp urban u l-agrikoltura. 

(2)Il-kapaċità tal-Unjoni li twieġeb għall-pressjoni li dejjem qed tiżdied fuq ir-riżorsi tal-ilma tista’ tissaħħaħ permezz tal-użu mill-ġdid mifrux tal-ilma mormi trattat. Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 issemmi l-użu mill-ġdid tal-ilma bħala wieħed mill-miżuri supplimentari li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw sabiex jiksbu l-għanijiet tad-Direttiva għal status kwalitattiv u kwantitattiv tajjeb tal-ilma għall-ilmijiet tal-wiċċ u l-ilmijiet tal-pjan. Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE 16 teħtieġ li l-ilma mormi trattat jiġi użat mill-ġdid kull meta jkun xieraq.

(3)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa” 17 enfasizzat l-użu mill-ġdid tal-ilma għal finijiet ta’ tisqija jew dawk industrijali bħala għażla alternattiva għall-forniment tal-ilma li teħtieġ l-attenzjoni tal-Unjoni.

(4)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill “Li tindirizza l-isfida tal-iskarsezza tal-ilma u l-perjodi ta’ nixfa fl-Unjoni Ewropea” 18 tistabbilixxi l-ġerarkija ta’ miżuri li l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu fl-immaniġġjar tal-iskarsezza tal-ilma u l-perjodi ta’ nixfa. Tgħid li r-reġjuni fejn ġew implimentati l-miżuri preventivi kollha skont il-ġerarkija tal-ilma u fejn id-domanda tal-ilma tkun għadha ikbar milli jkun disponibbli, f’xi ċirkostanzi u meta titqies id-dimensjoni kost-benefiċċji, infrastruttura ta’ forniment tal-ilma addizzjonali tista’ sservi bħala approċċ alternattiv għall-mitigazzjoni tal-impatti ta’ nixfa kbira.

(5)Fil-Pjan ta’ Azzjoni tagħha għal Ekonomija Ċirkolari 19 , il-Kummissjoni impenjat ruħha li tieħu sensiela ta’ azzjonijiet biex tippromwovi l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi trattat, inkluż l-iżvilupp ta’ proposta leġiżlattiva dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma. 

(6)L-użu mill-ġdid tal-ilma mormi trattat kif xieraq, pereżempju mill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi jew l-installazzjonijiet industrijali, jitqies li għandu impatt ambjentali iktar baxx minn metodi ta’ forniment tal-ilma alternattivi oħra, bħat-trasferimenti tal-ilma jew disalinizzazzjoni, iżda dan l-użu mill-ġdid iseħħ b’mod limitat ħafna fl-Unjoni. Dan jidher li hu minħabba n-nuqqas ta’ standards ambjentali u tas-saħħa komuni fl-Unjoni għall-użu mill-ġdid tal-ilma, u b’mod partikolari fir-rigward tal-prodotti agrikoli, l-ostakli potenzjali għall-moviment liberu ta’ dawn il-prodotti msoqqija bl-ilma reklamat.

(7)L-istandards tas-saħħa marbuta mal-iġjene alimentari għall-prodotti agrikoli msoqqija bl-ilma reklamat jistgħu jinkisbu biss jekk ir-rekwiżiti tal-kwalità fl-Istati Membri għall-ilma reklamat maħsub għat-tisqija agrikola ma jkunux differenti ħafna minn xulxin. L-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti se tikkontribwixxi wkoll għall-funzjonament effiċjenti tas-suq intern fir-rigward ta’ dawn il-prodotti. Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi introdotta armonizzazzjoni minima billi jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għall-kwalità u l-monitoraġġ tal-ilma. Dawk ir-rekwiżiti minimi jenħtieġ li jkollhom parametri minimi għall-ilma reklamat u rekwiżiti tal-kwalità addizzjonali jew iktar stretti imposti, jekk meħtieġ, mill-awtoritajiet kompetenti flimkien ma’ kwalunkwe miżura preventiva rilevanti. Sabiex jiġu identifikati rekwiżiti iktar stretti jew addizzjonali għall-kwalità tal-ilma, jenħtieġ li l-operaturi tal-impjanti tar-reklamazzjoni jwettqu l-kompiti ewlenin ta’ ġestjoni tar-riskju. Il-parametri huma bbażati fuq rapport tekniku taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni u jirriflettu l-istandards internazzjonali dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma.

(8)L-adeżjoni mar-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma jenħtieġ li jgħinu biex jappoġġaw il-kisba tal-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli, b’mod partikolari l-Għan 6, li jiġi żgurat l-aċċess għall-ilma u s-sanitazzjoni għal kulħadd, kif ukoll iż-żieda sostanzjali fir-riċiklaġġ u l-użu mill-ġdid sikur tal-ilma globalment. Il-proposta se tikkontribwixxi wkoll għall-applikazzjoni tal-Artikolu 37 dwar il-ħarsien tal-ambjent tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(9)Il-ġestjoni tar-riskju jenħtieġ li tinvolvi l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji b’mod proattiv u tinkorpora l-kunċett tal-produzzjoni ta’ ilma reklamat ta’ kwalità meħtieġa għal użi partikolari. Jenħtieġ li l-valutazzjoni tar-riskju tkun ibbażata fuq il-kompiti ta’ ġestjoni tar-riskju u jenħtieġ li jiġi identifikat kwalunkwe rekwiżit addizzjonali għall-kwalità tal-ilma neċessarju biex jiġi żgurat biżżejjed ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. 

(10)Sabiex jitħarsu b’mod effikaċi l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, l-operaturi tal-impjanti tar-reklamazzjoni jenħtieġ li jkunu primarjament responsabbli għall-kwalità tal-ilma reklamat. Għall-finijiet ta’ konformità mar-rekwiżiti minimi u kwalunkwe kundizzjoni addizzjonali stabbiliti mill-awtorità kompetenti, l-operaturi tal-impjanti tar-reklamazzjoni jenħtieġ li jimmonitorjaw il-kwalità tal-ilma reklamat. Għaldaqstant, jixraq li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi għall-monitoraġġ li jikkonsistu fil-frekwenza ta’ monitoraġġ tar-rutina, u l-iskedar u l-miri ta’ prestazzjoni għall-monitoraġġ tal-validazzjoni. Uħud mir-rekwiżiti għall-monitoraġġ tar-rutina huma speċifikati skont id-Direttiva 91/271/KEE.

(11)Huwa neċessarju li jiġi żgurat l-użu sikur tal-ilma reklamat, u b’hekk jitħeġġeġ l-użu mill-ġdid tal-ilma fil-livell tal-Unjoni u tissaħħaħ il-kunfidenza tal-pubbliku fih. Għaldaqstant, il-forniment tal-ilma reklamat għal użi partikolari jenħtieġ li jiġi permess biss abbażi ta’ permess mogħti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Sabiex jiġi żgurat l-approċċ armonizzat fil-livell tal-Unjoni, it-traċċabilità u t-trasparenza, jenħtieġ li jiġu stabbiliti r-regoli sostantivi għal dak il-permess fil-livell tal-Unjoni. Madankollu, id-dettalji tal-proċeduri għall-għoti tal-permessi jenħtieġ li jiġu ddeterminati mill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu kapaċi japplikaw il-proċeduri eżistenti għall-għoti tal-permessi li jenħtieġ li jiġu adattati biex iqisu r-rekwiżiti introdotti minn dan ir-Regolament.

(12)Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma komplementari għar-rekwiżiti ta’ leġislazzjoni oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji possibbli għas-saħħa u għall-ambjent. Għaldaqstant, sabiex jiġi żgurat approċċ olistiku biex jiġu indirizzati r-riskji possibbli għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u għall-ambjent, l-operaturi tal-impjanti tar-reklamazzjoni u l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jqisu r-rekwiżiti stabbiliti f’leġiżlazzjoni oħra rilevanti tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttivi tal-Kunsill 86/278/KEE, 91/676/KEE 20 u 98/83/KE 21 , id-Direttivi 91/271/KEE u 2000/60/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002 22 , (KE) Nru 852/2004 23 , (KE) Nru 183/2005 24 , (KE) Nru 396/2005 25 u (KE) 1069/2009 26 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 2006/7/KE 27 , 2006/118/KE 28 , 2008/105/KE 29 u 2011/92/UE 30 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 31 , (KE) Nru 1881/2006 32 u (KE) 142/2011 33 .

