IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.5.2018
COM(2018) 322 final
2018/0132(APP)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.5.2018
COM(2018) 322 final
2018/0132(APP)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
L-Artikolu 312 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (‘it-Trattat’) jistipula li Regolament tal-Kunsill adottat unanimament għandu jistabbilixxi Qafas Finanzjarju Pluriennali. Huwa għandu jistabbilixxi l-ammonti tal-limiti massimi annwali ta’ approprjazzjonijiet għal impenji skond il-kategorija ta’ l-infiq u tal-limitu massimu annwali ta’ approprjazzjonijiet għall-pagamenti u jistabbilixxi kwalunkwe dispożizzjoni oħra meħtieġa għat-tħaddim tajjeb tal-proċedura annwali tal-baġit.
L-ewwel qafas finanzjarju pluriennali (dak iż-żmien imsejjaħ il-perspettivi finanzjarji) ġie adottat 30 sena ilu flimkien ma’ dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni interistituzzjonali u d-dixxiplina baġitajra 1 . Dan il-qafas u oħrajn sussegwenti ppermettew it-titjib u l-iffaċilitar tal-proċedura baġitarja annwali u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet filwaqt li, fl-istess ħin, żiedu d-dixxiplina baġitarja u l-prevedibbiltà tal-finanzjament għall-programmi u l-investimenti pluriennali.
Billi naqqax il-qafas finanzjarju pluriennali fil-liġi primarja tal-Unjoni, it-Trattat irrikonoxxa l-importanza tiegħu bħala pedament tal-arkitettura baġitarja tal-Unjoni Ewropea.
Ir-regolament attwali tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2014 sal-2020 ġie adottat fit-2 ta’ Diċembru 2013 2 . Fl-istess data, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni approvaw il-Ftehim Interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 3 . Ir-Regolament tal-QFP ġie rivedut fl-2015 4 skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tiegħu sabiex jindirizza l-ipprogrammar tard tal-fondi b’ġestjoni kondiviża u, għal darba oħra, fl-20 ta’ Ġunju 2017 5 , wara r-rieżami ta’ nofs it-terminu tiegħu.
Dan il-memorandum ta’ spjegazzjoni jiffoka fuq elementi li huma ġodda jew li l-Kummissjoni tipproponi li temenda meta mqabbla mar-Regolament tal-QFP preżenti, kemm għall-proposta għal Regolament li jistabbilixxi l-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2021 sal-2027 (“ir-Regolament tal-QFP”) kif ukoll għall-abbozz tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-kooperazzjoni f’materji baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba 6 (“l-abbozz tal-FII”).
Dawn il-proposti jistipulaw data ta’ applikazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2021 u huma ppreżentati għal Unjoni ta’ 27 Stat Membru, f’konformità man-notifika tar-Renju Unit dwar l-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea u mill-Euratom fuq il-bażi tal-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, riċevuta mill-Kunsill Ewropew fid-29 ta’ Marzu 2017.
2.Baġit ġdid u modern
2.1.Linji gwida politiċi ewlenin
Il-proposta għar-Regolament tal-QFP u l-abbozz tal-FII jsegwu l-prinċipji u l-objettivi politiċi ewlenin ippreżentati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Baġit modern għal Unjoni li tipproteġi, tagħti s-setgħa u tiddefendi: Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2021-2027” adottat fit-2 ta’ Mejju 2018 7 (il-“Komunikazzjoni dwar il-QFP”), b’mod partikolari fir-rigward tat-tul tiegħu, l-istruttura tiegħu li tirrifletti l-prijoritajiet politiċi, il-ħtieġa għal flessibbiltà akbar, u l-ammonti previsti għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali nnifsu.
2.2.L-istruttura tal-QFP u l-livelli massimi tiegħu
L-istruttura tal-“intestaturi” tal-infiq tal-QFP tirrifletti l-proposta għal baġit aktar razzjonalizzat u trasparenti, iffukat fuq prijoritajiet ċari ta’ politika. Id-dettalji tal-istruttura u l-politiki koperti taħt kull intestatura huma deskritti fil-Komunikazzjoni tal-QFP.
L-QFP huwa strutturat b’seba’ intestaturi bi tliet sottolimiti massimi subordinati: dwar il-“Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” fl-intestatura II, dwar l-“Infiq relatat mas-suq u l-pagamenti diretti” fl-intestatura III u n-“Nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet” fl-intestatura VII (ara t-tabella fl-Anness ta’ dan ir-Regolament).
Sabiex tappoġġa l-prijoritajiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-EU 27, u tieħu kont tal-integrazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-baġit tal-Unjoni, il-Kummissjoni qed tipproponi għall-QFP 2021-2027 limitu massimu għall-impenji ta’ EUR 1 134,6 biljun fi prezzijiet kostanti tal-2018 ekwivalenti għal 1,11 % tal-ING tal-UE u limitu massimu għall-pagamenti korrispondenti ta’ EUR 1 104,8 biljun fi prezzijiet kostanti tal-2018 ekwivalenti għal 1,08 % tal-ING tal-UE.
Flimkien ma’ din il-proposta, il-Kummissjoni qed tipproponi pakkett leġiżlattiv għar-riforma tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, inkluża proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea 8 , inkluża żieda fil-limiti massimi għas-sejħiet annwali għar-riżorsi proprji għall-pagamenti għal 1,29 % tal-ING, u 1,35 % tal-ING f’impenji. Din iż-żieda tirrifletti l-ħtiġijiet ogħla ta’ pagamenti għall-integrazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-baġit u l-iffinanzjar ta’ prijoritajiet ġodda filwaqt li tipprovdi marġni ta’ sikurezza suffiċjenti sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni tkun tista’ – f’kull ċirkostanza –twettaq l-obbligi finanzjarji tagħha.
2.3.Flessibbiltà
Filwaqt li huwa mmirat sabiex jiżgura d-dixxiplina baġitarja, il-qafas finanzjarju jrid, fl-istess waqt, jipprovdi għal livelli adegwati ta’ flessibbiltà sabiex ikun jista’ jkun hemm allokazzjoni effettiva tar-riżorsi u rispons rapidu tal-Unjoni għal ċirkostanzi mhux previsti u għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.
Fl-ewwel snin tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2014-2020, l-Unjoni kienet ikkonfrontata bi sfidi mhux previsti ta’ skala li qatt ma kienet dehret qabel b’riżultat ta’ instabbiltà fil-viċinat tagħha li wasslet għal theddid għas-sigurtà u ċaqliq migratorju massiv. Sabiex timmobbilizza mezzi finanzjarji addizzjonali għal miżuri li jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-isfidi msemmija hawn fuq, il-flessibbiltà tal-QFP ġiet użata estensivament, b’mod partikolari permezz tal-mobbilizzazzjoni ta’ strumenti speċjali stabbiliti bħala parti mir-Regolament tal-QFP. Dan ippermetta lill-Unjoni tieħu azzjoni deċiżiva, iżda ttestja l-limiti tal-flessibbiltà tal-baġit.
Għaldaqstant, il-funzjonament tas-‘sett ta’ għodod’ tal-flessibbiltà ġie eżaminat fid-dettall fil-kuntest tar-rieżami / reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-QFP tal-2014-2020 9 fl-2016 u ġie introdott titjib addizzjonali fir-reviżjoni tal-2017 tar-Regolament tal-QFP.
Numru ta’ parametri, bħat-tul tal-perjodu kopert mill-qafas finanzjarju, in-numru u t-tfassil tal-intestaturi tal-infiq, is-sehem tal-infiq tal-UE preallokat lill-Istati Membri u lir-reġjuni jew predeterminat minn “ammonti ta’ referenza” f’leġiżlazzjoni kodeċiża, il-marġni disponibbli f’kull intestatura tal-infiq, u l-marġni li jibqa’ bejn il-limiti massimi tal-qafas finanzjarju u l-limitu massimu tar-riżorsi proprji għandhom impatt fuq il-grad tal-flessibbiltà jew ir-riġidità ta’ qafas finanzjarju. Meta elaborat il-proposti tagħha għall-qafas finanzjarju li jmiss, il-Kummissjoni qieset dawn l-elementi.
Għar-raġunijiet stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-QFP, il-flessibbiltà baġitarja se tkun, aktar minn qatt qabel, prinċipju essenzjali li fuqu jinbena l-Qafas Finanzjarju Pluriennali. Filwaqt li jibni fuq id-dispożizzjonijiet diġà inklużi fl-QFP 2014-2020, l-enfażi għall-futur jenħtieġ li jkun fuq l-ikkonsolidar, it-tisħiħ u s-simplifikazzjoni tal-mekkaniżmi tal-flessibbiltà, sabiex jinħoloq qafas aktar aġli, filwaqt li tiġi mħarsa l-istabbiltà tal-offerti tal-qafas pluriennali.
Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi li d-dispożizzjonijiet tal-flessibbiltà li ġejjin jiġu inklużi fir-Regolament tal-QFP u fl-abbozz tal-FII:
1.L-immassimizzar tal-użu tal-limiti massimi tal-infiq permezz ta’ flessibbiltà speċifika u massima bejn l-intestaturi u s-snin: minbarra li żżomm livell suffiċjenti ta’ marġni mhux allokati, il-Kummissjoni tipproponi li tisfrutta b’mod sħiħ il-mekkaniżmi tal-Marġni Globali għall-Pagamenti introdott fil-qafas preżenti. Bħala novità, qed tipproponi li twessa’ d-daqs u l-ambitu tal-Marġni Globali għall-Impenji eżistenti sabiex tistabbilixxi Riżerva tal-Unjoni ffinanzjata mill-marġni li jkunu għadhom disponibbli taħt il-limiti massimi għall-impenji għas-sena finanzjarja preċedenti kif ukoll permezz ta’ fondi li jkunu ġew impenjati għall-baġit tal-UE iżda li fl-aħħar mill-aħħar ma jkunux intefqu fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-UE u li jkunu ġew diżimpenjati. Minbarra dan, il-Marġni tal-Kontinġenza jrid jinżamm bħala strument tal-aħħar għażla.
2.Huwa propost li l-possibbiltà ta’ devjazzjoni mill-ammonti indikattivi fil-programmi adottati bil-proċedura leġiżlattiva ordinarja tiżdied minn 10 % għal 15 % sabiex tiżdied il-flessibbiltà fl-intestaturi.
3.Fir-rigward tal-istrumenti speċjali li jippermettu li jiddaħħlu approprjazzjonijiet fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi stabbiliti fl-QFP, jenħtieġ li jiġi ċċarat li dan japplika kemm għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn kif ukoll għal dawk ta’ pagament mobbilizzati. Barra minn hekk:
(a)l-ambitu ta’ strumenti speċjali bħall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u r-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza huwa rivedut, u fejn xieraq huwa estiż (pereżempju, sabiex tkun possibbli l-attivazzjoni tar-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza għal emerġenzi fl-Unjoni), flimkien ma’ proċeduri ta’ mobbilizzazzjoni razzjonalizzati.
(b)huwa propost li d-daqs tal-ammonti massimi disponibbli kull sena għall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, ir-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza, u l-Istrument ta’ Flessibbiltà jiżdied. Fl-aħħar nett, l-Istrument ta’ Flessibbiltà jenħtieġ li jitħalla juża l-porzjon mhux użat tal-ammonti annwali tar-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza, billi bħalissa dan huwa diġà l-każ għall-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea u għall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni.
2.4.Aġġustament, rieżami u reviżjoni tal-QFP
Il-qafas finanzjarju 2021-2027 huwa ppreżentat fi prezzijiet tal-2018. Il-proċedura għall-aġġustament tekniku tiegħu qed tinżamm, flimkien mad-deflatur ta’ 2 %. L-aġġustament tekniku annwali jinkludi wkoll il-kalkoli tal-ammonti li jirrigwardaw il-marġni globali għall-pagamenti, il-marġni globali għall-impenji (ir-riżerva tal-Unjoni), l-Istrument ta’ Flessibbiltà u l-Marġni ta’ Kontinġenza, f’konformità mad-dispożizzjonijiet dwar l-ammonti massimi annwali u t-trasferimenti tal-ammonti mhux użati li jkunu ġejjin mis-snin preċedenti stipulati fir-Regolament. Ir-riżultati tal-aġġustamenti jenħtieġ li jiġu kkomunikati lill-awtorità baġitarja qabel il-proċedura baġitarja għas-sena N+1.
L-aġġustamenti għal-limiti massimi tal-QFP jistgħu wkoll ikunu dovuti għal ċirkostanzi oħra. Dan huwa l-każ, pereżempju, sabiex ikun permess “ibbaġittjar mill-ġdid” tal-impenji fil-każ ta’ adozzjoni tard ta’ regoli ġodda għal programmi b’ġestjoni kondiviża, jew sabiex jiġu adattati pakketti ta’ politika ta’ koeżjoni għall-aktar statistika riċenti fir-rigward tal-metodu tal-allokazzjoni. Dan huwa wkoll il-każ sabiex ikun possibbli l-ibbaġittjar mill-ġdid tal-approprjazzjonijiet bħala konsegwenza tat-tneħħija tal-miżuri ta’ sospensjoni li setgħu ġew deċiżi skont atti bażiċi speċifiċi li jorbtu l-effikaċja tal-fondi mal-governanza ekonomika tajba jew mal-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni fil-każ ta’ defiċjenzi ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri.
Jidher xieraq li jinżammu d-dispożizzjonijiet li jispeċifikaw il-każijiet li għalihom reviżjoni tal-QFP jenħtieġ li tkun prevista (reviżjoni tat-Trattati b’implikazzjonijiet baġitarji, tkabbir tal-Unjoni, ir-riunifikazzjoni ta’ Ċipru).
Rieżami ta’ nofs it-terminu tal-QFP huwa previst sa tmiem l-2023. Dan ir-rieżami jista’, jekk ikun xieraq, ikun akkumpanjat minn proposti rilevanti għar-reviżjoni tar-Regolament.
3. Elementi ġuridiċi tal-proposta
3.1.Ir-Regolament tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali
Skont ir-Regolament 1311/2013 attwali, id-dispożizzjonijiet tal-abbozz tar-Regolament tal-QFP huma strutturati f’Kapitoli. L-ordni ta’ xi wħud mid-dispożizzjonijiet inbidlet sabiex tiġi razzjonalizzata l-preżentazzjoni.
Kapitolu 1 – Dispożizzjonijiet Ġenerali
Artikolu 1 – Qafas Finanzjarju Pluriennali
It-test tal-Artikolu 1 jispeċifika t-tul tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li huwa stabbilit għal seba’ snin (mill-2021 sal-2027) għar-raġunijiet ippreżentati fil-Komunikazzjoni tal-QFP.
Artikolu 2 – Konformità mal-limiti massimi tal-QFP
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 jirreferi għall-Anness li fih it-tabella tal-limiti massimi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, u jistabbilixxi obbligu għall-istituzzjonijiet sabiex jirrispettaw il-limiti massimi matul il-proċedura baġitarja f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat.
Huwa jistipula wkoll l-aġġustament tas-sottolimitu għall-infiq relatat mas-suq u l-pagamenti diretti f’konformità mal-applikazzjoni tal-flessibbiltà bejn iż-żewġ pilastri tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) kif stabbilita fil-leġiżlazzjoni tal-PAK.
It-tieni paragrafu jintroduċi l-istrumenti speċjali li huma ddefiniti ulterjorment fil-Kapitolu 3 tal-abbozz tar-Regolament (l-Artikoli minn 9 sa 14), bil-prinċipju li dawn l-istrumenti ma jiġux inklużi fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali u li l-finanzjament tagħhom f’ċirkostanzi speċifiċi jiġi pprovdut lil hinn mil-limiti massimi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, kemm għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn, kif ukoll għal dawk ta’ pagament li jikkorrispondu magħhom. Sabiex jinżamm il-livell attwali ta’ flessibbiltà u r-rwoli tal-istituzzjonijiet fil-mobbilizzazzjoni ta’ dawn l-istrumenti, il-proċeduri applikabbli għall-mobbilizzazzjoni ta’ dawn l-istrumenti huma inklużi fl-abbozz tal-FII.
It-tielet paragrafu jirriproduċi t-test tal-Artikolu 3(3) attwali, u jallinjah mad-definizzjoni tal-Assistenza finanzjarja għall-Istati Membri stabbilita fit-Titolu X tar-Regolament Finanzjarju 10 . Dan jinkludi kull self lill-Istati Membri li jista’ jiġi pprovdut skont il-Faċilità tal-Bilanċ tal-Pagamenti (“Balance of Payments Facility - BoP”) 11 u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (“EFSM”) 12 , kif ukoll il-Funzjoni Ewropea tal-Istabbilizzazzjoni tal-Investiment il-ġdida li tipprovdi self lill-Istati Membri li jkunu qed jesperjenzaw xokk asimetriku qawwi. Il-prinċipju li jistipula li, jekk il-ħlas lura ta’ self garantit bħala parti mill-Assistenza finanzjarja lill-Istati Membri jkollu jiġi kopert mill-baġit tal-Unjoni, din in-nefqa potenzjali jenħtieġ li tiġi eskluża mill-qafas finanzjarju (jiġifieri l-ammonti jiġu mmobbilizzati lil hinn mil-limiti massimi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali) huwa miżmum.
Il-limitu massimu rilevanti li jirrestrinġi l-kapaċità tal-Unjoni sabiex tiggarantixxi s-self mill-baġit tal-Unjoni huwa l-limitu massimu tar-riżorsi proprji u mhux il-limitu massimu tal-QFP.
Artikolu 3 – Rispett għal-limitu massimu tar-riżorsi proprji
Dan l-Artikolu jirriproduċi t-test tal-Artikolu 4 tar-Regolament attwali. Il-konformità mal-limitu tar-riżorsi proprji trid tkun żgurata għal kull sena. Jekk il-limiti tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament jirriżultaw f’rata għall-ġbir tar-riżorsi proprji li taqbeż il-limitu tar-riżorsi proprji, ikollhom jiġu aġġustati l-limiti tal-qafas finanzjarju.
