IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 25.5.2018
COM(2018) 298 final
2018/0150(CNS)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fakultattiv fir-rigward ta’ provvisti ta’ ċerti merkanzija u servizzi suxxettibbli għall-frodi u tal-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida kontra l-frodi tal-VAT
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
L-għan tal-proposta attwali għal Direttiva li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (minn hawn’ il quddiem “id-Direttiva dwar il-VAT”) huwa l-estensjoni ta’: 1) il-possibbiltà li l-Istati Membri japplikaw il-mekkaniżmu tar-reverse charge biex tiġi miġġielda il-frodi li qed issir fil-provvista ta' merkanzija u servizzi li hemm inniżżla fl-Artikolu 199a(1) tad-Direttiva tal-VAT u 2) il-possibbiltà li jintuża l-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida (MRR) kontra l-frodi.
L-Artikolu 199a tad-Direttiva tal-VAT jippermetti lill-Istati Membri jagħżlu li jużaw il-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-ħlas tal-VAT fuq provvisti ta’ merkanzija u servizzi definiti minn qabel, li huma suxxettibbli għall-frodi, u b’mod partikolari, għall-Frodi Intra-Komunitarja b’Negozjant Nieqes (MTIC).
Jekk Stat Membru jixtieq japplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge għal provvisti oħrajn minbarra dawk elenkati fl-Artikolu 199a tad-Direttiva tal-VAT, tista’ tingħata deroga abbażi tal-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jiġu evitati ċerti forom ta’ evażjoni u evitar tat-taxxa. Madankollu, l-adozzjoni tad-deroga bbażata fuq dan l-artikolu tirrikjedi proposta min-naħa tal-Kummissjoni u l-adozzjoni unanima mill-Kunsill, proċess li jieħu bosta xhur (sa massimu ta’ tmien xhur skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT). F’każijiet fejn Stat Membru isib ruħu f’daqqa waħda qed iħabbat wiċċu ma’ frodi massiva, it-tul tal-proċedura biex tinkiseb deroga bbażata fuq l-Artikolu 395, jista’ jirriżulta f’telf importanti ta’ dħul mill-VAT. L-MRR inkluż fl-Artikolu 199b tad-Direttiva tal-VAT jinkludi proċedura aktar rapida biex tippermetti lill-Istati Membri, taħt ċerti kundizzjonijiet stretti, jintroduċu l-mekkaniżmu tar-reverse charge, u b’hekk lill-Istati Membri jipprovdilhom reazzjoni iktar xierqa u effettiva għal frodi għal għarrieda u massiva. br
L-għan tal-miżuri previsti fl-Artikoli 199a u 199b huwa li jippermettu lill-Istati Membri jindirizzaw malajr il-problemi tal-frodi MTIC: fl-Artikolu 199a, billi jingħataw il-possibbiltà li japplikaw il-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-provvisti elenkati u fl-Artikolu 199b billi jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom proċedura aktar mgħaġġla għall-introduzzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge f’każ ta’ frodi għal għarrieda u massiva. Iż-żewġ Artikoli jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2018.