(13)Ir-Regolament (KE) 852/2004 jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-operaturi fin-negozju tal-ikel u jkopri l-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-ikel maħsub għall-konsum mill-bniedem. Dak ir-Regolament jindirizza l-kwalità tas-saħħa tal-ikel u wieħed mill-prinċipji ewlenin tiegħu hu li l-operatur fin-negozju tal-ikel għandu r-responsabbiltà ewlenija għas-sigurtà tal-ikel. Dak ir-Regolament huwa wkoll soġġett għal gwida dettaljata, b’rilevanza partikolari għall-Avviż tal-Kummissjoni dwar dokument ta’ gwida dwar kif għandhom jiġu indirizzati r-riskji mikrobijoloġiċi fil-frott u l-ħaxix frisk fil-produzzjoni primarja permezz ta’ iġjene tajba (2017/C163/01). Il-miri ta’ prestazzjoni għall-ilma reklamat stabbiliti f’dan ir-Regolament ma jwaqqfux lill-operaturi fin-negozju tal-ikel milli jiksbu l-kwalità tal-ilma meħtieġa li tikkonforma mar-Regolament 852/2004 billi fi stadju sussegwenti jużaw diversi għażliet għat-trattament tal-ilma individwalment jew flimkien ma’ għażliet oħra li ma jittrattawx l-ilma.

(14)Sabiex titħeġġeġ il-kunfidenza fl-użu mill-ġdid tal-ilma, jenħtieġ li tingħata informazzjoni lill-pubbliku. Id-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma jenħtieġ li tippermetti żieda fit-trasparenza u t-traċċabilità, u tista’ tkun ukoll ta’ interess partikolari għal awtoritajiet rilevanti oħra li jintlaqtu mill-użu mill-ġdid tal-ilma speċifiku.

(15)Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 34 għandha l-għan li tiggarantixxi d-dritt tal-aċċess għal informazzjoni ambjentali fl-Istati Membri f’konformità mal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali 35  (Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus). Id-Direttiva 2003/4/KE tistabbilixxi obbligi estensivi marbuta mad-disponibbilità tal-informazzjoni ambjentali fuq talba, kif ukoll mat-tixrid b’mod attiv ta’ dik l-informazzjoni. Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 36 tkopri l-kondiviżjoni tal-informazzjoni ġeografika, inkluż settijiet ta’ data dwar suġġetti ambjentali differenti. Huwa importanti li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament marbuta mal-aċċess għall-informazzjoni u l-arranġamenti għall-kondiviżjoni tas-settijiet tad-data jikkomplementaw lil dawk id-Direttivi u ma joħolqux reġim legali separat. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar l-informazzjoni lill-pubbliku u dwar l-informazzjoni fir-rigward tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni jkunu mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 2003/4/KE u 2007/2/KE.

(16)Sabiex jiġu adattati r-rekwiżiti minimi u l-kompiti ewlenin ta’ ġestjoni tar-riskju eżistenti fir-rigward tal-progress xjentifiku u tekniku, jenħtieġ li s-setgħa biex jiġu adottati l-atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, tiġi delegata lill-Kummissjoni biex temenda r-rekwiżiti minimi u l-kompiti ewlenin ta’ ġestjoni tar-riskju. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun kapaċi wkoll tadotta l-atti delegati li jissupplimentaw il-kompiti ewlenin ta’ ġestjoni tar-riskju billi tistipula l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Huwa importanti ħafna li l-Kummissjoni tagħmel il-konsultazzjonijiet xierqa matul il-fażi tal-ħidma ta’ tħejjija, inkluż fil-livell tal-esperti u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 37 . B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(17)Sabiex jiġu żgurati l-kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu konferiti s-setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni għall-adozzjoni tar-regoli dettaljati fir-rigward tal-għamla u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni li trid tingħata lill-pubbliku mill-Istati Membri, fir-rigward tal-għamla u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament li trid tingħata mill-Istati Membri, u fir-rigward tal-għamla u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar il-ħarsa ġenerali madwar l-Unjoni mfassla mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 38 .

(18)L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jivverifikaw il-konformità tal-ilma reklamat mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-permess. F’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, jenħtieġ li jitolbu lill-operatur tal-impjant tar- reklamazzjoni biex jieħu l-miżuri neċessarji sabiex tiġi żgurata l-konformità. Jenħtieġ li l-operaturi tal-impjanti tar-reklamazzjoni iwaqqfu mill-ewwel kwalunkwe forniment ta’ ilma reklamat meta n-nuqqas ta’ konformità joħloq riskju sinifikanti lill-ambjent jew lis-saħħa tal-bniedem.

(19)Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tikkoopera ma’ awtoritajiet rilevanti oħra billi taqsam l-informazzjoni sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti rilevanti tal-Unjoni u dawk nazzjonali.

(20)Id-data mogħtija mill-Istati Membri hija neċessarja sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja u tivvaluta l-prestazzjoni tal-leġiżlazzjoni fir-rigward tal-għanijiet li jridu jintlaħqu.

(21)Skont il-paragrafu 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-evalwazzjoni tkun ibbażata fuq il-ħames kriterji tal-effiċjenza, l-effikaċja, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE u jenħtieġ li tipprovdi l-bażi għall-valutazzjonijiet tal-impatt ta’ miżuri ulterjuri possibbli.

(22)Skont il-Konvenzjoni ta’ Aarhus, il-membri tal-pubbliku kkonċernati jenħtieġ li jkollhom aċċess għall-ġustizzja sabiex jikkontribwixxu għall-ħarsien tad-dritt li jgħixu f’ambjent xieraq għas-saħħa u l-benessri tal-individwi.

(23)Jenħtieġ li l-Istati Membri jistipulaw ir-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali jenħtieġ li jkunu effettivi, proprozjonati u dissważivi.

(24)Peress li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari l-ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, ma jistgħux jinkisbu għal kollox mill-Istati Membri, iżda minħabba raġunijiet ta’ skala u effetti tal-azzjoni, jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropa. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(25)Huwa meħtieġ li jingħata biżżejjed żmien lill-Istati Membri biex jistabbilixxu l-infrastruttura amministrattiva neċessarja għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll biex l-operaturi jippreparaw għall-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda,

ADDOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u għan

1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-kwalità tal-ilma u l-monitoraġġ, u l-obbligu li jitwettqu l-kompiti ewlenin ta’ ġestjoni tar-riskju speċifikati, għall-użu mill-ġdid sikur tal-ilma urban mormi trattat fil-kuntest tal-immaniġġjar tal-ilma integrat.

