IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.5.2018
COM(2018) 328 final
2018/0133(NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (tal-KEE, u l-Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir mir-riżorsi nfushom li jidħol mit-taxxa fuq il-valur miżjud
MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI
1.Kuntest tal-proposta
L-għan ta’ din il-proposta huwa li jiġu ssimplifikati l-aspetti tar-Riżorsi Proprji tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud b’mod konsiderevoli billi temenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89: l-attenzjoni tingħata lil provvisti b’rata standard (b’hekk ir-rata medja ponderata ma tkunx meħtieġa), filwaqt li n-numru ta’ korrezzjonijiet jitnaqqsu għal minimu assolut u l-kumpensi finanzjarji jitneħħew. Barra minn hekk, hija proposta perċentwal komuni, ibbażata fuq id-data fiskali l-iktar reċenti tal-Istat Membru.
Din il-proposta tikkostitwixxi parti integrali mir-riforma tas-sistema tar-Riżorsi Proprji kif stabbilit fil-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-Riżorsi Proprji tal-Unjoni Ewropea. Din ir-riforma ssegwi r-rakkomandazzjonijiet proposti mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji, li ppubblika r-rapport finali tiegħu f’Diċembru 2016.
Il-proposta tibni fuq l-esperjenza tal-passat fl-amministrazzjoni tar-Riżorsi Proprji u timmira biex tissimplifika l-kalkolu tar-Riżorsi Proprji bbażati fuq it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud. Tissimplifika wkoll l-arranġamenti prattiċi. Hija spjegata f’aktar dettall fit-Taqsima 5 hawn taħt.
Minħabba n-natura ta’ Riżorsi Proprji, il-ġestjoni tagħhom tiddependi fuq l-applikazzjoni ta’ politiki oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari rigward is-suq intern u t-tassazzjoni.
2.bażi ġuridika, sussidjarjetà u proporzjonalità
Ir-Regolament propost għandu l-bażi ġuridika tiegħu fl-Artikolu 322(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom u l-Artikolu 6(3) tad-Deċiżjoni tar-Riżorsi Proprji proposta jsemmu li l-Istati Membri għandhom iqiegħdu r-riżorsi disponibbli għall-Kummissjoni “skont ir-regolamenti” adottati skont l-Artikolu 322(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, billi dan ir-Regolament jemenda regolament eżistenti, huwa xieraq li jintuża l-istess tip ta’ strument.
Min-natura tal-baġit tal-Unjoni u Riżorsi Proprji li jikkostitwixxu l-lat tad-dħul tagħha, is-sistema tar-Riżorsi Proprji u t-tqegħid għad-disponibbli għandhom ikunu ġestiti minn perspettiva tal-Unjoni u dan ma jistax isir mill-Istati Membri.
Dan ir-Regolament propost jikkumplimenta d-dispożizzjonijiet diġà eżistenti ta’ “tqegħid għad-dispożizzjoni”, b’mod partikolari r-Regolament (UE, Euratom) Nru 609/2014.
Huwa fl-interess tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha li jiġi żgurat li s-sistema tar-Riżorsi Proprji taħdem sew u r-Regolament propost huwa mfassal biex jiffaċilita l-kooperazzjoni bejniethom.
3.Riżultati tal-evalwazzjonijiet ex post, tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u tal-valutazzjonijiet tal-impatt
Din il-proposta hija parti mill-pakkett leġiżlattiv tar-Riżorsi Proprji għall-perjodu 2021-2027. Sabiex jiġu ssimplifikati r-Riżorsi Proprji bbażati fuq it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, jinħtieġ li r-Regolament attwali dwar ir-Riżorsi Proprji tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud jiġi emendat.
Il-memorandum ta' spjegazzjoni għall-proposta għal Deċiżjoni ġdida dwar ir-Riżorsi Proprji jipprovdi iktar tagħrif dwar rapporti u dokumenti reċenti li janalizzaw il-ħtieġa għar-riforma tas-sistema tar-Riżorsi Proprji.
Din il-proposta mhijiex marbuta mal-Programm ta’ Idoneità Regolatorja. Hija mmirata għall-Istati Membri u mhux għall-mikrointrapriża, intrapriżi żgħar u medji jew partijiet interessati oħra. Fil-prinċipju hija newtrali dwar il-kompetittività settorjali tal-Unjoni u l-kummerċ internazzjonali. Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.