Il-frodi MTIC isseħħ f’sitwazzjoni meta negozjant jixtri merkanzija trasportata jew mibgħuta minn Stat Membru ieħor, f’qafas ta’ provvista li tkun eżentata mill-VAT u jbigħha lill-klijent bil-VAT inkluża fuq il-fattura. Wara li jkun irċieva l-ammont tal-VAT mingħand il-klijent it-tali negozjant jisparixxi qabel ma jħallas il-VAT dovuta lill-awtoritajiet tat-taxxa. Fl-istess ħin, il-klijent, kemm jekk ikun aġixxa b’bona fede u kemm jekk le, jista’ jnaqqas il-VAT li jkun ħallas lill-fornitur permezz tad-dikjarazzjoni tal-VAT tiegħu. Il-mekkaniżmu tar-reverse charge fakultattiv ibbażat fuq l-Artikolu 199a tad-Direttiva tal-VAT jidher li huwa strument utli u prekawzjonarju għall-Istati Membri biex jiġġieldu dan it-tip ta’ frodi f’oqsma sensittivi definiti minn qabel meta din isseħħ fit-territorju tagħhom. Meta n-negozjant ikun obbligat juża l-mekkaniżmu tar-reverse charge għal dawn il-provvisti domestiċi, huwa ma jistax jitlob il-VAT fuq il-fattura tiegħu. Huwa mbagħad ma jirċevix l-ammont tal-VAT mingħand il-klijent tiegħu, u bħala riżultat ta’ dan ma jkunx jista’ jgħib bl-ammont tal-VAT li jkun irċieva. Il-MRR previst fl-Artikolu 199b huwa miżura eċċezzjonali li tippermetti lill-Istati Membri biex b’ħeffa jintroduċu mekkaniżmu temporanju tar-reverse charge għal provvisti ta’ merkanzija u servizzi f’setturi fejn tkun seħħet il-frodi għal għarrieda u massiva u li mhumiex elenkati fl-Artikolu 199a tad-Direttiva tal-VAT. Permezz tal-użu ta’ dan il-mekkaniżmu, l-Istati Membri jistgħu jgħaqqdu l-perjodu meħtieġ biex jiksbu d-deroga normali skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.
Kif meħtieġ mid-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni ppreżentat Rapport dwar l-effetti tal-mekkaniżmi inklużi fl-Artikoli 199a u 199b tad-Direttiva tal-VAT. Għat-tħejjija ta’ dan ir-rapport, l-Istati Membri ġew mistiedna jagħtu l-esperjenza tagħhom u l-valutazzjoni tagħhom tal-miżuri. Sabiex jiġi żgurat li jiġu kkunsidrati l-kummenti tan-negozji, il-partijiet ikkonċernati tan-negozju ntalbu, permezz tal-Grupp ta’ Esperti tal-VAT, jagħtu l-opinjonijiet tagħhom. B’mod ġenerali, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati jqisu li l-mekkaniżmu tar-reverse charge inkluż fl-Artikolu 199a tad-Direttiva tal-VAT huwa għodda effettiva u effiċjenti fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. Fir-rigward tal-MRR inkluż fl-Artikolu 199b tad-Direttiva tal-VAT, minkejja li qatt ma ntuża, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri huma tal-fehma li dan għadu għodda utli u miżura ta’ prekawzjoni għall-każijiet eċċezzjonali ta’ frodi b’rabta mal-VAT.
Dan l-aħħar il-Kummissjoni ppreżentat żewġ proposti leġiżlattivi li għandhom l-għan li jindirizzaw il-frodi tal-VAT b’mod aktar fundamentali. L-ewwel proposta hija għal kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tal-VAT, li għandha ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri biex jiġġieldu b’mod effiċjenti l-frodi transfruntiera.
It-tieni hija proposta li tiddeskrivi l-punti ewlenin għal sistema tal-VAT definittiva aktar sempliċi u inqas suxxettibbli għall-frodi fil-kummerċ intra-UE. Biex jiġu implimentati dawn il-pedamenti se jintuża approċċ f’żewġ fażijiet. Għall-ewwel pass, fl-ewwel semestru tal-2018 il-Kummissjoni se tippreżenta proposta li tinkludi dispożizzjonijiet dettaljati biex jitħaddmu l-arranġamenti definittivi għall-provvisti ta’ merkanzija għall-kummerċ bejn in-Negozji (B2B).
Dawn l-arranġamenti, li għandhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2022, jipprovdu reazzjoni fundamentali għall-frodi MTIC. Peress li l-VAT se tkun effettivament imħallsa fuq il-provvisti intra-Unjoni, il-kummerċjant ma jkunx jista’ jakkwista merkanzija, trasportata jew mibgħuta minn Stat Membru ieħor eżentata mill-VAT - li tinsab preċiżament fil-bażi tal-frodi MTIC. Se jkunu jistgħu jiksbu merkanzija ttrasportata jew mibgħuta minn Stat Membru ieħor mingħajr ma tkun intalbet il-VAT mill-fornitur biss dawk il-persuni taxxabbli affidabbli li jkunu kisbu l-istatus ta’ persuna taxxabbli ċċertifikata.