2.L-għan ta’ dan ir-Regolament hu li jiġi garantit li l-ilma reklamat ikun sikur għall-użu maħsub tiegħu, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, kif ukoll tal-ambjent, filwaqt li jiġu indirizzati l-iskarsezza tal-ilma u l-pressjoni li tirriżulta fuq ir-riżorsi tal-ilma, b’mod koordinat madwar l-Unjoni, u b’hekk jikkontribwixxi wkoll għall-funzjonament effiċjenti tas-suq intern.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-ilma reklamat għal użu speċifiku fit-taqsima 1 tal-Anness I.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.“awtorità kompetenti” tfisser awtorità jew korp maħtura minn Stat Membru biex iwettqu l-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament;

2.“awtorità tal-ilma” tfisser awtorità jew awtoritajiet identifikati skont l-Artikolu 3(2) jew (3) tad-Direttiva 2000/60/KE; 

3.“utent aħħari” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tuża l-ilma reklamat;

4.“ilma urban mormi” tfisser ilma urban mormi kif definit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 91/271/KEE;

5.“ilma reklamat” tfisser ilma urban mormi li ġie trattat f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 91/271/KEE u li jirriżulta minn trattament ulterjuri f’impjant tar-reklamazzjoni;

6.“impjant tar-reklamazzjoni” tfisser impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi jew impjant ieħor li jittratta ulterjorment l-ilma urban mormi f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva 91/271/KEE sabiex jiġi prodott ilma li huwa tajjeb għal użu speċifikat fit-taqsima 1 tal-Anness I ta’ dan ir-Regolament;

7.“operatur tal-impjant tar-reklamazzjoni” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li topera jew tikkontrolla impjant tar-reklamazzjoni;

8.“periklu” tfisser aġent bijoloġiku, kimiku, fiżiku jew radjoloġiku li għandu l-potenzjal li jikkawża dannu lill-bnedmin, lill-annimali, lill-għelejjel jew lill-pjanti, lil bijota terrestri u lil bijoti akkwatiċi oħra, lill-ħamrija jew lill-ambjent ġenerali; 

9.“riskju” tfisser il-probabbiltà ta’ perikli identifikati li jikkawżaw dannu f’medda ta’ żmien speċifiku, inkluż is-severità tal-konsegwenzi;

10.“ġestjoni tar-riskju” hija ġestjoni sistematika li b’mod konsistenti tiżgura s-sikurezza tal-użu mill-ġdid tal-ilma f’kuntest speċifiku;

11.“miżura preventiva” tfisser kwalunkwe azzjoni jew attività li tista’ tintuża għall-prevenzjoni jew l-eliminazzjoni ta’ riskju għas-saħħa jew għall-ambjent, jew tnaqqsu għal livell aċċettabbli.

Artikolu 4

Obbligi tal-operaturi tal-impjanti ta’ reklamazzjoni fir-rigward tal-kwalità tal-ilma

1.L-operaturi tal-impjanti tar-reklamazzjoni għandhom jiżguraw li l-ilma reklamat iddestinat għal użu speċifiku fit-Taqsima 1 tal-Anness I, fl-iżbokk tal-impjant tar-reklamazzjoni (punt ta’ konformità) għandu jkun konformi ma’ dan li ġej:

(a)ir-rekwiżiti minimi għall-kwalità tal-ilma stipulati fit-Taqsima 2 tal-Anness I;

(b)kwalunkwe kundizzjoni ulterjuri stabbiliti mill-awtorità kompetenti fil-permess rilevanti skont il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 7(3), fir-rigward tal-kwalità tal-ilma.

2.Sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-operatur tal-impjant tar-reklamazzjoni għandu jimmonitorja l-kwalità tal-ilma skont dan li ġej:

(a)it-Taqsima 2 tal-Anness I;

(b)kwalunkwe kundizzjoni ulterjuri stabbiliti mill-awtorità kompetenti fil-permess rilevanti skont il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 7(3), fir-rigward tal-monitoraġġ.

3.Il-Kummissjoni ingħatat is-setgħa li tadotta atti delegati li jemendaw lil dan ir-Regolament skont l-Artikolu 14 sabiex ir-rekwiżiti minimi stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness I jiġu adattati għall-progress tekniku u xjentifiku.

Artikolu 5

Ġestjoni tar-riskju

1.Għall-finijiet tal-produzzjoni u l-forniment tal-ilma reklamat, il-ġestjoni tar-riskju għandha titwettaq mill-operatur tal-impjant tar-reklamazzjoni b’konsultazzjoni mal-atturi li ġejjin:

(a)l-operatur tal-impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi li jforni l-ilma lill-impjant tar-reklamazzjoni, jekk ikun differenti mill-operatur tal-impjant tar-reklamazzjoni;

(b)l-utenti aħħarin;

(c)kwalunkwe parti oħra li titqies rilevanti mill-operatur tal-impjant tar-reklamazzjoni.

2.L-operatur tal-impjant tar-reklamazzjoni għandu jfassal Pjan ta’ Ġestjoni tar-Riskju għall-Użu mill-Ġdid tal-Ilma bbażat fuq il-kompiti ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju stabbiliti fl-Anness II. Il-Pjan ta’ Ġestjoni tar-Riskju għall-Użu mill-Ġdid tal-Ilma għandu jipproponi rekwiżiti addizzjonali ma’ dawn speċifikati fl-Anness I, meħtieġa għall-mitigazzjoni ulterjuri ta’ kwalunkwe riskju, u fost l-oħrajn, għandu jidentifika l-perikli, ir-riskji u l-miżuri preventivi xierqa.

3.Il-Kummissjoni ingħatat is-setgħa biex skont l-Artikolu 14, tadotta atti delegati li jemendaw lil dan ir-Regolament sabiex il-kompiti ewlenin ta’ ġestjoni tar-riskju stabbiliti fl-Anness II jiġu adattati għall-progress tekniku u xjentifiku.

Il-Kummissjoni ingħatat ukoll is-setgħa biex skont l-Artikolu 14, tadotta atti delegati li jissupplimentaw lil dan ir-Regolament sabiex jiġu stabbiliti l-ispeċifikazzjoni tekniċi tal-kompiti ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju stipulati fl-Anness II.

Artikolu 6

Applikazzjoni għal permess tal-forniment ta’ ilma reklamat

1.Kwalunkwe provvista tal-ilma reklamat iddestinata għal użu speċifiku fit-Taqsima 1 tal-Anness I, għandha tkun soġġetta għal permess.

2.Operatur jista’ jippreżenta applikazzjoni għall-permess imsemmi fil-paragrafu 1, jew għal modifika ta’ permess eżistenti, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn jopera l-impjant tar-reklamazzjoni jew fejn hu ppjanat li jopera.

3.L-applikazzjoni għandha tinkludi dan li ġej:

(a)Pjan tal-Ġestjoni tar-Riskju għall-Użu mill-Ġdid tal-Ilma mfassal skont l-Artikolu 5(2);

(b)deskrizzjoni ta’ kif l-operatur tal-impjant tar-reklamazzjoni se jikkonforma mar-rekwiżiti minimi għall-kwalità tal-ilma u għall-monitoraġġ stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness I;

(c)deskrizzjoni ta’ kif l-operatur tal-impjant tar-reklamazzjoni se jikkonforma mar-rekwiżiti addizzjonali proposti fil-Pjan tal-Ġestjoni tar-Riskju għall-Użu mill-Ġdid tal-Ilma.

Artikolu 7

Għotja tal-permess

1.Għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-applikazzjoni, jekk xieraq, l-awtorità kompetenti għandha tikkonsulta u taqsam l-informazzjoni rilevanti ma’ dawn li ġejjin:

(a)awtoritajiet rilevanti oħra tal-istess Stat Membru, b’mod partikolari l-awtorità tal-ilma, jekk din hija differenti mill-awtorità kompetenti;

(b)il-punti ta’ kuntatt fl-Istati Membri li huma potenzjalment milquta, maħtura skont l-Artikolu 9(1).

2.Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-applikazzjoni kompluta, kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artiklu 6(3), l-awtorità kompetenti għandha tiddeċiedi jekk tagħtix il-permess. Meta l-awtorità kompetenti jkollha bżonn iktar żmien minħabba l-kumplessità tal-applikazzjoni, għandha tinforma b’dan lill-applikant, filwaqt li tindika d-data mistennija tal-għoti tal-permess u tipprovdi r-raġunijiet għall-estensjoni.

3.Meta l-awtorità kompetenti tiddeċiedi li tagħti permess, għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni, li fejn applikabbli, għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)il-kundizzjonijiet marbuta mar-rekwiżiti minimi għall-kwalità tal-ilma u għall-monitoraġġ stipulati fit-Taqsima 2 tal-Anness I;

(b)il-kundizzjonijiet marbuta mar-rekwiżiti addizzjonali proposti fil-Pjan ta’ Ġestjoni tar-Riskju għall-Użu mill-Ġdid tal-Ilma;

(c)kwalunkwe kundizzjoni oħra meħtieġa għall-mitigazzjoni ulterjuri ta’ kwalunkwe riskju inaċċettabbli għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, kif ukoll għall-ambjent.