4.Implikazzjonijiet Baġitarji
L-implikazzjonijiet baġitarji ta’ din il-proposta u l-pakkett leġiżlattiv dwar ir-Riżorsi Proprji huma mniżżla fid-dettall fid-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva mehmuża mal-proposta għal Regolament dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni għal Riżorsi Proprji ġodda. Is-sistema riformata tar-Riżorsi Proprji, inkluża s-sistema riformata ta’ Taxxa fuq il-Valur Miżjud, tista’ tiġi implimentata bl-istess livell ta’ approprjazzjonijiet amministrattivi u riżorsi ta’ persunal bħas-sistema attwali.
5.Elementi Oħrajn
L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament se tiġi diskussa fuq bażi regolari fil-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji, kif inhu l-każ bħalissa.
Il-proposta tal-Kummissjoni tista’ titqassar kif ġej:
L-Artikolu 1(1) tal-proposta tħassar is-suddiviżjoni preċedenti f’sitt (6) titoli tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89.
L-Artikolu 1(2) tal-proposta jemenda l-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 kif ġej:
–L-Artikolu 1 huwa aġġornat biex jirrifletti l-fatt li r-Riżorsi proprji tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud għandhom jiffokaw fuq provvisti b’rata standard għall-konsum finali. Jirreferi wkoll għar-rata tal-ġbir uniformi msemmija fil-proposta ta’ Deċiżjoni l-ġdida dwar ir-Riżorsi Proprji. Jinħtieġ li r-rata standard tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud tinftiehem bħala r-rata tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud imsemmija fl-Artikolu 96 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, dwar is-sistema komuni ta' Taxxa fuq il-Valur Miżjud.
L-Artikolu 1(3) tal-proposta jħassar l-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89.
–It-termini ta' promulgazzjoni ċċaqilqu għall-Artikolu 3, filwaqt li d-dispożizzjonijiet mhux normattivi, li jistabilixxu l-qafas, issa jinsabu fil-premessi.
L-Artikolu 1(4) tal-proposta jissostitwixxi l-Artikolu 3 u 4 tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 kif ġej:
–Artikolu 3(1): biex jipprovdi sors tad-data indiskutibbli u affidabbli, il-bażi tar-Riżorsi Proprji tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud għandu jinġabar mit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud totali nett miġbura f’sena kalendarja f’kull Stat Membru, ikkoreġut għal kwistjonijiet territorjali speċifiċi elenkati fid-Direttiva dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud;
–Artikolu 3(2): biex wieħed jasal għal provvisti b’rata standard għall-konsum finali, id-dħul nett ikkoreġut huwa mmultiplikat bis-sehem komuni tal-Unjoni;
–Artikolu 3(3): billi l-Istati Membri japplikaw rati standard differenti, id-dħul ma jistax jintuża biex tiġi applikata r-rata uniformi ta’ ġbir. Għalhekk, jinħtieġ li l-provvisti b’rata standard għall-konsum finali jkunu diviżi bir-rata standard tal-Istat Membru biex minflok tinkiseb ir-rata bażi standard tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud;
–Artikolu 3(4): ir-rata ta' ġbir uniformi hija applikata għall-bażi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud standard biex tinkiseb ir-rata standard tar-Riżorsi Proprji tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud li huwa dovut lill-baġit tal-UE;
–Artikolu 3(5): meta Stat Membru jikser id-Direttiva dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, jinħtieġ li d-dħul nett miġbur mit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud jiġi korrett sabiex ikun żgurat trattament ugwali bejn l-Istati Membri;
–Artikolu 4: meta Stat Membru, wara l-proċeduri xierqa, jagħżel li jbiddel ir-rata standard tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, l-Artikolu 4 jipprovdi metodu standardizzat biex jitqies dan it-tibdil. Il-metodu jqis ir-rati ta’ qabel u wara l-bidla.
L-Artikolu 1(5) tal-proposta jħassar l-Artikolu 5 u 6 tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89.
–L-Artikoli 5 u 6 jitħassru, billi l-proposta tipprovdi għal użu minimu ta’ korrezzjonijiet u l-ebda kumpensi.
L-Artikolu 1(6) tal-proposta temenda l-Artikolu 7 tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 kif ġej:
–L-Artikolu 7 jibqa’ prattikament l-istess. Jissostitwixxi “qabel” b’”bi” fil-bidu tal-paragrafu 1. Fil-paragrafu 2, tinkludi l-bidliet relatati mat-tneħħija tal-Artikoli 5 u 6, u maċ-ċaqliq tal-Artikolu 11 għall-Artikolu 4(7) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 20xx/xxxx.
