IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.5.2018
COM(2018) 325 final
2018/0135(CNS)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar is-sistema ta’ Riżorsi Proprji tal-Unjoni Ewropea
{SWD(2018) 172 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.5.2018
COM(2018) 325 final
2018/0135(CNS)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar is-sistema ta’ Riżorsi Proprji tal-Unjoni Ewropea
{SWD(2018) 172 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.Introduzzjoni - l-argumenti favur riforma
1.1.Sistema ta’ finanzjament li ilha ma tiġi riformata sa mill-1988
Il-proposta dwar il-perjodu li jmiss tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali joffri l-opportunità li jiġi mmodernizzat il-qafas finanzjarju tal-UE. Kif indikat fil-Komunikazzjoni “Baġit Modern għal Unjoni li tipproteġi, li tagħti s-setgħa u li tiddefendi: Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027” 1 , l-Unjoni għandha quddiemha l-ħtieġa li tiffinanzja l-prijoritajiet il-ġodda tal-Unjoni u l-beni pubbliċi Ewropej. Fl-istess waqt, it-tibdil ekonomiku u l-globalizzazzjoni qegħdin jippreżentaw sfidi ġodda għas-sistemi nazzjonali tat-taxxa, u hemm linji ta’ politika ġodda li jistgħu jissaħħu billi jiġu pprovduti inċentivi finanzjarji għalihom fil-livell tal-UE. Barra minn dan, ħafna kienu qegħdin jappellaq għal riforma fuq in-naħa tad-dħul tal-baġit sabiex jiżdiedu ċ-ċarezza, il-ġustizzja u t-trasparenza tiegħu.
F’dan il-kuntest, in-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE ma tistax tiġi iżolata mill-iżviluppi maġġuri fl-UE. Attenzjoni aktar iffukata fuq il-beni pubbliċi ta’ dimensjoni Ewropea kif ukoll ġestjoni effiċjenti u soda tal-finanzi pubbliċi għandhom jikkaratterizzaw in-naħa tan-nefqa tal-baġit tal-UE, iżda jridu ukoll ikunu l-karatteristiċi ewlenin ta’ reviżjonijiet fuq in-naħa tad-dħul.
Il-baġit tal-UE huwa mbuttat 'l quddiem min-naħa tan-nefqa aktar milli stabbilit mid-disponibbiltà ta’ dħul. Dan ifisser li n-naħa tad-dħul tal-baġit hija aġġustata fil-biċċa l-kbira b’mod awtomatiku skont il-livell tan-nefqa, skont ir-regoli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tar-Riżorsi Proprja. Kollox ma’ kollox, is-sistema tar-”Riżorsi Proprja” jkollha tiżgura qafas affidabbli u riżiljenti li jkun għal kollox konformi mal-prinċipju tal-ekwilibriju.
Is-sistema preżenti tar-Riżorsi Proprja tistrieħ fuq tliet kategoriji prinċipali ta’ dħul: (i) l-hekk imsejħa Riżorsi Proprji Tradizzjonali (l-aktar dazji doganali); (ii) Riżorsa Proprja bbażata fuq it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud; kif ukoll (iii) ir-Riżorsa Proprja bbażata fuq id-Dħul Gross Nazjonali. Filwaqt li r-Riżorsi Proprja Tradizzjonali huma sors dirett ta’ dħul għall-baġit tal-UE, u b’hekk ġew identifikati bħala Riżorsa Proprja tal-UE “ġenwina”, l-aħħar żewġ kategoriji huma fl-essenza tagħhom kontribuzzjonijiet nazzjonali li għandhom jiġu magħmula disponibbli mill-Istati Membri lill-baġit tal-UE. Ir-Riżorsa Proprja bbażata fuq id-Dħul Nazzjonali Gross kienet ġiet stabbilita bħala l-element ċentrali “reżidwali” tas-sistema tar-Riżorsi Proprja sabiex jiġi żgurat finanzjament sħiħ tan-nefqa miftehma. Madankollu, hekk kif għadda ż-żmien din kienet saret l-element predominanti tas-sistema. Hija tgħodd għal aktar minn 70 % tad-dħul tal-UE. Hija tipprovdi stabbiltà u suffiċjenza iżda l-predominanza tagħha tipperpetwa l-perċezzjoni li l-kontribuzzjonijiet nazzjonali lill-baġit tal-UE huma sempliċment fattur ta’ kost.
Deher bil-provi li huwa diffiċli li s-sistema finanzjarja kumplessiva tiġi riformata. Skont l-Artikolu 311 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni “għandha tipprovdi għaliha nnifisha l-mezzi meħtieġa sabiex tikseb l-għanijiet tagħha u twettaq b'suċċess il-politika tagħha”. Id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji bbażata fuq dan l-Artikolu tipprovdi bażi ġuridika soda għas-sistema tal-iffinanzjar tal-baġit tal-UE. Hemm bżonn l-unanimità fost l-Istati Membri u r-ratifika mill-parlamenti nazzjonali sabiex tiġi riflessa tabilħaqq l-importanza kbira ta’ dak li jkun qiegħed isir. Fl-istess ħin, jeżisti wkoll ostaklu proċedurali kbir li jrid jingħeleb minn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet anki jekk l-argument favur ir-riforma huwa wieħed konvinċenti għall-aħħar. Mhix kumbinazzjoni li l-aħħar tibdil sostanzjali, kwalitattiv fis-sistema tar-Riżorsi Proprji tmur lura għas-snin tmenin (1980s) meta kienu ġew adottati l-hekk imsejħa “pakketti Delors” u kien iddaħħal l-element ibbażat fuq id-Dħul Nazzjonali Gross sabiex jirfed iż-żieda fin-nefqa marbuta mal-implimentazzjoni tas-Suq Uniku u t-tkabbir li kien jinkludi l-Istati Membri l-ġodda.
Fl-2011 il-Kummissjoni pproponiet Riżorsi Proprji ġodda sabiex jingħata kontribut lill-isforzi ta’ konsolidazzjoni fiskali tal-Istati Membri quddiem l-isfond tal-kriżi finanzjarja 2 . Hija pproponiet li tissimplifika r-Riżorsa Proprja bbażata fuq it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u li tinħoloq Riżorsa Proprja ġdida bbażata fuq Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji. Il-Parlament Ewropew appoġġa l-proposti tal-Kummissjoni. Filwaqt li ma setax jinkiseb il-ftehim unanimu fost l-Istati Membri, li jkun neċessarju, jeżisti rikonoxximent wiesa’ fejn tidħol il-ħtieġa ta’ riforma. Filwaqt li rrikonoxxew li s-sistema tista’ tittejjeb, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta’ Frar 2013 appellaw lill-Kunsill biex ikompli jaħdem fuq il-proposti tal-Kummissjoni.
1.2.Il-ħtieġa ta’ riforma
Il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji nħoloq bħala parti mill-ftehim finali dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 f’Diċembru 2013, meta l-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummisjoni adottaw “Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-Riżorsi Proprji”. Id-Dikjarazzjoni Konġunta ddikjarat li l-kwistjoni tar-Riżorsi Proprji kellha bżonn ta’ aktar xogħol u li kien se jitlaqqa’ grupp ta’ livell għoli, interistituzzjonali, sabiex jagħmel reviżjoni ġenerali tas-sistema tar-Riżorsi Proprji. Il-grupp ippreżenta r-rapport finali tiegħu f’Diċembru 2016 3 . Ir-rakkomandazzjoni kienet tinkludi kategoriji ġodda ta’ Riżorsi Proprji b’rabta aktar mill-qrib ma’ linji ta’ politika tal-UE u t-tneħħija ta’ mekkaniżmi ta’ korrezzjoni.
Il-Kummissjoni adottat “Dokument ta’ Riflessjoni dwar il-Futur tal-Finanzi tal-UE”, f’Ġunju 2017 4 . Id-dokument jipproponi firxa ta’ għażliet fejn ir-Riżorsi Proprji jkunu marbuta b’mod aktar viżibbli mal-politiki tal-UE, b’mod partikolari s-Suq Uniku u t-tkabbir sostenibbli. Id-dokument jiddikjara li, meta jiddaħħlu Riżorsi Proprji, ikollha tingħata attenzjoni (i) għat-trasparenza, is-simpliċità u l-istabbiltà tagħhom; (ii) għall-konsistenza tagħhom mal-objettivi ta’ politika tal-UE; (iii) għall-impatt tagħhom fuq il-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli; kif ukoll (iv) għat-tqassim ekwitabbli tagħhom fost l-Istati Membri. Fi Frar 2018, il-Kummissjoni 5 rrijaffirmat li riforma fuq in-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE tkun ta’ għajnuna biex id-dibattitu jiġi ffukat għal fuq l-objettivi u fuq dawk l-oqsma fejn l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tikseb valur miżjud tassew.
F’Marzu 2018, il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni dwar ir-riforma tas-sistema tal-UE tar-Riżorsi Proprja 6 . F’konformità mal-messaġġi ċentrali tar-rapport finali tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprja (“ir-Rapport Monti”), ir-Riżoluzzjoni tenfażizza n-nuqqasijiet fil-mod preżenti ta’ kif isir l-iffinanzjar tal-baġit tal-UE u tagħmel appell għal riformi estensivi, bl-appell b’mod partikolari għall-introduzzjoni ta’ kategorji ġodda differenti ta’ Riżorsi Proprji u l-abolizzjoni tal-korrezzjonijiet kollha.
1.3.Proposta ta’ Riforma tas-Sistema Finanzjarja: l-indirizzar tal-Isfidi ekonomiċi u ambjentali tal-UE
Illum, il-firxa ta’ prijoritajiet politiċi ġodda b’konsegwenzi fuq il-baġit kif ukoll l-irtirar tar-Renju Unit mill-UE jitolbu attenzjoni partikolari fuq l-arkitettura tas-sistema tar-Riżorsi Proprji. Barra minn dan, id-diġitalizzazzjoni, il-globalizzazzjoni u żviluppi ekonomiċi oħra huma ta’ sfida għall-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika. Għalhekk, wieħed jistenna li jkun hemm reviżjonijiet akbar u aktar frekwenti tad-data dwar “id-Dħul Nazzjonali Gross” biex din tkun tirrifletti b’mod adegwat id-dħul nazzjonali tal-ekonomiji differenti. Fil-kuntest ġenerali tat-tassazzjoni, l-integrazzjoni tas-suq, il-moviment liberu tal-kapital u ż-żieda fl-importanza tal-intanġibbli qegħdin iqajmu kwistjonijiet rigward l-adegwatezza tal-oqsfa nazzjonali tat-tassazzjoni sabiex jiġu indirizzati kif imiss l-iżviluppi f’dawn l-oqsma. Fl-aħħar nett, it-tibdil fil-klima u t-tniġġiż ambjentali jiġġeneraw esternalitajiet negattivi li jitolbu reazzjoni fil-livell tal-UE, jekk mhux ukoll f’dak dinji.