Kapitolu 2 – Aġġustamenti għall-QFP
Artikolu 4 – Marġni Globali għall-Pagamenti
Dan l-Artikolu jirriproduċi t-test tal-Artikolu 5 tar-Regolament attwali għall-perjodu 2022-2027, iżda mingħajr l-ebda restrizzjoni f’termini tal-ammont tal-aġġustament tal-limiti massimi sabiex tiġi żgurata l-flessibbiltà speċifika u massima.
Artikolu 5 – Aġġustamenti tekniċi
Dan l-Artikolu jirriproduċi t-test tal-Artikolu 6 tar-Regolament attwali. Il-qafas finanzjarju huwa ppreżentat fi prezzijiet tal-2018. Il-proċedura għall-aġġustament tekniku annwali tiegħu qed tinżamm, flimkien mad-deflatur ta’ 2 %. Fil-paragrafu 1, l-ordni tal-paragrafi minn (d) sa (f) hija emendata sabiex tirrifletti l-ordni tal-artikoli fil-Kapitolu 3.
Artikolu 6 – Aġġustament tal-pakketti tal-politika ta’ koeżjoni
Dan l-Artikolu jirriproduċi t-test tal-Artikolu 7 tar-Regolament attwali fir-rigward tal-aġġustament tal-pakketti tal-politika ta’ koeżjoni fuq il-bażi tad-data statistika l-aktar riċenti, bl-eċċezzjoni tar-rieżami tal-eliġibbiltà tal-Fond ta’ Koeżjoni. It-tibdiliet introdotti jirriflettu ż-żmien għall-QFP tal-2021-2027.
Artikolu 7 – Aġġustamenti relatati ma’ miżuri marbuta mal-governanza ekonomika tajba jew mal-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni fil-każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri.
Fir-rigward tal-kondizzjonalità makroekonomika, dan l-Artikolu jirriproduċi t-test tal-Artikolu 8 tar-Regolament attwali. Huwa propost li dan il-mekkaniżmu jiġi estiż għall-aġġustament tal-limiti massimi tal-QFP fil-każ ta’ tneħħija ta’ miżuri relatati mal-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni fil-każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri 13 . Fiż-żewġ każijiet, huwa propost li l-perjodu ta’ żmien massimu permess biex impenji sospiżi jiddaħħlu mill-ġdid fil-baġit jiġi limitat għal n+2 snin.
Artikolu 8 – Aġġustament wara regoli jew programmi ġodda b’ġestjoni kondiviża
Huwa propost li l-modifiki tal-limiti massimi fil-każ tal-adozzjoni tard tar-regoli l-ġodda jew programmi b’ġestjoni kondiviża jsiru permezz ta’ aġġustament tekniku minflok permezz ta’ reviżjoni kif inhuwa l-każ bħalissa (l-Artikolu 19 tar-Regolament QFP preżenti), billi din hija essenzjalment modifika awtomatika u mekkanika, li teħtieġ li tiġi implimentata malajr sabiex tiffaċilita l-iffinalizzar tal-proċess tal-ipprogrammar. Huwa propost li l-allokazzjonijiet mhux użati fl-2021 jiġu allokati f’porzjonijiet ugwali għall-erba’ snin sussegwenti mill-2022 sal-2025.
Kapitolu 3 – Strumenti speċjali
L-ordni tal-preżentazzjoni tal-Istrumenti speċjali huwa mibdul, sabiex jinkludi l-ewwel iż-żewġ strumenti speċjali (il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea) marbuta ma’ atti bażiċi speċifiċi. Id-dispożizzjonijiet dwar il-mobbilizzazzjoni huma razzjonalizzati fir-Regolament u fl-abbozz tal-FII, u jqisu d-dispożizzjonijiet diġà inklużi fl-atti bażiċi settorjali speċifiċi u fir-Regolament Finanzjarju.
Artikolu 9 – Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
Dan l-Artikolu jirriproduċi t-test tal-Artikolu 12 tar-Regolament attwali. Id-definizzjoni tal-objettivi u l-ambitu tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni se tiġi definita fl-att bażiku speċifiku (ir-Regolament (UE) XXXX/XX 14 ). L-ammont annwali massimu huwa miżjud għal EUR 200 miljun (fi prezzijiet tal-2018).
Artikolu 10 – Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea
Dan l-Artikolu jirriproduċi t-test tal-Artikolu 10 tar-Regolament attwali. Id-definizzjoni tal-objettivi u l-ambitu tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea hija definita fl-att bażiku speċifiku (ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002 kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 661/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014), li ma hija proposta l-ebda emenda għalih. L-ammont annwali massimu huwa miżjud għal EUR 600 miljun (fi prezzijiet tal-2018).
Artikolu 11 – Ir-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza
Dan l-Artikolu jikkorrispondi mal-Artikolu 9 tar-Regolament attwali. Filwaqt li titqies il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-baġit tal-Unjoni jkun jirrispondi malajr u filwaqt li jitqiesu l-isfidi l-ġodda li l-Unjoni kienet u qed tkompli tkun ikkonfrontata bihom, huwa propost li l-ambitu tar-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza jiġi estiż għal operazzjonijiet fl-UE, sabiex jiġi pprovdut mekkaniżmu komuni li jsaħħaħ finanzjarjament l-azzjonijiet tal-UE f’rispons għal kull tip ta’ kriżi (diżastri naturali, emerġenzi ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni, emerġenzi umanitarji, epidemiji tas-saħħa, eċċ.) u fil-postijiet ġeografiċi kollha. Sabiex tiġi mmassimizzata l-kapaċità tar-rispons tal-baġit tal-UE, ma hemm l-ebda preallokazzjoni jew użu prijoritarju għall-programmi speċifiċi. Madankollu, limitazzjonijiet temporanji tal-użu japplikaw matul is-sena sabiex tiġi żgurata l-kapaċità ta’ rispons f’kull żmien għall-kriżijiet interni jew esterni u sabiex jiġi żgurat li l-fondi jkunu jistgħu jiġu mmobbilizzati sabiex ikopru l-ħtiġijiet li jistgħu jitfaċċaw lejn tmiem is-sena. L-ammont annwali massimu huwa miżjud għal EUR 600 miljun (fi prezzijiet tal-2018).
Artikolu 12 – Marġni Globali għall-Impenji (ir-Riżerva tal-Unjoni)
Dan l-Artikolu jikkorrispondi mal-Artikolu 14 tar-Regolament attwali. Minbarra l-marġni li jibqgħu disponibbli taħt il-limiti massimi tal-QFP għall-impenji tas-sena n-1, applikabbli sa mill-2022, huwa propost li, mill-2023, ir-riżorsi tal-Marġni globali għall-Impenji (ir-riżerva tal-Unjoni) jiġu miżjuda bl-ammonti li jikkorrispondu mal-approprjazzjonijiet diżimpenjati tas-sena n-2, bl-eċċezzjoni tal-approprjazzjonijiet diżimpenjati li jerġgħu jkunu disponibbli skont regoli speċifiċi stabbiliti fl-artikolu 15] tar-Regolament Finanzjarju. Id-dispożizzjonijiet dwar il-mobbilizzazzjoni jibqgħu mhux mibdula mill-Marġni Globali għall-Impenji attwali.
Artikolu 13 – L-Istrument ta’ Flessibbiltà
Dan l-Artikolu jikkorrispondi mal-Artikolu 11 tar-Regolament attwali. L-ammont massimu annwali huwa miżjud għal EUR 1 biljun (fi prezzijiet tal-2018). Minbarra dan, huwa propost li mal-Istrument ta’ Flessibbiltà jiżdiedu l-ammonti mhux użati tar-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza li skadew fis-sena preċedenti, kif inhu diġà l-każ għall-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea u l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni fir-Regolament attwali. L-ikkalkular tal-ammonti disponibbli skont l-Istrument ta’ Flessibbiltà se jkompli jiġi kkomunikat bħala parti mill-aġġustament tekniku annwali ppreżentat fl-Artikolu 5.
Artikolu 14 – Marġni ta’ Kontinġenza
Dan l-Artikolu jirriproduċi t-test tal-Artikolu 13 tar-Regolament attwali.
Kapitolu 4 – Rieżami u reviżjoni tal-QFP
Artikolu 15 – Reviżjoni tal-QFP
It-test ta’ dan l-Artikolu jikkorrispondi mal-Artikolu 17 tar-Regolament attwali. It-test tal-paragrafu 3 fir-rigward tal-eżaminar tal-possibbiltajiet ta’ skjerament mill-ġdid fl-intestatura rilevanti tal-QFP ġie ssimplifikat.
Artikolu 16 – Rieżami ta’ nofs it-terminu tal-QFP
Dan l-Artikolu jikkorrispondi mal-Artikolu 2 tar-Regolament attwali. Huwa propost li, sa tmiem l-2023, il-Kummissjoni tippreżenta rieżami tal-funzjonament tal-QFP, akkumpanjat kif xieraq minn proposti rilevanti għall-bqija tal-perjodu, inkluża proposta għar-reviżjoni tal-QFP (l-Artikolu 15(1)).