L-Artikolu 1(7) tal-proposta jissostitwixxi l-Artikolu 8 tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89:
–L-Artikolu 8 jibqa’ l-istess fis-sustanza. Jissostitwixxi r-referenza għal “riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT” b’“Taxxi fuq il-Valur Miżjud b’rata standard ibbażata fuq ir-riżorsi”.
L-Artikolu 1(8) tal-proposta jissostitwixxi l-Artikolu 10 tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89:
–L-Artikolu 10 jibqa’ kif inhu fis-sustanza iżda huwa emendat biex jirrifletti l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta attwali. Ir-referenza għall-Artikoli 5 u 6 tneħħiet, u huwa propost li l-kumpensi u ċerti korrezzjonijiet ma jibqgħux isiru. Sabiex jiġu ssimplifikati l-proċeduri, l-Artikolu 10(2) inbidel minn “Il-Kummissjoni għandha teżamina […]” għal “l-Kummissjoni tista’ tadotta […]”.
L-Artikolu 1(9) tal-proposta jħassar l-Artikolu 11 tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89.
–Artikolu 11: L-Artikolu 11(1) jiċċaqlaq għall-Artikolu 4(7) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 20xx/xxxx. It-test li ċċaqlaq jibqa’ mhux mibdul fil-prinċipju, iżda ġie adattat għall-fatt li r-rata medja ponderata mhijiex parti mill-proposta attwali. L-Artikolu 11(3) ġie fformulat mill-ġdid biex jirrifletti ċ-ċaqliq ta’ dispożizzjonijiet ta’ kontroll għar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 20xx/xxxx.
L-Artikolu 1(10) tal-proposta jħassar l-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89:
–L-Artikolu 12 jibqa’ kif inhu fis-sustanza, iżda huwa emendat biex jirrifletti l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta. L-Istati Membri huma mitluba jipprovdu informazzjoni dwar il-ġbir tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud f'termini aktar ġenerali u biss dwar il-bidliet relevanti għall-proċessi u proċeduri amministrattivi għall-ġbir tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud. Barra minn hekk, il-perjodu ta' rapportar għall-Kummissjoni sar konformi mal-perjodi stabbiliti fir-regolamenti u d-direttivi dwar it-taxxa. Sabiex tiġi vvalutata l-effettività tal-proċeduri ta’ ġbir ta’ ġbir tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, huwa iktar relevanti li jiġi rrappurtat dwar it-titjib li sar mill-Istati Membri għal ġbir tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud milli dwar il-proċeduri nfushom. It-test ġie emendat kif meħtieġ.
L-Artikolu 1(11) tal-proposta jissostitwixxi l-Artikolu 13 tar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89:
–Artikolu 13: Dan l-Artikolu huwa emendat sabiex jirrifletti l-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta. Dan jinkiseb billi jitneħħew ir-referenzi għal “awtorizzazzjonijiet”.
L-Artikolu 2 tal-proposta jittratta dwar id-dħul fis-seħħ tiegħu, l-applikazzjoni u r-retroattività, u l-impatt fuq is-sistema tar-Riżorsi Proprji tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud.
Jinħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-istess ħin bħad-Deċiżjoni l-ġdida dwar ir-Riżorsi Proprji. Huwa ppjanat li s-sistema tar-Riżorsi Proprji tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud tapplika b’mod retroattiv mill-bidu tal-perjodu, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 2021, sabiex il-korrezzjonijiet ta’ dikjarazzjonijiet magħmula qabel din id-data jsegwu r-regoli fis-seħħ dak iż-żmien.
Fl-aħħar nett, hemm modifika terminoloġika ġenerali minn “riżorsi mill-VAT” għal “Riżorsi Proprji tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud”.
2018/0133 (NLE)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (tal-KEE, u l-Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir mir-riżorsi nfushom li jidħol mit-taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 322(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri,
Billi:
(1)Ir-Riżorsi Proprji tal-Unjoni bbażati fuq sehem tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) imsemmija fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 20xx/xxxx/UE, Euratom (“ir-Riżorsi Proprji tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud b’rata standard”), jinħtieġ li jkunu magħmula disponibbli għall-Unjoni fl-aqwa kundizzjonijiet possibbli. Għaldaqstant, jinħtieġ li jkunu stabbiliti regoli għall-Istati Membri dwar kif dik ir-riżorsa titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-Unjoni.
(2)Għall-fini tas-sempliċità u t-trasparenza, u sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, jinħtieġ li r-Riżorsi Proprji tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud b’rata standard jiġu kkalkulati fuq il-bażi ta’ sehem komuni ta’ tranżazzjonijiet b’rata standard tal-Unjoni. Jinħtieġ li dan is-sehem jirrappreżenta medja tal-ishma l-iktar baxxi ta’ provvisti b’rata standard għall-konsum finali fl-Istati Membri matul perjodu ta’ ħames li jkun ġie kkalkolat bl-użu ta’ kontijiet nazzjonali u data fiskali approvat mill-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji.
