Brussell, 17.5.2018

COM(2018) 274 final

2018/0129(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2008/96/KE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq

{SEC(2018) 226 final}
{SWD(2018) 175 final}
{SWD(2018) 176 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Is-sikurezza tat-toroq fl-UE tjiebet ħafna matul dawn l-aħħar snin bis-saħħa tal-azzjoni fil-livell tal-UE, dak nazzjonali, dak reġjonali u l-livell lokali. Bejn l-2001 u l-2010, l-għadd ta’ persuni li mietu f’aċċidenti fit-toroq fl-UE naqas bi 43 % u bi 19 % oħra bejn l-2010 u l-2016. Fl-2016, 25 620 ruħ tilfu ħajjithom f’aċċidenti fit-toroq tal-UE, 510 inqas mill-2015 u 5 900 inqas mill-2010.

Minkejja li xi Stati Membri qed ikomplu jagħmlu progress konsiderevoli kull sena, ir-rati ta’ fatalitajiet fit-toroq fl-UE kollha staġnaw f’dawn l-aħħar snin. Il-partijiet ikkonċernati tas-sikurezza fit-toroq irreaġixxew għall-istaġnar b’impenn imġedded għal din il-kwistjoni, kif esprimew il-Ministri tat-Trasport tal-UE fid-Dikjarazzjoni dwar is-Sikurezza fit-Toroq 1 , li saret fil-Belt Valletta f’Marzu 2017.

Appoġġata minn dan l-impetu politiku, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll, fl-istess ħin ma’ din l-inizjattiva, qafas għas-sikurezza fit-toroq għall-2020-2030 li huwa aktar adattat għall-isfidi magħrufa u għall-bidliet fil-mobilità li jirriżultaw mix-xejriet soċjetali (eż. aktar sewwieqa tar-roti u persuni mixjin fit-triq, soċjetà li qed tixjieħ) u l-iżviluppi teknoloġiċi. Il-qafas propost isegwi l-approċċ tas-Sistema Sikura. Dan l-approċċ huwa bbażat fuq il-prinċipju li l-bnedmin jistgħu u ser ikomplu jiżbaljaw, u li hija responsabbiltà komuni tal-atturi fil-livelli kollha biex jiġi żgurat li inċidenti fit-toroq ma jwasslux għal ġrieħi gravi jew fatali. Skont l-approċċ tas-Sistema Sikura, is-sikurezza tal-partijiet kollha tas-sistema trid tittejjeb — it-toroq u l-ġnub tat-toroq, il-veloċità tal-vetturi u l-użu tat-toroq, b’tali mod li jekk waħda tfalli, il-partijiet l-oħra xorta jibqgħu joffru ċerta protezzjoni lill-persuni involuti.

L-infrastruttura tat-toroq se tkompli tkun tabilħaqq parti mill-approċċ il-ġdid. Toroq imfassla u miżmuma kif suppost jistgħu jnaqqsu l-probabbiltà ta’ aċċidenti tat-traffiku, filwaqt li toroq “li jaħfru” (toroq imfassla b’mod intelliġenti biex jiġi żgurat li l-iżbalji fis-sewqan mhux bilfors ikollhom konsegwenzi serji) jistgħu jnaqqsu s-severità tal-aċċidenti li jiġru.

Id-Direttiva dwar il-Ġestjoni tas-Sikurezza fl-Infrastruttura tat-Toroq 2 (minn issa ‘l quddiem “id-Direttiva tar-RISM”) ġiet adottata fl-2008 biex tiżgura li l-konsiderazzjonijiet tas-sikurezza fit-toroq jkunu fuq quddiem nett fil-fażijiet kollha tal-ippjanar, tad-disinn u tat-tħaddim tal-infrastruttura tat-toroq. Madankollu, hemm differenzi kbar fil-mod ta’ kif id-Direttiva ġiet implimentata mill-Istati Membri — bosta pajjiżi bi prestazzjoni għolja qabżu r-rekwiżiti tad-Direttiva filwaqt li pajjiżi oħra għadhom lura.

L-għan ġenerali tal-inizjattiva proposta huwa li jitnaqqsu l-fatalitajiet u l-korrimenti serji fin-netwerks tat-toroq tal-UE billi tittejjeb il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq. Fost l-għanijiet speċifiċi hemm:

it-titjib tal-azzjonijiet ta’ segwitu għas-sejbiet ta’ proċeduri ta’ ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq;

it-trawwim ta’ armonizzazzjoni u l-qsim tal-għarfien bejn l-Istati Membri dwar dawn il-proċeduri u r-rekwiżiti;

il-protezzjoni tal-utenti vulnerabbli tat-triq;

it-titjib fl-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda; kif ukoll

ħidma lejn livell konsistentement għoli ta’ sikurezza fit-toroq madwar l-Istati Membri, bl-użu effiċjenti tar-riżorsi finanzjarji limitati.

Id-Direttiva riveduta għandha l-għan li tikseb dawn l-objettivi billi tintroduċi l-bidliet ewlenin li ġejjin:

l-obbligu tat-trasparenza u s-segwitu ta’ proċeduri għall-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura;

l-introduzzjoni ta’ valutazzjoni tat-toroq fin-netwerk kollu, il-proċedura ta’ mmappjar sistematiku u proattiv tar-riskji biex tiġi vvalutata s-sikurezza “intrinsika”, jew inerenti, tat-toroq madwar l-UE;

l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva lil hinn min-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T) biex tkopri awtostradi u toroq primarji barra min-netwerk ewlieni kif ukoll it-toroq kollha ’l barra miż-żoni urbani li huma kompletament jew parzjalment mibnija bl-użu tal-fondi tal-UE;

l-istabbiliment ta’ rekwiżiti ġenerali tal-prestazzjoni għall-immarkar tat-toroq u għas-sinjali tat-toroq biex ikun aktar faċli li jiddaħħlu sistemi tal-mobilità kooperattivi, konnessi u awtomatizzati; kif ukoll

l-introduzzjoni tal-obbligu li f’kull proċedura ta’ ġestjoni tas-sikurezza fit-toroq, ikollhom jitqiesu sistematikament l-utenti vulnerabbli tat-toroq.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

L-inizjattiva għandha l-għan li tindirizza n-nuqqasijiet tad-Direttiva 2008/96/KE.

L-inizjattiva hija marbuta mill-qrib mal-proposta għal reviżjoni tar-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali 3 u r-Regolament dwar il-Ħarsien tal-Persuni Mexjin 4 . Il-proposta għandha l-għan li ttejjeb ir-regoli dwar is-sikurezza tal-vetturi permezz ta’ karatteristiċi ta’ sikurezza addizzjonali, inklużi sistemi ta’ sikurezza attiva maħsuba biex jipprevjenu l-aċċidenti, u karatteristiċi li jipproteġu lill-utenti vulnerabbli tat-triq. Iż-żewġ inizjattivi huma interkonnessi fejn it-teknoloġija tal-vetturi tiddependi fuq l-infrastruttura (eż. l-immarkar viżibbli tat-toroq li jappoġġa l-funzjoni tal-prevenzjoni tal-ħruġ mill-karreġġata).

Fir-rigward tal-iżviluppi teknoloġiċi, il-proposta hija marbuta wkoll mill-qrib ma’ inizjattivi li huma parti mill-Istrateġija tal-Kummissjoni dwar Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi (C-ITS) 5 .

Dawn l-inizjattivi kollha jenħtieġ li jitqiesu bħala parti minn sett wiesa’ ta’ miżuri li jindirizzaw is-sikurezza fit-toroq mill-perspettiva tas-Sistema Sikura.

Ir-relazzjoni bejn id-Direttiva tar-RISM u d-Direttiva 2004/54/KE dwar il-ħtiġijiet minimi tas-sigurtà għall-mini fin-Network Trans-Ewropew tat-Toroq (“id-Direttiva dwar il-Mini”) ġiet ivvalutata bħala parti mill-idoneità u s-simplifikazzjoni regolatorja.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Il-proposta hija ankrata fl-enfasi tal-Kummissjoni Juncker fuq Ewropa li tipproteġi, li tagħti s-setgħa u li tiddefendi. Din hija parti mill-isforzi tal-Kummissjoni biex tqarreb lill-Ewropej lejn l-UE billi tqiegħed fuq quddiem nett il-protezzjoni tagħhom. Tgħin ukoll fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li jiddikjara li “kulħadd għandu d-dritt li jkollu aċċess għal servizzi essenzjali ta’ kwalità tajba, inkluż it-trasport”.

Hija konformi mal-għanijiet stabbiliti fil-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport 6 u l-Orjentazzjonijiet ta’ Politika dwar is-Sikurezza tat-Triq 2011-2020 7 , u tifforma parti minn qafas ta’ politika ġdid tal-UE dwar is-sikurezza fit-toroq 2020-2030. Hija konsistenti mal-isforzi tal-Kummissjoni biex l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-mobilità konnessa, kooperattiva u awtomatizzata ssir eħfef, b’mod partikolari [il-komunikazzjoni dwar is-CCAM], u hija parti mit-tielet pakkett tal-mobilità ppreżentat bħala parti mill-proposti tal-Unjoni tal-Enerġija.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-UE għandha kompetenza kondiviża fil-qasam tas-sikurezza tat-trasport kif stabbilit fl-Artikolu 4 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 91(1)(c) tat-TFUE, li jipprovdi l-bażi għall-adozzjoni ta’ miżuri biex tittejjeb is-sikurezza tat-trasport, inkluża s-sikurezza tat-triq. Peress li l-kompetenza hija kondiviża, japplikaw il-kunsiderazzjonijiet tas-sussidjaretà.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Ir-riperkussjonijiet negattivi tal-aċċidenti tat-triq, inklużi lil-fatalitajiet fit-toroq u l-konġestjoni, huma problemi transkonfinali li ma jistgħux jissolvew b’azzjoni nazzjonali jew b’azzjoni lokali biss. Biex jinkiseb u jinżamm livell għoli ta’ sikurezza fit-toroq madwar l-UE, in-netwerk ewlieni tat-toroq jeħtieġ l-użu mmirat ta’ proċeduri armonizzati għall-ġestjoni tas-sikurezza tat-toroq abbażi ta’ qafas regolatorju xieraq u proporzjonat. Il-livell meħtieġ ta’ mobilità sikura għall-komponenti ewlenin tan-netwerk tat-toroq tal-UE ma jintlaħaqx mingħajr intervent fil-livell tal-UE għax l-azzjoni volontarja mhix appoġġata mill-Istati Membri kollha.