Lil hinn mir-rekwiżit bażiku li jiġi pprovdut dħul suffiċjenti biex jiġi kopert l-infieq, is-sistema ta’ Riżorsi Proprji hemm bżonn li tiġi riformata sabiex dawn l-isfidi ġodda jkunu jistgħu jibdew jiġu kkonfrontati u tkun imfassal b’tali mod li jinkisbu aktar benefiċċji milli sempliċement fluss regolari ta’ dħul fiskali. Filwaqt li tibni fuq is-sistema ta’ finanzjament eżistenti, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi wkoll li timmodernizza n-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE billi tissimplifika r-Riżorsa Proprja eżistenti bbażata fuq it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, tiddiversifika s-sorsi ta’ dħul u żżid is-sinerġiji bejn il-baġit tal-UE u dawk nazzjonali.
Il-proposta preżenti ma toħloq l-ebda taxxa ġdida għaċ-ċittadini tal-UE. L-UE ma għandhiex is-setgħa li timponi taxxi. Għalhekk, l-introduzzjoni ta’ kategorji ġodda ta’ Riżorsi Proprji tirrispetta bis-sħiħ is-sovranità fiskali nazzjonali. L-istrumenti eżistenti tat-taxxa huma fil-biċċa l-kbira użati fil-livell nazzjonali, għalkemm f’ċerti oqsma l-Unjoni Ewropea tipprovdi regoli għall-armonizzazzjoni tal-mod li bih jiġu applikati t-taxxi. Dan itejjeb is-sens ta’ ġustizzja għaċ-ċittadini u l-kumpaniji fid-diversi pajjiżi tal-UE filwaqt li jiġu pprovduti wkoll il-mezzi biex jinqabad dħul fiskali li ma jkunx jista’ jinqabad mill-awtoritajiet nazzjonali. L-attribuzzjoni ta’ sehem minn bażijiet ta’ taxxa ċerti, armonizzati, jew ta’ sorsi oħra ankrati fil-linji ta’ politika jew il-leġiżlazzjoni tal-UE għall-baġit tal-UE hija mod kif jitjiebu s-sinerġiji bejn l-UE u l-ekonomiji nazzjonali.
Il-proposta preżenti żżomm dixxiplina baġitarja permezz tal-prinċipju ta’ baġit ibbilanċjat. Madankollu, l-interazzjoni bejn ir-Riżorsi Proprji differenti hija sors potenzjali ta’ sinerġija li sa issa għadu ma ġiex sfruttat għal kollox. Din se ġġib użu aħjar tal-possibbiltajiet offruti mit-Trattat sal-punt li tipi differenti ta’ Riżorsi Proprja - kontribuzzjonijiet nazzjonali, sehem minn taxxi eżistenti jew futuri u dħul ġenwin tal-UE - joffru vantaġġi kumplimentari u li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku. Permezz tad-diversifikazzjoni tas-sorsi tad-dħul, ir-reżiljenza u l-aġġustabbiltà tal-baġit tal-UE jiżdiedu, u dan eventwalment ikun ta’ benefiċċju għall-Istati Membri kollha.
Din il-proposta se tissimplifika elementi ċentrali tas-sistema finanzjarja eżistenti tal-UE u tagħmilha aktar trasparenti. Ir-Riżorsi Proprji eżistenti se jkunu emendati u mmodernizzati. Il-kosti tal-ġbir li jinżammu mill-Istati Membri se jitnaqqsu minn 20 % għal-livell oriġinali tagħhom ta’ 10 %. Il-korrezzjonijiet jiġu gradwalment eliminati permezz ta’ mekkaniżmu ta’ tranżizzjoni.
Fl-aħħar nett, l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja jirrekjedi reazzjoni speċifika dwar kif jistgħu jittaffew ix-xokkijiet ekonomiċi. Meta jitqies l-ambitu intiż, u l-iskop tal-Funzjoni Ewropea għall-Istabbilizzazzjoni tal-Investiment, il-Kummissjoni tipproponi li tagħmel disponibbli ammont li jikkorrispondi għal kontribuzzjoni fi proporzjon mad-dħul monetarju ġġenerat annwalment fl-Ewrosistema sabiex ikun ta’ għajnuna fl-iffinanzjar tal-element ta’ għotja tal-Funzjoni Ewropea għall-Istabbilizzazzjoni tal-Investiment. Dawn l-ammonti se jinġabru mill-Istati Membri taż-Żona tal-Euro parteċipanti u jkunu reġistrati fil-baġit tal-UE bħala dħul assenjat estern.
Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li:
1.Timmodernizza r-Riżorsi Proprji eżistenti billi
·żżomm bla mittiefsa d-dazji doganali bħala Riżorsi Proprji Tradizzjonali għall-UE, iżda tnaqqas għal 10 % l-perċentwali li l-Istati Membri jżommu bħala “spejjeż għall-ġbir”;
·iżżomm ir-Riżorsa Proprja bbażata fuq id-Dħul Nazzjonali Gross, u żżommha bħala r-riżorsa ta’ bilanċ;
·tissimplifika r-Riżorsa Proprja bbażata fuq it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud.
2.Tintroduċi baskett ta’ Riżorsi Proprji ġodda, li jkunu jikkonsistu minn:
·sehem mill-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva mnedija mill-ġdid, li għandha tiġi introdotta gradwalment hekk kif tiġi adottata l-leġiżlazzjoni neċessarja. din se tkun ħolqa diretta bejn l-iffinanzjar tal-baġit tal-UE u l-benefiċċji li jgawdu kumpanji li joperaw fis-Suq Uniku;
·sehem mid-dħul mill-irkantar tas-Sistema Ewropea għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet; is-Sistema Ewropea għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet hija għodda ċentrali ta’ azzjoni tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet bl-effett ta’ serra u għandha rabta diretta mal-funzjonament tas-Suq Uniku;
·kontribuzzjoni nazzjonali kkalkulata fuq l-ammont ta’ skart mhux riċiklat mill-pakkett tal-plastik. Dan joħloq inċentiv biex l-Istati Membri jnaqqsu l-iskart mill-pakketti u jkun ta’ stimulu għat-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn ekonomija ċirkolari bl-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropea dwar il-plastik.
3.Tistabbilixxi l-prinċipju li d-dħul fil-futur li jirriżulta direttament minn linji ta’ politika tal-UE jibqa’ sejjer għall-baġit tal-UE;
4.Telimina b’mod gradwali l-korrezzjonijiet;
5.Iżżid il-limitu massimu tar-Riżorsi Proprji.
2.Timmodernizza r-Riżorsi Proprji eżistenti
2.1.Iżżomm id-Dazji Doganali (Riżorsi Proprji Tradizzjonali) b’kosti ta’ ġbir aktar baxxi
“Ir-Riżorsi Proprji Tradizzjonali”, illum il-ġurnata, jikkonsistu primarjament f’dazji doganali, u huma dovuti direttament lill-baġit tal-UE u huma ġeneralment ikkunsidrati bħala li jirriżultaw "b’mod naturali” mill-funzjonament tal-unjoni doganali u l-politiki komuni esterni, tal-kummerċ u tan-negozju. Id-dazji doganali jiġu imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti minn pajjiżi mhux tal-UE, b’rati li jkunu stabbiliti fit-Tariffa Doganali Komuni 7 .
Il-livell preżenti ta’ 20 % kosti tal-ġbir fil-każ tad-dazji doganali jista’ jitqies bħala ogħla minn dak li jkun meħtieġ fil-konkret bħala inċentiv xieraq għall-ġbir dovut ta’ dazji doganali mill-awtoritajiet nazzjonali f’isem l-Unjoni. Qiegħed għalhekk jiġi propost li jiċċekken is-sehem tal-kosti tal-ġbir li l-Istati Membru jitħallew iżommu, biex dan jerġa’ jinżel għal-livell tradizzjonali tiegħu ta’ 10 % filwaqt li jissaħħaħ l-appoġġ finanzjarji għal tagħmir tad-dwana u teknoloġija tal-informatika li tkun immirata aktar lejn il-ħtiġijiet konkreti.
L-ammonti ta’ dazji doganali miġbura u l-intensità tal-kontrolli juru xejriet differenti. L-aktar ċifri reċenti dwar il-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali juru li hemm xejra 'l isfel fejn jidħlu r-rati ta’ kontroll tul l-aħħar ftit snin filwaqt li r-rati ta’ retenzjoni żdiedu b’mod simultanju minn 10 għal 25 %. Fil-livell tal-Unjoni, 2,1 % tal-oġġetti importati kienu ssuġġettati għal kontrolli matul il-proċess tar-rilaxx mid-dwana fl-2016, iżda din ir-rata tvarja bil-kbir minn Stat Membru għall-ieħor. Barra minn dan, l-applikazzjoni ta’ proċeduri ssimplifikati u tal-awtomazzjoni huma ta’ kontribut għat-titjib tal-kosteffettività tal-kontrolli.
B’żieda ma’ dan, l-ammonti miżmuma mill-Istati Membri bħala kost ta’ ġbir mhux dejjem ikunu ta’ sostenn dirett tal-attivitajiet doganali. L-iżviluppi li kien hemm dan l-aħħar juru li hemm disponibbli anqas riżorsi umani f’amministrazzjonijiet nazzjonali biex isiru l-kontrolli 8 , li jfisser li hija biss parti limitata tar-riżorsi disponibbli li hija ddedikata għal operazzjonijiet doganali u għall-ispezzjonijiet tad-dazji doganali.
2.2.Iż-żamma tar-Riżorsa Proprja bbażata fuq id-Dħul Nazzjonali Gross u l-ikkumpletar tagħha sabiex tkun tirrifletti aħjar id-Dimensjoni tal-UE
Illum, ir-Riżorsa Proprja bbażata fuq id-Dħul Nazzjonali Gross tissarraf fl-akbar parti mid-dħul għall-baġit tal-UE. Ma hemmx kwistjoni dwar il-merti tal-istabbiltà, is-suffiċjenza u l-aġġustabbiltà tar-Riżorsi Proprji preżenti – assigurati b’mod partikolari permezz tal-kontribuzzjonijiet reżidwali bbażati fuq id-Dħul Nazzjonali Gross. Din ir-Riżorsa Proprja, għalhekk, hija prevista li tibqa’ l-pedament tan-naħa tad-dħul tal-baġit tal-UE.
Madankollu, l-iżviluppi ekonomiċi reċenti qegħdin joħolqu sfida għall-awtoritajiet nazzjonali meta jiġi biex jitkejjel b’mod preċiż id-Dħul Nazzjonali Gross, li huwa l-ewwel bażi li bih jiġi kkalkulat il-ġid. Il-globalizzazzjoni u t-tibdil tekniku wasslu għal tibdil profond fl-istruttura tad-ditti u l-lokalizzazzjoni tal-produzzjoni. L-awtoritajiet nazzjonali qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ sfidi li ġejjin mid-dematerjalizzazzjoni tal-ħafna servizzi, il-firxa rapida tal-kummerċ b’mezzi elettroniċi, il-piż dejjem jiżdied ta’ assi intanġibbli u l-flutwazzjonijiet kbar u rapidi fl-investimenti ta’ kapital barranin. Il-kontijiet nazzjonali jistgħu jiġu affettwati, pereżempju, mit-trasferiment malajr u massiv ta’ assi intanġibbli bejn il-pajjiżi, li jiġi deċiż minn kumpaniji multinazzjonali b’reazzjoni għal inċentivi ta’ taxxa jew oħrajn regolatorji 9 .