Minn dan ta’ hawn fuq jidher li l-miżuri inklużi fl-Artikoli 199a u 199b tad-Direttiva tal-VAT huma utli bħala miżuri temporanji u mmirati. L-iskadenza tagħhom fil-31 ta’ Diċembru 2018 tkun iċċaħħad lill-Istati Membri minn għodda effiċjenti fil-ġlieda kontra l-frodi.
Għalhekk jixraq li l-miżuri inklużi fl-Artikoli 199a u 199b, jiġu estiżi sat-30 ta’ Ġunju 2022; id-data li fiha s-sistema definittiva għall-kummerċ tal-provvisti ta’ merkanzija B2B għandha tidħol fis-seħħ.
Skont l-Artikolu 199a(1) tad-Direttiva dwar il-VAT, l-Istati Membri jistgħu japplikaw il-mekkaniżmu tar-reverse charge għal mill-inqas sentejn. Ir-rekwiżit ta’ perjodu minimu ta’ sentejn għall-applikazzjoni tal-miżura kien ta’ impediment għal għadd żgħir ta’ Stati Membri li xtaqu jdaħħlu l-mekkaniżmu tar-reverse charge fl-2017 biex jiġġieldu każijiet li għadhom kif ġew skoperti ta’ frodi tal-VAT fil-provvisti ta’ merkanzija u/jew ta’ servizzi inklużi fil-lista tal-Artikolu 199a. L-Istati Membri kkonċernati finalment kellhom jippreżentaw talba għal deroga bbażata fuq l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT u skont il-proċedura inkluża f’dan l-Artikolu, u dan wassal għal dewmien fir-reazzjoni tal-Istati Membri għall-problema tal-frodi. Konsegwentement, qed jiġi propost li jitneħħa r-rekwiżit ta’ perjodu minimu ta’ sentejn minn din id-dispożizzjoni.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika f’dan il-qasam ta’ politika
Din il-proposta attwali hija mingħajr preġudizzju għall-proposta tal-Kummissjoni fir-rigward tal-mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat li lil dawk l-Istati Membri li huma partikolarment affettwati mill-frodi għandu jipprovdilhom il-possibilità li jintroduċu mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat (u mhux għal setturi speċifiċi) għall-provvisti domestiċi ta’ merkanzija u servizzi, sakemm jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet stretti. L-ambitu u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat huma differenti mill-kundizzjonijiet tal-Artikoli 199a u 199b tad-Direttiva tal-VAT.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Id-Direttiva temenda d-Direttiva tal-VAT abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Peress li l-proposta testendi l-applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva, hija meħtieġa emenda tad-Direttiva tal-VAT.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tista’ tittieħed biss azzjoni fil-livell tal-Unjoni jekk l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħu jinkisbu b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri waħedhom u, għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjonijiet proposti, ikunu jistgħu jinkisbu aħjar mill-Unjoni.
L-għan tal-ġlieda kontra l-frodi permezz tal-applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge u l-possibbiltà li jintuża l-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida fil-ġlieda kontra l-frodi għal għarrieda u massiva jista’ jinkiseb l-aħjar fil-livell tal-Unjoni u jsib il-bażi legali speċifika fid-Direttiva tal-VAT. Għalhekk, l-estensjoni ta’ dawn il-miżuri teżiġi emenda għad-Direttiva dwar il-VAT.
•Proporzjonalità
Minħabba l-karattru fakultattiv u temporanju tal-miżuri fit-tul, il-proposta hija proporzjonata mal-għan mixtieq tal-ġlieda kontra l-frodi f’ċertu provvisti ta’ merkanzija u servizzi u tgħin lill-Istati Membri biex jittrattaw każijiet ta’ frodi tal-VAT f’daqqa u massiva.
•Għażla tal-istrument
Qed tiġi proposta Direttiva bil-ħsieb li tiġi emendata d-Direttiva dwar il-VAT.