(3)Jinħtieġ li l-arranġamenti għall-kalkolu tal-bażi tar-Riżorsi Proprji tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud b’rata standard gjiġu ddeterminati b’mod uniformi minn meta jinġabar id-dħul għal kull sena kalendarja partikolari bħala l-uniku metodu definittiv għad-determinazzjoni tal-bażi tar-Riżorsi Proprji tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud b’rata standard.
(4)Huwa għalhekk xieraq li r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 jiġi emendat skont dan.
(5)Għal raġunijiet ta’ konsistenza, jinħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-istess jum tad-Deċiżjoni 20xx/xxxx/UE, Euratom u jinħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2021. Madankollu, jinħtieġ li l-emendi għar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 ma japplikawx għall-korrezjoni ta’ dikjarazzjonijiet tal-bażi tar-Riżorsi proprji tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud għas-snin finanzjarji qabel l-2021.
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 huwa emendat kif ġej:
(1)is-suddiviżjonijiet segwenti u t-titli tagħhom huma mħassra:
(a)“Titolu I Dispożizzjonijiet ġenerali”;
(b)“Titolu II Kamp ta' applikazzjoni”;
(c)“Titolu III Metodu ta’ kalkolu”;
(d)“Titolu IV Dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-kontabbilità u d-disponibbilità tar-Riżorsi Proprji”;
(e)“Titolu V Dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-kontroll”;
(f)“Titolu VI Dispożizzjonijiet finali”;
(2)L-Artikolu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:
“Artikolu 1
Ir-Riżorsi Proprji tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud b’rata standard għandhom jiġu kkalkolati bl-applikazzjoni ta’ rata ta' ġbir uniformi, stabbilita skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 20xx/xxxx/UE*, għall-bażi tar-Riżorsi Proprji tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud b’rata standard determinata skont dan ir-Regolament.
Ir-rata standard tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud hija r-rata tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud imsemmija fl-Artikolu 96 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE**.
* Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 20xx/xxxx/UE, Euratom ta’ [DATA] dwar is-sistema tar-Riżorsi Proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L […], […], p. […]).
** Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' Taxxa fuq il-Valur Miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).”;
(3)L-Artikolu 2 jitħassar;
(4)L-Artikoli 3 u 4 jiġu sostitwiti b'dan li ġej:
“Artikolu 3
1.Għal sena kalendarja partikolari l-bażi tar-Riżorsi Proprji tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud b’rata standard għandha tiġi kkalkolata minn kull Stat Membru mid-dħul mit-taxxa totali nett tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud miġbur mit-tranżazzjonijiet taxxabli msemmijin fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/112/KE, minn dak l-Istat Membru matul dik l-istess sena kalendarja. Dak l-ammont għandu jiġi kkoreġut sabiex jitqiesu l-ammonti segwenti:
(a)kwalunkwe ammont li għandu jkun trattat għall-finijiet tar-riżorsi proprji bħala tranżazzjoni li joriġina fi jew huwa destinat għal Stat Membru għalkemm joriġina fi jew huwa destinat għal territorju skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2006/112/KE;
(b)kwalunkwe ammont li jirriżulta minn wieħed mill-postijiet imsemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2006/112/KE, safejn l-Istati Membri jkunu jistgħu juru li d-dħul mit-taxxa ġie trasferit għal dak il-post.
2.L-ammont miksub skont il-paragrafu 1 għandu jiġi moltiplikat b’45 %.
3.L-ammont miksub skont il-paragrafu 2 għandu jiġi diviż bir-rata standard tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat skont id-Direttiva 2006/112/KE fis-sena li fiha nġabar id-dħul mit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud.
4.L-ammont miksub skont il-paragrafu 3 għandu jiġi mmoltiplikat mir-rata ta' ġbir uniformi msemmija fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 20xx/xxxx * sabiex tinkiseb ir-rata standard tar-Riżorsi Proprji tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud li għandu jkun għad-dispożizzjoni għall-baġit tal-Unjoni.
5.Fejn ikun hemm ksur tad-Direttiva 2006/112/KE u, b’konsegwenza ta’ dan, ir-Riżorsi Proprji tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud b’rata standard tal-Unjoni huma mnaqqsa, l-Unjoni hija intitolata li tirċievi l-ammont totali tar-Riżorsi Proprji inkwistjoni, kif ukoll l-interess minħabba d-dewmien, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 * *.