Billi dawn l-iżviluppi mhux dejjem jinqabdu mis-sistemi nazzjonali ta’ taxxa korporattiva jew minn sorsi oħra ta’ dejta, dan fl-aħħar mill-aħħar huwa ta’ sfida kemm għall-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika. Din hija raġuni waħda għaliex il-Kummissjoni nediet inizjattivi dwar il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporativa u dwar it-tassazzjoni diġitali ġusta. Il-Bażi Komuni Konsoldiata għat-Taxxa Korporativa se ttejjeb il-funzjonament tas-Suq Uniku u se tnaqqas l-ineffiċjenzi u d-distorsjonijiet marbuta mal-ippjanar tat-taxxa u l-kosti għolja ta’ konformità. It-taxxa tas-servizzi diġitali hija soluzzjoni temporanja għall-problema li r-regoli preżenti tat-taxxa korporattiva ma humiex adegwati għall-ekonomija diġitali.
Fuq dan l-isfond, jeżisti lok li r-Riżorsa Proprja bbażata fuq id-Dħul Nazzjonali Gross tiġi kkumplimentata u jitnaqqas il-piż tagħha fil-baġit tal-Unjoni bl-introduzzjoni ta’ basket varjat u reżiljenti ta’ Riżorsi Proprji, direttament marbuta mal-kompetenzi u l-objettivi tal-Unjoni. Dawn l-elementi ġodda ta’ dħul se jipprovdu elementi ġodda li jirriflettu aħjar il-flutwazzjonijiet fiċ-ċikli ekonomiċi tal-Istati Membri u b’hekk jirfdu l-impatt ta’ proporzjonalità, ta’ ġustizzja u ta’ stabbilizzazzjoni tal-baġit tal-UE.
Sabiex jiġu ppreservati s-suffiċjenza, l-istabbiltà u l-previdibbiltà tad-dħul, il-kontribuzzjoni bbażata fuq id-Dħul Nazzjonali Gross hu maħsub li tibqa’ dik ir-riżorsa li “tibbilanċja”, jiġifieri, l-partit ta’ dħul li r-rata ta’ prelevazzjoni tagħha tkun aġġustata skont il-bżonn ta’ dħul kumpessiv meħtieġ biex tiġi koperta n-nefqa wara li jitqiesu dħul ieħor u Riżorsi Proprja oħra. B’implikazzjoni, ir-riżorsa bbażata fuq id-Dħul Nazzjonali Gross tiżgura li l-baġit ġenerali tal-Unjoni jkun dejjem ibbilanċjat ex-ante, jiġifieri fl-istadju ta’ adozzjoni. Basket ta’ Riżorsi Prorpja jaċċentwa r-rwol ta’ bilanċjar tad-Dħul Nazzjonali Gross, u jiżgura piż imqassam b’mod ġust bejn l-Istati Membri.
2.3.Is-simplifikazzjoni tar-Riżorsa Proprja bbażata fuq it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud
Element ibbażat fuq ir-Taxxa fuq il-Valur Miżjud ilu parti integrali mid-deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprja sa mill-1980 u jiżgura li l-baġit tal-UE jkun marbut mas-Suq Uniku u mal-armonizzazzjoni tat-taxxa. Il-bażi tat-taxxa hija wiesgħa biżżejjed biex tipprovdi flussi ta’ dħul stabbli u prevedibbli.
Bis-sistema preżenti, il-bażijiet tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud tal-Istati Membri kollha huma armonizzati skont ir-regoli tal-UE. Dan jirrekjedi għadd kbir ta’ korrezzjonijiet u ta’ kumpensi, kif ukoll il-komputazzjoni kkumplikata u tqila ta’ rata medja ponderata. Dawn il-bażijiet imbagħad ikunu limitati għal 50 % tal-bażi tad-Dħul Nazzjonali Gross sabiex jiġu rimedjati l-aspetti regressivi tar-riżorsa bbażata fuq it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud. Fl-aħħar nett, tiġi imposta rata uniformi ta’ 0,3 % fuq il-bażi armonizzata ta’ Taxxa fuq il-Valur Miżjud ta’ kull Stat Membru, bl-eċċezzjoni tal-Ġermanja, in-Netherlands u l-Iżvezja li għandhom rata ta’ prelevazzjoni mnaqqsa.
Is-simplifikazzjoni li qiegħda tiġi proposta hija mmexxija mill-prinċipji li ġejjin: (i) iffukar fuq il-provvisti b’rata standard ; (ii) ir-razzjonalizzar tal-proċedura għall-kalkolu tal-bażi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud kif ukoll; (iii) l-applikazzjoni ta’ rata ta’ prelevazzjoni uniformi fuq il-bażi b’rata standard. Dan l-approċċ ġdid huwa reazzjoni għall-appell mill-Parlament Ewropew u mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri biex ir-Riżorsa Proprja titqarreb lejn il-bażi attwali tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u jissimplifika l-kalkoli b’mod sinifikanti. Dan se jwassal għal aktar trasparenza u teħid ta’ responsabbiltà. Ir-Riżorsa Proprja ssimplifikata bbażata fuq it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud se tkun għal kollox kumpatibbli mal-proposta tal-Kummissjoni għal pjan ta’ azzjoni dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u proposti sussegwenti 10 .
Id-dħul li ġej mir-Riżorsa Proprja tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud għall-baġit tal-UE bħalissa huwa ta’ madwar EUR 15-20 biljun fis-sena, livell li jista’ jinżamm permezz ta’ kalkolu ssimplifikat bl-aġġustament xieraq 'il fuq tar-rata ta’ prelevazzjoni.
3.Basket ta’ Riżorsi Proprji ġodda
Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi l-introduzzjoni ta’ tliet kategoriji ġodda ta’ Riżorsi Proprja. Kull waħda minnhom għandha l-merti u l-ġustifikazzjoni tagħha, iżda jkun hemm vantaġġi ulterjuri meta dawn jiġu proposti bħala pakkett.
L-approċċ tal-”basket” jintroduċi Riżorsi Proprji ġenwini li jkunu marbuta ma’ linji ta’ politika ċentrali tal-UE, b’mod speċifiku t-tibdil fil-klima, il-politika ambjentali, l-istrateġija dwar il-plastik, l-ekonomija ċirkolari, u s-Suq Uniku. Hija turi rabta qawwija mal-politiki tal-UE u l-valur miżjud tal-UE. Pereżempju, il-problema tal-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u tat-trasferiment tal-profitti, ma jistgħux jiġu affaċċjati b’mod adegwat biss fil-livell nazzjonali. F'dan il-kuntest, l-inizjattivi tal-UE dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u t-tassazzjoni korporattiva jikkontribwixxu biex il-kumpaniji u l-konsumaturi jkollhom kundizzjonijiet ekwi. B’mod simili, l-imposti ambjentali jistgħu jkunu ta’ għajnuna biex jiġu kkoreġuti esternalitajiet negattivi u jinfluwenzaw l-imġieba. Pereżempju, it-tibdil fil-klima u l-iskart tal-plastik fil-baħar huma problemi globali min-natura tagħhom, u hemm bżonn li jiġu indirizzati fil-livell tal-UE, inkluż permezz ta’ inċentivi fiskali. L-Unjoni Ewropea diġà stabbiliet strumenti tal-UE biex tindirizza dawn l-isfidi.
Basket ta’ Riżorsi Proprji jipprovdi aktar flus lill-baġit tal-UE u jista’ jkun ta’ għajnuna fil-ġestjoni tal-impatt li jiġi mit-tneħħija ta’ kontributur net sinifikanti lill-baġit tal-UE. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tas-sorsi ġodda ta’ dħul ma humiex se joħolqu flussi ta’ dħul totalment ġodda, huma b’mod ċar marbuta mal-livell tal-UE u jirriflettu direttament jew indirettament il-valur miżjud tas-sistema tar-Riżorsi Proprja. F’termini ta’ dħul stmat, ir-Riżorsi Proprji l-ġodda se jipprovdu proporzjon sinifikanti tad-dħul neċessarju iżda se jieħdu post biss parti mill-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq id-Dħul Nazzjonali Gross. Il-bażijiet taxxabbli u r-rati ta’ prelevament għar-Riżorsi Proprji ġew ikkonċeputi b’tali mod li bħala medja, tul il-perjodu 2021-2027, madwar 12 % tal-baġit ikun kopert mis-sorsi l-ġodda ta’ dħul.
Permezz ta’ basket ta’ Riżorsi Proprji ġodda, li jirriżultaw mid-diversifikazzjoni ta’ sorsi ta’ dħul, is-sistema tar-Riżorsi Proprja ssir aktar reżiljenti għall-fluttwazzjonijiet f’elementi individwali. Hija tkun timplika wkoll koerenza “vertikali” aħjar mal-baġits nazzjonali fis-sens li se tkun tinkludi elementi marbuta b’mod aktar dirett mal-ambjent, il-konsum u t-tassazzjoni korporattiva.
Fl-aħħar nett, basket akbar u aktar diversifikat ta’ Riżorsi Proprja se jkun allinjat b’mod aktar qrib mal-fluttwazzjonijiet ċikliki tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Bħala tali, ir-Riżorsa Proprja bbażata fuq id-Dħul Nazzjonali Gross se jibqa’ jkollha rwol ta’ bilanċ, iżda l-funzjoni tagħha bħala element ta’ bilanċjar, jiġifieri r-rwol tagħha biex ittaffi l-varjazzjonijiet tal-elementi varji ta’ dħul, se jkun aktar evidenti u kondiviż fost l-Istati Membri kollha. Jiġi żgurat b’hekk li s-sistema ta’ dħul tiżgura ċertu livell ta’ tqassim tal-piż fil-qafas strett tad-dixxiplina baġitarja.
3.1.Riżorsa Proprja ġdida marbuta mal-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva.
Riżorsa Proprja għall-baġit tal-UE bbażata fuq it-tassazzjoni korporattiva ilha żmien tiġi kkunsidrata, u dan huwa ġġustifikat mir-rabta intrinsika tagħha għall-benefiċċji pprovduti mis-Suq Uniku li fih joperaw il-kumpaniji. Filwaqt li l-varjazzjonijiet fir-rati tat-taxxa madwar l-Istati Membri, bħala tali, ma humiex xi ostaklu ewlieni quddiem Riżorsa Proprja bbażata fuq it-tassazzjoni korporattiva, in-nuqqas ta’ bażi tat-taxxa korporattiva armonizzata sa issa ma ħalliex l-Unjoni Ewropew tieħu azzjoni speċifika f’dan il-qasam. Ladarba tkun adottata, il-proposta tal-Kummissjoni tal-2016 għal Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva 11 kif ukoll għal Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva 12 , madankollu, se toħloq sistema armonizzata ta’ taxxa korporattiva li se sservi ta’ pedament ta’ Riżorsa Proprja ġdida, ġusta u trasparenti, bil-konsolidazzjoni u t-tqassim tal-bażi konsolidata tat-taxxa.