3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-kummenti tal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati ġew ippreżentati fir-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-effetti tal-Artikoli 199a u 199b tad-Direttiva tal-VAT dwar il-ġlieda kontra l-frodi.
B’mod ġenerali, kif stabbilit fir-Rapport, l-Istati Membri jqisu li l-mekkaniżmu tar-reverse charge inkluż fl-Artikolu 199a tad-Direttiva tal-VAT huwa għodda effettiva u effiċjenti ħafna fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT. Minħabba l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge, il-frodi naqset b’mod sinifikanti jew sparixxiet fis-setturi definiti. Din il-fehma taqbel mal-fehma li ntweriet fit-tweġibiet li waslu mingħand il-partijiet ikkonċernati kkonsultati li jqisu l-mekkaniżmu tar-reverse charge bħala miżura temporanja effiċjenti għall-ġlieda kontra l-frodi.
Minkejja li l-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida inkluż fl-Artikolu 199b tad-Direttiva tal-VAT qatt ma ntuża, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jikkunsidraw li dan għadu għodda utli u miżura ta’ prekawzjoni kontra l-każijiet eċċezzjonali ta’ frodi tal-VAT għal għarrieda.
•Ġbir u użu tal-kompetenzi
Il-Grupp ta’ Esperti dwar il-VAT ġie kkonsultat dwar l-effetti tal-miżura inkluża fl-Artikolu 199a tad-Direttiva tal-VAT. It-tweġibiet jindikaw li l-mekkaniżmu tar-reverse charge għal provvisti speċifiċi huwa meqjus bħala għodda temporanja effiċjenti fil-ġlieda kontra l-frodi.
B’mod ġenerali, il-mekkaniżmu tar-reverse charge fakultattiv ġie vvalutat fi studji preċedenti. Skont studju reċenti dwar il-valutazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fakultattiv, il-mekkaniżmu tar-reverse charge jimplika żieda ta’ 43% fl-ispejjeż ta’ konformità għan-negozji. Valutazzjoni ta’ mekkaniżmu tar-reverse charge (anki meta mqabbel mar-reverse charge settorjali) fis-suq intern twettqet fil-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta dwar l-applikazzjoni temporanja ta’ mekkaniżmu tar-reverse charge ġeneralizzat. Minħabba li huwa limitat fl-ambitu u fiż-żmien, il-mekkaniżmu mmirat tar-reverse charge ma jidhirx li għandu konsegwenzi ta’ ħsara kbira.
•Valutazzjoni tal-impatt
L-inizjattiva testendi l-miżuri inklużi fl-Artikoli 199a u 199b biex tappoġġa lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-frodi tal-VAT sakemm isseħħ riforma aktar profonda tas-sistema tal-VAT.
Minħabba x-xogħol tal-Kummissjoni li għaddej bħalissa dwar is-sistema definittiva tal-VAT u l-impatt mistenni tagħha fuq il-ġlieda kontra l-frodi, ma jkunx utli għalissa li ssir evalwazzjoni apparti mir-Rapport riċenti jew li jiġu rriveduti l-miżuri, billi kull konklużjoni tkun tranżitorja u jkun jinħtieġ li tiġi vvalutata mill-ġdid ladarba s-sistema definittiva tidħol fis-seħħ.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta mhi se jkollha l-ebda implikazzjoni negattiva għall-baġit tal-Unjoni.
5.ELEMENTI OĦRA
Il-proposta hija limitata biż-żmien.
2018/0150 (CNS)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fakultattiv fir-rigward ta’ provvisti ta’ ċerti merkanzija u servizzi suxxettibbli għall-frodi u tal-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida kontra l-frodi tal-VAT
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġislattiva speċjali,
Billi:
(1)Il-frodi tat-taxxa fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) twassal għal telf baġitarju konsiderevoli u għandha impatt fuq l-operazzjoni tas-suq intern.