Artikolu 4
1.Il-bażi tar-Riżorsi Proprji tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud b’rata standard għandha tkun ikkalkolata fuq il-bażi tas-snin kalendarji.
2.Jekk Stat Membru jintroduci bidla fir-rata standard tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, ir-rata riveduta għandha tapplika mill-ewwel jum tax-xahar wara x-xahar li fih ir-rata standard il-ġdida tkun daħlet fis-seħħ. Pro rata temporis taż-żewġ rati għandha tiġi kkalkolata għall-finijiet tal-kalkolu msemmi fl-Artikolu 3(3).
* Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 20xx/xxxx ta’ [DATA] li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-Riżorsi Proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L […], […], p. […]).
** Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 609/2014 tas-26 ta' Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-Riżorsi Proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (ĠU L 168, 7.6.2014, p. 39).”;
(5)L-Artikoli 5 u 6 jitħassru;
(6)fl-Artikolu 7, il-paragrafi 1 u 2 jinbidlu b'dawn li ġejjin:
“1.
Qabel il-31 ta' Lulju, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni dikjarazzjoni tal-ammont totali tal-bażi tar-Riżorsi Proprji tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud b’rata standard għas-sena kalendarja preċedenti, ikkalkolat skont l-Artikolu 3, li għalih tkun applikata r-rata li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 1.
2.
id-dikjarazzjoni għandu jkun fiha d-data kollha użata biex tkun iddeterminata l-bażi li hija meħtieġa għall-ispezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 20xx/xxxx.”;
(7)L-Artikolu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:
“Artikolu 8
L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni sal-15 ta’ April ta' kull sena stima tal-bażi tar-Riżorsi Proprji tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud b’rata standard għas-sena finanzjarja li jkun imiss.”;
(8)L-Artikolu 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:
“Artikolu 10
1.L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni sat-30 ta’ April ta’ kull sena finanzjarja dwar is-soluzzjonijiet u l-bidliet relatati li jipproponu li jadottaw sabiex jiġi determinat l-ammont imsemmi fl-Artikolu 3(1). Is-soluzzjoni proposta għandha tindika, fejn applikabbli, in-natura tad-data li huma jikkunsidraw xierqa, u l-istima tal-valur tal-bażi ta’ kull waħda minn dawn il-korrezzjonijiet.
Sal-31 ta’ Mejju, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Istati Membri l-oħra l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu li hi tkun irċeviet minn kull Stat Membru.
2.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar is-soluzzjonijiet proposti mill-Istati Membri skont il-paragrafu 1. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 13(2).”;
(9)L-Artikolu 11 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa mħassar;
(b)il-paragrafu 3 jinbidel b'dan il-paragrafu:
“Wara l-kontrolli msemmija fl-Artikolu 4(7) tar-Regolament (UE, Euratom) 20xx/xxxx, ir-rendikont annwali għal sena finanzjarja partikolari għandu jkun ikkorreġut kif speċifikat fl-Artikolu 9.”;
(10)L-Artikolu 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:
“Artikolu 12
1.Kull sena l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar it-tibdil relevanti kollu fil-proċessi u l-proċeduri amministrattivi tagħhom li japplikaw għall-ġbir ta’ Taxxa fuq il-Valur Miżjud.
2.Il-Kummissjoni għandha tikkonsidra, flimkien mal-Istat Membru kkonċernat, jekk jistax ikun hemm titjib f'dawn il-proċessi u proċeduri bil-għan li tkun imtejba l-effettività tagħhom.
3.Il-Kummissjoni għandha tipproduċi rapport kull ħames snin dwar il-miżuri meħuda u l-progress li sar mill-Istati Membri fil-ġbir tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u dwar kwalunkwe titjib ikkontemplat.
Il-Kummissjoni għandha tippreżenta dan ir-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-ewwel darba sal-31 ta' Diċembru 2023.”;
(11)L-Artikolu 13 huwa sostitwit b'dan li ġej:
“Artikolu 13
1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat Konsultattiv dwar ir-Riżorsi Proprji stabbilit fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru Nru 20xx/xxxx. Dan il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*.
2.Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
* Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni 20xx/xxxx/EU, Euratom.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Madankollu, l-Artikolu 1ma għandux japplika għall-korrezjoni ta’ dikjarazzjonijiet tal-bażi tar-Riżorsi proprji tat-taxxa dwar il-Valur Miżjud għas-snin finanzjarji qabel l-2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President