Riżorsa Proprja bbażata fuq it-taxxa korporattiva tkun iġġustifikata sal-livell li fih l-intrapriżi jibbenefikaw mil-libertajiet tas-Suq Uniku. Il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva se tkun ta’ għajnuna fl-isforzi tal-Unjoni biex taffaċċja l-evitar tat-taxxa. It-taxxa fuq id-dħul korporattiv tista’ tkun ta’ kontribut sinifikanti għall-baġit tal-UE. Ladarba li jintlaħaq qbil dwar il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva f’konformità mal-proposti tal-Kummissjoni tal-2016, ikun faċli li tiġi implimentata Riżorsa Proprja mibnija fuq din il-bażi.
Bir-regoli l-ġodda, kontribuzzjoni bbażata fuq il-bażi tat-taxxa korporattiva l-ġdida, jiġifieri fuq il-profitti korporattivi attribwiti fil-livell nazzjonali, tkun ħaġa ħafifa. Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva tkun tipprovdi ammonti stabbli u relattivament kbar ta’ dħul għall-baġit tal-UE filwaqt li ma tmissx il-prerogattivi fiskali tal-UE. Ir-Riżorsa Proprja proposta bbażata fuq il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva tkun tapplika rata ta’ prelevazzjoni għall-bażi komuni konsolidata stess. B’rata ta’ prelevazzjoni ta’ 3 % għall-UE, il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva tista’ ddaħħal medja annwali ta’ madwar EUR 12-il biljun fis-sena. Ir-Riżorsa Proprja tkun tinġabar biss hekk kif ir-regoli l-ġodda tat-taxxa jkunu implimentati bis-sħiħ fl-Istati Membri.
3.2.Riżorsa Proprja bbażata fuq is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet
Permezz tas-Sistema tal-EU għall-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet l-Unjoni ħolqot strument komuni biex tiġġieled kontra t-tibdil fil-klima. Is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet hija ankrata f’objettivi klimatiċi komuni, l-istrateġiji ta’ taffija u f’impenji internazzjonali u tipprovdi l-istess sinjal ta’ prezz lil setturi koperti madwar l-Istati Membri. Is-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet hija armonizzata fil-livell tal-Unjoni u d-dħul jidħol fil-baġits nazzjonali.
Qiegħed jiġi propost li jkun hemm Riżorsa Proprja li tkun tikkonsisti minn kontribut mis-Sistema tal-EU għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet 13 . Dan ikun jinvolvi l-allokazzjoni ta’ 20 % minn ċerti elementi ta’ dħul mit-total ta’ kwoti disponibbli biex ikunu rkantati lill-baġit tal-UE.
Sehem sinifikanti mid-dħul tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet fl-Istati Membri bi dħul aktar baxx jiġi mill-irkantar ta’ kwoti mqassma mill-ġdid għall-iskopijiet ta’ solidarjetà, tkabbir u interkonnessjonijiet. Sabiex tiġi żgurata l-ġustizzja, il-kontribuzzjoni tar-Riżorsa Proprja ma tiġix imposta fuq dawn il-kwoti distribwiti mill-ġdid. Barra minn dan, id-Direttiva rivedita dwar is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet tistabbilixxi Fond ta’ Innovazzjoni biex issostni l-iżvilupp ta’ teknoloġiji avvanzati kif ukoll Fond ta’ Modernizzazzjoni biex is-settur tal-enerġija jiġi mmodernizzat fl-Istati Membri bi dħul aktar baxx. L-ammont iddedikat biex jiġu ffinanzjati l-Fond ta’ Innovazzjoni u l-Fond ta’ Modernizzazzjoni 14 lanqas mhu se jkunu suġġetti għall-kontribuzzjoni tar-Riżorsa Proprja. Madankollu, il-kwoti disponibbli għall-irkant li Stat Membru jkun jista’ jalloka b’xejn lis-settur tal-enerġija għandhom jingħaddu lejn il-kontribuzzjoni tar-Riżorsa Proprja sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjoni dwar jekk dik l-opzjoni għandhiex tintuża jew le tkun ibbażata fuq raġunijiet ekonomiċi.
L-ammont stmat ta’ dħul medju annwali jista’ jvarja bejn EUR 1,2 u 3,0 biljun, skont il-prezz tas-suq għall-kwoti tas-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet. Dan jista’ wkoll ivarja skont il-volum annwali tal-irkant, li jiddependi fost affarijiet oħra fuq it-tħaddim tar-riżerva ta’ stabbiltà tas-suq tas-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet.
3.3.Riżorsa Proprja bbażata fuq Skart minn Pakketti tal-Plastik
Fit-18 ta’ Jannar 2018, il-Kummissjoni adottat Strateġija Ewropea għall-Plastik f’Ekonomija Ċirkolari 15 Din l-istrateġija se tkun ta’ kontribut biex jiġu ffaċjati l-problemi ambjentali, b’mod partikolari billi jitjiebu s-sistemi ta’ riċiklar u t-tnaqqis tat-tifrix ta’ skart mill-pastik fl-ambjent. L-istrateġija għandha wkoll l-għan li żżid is-sostenibbiltà tal-plastik u fl-istess waqt jiġu stimulati u rikonoxxuti l-innovazzjoni, il-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi. Il-Komunikazzjoni 16 indikat li jekk jittieħdu miżuri ta’ natura fiskali, dan ikun ta’ inċentiv biex ikun hemm imġieba ambjentalment favorevoli. Fit-22 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni organizzat laqgħa ma’ partijiet interessati sabiex issir diskussjoni dwar kif il-baġit tal-UE jista’ jkun ta’ kontribut għall-istrateġija dwar il-Plastik. Kollox ma’ kollox kien hemm qbil dwar il-ħtieġa li jinaqqas it-tniġġiż mill-plastik bl-uzu ta’ metodi differenti. L-introduzzjoni ta’ taxxa ġdida ddedikata fil-livell tal-UE tkun problematika mill-angolu ta’ kompetittività u ta’ sussidjarjetà; fl-istess ħin, ir-rwol potenzjali tal-baġit tal-UE fl-indirizzar ta’ din il-problema għandu diġà għarfien wiesa’.
Il-kontribuzzjoni proposta ta’ Riżorsa Proprja tkun direttament proporzjonali għall-kwanita ta’ skart mhux riċiklat minn pakketti tal-plastik iġġenerat f’kull Stat Membru. Il-kontribuzzjoni għalhekk se tipprovdi inċentiv biex l-Istati Membri jnaqqsu din il-produzzjoni ta’ skart ta’ dan it-tip. B’dan il-mod, il-baġit tal-UE jkun qiegħed ikun ta’ kontribut biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija dwar il-Plastik u dwar l-Ekonomija Ċirkolari.
Il-kontribuzzjoni ta’ Riżorsa Proprja tkun proporzjonali għall-kwantità ta’ skart mhux riċiklat minn pakketti tal-plastik li tiġi rrappurtata kull sena lill-Eurostat. Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għar-Riżorsa Proprja jkunu kkalkulati bl-applikazzjoni ta’ rata ta’ prelevazzjoni massima ta’ EUR 0,80/kg għal din il-kwantita, b’mod li jkunu jistgħu jidħlu EUR 7 biljun kull sena.
3.4.Stima ta’ tibdil fl-istruttura tal-finanzjament tal-UE sal-2027
Tqabbil tal-għamla tad-dħul kif inhu bħalissa fl-2018 mal-istruttura tad-dħul tul il-perjodu bejn l-2021 u l-2027 tiżvela l-elementi ta’ kontinwità kif ukoll elementi ta’ innovazzjoni fil-propsota tal-Kummissjoni. Bis-sistema preżenti, skont is-sena u l-istadju taċ-ċiklu annwali tal-baġit, ir-Riżorsa Proprja bbażata fuq id-Dħul Nazzjonali Gross tkopri bejn żewġ terzi u tliet kwarti mid-dħul totali. Hekk kif it-tibdiliet proposti jibdew iseħħu, huwa mistenni li din tkun tkopri bejn 50 % u 60 % mid-dħul totali.
Evoluzzjoni stmata tal-istruttura tal-finanzjament tal-UE
|
Baġit 2018 |
Medja stmata 2021-2027 |
|||
|
Biljun ta’ EUR |
% tad-dħul totali |
Biljun ta’ EUR |
% tad-dħul totali |
|
|
Riżorsi Proprji Tradizzjonali |
23 |
15,8 % |
26 |
15 % |
|
Kontribuzzjonijiet nazzjonali eżistenti li minnhom |
120 |
82,9 % |
128 |
72 % |
|
Riżorsa Proprja bbażata fuq it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (riformata) |
17 |
11,9 % |
25 |
14 % |
|
Riżorsa Proprja bbażata fuq id-Dħul Gross Nazjonali |
103 |
71,0 % |
103 |
58 % |
|
Riżorsi Proprja ġodda li minnhom |
- |
22 |
12 % |
|
|
Riżorsa Proprja bbażata fuq il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva |
- |
- |
12 |
6 % |
|
Riżorsa Proprja bbażata fuq is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet |
- |
- |
3 |
2 % |
|
Riżorsa Proprja bbażata fuq skart minn pakketti tal-plastik |
- |
- |
7 |
4 % |
|
Total ta’ Riżorsi Proprja |
143 |
98,7 % |
176 |
99 % |
|
Dħul apparti minn Riżorsi Prorpja |
2 |
1,3 % |
2 |
1 % |
|
Dħul totali |
145 |
100,0 % |
178 |
100 % |
L-ammonti għall-perjodu 2021-2027 huma bbażati fuq it-rati ta’ prelevazzjoni applikabbli kif stabbiliti fil-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jistipula l-miżuri ta’ implimentazzjoni għas-sistema tar-Riżorsi Proprji tal-Unjoni Ewropea (COM(2018) 327, Artikolu 1).
4.L-istabbiliment tal-prinċipju li fil-futur id-dħul li jirriżulta direttament minn linji ta’ politika tal-UE jibqa’ sejjer għall-baġit tal-UE
Hemm ukoll dħul ieħor li, għad li ma jaqax taħt din id-deċiżjoni, madankollu huwa sors potenzjalment interessanti u supplimentari ta’ dħul baġitarju li għandu jittieħed f’kunsiderazzjoni fit-tfassil ta’ programmi u linji ta’ politika għall-perjodu li jmiss tal-qafas finanzjarju.
“Id-Dħul Ieħor” huwa ta’ interess pjuttost għoli meta mqabbel mal-biċċa l-kbira tal-kriterji tradizzjonali ta’ evalwazzjoni, ħlief għal “suffiċjenza u stabbiltà”. Dawn huma immedjatament marbuta mal-politiki u l-kompetenzi ġuridiċi tal-UE, jiġu amministrati faċilment, u, jekk jiġi identifikat għal-liema għan ikunu sejrin, ma jeskludux in-nefqa taħt il-limiti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali jew ir-Riżorsi Proprja taħt il-limitu massimu tar-Riżorsi Proprja. Barra minn dan, billi ma jiġux trasferiti mit-teżori nazzjonali, ma jiġux inklużi taħt il-kontribuzzjonijiet nazzjonali li jkunu integrati fil-bilanċi baġitarji operanti u għalhekk jikkostitwixxu sors ta’ dħul indipendenti u “ġenwin” tal-UE.