(2)L-Artikolu 199a tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE jippermetti lill-Istati Membri jipprevedu li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT fuq provvisti elenkati f’dak l-Artikolu hija l-persuna taxxabbli li lilha ssir il-provvista (il-mekkaniżmu tar-reverse charge) sabiex tiġi indirizzata malajr il-problema ta’ frodi b’negozjant nieqes fil-kummerċ intra-Komunitarju (MTIC). L-Istati Membri jistgħu japplikaw dan il-mekkaniżmu sal-31 ta’ Diċembru 2018 u għal perjodu minimu ta’ sentejn.
(3)Il-miżura speċjali tal-Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida (MRR) stabbilita fl-Artikolu 199b tad-Direttiva 2006/112/KE toffri lill-Istati Membri proċedura iktar rapida li tippermetti d-dħul tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fir-rigward ta’ provvisti speċifiċi ta’ merkanzija u servizzi bil-għan li tiġi miġġielda l-frodi massiva u li sseħħ għal għarrieda li tista’ twassal għal telf finanzjarju konsiderevoli u irrimedjabbli. B’konformità mal-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 2013/42/UE, l-Istati Membri jistgħu japplikaw il-miżura speċjali tal-MRR sal-31 ta’ Diċembru 2018.
(4)Fit-8 ta’ Marzu 2018 il-Kummissjoni ppreżentat Rapport dwar l-effetti tal-mekkaniżmi fuq il-ġlieda kontra l-frodi msemmija fl-Artikoli 199a u 199b tad-Direttiva 2006/112/KE lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
(5)Skont ir-Rapport, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati ġeneralment iqisu l-mekkaniżmu tar-reverse charge stabbilit fl-Artikolu 199a tad-Direttiva 2006/112/KE bħala għodda temporanja effettiva u effiċjenti fil-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT fis-setturi partikolari jew fil-prevenzjoni tal-frodi. Ir-rekwiżit ta’ minimu ta’ sentejn għall-applikazzjoni tal-miżura inkluża fl-Artikolu 199a(1) sewa ta’ impediment għal għadd żgħir ta’ Stati Membri li jixtiequ jdaħħlu l-mekkaniżmu tar-reverse charge iżda ma jissodisfawx din il-kundizzjoni. Konsegwentement, ir-rekwiżit ta’ perjodu minimu ta’ sentejn qed jitneħħa minn din id-dispożizzjoni.
(6)Fir-rigward għall-miżura speċjali tal-MRR msemmija fl-Artikolu 199b tad-Direttiva 2006/112/KE, għalkemm, effettivament, qatt ma ntużat, l-Istati Membri jqisu li din għandha tibqa’ għodda utli u miżura ta’ prekawzjoni kontra każijiet eċċezzjonali ta’ frodi tal-VAT.
(7)Meta jitqiesu s-sejbiet u l-konklużjoni tar-Rapport, jidher li l-miżuri msemmija fl-Artikoli 199a u 199b tad-Direttiva 2006/112/KE rriżultaw li huma miżuri temporanji utli u mmirati biex jiġġieldu kontra l-frodi tal-VAT. Dawn il-miżuri ser jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2018 u dan se jċaħħad lill-Istati Membri minn għodda effiċjenti biex tiġi miġġielda l-frodi tal-VAT. Għalhekk huwa xieraq li l-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri tiġi estiża għal perjodu ta’ żmien limitat, sad-dħul fis-seħħ previst tas-sistema definittiva tal-VAT.
(8)Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2006/112/KE tiġi emendata skont dan,
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:
(1)fl-Artikolu 199a(1), il-kliem tad-dħul huwa sostitwit b’li ġej:
“L-Istati Membri jistgħu, sat-30 ta’ Ġunju 2022 jipprevedu li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT hija l-persuna taxxabbli li lilha jsiru l-provvisti li ġejjin:”;
(2)l-Artikolu 199b huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 199b
1. Stat Membru jista’, f’każijiet ta’ urġenza imperattiva u b’konformità mal-paragrafi 2 u 3, jinnomina d-destinatarju bħala l-persuna responsabbli biex tħallas il-VAT fuq provvisti speċifiċi ta’ merkanzija u servizzi b’deroga mill-Artikolu 193 bħala miżura speċjali ta’ Mekkaniżmu ta’ Reazzjoni Rapida (“MRR”) fil-ġlieda kontra l-frodi għal għarrieda u massiva li tista’ twassal għal telf finanzjarju konsiderevoli u irrimedjabbli.