4.Il-permess għandu jiġu rieżaminat regolarment u mill-inqas kull ħames snin, u modifikat jekk ikun meħtieġ.

Artikolu 8

Kontroll tal-konformità

1.Fl-istadju ta’ konformità, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika l-konformità tal-ilma reklamat mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-permess. Il-kontroll tal-konformità għandu jitwettaq permezz tal-mezzi li ġejjin:

(a)verifiki fuq il-post;

(b)l-użu tad-data ta’ monitoraġġ miksuba skont dan ir-Regolament u d-Direttivi 91/271/KEE u 2000/60/KE;

(c)kwalunkwe mezz ieħor xieraq.

2.Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, l-awtorità kompetenti għandha titlob lill-operatur tal-impjant tar-reklamazzjoni biex jiġu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi konformi mingħajr dewmien.

3.Meta n-nuqqas ta’ konformità toħloq riskju sinifikanti għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem, l-operatur tal-impjant tar-reklamazzjoni għandu jwaqqaf minnufih kwalunkwe provvista ulterjuri tal-ilma reklamat sakemm l-awtorità kompetenti tiddetermina li reġgħet ġiet stabbilita l-konformità.

4.Jekk jiġri inċident li jaffettwa l-konformità mal-kundizzjonijiet tal-permess, l-operatur tal-impjant ta’ reklamazzjoni għandu jinforma minnufih lill-awtorità kompetenti u lill-utenti aħħarin li jistgħu jkunu potenzjalment milquta, u jikkomunika l-informazzjoni meħtieġa lill-awtorità kompetenti għall-valutazzjoni tal-impatti ta’ dan l-inċident.

Artikolu 9

Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri

1.L-Istati Membri għandhom jaħtru punt ta’ kuntatt biex jikkoopera kif xieraq mal-punti ta’ kuntatt u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra. Ir-rwol tal-punti ta’ kuntatt għandu jkun li jagħtu assistenza fuq talba u jikkoordinaw l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. B’mod partikolari, il-punti ta’ kuntatt għandhom jirċievu u jibagħtu t-talbiet għall-assistenza.

2.L-Istati Membri għandhom iwieġbu t-talbiet għall-assistenza mingħajr dewmien.

Artikolu 10

Informazzjoni għall-pubbliku

1.Mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 2003/4/KE u 2007/2/KE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni xierqa u aġġornata dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma tkun disponibbli online għall-pubbliku. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi dan li ġej:

(a)il-kwantità u l-kwalità tal-ilma reklamat fornut f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(b)il-persentaġġ tal-ilma reklamat fl-Istat Membru fornut skont dan ir-Regolament, meta mqabbel mal-ammont totali tal-ilma urban mormi trattat;

(c)il-permess mogħti jew emendat skont dan ir-Regolament, inklużi l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-awtorità kompetenti f’konformità mal-Artikolu 7(3);

(d)l-eżitu tal-kontroll tal-konformità mwettaq skont l-Artikolu 8(1);

(e)il-punti ta’ kuntatt maħtura skont l-Artikolu 9(1).

2.L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun aġġornata mill-inqas darba fis-sena.

3.Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-għamla u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni li jeħtieġ tiġi pprovduta skont il-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15.

Artikolu 11

Informazzjoni dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni

1.Mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 2003/4/KE u 2007/2/KE, kull Stat Membru assistit mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, għandu:

(a)iwaqqaf u jippubblika sa . . . [tliet snin wara d-data mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], u wara dan, jaġġorna kull sitt snin, is-sett ta’ data li jkun fih l-informazzjoni dwar l-eżitu tal-kontroll tal-konformità mwettaq skont l-Artikolu 8(1) u informazzjoni oħra li trid tkun disponibbli online għall-pubbliku skont l-Artikolu 10;

(b)jistabbilixxi, jippubblika u jaġġorna kull sena wara dan, is-sett ta’ data li fih l-informazzjoni dwar il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità bil-kundizzjonijiet stabbiliti fil-permess, miġbura skont l-Artikolu 8(1), u l-informazzjoni dwar il-miżuri li ttieħdu skont l-Artikolu 8(2) u (3).

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Kummissjoni, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard ikollhom aċċess għas-settijiet ta’ data msemmija fil-paragrafu 1.

3.Abbażi tad-data msemmija fil-paragrafu 1, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għandha tfassal, tippubblika taġġorna regolarment jew fuq talba mill-Kummissjoni, ħarsa ġenerali madwar l-Unjoni li kif xieraq, għandha tinkludi l-indikaturi għall-outputs, ir-riżultati u l-impatti ta’ dan ir-Regolament, il-mapep u r-rapporti tal-Istati Membri.

4.Permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi regoli dettaljati fir-rigward tal-għamla u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni li trid tingħata skont il-paragrafu 1, kif ukoll ir-regoli dettaljati fir-rigward tal-għamla u l-preżentazzjoni tal-ħarsa ġenerali madwar l-Unjoni msemmija fil-paragrafu 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 15.

Artikolu 12

Aċċess għall-ġustizzja

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet jew il-gruppi tagħhom, skont il-leġiżlazzjoni jew il-prattika nazzjonali, ikollhom aċċess għall-proċedura ta’ rieżami quddiem qorti jew korp indipendenti u imparzjali ieħor stabbilit bil-liġi biex jikkontestaw il-legalità sostantiva jew proċedurali tad-deċiżjonijiet, l-azzjonijiet jew l-ommissjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni tal-Artikoli 4 sa 8, meta tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)ikollhom interess suffiċjenti;

(b)iżommu l-indeboliment ta’ dritt, fejn il-liġi proċedurali amministrattiva tal-Istat Membru rilevanti teħtieġ dan bħala prekundizzjoni.

2.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu f’liema stadju jistgħu jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet, l-atti jew l-ommissjonijiet.

3.Dak li jikkostitwixxi interess suffiċjenti u indeboliment ta’ dritt għandu jiġi stabbiliti mill-Istati Membri, b’mod konsistenti mal-għan li jingħata aċċess għall-ġustizzja mifrux lill-pubbliku kkonċernat.

Għal dan l-għan, l-interess ta’ kull organizzazzjoni mhux governattiva li tippromwovi l-ħarsien ambjentali u li tissodisfa r-rekwiżiti skont il-liġi nazzjonali għandu jitqies biżżejjed għall-finijiet tal-paragrafu 1(a).

Dawn l-organizzazzjonijiet għandhom jitqiesu wkoll li għandhom drittijiet li huma kapaċi li jiġu indeboliti għall-finijiet tal-paragrafu 1(b).

4.Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx jeskludu l-possibbiltà ta’ proċedura ta’ rieżami preliminari quddiem awtorità amministrattiva u ma għandhomx jaffettwaw ir-rekwiżit tal-eżawriment tal-proċeduri tar-rieżami amministrattivi qabel ir-rikors għall-proċeduri tar-rieżami ġudizzjarju, meta jeżisti dan ir-rekwiżit taħt il-liġi nazzjonali.

5.Kwalunkwe proċedura ta’ rieżami msemmija fil-paragrafi 1 u 4 għandha tkun ġusta, ekwa, f’waqtha u mhux għalja wisq.

6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar l-aċċess għall-proċeduri ta' rieżami amministrattivi u ġudizzjarji tkun disponibbli għall-pubbliku.

Artikolu 13

Evalwazzjoni

1.Il-Kummissjoni għandha twettaq valutazzjoni ta’ dan ir-Regolament sa . . . [sitt snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament]. Il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq mill-inqas l-elementi li ġejjin:

(a)l-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(b)is-settijiet ta’ data mwaqqfa mill-Istati Membri skont l-Artikolu 11(1) u l-ħarsa ġenerali madwar l-Unjoni mfassla mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent skont l-Artikolu 11(3);

(c)data xjentifika, analitika u epidemjoloġika rilevanti;

(d)għarfien tekniku u xjentifiku;

(e)Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, meta disponibbli.