Jinħtieġ li tkun ħaġa ta’ prinċipju li d-dħul li jkun iġġenerat direttament bl-implimentazzjoni tal-politika tal-UE u bl-infurzar tar-regoli komuni fil-livell tal-Unjoni jkun dovut, min-natura tiegħu, lejn il-baġit tal-UE. Eżempju wieħed ta’ dħul li jista’ jkun dovut lejn il-baġit tal-UE abbażi ta’ atti ġuridiċi li ma jkunux id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji jew l-armonizzazzjoni tat-taxxa hija s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (European Travel and Information Authorisation System, ETIAS). Il-proposta tal-Kummissjoni tipprovdi li l-miżati li għandhom jitħallsu minn dawk li jżuru ż-żona ta’ Schengen minn pajjiżi terzi jikkostitwixxu dħul assenjat (biex jista’ jkun hemm approprjazzjonijiet addizzjonali fuq il-linji tal-baġit relatati). Dan id-dħul jipprovdi ffinanzjar supplimentari għall-ispejjeż operattivi tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar u b’żieda ma’ dan, għall-baġit ġenerali. Id-dħul assenjat ma jingħaddx kontra l-limitu massimu tar-Riżorsi Proprja billi ma jkunx ta’ spiża għall-baġits nazzjonali. Dħul ieħor, jew “mixxellanju” li mhux imħolli għal raġuni partikolari iżda rreġistrat bħala dħul ġenerali (bħal ma huma multi jew imgħax fuq pagamenti mħallas tard) iwassal għal tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq id-Dħul Nazzjonali Gross.
5.L-eliminazzjoni b’mod gradwali tal-korrezzjonijiet
L-aktar minħabba raġunijiet storiċi, għadd ta’ Stati Membri bbenefikaw minn sistema kumplessa ta’ korrezzjonijiet u ribassi. Is-Summit Ewropew ta’ Fontainbleau f'Ġunju 1984 ikkonkluda li “kull Stat Membri li qiegħed isostni piż baġitarju li jkun eċċessiv f’relazzjoni mal-prosperità relattiva tiegħu jista’ jibbenefika minn korrezzjoni fil-mument propizju”. Fost dawn il-mekkaniżmu, l-aktar wieħed importanti kienet il-korrezzjoni tar-Renju Unit li kienet ġiet iġġustifikata 34 sena ilu fuq il-bażi ta’ ġustizzja.
Barra mill-korrezzjoni tar-Renju Unit, żviluppa għadd dejjem jiżdied ta’ mekkaniżmi oħra ta’ korrezzjoni mal-mogħdija taż-żmien. Sa mill-2002, l-Awstrija, il-Ġermanja, in-Netherlands u l-Iżvezja bbenefikaw mir-”ribassi fuq ir-ribass”, tnaqqis permanenti fil-kontribuzzjoni tagħhom lir-ribass tar-Renju Unit. Ingħata wkoll tnaqqis addizzjonali lil ċerti Stati Membri li l-piż baġitarju tagħhom kien għadu jitqies eċċessiv. Il-Ġermanja, in-Netherlands u l-Iżvezja kisbu tnaqqis temporanju fir-rati ta’ prelevazzjoni tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud għall-perjodu 2014-2020. L-Awstrija, in-Netherlands, l-Iżvezja u d-Danimarka bbenefikaw ukoll minn tnaqqis ta’ somma f’daqqa fil-kontribuzzjonijiet tagħhom ibbażati fuq id-Dħul Nazzjonali Gross.
Matul iż-żmien, l-ammonti ta’ korrezzjonijiet u ribassi żdiedu u qabżu, anki mingħajr ma jitqies ir-ribass għar-Renju Unit innifsu, ammont annwali ta’ EUR 5 biljun fis-sena fil-każ tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali preżenti. B’hekk, is-sistema ta’ ffinanzjar tal-baġit tal-UE saret kumplessa żżejjed u anqas trasparenti.
Il-proposta l-ġdida tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tiżgura pakkett ġust u bbilanċjat. Ir-riforma tan-naħa tad-dħul se tiddiversifika s-sorsi ta’ dħul u tinkludi portafoll ta’ riżorsi li jkollhom impatt fuq l-Istati Membri b’mod ġust. Fuq in-naħa tan-nefqa, il-baġit tal-Unjoni qiegħed dejjem aktar jiffoka fuq firxa wiesgħa ta’ nefqiet li għandhom bla dubju valur miżjud tal-unjoni bħal ma huma r-riċerka u l-innovazzjoni, l-Erasmus, id-difiża u l-kontroll tal-fruntieri. Kollox ma’ kollox, bl-introduzzjoni ta’ basket ta’ Riżorsi Proprja u bi prijoritajiet ġodda ta’ nefqa, il-baġit tal-Unjoni se jibbenefika lill-Istati Membri kollha b’mod ġust mingħajr ma jżomm sistema obsoleta u kumplessa ta’ korrezzjonijiet. Madankollu, sabiex tiġi evitata żieda sinifikanti u f’daqqa fil-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri li jkunu bbenefikaw minn korrezzjonijiet, qiegħed jiġi propost tnaqqis ta’ somma f’daqqa fil-kontribuzzjoni tagħhom ibbażata fuq id-Dħul Nazzjonali Gross, li jiġi gradwalment eliminat sal-2025. Il-linja bażi għad-determinazzjoni ta’ dan it-tnaqqis ta’ somma f’daqqa hija t-total tal-korrezzjonijiet konċessi lil dawn l-Istati Membri fl-2020.
6.Jiżdied il-limitu massimu tar-Riżorsi Proprji
Id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji tinkludi wkoll limitu massimu għal talbiet annwali ta’ Riżorsi Proprji. L-intenzjoni ta’ dawn hija li l-Istati Membri jingħataw ċertezza, u jiġu protetti minn “sorpriżi” li jistgħu jolqtu l-ippjanar baġitarju u finanzjarju nazzjonali tagħhom. Bħalissa, dan il-limitu massimu huwa stabbilit fil-livell ta’ “1,20 % tas-somma totali tad-Dħul Nazzjonali Gross tal-Istati Membri kollha”. Meta jseħħ Brexit, il-valura tal-ammont taħt dan il-limitu massimu sejjer awtomatikament jonqos b’bejn wieħed u ieħor 16 % (jiġifieri s-sehem tad-Dħul Nazzjonali Gross tar-Renju Unit). Barra minn dan, huwa importanti li wieħed jinnota li, lil hinn mill-ħtiġijiet ta’ pagamenti taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali, ir-riżorsi baġitarji neċessarji biex jiġu koperti r-responsabbiltajiet finanzjarji marbuta mas-self jew il-faċilitajiet finanzjarji ggarantiti mill-baġit tal-UE jridu jibqgħu taħt dan il-limitu massimu. Hekk kif l-użu ta’ dawn l-istrumenti qiegħed jiżdied, inkluż għall-istrument ta’ possibiltà ta’ stabilizzazzjoni għaż-Żona tal-Euro, dan il-limitu massimu x’aktarx li se jkollu jiġi elevat ’il fuq.
Se jkun hemm bżonn li l-integrazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-baġit tal-UE tkun akkumpanjata minn żieda fil-limiti massimi stabbiliti fid-deċiżjoni tar-Riżorsi Proprji. Huwa neċessarju li jkun hemm marġini suffiċjenti bejn il-pagamenti u l-limitu massimu tar-riżorsi proprji sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni tkun tista’ - f’kull ċirkostanza - twettaq l-obbligi finanzjarji tagħha, anki fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika. Il-Kummissjoni qiegħa tipproponi li żżid il-limiti massimi tar-riżorsi proprji fil-każ ta’ pagamenti u ta’ impenji għal 1,29 % u għal 1,35 % tad-dħul nazzjonali gross tal-UE-27, rispettivament.
Kontribuzzjonijiet addizzjonali li jistgħu jidħlu mir-Renju Unit biex jonora l-obbligi li kellu bħala Stat Membru tal-UE, li jkollhom jitħallsu lil hinn mill-2020, jistgħu jnaqqsu l-ħtiġijiet finanzjarji li jkunu jridu jiġu koperti mir-Riżorsi Proprji, partikolarment fil-bidu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss.
7.Il-pakkett leġiżlattiv dwar ir-Riżorsi Proprji
7.1.Il-qafas ġuridiku
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea introduċa innovazzjonijiet importanti li jippermettu li jsir tibdil sinifikanti, mhux biss fil-każ tal-proċedura baġitarja tal-UE iżda wkoll fil-mod li bih il-baġit tal-UE jiġi ffinanzjat. Hemm żewġ dispożizzjonijiet fit-Trattat li huma ta’ relevanza għall-proposti tal-Kummissjoni:
L-Artikolu 311(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropew jistipula li l-Kunsill “jista' jistabbilixxi kategoriji ġodda ta' riżorsi proprji jew jabolixxi kategorija eżistenti” fil-kuntest ta’ Deċiżjoni dwar Riżorsi Proprji. Din id-dispożizzjoni tippermetti b’mod espliċitu l-ħolqien ta’ Riżorsi Proprji ġodda.
L-Artikolu 311(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropew issa jistipula li “Il-Kunsill, li jaġixxi permezz ta' regolament skond il-proċedura leġislattiva speċjali, għandu jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni safejn dan ikun previst fid-Deċiżjoni [dwar ir-Riżorsi Proprji]”. Din id-dispożizzjoni tintroduċi l-possibbiltà li jiġu stabbiliti miżuri speċifiċi ta’ implimentazzjoni marbuta mas-sistema tar-Riżorsi Proprji f’regolament ta’ implimentazzjoni fil-limiti stabbiliti fid-Deċiżjoni tar-Riżorsi Proprji.
Il-proposti preżenti tal-Kummissjoni jagħmu użu sħiħ minn dawn il-possibbiltajiet billi jinizjalaw il-ħolqien ta’ diversi Riżorsi Proprji ġodda, u billi jipproponu li jiġu inklużi varjetà ta’ dispożizzjonijiet f’regolament ta’ implimentazzjoni taħt l-Artikolu 311(4).
Dan l-approċċ huwa intenzjonat li jġib is-sistema suffiċjentement flessibbli fil-qafas u l-limiti stabbilti bid-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprja billi l-arranġamenti prattiċi kollha għar-riżorsi tal-Unjoni, li jkun tajjeb li jkunu rregolati bi proċedura aktar razzjonalizzata, jinħtieġ li jitqiegħdu f’regolament ta’ implimentazzjoni aktar milli fid-Deċiżjoni nnifisha. Dawn il-proposti jirrifletti l-intenzjonijiet tal-leġiżlatur, kif espressi fil-Konvenzjoni dwar il-ġejjieni tal-Ewropa u approvati mill-konferenza intergovernattiva sussegwenti 17 .