L-evalwazzjoni ex-post kif ukoll il-konsultazzjonijiet imwettqa bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt 8 ikkonfermaw li d-Direttiva eżistenti tat il-frott u hija ġeneralment aċċettata fost l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati. L-aġġornament tal-qafas biex jinkludi żviluppi ġodda, kif ukoll biex jiżdiedu l-effiċjenza u l-effettività, huwa għalhekk reazzjoni loġika għal dawn il-kunsiderazzjonijiet.

Fir-rigward tal-estensjoni tal-ambitu lil hinn min-netwerk tat-TEN-T, huwa ċar li t-toroq tat-TEN-T jiddependu fuq it-toroq li jgħaqqdu ċentri importanti ta’ attività ekonomika man-netwerk tat-TEN-T. Ħafna toroq li mhumiex parti min-netwerk tat-TEN-T huma importanti għall-funzjonament ġenerali tat-trasport bit-triq fl-UE u jġorru volumi sinifikanti ta’ traffiku nazzjonali u internazzjonali. Il-livelli tas-sikurezza f’dawn it-toroq jistgħu jkunu ħafna aktar baxxi mit-toroq tat-TEN-T infushom, li jammontaw biss għal 8 % tal-fatalitajiet fl-UE.

L-evalwazzjoni ex-post uriet li dawk l-Istati Membri li minn xi żmien ilu kienu qed japplikaw il-proċeduri tar-RISM fit-toroq nazzjonali tagħhom, irriżultatilhom prestazzjoni tas-sikurezza fit-toroq ferm ogħla minn Stati Membri li ma japplikawhomx. Minħabba l-volumi kbar ta’ traffiku, in-netwerk tat-toroq primarji tal-UE jirrappreżenta perċentwal kbir ta’ fatalitajiet meta mqabbel mas-sehem ta’ dawn it-toroq fin-netwerk totali tat-toroq (sehem ta’ 15 % tan-netwerk tat-toroq barra ż-żoni urbani f’termini ta’ kilometri ta’ toroq huwa responsabbli għal madwar 39 % tal-fatalitajiet kollha fit-toroq tal-UE). Azzjoni kkoordinata tal-UE fuq in-netwerk tat-toroq primarji (inkluża l-parti li mhix tat-TEN-T) għalhekk ser tgħin biex tintlaħaq kemm il-mira tal-UE fuq terminu medju li l-fatalitajiet jonqsu bin-nofs sal-2030 kif ukoll l-objettiv fit-tul li naslu għal żero fatalitajiet fit-trasport tat-triq sal-2050.

Mingħajr l-intervent tal-Unjoni, id-differenzi li jeżistu bħalissa fl-approċċi nazzjonali jippersistu — bosta Stati Membri, b’mod partikolari dawk bl-ogħla rati ta’ fatalitajiet, ma japplikawx sistematikament il-prinċipji tad-Direttiva mingħajr regoli vinkolanti tal-UE. Din is-sitwazzjoni tista’ twassal għal prestazzjoni ħażina kontinwa tas-sikurezza fit-toroq f’dawk l-Istati Membri, u dan jolqot ukoll b’mod negattiv il-prestazzjoni tas-sikurezza fit-toroq fl-UE kollha kemm hi.

Il-benefiċċji ewlenin ta’ azzjoni tal-UE jinsabu f’konverġenza lejn standards ogħla ta’ sikurezza tal-infrastruttura madwar l-UE, li l-inizjattiva timmira li tikseb. L-ivvjaġġar madwar l-UE jenħtieġ li jsir aktar sikur, fejn il-pajjiżi li ma jkunux sejrin daqshekk tajjeb ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-esperjenza ta’ pajjiżi aktar avvanzati. Imbagħad, dan mistenni jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern, billi jipprovdi esperjenza tal-ivvjaġġar aktar fluwida u koerenti għat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija, u jappoġġa l-objettiv tal-UE ta’ koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

Mingħajr l-intervent tal-Unjoni, ma jkunx hemm ħarsa ġenerali tal-qagħdiet komparabbli madwar l-UE tas-sikurezza tat-toroq fin-netwerks tat-toroq primarji tal-Istati Membri, u lanqas ma jkun hemm mezzi komparabbli biex jiġi pprijoritizzat il-finanzjament mill-UE.

Il-proporzjonalità

L-għażliet tal-politika vvalutati fil-valutazzjoni tal-impatt jirrappreżentaw gradi differenti ta’ proporzjonalità fil-kisba tal-għanijiet ta’ politika. Filwaqt li l-alternattivi kollha tal-politika jikkonsistu f’miżuri ppruvati li jindirizzaw il-problema tal-fatalitajiet fit-toroq u korrimenti serji b’mod effettiv, l-aktar alternattiva ta' politika b’implikazzjonijiet wesgħin kienet l-inqas waħda proporzjonata. L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva għan-netwerks tat-toroq primarji tal-Istati Membri hija proporzjonata peress li tkopri proporzjon relattivament modest ta’ 15 % tat-tul tan-netwerk tat-toroq. Madankollu, dan il-proporzjon jikkorrispondi għal madwar 39 % tal-imwiet fit-toroq tal-UE.

Il-kostijiet għall-Istati Membri huma limitati meta mqabbla mal-benefiċċji, u l-alternattiva ta’ politika ppreferuta hija tliet darbiet irħas u aktar flessibbli mill-għażla bl-aktar implikazzjonijiet wesgħin li ġiet ivvalutata.

Għażla tal-istrument

L-att legali li jrid jiġi emendat hu Direttiva, u għalhekk fil-prinċipju l-att emendatorju jenħtieġ ikollu l-istess għamla.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex-post / kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tal-valutazzjoni ex-post tad-Direttiva eżistenti fl-2015 9 . Dawn jinkludu:

id-Direttiva wasslet għal mod ta’ ħsieb differenti dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fit-toroq, kif ukoll il-mod li bih din tiġi indirizzata;

inkoraġġiet l-użu ġeneralizzat ta’ proċeduri ta’ ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq, li issa huma stabbiliti fl-Istati Membri kollha u huma bbażati fuq sett minimu ta’ regoli obbligatorji tal-UE għall-ġestjoni tat-toroq tat-TEN-T;

tipprovdi ‘lingwa komuni’ għat-twettiq ta’ miżuri tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq; kif ukoll

fil-livell nazzjonali, twassal għal proċess normattiv u operazzjonali li ma setax jitwettaq b’mod daqshekk mifrux mingħajr l-intervent tal-UE.

Min-naħa l-oħra, id-Direttiva ma tidhirx li pprovdiet inċentiv biex jiġi estiż l-iskambju ta’ prattiki tajba fost l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva huwa limitat għal toroq tat-TEN-T, li huma l-aktar awtostradi u jirrappreżentaw biss madwar 8 % tat-total ta’ fatalitajiet fit-toroq tal-UE. Madankollu, il-maġġoranza tal-Istati Membri japplikaw proċeduri ta’ ġestjoni tas-sikurezza fit-toroq tad-Direttiva għal partijiet tan-netwerks tat-toroq tagħhom lil hinn min-netwerk tat-TEN-T fuq bażi volontarja.

L-evalwazzjoni ma pprovdiet l-ebda evidenza li l-integrazzjoni tad-Direttiva dwar il-mini se ttejjeb aktar is-sikurezza tal-mini tat-triq fin-netwerk tat-TEN-T.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Bi preparazzjoni għall-valutazzjoni tal-impatt ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni wettqet għadd ta’ attivitajiet ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Xi wħud minn dawn kienu parti minn studju ta’ valutazzjoni tal-impatt imwettaq minn kuntrattur estern (COWI). Twettqu dawn l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni:

·il-konferenza tal-partijiet ikkonċernati organizzata mill-Kummissjoni f’Marzu 2017 fil-Belt Valletta, Malta;

·laqgħat ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin;

·stħarriġ immirat tal-partijiet ikkonċernati (imwettaq minn COWI);

·intervisti individwali ma’ partijiet ikkonċernati magħżula (imwettqa minn COWI);

·konsultazzjoni pubblika miftuħa li saret bejn l-14 ta’ Ġunju u l-10 ta’ Settembru 2017; kif ukoll

·laqgħat tal-Kumitat dwar is-Sikurezza tal-Mini tat-Triq u l-Kumitat għall-Immaniġġjar tas-Sikurezza tal-Infrastruttura tat-Toroq.

Maġġoranza kbira ta’ dawk li wieġbu qiesu li l-qafas leġiżlattiv attwali tal-UE kemm għall-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura kif ukoll tas-sikurezza fil-mini jindirizza l-problema tas-sikurezza tat-toroq b’mod tajjeb inkella b’mod pjuttost tajjeb. Madankollu, b’mod partikolari, irreferew għal dawn li ġejjin bħala kwistjonijiet problematiċi fil-qafas attwali: in-nuqqas ta’ armonizzazzjoni, in-nuqqas ta’ qsim ta’ tagħrif u kamp ta’ applikazzjoni limitat.

Il-partijiet ikkonċernati fil-konferenza tal-partijiet ikkonċernati f’Malta f’Marzu 2017 irrakkomandaw li l-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva tar-RISM biex tiffoka aktar fuq l-outputs imkejla milli fuq l-inputs, minbarra r-reviżjoni tal-għanijiet tal-programm (għat-TEN-T) u l-istrumenti finanzjarji.