2.Fil-kuntest tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-aspetti li ġejjin:

(a)ir-rekwiżiti minimi stipulati fl-Anness I;

(b)il-kompiti ewlenin għall-ġestjoni tar-riskju stipulati fl-Anness II;

(c)ir-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti mill-awtoritajiet kompetenti skont il-punt (b) u (c) tal-Artikolu 7(3);

(d)l-impatti tal-użu mill-ġdid tal-ilma fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem.

Artikolu 14

Eżerċitar tad-delega

1.Is-setgħa li tadotta atti delegati ġiet konferita lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

2.Is-setgħa għall-adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 4(3) u 5(3) għandha tiġi konferita lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 4(3) u fl-Artikolu 5(3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delegazzjoni tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hija għandha ssir effettiva fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata hemmhekk. Din ma għandha taffettwa l-validità ta’ ebda att delegat li jkun fis-seħħ.

4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti magħżula minn kull Stat Membru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 4(2) u l-Artikolu 5(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn ta’ notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew jekk qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 15

Proċedura tal-kumitat

1.Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat stabbilit bid-Direttiva 2000/60/KE. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 16

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali stipulati jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha bi kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom, sa . . . [tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn ... [sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Li tirrappreżenta b'mod ġenerali għal madwar kwart tal-ilma ħelu totali astratt. L-astrazzjoni għat-tisqija tirrappreżenta madwar 60 % tal-astrazzjoni totali tal-ilma ħelu fin-Nofsinhar u fix-Xlokk tal-Ewropa, u sa 80 % f’ċerti distretti bil-baċiri idrografiċi.
(2)     http://www.bbc.com/news/world-europe-40803619
(3)    COM (2007)414
(4)    F’dan il-kuntest ta’ min jinnota li ssir referenza għall-użu mill-ġdid tal-ilma fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-Ġestjoni Sostenibbli tal-Ilma fl-UE (SWD(2017) 153final) bħala waħda mill-għadd ta’ miżuri li għandha l-potenzjal li tnaqqas l-impatti negattivi marbuta mal-astrazzjoni eċċessiva.
(5)

   Il-Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 (Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE), u b’mod speċjali l-għanijiet tiegħu li ġejjin:

·“Jiġi protett, ippreservat u msaħħaħ il-kapital naturali tal-Unjoni” bl-azzjonijiet li jiżguraw li sal-2020:

(b) jitnaqqas b’mod konsiderevoli l-impatt tal-pressjonijiet fuq l-ilmijiet tranżizzjonali, kostali u l-ilma ħelu (inklużi l-ilmijiet tal-wiċċ u ta’ taħt l-art) sabiex jinkiseb, jinżamm jew jissaħħaħ l-istatus tajjeb kif iddefinit fid-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Ilma.

(f) iċ-ċiklu tan-nutrijenti (nitroġenu u fosfru) ikun immaniġġat b’mod aktar sostenibbli u effiċjenti fir-riżorsi;

·“li l-Unjoni ssir ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, ekoloġika u kompetittiva, b’livelli baxxi ta’ karbonju” bl-azzjonijiet li jiżguraw li sal-2020:

(b) l-impatt ambjentali kumplessiv tas-setturi ewlenin kollha tal-ekonomija tal-Unjoni jitnaqqas b’mod konsiderevoli, tiżdied l-effiċjenza fir-riżorsi u li l-metodoloġiji ta’ benchmarking, kejl, inċentivi tas-suq u tal-politika li jrawmu investimenti tan-negozju fl-effiċjenza tar-riżorsi jkunu fis-seħħ, filwaqt li tkabbir ekoloġiku jkun stimulat permezz ta’ miżuri li jrawmu l-innovazzjoni;

(c) tibdiliet strutturali fil-produzzjoni, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, kif ukoll fix-xejriet tal-konsum u fl-istili ta’ ħajja jkunu naqqsu l-impatt ambjentali kumplessiv tal-produzzjoni u l-konsum, b’mod partikolari fis-setturi tal-ikel, tad-djar u tal-mobbiltà;

(6)    Il-każ tat-tifqigħat tal-E. coli li laqtu 16-il pajjiż fl-Ewropa u l-Amerika ta’ Fuq fl-2011, b’aktar minn 4000 każ u 53 mewt irrapportati fil-Ġermanja, huwa eżempju ta’ din is-sitwazzjoni. Il-ħjar imsoqqi mill-ilma mormi trattat, importat minn Spanja, kien ingħata l-ħtija tat-tifqigħa, u bosta Stati Membri inklużi l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja u r-Renju Unit waqqfu jew illimitaw l-importazzjoni tal-prodotti Spanjoli minħabba tħassib li dawn setgħu kienu ġew ikkontaminati waqt it-tisqija. Sussegwentement, ġie pprovat li s-sors tal-kontaminazzjoni tal-E. coli ma kienx il-ħjar iżda żrieragħ imnibbta minn azjenda agrikola Ġermaniża, u ż-żrieragħ tal-fienu involuti kienu nġiebu mill-Eġittu. Ġie stmat li lil Spanja dan l-avveniment swiela EUR 200 miljun fil-ġimgħa hekk kif tħassru l-ordnijiet, u kkontribwixxa għal tnaqqis fid-dħul agrikolu mir-reġjun ta’ Murcia b’11,3 % għall-istaġun tal-kultivazzjoni tal-2010-2011. Dan kien ta’ deterrent għall-investiment fl-ipproċessar tal-prodotti tal-ikel imsoqqija mill-ilma użat mill-ġdid.
(7)     http://ec.europa.eu/environment/water/reuse.htm
(8)    Inġabret informazzjoni dwar l-istatus tal-użu mill-ġdid tal-ilma fl-Istati Membri tal-UE u l-parteċipanti ġew mistiedna jagħtu r-rispons tagħhom dwar il-verżjonijiet abbozzati tal-istudji għall-appoġġ tal-IA elaborati mill-konsulenti. F’Ġunju 2015, id-DĠ ENV u l-JRC organizzaw sessjoni ta’ ħidma teknika dwar ir-rekwiżiti ta’ kwalità minimi possibbli dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma fil-livell tal-UE. F’Marzu 2016, Ottubru 2016 u Ġunju 2017 saru laqgħat biex jiġu diskussi speċifikament il-verżjonijiet abbozzati tar-rapport tekniku tal-JRC. Ġew ippreżentati wkoll elementi abbozzati tal-valutazzjoni tal-impatt sabiex jinġabru r-rispons u informazzjoni addizzjonali. Ġew ikkonsultati l-Gruppi ta’ Esperti fir-rigward tad-Direttiva dwar l-Ilma tal-Pjan, id-Direttiva dwar l-Istandards tal-Kwalità Ambjentali, id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi u fir-rigward tad-Direttiva dwar l-Ilma tajjeb għax-Xorb.
(9)    Opinjoni tal-kumitat SEC(2018)249, Valutazzjoni tal-Impatt SWD(2018)249, Sommarju Eżekuttiv SWD(2018)250
(10)    SWD(2017) 230
(11)    COM(2017) 312
(12)    COM(2017) 753
(13)    ĠU C , , p. .
(14)    ĠU C , , p. .
(15)    Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).
(16)    Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40).
(17)    COM(2012) 673
(18)    COM (2007)414
(19)    COM (2015)614
(20)    Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1-8).
(21)    Id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32).
(22)    Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1)
(23)    Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).
(24)    Ir-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Jannar 2005 li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-iġjene tal-għalf (ĠU L 35, 8.2.2005, p. 1).
(25)    Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).
(26)    Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1).
(27)    Id-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2006 dwar l-immaniġġjar tal-kwalità tal-ilma għall-għawm u li tħassar id-Direttiva 76/160/KEE (ĠU L 64, 4.3.2006, p. 37).
(28)    Id-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorament (ĠU L 372, 27.12.2006, p. 19).
(29)    Id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma, li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 82/176/KEE, 83/513/KEE, 84/156/KEE, 84/491/KEE, 86/280/KEE u li temenda d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 84).
(30)    Id-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26 of 28.1.2012, p. 1).
(31)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 tad-19 ta’ Diċembru 2005 li tiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 22.12.2006, p. 5).
(32)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li tiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5).
(33)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1).
(34)    Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2003 dwar l-aċċess pubbliku għat-tagħrif ambjentali u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/313/KEE (ĠU L 41, 14.2.2003, p. 26).
(35)    ĠU L 124, 17.5.2005, p. 4.
(36)    Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi Infrastruttura għall-Informazzjoni Ġeografika fil-Komunità Ewropea (Inspire) (ĠU L 108, 25.4.2007, p. 1).
(37)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(38)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