Artikolu 17 – Reviżjoni relatata mal-implimentazzjoni
It-test ta’ dan l-Artikolu jikkorrispondi mal-Artikolu 18 tar-Regolament attwali. Ir-regola ġenerali dwar iż-żmien tal-adozzjoni tar-reviżjoni qed titneħħa, sabiex ma tiġix ristretta fiż-żmien il-possibbiltà ta’ reviżjoni tal-QFP fuq il-bażi tal-implimentazzjoni, jekk ikun hemm din il-ħtieġa.
Artikolu 18 – Reviżjoni tal-QFP fil-każ ta’ reviżjoni tat-Trattati
Dan l-Artikolu jirriproduċi t-test tal-Artikolu 20 tar-Regolament attwali.
Artikolu 19 – Reviżjoni tal-QFP fil-każ ta’ tkabbir tal-Unjoni
Dan l-Artikolu jirriproduċi t-test tal-Artikolu 21 tar-Regolament attwali.
Artikolu 20 – Reviżjoni tal-QFP fil-każ tar-riunifikazzjoni ta’ Ċipru
Dan l-Artikolu jirriproduċi t-test tal-Artikolu 22 tar-Regolament attwali.
Kapitolu 5 – Kontribuzzjoni għall-finanzjament ta’ proġetti fuq skala kbira
Artikolu 21 – Kontribuzzjoni għall-finanzjament ta’ proġetti fuq skala kbira
Dan l-Artikolu jikkorrispondi mal-Artikolu 16 tar-Regolament attwali. Huwa propost li jinżammu għall-perjodu mill-2021 sal-2027 dispożizzjonijiet li jistabbilixxu ammonti massimi għall-kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-Unjoni għal proġetti tal-infrastruttura fuq skala kbira li huma ffinanzjati fil-limiti massimi tal-QFP iżda li l-ħajja tagħhom testendi sew lil hinn mill-perjodu stabbilit għall-qafas finanzjarju.
Dan ikun jirrigwarda proġetti fuq skala kbira bħala parti mill-Programm Ewropew tal-Ispazju kif ukoll il-proġett tar-Reattur Termonukleari Sperimentali Internazzjonali (International Thermonuclear Experimental Reactor, ITER).
Għaldaqstant, id-dispożizzjoni proposta tipprevedi “delimitazzjoni” tal-ammont disponibbli għall-QFP tal-2021 – 2027. L-atti leġiżlattivi li jikkonċernaw il-programmi msemmija hawn fuq għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet finanzjarji stabbiliti fir-Regolament preżenti.
Kapitolu 6 – Kooperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja
Artikolu 22 – Kooperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja
Dan l-Artikolu jirriproduċi t-test tal-Artikolu 23 tar-Regolament attwali.
Artikolu 23 – Unità tal-Baġit
Dan l-Artikolu jirriproduċi t-test tal-Artikolu 24 tar-Regolament attwali.
Kapitolu 7 – Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 24 - Tranżizzjoni lejn il-qafas finanzjarju li jmiss
It-test ta’ dan l-Artikolu jikkorrispondi mal-Artikolu 25 tar-Regolament attwali. Huwa jistabbilixxi l-obbligu għall-Kummissjoni li tippreżenta qafas finanzjarju ġdid qabel l-1 ta’ Lulju 2025.
Ir-regoli fil-każ li ma jkunx hemm qbil dwar qafas finanzjarju ġdid sa tmiem il-qafas finanzjarju kopert mir-Regolament huma definiti mil-liġi primarja (l-Artikolu 312(4) TFUE) u ma għandhomx għalfejn jiġu riprodotti fir-Regolament. Issir referenza għalihom fil-premessa 15.
Artikolu 25 - Dħul fis-seħħ
L-aħħar Artikolu tal-abbozz tar-Regolament tal-QFP jistabbilixxi d-data tad-dħul fis-seħħ u d-data tal-applikabbiltà tar-Regolament. Il-FII jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fl-istess jum billi ż-żewġ testi legali jikkumplimentaw lil xulxin.
3.2.Ftehim Interistituzzjonali dwar il-kooperazzjoni fil-qasam baġitarju u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba
Introduzzjoni – Punti minn 1 sa 6 tal-abbozz tal-FII
Il-parti introduttorja tal-abbozz tal-FII tintroduċi r-referenza għat-Trattat (l-Artikolu 295), in-natura vinkolanti ta’ dan il-ftehim, il-koerenza tiegħu ma’ atti legali oħra marbuta mal-qafas finanzjarju pluriennali u l-proċedura baġitarja, tiddeskrivi l-istruttura tal-Ftehim, u tistipula d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu (l-istess data bħal dik tar-Regolament tal-QFP).
Hija tirriproduċi t-test tal-Punti minn 1 sa 6 tal-FII preżenti.
Parti I – dispożizzjonijiet marbuta mal-qafas finanzjarju
A. Dispożizzjonijiet marbuta mal-qafas finanzjarju
Il-Punt 7 tal-FII jirrigwarda l-marġni taħt il-limiti massimi. Ir-Regolament tal-QFP jistabbilixxi l-limiti massimi għall-intestaturi kollha li jridu jiġu rrispettati matul kull proċedura baġitarja kif mitlub mit-Trattat. Madankollu, il-prattika li jiġu żgurati safejn possibbli marġni suffiċjenti taħt il-limiti massimi jenħtieġ li tinżamm. Hija tikkostitwixxi element tal-kooperazzjoni u r-rieda tajba interistituzzjonali tal-istituzzjonijiet fil-proċedura baġitarja. Id-dispożizzjoni hija miżmuma mingħajr tibdil mill-punt 8 tal-FII preżenti, minbarra għal referenza għas-subintestatura “Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali” billi l-ebda subintestatura bħal din ma hija proposta fl-istruttura l-ġdida tal-QFP.
Il-punt 8 jistipula aġġornament tal-previżjoni għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament wara l-2027 fir-raba’ sena tal-QFP, skont il-prattika preżenti u l-punt 9 tal-FII preżenti.
B. Dispożizzjonijiet marbuta ma’ strumenti speċjali
Il-punti minn 9 sa 13 jikkorrispondu mal-punti minn 10 sa 14 tal-FII attwali u jiddefinixxu l-proċeduri applikabbli għall-mobbilizzazzjoni tal-istrumenti speċjali li ġejjin li huma ppreżentati fir-Regolament tal-QFP: Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, ir-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza, l-Istrument ta’ Flessibbiltà u l-Marġni ta’ Kontinġenza. L-ordni tad-dispożizzjonijiet hija mibdula biex tirrifletti l-ordni tal-abbozz tar-Regolament tal-QFP.
It-test tad-dispożizzjonijiet huwa emendat għal:
·jallinja r-regoli tal-votazzjoni meħtieġa għall-mobbilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea u l-Istrument ta’ Flessibbiltà għar-regoli applikabbli għall-adozzjoni tal-baġit tal-UE skont l-Artikolu 314 TFUE;
·jissimplifika u jirrazzjonalizza t-test fejn dispożizzjonijiet speċifiċi huma diġà inklużi fir-Regolament Finanzjarju jew fl-att settorjali bażiku rilevanti: regoli applikabbli għat-trasferimenti (il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u r-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza), deċiżjoni tal-mobbilizzazzjoni (il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea).
Parti II – titjib tal-kooperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja
A. Il-proċedura tal-kollaborazzjoni interistituzzjonali
Il-Punt 14 jirreferi għad-dettalji tal-kooperazzjoni interistituzzjonali matul il-proċedura baġitarja, li huma inklużi fl-Anness tal-FII.
Il-Punt 15 dwar it-“trasparenza baġitarja” jżomm it-test tal-punt 16 tal-FII attwali, b’modifiki biex jitqiesu rapporti li għalihom huma inklużi dispożizzjonijiet dettaljati fir-Regolament Finanzjarju (pereżempju, Fondi Fiduċjarji fl-Artikoli 41(6) u 252, previżjonijiet ta’ ħames snin dwar id-dħul u l-ħruġ fl-Artikolu 247(1)(c)). It-test huwa wkoll emendat biex jirrifletti l-proposta li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp jiġi integrat fil-baġit tal-Unjoni mill-2021. Ir-rappurtar dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp skont il-punt 15 tal-FII b’hekk jenħtieġ li japplika biss għall-kwistjonijiet pendenti tal-Fondi Ewropej għall-Iżvilupp preċedenti.
B. Inkorporazzjoni tad-dispożizzjonijiet finanzjarji fl-atti leġiżlattivi
Id-dispożizzjonijiet tal-FII preżenti huma miżmuma. Il-possibbiltà ta’ bidla mill-ammonti inklużi fl-atti leġiżlattivi hija miżjuda minn 10 % għal 15 % sabiex tiżdied il-flessibbiltà fl-intestaturi (il-punt 16). Din id-dispożizzjoni ma tapplikax għall-ammont preallokat lill-Istati Membri għat-tul kollu tal-qafas finanzjarju, u lanqas għall-proġetti fuq skala kbira msemmija fl-Artikolu 21 tar-Regolament tal-QFP.