B’mod ġenerali, kien hemm kważi unanimità li t-titjib huwa meħtieġ għall-manutenzjoni u t-tiswija ta’ toroq eżistenti, għall-immodernizzar tal-karatteristiki ta’ sikurezza ta’ toroq eżistenti u għall-protezzjoni tal-utenti vulnerabbli tat-triq. L-opinjonijiet kienu aktar maqsumin dwar jekk hemmx bżonn ta’ titjib tal-kwalità tal-armar tat-toroq (bħal pereżempju barrieri ta’ sikurezza) u titjib tal-viżibbiltà tal-marki u tas-sinjali tat-toroq. Madankollu, maġġoranza ċara ta’ dawk li wieġbu xorta kienu tal-fehma li t-titjib huwa meħtieġ. Kien hemm qbil ġenerali li jenħtieġ li jkun hemm rekwiżiti tal-prestazzjoni komuni tal-UE għall-viżibbiltà tal-marki u tas-sinjali tat-toroq.

Il-konsultazzjoni pubblika miftuħa wriet ukoll qbil ġenerali li jenħtieġ li jintużaw metodoloġiji komparabbli madwar l-UE biex titkejjel is-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq.

Fir-rigward tal-prontezza biex tiġi varata l-mobilità kooperattiva, konnessa u awtonoma, kien hemm opinjonijiet diverġenti dwar jekk l-infrastruttura fiżika jeħtieġx li tiġi adattata biex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ vetturi b’livell għoli ta’ awtomatizzazzjoni jew jekk il-vetturi jridux jiġu żviluppati biex ikunu jistgħu jadattaw għall-infrastruttura eżistenti. Il-Kummissjoni kkonkludiet li ċertu livell ta’ armonizzazzjoni tal-infrastruttura fiżika se jkun meħtieġ għall-introduzzjoni mingħajr intoppi ta’ livelli ogħla ta’ awtomatizzazzjoni u biex jiġi żgurat li l-vetturi awtomatizzati joperaw b’mod sikur f’kundizzjonijiet ta’ traffiku mħallat. Rapport riċenti mit-Task Force TM 2.0 dwar l-Awtomatizzazzjoni tat-Toroq 10 (magħmula minn rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi, fornituri tas-servizzi, fornituri, manifatturi u riċerkaturi) jappoġġa din il-konklużjoni.

Kummenti dwar il-ħtiġijiet tal-utenti vulnerabbli tat-triq enfasizzaw li huwa diffiċli ferm li jiġu preskritti miżuri individwali għal ċerti tipi ta’ utenti vulnerabbli tat-triq. Kollox ma’ kollox, il-Kummissjoni qieset li huwa preferibbli li ma jiġux preskritti miżuri speċifiċi, iżda pjuttost li jiddaħħal rekwiżit ġenerali biex jitqiesu l-bżonnijiet tal-gruppi kollha ta’ utenti vulnerabbli tat-triq fil-proċeduri tal-ġestjoni tas-sikurezza fit-toroq, u biex jinsabu l-aktar soluzzjoni xierqa adattata għaċ-ċirkostanzi lokali.

L-opinjonijiet kienu diverġenti dwar l-estensjoni possibbli tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni lil hinn min-netwerk tat-TEN-T. L-impriżi privati u l-NGOs l-aktar li kienu tal-fehma li l-kamp tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni jeħtieġ li jkopri t-toroq kollha jew it-toroq kollha ewlenin u t-toroq nazzjonali, filwaqt li l-awtoritajiet pubbliċi aktar kienu jxaqilbu lejn kamp ta’ applikazzjoni li jkopri n-netwerk tat-TEN-T. Għadd ta’ rispondenti tal-istħarriġ immirat tal-partijiet ikkonċernati semmew “in-nuqqas ta’ ħeġġa tal-Istati Membri li jaċċettaw estensjoni għat-toroq li mhumiex tat-TEN-T” għal raġunijiet ta’ sussidjarjetà. Stat Membru wieħed qal li minbarra l-kwistjoni tas- sussidjaretà, huwa preferibbli l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi ma jiġix estiż lil hinn mit-TEN-T, sabiex tinżamm il-possibbiltà li jsir adattament tal-approċċi u tad-dispożizzjonijiet għall-ispeċifiċitajiet tan-netwerks u tal-maniġers tagħhom. Madankollu, ir-rispondenti rrikonoxxew ukoll potenzjal kbir għat-tnaqqis tal-fatalitajiet, peress li l-biċċa l-kbira tal-aċċidenti jiġru barra min-netwerk tat-TEN-T.

Il-Kunsill tas-Sikurezza tat-Trasport Ewropew argumenta li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni jeħtieġ li jiġi estiż biex ikopri l-awtostradi kollha, it-toroq kollha (ko-)finanzjati mill-UE, u t-toroq rurali ewlenin kif ukoll it-toroq urbani ewlenin kollha. Dan huwa meħtieġ fid-dawl tal-għan il-ġdid li ssir enfasi fuq it-tnaqqis tal-korrimenti serji kif ukoll l-imwiet (minħabba li proporzjon ikbar ta’ korrimenti jseħħu f’żoni urbani) u minħabba li l-utenti tat-toroq jenħtieġ li jkollhom livelli ugwali ta’ sikurezza fit-toroq kollha.

Kollox ma’ kollox, il-Kummissjoni kkonkludiet li estensjoni limitata lil hinn mit-TEN-T biex jiġu koperti t-toroq primarji, li tindirizza għadd ħafna ikbar ta’ fatalitajiet mingħajr ma timponi piż ta’ xogħol u kostijiet sproporzjonati fuq l-Istati Membri, hija ġustifikata u proporzjonata.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-Kummissjoni fittxet għarfien espert minn barra permezz ta’ kuntratt ta’ studju ta’ appoġġ ma’ konsorzju mmexxi minn Ecorys u li kien jikkonsisti minn esperti minn COWI u SWOV, li ġie varat f’Settembru 2016. Is-sejbiet tar-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt jibnu fuq ir-rapport finali minn dan il-kuntratt.

Barra minn hekk, espert estern (Prof. George Yannis mill-Università Teknika Nazzjonali ta’ Ateni) ġie kkummissjonat biex jipprovdi analiżi kumplimentari, analiżi xjentifika u validazzjoni addizzjonali.

Fl-anness ta’ dan ir-rapport hemm lista mhux eżawrjenti ta’ studji esterni li ntużaw bħala kontribut għall-abbozzar tar-rapport tal-valutazzjoni tal-impatt. B’mod ġenerali, is-sorsi użati huma numerużi, ġeneralment eżawrjenti u rappreżentattivi ta’ gruppi ta’ partijiet ikkonċernati differenti.

Valutazzjoni tal-impatt

L-inizjattiva għandha l-appoġġ ta’ valutazzjoni tal-impatt li rċeviet opinjoni pożittiva, b’ċerti riżervi, mill-Bord ta’ Skrutinju Regolatorju. Il-Bord għamel rakkomandazzjonijiet, fejn talab ġustifikazzjoni aħjar u kjarifiki, b’mod partikolari dwar:

il-kontribut mistenni tal-inizjattiva fi ħdan l-approċċ komprensiv għas-sikurezza tat-toroq tas-Sistema Sikura, kif ukoll ir-relazzjoni tiegħu u l-komplementarjetà mal-għan parallel tas-sikurezza ġenerali tal-vetturi u mal-inizjattiva dwar is-sikurezza tal-persuni bil-mixi;

il-proporzjonalità tal-alternattiva ta’ politika preferuta, b’mod partikolari rigward il-limitazzjonijiet finanzjarji; kif ukoll

il-ħtieġa għal xi konklużjonijiet mill-evalwazzjonijiet tad-Direttiva eżistenti kif ukoll id-Direttiva dwar il-mini u kif għandhom jiġu indirizzati kwistjonijiet ta’ infurzar.

Il-kummenti ġew ikkunsidrati fil-valutazzjoni tal-impatt riveduta. Dawn jipprovdu aktar spjegazzjoni, kif indikat fl-Anness I tar-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt. Fost aġġustamenti oħra, saru l-modifiki li ġejjin biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq:

Iddaħħlu spjegazzjonijiet dwar l-approċċ tas-Sistema Sikura, il-kontribuzzjoni ta’ inizjattivi individwali, ir-relazzjoni mas-sikurezza ġenerali tal-vetturi u mal-inizjattiva tas-sikurezza tal-persuni bil-mixi u l-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom lill-għan ġenerali.

In-nuqqas ta’ finanzjament tqies bħala problematiku, u ġie estiż għan speċifiku biex jitqiesu l-limitazzjonijiet finanzjarji. Il-kostijiet tal-konformità ġew inklużi għal kull Stat Membru għall-2030.

Iddaħħlu dettalji addizzjonali dwar is-sejbiet tal-evalwazzjoni ex-post. L-approċċ propost biex tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti ġie spjegat ukoll.

Miżuri ta’ politika possibbli ġew ikkombinati f’sitt għażliet ta’ politika b’livelli differenti ta’ ambizzjoni. L-għażliet ta’ politika li jillimitaw l-intervent politiku għat-TEN-T (alternattivi ta’ politika 1-3) u dawk li jestendu l-kamp tal-applikazzjoni lil hinn mit-TEN-T (alternattivi ta’ politika A-C) ġew ivvalutati separatament. Minħabba n-natura kkomplementari tal-miżuri tal-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq, l-għażliet 1 sa 3 huma alternattivi, iżda jibnu fuq xulxin b’mod inkrementali. Bl-istess mod, għażliet ta’ politika li jestendu l-interventi ta’ politika lil hinn mit-TEN-T huma alternattivi, iżda jibnu fuq xulxin.

AP1 tkopri bidla minima b’kost minimu, filwaqt li tqis il-bidliet teknoloġiċi fil-futur qrib u tipproponi bidliet leġiżlattivi limitati li jistgħu jiġu implimentati b’mod relattivament faċli u rapidu. Din tinkludi miżuri “rotob” mhux leġiżlattivi, bħalma huma l-promozzjoni tal-kondiviżjoni tal-għarfien u l-iskambju tal-aħjar prattiki biex tiġi appoġġata l-effettività ta’ proċeduri ta’ ġestjoni diġà inklużi fid-Direttiva eżistenti. Din l-għażla tintroduċi wkoll miżuri leġiżlattivi biex titjieb it-trasparenza ta’ proċeduri għall-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq, u rekwiżit ċar biex isir fokus fuq il-valutazzjoni tas-sikurezza tal-utenti vulnerabbli tat-toroq fil-proċeduri tar-RISM. Fl-aħħar nett, toħloq interfaċċja mtejba bejn ir-RISM u d-Direttivi dwar il-mini billi tirrevedi d-Direttiva, b’enfasi partikolari fuq żoni ta’ tranżizzjoni bejn toroq miftuħa u mini u fuq spezzjonijiet konġunti ta’ dawn iż-żoni li jinvolvu kemm il-persunal tas-sikurezza tat-triq kif ukoll dak tas-sikurezza fil-mini.