Brussell,28.5.2018

COM(2018) 337 final

ANNESSI

ta'

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma

{SEC(2018) 249 final}
{SWD(2018) 249 final}
{SWD(2018) 250 final}


ANNESS I

UŻI U REKWIŻITI MINIMI

Taqsima 1.    Użi tal-ilma reklamat kif imsemmi fl-Artikolu 2

(a)Tisqija agrikola

Tisqija agrikola tfisser it-tisqija tat-tipi ta’ għelejjel li ġejjin:

·għelejjel tal-ikel ikkonsmati nejjin, jiġifieri għelejjel maħsuba għall-konsum mill-bniedem biex jittieklu nejjin jew mhux ipproċessati;

·għelejjel tal-ikel ipproċessati, jiġifieri maħsuba għall-konsum mill-bniedem li ma jridux jittieklu nejjin iżda jittieklu wara proċess ta’ trattament (jiġifieri, imsajrin, proċessati industrijalment);

·għelejjel mhux tal-ikel, jiġifieri għelejjel mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem (jiġifieri għelejjel tal-bur, tal-foraġġ, tal-fibra, ornamentali, taż-żerriegħa, tal-enerġija u tat-terf).

Taqsima 2.    Rekwiżiti minimi

2.1. Rekwiżiti minimi applikabbli għall-ilma reklamat destinati biex jintużaw għat-tisqija agrikola 

Il-klassijiet tal-kwalità tal-ilma reklamat u l-użu u l-metodi ta’ tisqija permessi għal kull klassi huma stabbiliti fit-Tabella 1. Ir-rekwiżiti minimi għall-kwalità tal-ilma huma stabbiliti fil-punt (a), Tabella 2. Il-frekwenzi minimi u l-miri ta’ prestazzjoni għall-monitoraġġ tal-ilma reklamat huma stabbiliti fil-punt (b), Tabella 3 (monitoraġġ tar-rutina) u fit-Tabella 4 (monitoraġġ tal-validazzjoni).

Tabella 1 Klassijiet tal-kwalità tal-ilma reklamat u l-użu agrikolu u l-metodu ta’ tisqija permessi

Klassi tal-kwalità minima tal-ilma reklamat

Kategorija tal-għalla

Metodu ta’ tisqija

A

L-għelejjel tal-ikel kollha, inkluż l-għelejjel bl-għeruq ikkunsmati nejjin u l-għelejjel tal-ikel fejn il-parti li tittiekel tinsab f’kuntatt dirett mal-ilma reklamat

Metodi kollha ta’ tisqija

B 

L-għelejjel tal-ikel ikkunsmati nejjin fejn il-parti li tittiekel hija prodotta fuq l-art u mhijiex f’kuntatt dirett mal-ilma reklamat, l-għelejjel tal-ikel ipproċessati u l-għelejjel mhux tal-ikel inklużi l-għelejjel biex jingħalfu annimali li jipproduċu l-ħalib jew il-laħam

Metodi kollha ta’ tisqija

C

Tisqija bil-qatra* biss

D

L-għelejjel industrijali, enerġetiċi u li jinżergħu

Metodi kollha ta’ tisqija

(*) It-tisqija bil-qatra hija sistema ta’ mikrotisqija li kapaċi twassal qtar tal-ilma jew flussi żgħar ħafna lill-pjanti u tinvolvi t-taqtir tal-ilma fil-ħamrija jew direttament taħt is-superfiċe tagħha b’rati baxxi ħafna (2-20 litru/siegħa) minn sistema ta’ pajpijiet tal-plastik b’dijametru żgħir imwaħħlin bi żbokkijiet imsejħa emittenti jew qattara.

(a)Rekwiżiti minimi għall-kwalità tal-ilma

Tabella 2 Rekwiżiti għall-kwalità tal-ilma reklamat għat-tisqija agrikola

Klassi tal-kwalità tal-ilma reklamat

Mira indikattiva tat-teknoloġija

Rekwiżiti ta’ kwalità

E. coli

(cfu/100 ml)

BOD5

(mg/l)

TSS

(mg/l)

Turbidità

(NTU)

Oħrajn

A

Trattament sekondarju, filtrazzjoni u diżinfezzjoni

≤10

jew taħt il-limitu ta’ detezzjoni

≤10

≤10

≤5

Legionella spp.: <1,000 cfu/l fejn hemm riskju ta’ aerosolizzazzjoni fis-serer solari

Nematodi intestinali (bajd tal-elmindi): ≤1 bajda/l għat-tisqija tal-bwar jew l-foraġġ

B

Trattament sekondarju u diżinfezzjoni

≤100

Skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE 1

((Anness I, Tabella 1)

Skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE

((Anness I, Tabella 1)

-

C

Trattament sekondarju u diżinfezzjoni

≤1,000

-

D

Trattament sekondarju u diżinfezzjoni

≤10,000

-

L-ilma reklamat se jitqies li jkun konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fit-Tabella 2 jekk il-kejl jissodisfa l-kriterji kollha li ġejjin:

·Il-valuri indikati għall-E. coli, l- Legionella spp u n-nematodi intestinali jinsabu fid-90 % jew aktar tal-kampjuni. L-ebda mill-valuri tal-kampjuni ma jista’ jaqbeż il-limitu ta’ devjazzjoni massimu tal-unità logaritmika mill-valur indikat għall-E. coli u l-Legionella u 100 % tal-valur indikat għan-nematodi intestinali.

·Il-valuri indikati għall-BOD5, t-TSS u t-turbidità fil-Klassi A jinsabu fid-90 % jew aktar tal-kampjuni. L-ebda mill-valuri tal-kampjuni ma jista’ jaqbeż il-limitu ta’ devjazzjoni massimu ta’ 100 % tal-valur indikat.

(b)Rekwiżiti minimi għall-monitoraġġ

L-operaturi tal-impjanti tar-reklamazzjoni għandhom iwettqu monitoraġġ tar-rutina biex jivverifikaw li l-ilma reklamat ikun konformi mar-rekwiżiti minimi għall-kwalità tal-ilma stabbiliti fil-punt (a). Il-monitoraġġ tar-rutina għandu jiġi inkluż fil-proċeduri ta’ verifika tas-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma.

Tabella 3 Frekwenzi minimi għall-monitoraġġ tar-rutina tal-ilma reklamat għat-tisqija agrikola

Frekwenzi tal-monitoraġġ minimi

Klassi tal-kwalità tal-ilma reklamat

E. coli

BOD5

TSS

Turbidità

Legionella spp.

(meta applikabbli)

Nematodi intestinali

(meta applikabbli)

A

Darba

fil-ġimgħa

Darba

fil-ġimgħa

Darba

fil-ġimgħa

Kontinwament

Darba

fil-ġimgħa

Darbtejn fix-xahar jew frekwenza determinata mill-operatur tal-impjant tar-reklamazzjoni skont in-numru ta’ bajd fl-ilma mormi li jidħlu fl-impjant tar-reklamazzjoni

B

Darba

fil-ġimgħa

Skont id-Direttiva 91/271/KEE

((Anness I, Taqsima D)

Skont id-Direttiva 91/271/KEE

((Anness I, Taqsima D)

-

C

Darbtejn fix-xahar

-

D

Darbtejn fix-xahar

-

Il-monitoraġġ tal-validazzjoni għandu jitwettaq qabel ma jibda’ jopera l-impjant tar-reklamazzjoni, meta t-tagħmir jiġi aġġornat u meta jiżdiedu tagħmir jew proċessi ġodda.