Il-Punt 17 huwa rivedut biex it-terminoloġija tiegħu tiġi allinjata mat-TFUE. Ir-referenza għad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Marzu 1975 hija mħassra billi issa ma għadhiex rilevanti.
C. Nefqa relatata mal-ftehimiet tas-sajd
It-test tal-FII preżenti għad-dispożizzjonijiet relatati mal-kooperazzjoni u l-informazzjoni relatata ma’ kwistjonijiet baġitarji fir-rigward tal-ftehimiet tas-sajd huwa miżmum, ħlief biex jitqies il-fatt li, billi l-kwistjoni - mhux baġitarja - tal-parteċipazzjoni fil-konferenzi li jinnegozjaw ftehimiet internazzjonali hija diġà stabbilita fil-punti 25 u 26 tal-Ftehim ta’ Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea tal-20 ta’ Ottubru 2010 15 , ikun aħjar li jiġi evitat test parallel fil-FII.
D. Finanzjament tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni
Il-Punt 20 jirriproduċi t-test tal-Artikolu 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali preżenti.
It-test tal-punt 21 fil-biċċa l-kbira jirriproduċi t-test tal-punt 24 tal-FII preżenti, b’riorganizzazzjoni tal-paragrafi u kjarifika tat-terminoloġija (“operazzjonijiet” minflok “strumenti”). Ir-referenza għar-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza qed titneħħa, fid-dawl tal-fatt li l-ambitu estiż propost fl-Artikolu 11 tal-abbozz tar-Regolament tal-QFP, se jibqa’ possibbli li tiġi mmobbilizzata r-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza għall-finijiet tat-tisħiħ urġenti tal-baġit tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni.
Fil-punt 22, huwa propost li tiġi stabbilita data fissa (it-30 ta’ Novembru ta’ kull sena) għall-qbil dwar il-kalendarju annwali għal-laqgħat ta’ konsultazzjoni konġunta li jinżammu fis-sena sussegwenti għall-finijiet ta’ djalogu regolari bejn il-Parlament Ewropew u r-Rappreżentant Għoli.
E. Involviment tal-istituzzjonijiet fir-rigward tal-kwistjonijiet tal-politika tal-iżvilupp
Id-dispożizzjoni tal-punt 23 hija emendata sabiex tqis l-integrazzjoni proposta tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp fil-baġit tal-Unjoni.
Parti III – Ġestjoni finanzjarja tajba tal-fondi tal-UE
Il-punti 28 u 29 tal-FII preżenti dwar il-ġestjoni konġunta u r-rapport annwali ta’ evalwazzjoni stipulat fl-Artikolu 318 TFUE huma mħassra, billi dawn ir-rapporti issa huma koperti b’dispożizzjoni speċifika fir-Regolament Finanzjarju (l-Artikoli 41(3)(g) u 247(1)(e), rispettivament).
Il-punt 24 dwar l-ipprogrammar finanzjarju jirriproduċi t-test tal-punt 30 tal-FII preżenti, b’aġġustamenti sabiex id-dati jiġu allinjati ma’ dawk definiti fl-Artikolu 41(2) tar-Regolament Finanzjarju.
It-Taqsima B dwar l-Aġenziji u l-Iskejjel Ewropej (il-punti minn 25 sa 28) mhijiex mibdula mill-FII preżenti.
Anness – Kooperazzjoni interistituzzjonali matul il-proċedura baġitarja
Id-dispożizzjonijiet inklużi fl-Anness mhumiex mibdula mill-FII preżenti, billi rriżulta li huma bażi soda għall-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, minbarra għal żewġ modifiki:
–It-test tal-punt 9 fir-rigward tal-ittri ta’ emenda għall-abbozz tal-baġit huwa allinjat mat-test tal-Artikolu 42 tar-Regolament Finanzjarju;
–Sabiex tiġi riflessa l-prattika attwali, u sabiex it-test jiġi allinjat mal-punt 20 tal-Anness, il-kelma “implimentabbiltà” hija sostitwita bil-kelma “eżegwibbiltà”.
2018/0132 (APP)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 312 tiegħu,
Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew 16 ,
Wara li l-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
(1)Meta titqies il-ħtieġa ta’ livell adegwat ta’ prevedibbiltà għat-tħejjija u l-implimentazzjoni ta’ investimenti fuq terminu medju, it-tul tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) jenħtieġ li jiġi stabbilit għal seba’ snin li jibdew fl-1 ta’ Jannar 2021.
(2)Il-limiti massimi annwali għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn skont il-kategorija tan-nefqa u l-limiti massimi annwali għall-approprazzjonijiet ta’ pagament stabbiliti mill-QFP iridu jirrispettaw il-limiti massimi applikabbli għall-impenji u r-riżorsi proprji, li huma stabbiliti skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea adottata skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 311 TFUE.
(3)Jekk ikun neċessarju li jiġu mmobbilizzati l-garanziji mogħtija skont il-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-assistenza finanzjarja għall-Istati Membri awtorizzata skont l-Artikolu 208(1)] tar-Regolament Nru UE [xxx/201x] tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 17 (‘ir-Regolament Finanzjarju’), l-ammont neċessarju jenħtieġ li jiġi mmobbilizzat lil hinn mil-limiti massimi tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament tal-QFP, filwaqt li jiġ rispettat il-limitu massimu tar-riżorsi proprji.
(4)L-QFP jenħtieġ li ma jqisx elementi tal-baġit iffinanzjati mid-dħul assenjat fis-sens tar-Regolament Finanzjarju.
(5)Il-QFP jenħtieġ li jiġi stabbilit bil-prezzijiet tal-2018. Jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll ir-regoli għall-aġġustamenti tekniċi annwali tal-QFP biex jiġu kkalkulati mill-ġdid il-limiti massimi u l-marġni disponibbli.
(6)Jenħtieġ li tiġi implimentata flessibbiltà speċifika u dik massima possibbli biex l-Unjoni tkun tista’ tissodisfa l-obbligi tagħha f’konformità mal-Artikolu 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
(7)L-istrumenti speċjali li ġejjin huma meħtieġa biex jippermettu lill-Unjoni tirreaġixxi għal ċirkostanzi speċifiċi mhux previsti jew biex jippermettu l-finanzjament ta’ nefqa identifikata b’mod ċar li ma tistax tiġi ffinanzjata fil-limiti massimi disponibbli għal intestatura waħda jew aktar kif stabbilit fl-QFP sabiex il-proċedura baġitarja tkun tista’ taħdem mingħajr diffikultà: il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, ir-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza, il-Marġni Globali għall-Impenji (ir-Riżerva tal-Unjoni), l-Istrument ta’ Flessibbiltà u l-Marġni ta’ Kontinġenza. Ir-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza mhijiex immirata sabiex tindirizza l-konsegwenzi tal-kriżijiet relatati mas-suq li jaffettwaw il-produzzjoni jew id-distribuzzjoni agrikola. Għalhekk jenħtieġ li jkun hemm dispożizzjonijiet speċifiċi għall-possibbiltà li jiddaħħlu fil-baġit approprjazzjonijiet ta’ impenn, u approprazzjonijiet ta’ pagament li jikkorrispondu magħhom, lil hinn mil-limiti massimi stabbiliti fil-QFP, fejn ikun meħtieġ li jintużaw strumenti speċjali.
(8)Il-pakketti nazzjonali li jiffavorixxu l-politika ta’ koeżjoni huma stabbiliti fuq il-bażi tad-data statistika u t-tbassir użat għall-proposta ta’ Mejju 2018 tal-Kummissjoni għal dan ir-Regolament. Fid-dawl tal-inċertezzi fit-tbassir, u l-impatt għall-Istati Membri b’limitu massimu, huwa neċessarju li matul il-perjodu tal-QFP jitwettaq rieżami li jqabbel id-data statistika mbassra u dik reali, u fil-każ ta’ differenzi sinifikanti jistipula aġġustament tal-pakketti nazzjonali għall-Istati Membri kkonċernati u tal-limiti massimi rilevanti tal-QFP.
(9)Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli għal sitwazzjonijiet oħra li jistgħu jitolbu aġġustament tal-QFP. Dawn l-aġġustamenti jistgħu jkunu relatati mal-adozzjoni tard ta’ regoli jew programmi b’ġestjoni kondiviża ġodda, jew ma’ miżuri marbuta mal-governanza ekonomika tajba jew mal-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni fil-każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri adottati skont l-atti bażiċi rilevanti.
(10)Huwa neċessarju li jsir rieżami tal-funzjonament tal-QFP f’nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tiegħu. Jenħtieġ li jittieħed kont tar-riżultati ta’ dan ir-rieżami fi kwalunkwe reviżjoni ta’ dan ir-Regolament għall-kumplament tas-snin tal-QFP.
(11)Huwa neċessarju li tiġi stipulata reviżjoni tal-QFP f’każ ta’ reviżjoni tat-Trattati, jew tar-riunifikazzjoni ta’ Ċipru jew ta’ tkabbir tal-Unjoni, kif ukoll fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-baġit.