AP2 tisboq dan kollu billi tinkludi elementi mill-approċċ tas-Sistema Sikura. Tintroduċi proċedura ġdida, il-valutazzjoni tat-toroq fin-netwerk kollu, għall-valutazzjoni u t-tqabbil regolari tas-sikurezza intrinsika tan-netwerk tat-toroq biex jiġu identifikati b’mod proattiv dawk is-sezzjonijiet tat-toroq fejn ikunu meħtieġa aktar spezzjonijiet u interventi. Tintroduċi wkoll rekwiżiti ġenerali tal-prestazzjoni għal ċerti komponenti tal-infrastruttura tat-toroq li jiffaċilitaw l-introduzzjoni tal-mobilità kooperattiva, konnessa u awtomatizzata. Għandha wkoll l-għan li tindirizza n-nuqqas ta’ dejta konsistenti u komparabbli dwar il-livell tas-sikurezza tan-netwerk tat-toroq tal-UE. Il-prinċipju ta’ gwida fl-isfond tal-AP2 hija li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun teħtieġ li l-Istati Membri jwettqu b’mod korrett il-proċeduri tar-RISM, flimkien mal-proċeduri ta’ segwitu tiegħu biex jidentifikaw firxa wiesgħa ta’ riskji potenzjali tal-infrastruttura tat-toroq. Madankollu, l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu ċerta flessibbiltà fl-istabbiliment ta’ livell meħteġ ta’ sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq. L-għażla tas-soluzzjonijiet tekniċi xierqa tibqa’ f’idejn l-Istati Membri - il-leġiżlazzjoni tal-UE tistabbilixxi biss ir-rekwiżiti ġenerali tal-prestazzjoni biex tappoġġa l-introduzzjoni bla xkiel tas-CCAM (eż. iċ-ċarezza tas-sinjali u tal-marki fit-toroq).

AP3 tistipula livell minimu ta’ sikurezza li għandu jintlaħaq fuq it-toroq TEN-T, u jiddefinixxi rekwiżiti minimi ta’ prestazzjoni għall-għamara tat-toroq. Dan jirrappreżenta approċċ ibbażat fuq ir-riżultati li jista’ jintuża biex jintlaħaq livell minimu ta’ sikurezza uniformi fin-netwerk tat-TEN-T kollu kemm hu. Il-livell minimu ta’ sikurezza li għandu jintlaħaq jiġi stabbilit fil-livell tal-UE. L-Istati Membri jżommu l-flessibbiltà fl-għażla tal-kontromiżuri tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq.

Għall-kuntrarju ta' AP1-AP3, AP A, B u C kollha jinvolvu ċerta estensjoni tal-proċeduri tad-Direttiva tar-RISM lil hinn mit-TEN-T. L-estensjonijiet huma ristretti għal toroq primarji jew nazzjonali li huma tipikament rappreżentati min-netwerks tat-toroq primarji tal-Istati Membri.

L-AP A tinkludi att leġiżlattiv wieħed li jistipula li kwalunkwe proġett tat-toroq fuq in-netwerk nazzjonali tat-toroq, iffinanzjat kompletament jew parzjalment bil-fondi tal-UE, ikollu jkun suġġett għall-proċeduri stipulati fid-Direttiva tar-RISM.

L-AP B għandha l-għan li tiżgura li jiġu applikati l-proċeduri tar-RISM stabbiliti diġà fuq in-netwerk usa’ tat-toroq, fejn jiġu inklużi b’mod speċifiku l-awtostradi u t-toroq traffikużi tan-netwerks tat-toroq primarji tal-Istati Membri. Din l-alternattiva ta’ politika tirrappreżenta estensjoni mandatorja moderatament ambizzjuża tal-kamp tal-applikazzjoni tad-Direttiva tar-RISM attwali. Ikollha impatt biss fuq l-Istati Membri li jkunu għadhom ma estendewx l-applikazzjoni ta’ dawn il-proċeduri fuq bażi volontarja.

L-AP C għandha l-għan li tapplika l-filosofija tal-ġestjoni proattiva tas-sikurezza fit-toroq man-netwerk kollu, anke għan-netwerks tat-toroq primarji tal-Istati Membri. Din l-alternattiva politika tirrappreżenta approċċ aktar ambizzjuż tal-estensjoni tal-applikazzjoni tal-proċeduri riveduti tar-RISM għal netwerk usa’ tat-toroq (inklużi l-awtostradi u t-toroq primarji) lil hinn mit-TEN-T.

Il-valutazzjoni tal-impatt identifikat kombinazzjoni tal-alternattiva ta’ politika 2 u tal-alternattiva ta’ politika C bħala l-alternattiva preferuta.

Din il-kombinazzjoni tista’ ssalva aktar minn 3 200 ħajja u tevita aktar minn 20 700 korriment serju fl-2020-2030, meta mqabbla mal-linja bażi (14 650 ħajja salvata u 97 502 korriment serju evitat fl-2020-2050). Għall-2030 biss, il-miżuri tal-infrastruttura tat-toroq tal-miżuri mistennija jirriżultaw f’562 ħajja salvata u 3 675 korriment serju evitati.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Skont il-programm tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), ġiet ivvalutata il-possibbiltà ta’ simplifikazzjoni amministrattiva, b’mod partikolari permezz tat-tgħaqqid tad-Direttiva tar-RISM mad-Direttiva dwar il-Mini. Il-valutazzjoni tal-impatt u l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati ma identifikaw l-ebda titjib potenzjali fis-sikurezza fit-toroq li kieku kellhom jingħaqdu d-Direttivi. Peress li ma ġie identifikat l-ebda tnaqqis fil-piż amministrattiv, amalgamazzjoni bħal din ma tqisitx ta’ benefiċċju jew mixtieqa.

Il-proposta tintroduċi proċedura tar-RISM proattiva u abbażi tar-riskji, jiġifieri l-valutazzjoni tat-toroq fin-netwerk kollu, mingħajr ma jiżdied l-għadd totali ta’ proċeduri. Dan jinkiseb permezz tal-integrazzjoni tal-elementi utli minn proċedura li fl-imgħoddi kienet reattiva (b’mod partikolari l-identifikazzjoni ta’ żoni b’konċentrazzjoni għolja ta’ aċċidenti) fil-proċeduri għat-toroq attivi.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-UE, għalkemm il-valutazzjoni tat-toroq fin-netwerk kollu tista’ tintuża bħala kriterju għall-allokazzjoni tan-nefqa tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti għall-monitoraġġ, għall-evalwazzjoni u għar-rapportar

Il-valutazzjoni tal-impatt identifikat firxa possibbli ta’ indikaturi tal-progress li jistgħu jintużaw għall-monitoraġġ tal-progress. Il-proposta tevita li jitqiegħed piż amministrattiv żejjed fuq l-Istati Membri billi tillimita l-obbligi ta’ rappurtar għall-indikatur ewlieni tar-riżultati — il-klassifikazzjoni tas-sikurezza tat-toroq koperti mill-proċeduri.

Biex jiġi vvalutat l-impatt tal-leġiżlazzjoni, ikun ukoll meħtieġ li ssir evalwazzjoni bir-reqqa ladarba l-bidliet kollha jkunu ddaħħlu. L-iskeda ta’ żmien xierqa għal evalwazzjoni bħal din tiġi stabbilita ladarba l-qafas il-ġdid ikun sar applikabbli kollu kemm hu.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Meta jitqies il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta, u l-fatt li din temenda biss id-Direttiva 2008/96/KE, li ġiet trasposta bis-sħiħ mill-Istati Membri kollha, ma jidhirx li huwa ġustifikat jew proporzjonat li jkunu meħtieġa aktar dokumenti ta’ spjegazzjoni.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1(1) huwa emendat biex jinkludi referenzi għal proċedura ġdida waħda ta’ ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura ġdida flimkien ma’ proċedura oħra li ngħatat isem ġdid (“il-valutazzjoni tat-toroq fin-netwerk kollu” u “spezzjoni tas-sikurezza tat-toroq” rispettivament).

L-Artikolu 1(2) huwa modifikat sabiex jirrifletti l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, biż-żieda ta’ awtostradi u toroq primarji barra min-netwerk tat-TEN-T sabiex l-applikazzjoni mandatorja tal-proċeduri tad-Direttiva tiġi estiża ħalli timmira b’mod speċifiku lejn toroq traffikużi li jgħaqqdu bliet kbar u reġjuni.

L-Artikolu 1(3) huwa modifikat sabiex l-applikazzjoni tad-Direttiva ssir obbligatorja għal kull proġett ta’ infrastruttura tat-toroq barra ż-żoni urbani li jiġi esegwit bl-użu tal-finanzjament tal-UE u b’hekk jiġi żgurat li l-fondi tal-UE ma jintużawx biex jinbnew toroq li huma potenzjalment perikolużi.

L-Artikolu 2(1) huwa modifikat sabiex jipprovdi definizzjoni aġġornata ta’ “netwerk trans-Ewropew tat-trasport” skont id-definizzjoni prevista fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport.

L-Artikolu 2(2a) u l-Artikolu 2(2b) jiddaħħlu biex jipprovdu d-definizzjonijiet ta’ “awtostrada” u “triq primarja”, li huma meħtieġa minħabba l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni.

L-Artikolu 2(2c) jiddaħħal biex jipprovdi definizzjoni ta’ “valutazzjoni tat-toroq fin-netwerk kollu”, proċedura proattiva ġdida bbażata fuq ir-riskju tal-ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq (li tissostitwixxi l-proċedura attwali ta’ “klassifikazzjoni tas-sikurezza u ġestjoni tan-netwerk tat-toroq li jkun qed jopera” fl-Artikolu 5, li hija ta’ natura reattiva).