Fejn meħtieġ, l-atti bażiċi u data neċessarji għar-Riżorsi Proprji bbażati fuq it-taxxa jew “ibbażati fuq kontribuzzjonijiet” u l-kalkolazzjoni tagħhom li tirriżulta fi flussi ta’ dħul, diġà jeżistu jew ġew proposti. Dawn kollha huma marbuta mill-qrib ma’ oqsma li għandhom dimensjoni ċara ta’ politika tal-Unjoni bħal ma huma s-Suq Uniku jew il-protezzjoni ambjentali.
7.2.Elementi ċentrali tad-Deċiżjoni tar-Riżorsi Proprji
Id-Deċiżjoni tar-Riżorsi Proprji nnifisha tistabbilixxi: (i) il-kategoriji ta’ Riżorsi Proprji li għandhom jiddaħħlu fil-baġit tal-Unjoni; (ii) ir-rati ta’ prelevazzjoni massimi li għandhom jiġu applikati; (iii) il-limiti massimi tar-Riżorsi Proprji; (iv) il-mekkaniżmu ta’ korrezzjoni (jekk ikunu meqjusa meħtieġa) u kif dawn jiġu ffinanzjati; kif ukoll (v) ċerti prinċipji baġitarji. Id-Deċiżjoni trid ukoll telenka d-dispożizzjonijiet li jistgħu jkunu koperti mill-miżuri ta’ implimentazzjoni. Fl-aħħar nett, id-Deċiżjoni tistipula miżuri tranżatorji.
7.3.Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni
Ir-regolament ta’ implimentazzjoni propost skont l-Artikolu 311(4) TFUE fih dawk l-arranġamenti prattiċi u d-dettalji tekniċi kollha għar-riżorsi tal-Unjoni li jinħtieġ li jkunu rregolati bi proċedura aktar razzjonalizzata, sabiex is-sistema ssir suffiċjentement flessibbli fil-qafas u l-limiti stabbiliti bid-Deċiżjoni tar-Riżorsi Proprji. Ma jinkludix aspetti tas-sistema tar-Riżorsi Proprji li għandhom x’jaqsmu mad-disponibbiltà tar-Riżorsi Proprji u biex jiġu ssodisfati rekwiżiti ta’ flus kontanti (ara t-Taqsima 6.4 aktar 'l isfel).
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandu wkoll jinkludi dispożizzjonijiet ta’ natura ġenerali, applikabbli għat-tipi kollha ta’ Riżorsi Proprja u li għalihom huwa partikolarment importanti li jkun hemm superviżjoni parlamentari xierqa. Dawn ikopru l-aktar kwistjonijiet ta’ kontroll u supervizjoni tad-dħul u s-setgħat relatati tal-ispetturi tal-Kummissjoni.
Għaldaqstant fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jistgħu jinstabu d-dispożizzjonijiet li ġejjin, stabbiliti skont il-lista mfassla fid-Deċiżjoni tar-Riżorsi Proprji:
(1)ir-rati ta’ prelevazzjoni applikabbli għal kull waħda mir-Riżorsi Proprji stabbilita fid-Deċiżjoni. Dan jippermetti flessibbiltà limitata fil-limiti stabbiliti fid-Deċiżjoni tar-Riżorsi Proprji. Mingħajr tali flessibbiltà, l-abbiltà li jsiru aġġustamenti neċessarji u f’waqthom għar-Riżorsi Proprji tkun imfixla bil-proċedura oneruża u twila stipulata għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ Riżorsi Proprji;
(2)id-Dħul Nazzjonali Gross ta’ referenza skont is-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali (ESA) u d-dispożizzjonijiet fil-każ ta’ tibdil sinifikanti għalihom (l-irfinar tal-kejl tad-Dħul Nazzjonali Gross fil-kuntest ta’ reviżjonijiet għas-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali jista’ jkollu impatt fuq il-limti massimi tar-Riżorsi Proprji);
(3)l-aġġustament għall-bilanċ baġitarju annwali. Filwaqt li f’din id-Deċiżjoni huwa stabbilit il-prinċipju ġenerali ta’ riporti tal-bilanċi pożittivi, il-miżuri ta’ implimentazzjoni huma stabbiliti fir-regolament;
(4)id-dispożizzjonijiet rigward il-kontroll u s-superviżjoni, inklużi obbligi supplimentari ta’ rappurtar.
Flimkien mad-Deċiżjoni tar-Riżorsi Proprji, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni jiżgura li kull aġġustament tekniku tas-sistema jkun suġġett mhux biss għal approvazzjoni mill-Istati Membri, iżda wkoll għall-kunsens tal-Parlament Ewropew.
7.4.Ir-Regolament dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni
Lil hinn mill-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmija hawn fuq, ir-rekwiżiti operattivi biex ir-Riżorsi Prorpji jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-baġit tal-UE u l-kontijiet tal-Kummissjoni huma speċifikati f'regolament tal-Kunsill skont l-Artikolu 322(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-pakkett ta’ proposti leġiżlattivi għalhekk jinkludi wkoll Regolament dwar it-Tqegħid għad-Dispożizzjoni addizzjonali b’dispożizzjoniiet ġodda dwar il-metodi għall-kalkolu u t-tqegħid għad-dispożizzjoni tar-Riżorsi Proprja bbażati fuq il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporativa, is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet u l-iskart mhux riċiklat mill-pakketti tal-plastik.
2018/0135 (CNS)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar is-sistema ta’ Riżorsi Proprji tal-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet paragrafu tal-Artikolu 311 tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li ttrażmetta l-abbozz ta’ att leġislattiv lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Waqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
(1)Is-Sistema ta’ Riżorsi Proprji tal-Unjoni trid tkun waħda li tiggarantixxi riżorsi adegwati għall-iżvilupp fl-ordni tal-linji ta’ politika tal-Unjoni, suġġett għall-ħtieġa ta’ dixxiplina baġitarja stretta. L-iżvilupp tas-Sistema tar-Riżorsi Proprji tista’ u jinħtieġ wkoll li tipparteċipa, sal-ogħla grad possibbli, fl-iżvilupp tal-linji ta’ politika tal-Unjoni.
(2)Il-Kunsill Ewropew tas-7 u t-8 ta’ Drar 2013 appella lill-Kunsill biex ikompli bil-ħidma dwar il-proposta tal-Kummissjoni dwar Riżorsa Proprja ġdida bbażata fuq it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud sabiex issir sempliċi u trasparenti kemm jista’ jkun, biex tissaħħaħ ir-rabta mal-politika tal-Unjoni dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u r-rikavati attwali mit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, kif ukoll sabiex jiġi ggarantit trattament indaqs tal-kontribwenti fl-Istati Membri kollha.
(3)F’Ġunju 2017, il-Kummissjoni adottat Dokument ta’ Riflessjoni dwar il-Ġejjini tal-Finanzi tal-UE 18 . Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi firxa ta’ għażliet fejn ir-Riżorsi Proprji jkunu marbuta b’mod aktar viżibbli mal-politiki tal-Unjoni, b’mod partikolari s-Suq Uniku u t-tkabbir sostenibbli. Skont id-dokument, bl-introduzzjoni ta’ Riżorsi Proprji, huwa neċessarju li tingħata attenzjoni għat-trasparenza, is-simpliċità u l-istabbiltà tagħhom, il-konsistenza tagħhom mal-objettivi ta’ politika tal-Unjoni, l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli u t-tqassim ekwu tagħhom fost l-Istati Membri.
(4)It-Trattat ta’ Liżbona daħħal tibdil fid-dispożizzjonijiet marbuta mas-sistema tar-Riżorsi Proprji, li se jippermetti li jitnaqqas l-għadd ta’ riżorsi eżistenti u l-ħolqien ta’ Riżorsi Proprji ġodda.
(5)Is-sistema preżenti li biha tiġi determinata r-Riżorsa bbażata fuq it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud ġiet ikkritikata darba wara l-oħra mill-Qorti tal-Awdituri, il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri bħala kkumplikata żżejjed. Huwa għalhekk xieraq li l-kalkolu ta’ din ir-Riżorsa Proprja jiġi ssimplifikat.
(6)Sabiex l-istrumenti ta’ finanzjament tal-Unjoni jkunu allinjati aħjar mal-prijoritajiet ta’ politika tagħha, sabiex jiġi rifless aħjar ir-rwol tal-baġit għall-funzjonament tas-Suq Uniku, sabiex jiġu sostnuti aħjar l-objettivi tal-politiki tal-Unjoni u sabiex jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri bbażati fuq id-Dħul Nazzjonali Gross għall-baġit annwali tal-Unjoni, huwa neċessarju li jiġu introdotti kategoriji ġodda ta’ Riżorsi Proprji bbażati fuq il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporativa, id-dħul nazzjonali li ġej mis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet kif ukoll kontribuzzjoni nazzjonali kkalkulata fuq il-bażi ta’ skart mhux riċiklat mill-pakketti tal-plastik.
(7)Is-Suq Uniku Ewropew huwa ta’ benefiċċju kbir għall-kumpaniji li joperaw f’aktar minn Stat Membru wieħed. Madankollu, l-eterogeneità tas-sistemi tat-taxxa madwar l-Unjoni toħloq vantaġġ mhux ġust għal kumpaniji li jistgħu jevitaw li jħallsu taxxi korporattivi fejn dawn joħolqu l-valur. Il-proposta tal-Kummissjoni tal-2016 19 għal Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva kif ukoll Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva tindirizza din is-sitwazzjoni inġusta billi tistabbilixxi mill-ġdid kamp ekwu. Jinħtieġ li r-Riżorsa Proprja tkun tikkonsisti fl-applikazzjoni ta’ rata ta’ prelevazzjoni uniformi għas-sehem mill-profitti taxxabbli attribwiti għal kull Stat Membru skont ir-regoli tal-Unjoni tal-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva Jinħtieġ li r-Riżorsa Proprja tapplika biss għall-entitajiet li għalihom ir-regoli tal-Unjoni dwar Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva huma obbligatorji.
(8)L-Unjoni tqisha bħala prijorità l-kisba tal-mira tagħha ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ mill-anqas 40 % bejn l-1990 u l-2030 skont l-impenji fil-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima. Is-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet huwa wieħed mill-istrumenti ewlenin stabbiliti għall-implimentazzjoni ta’ dan l-objettiv u tiġġenera dħul permezz tal-irkant ta’ kwoti ta’ emissjonijiet. Meta jitqiesu n-natura armonizzata tas-Sistema tal-Unjoni għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet kif ukoll l-iffinanzjar ipprovdut mill-Unjoni biex tiġi promossa t-taffija u l-isforzi ta’ adattament fl-Istati Membri, ikun xieraq li tiġi introdotta Riżorsa Proprja għall-baġit tal-UE f’dan il-kuntest. Jinħtieġ li din ir-Riżorsa Proprja tkun ibbażata fuq il-kwoti li jkunu se jiġu rkantati mill-Istati Membri, inkluża l-allokazzjoni tranżitorja b’xejn lis-settur tal-enerġija. Jinħtieġ li, sabiex jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti Stati Membri skont kif stipulat fid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 20 , il-kwoti ridistribwiti għall-iskopijiet tas-solidarjetà, it-tkabbir u l-interkonnessjoni, kif ukoll kwoti ddedikati għall-Fond ta’ Innovazzjoni u l-Fond ta’ Modernizzazzjoni ma jitqisux meta tiġi stabbilita l-kontribuzzjoni tar-Riżorsa Proprja.