Il-monitoraġġ tal-validazzjoni għandu jsir għall-iktar klassi stretta tal-kwalità tal-ilma reklamat, il-Klassi A, sabiex jiġi vvalutat jekk hux qed ikun hemm konformità mal-miri ta’ prestazzjoni (tnaqqis ta’ log10). Il-monitoraġġ tal-valutazzjoni jinkludi l-monitoraġġ tal-mikroorganiżmi indikaturi assoċjati ma kull grupp ta’ patoġeni (batterji, virus u protozoa). Il-mikroorganiżmi indikaturi magħżula huma l-E. coli għall-batterji patoġeniċi, il-kolifaġi F-speċifiċi, il-kolifaġi somatiċi jew il-kolifaġi għall-viruses patoġeniċi, u l-ispori ta’ Clostridium perfringens jew il-batterji li jnaqqsu s-sulfat u li jifformaw spori għall-protozoa. Il-miri ta’ prestazzjoni (tnaqqis ta’ log10 ) għall-monitoraġġ tal-validazzjoni għall-mikroorganiżmi indikaturi magħżula, huma stabbiliti fit-Tabella 4 u għandhom jintlaħqu fl-iżbokk tal-impjant tar-reklamazzjoni (punt ta’ konformità), filwaqt li jitqiesu l-konċentrazzjonijiet tal-effluwent tal-ilma mormi mhux ipproċessat li jidħlu fl-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi.

Tabella 4 Monitoraġġ tal-validazzjoni tal-ilma reklamat għat-tisqija agrikola

Klassi

tal-kwalità tal-ilma

reklamat

Mikroorganiżmi indikaturi (*)

Miri ta’ prestazzjoni għall-katina ta’ trattament

(tnaqqis ta’ log10)

A

E. coli

≥ 5.0

Kolifaġi totali/ kolifaġi F-speċifiċi/kolifaġi somatiċi/kolifaġi(**)

≥ 6.0

Spori ta’ Clostridium perfringens / batterji li jnaqqsu s-sulfat u li jifformaw spori(***) 

≥ 5.0

(*) Għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-validazzjoni, jistgħu jintużaw ukoll il-patoġeni ta’ referenza Campylobacter, Rotavirus u Cryptosporidium minflok il-mikroorganiżmi indikaturi proposti. Għalhekk, jenħtieġ li japplikaw il-miri ta’ prestazzjoni bi tnaqqis ta’ log10 li ġejjin: Campylobacter (≥ 5.0), Rotavirus (≥ 6.0) u Cryptosporidium (≥ 5.0).

(**) It-total ta’ kolifaġi intagħżel bħala l-iktar indikatur virali xieraq. Madankollu, jekk l-analiżi tat-total ta’ kolifaġi mhijiex fattibbli, irid jiġi analizzat mill-inqas wieħed minnhom (kolifaġi F-speċifiċi jew somatiċi).

(**) L-ispori ta’ Clostridium perfringens intagħżlu bħala l-iktar indikatur tal-protozoa xieraq. Madankollu, il-batterji li jnaqqsu s-sulfat u li jifformaw spori huma alternattiva jekk il-konċentrazzjoni tal-ispori ta’ Clostridium perfringens ma tippermettix li jiġi vvalidat it-tnaqqis ta’ log10 mitlub.

Il-metodi ta’ analiżi għall-monitoraġġ għandhom jiġu vvalidati u dokumentati mill-operatur skont l-EN ISO/IEC-17025 jew standards nazzjonali jew internazzjonali oħra li jiżguraw kwalità ekwivalenti.

Anness II

Kompiti ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju

1.Id-deskrizzjoni tas-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma, mill-ilma mormi li jidħol fl-impjant tat-trattament tal-ilma urban mormi sal-punt tal-użu, inkluż is-sorsi tal-ilma mormi, l-istadji ta’ trattament u t-teknoloġiji fl-impjant tar-reklamazzjoni, l-infrastruttura tal-provvista u tal-ħżin, l-użu maħsub, il-post tal-użu, u l-kwantitajiet ta’ ilma reklamat li jridu jiġu fornuti. L-għan ta’ dan il-kompitu huwa li tingħata deskrizzjoni dettaljata tas-sistema sħiħa tal-użu mill-ġdid tal-ilma.

2.L-identifikazzjoni tal-perikli potenzjali, b’mod partikolari l-preżenza ta’ inkwinanti u patoġeni, u l-potenzjal ta’ avvenimenti perikolużi, bħal falliment tat-trattament, it-tnixxija aċċidentali jew il-kontaminazzjoni fis-sistema tal-użu mill-ġdid tal-ilma deskritta.

3.L-identifikazzjoni tal-ambjenti, tal-popolazzjonijiet u tal-individwi fir-riskju b’esponiment dirett jew indirett għal perikli potenzjali identifikati, filwaqt li jitqiesu l-fatturi ambjentali speċifiċi, bħall-idroġeoloġija, it-topoloġija, it-tip ta’ ħamrija u l-ekoloġija lokali, u l-fatturi marbuta mat-tipi ta’ għelejjel u prattiki agrikoli. Iridu jitqiesu wkoll l-effetti negattivi irriversibbli jew fuq terminu twil possibbli għall-operazzjoni tar-reklamazzjoni tal-ilma.

4.It-twettieq ta’ valutazzjoni tar-riskju li tkopri kemm ir-riskji ambjentali, kif ukoll ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, filwaqt li jitqiesu l-periklu potenzjali identifikati, l-ambjenti, il-popolazzjonijiet u l-individwi identifikati bir-riskju ta’ esponiment għal dawk il-perikli u s-severità tal-effetti possibbli tal-perikli, kif ukoll il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik nazzjonali rilevanti, id-dokumenti ta’ gwida u r-rekwiżiti minimi fir-rigward tas-sikurezza tal-ikel, tal-għalf u tal-ħaddiema. L-inċertezza xjentifika fil-karatterizzazzjoni tar-riskju għandha tiġi indirizzata skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tikkonsisti fl-elementi li ġejjin:

(c)valutazzjoni tar-riskji ambjentali, inklużi dawn kollha li ġejjin:

(`)konferma tan-natura tal-perikli, inkluż il-livell ta’ bla effett imbassar, meta rilevanti;

(a)valutazzjoni tal-medda ta’ esponiment potenzjali;

(b)karatterizzazzjoni tar-riskju.

(`)valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem, inklużi dawn kollha li ġejjin:

(`)konferma tan-natura tal-perikli, inkluża r-relazzjoni bejn id-doża u r-reazzjoni, meta rilevanti;

(a)valutazzjoni tal-firxa tad-doża jew tal-esponiment potenzjali;

(b)karatterizzazzjoni tar-riskju.