L-Artikolu 2(5) huwa mħassar minħabba li l-“klassifikazzjoni tas-sezzjonijiet b’konċentrazzjoni għolja ta’ aċċidenti” hija integrata fil-proċedura ta’ “valutazzjoni tat-toroq fin-netwerk kollu” u fl-ispezzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq.

L-Artikolu 2(7) huwa modifikat biex jipprovdi definizzjoni aġġornata ta’ “spezzjoni tas-sikurezza fit-toroq” u b’hekk tiġi ċċarata n-natura mmirata ta’ din il-proċedura u tkun distinta mill-proċedura ta’ “valutazzjoni tat-toroq fin-netwerk kollu”.

L-Artikolu 2(10) jiddaħħal biex jipprovdi definizzjoni ta’ “utenti vulnerabbli tat-toroq”, li huma rrappreżentati żżejjed fl-għadd ta’ fatalitajiet u korrimenti serji fit-toroq u għalhekk jeħtieġu attenzjoni speċjali fl-applikazzjoni tal-proċeduri tad-Direttiva.

L-Artikolu 5 huwa rivedut biex il-proċedura reattiva attwali ta’ “klassifikazzjoni tas-sikurezza u ġestjoni tan-netwerk tat-toroq li jkun qed jopera” tiġi sostitwita bil-proċedura proattiva l-ġdida bbażata fuq ir-riskju ta’ “valutazzjoni tat-toroq fin-netwerk kollu”. Valutazzjoni tat-toroq fin-netwerk kollu hija bbażata fuq valutazzjoni proattiva tat-toroq kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva biex ikun hemm evalwazzjoni u paragun tas-sikurezza intrinsika jew inerenti tal-infrastruttura tat-toroq eżistenti, bil-għan li jiġu identifikati oqsma ta’ prijorita għal spezzjonijiet u interventi ulterjuri u li jiġi msaħħaħ il-komponent tal-infrastruttura fl-approċċ tas-Sistema Sikura. Din il-proċedura l-ġdida tqis dejta dwar l-aċċidenti fl-imgħoddi kif ukoll l-eżistenza ta’ sezzjonijiet diġà identifikati b’konċentrazzjoni għolja ta’ aċċidenti. Tivvaluta wkoll b’mod sistematiku u proattiv ir-riskji mill-infrastruttura tat-toroq, bħall-karatteristiċi ġeometriċi, il-preżenza ta’ intersezzjonijiet tat-toroq kif ukoll ta’ intersezzjonijiet ta’ linji ferrovjarji mat-toroq, l-eżistenza ta’ ostakli fit-triq u d-disponibilità ta’ sistemi xierqa ta’ trażżin fit-toroq. Dan se jipprovdi inċentiv qawwi biex tittieħed azzjoni ta’ segwitu dwar is-sejbiet u biex l-investiment jiġi immirat lejn żoni tal-ogħla riskju.

L-Artikolu 6(1) huwa modifikat biex l-identifikazzjoni ta’ sezzjonijiet tat-toroq għall-ispezzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq tkun marbuta mal-valutazzjoni tat-toroq fin-netwerk kollu mwettqa skont l-Artikolu 5.

L-Artikolu 6(3) huwa rivedut biex jiddaħħal rekwiżit għall-ispezzjonijiet konġunti tas-sikurezza tat-toroq f’żoni ta’ tranżizzjoni bejn it-toroq koperti minn din id-Direttiva u l-mini tat-triq koperti mid-Direttiva 2004/54/KE. Din id-dispożizzjoni hija mfassla biex tiżgura kooperazzjoni aħjar bejn l-entitajiet kompetenti responsabbli għas-sikurezza fit-toroq u s-sikurezza tal-mini għaliex dawn iż-żoni ta’ tranżizzjoni huma ġeneralment identifikati bħala l-postijiet bl-ogħla tendenza ta’ aċċidenti fil-mini tat-triq.

L-Artikolu 6a jiddaħħal biex jintroduċi segwitu xieraq fil-proċeduri kollha ta’ ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq tad-Direttiva tar-RISM. In-nuqqas ta’ segwitu huwa waħda mid-dgħufijiet ewlenin identifikati fl-evalwazzjoni tad-Direttiva tar-RISM u fil-valutazzjoni tal-impatt. Din id-dispożizzjoni se teżiġi b’mod partikolari li kull deċiżjoni dwar jekk rakkomandazzjoni tal-ispezzjoni tas-sikurezza tat-toroq għandhiex tissegwa jew le tkun ġustifikata u sostanzjata tajjeb.

Jiddaħħal l-Artikolu 6b biex l-utenti vulnerabbli tat-triq jiġu mħarsa. Il-ħtieġa li titjieb il-protezzjoni tal-utenti vulnerabbli ġiet enfasizzata fit-tħejjija tal-valutazzjoni tal-impatt, b’mod partikolari mill-partijiet ikkonċernati rilevanti. Dan l-Artikolu jirrikjedi li kull proċedura tar-RISM tevalwa s-sitwazzjoni tal-utenti vulnerabbli tat-triq separatament.

L-Artikolu 6c jiddaħħal biex ikun meħtieġ li l-marki u s-sinjali tat-toroq jiġu applikati u jinżammu b’mod li jiżgura li dawn ikunu jistgħu jiġu rikonoxxuti b’mod affidabbli. Din hija miżura maħsuba biex tiżgura esperjenza koerenti tal-ivvjaġġar għall-utenti tat-triq, u tgħin fl-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ mobilità konnessi u awtonomi u biex ikun żgurat li l-ħtiġijiet ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ jitqiesu permezz ta’ sinjali u marki fit-toroq li jintgħarfu faċilment.

Jiddaħħal l-Artikolu 11a biex jiġu stipulati r-rekwiżiti ta’ rappurtaġġ għall-Istati Membri fir-rigward tal-applikazzjoni u r-riżultati tal-proċeduri ta’ ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq. B’mod partikolari, dan jeħtieġ li l-Istati Membri jikklassifikaw in-netwerks tat-toroq tagħhom skont il-livell ta’ riskju identifikat fil-valutazzjonijiet tat-toroq fin-netwerk kollu. Ir-rekwiżiti tar-rappurtar huma neqsin mid-Direttiva attwali, u għalhekk il-monitoraġġ tal-progress madwar l-UE, il-valutazzjoni komparattiva u s-segwitu huma diffiċli ħafna. Ir-rekwiżiti tar-rappurtar huma essenzjali biex jiġi żgurat li s-sikurezza intrinsika tan-netwerk tat-toroq tista’ titkejjel u tiġi kkomunikata lill-utenti tat-triq u biex it-tendenza ta’ konverġenza tal-prestazzjoni tas-sikurezza fit-toroq madwar l-UE tkun aċċellerata.

Ir-rekwiżiti l-ġodda jiddaħħlu fl-Anness II biex jiġi żgurat li l-ħtiġijiet tal-utenti vulnerabbli tat-toroq jitqiesu fl-applikazzjoni tal-verifiki tas-sikurezza fit-toroq.

Jiddaħħal Anness IIa ġdid li jelenka l-elementi għall-ispezzjonijiet tas-sikurezza fit-toroq minħabba li l-enfasi prinċipali jenħtieġ li tkun fuq it-titjib tas-sikurezza tat-toroq eżistenti.

L-Anness III huwa sostitwit b’Anness ġdid li jelenka l-elementi tal-proċedura l-ġdida “valutazzjoni tat-toroq fin-netwerk kollu”. Dawn jinkludu informazzjoni ġenerali dwar it-toroq, dejta dwar l-aċċidenti u l-volumi tat-traffiku, il-karatteristiċi tat-tħaddim, kunsiderazzjonijiet speċifiċi dwar it-tqassim tat-toroq u l-karatteristiċi ta’ sikurezza u riskji komuni biex jiġi żgurat li s-sikurezza fit-toroq integrata tista’ tiġi evalwata b’mod adegwat.

L-Anness IV huwa emendat biex jiċċara li d-deskrizzjoni tal-post eżatt tal-aċċidenti tinkludi l-koordinati tal-GNSS.

2018/0129 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2008/96/KE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1)(c) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 11 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 12 ,

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Huwa l-objettiv strateġiku tal-Unjoni li jitnaqqas bin-nofs l-għadd ta’ mwiet fit-toroq sal-2020 meta mqabbel mal-2010, u biex nersqu eqreb għal żero fatalitajiet sal-2050 (“il-Viżjoni Żero”) 13 . Madankollu, il-progress lejn il-kisba ta’ dawn l-objettivi waqaf f’dawn l-aħħar snin.

(2)Skont l-approċċ tas-Sistema Sikura, l-imwiet u l-korrimenti serji fl-aċċidenti tat-traffiku, fil-biċċa l-kbira tagħhom, jistgħu jiġu evitati. Din jenħtieġ li tkun responsabbiltà kondiviża fil-livelli kollha biex jiġi żgurat li l-ħabtiet ma jwasslux għal ġrieħi gravi jew fatali. B’mod partikolari, toroq imfassla tajjeb u miżmuma b’mod xieraq fil-prinċipju jenħtieġ li jnaqqsu l-probabbiltà tal-aċċidenti tat-traffiku, filwaqt li toroq “li jaħfru” (toroq imfassla b’mod intelliġenti biex jiġi żgurat li l-iżbalji fis-sewqan mhux bilfors ikollhom konsegwenzi serji) jenħtieġ li jnaqqsu s-severità tal-aċċidenti.

(3)It-toroq tan-netwerk trans-Ewropew definit fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 14 huma ta’ importanza kbira fl-appoġġ għall-integrazzjoni Ewropea. Jenħtieġ għalhekk li jiġi ggarantit livell għoli ta’ sikurezza f’dawn it-toroq.