(12)Jista’ jkun meħtieġ ukoll li dan ir-Regolament jiġi rivedut fil-każ ta’ ċirkostanzi mhux previsti li ma jkunux jistgħu jiġu ttrattati b’rispett għal-limiti massimi stabbiliti fil-QFP. Għalhekk, huwa neċessarju li jkun hemm dispożizzjoni għal reviżjoni tal-QFP f’każijiet bħal dawn.
(13)Huma meħtieġa wkoll regoli speċifiċi sabiex wieħed jittratta l-proġetti l-kbar tal-infrastruttura li l-ħajja tagħhom tmur sostanzjalment lil hinn mill-perjodu stabbilit għall-QFP. Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti ammonti massimi għall-kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għal dawk il-proġetti biex b’hekk jiġi żgurat li ma jkollhom l-ebda impatt fuq proġetti oħra ffinanzjati minn dak il-baġit.
(14)Huwa neċessarju li jkun hemm dispożizzjoni għal regoli ġenerali dwar kooperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja.
(15)Il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta proposta għall-qafas finanzjarju pluriennali l-ġdid qabel l-1 ta’ Lulju 2025 sabiex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jadottawha kmieni biżżejjed qabel jibda l-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss. F’konformità mal-Artikolu 312(4) TFUE l-limiti massimi li jikkorrispondu mal-aħħar sena stabbilita f’dan ir-Regolament ikomplu japplikaw fil-każ li qafas ġdid ma jiġix adottat qabel tmiem it-terminu tal-QFP stabbilit f’dan ir-Regolament,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Kapitolu 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 1
Il-Qafas Finanzjarju Plurennali
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (QFP).
Artikolu 2
Il-Konformità mal-limiti massimi tal-QFP
1.Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom, waqt kull proċedura baġitarja u meta jiġi implimentat il-baġit għas-sena kkonċernata, jikkonformaw mal-limiti massimi tan-nefqa annwali stabbiliti fl-Anness (“il-limiti massimi tal-QFP”).
Is-sottolimitu għall-Intestatura III, kif stabbilit fl-Anness, huwa stabbilit mingħajr preġudizzju għall-flessibbiltà bejn iż-żewġ pilastri tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Il-limitu massimu aġġustat li għandu jiġi applikati għall-pilastru I tal-PAK wara t-trasferimenti bejn il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-pagamenti diretti għandhom jiġu stabbiliti fl-att legali rilevanti u l-QFP għandu jiġi aġġustat kif meħtieġ skont l-aġġustament tekniku previst fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.
2.Fejn ikun meħtieġ li r-riżorsi jintużaw mill-istrumenti speċjali stipulati fl-Artikoli minn 9 sa 14, l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u dawk ta’ pagament li jikkorrispondu magħhom għandhom jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi rilevanti tal-QFP.
3.Fejn ikun neċessarju li tiġi mobbilizzata garanzija għal assistenza finanzjarja għal Stati Membri awtorizzata skont l-Artikolu 208(1)] tar-Regolament Nru UE [xxx/201x] ("ir-Regolament Finanzjarju"), l-ammont neċessarju għandu jiġi mobbilizzat lil hinn mil-limiti massimi stabbiliti fil-QFP.
Artikolu 3
Ir-Rispett tal-limitu massimu tar-riżorsi proprji
4.Għal kull waħda mis-snin koperti mill-QFP, l-approprjazzjonijiet totali għall-ħlasijiet meħtieġa, wara li jsir l-aġġustament annwali u wara li jitqiesu kwalunkwe aġġustamenti jew reviżjonijiet oħra, kif ukoll l-applikazzjoni tal-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 2, ma jistgħux ikunu tali li jipproduċu rata ta’ ġbir tar-riżorsi proprji li taqbeż il-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea adottata skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 311 TFUE ("id-Deċiżjoni tar-Riżorsi Proprji") fis-seħħ.
5.Fejn ikun meħtieġ, il-limiti massimi stabbiliti fil-QFP għandhom jitbaxxew sabiex tiġi żgurata konformità mal-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit skont id-Deċiżjoni tar-Riżorsi Proprji fis-seħħ.
Kapitolu 2
Aġġustamenti għall-QFP
Artikolu 4
Marġni globali għall-pagamenti
1.Kull sena, mill-2022 ’il quddiem, bħala parti mill-aġġustament tekniku msemmi fl-Artikolu 5, il-Kummissjoni għandha taġġusta l-limitu massimu għall-pagamenti għas-snin 2022-2027 ’il fuq b’ammont ekwivalenti għad-differenza bejn il-pagamenti mwettqa u l-limitu massimu tal-pagamenti tal-QFP tas-sena n-1.
2.Kull aġġustament ’il fuq għandu jiġi kkumpensat kollu bi tnaqqis korrispondenti tal-limitu massimu tal-pagamenti għas-sena n-1.
Artikolu 5
Aġġustamenti tekniċi
1.Kull sena l-Kummissjoni, qabel il-proċedura baġitarja għas-sena n+1, għandha tagħmel l-aġġustamenti tekniċi li ġejjin fil-QFP:
(a)valutazzjoni mill-ġdid, skont il-prezzijiet tas-sena n+1, tal-limiti massimi u tal-figuri ġlobali għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn kif ukoll għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament;
(b)kalkolu tal-marġni disponibbli taħt il-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit skont id-Deċiżjoni tar-Riżorsi Proprji fis-seħħ;
(c)kalkolu tal-marġni globali għall-pagamenti stipulat fl-Artikolu 4;
(d)kalkolu tal-marġni globali għall-impenji (ir-riżerva tal-Unjoni) stipulat fl-Artikolu 12;
(e)kalkolu tal-ammonti li għandhom ikunu disponibbli għall-Istrument ta’ Flessibbiltà skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 13(1);
(f)kalkolu tal-ammont assolut tal-Marġni ta’ Kontinġenża stipulat fl-Artikolu 14.
2.L-aġġustament tekniku msemmi fil-paragrafu 1 għandu jsir fuq il-bażi ta’ deflatur fiss ta’ 2 % fis-sena.
3.Il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ir-riżultati tal-aġġustamenti tekniċi msemmija fil-paragrafu 1 u l-previżjonijiet ekonomiċi li fuqhom ikunu bbażati.
4.Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 6, 7 u 8 l-ebda aġġustament tekniku ieħor ma għandu jsir fir-rigward tas-sena inkwistjoni, la matul is-sena u lanqas bħala korezzjonijiet ex post fis-snin sussegwenti.
Artikolu 6
Aġġustament tal-pakketti tal-politika ta’ koeżjoni
1.Il-Kummissjoni għandha fl-2024, flimkien mal-aġġustamenti tekniċi għas-sena 2025, terġa’ teżamina l-allokazzjonijiet totali tal-Istati Membri kollha taħt il-mira "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi" tal-politika ta’ koeżjoni għas-snin 2025 sa 2027, filwaqt li tapplika l-metodu ta’ allokazzjoni stabbilit fl-att bażiku rilevanti fuq il-bażi tal-aktar statistika reċenti disponibbli u tal-paragun, għall-Istati Membri li għandhom limitu massimu, bejn il-PDG nazzjonali akkumulat osservat fis-snin 2021 sal-2023, u l-PDG nazzjonali akkumulat stmat fl-2018. Hija għandha taġġusta dawk l-allokazzjonijiet totali meta jkun hemm diverġenza kumulattiva ta’ aktar minn +/- 5 %.
2.L-aġġustamenti meħtieġa għandhom jitqassmu fi proporzjonijiet ugwali fuq is-snin mill-2025 sal-2027 u l-limiti massimi li jikkorrispondu magħhom tal-QFP għandhom jiġu aġġustati skont dan. Il-limiti massimi tal-pagamenti għandhom ukoll ikunu aġġustati skont kif meħtieġ sabiex jiġi żgurat progress ordnat f’rabta mal-approprjazzjonijiet ta’ impenn.
3.L-effett nett totali, kemm jekk pożittiv kif ukoll jekk negattiv, tal-aġġustamenti msemmija fil-paragrafu 2, ma għandux jaqbeż l-EUR 4 biljun.
Artikolu 7
Aġġustamenti relatati ma’ miżuri marbuta mal-governanza ekonomika tajba jew mal-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni fil-każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri
Fil-każ tat-tneħħija, skont l-atti bażiċi rilevanti, ta’ sospensjoni ta’ impenji baġitarji dwar fondi tal-Unjoni fil-kuntest ta’ miżuri marbuta mal-governanza ekonomika tajba jew mal-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni fil-każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, l-ammonti li jikkorrispondu mal-impenji sospiżi għandhom jiġu trasferiti għas-snin ta’ wara u l-limiti massimi li jikkorrispondu magħhom tal-QFP għandhom jiġu aġġustati skont dan.
L-impenji sospiżi tas-sena n ma jistgħux jerġgħu jidħlu fil-baġit ta’ wara s-sena n+2.