(9)F’konformità mal-istrateġija tal-Unjoni dwar il-plastik, il-baġit tal-Unjoni jista’ jikontribwixxi għat-tnaqqis tat-tniġġiż minn skart minn pakketti tal-plastik. Riżorsa Proprja li tkun ibbażata fuq kontribuzzjoni nazzjonali li tkun proporzjonali għall-kwantità ta’ skart minn pakketti tal-plastik li ma jkunx riċiklat f’kull Stat Membru se tipprovdi inċentiv biex jitnaqqas il-konsum ta’ plastik b’użu wieħed, jiġi promoss ir-riċiklar u tingħata spinta lill-ekonomija ċirkolari. Fl-istess ħin, l-Istati Membri se jkunu liberi li jieħdu l-miżuri l-aktar xierqa sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.
(10)Huwa neċessarju li jiġi evitat li Stati Membri li jgawdu minn korrezzjonijiet jsibu quddiehom xi żieda sinifikanti u f’daqqa fil-kontribuzzjonijiet nazzjonali tagħhom. Huwa għalhekk neċessarju li jsiru dispożizzjonijiet għal korrezzjonijiet temporanji favur l-Awstrija, id-Danimarka, il-Ġermanja, in-Netherlands u l-Iżvezja permezz ta’ tnaqqis bħala somma f’daqqa fil-kontribuzzjonijiet tagħhom ibbażati fuq id-Dħul Nazzjonali Gross matul perjodu ta’ tranżazzjoni. Jinħtieġ li dawn il-korrezzjonijiet ikunu eliminati gradwalment sa tmiem l-2025.
(11)Iż-żamma, bħala kosti ta’ ġbir, ta’ 20 % tal-ammonti miġbura mill-Istati Membri għal Riżorsi Proprji tradizzjonali tikkonstitwixxi sehem għoli ta’ Riżorsi Proprji li ma jkunux imqiegħda bħala disponibbli għall-Baġit tal-Unjoni. Jinħtieġ li l-kosti ta’ ġbir miżmuma mill-Istati Membri mir-Riżorsi Proprji tradizzjonali jinġiebu lura minn 20 % għal-livell oriġinali ta’ 10 % sabiex is-sostenn finanzjarju għal tagħmir tad-dwana, persunal u informazzjoni jiġi allineat aħjar mal-kosti u l-ħtiġijiet attwali.
(12)Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 311 tat-Trattat tal-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea l-Kunsill għandu jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għas-sistema tal-Unjoni tar-Riżorsi Proprji. Jinħtieġ li tali miżuri jinkludu dispożizzjonijiet ta’ natura ġenerali u teknika, applikabbli għat-tipi kollha ta’ Riżorsi Proprja u li għalihom huwa partikolarment importanti li jkun hemm superviżjoni parlamentari xierqa. Jinħtieġ li dawk il-miżuri jinkludu regoli dettaljati biex jiġu stabbiliti l-ammonti tar-Riżorsi Proprji, li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2(1), li għandhom isiru disponibbli, inklużi r-rati ta’ prelevazzjoni applikabbli għar-Riżorsi Proprji li ssir referenza għalihom fil-punti minn (b) sa (e) tal-Artikolu 2(1), il-kwistjonijiet tekniċi marbuta mad-Dħul Nazzjonali Gross, id-dispożizzjonijiet u l-arranġamenti neċessarji għall-ikkontrollar u s-superviżjoni tal-ġbir tar-Riżorsi Proprji, inklużi regoli dwar l-ispezzjonijiet u dwar il-poteri ta’ uffiċjali u ta’ assistenti oħra awtorizzati mill-Kummissjoni sabiex iwettqu spezzjonijiet u kull obbligu ta’ rappurtar relevanti.
(13)Se jkun hemm bżonn li l-integrazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-baġit tal-UE tkun akkumpanjata minn żieda fil-limiti massimi stabbiliti fid-deċiżjoni tar-Riżorsi Proprji. Huwa neċessarju li jkun hemm marġini suffiċjenti bejn il-pagamenti u l-limitu massimu tar-riżorsi proprji sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni tkun tista’ - f’kull ċirkostanza - twettaq l-obbligi finanzjarji tagħha, anki fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika. Jinħtieġ għalhekk li l-limitu massimu tar-Riżorsi Proprji jiżdied għal-livell ta’ 1,29 % tas-somma tad-Dħul Nazzjonali Gross tal-Istati Membri fi prezzijiet tas-suq għal approprjazzjonijiet ta’ pagament u ta’ 1,35 % għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn.
(14)Minħabba raġunijiet ta’ koerenza, kontinwita u ċ-ċertezza tad-dritt, huwa neċessarju li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet sabiex tiġi żgurata tranżazzjoni bla skossi mis-sistema li ddaħħlet bid-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, għal dak kif stipulata f’din id-Deċiżjoni.
(15)Jinħtieġ li għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-ammonti monetarji kollha jiġu espressi f’euro.
(16)Sabiex tiġi żgurata t-tranżizzjoni lejn sistema riveduta tar-Riżorsi Proprji u sabiex tkun tikkoinċidi mas-sena finanzjarja, jinħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021. Jinħtieġ li d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw il-kontribuzzjoni bbażata fuq il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva ma jkunux, madankollu, suġġetti għal applikazzjoni retroattiva u jenħtieġ li jkunu diferiti meta jitqies li r-regoli tal-Unjoni dwar il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva għadhom ma humiex adottati.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli dwar l-allokazzjoni ta’ Riżorsi Proprji lill-Unjoni sabiex jiġi ggarantit l-iffinanzjar tal-baġit annwali tal-Unjoni.
Artikolu 2
Kategoriji ta’ Riżorsi Proprji
1.Id-dħul minn dawn li ġejjin għandu jikkostitwixxi Riżorsi Proprji mdaħħla fil-baġit tal-Unjoni:
(a)Riżorsi Proprji tradizzjonali li jikkonsistu minn imposti, premjums, ammonti addizzjonali jew kumpensatorji, ammonti jew fatturi addizjonali, dazji tat-Tariffa Doganali Komuni u dazji oħra stabbiliti, jew li għandhom jiġu stabbiliti, mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għar-rigward tal-kummerċ ma’ pajjiżi terzi, dazji doganali fuq prodotti taħt it-Trattat skadut li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar, kif ukoll kontribuzzjonijiet u dazji oħra stipulati fil-qafas tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq fiz-zokkor;
(b)l-applikazzjoni ta’ rata ta’ prelevazzjoni uniformi għal sehem mir-rikavati mit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud miġbura mill-provvisti taxxabbli kklassifikati standard, diviżi bir-rata standard tat-Taxxa nazzjonali fuq il-Valur Miżjud; ir-rata ta’ prelevazzjoni attwali ma għandhiex teċċedi 2 %;
(c)l-applikazjoni ta’ rata ta’ prelevazzjoni uniformi għas-sehem mill-profotti taxxabbli attribwiti għal kull Stat Membru skont ir-regoli tal-Unjoni tal-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva; ir-rata ta’ prelevazzjoni attwali ma għandhiex teċċedi 6 %;
(d)L-applikazzjoni ta’ rata ta’ prelevazzjoni uniformi għall-ammont li jirrappreżenta d-dħul iġġenerat mill-kwoti li għandhom jiġu rkantati li ssir referenza għalih fl-Artikolu 10(2)(a) tad-Direttiva 2003/87/KE u l-valur fis-suq ta’ kwoti tranżitorji b’xejn għall-immodernizzazzjoni tas-settur tal-enerġija kif determinat fl-Artikolu 10c(3) ta’ dik id-Direttiva. ir-rata ta’ prelevazzjoni attwali ma għandhiex teċċedi 30 %.
(e)l-applikazzjoni ta’ rata ta’ prelevazzjoni uniformi għall-piż tal-iskart mhux riċiklat minn pakketti tal-plastik; ir-rata ta’ prelevazzjoni attwali ma għandhiex teċċedi EUR 1,00 kull kilogramm;
(f)l-applikazzjoni ta’ rata ta’ prelevazzjoni uniformi, li għandha tiġi ddeterminata skont il-proċedura baġitarja fid-dawl tat-total tad-dħul l-ieħor kollu, għas-somma tad-Dħul Nazzjonali Gross tal-Istati Membri kollha.
Għall-finijiet tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, ir-rata ta’ prelevazzjoni uniformi għandha tapplika biss għall-profitti tal-kontribwenti li għalihom huma obbligatorji r-regoli tal-Unjoni dwar il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva.
Għall-finijiet tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu, ir-rata ta’ prelevazzjoni uniformi għandha tapplika għad-Dħul Nazzjonali Gross ta’ kull Stat Membru.
L-Awstrija għandha tibbenefika minn tnaqqis gross fil-kontribuzzjoni annwali tagħha bbażata fuq id-Dħul Nazzjonali Gross ta’ EUR 110 miljun fl-2021, EUR 88 miljun fl-2022, EUR 66 miljun fl-2023, EUR 44 miljun fl-2024, u EUR 22 miljun fl-2025. Id-Danimarka għandha tibbenefika minn tnaqqis gross fil-kontribuzzjoni annwali tagħha bbażata fuq id-Dħul Nazzjonali Gross ta’ EUR 118-il miljun fl-2021, EUR 94 miljun fl-2022, EUR 71 miljun fl-2023, EUR 47 miljun fl-2024, u EUR 24 miljun fl-2025. Il-Ġermanja għandha tibbenefika minn tnaqqis gross fil-kontribuzzjoni annwali tagħha bbażata fuq id-Dħul Nazzjonali Gross ta’ EUR 2 799 miljun fl-2021, EUR 2 239 miljun fl-2022, EUR 1 679 miljun fl-2023, EUR 1 119-il miljun fl-2024, u EUR 560 miljun fl-2025. In-Netherlands għandhom jibbenefikaw minn tnaqqis gross fil-kontribuzzjoni annwali tagħhom ibbażata fuq id-Dħul Nazzjonali Gross ta’ EUR 1 259 miljun fl-2021, EUR 1 007 miljun fl-2022, EUR 755 miljun fl-2023, EUR 503 miljun fl-2024, u EUR 252 miljun fl-2025. L-Iżvezja għandha tibbenefika minn tnaqqis gross fil-kontribuzzjoni annwali tagħha bbażata fuq id-Dħul Nazzjonali Gross ta’ EUR 578 miljun fl-2021, EUR 462 miljun fl-2022, EUR 347 miljun fl-2023, EUR 231 miljun fl-2024, u EUR 116-il miljun fl-2025. Dawn l-ammonti għandhom jitkejlu skont prezzijiet tal-2018 u jiġu aġġustati bl-applikazzjoni tad-deflatur l-aktar reċenti tal-Prodotti Domestiku Gross għall-Unjoni, espress f’euro, kif ipprovdut mill-Kummissjoni, li jkun disponibbli meta jitfassal l-abbozz tal-baġit. Dan it-tnaqqis gross għandu jiġi ffinanzjat mill-Istati Membri kollha.