(4)Il-proċeduri ta’ ġestjoni tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq implimentati fin-netwerk trans-Ewropew għenu biex jitnaqqsu l-fatalitajiet u l-korrimenti serji fl-Unjoni. Huwa ċar mill-evalwazzjoni tal-effetti tad-Direttiva 2008/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 15 li l-Istati Membri li applikaw il-prinċipji tal-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq (“il-prinċipji tar-RISM”) fuq bażi volontarja fit-toroq nazzjonali tagħhom, lil hinn min-netwerk tat-TEN-T, laħqu prestazzjoni tas-sikurezza fit-toroq ferm aħjar mill-Istati Membri li ma jagħmlux dan.

(5)Proporzjon kbir ta’ aċċidenti tat-traffiku jseħħu fuq proporzjon żgħir ta’ toroq fejn il-volumi tat-traffiku u l-veloċitajiet huma għoljin u fejn ikun hemm varjetà kbira ta’ traffiku li jivvjaġġa b’veloċitajiet differenti. Għalhekk l-estensjoni limitata tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/96/KE għall-awtostradi u t-toroq primarji lil hinn min-netwerk tat-TEN-T mistennija tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għat-titjib tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq madwar l-Unjoni.

(6)Barra minn hekk, l-applikazzjoni mandatorja tal-proċeduri tad-Direttiva 2008/96/KE għal kwalunkwe proġett ta’ infrastruttura tat-toroq barra ż-żoni urbani li jiġi esegwit permezz ta’ finanzjament tal-Unjoni mistennija tiżgura li l-fondi tal-Unjoni ma jintużawx biex jinbnew it-toroq mhux sikuri.

(7)Il-valutazzjoni tat-toroq abbażi tar-riskju fin-netwerk kollu rriżultat li hija strument effiċjenti u effikaċi biex jiġu identifikati partijiet tan-netwerk li jenħtieġ li jiġu indirizzati, permezz ta’ spezzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq aktar bir-reqqa, u biex l-investiment jiġi pprijoritizzat skont il-potenzjal tiegħu biex iwassal titjib tas-sikurezza fin-netwerk kollu. In-netwerk kollu tat-toroq kopert minn din id-Direttiva għalhekk jenħtieġ li jiġi vvalutat b’mod sistematiku biex tiżdied is-sikurezza fit-toroq madwar l-Unjoni.

(8)L-integrazzjoni tal-elementi bl-aħjar prestazzjoni mill-proċedura preċedenti “tal-klassifikazzjoni u tal-ġestjoni tas-sikurezza tan-netwerk tat-toroq” fi proċedura ġdida għall-valutazzjoni tat-toroq fin-netwerk kollu hija maħsuba biex tippermetti identifikazzjoni aħjar ta’ sezzjonijiet ta’ toroq fejn l-opportunitajiet għat-titjib tas-sikurezza huma l-ikbar u fejn interventi mmirati suppost iwasslu għall-ogħla titjib.

(9)Segwitu sistematiku dwar is-sejbiet tal-proċeduri tal-RISM huwa kruċjali biex jinkiseb it-titjib fis-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq, kif inhu meħtieġ biex jiġu ssodisfati l-objettivi tas-sikurezza fit-toroq tal-Unjoni. Għal dan il-għan, il-pjanijiet ta’ azzjoni prijoritizzati jenħtieġ li jiżguraw li l-interventi meħtieġa jiġu implimentati mill-aktar fis possibbli.

(10)Il-prestazzjoni tas-sikurezza ta’ toroq eżistenti jenħtieġ li tittejjeb permezz ta’ investiment immirat fis-sezzjonijiet tat-toroq li jkollhom l-ogħla konċentrazzjoni ta’ aċċidenti kif ukoll l-ogħla potenzjal ta’ tnaqqis ta’ aċċidenti.

(11)Sezzjonijiet tan-netwerk tat-toroq li jmissu ma’ mini tat-triq tan-netwerk trans-Ewropew tat-toroq koperti bid-Direttiva 2004/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 16 jippreżentaw riskju partikolarment għoli ta’ aċċidenti. Għalhekk, jeħtieġ li jiġu introdotti spezzjonijiet konġunti tas-sikurezza tat-toroq ta’ dawn il-partijiet tat-toroq, li jinvolvu rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti, kemm tat-toroq kif ukoll tal-mini, sabiex tittejjeb is-sikurezza tan-netwerk tat-toroq kollu kemm hu.

(12)L-utenti vulnerabbli tat-toroq ammonta għal 46 % tal-fatalitajiet fit-toroq tal-Unjoni fl-2016. Il-ħarsien tal-interessi ta’ dawn l-utenti kollha fil-proċeduri kollha tar-RISM għalhekk jenħtieġ li jtejjeb is-sikurezza fit-triq.

(13)Id-disinn u l-manutenzjoni tat-toroq u s-sinjali tat-toroq huma elementi importanti fl-iżgurar tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq, speċjalment fid-dawl tal-iżvilupp ta’ vetturi mgħammra b’sistemi ta’ assistenza għas-sewwieq jew livelli ogħla ta’ awtomatizzazzjoni. B’mod partikolari, jeħtieġ li jiġi żgurat li s-sinjali u l-marki tat-toroq jkunu jistgħu jiġu rikonoxxuti faċilment u b’mod affidabbli minn vetturi bħal dawn.

(14)Sabiex tinkiseb it-trasparenza u tittejjeb ir-responsabbiltà, l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni jenħtieġ li jiġu rappurtati.

(15)Il-pubblikazzjoni tar-riżultati ta’ valutazzjonijiet tat-toroq fin-netwerk kollu jenħtieġ li tippermetti l-paragun tal-livelli tas-sikurezza intrinsika tal-infrastruttura madwar l-Unjoni.

(16)L-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-istabbiliment ta’ proċeduri li jiżguraw livell għoli konsistenti ta’ sikurezza fit-toroq fin-netwerk trans-Ewropew kollu u fin-netwerk tal-awtostradi u t-toroq primarji madwar l-Unjoni, ma jistax jintlaħaq b’mod tajjeb biżżejjed mill-Istati Membri. Madankollu, peress li huwa meħtieġ titjib fl-Unjoni kollha biex tiġi żgurata l-konverġenza lejn standards ogħla tas-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq, dan l-għan jista’ jinkiseb fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan. B’riżultat ta’ azzjoni fil-livell tal-Unjoni, l-ivvjaġġar madwar l-Unjoni mistenni jsir iktar sikur, u dan imbagħad mistenni jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern u jappoġġa l-objettiv tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.

(17)Biex jiġi żgurat li l-kontenut tal-proċeduri tar-RISM ikompli jirrifletti l-aħjar għarfien tekniku disponibbli, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, bil-għan li tadatta l-Annessi ta’ din id-Direttiva għall-progress tekniku. Huwa ta’ importanza partikolari li waqt il-ħidma preparatorja tagħha, il-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa anke fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jsiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 17 . B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(18)Miżuri speċifiċi huma meħtieġa għat-titjib kontinwu tal-prattiki ta’ ġestjoni tas-sikurezza, kif ukoll biex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent tal-marki u tas-sinjali tat-toroq minn vetturi mgħammra b’sistemi ta’ assistenza għas-sewwieq jew livelli ogħla ta’ awtomatizzazzjoni. Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 18 .

(19)Għalhekk, id-Direttiva 2008/96/KE jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2008/96/KE hija emendata kif ġej:

(1)fl-Artikolu 1, il-paragrafi minn 1 sa 3 jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“1. Din id-Direttiva tesiġi l-istabbiliment u l-implimentazzjoni ta’ proċeduri marbutin ma’ valutazzjonijiet tal-impatt tas-sikurezza tat-toroq, verifiki tas-sikurezza tat-toroq, spezzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq u valutazzjonijiet tat-toroq fin-netwerk kollu mill-Istati Membri.

2. Din id-Direttiva għandha tapplika għal toroq li huma parti min-netwerk trans-Ewropew, għall-awtostradi u t-toroq primarji, kemm jekk ikunu fl-istadju tad-disinn, kif ukoll jekk qed jinbnew inkella diġà huma operazzjonali.

3. Din id-Direttiva għandha tapplika wkoll għal toroq u proġetti ta’ infrastruttura tat-toroq li mhumiex koperti mill-paragrafu 2, li jinsabu ’l barra miż-żoni urbani u li jitlestew kompletament jew parzjalment bil-finanzjament mill-Unjoni.”;

(2)l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)il-punt 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.    “netwerk tat-toroq trans-Ewropew” tfisser is-sistema tat-toroq imfissra fir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (ĠU L 348 , 20.12.2013, p. 1);”;

(b)jiddaħħlu l-punti 2a sa 2c li ġejjin:

“2a.    “awtostrada” tfisser triq iddisinjata u mibnija apposta għat-traffiku ta’ vetturi bil-mutur, li ma twassalx għal proprjetajiet li jmissu magħha, u li tissodisfa l-kriterji li ġejjin:

(a) tkun mgħammra, għajr f’punti speċjali jew b’mod temporanju, b’karreġġati separati għaż-żewġ direzzjonijiet tat-traffiku, separati minn xulxin jew bi strippa diviżorja mhux intenzjonata għat-traffiku jew, b’mod eċċezzjonali, b’mezzi oħra;

(b) li fil-livell tagħha ma taqsam ebda triq, linja tal-ferrovija jew tat-tramm, passaġġ għar-roti jew passaġġ għall-mixi;

(c) tkun iddeżinjata speċifikament bħala awtostrada;

2b.    “triq primarja” tfisser triq li mhijiex awtostrada iżda li tgħaqqad bliet kbar jew reġjuni, jew it-tnejn, u li hija definita bħala triq primarja fil-EuroRegionalMap prodotta mill-Aġenziji Nazzjonali tal-Mapep u tal-Kadastri tal-Ewropa;

2c.    “valutazzjoni tat-toroq fin-netwerk kollu” tfisser valutazzjoni tas-sikurezza tan-netwerk tat-toroq fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, sabiex jiġu stabbiliti punti ta’ referenza għar-riskju tal-gravità tal-aċċidenti u tal-impatti;”;

(c)il-punt 5 jitħassar;