Ir-rekwiżiti u l-obbligi li ġejjin għandhom mill-inqas jitqiesu fil-valutazzjoni tar-riskju:

(a)ir-rekwiżit li jitnaqqas u jiġi evitat it-tniġġis fl-ilma minn nitrati skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE 2 ;

(b)l-obbligu għaż-żoni tal-ilma tax-xorb protetti li jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE 3 ;

(c)ir-rekwiżit li jintlaħqu l-għanijiet ambjentali stabbiliti fid-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 ;

(d)ir-rekwiżit li jiġi evitat it-tniġġis fl-ilma ta’ taħt l-art skont id-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 ;

(e)ir-rekwiżit li jintlaħqu l-istandards tal-kwalità ambjentali għas-sustanzi prijoritarji u ċerti inkwinanti oħra stabbiliti fid-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 ;

(f)ir-rekwiżit li jintlaħqu l-istandards tal-kwalità ambjentali għall-inkwintanti ta’ tħassib nazzjonali (jiġifieri l-inkwinanti speċifiċi għall-baċiri idrografiċi) stabbiliti fid-Direttiva 2000/60/KE;

(g)ir-rekwiżit li jintlaħqu l-istandards tal-kwalità tal-ilma għall-għawm stabbiliti fid-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 ;

(h)ir-rekwiżiti dwar il-protezzjoni tal-ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura skont id-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE 8 ;

(i)ir-rekwiżiti dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 u l-gwida mogħtija mill-Avviż tal-Kummissjoni dwar dokument ta’ gwida dwar kif għandhom jiġu indirizzati r-riskji mikrobijoloġiċi fil-frott u l-ħaxix frisk fil-produzzjoni primarja permezz ta’ iġjene tajba;

(j)ir-rekwiżiti għall-iġjene tal-għalf stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 .

(k)ir-rekwiżit tal-konformità mal-kriterji mikrobijoloġiċi rilevanti stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 11 ;

(l)ir-rekwiżiti fir-rigward tal-livelli massimi għal ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 12 ;

(m)ir-rekwiżiti fir-rigward tal-livelli massimi ta’ residwu tal-pestiċidi fl-ikel jew fuq l-ikel stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 13 ;

(n)ir-rekwiżiti fir-rigward tas-saħħa tal-annimali fir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14 u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 142/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 .

5.Meta meħtieġ u xieraq biex jiġi żgurat biżżejjed ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem, iridu jiġu speċifikati r-rekwiżiti għall-kwalità tal-ilma u għall-monitoraġġ li huma addizzjonali għal dawk speċifikati fl-Anness I, u/jew iktar stretti minnhom.

Skont l-eżitu tal-valutazzjoni tar-riskju msemmija fil-punt 4, dawn ir-rekwiżiti addizzjonali jistgħu jikkonċernaw b’mod partikolari lil:

(a)metalli tqal;

(b)pestiċidi;

(c)prodotti sekondarji ta’ diżinfezzjoni;

(d)prodotti mediċinali;

(e)sustanzi oħra ta’ tħassib ġdid;

(f)reżistenza għall-antimikrobiċi.

6.L-identifikazzjoni tal-miżuri preventivi li diġà qegħdin fis-seħħ jew li jenħtieġ li jittieħdu biex jiġu limitati r-riskji sabiex ir-riskji identifikati kollha jkunu jistgħu jiġu mmaniġġjati b’mod adegwat.

Dawn il-miżuri preventivi jistgħu jinkludu:

(a)kontroll tal-aċċess;

(b)miżuri addizzjonali ta’ diżinfezzjoni jew ta’ tneħħija tal-inkwinanti;

(c)teknoloġija tat-tisqija speċifika għall-mitigazzjoni tar-riskju tal-formazzjoni ta’ aerosol (eż. tisqija bil-qatra);

(d)appoġġ li joqtol lill-patoġeni qabel il-ħsad;

(e)stabbiliment ta’ distanzi ta’ sikurezza minimi.

Il-miżuri preventivi speċifiċi li jistgħu jkunu rilevanti huma stabbiliti fit-Tabella 1.

Tabella 1: Miżuri preventivi speċifiċi

Klassi

tal-kwalità tal-ilma

reklamat

Miżuri preventivi speċifiċi

A

-Il-ħnieżer ma jridux jiġu esposti għall-għalf imsoqqi bl-ilma reklamat sakemm ma jkunx hemm biżżejjed data li tindika li r-riskji għal dak il-każ speċifiku jistgħu jiġu mmaniġġjati.

B

-Il-projbizzjoni tal-ħsad ta’ prodotti mxarrbin imsoqqija, anki bil-qatra.

-L-esklużjoni mill-bur tal-bhejjem tal-ħalib li jreddgħu sakemm jinxef il-bur.

-L-għalf għandu jkun imnixxef jew maħżun f’silos qabel l-imballaġġ.

-Il-ħnieżer ma jridux jiġu esposti għall-għalf imsoqqi bl-ilma reklamat sakemm ma jkunx hemm biżżejjed data li tindika li r-riskji għal dak il-każ speċifiku jistgħu jiġu mmaniġġjati.

C

-Il-projbizzjoni tal-ħsad ta’ prodotti mxarrbin imsoqqija, anki bil-qatra.

-L-esklużjoni mill-bur ta’ annimali li jirgħu għal ħamest ijiem wara l-aħħar tisqija.

-L-għalf għandu jkun imnixxef jew maħżun f’silos qabel l-imballaġġ.

-Il-ħnieżer ma jridux jiġu esposti għall-għalf imsoqqi bl-ilma reklamat sakemm ma jkunx hemm biżżejjed data li tindika li r-riskji għal dak il-każ speċifiku jistgħu jiġu mmaniġġjati.

D

-Il-projbizzjoni tal-ħsad ta’ prodotti mxarrbin imsoqqija, anki bil-qatra.

7.L-iżgurar li hemm sistemi ta’ kontroll tal-kwalità u l-proċeduri adegwati fis-seħħ, inkluż il-monitoraġġ tal-ilma reklamat għall-parametri rilevanti, u li jiġu stabbiliti l-programmi ta’ manutenzjoni għat-tagħmir.

8.L-iżgurar li hemm sistemi ta’ monitoraġġ ambjentali fis-seħħ li jidentifikaw kwalunkwe effett negattiv tal-użu mill-ġdid tal-ilma, kif ukoll l-iżgurar li jingħata r-rispons mill-monitoraġġ u li l-proċessi u l-proċeduri kollha jiġu validati u dokumentati kif xieraq.

Huwa rakkomandat li l-operatur tal-impjant tar-reklamazzjoni jistabbilixxi u jżomm sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità skont ISO 9001 jew l-ekwivalenti tiegħu.

9.L-iżgurar li hemm sistema xierqa fis-seħħ għall-ġestjoni ta’ inċidenti jew ta’ urġenzi, inkluż proċeduri biex il-partijiet rilevanti kollha jiġu informati b’dan l-avveniment b’mod xieraq, u biex il-pjan ta’ reazzjoni għal emerġenza jiġi aġġornat regolarment.

(1)    Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (ĠU L 135, 30.5.1991, p. 40).
(2)    Id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1-8).
(3)    Id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KEE tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32).
(4)    Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1).
(5)    Id-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġis u d-deterjorament (ĠU L 372, 27.12.2006, p. 19).
(6)    Id-Direttiva 2008/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards ta’ kwalità ambjentali fil-qasam tal-politika tal-ilma, li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 82/176/KEE, 83/513/KEE, 84/156/KEE, 84/491/KEE, 86/280/KEE u li temenda d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 84).
(7)    Id-Direttiva 2006/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Frar 2006 dwar l-immaniġġjar tal-kwalità tal-ilma għall-għawm u li tħassar id-Direttiva 76/160/KEE (ĠU L 64, 4.3.2006, p. 37).
(8)    Id-Direttiva tal-Kunsill 86/278/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1986 dwar il-protezzjoni tal-Ambjent, u b’mod partikolari tal-ħamrija, meta l-ħama tad-drenaġġ jintuża fl-agrikoltura (ĠU L 181, 4.7.1986, p. 6).
(9)    Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1).
(10)    Ir-Regolament (KE) Nru 183/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-iġjene tal-għalf (ĠU L 35, 8.2.2005, p. 1).
(11)    Commission Regulation (EC) No 2073/2005 of 15 November 2005 on microbiological criteria for foodstuffs (ĠU L338 22.12.2005, p.1)
(12)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li tiffissa l-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti ta’ l-ikel (ĠU L 364, 20.12.2006, p.5)
(13)    Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1)
(14)    Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU L 300, 14.11.2009, p. 1)
(15)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva Test b’relevanza għaż-ŻEE (ĠU L 54, 26.2.2011, p. 1)