Artikolu 8
Aġġustament wara regoli jew programmi ġodda b’ġestjoni kondiviża
Fil-każ tal-adozzjoni wara l-1 ta’ Jannar 2021 ta’ regoli jew programmi b’ġestjoni kondiviża ġodda għall-Fondi Strutturali, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, il-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-istrument għall-ġestjoni tal-fruntieri u għall-viżi taħt il-Fond Integrat tal-Ġestjoni tal-Fruntieri, l-ammonti li jikkorrispondu mal-allokazzjonijiet mhux użati fl-2021 għandhom jiġu trasferiti fi proporzjonijiet ugwali għas-snin 2022 sal-2025, u l-limiti massimi li jikkorrispondu magħhom tal-QFP għandhom jiġu aġġustati skont dan.
Kapitolu 3
Strumenti speċjali
Artikolu 9
Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
1.Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, li l-objettivi u l-ambitu tiegħu huma stabbiliti fir-Regolament (UE) XXXX/XX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 18 ], ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta’ EUR 200 miljun (fi prezzijiet tal-2018).
2.L-approprjazzjonijiet għall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandhom jiddaħħlu bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.
Artikolu 10
Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea
1.Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, li l-objettivi u l-ambitu tiegħu huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 19 , ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta’ EUR 600 miljun (prezzijiet tal-2018). Fl-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena, mill-inqas kwart minn dak l-ammont annwali għandu jibqa’ disponibbli biex ikopri ħtiġijiet li jinqalgħu sa tmiem dik is-sena. Il-porzjon tal-ammont annwali mhux użat fis-sena n jista’ jintuża sas-sena n+1. Il-porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-sena preċedenti għandu jiddaħħal l-ewwel. Dak il-porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax fis-sena n+1 għandu jiskadi.
2.F’każijiet eċċezzjonali u jekk ir-riżorsi finanzjarji li jifdal disponibbli fil-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea fis-sena meta jkun seħħ id-diżastru ma jkunux biżżejjed sabiex ikopru l-ammont ta’ assistenza meqjus bħala neċessarju, il-Kummissjoni tista’ tipproponi li d-differenza tkun iffinanzjata permezz tal-ammonti annwali disponibbli għas-sena ta’ wara.
Artikolu 11
Ir-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza
1.Ir-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza tista’ tintuża għal rispons rapidu għal ħtiġijiet speċifiċi ta’ emerġenza fl-Unjoni jew f’pajjiżi terzi wara żviluppi li ma jkunux setgħu jkunu previsti meta jkun ġie stabbilit il-baġit, b’mod partikolari għal operazzjonijiet ta’ rispons u ta’ appoġġ ta’ emerġenza wara diżastri naturali jew ikkawżati mill-bniedem, kriżijiet umanitarji, f’każijiet ta’ theddidiet fuq skala kbira ta’ saħħa pubblika, veterinarji jew fitosanitarji, kif ukoll f’sitwazzjonijiet ta’ pressjoni partikolari li tirriżulta mill-flussi migratorji fil-fruntieri esterni tal-Unjoni fejn iċ-ċirkostanzi jkunu jitolbu dan.
2.L-ammont annwali tar-Riżerva huwa stabbilit għal EUR 600 miljun (prezzijiet tal-2018) u jista’ jintuża sas-sena n+1 f’konformità mar-Regolament Finanzjarju. Ir-Riżerva għandha tiddaħħal fil-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala dispożizzjoni. Il-porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-sena preċedenti għandu jiddaħħal l-ewwel. Dak il-porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax fis-sena n+1 għandu jiskadi.
Sal-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena, mill-inqas kwart mill-ammont annwali għas-sena n għandu jibqa’ disponibbli biex ikopri ħtiġijiet li jinqalgħu sa tmiem dik is-sena.
Mhux aktar minn nofs l-ammont disponibbli sat-30 ta’ Settembru ta’ kull sena jista’ jiġi mobbilizzat, rispettivament, għall-operazzjonijiet interni jew esterni.
Sa mill-1 ta’ Ottubru, il-parti li jibqa’ tal-ammont disponibbli tista’ tiġi mobbilizzata għal operazzjonijiet interni jew esterni sabiex jiġu indirizzati ħtiġijiet li jitfaċċaw sa tmiem dik is-sena.
Artikolu 12
Marġni Globali għall-Impenji (ir-Riżerva tal-Unjoni)
1.Il-Marġni Globali għall-Impenji (ir-Riżerva tal-Unjoni), li trid tkun disponibbli lil hinn mil-limiti massimi stabbiliti fil-QFP għas-snin 2022 sal-2027, għandha tikkonsisti f’dawn li ġejjin:
(a)marġni li jkunu għadhom disponibbli taħt il-limiti massimi tal-QFP għall-impenji għas-sena n-1;
(b)mill-2023, minbarra l-marġni msemmija fil-punt (a), ammont ekwivalenti għad-diżimpenji tal-approprjazzjonijiet li saru matul is-sena n-2, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15] tar-Regolament Finanzjarju.
2.Il-Marġni Globali għall-Impenji (ir-Riżerva tal-Unjoni) jew parti minnu jista’ jiġi mmobbilizzat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fil-qafas tal-proċedura baġitarja stipulata fl-Artikolu 314 TFUE.
Artikolu 13
l-Istrument ta’ Flessibbiltà
L-Istrument ta’ Flessibbiltà jista’ jiġi użat għall-finanzjament, għal sena finanzjarja partikolari, ta’ nefqa identifikata b’mod ċar li ma setgħetx tkun iffinanzjata fil-limiti massimi disponibbli ta’ intestatura waħda jew aktar. Suġġett għat-tieni subparagrafu, il-limitu massimu għall-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta’ Flessibbiltà huwa stabbilit għal EUR 1 000 miljun (prezzijiet tal-2018).
Kull sena, l-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta’ Flessibbiltà għandu jiżdied bl-ammonti li ġejjin:
(a)b’ammont ekwivalenti għall-porzjon tal-ammont annwali għall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni li jkun skada fis-sena ta’ qabel;
(b)b’ammont ekwivalenti għall-porzjon tal-ammont annwali għall-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea li jkun skada fis-sena ta’ qabel skont l-Artikolu 10(1);
(c)b’ammont ekwivalenti għall-porzjon tal-ammont annwali għar-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza li jkun skada fis-sena ta’ qabel skont l-Artikolu 11(2).
L-ammonti li jsiru disponibbli għall-Istrument ta’ Flessibbiltà skont it-tieni subparagrafu għandhom jintużaw skont il-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.
3.Il-porzjon li ma jintużax tal-ammont annwali tal-Istrument ta’ Flessibbiltà jista’ jiġi użat sas-sena n+3. Il-porzjon tal-ammont annwali li jirriżulta mis-snin ta’ qabel għandu jintuża l-ewwel, skont l-età tiegħu. Dak il-porzjon tal-ammont annwali mis-sena n li ma jintużax fis-sena n+3 għandu jiskadi.
Artikolu 14
Marġni ta’ Kontinġenza
1.Marġni ta’ Kontinġenza ta’ mhux iżjed minn 0,03 % tad-Dħul Nazzjonali Gross tal-Unjoni għandu jiġi kostitwit barra mil-limiti massimi tal-QFP, bħala strument tal-aħħar-rimedju b’reazzjoni għal ċirkostanzi mhux previsti. Dan jista’ jiġi mmobbilizzat biss f’rabta ma’ baġit emendatorju jew annwali.
2.L-użu tal-Marġni ta’ Kontinġenza ma għandux jaqbeż, fi kwalunkwe sena partikolari, l-ammont massimu stipulat fl-aġġustament tekniku annwali tal-QFP, u għandu jkun konsistenti mal-limitu massimu tar-riżorsi proprji.
3.L-ammonti magħmulin disponibbli permezz tal-mobbilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza għandhom jiġu kollha kkumpensati mal-marġni f’waħda jew aktar mill-intestaturi tal-QFP għas-sena finanzjarja attwali jew dawk futuri.
4.L-ammonti paċuti skont il-paragrafu 3 ma għandhomx jiġu mobbilizzati aktar fil-kuntest tal-QFP. L-użu tal-Marġni ta’ Kontinġenza ma għandux jirriżulta fil-qbiż tal-limiti totali tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament stipulati fil-QFP għas-sena finanzjarja attwali jew għal dawk futuri.
Kapitolu 4
Rieżami u Reviżjoni tal-QFP
Artikolu 15
Reviżjoni tal-QFP
1.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(2), l-Artikoli minn 16 sa 20 u 24, f’ċirkostanzi mhux previsti, il-QFP jista’ jiġi rivedut f’konformità mal-limitu massimu tar-riżorsi proprji stabbilit skont id-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji li tkun fis-seħħ.
2.Bħala regola ġenerali, kull proposta għal reviżjoni tal-QFP skont il-paragrafu 1 għandha tiġi ppreżentata u adottata qabel il-bidu tal-proċedura baġitarja għas-sena jew l-ewwel sena tas-snin ikkonċernati.