(d)il-punti 6 u 7 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“6.    “klassifikazzjoni tas-sikurezza” tfisser klassifikazzjoni ta’ partijiet min-netwerk ta’ toroq eżistenti f’kategoriji skont is-sikurezza intrinsika tagħhom imkejla oġġettivament;

7.    “spezzjoni tas-sikurezza” tfisser spezzjoni mmirata fuq il-post, ta’ triq eżistenti jew sezzjoni ta’ triq, sabiex jiġu identifikati kundizzjonijiet perikolużi, difetti u nuqqasijiet li jżidu r-riskju ta’ aċċidenti u ta’ korrimenti;”;

(e)jiddaħħal il-punt 10 li ġej:

“10.    “utent vulnerabbli tat-triq” tfisser utenti tat-triq mingħajr vettura bil-mutur, inkluż, b’mod partikolari, iċ-ċiklisti u l-persuni bil-mixi, kif ukoll l-utenti ta’ vetturi motorizzati b’żewġ roti.”;

(3)L-Artikolu 5 jinbidel b’dan li ġej:

Artikolu 5

Valutazzjoni tat-toroq fin-netwerk kollu

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li titwettaq valutazzjoni tat-toroq fin-netwerk kollu tat-toroq attivi kopert b’din id-Direttiva. Il-valutazzjonijiet tat-toroq fn-netwerk kollu għandhom jinkludu spezzjoni viżwali, analiżi tad-dejta dwar il-volumi tat-traffiku u tal-aċċidenti fl-imgħoddi, u valutazzjoni tar-riskju tal-ħabtiet u tas-severità tal-impatti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ewwel valutazzjoni ssir sa mhux aktar tard mill-2025. Valutazzjonijiet sussegwenti tat-toroq fin-netwerk kollu għandhom ikunu frekwenti biżżejjed biex jiġu żgurati livelli adegwati ta’ sikurezza, iżda fi kwalunkwe każ għandhom isiru mill-inqas kull ħames snin.

2. Fit-twettiq tal-valutazzjoni tat-toroq fin-netwerk kollu, l-Istati Membri għandhom jinkludu l-elementi previsti fl-Anness III.

3. Fuq il-bażi tar-riżultati tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jikklassifikaw is-sezzjonijiet kollha tan-netwerk tat-toroq f’mhux inqas minn tliet kategoriji skont is-sikurezza intrinsika tagħhom.

4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-valutazzjonijiet tat-toroq fin-netwerk kollu jsiru mill-entità kompetenti.

5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm sinjali xierqa biex iwissu lill-utenti tat-toroq dwar segmenti tal-infrastruttura tat-toroq li fihom ikunu qed isiru tiswijiet u li jistgħu għaldaqstant jipperikolaw is-sikurezza tal-utenti. Dawn is-sinjali għandhom jinkludu wkoll sinjali li jkunu viżibbli kemm binhar kif ukoll billejl u jitpoġġew f’distanza sikura, u għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar is-Sinjali tat-Toroq tal-1968.”

(4)L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:

(a)    it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

Spezzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq”;

(b)    il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jsiru spezzjonijiet ta’ sikurezza tat-toroq fin-netwerk tat-toroq biex jiġu identifikati l-karatteristiċi relatati mas-sikurezza tat-toroq u biex jiġu evitati l-aċċidenti. L-għażla ta’ sezzjonijiet tat-toroq li jkunu soġġetti għal din l-ispezzjoni għandha tkun ibbażata fuq ir-riżultati tal-valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 5, u għandha tingħata prijorità għas-sezzjonijiet b’livell għoli ta’ riskju.”;

(c)    il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2. Meta jwettqu l-ispezzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq, l-Istati Membri għandhom jinkludu l-elementi stabbiliti fl-Anness IIa.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw is-sikurezza tas-sezzjonijiet tan-netwerk tat-toroq li jmissu ma’ mini tat-triq koperti mid-Direttiva 2004/54/KE, permezz ta’ spezzjonijiet konġunti tas-sikurezza tat-toroq li jinvolvu entitajiet kompetenti involuti fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u d-Direttiva 2004/54/KE. L-ispezzjonijiet konġunti tas-sikurezza tat-toroq għandhom isiru mill-inqas darba kull tliet snin.”;

(5)jiddaħħlu l-Artikoli 6a, 6b u 6c li ġejjin:

“Artikolu 6a

Segwitu ta’ proċeduri għal toroq attivi

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riżultati ta’ valutazzjonijiet tat-toroq fin-netwerk kollu mwettqa skont l-Artikolu 5 ikunu segwiti bi spezzjonijiet tas-sikurezza tat-toroq jew permezz ta’ azzjonijiet diretti ta’ rimedju.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-riżultati tal-ispezzjonijiet ta’ sikurezza tat-toroq li jsiru skont l-Artikolu 6 jiġu segwiti minn deċiżjonijiet motivati sabiex jiġi ddeterminat jekk tkunx meħtieġa azzjoni ta’ rimedju. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw il-partijiet tat-toroq fejn hemm bżonn ta’ titjib fis-sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq, u għandhom jiddefinixxu azzjonijiet li jridu jingħataw prijorità biex titjieb is-sikurezza ta’ dawk is-sezzjonijiet tat-toroq.

3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-azzjoni ta’ rimedju tkun immirata lejn is-sezzjonijiet tat-toroq b’livelli baxxi ta’ sikurezza u li joffru l-opportunità għall-implimentazzjoni ta’ miżuri bi proporzjonijiet għolja ta’ benefiċċji għall-kostijiet imġarrba.

4. L-Istati Membri għandhom iħejju u jaġġornaw regolarment il-pjan ta’ azzjoni bi prijoritizzazzjoni bbażata fuq ir-riskji biex isegwi l-implimentazzjoni tal-azzjoni ta’ rimedju identifikata. Fit-tħejjija tal-pjan ta’ azzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu prijorità lis-sezzjonijiet tat-toroq b’potenzjal kbir għat-titjib tas-sikurezza filwaqt li jitqiesu interventi bi proporzjonijiet għolja ta’ benefiċċji għall-kostijiet imġarrba.

   Artikolu 6b

Protezzjoni tal-utenti vulnerabbli tat-triq

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fl-implimentazzjoni tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 6 jitqiesu l-ħtiġijiet tal-utenti vulnerabbli tat-triq.”;

   Artikolu 6c

Il-marki tat-toroq u s-sinjali tat-traffiku

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-marki tat-toroq u s-sinjali tat-traffiku jkunu ddisinjati sew u miżmuma b’tali mod li dawn ikunu jistgħu jiġu rikonoxxuti faċilment u b’mod affidabbli kemm mis-sewwieqa umani kif ukoll mill-vetturi mgħammra b’sistemi ta’ assistenza għas-sewwieq jew livelli ogħla ta’ awtomatizzazzjoni.

2. Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa rekwiżiti għall-prestazzjoni ġenerali biex tiffaċilita r-rikonoxximent tal-marki tat-toroq u s-sinjali tat-traffiku. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 13(2).”;

(6)L-Artikolu 10 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 10

Skambju tal-aħjar prattiki

Sabiex tiżdied is-sikurezza tat-toroq fl-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi sistema għall-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, li tkopri fost l-oħrajn proġetti ta’ sikurezza tal-infrastruttura tat-toroq eżistenti, u teknoloġiji ppruvati ta’ sikurezza fit-toroq.”;

(7)fl-Artikolu 11, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 13. Sa fejn tkun meħtieġa l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi, tali miżuri għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 13(2).”;

(8)għandu jiddaħħal l-Artikolu 11a li ġej:

“Artikolu 11a

Rappurtar

1. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw rapport lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Ottubru [OP: please insert the YEAR calculated 24 months following the entry into force] u kull tliet snin minn hemm ’il quddiem dwar il-perċentwali tan-netwerk tat-toroq vvalutat permezz tal-valutazzjoni tat-toroq fin-netwerk kollu tat-tliet snin preċedenti, u l-klassifikazzjoni tas-sikurezza tat-toroq ivvalutati skont il-kategorija ta’ utenti tat-toroq.”;

(9)L-Artikolu 12 jinbidel b’dan li ġej:

“Artikolu 12

Adattament għall-progress tekniku

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 12a sabiex tadatta l-Annessi ta’ din id-Direttiva għall-progress tekniku.”;

(10)għandu jiddaħħal l-Artikolu 12a li ġej:

“Artikolu 12a

Atti delegati

1. Is-setgħa li tadotta atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2. Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 12 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn [data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva].

3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 12 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Din ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat diġà fis-seħħ.

4. Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-esperti nnominati minn kull Stat Membru b’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

5. Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess ħin dwar dan.

6. Att delegat adottat skont l-Artikolu 12 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk, fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu esprimew oġġezzjoni, jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew il-Kunsill.”;

(11)L-Artikolu 13 jinbidel b’dan li ġej:

Artikolu 13

Proċedura ta’ kumitat

1.Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fit-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011”;

(12)l-Annessi huma emendati kif stipulat fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa [OP: please insert the DATE calculated 18 months following the entry into force]. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9994-2017-INIT/en/pdf.
(2)    Id-Direttiva 2008/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq, ĠU L 319, 29.11.2008, p. 59-67.
(3)    Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom, ĠU L 200, 31.7.2009.
(4)    Ir-Regolament (KE) Nru 78/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Jannar 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-ħarsien tal-persuni mexjin u ta’ utenti vulnerabbli oħra tat-triq, ĠU L 35, 4.2.2009.
(5)    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Strateġija Ewropea dwar is-Sistemi tat-Trasport Intelliġenti u Kooperattivi: l-ewwel pass importanti lejn mobbiltà kooperattiva, konnessa u awtomatizzata” (COM/2016/0766 final).
(6)    Il-White Paper "Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti” (COM(2011)144 final).
(7)    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Lejn Żona Ewropea ta’ sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta’ politika dwar is-Sikurezza tat-triq 2011-2020 (COM(2010) 389 finali).
(8)    SWD(2018) 175.
(9)    https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/modes/road/studies/doc/2014-12-ex-post-evaluation-study-road-infra-safety-mgmnt.pdf.
(10)    http://tm20.org/final-report-on-road-automation-now-available/
(11)    ĠU C , , p. .
(12)    ĠU C , , p. .
(13)    Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni "Lejn Żona Ewropea ta’ sikurezza tat-triq: orjentazzjonijiet ta’ politika dwar
is-sikurezza tat-triq 2011-2020” (COM(2010) 389 final).
(14)    Ir-Regolament (UE) Nru 1315/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE (ĠU L 348, 20.12.2013, p. 1).
(15)    Id-Direttiva 2008/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq (ĠU L 319, 29.11.2008, p. 59).
(16)    Id-Direttiva 2004/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-ħtiġiet minimi tas-sigurtà għall-mini fin-Network Trans-Ewropew tat-Toroq (ĠU L 167, 30.4.2004, p. 39).
(17)    ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.
(18)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