Il-miżura speċjali tal-MRR għandha tkun soġġetta għal miżuri ta’ kontroll xierqa mill-Istat Membru, fir-rigward ta’ persuni taxxabbli li jipprovdu l-merkanzija jew is-servizzi li għalihom tkun tapplika dik il-miżura, u għandha tkun għal perjodu ta’ mhux aktar minn disa’ xhur.
2. Stat Membru li jixtieq jintroduċi miżura speċjali ta’ MRR kif previst fil-paragrafu 1 għandu jibgħat notifika lill-Kummissjoni permezz tal-formola standardizzata stabbilita b’konformità mal-paragrafu 4 u fl-istess waqt jibgħatha lill-Istati Membri l-oħra. L-Istat Membru għandu jipprovdi l-informazzjoni li tindika s-settur ikkonċernat, it-tip u l-karatteristiċi tal-frodi, l-eżistenza ta’ raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, in-natura għal għarrieda u massiva tal-frodi u l-konsegwenzi tagħha f’termini ta’ telf finanzjarju konsiderevoli u irrimedjabbli lill-Kummissjoni. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li ma jkollhiex l-informazzjoni kollha meħtieġa, għandha tikkuntattja lill-Istat Membru kkonċernat fi żmien ġimagħtejn minn meta tirċievi n-notifika u tispeċifika l-informazzjoni addizzjonali li tkun teħtieġ. Kull informazzjoni addizzjonali pprovduta mill-Istat Membru kkonċernat għandha fl-istess waqt tintbagħat lill-Istati Membri l-oħra. Jekk l-informazzjoni addizzjonali pprovduta ma tkunx suffiċjenti, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat b’dan fi żmien ġimgħa.
L-Istat Membru li jixtieq jintroduċi miżura speċjali ta’ MRR kif previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu fl-istess waqt jagħmel ukoll applikazzjoni lill-Kummissjoni b’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 395(2) u (3).
F’każijiet ta’ urġenza imperattiva kif stipulat fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 395(2) u (3) għandha titlesta fi żmien sitt xhur minn meta l-Kummissjoni tirċievi l-applikazzjoni.
3. Ladarba l-Kummissjoni jkollha l-informazzjoni kollha li hija tikkunsidra meħtieġa għall-valutazzjoni tan-notifika msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, hija għandha tinnotifika lill-Istati Membri b’dan. Fejn hija toġġezzjona għall-miżura speċjali ta’ MRR, hija għandha tipproduċi opinjoni negattiva fi żmien xahar ta’ dik in-notifika, u għandha tinforma lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kumitat tal-VAT dwar dan. Fejn il-Kummissjoni ma toġġezzjonax, hija għandha tikkonferma dan bil-miktub lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kumitat tal-VAT fl-istess perjodu ta’ żmien. L-Istat Membru jista’ jadotta l-miżura speċjali ta’ MRR mid-data minn meta jirċievi dik il-konferma. Fil-valutazzjoni tan-notifika, il-Kummissjoni għandha tqis il-fehmiet ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor li jkunu ntbagħtulha bil-miktub.
4. Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi formola standardizzata biex tiġi ppreżentata n-notifika għal miżura speċjali ta’ MRR msemmija fil-paragrafu 2 u tal-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2. Dan l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fil-paragrafu 5.
5. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(*) u għal dan il-għan il-kumitat għandu jkun il-kumitat stabbilit mill-Artikolu 58 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010(**).
6. Miżura speċjali ta’ MRR kif prevista fil-paragrafu 1 għandha tapplika sat-30 ta’ Ġunju 2022.”;
__________
(*) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (
ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13
).
(**) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta' Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud
ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1
).";
(3)fl-Artikolu 395, jitħassar il-paragrafu 5.
Artikolu 2
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 3
Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President