3.Kull proposta għal reviżjoni tal-QFP skont il-paragrafu 1 għandha teżamina l-possibbiltà għar-riallokazzjoni tan-nefqa bejn il-programmi koperti mill-intestatura kkonċernata mir-reviżjoni, b’referenza partikolari għal kull nuqqas ta’ utilizzazzjoni mistennija tal-approprjazzjonijiet.
4.Kull reviżjoni tal-QFP skont il-paragrafu 1 għandha tqis il-possibbiltà ta’ tpaċija għal kull żieda fil-limitu massimu għal intestatura waħda permezz tat-tnaqqis tal-limitu massimu għal intestatura oħra.
5.Kull reviżjoni fil-QFP skont il-paragrafu 1 għandha żżomm relazzjoni xierqa bejn l-impenji u l-ħlasijiet.
Artikolu 16
Rieżami ta’ nofs it-terminu tal-QFP
Qabel l-1 ta’ Jannar 2024, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rieżami tal-funzjonament tal-QFP. Dan ir-rieżami għandu, kif ikun xieraq, ikun akkumpanjat minn proposti rilevanti.
Artikolu 17
Reviżjoni relatata mal-implimentazzjoni
Meta tinnotifika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bir-riżultati tal-aġġustamenti tekniċi għall-QFP, il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, tippreżenta kwalunkwe proposta biex jiġu riveduti l-approprjazzjonijiet ta’ pagament totali li din tkun tqis bħala meħtieġa, fid-dawl tal-implimentazzjoni, biex tiżgura ġestjoni tajba tal-limiti massimi tal-pagamenti annwali u b’mod partikolari l-progress ordnat tagħhom fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn.
Artikolu 18
Reviżjoni tal-QFP fil-każ ta’ reviżjoni tat-Trattati
F’każ li sseħħ reviżjoni tat-Trattati b’implikazzjonijiet baġitarji, il-QFP għandu jiġi rivedut kif xieraq.
Artikolu 19
Reviżjoni tal-QFP fil-każ ta’ tkabbir tal-Unjoni
Jekk ikun hemm adeżjoni jew adeżjonijiet mal-Unjoni, il-QFP għandu jiġi rivedut biex jitqiesu l-ħtiġijiet tan-nefqa li jirriżultaw minn dan.
Artikolu 20
Reviżjoni tal-QFP fil-każ tar-riunifikazzjoni ta’ Ċipru
Fil-każ ta’ riunifikazzjoni ta’ Ċipru, il-QFP għandu jiġi rivedut sabiex jieħu inkunsiderazzjoni l-ftehim komprensiv dwar il-problema ta’ Ċipru u l-ħtiġijiet finanzjarji addizzjonali li jirriżultaw mir-riunifikazzjoni.
Kapitolu 5
Kontribuzzjoni għall-finanzjament ta’ proġetti fuq skala kbira
Artikolu 21
Kontribuzzjoni għall-finanzjament ta’ proġetti fuq skala kbira
1.Ammont massimu ta’ EUR 14 196 miljun (fi prezzijiet tal-2018) għandu jkun disponibbli mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-perjodu 2021 sal-2027 għal proġetti fuq skala kbira skont ir-Regolament XXXX/XX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill - il-Programm Spazjali] 20 .
2.Ammont massimu ta’ EUR 5 406 miljun (fi prezzijiet tal-2018) għandu jkun disponibbli għall-proġett Internazzjonali tar-Reattur Esperimentali Termonukleari (International Thermonuclear Experimental Reactor, ITER) mill-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-perjodu mill-2021 sal-2027.
Kapitolu 6
Kooperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja
Artikolu 22
Kooperazzjoni interistituzzjonali fil-proċedura baġitarja
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (“l-istituzzjonijiet”) għandhom jieħdu miżuri biex jiffaċilitaw il-proċedura baġitarja annwali.
L-istituzzjonijiet għandhom jikkooperaw b’rieda tajba matul il-proċedura bil-ħsieb li jirrikonċiljaw il-pożizzjonijiet tagħhom. L-istituzzjonijiet għandhom, fl-istadji kollha tal-proċedura, jikkooperaw permezz ta’ kuntatti interistituzzjonali xierqa sabiex isegwu l-progress tax-xogħol u janalizzaw il-grad ta’ konverġenza.
L-istituzzjonijiet għandhom jiżguraw li l-kalendarji tax-xogħol rispettivi tagħhom ikunu kkoordinati kemm jista’ jkun sabiex il-proċedimenti jkunu jistgħu jitwettqu b’mod koerenti u konverġenti, u li jwasslu għall-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.
Jistgħu jiġu organizzati trilogi f’kull stadju tal-proċedura u f’livelli differenti tar-rappreżentazzjoni, skont in-natura tad-diskussjonijiet mistennija. Kull istituzzjoni, f’konformità mar-regoli ta’ proċedura tagħha stess, għandha taħtar il-parteċipanti tagħha għal kull laqgħa, tiddefinixxi l-mandat tagħha għan-negozjati u tinforma lill-istituzzjonijiet l-oħra bl-arranġamenti għal-laqgħat fi żmien adegwat.
Artikolu 23
Unità tal-baġit
L-infiq u d-dħul kollu tal-Unjoni u l-Euratom għandhom jiġu inklużi fil-baġit ġenerali tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 7] tar-Regolament Finanzjarju, inkluża n-nefqa li tirriżulta minn kull deċiżjoni rilevanti meħuda b’mod unanimu mill-Kunsill wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, fil-qafas tal-Artikolu 332 TFUE.
Kapitolu 7
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 24
Tranżizzjoni lejn il-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss
Qabel l-1 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għal qafas finanzjarju pluriennali ġdid.
Artikolu 25
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.5.2018
COM(2018) 322 final
ANNESS
tal-proposta għal
REGOLAMENT TAL-KUNSILL
li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021-2027
ANNESS
Tabella tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali
|
(EUR miljun - prezzijiet tal-2018) |
||||||||
|
Approprjazzjonijiet ta’ impenn |
2021 |
2022 |
2023 |
2024 |
2025 |
2026 |
2027 |
Total
|
|
1. Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali |
23 955 |
23 918 |
24 203 |
23 624 |
23 505 |
23 644 |
23 454 |
166 303 |
|
2. Koeżjoni u Valuri |
51 444 |
54 171 |
56 062 |
56 600 |
57 148 |
59 200 |
57 349 |
391 974 |
|
Li minnhom: Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali |
45 597 |
46 091 |
46 650 |
47 212 |
47 776 |
48 348 |
48 968 |
330 642 |
|
3. Riżorsi Naturali u Ambjent |
50 323 |
49 580 |
48 886 |
48 097 |
47 326 |
46 575 |
45 836 |
336 623 |
|
Li minnhom: Nefqa relatata mas-suq u pagamenti diretti |
37 976 |
37 441 |
36 946 |
36 346 |
35 756 |
35 176 |
34 606 |
254 247 |
|
4. Migrazzjoni u Ġestjoni tal-Fruntieri |
3 076 |
4 219 |
4 414 |
4 647 |
4 719 |
4 846 |
4 908 |
30 829 |
|
5. Sigurtà u Difiża |
3 154 |
3 229 |
3 183 |
3 281 |
3 517 |
3 743 |
4 216 |
24 323 |
|
6. Il-Viċinat u d-Dinja |
14 765 |
14 831 |
15 002 |
15 290 |
15 711 |
16 298 |
17 032 |
108 929 |
|
7. Amministrazzjoni Pubblika Ewropea |
10 388 |
10 518 |
10 705 |
10 864 |
10 910 |
11 052 |
11 165 |
75 602 |
|
Li minnhom: Nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet |
8 128 |
8 201 |
8 330 |
8 432 |
8 412 |
8 493 |
8 551 |
58 547 |
|
TOTAL TAL-APPROPRJAZZJONIJIET TA’ IMPENN |
157 105 |
160 466 |
162 455 |
162 403 |
162 836 |
165 358 |
163 960 |
1 134 583 |
|
Bħala perċentwal tad-DNG |
1,12 % |
1,13 % |
1,13 % |
1,12 % |
1,11 % |
1,11 % |
1,09 % |
1,11 % |
|
TOTAL TAL-APPROPRJAZZJONIJIET TA’ PAGAMENT |
150 168 |
151 482 |
160 631 |
160 631 |
160 631 |
160 631 |
160 631 |
1 104 805 |
|
Bħala perċentwal tad-DNG |
1,07 % |
1,07 % |
1,12 % |
1,10 % |
1,09 % |
1,08 % |
1,07 % |
1,08 % |
|
Marġni disponibbli |
0,22 % |
0,22 % |
0,17 % |
0,19 % |
0,20 % |
0,21 % |
0,22 % |
0,21 % |
|
Riżorsi Proprji bħala perċentwal tad-DNG (*) |
1,29 % |
1,29 % |
1,29 % |
1,29 % |
1,29 % |
1,29 % |
1,29 % |
1,29 % |
|
(*)Dawn il-perċentwali huma bla preġudizzju għal-limitu massimu stabbilit fid-Deċiżjoni tar-Riżorsi Proprji fis-seħħ. |
||||||||