2.Id-dħul li ġej minn kull tariffa ġdida li tiddaħħal fil-qafas ta’ politika komuni, skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, sakemm tiġi segwita l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 311 ta’ dak it-Trattat, għandu wkoll jikkostitwixxi Riżorsi Proprji li jiddaħħlu fil-baġit tal-Unjoni.
3.Jekk, fil-bidu ta’ sena finanzjarja, il-baġit ma jkunx adottat, ir-rati preċedenti ta’ prelevazzjoni tad-Dħul Nazzjonali Gross għandhom jibqgħu japplikaw sakemm jidħlu fis-seħħ rati ġodda.
Artikolu 3
Limiti massimu tar-Riżorsi Proprji
1.L-ammont totali tar-Riżorsi Prorpji allokat għall-Unjoni sabiex jiġu koperti l-approprjazzjonijiet annwali ta’ pagament ma għandhomx jeċċedu 1,29 % tas-somma tad-Dħul Nazzjonali Gross tal-Istati Membri kollha.
2.L-ammont totali annwali għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn li jiddaħħlu fil-baġit tal-Unjoni ma għandhomx jeċċedu 1,35 % tas-somma tad-Dħul Nazzjonali Gross tal-Istati Membri kollha.
3.Għandu jinżamm proporzjon bl-ordni bejn l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u l-approprjazzjonijiet ta’ pagament sabiex tiġi ggarantita l-kumpatibbiltà tagħhom u sabiex il-limitu massimu stabbilit fil-paragrafu 1 ikun jista’ jinżamm fis-snin ta’ wara.
Artikolu 4
Prinċipju ta’ universalità
Id-dħul li ssir referenza għalih fl-Artikolu 2 għandu jintuża mingħajr distinzjoni biex jiġi ffinanzjat kull infieq li jiddaħħal fil-baġit annwali tal-Unjoni.
Artikolu 5
Riporti tal-bilanċi pożittivi
Kull bilanċ pożittiv fid-dħul tal-Unjoni fuq in-nefqa totali attwali matul sena finanzjarja għandu jiġi riporat għas-sena finanzjarja ta’ wara.
Artikolu 6
Il-ġbir ta’ Riżorsi Proprja u d-disponibbiltà tagħhom għall-Kummissjoni
1.Ir-Riżorsi Proprji tal-Unjoni li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2(1)(a) għandhom jinġabru mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali imposti bil-liġi, b’xi regolament jew azzjoni amministrattiva. L-Istati Membri għandhom, fejn ikun xieraq, jadattaw dawk id-dispożizzjonijiet sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tar-regoli tal-Unjoni.
Il-Kummissjoni għandha teżamina d-dispożizzjonijiet nazzjonali relevanti kkomunikati lilha mill-Istati Membri, tittrażmetti lill-Istati Membri l-aġġustamenti li tqis neċessarji sabiex tiżgura li huma jkunu konformi mar-regoli tal-Unjoni u, jekk ikun hemm bżonn, tħejji rapport lill-awtorita baġitarja.
2.L-Istati Membri għandhom iżommu, bħala kosti tal-ġbir, 10 % tal-ammonti li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2(1)(a).
3.L-Istati Membri għandhom jagħmlu r-riżorsi li jsir provvediment għalihom fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-Deċiżjoni, disponibbli lill-Kummissjoni, skont ir-regolamenti adottati skont l-Artikolu 322(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 7
Implimentazzjoni tal-miżuri
Il-Kunsill għandu, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 311 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għar-rigward tal-elementi li ġejjin tas-sistema tar-Riżorsi Proprji:
(a)regoli biex jiġu stabbiliti l-ammonti tar-Riżorsi Proprji li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2(1) li għandhom jiġu magħmula disponibbli, inklużi r-rati ta’ prelevazzjoni applikabbli għar-Riżorsi Proprji li ssir referenza għalihom fil-punti minn (b) sa (e) tal-Artikolu 2(1), fil-limiti stabbiliti f’dawk il-punti, kif ukoll il-kalkolu tar-rata applikabbli tar-Riżorsa Proprja fuq il-bażi tad-Dħul Nazzjonali Gross li ssir referenza għaliha fl-Artikolu 2(1)(f);
(b)id-dispożizzjonijiet u l-arranġamenti neċessarji għall-kontroll u s-superviżjoni tal-ġbir tad-dħul li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2(1), inklużi r-regoli dwar spezzjonijiet u dwar il-poteri ta’ uffiċjali u assistenti oħra awtorizzati mill-Kummissjoni biex jagħmlu spezzjonijiet u kull obbligu relevanti ta’ rappurtar;
(c)id-Dħul Nazzjonali Gross ta’ referenza, id-dispożizzjonijiet għall-aġġustament tad-Dħul Nazzjonali Gross u d-dispożizzjonijiet għall-kalkolu mill-ġdid tal-limiti massimi ta’ pagamenti u impenji fil-każ ta’ tibdil sinifikanti għad-Dħul Nazzjonali Gross, għall-iskopijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(1)(f) u l-Artikolu 3;
(d)il-proċedura għall-kalkolu u l-ibbaġitjar tal-bilanċ baġitarju annwali kif stabbilit fl-Artikolu 5.
Artikolu 8
Dispożizzjonijiet finali u ta' tranżizzjoni
1.Suġġett għall-paragrafu 2, id-Deċiżjoni 2014/335/UE Euratom, hija mħassra. Kull referenza għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 70/243/KEFA, KEE, Euratom 21 , għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 85/257/KEE, Euratom 22 , għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 88/376/KEE, Euratom 23 , għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/728/KE, Euratom 24 , għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/597/KE, Euratom 25 , għad-Deċiżjon tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom 26 jew għad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom 27 għandhom jittieħdu bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni kif tidher fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.
2.L-Artikoli 2, 4 u 5 tad-Deċiżjoni 94/728/KE, Euratom, l-Artikoli 2, 4 u 5 tad-Deċiżjoni 2000/597/KE, Euratom, l-Artikoli 2, 4 u 5 tad-Deċiżjoni 2007/436/KE, Euratom u l-Artikoli 2, 4 u 5 tad-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom għandhom jibqgħu japplikaw għall-kalkolu u l-aġġustament tad-dħul li ġej mill-applikazzjoni ta’ rata ta’ prelevazzjoni għall-bażi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud determinata b’mod uniformi u limitati bejn 50 % u 55 % tal-PNG jew id-DNG ta’ kull Stat Membru, skont is-sena relevanti, għall-kakolu tal-korrezzjoni tal-iżbilanċi baġitarji konċessa lir-Renju Unit fis-snin 1995 sa 2020 u għall-iffinanzjar tal-korrezzjonijiet mogħtija lir-Renju Unit minn Stati Membri oħra.
3.L-Istati Membri għandhom jibqgħu jżommu, bħala kosti tal-ġbir, 10 % tal-ammonti li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2(1)(a) li kellhom ikunu magħmula disponibbli mill-Istati Membri qabel it-28 ta’ Frar 2001 skont ir-regoli tal-Unjoni applikabbli.
4.L-Istati Membri għandhom jibqgħu jżommu, bħala kosti tal-ġbir, 25 % tal-ammonti li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2(1)(a) li kellhom ikunu magħmula disponibbli mill-Istati Membri bejn l-1 ta’ Marzu 2001 u t-28 ta’ Frar 2014 skont ir-regoli tal-Unjoni applikabbli.
5.L-Istati Membri għandhom jibqgħu jżommu, bħala kosti tal-ġbir, 20 % tal-ammonti li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 2(1)(a) li kellhom ikunu magħmula disponibbli mill-Istati Membri bejn l-1 ta’ Marzu 2014 u t-28 ta’ Frar 2021 skont ir-regoli tal-Unjoni applikabbli.
6.Għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-ammonti monetarji kollha għandhom jiġu espressi f’euro.
Artikoli 9
Dħul fis-seħħ
L-Istati Membri għandhom jiġu nnotifikati b’din id-Deċiżjoni mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill.
Mingħajr telf ta’ żmien, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill meta jitlestew il-proċeduri għall-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali rispetivi tagħhom.
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara li tkun waslet l-aħħar waħda fost in-notifiki li ssir referenza għalihom fit-tieni paragrafu.
Hija għandha tibda tapplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Madankollu, l-Artikolu 2(1)(c) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar tat-tieni sena wara d-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponi d-Direttiva tal-Kunsill dwar il-Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva.
Artikoli 10
Pubblikazzjoni
Din id-Deċijoni għandha tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell,2.5.2018
COM(2018) 325 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill
dwar is-sistema tar-Riżorsi Proprji tal-Unjoni Ewropea
{SWD(2018) 172 final}
ANNESS
TABELLA TA’ KORRELAZZJONI
|
Id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom |
Din id-Deċiżjoni |
|
Artikolu 1 |
Artikolu 1 |
|
Artikolu 2(1)(a) |
Artikolu 2(1)(a) |
|
Artikolu 2(1)(b) |
Artikolu 2(1)(b) |
|
Artikolu 2(1)(c) |
Artikolu 2(1)(f) |
|
------- |
Artikolu 2(1)(d) |
|
------- |
Artikolu 2(1)(e) |
|
------- |
Artikolu 2(1)(c) |
|
Artikolu 2(2) |
Artikolu 2(2) |
|
Artikolu 2(3) |
Artikolu 6(2) |
|
Artikolu 2(4) |
------- |
|
Artikolu 2(5) |
------- |
|
Artikolu 2(6) |
Artikolu 2(3) |
|
Artikolu 2(7) |
------- |
|
Artikolu 3(1) |
Artikolu 3(1) |
|
Artikolu 3(2) |
Artikolu 3(2) |
|
Artikolu 3(2) it-tieni paragrafu |
Artikolu 3(3) |
|
Artikolu 3(3) |
------- |
|
Artikolu 3(4) |
------- |
|
Artikolu 4 |
------- |
|
Artikolu 5 |
------- |
|
Artikolu 6 |
Artikolu 4 |
|
Artikolu 7 |
Artikolu 5 |
|
Artikolu 8(1) |
Artikolu 6(1) |
|
Artikolu 8(2) |
Artikolu 6(3) |
|
Artikolu 9 |
Artikolu 7 |
|
Artikolu 10(1) |
Artikolu 8(1) |
|
Artikolu 10(2) |
Artikolu 8(2) |
|
Artikolu 10(3) |
Artikolu 8(3) |
|
Artikolu 10(3) it-tieni sentenza |
Artikolu 8(4) |
|
------- |
Artikolu 8(5) |
|
Artikolu 10(4) |
Artikolu 8(6) |
|
Artikolu 11 |
Artikolu 9 |
|
Artikolu 12 |
Artikolu 10 |