Brussell,17.5.2018

COM(2018) 274 final

ANNESS

tal-

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2008/96/KE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq

{SEC(2018) 226 final}
{SWD(2018) 175 final}
{SWD(2018) 176 final}


ANNESS

L-Annessi tad-Direttiva 2008/96/KE huma emendati kif ġej:

(1)Fl-Anness I, it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS I

ELEMENTI TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT TAS-SIKUREZZA FIT-TOROQ”;

(2)L-Anness II jiġi emendat kif ġej:

(a)    it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“ANNESS II

ELEMENTI TAL-VERIFIKI TAS-SIKUREZZA FIT-TOROQ”;

(b) fit-taqsima 1 jiżdied il-punt (n) li ġej:

"(n)    dispożizzjonijiet għall-utenti vulnerabbli tat-triq:

i)    dispożizzjonijiet għall-persuni bil-mixi,

ii)    dispożizzjonijiet għaċ-ċiklisti,

iii)    dispożizzjonijiet għal vetturi motorizzati b’żewġ roti.”;

(c) fit-taqsima 2, il-punt (h) huwa sostitwit b’dan li ġej:

"(h)    dispożizzjonijiet għall-utenti vulnerabbli tat-triq:

i) dispożizzjonijiet għall-persuni bil-mixi,

ii) dispożizzjonijiet għaċ-ċiklisti,

iii) dispożizzjonijiet għal vetturi motorizzati b’żewġ roti.”;

(3)jiddaħħal l-Anness IIa li ġej:

“ANNESS IIa

ELEMENTI TAL-ISPEZZJONIJIET TAS-SIKUREZZA FIT-TOROQ

1.    Allinjament tat-triq u sezzjoni trasversali:

(a)    viżibbiltà u distanzi viżivi;

(b)    limitu tal-veloċità u żonar tal-veloċitajiet;

(c)    allinjament awtoevidenti (i.e. kemm is-sewwieqa jistgħu “jaqraw” l-allinjament);

(d)    aċċess għall-proprjetà u l-iżviluppi maġenb it-triq;

(e)    aċċess għall-vetturi ta’ emerġenza u tas-servizzi;

(f)    trattamenti fil-pontijiet u fil-pajpijiet tad-dranaġġ tat-toroq;

(g)    tqassim tal-ġenb tat-triq (shoulders, waqfiet tal-bankini, ġnub imħaffra jew mgħollija).

2.    Intersezzjonijiet tat-toroq u interskambji:

(a)    adegwatezza tat-tip ta’ intersezzjoni jew interskambju;

(b)    ġeometrija tat-tqassim tal-intersezzjoni jew l-interskambju;

(c)    viżibbiltà u intuwittività (il-perċezzjoni) tal-intersezzjonijiet;

(d)    viżibbiltà fl-intersezzjoni;

(e)    tqassim tal-karreġġati awżiljari fl-intersezzjonijiet;

(f)    kontroll tat-traffiku fl-intersezzjoni (eż. ikkontrollati permezz ta’ stop jew permezz ta’ sinjali tat-traffiku eċċ.);

(g)    eżistenza ta’ postijiet fejn jistgħu jaqsmu t-triq il-persuni bil-mixi.

3.    Dispożizzjonijiet għall-utenti vulnerabbli tat-triq:

(a)    dispożizzjonijiet għall-persuni bil-mixi;

(b)    dispożizzjonijiet għaċ-ċiklisti;

(c)    dispożizzjonijiet għal vetturi motorizzati b’żewġ roti;

(d)    trasport pubbliku u infrastruttura pubblika;

(e)    passaġġi tal-istess livell triq/ferrovija.

4.    Dwal, sinjali u marki:

(a)    sinjali tat-triq koerenti, li ma jfixklux il-viżibbiltà;

(b)    iċ-ċarezza tas-sinjali (il-pożizzjoni, id-daqs, il-kulur);

(c)    arbli tas-sinjali;

(d)    marki tat-triq koerenti u d-delinjazzjoni tagħhom;

(e)    ċarezza tal-marki tat-triq (pożizzjoni, dimensjonijiet u retroriflettività f’kundizzjonijiet xotti u mxarrbin)

(f)    kuntrast xieraq tal-marki tat-triq;

(g)    dwal tat-toroq imdawla u tal-intersezzjonijiet;

(h)    apparat tal-ġenb tat-triq xieraq.

5.    Sinjali tat-traffiku:

(a)    tħaddim;

(b)    viżibbiltà.

6.    Oġġetti, iż-żoni ħielsa u sistemi ta’ trażżin fit-toroq:

(a)    l-ambjent fil-ġenb tat-triq, inkluża l-veġetazzjoni;

(b)    perikli mal-ġenb tat-triq u distanza mit-tarf tal-karreġġjata;

(c)    adattament tas-sistemi ta’ lqugħ li jkunu xierqa għall-utent (central strips u barrikati kontra l-ħbit għall-evitar tal-perikli għall-utenti vulnerabbli);

(d)    is-sistemi għat-truf tal-barrikati kontra l-ħbit;

(e)    sistemi ta’ lqugħ xierqa fit-toroq fuq pontijiet u kanali;

(f)    reċinti (f’toroq b’aċċess ristrett).

7.    Bankini:

(a)    difetti tal-bankini;

(b)    reżistenza kontra ż-żliq;

(c)    materjal sfuż/żrar/ġebel;

(d)    l-iffurmar ta’ għadajjar, skular tal-ilma.

8.    Kwistjonijiet oħrajn:

(a)    provvediment ta’ zoni ta’ parkeġġ u żoni ta’ mistrieħ sikuri;

(b)    provvedimenti għal vetturi tqal;

(c)    tgħammix mill-fanali ta’ quddiem;

(d)    xogħlijiet fit-triq;

(e)    attivitajiet perikolużi mal-ġenb tat-triq;

(f)    informazzjoni xierqa dwar l-apparat tal-ITS (eż. sinjali b'messaġġi varjabbli);(g)    fawna selvaġġa u annimali;

(h)    twissijiet ta’ żoni tal-iskejjel (jekk applikabbli).”;

(4)L-Anness III huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Anness III

ELEMENTI TAL-VALUTAZZJONIJIET TAT-TOROQ FIN-NETWERK KOLLU

1.    Ġenerali:

(a)    tip ta’ triq fir-rigward tat-tip u d-daqs tar-reġjuni/bliet li tgħaqqad;

(b)    tul tas-sezzjoni tat-triq;

(c)    tip ta’ żona (rurali, urbana);

(d)    l-użu tal-art (użijiet edukattivi, industrijali, kummerċjali, residenzjali, agrikoli, żoni mhux żviluppati);

(e)    densità tal-punti ta’ aċċess għall-proprjetà;

(f)    il-preżenza ta’ toroq tas-servizz (eż. għal ħwienet);

(g)    preżenza ta’ xogħlijiet tat-toroq;

(h)    preżenza ta’ postijiet tal-parkeġġ.

2.    Volumi tat-traffiku:

(a)    volumi tat-traffiku;

(b)    volumi ta’ muturi osservati;

(c)    volumi ta’ nies bil-mixi osservati fuq iż-żewġ naħat, flimkien ma’ persuni li jimxu għat-tul tat-triq jew persuni li jaqsmuha;

(d)    volumi ta’ biċikletti osservati;

(e)    volumi ta’ vetturi tqal osservati;

(f)    flussi ta’ persuni bil-mixi stmati mill-attributi tal-użu tal-art kontigwa;

(g)    flussi ta’ biċikletti stmati mill-attributi tal-użu tal-art kontigwa.

3.    Dejta dwar l-aċċidenti:

(a)    Għadd ta’ fatalitajiet u fejn ġraw skont il-grupp ta’ utenti tat-triq;

(b)    Għadd ta’ korrimenti serji u fejn ġraw skont il-grupp ta’ utenti tat-triq.

4.    Karatteristiċi operazzjonali:

(a)    limitu tal-veloċità (ġenerali, għall-muturi; għat-trakkijiet);

(b)    veloċità tat-tħaddim (il-85 perċentil);

(c)    ġestjoni tal-veloċità u/jew ikkalmar tat-traffiku;

(d)    preżenza ta’ apparati tal-ITS: twissijiet dwar punti ta’ konġestjoni, sinjali b’messaġġi varjabbli;

(e)    twissijiet dwar żoni tal-iskejjel;

(f)    il-preżenza ta’ superviżur tal-qsim tat-triq f’perijodi preskritti.

5.    Karatteristiċi ġeometriċi:

(a)    Karatteristiċi tas-sezzjoni trażversali (għadd, tip u wisa’ tal-karreġġati, kif inhuma mqassma x-shoulders ċentrali medjani kif ukoll il-materjal tagħhom, karreġġati għar-roti, trejqiet għall-mixi eċċ.), inkluża l-varjabbiltà tagħhom;

(b)    kurvatura orizzontali;

(c)    grad u allinjament vertikali;

(d)    viżibbiltà u distanzi viżivi.

6.    Oġġetti, iż-żoni ħielsa u sistemi ta’ trażżin fit-toroq:

(a)    l-ambjent tal-ġenb tat-triq u żoni miżmuma vojta;

(b)    l-ostakli fissi fil-ġenb tat-triq (eż. l-arbli tad-dawl, siġar, eċċ.);

(c)    distanza tal-ostakli mill-ġenb tat-triq;

(d)    densità tal-ostakli;

(e)    rumble strips;

(f)    sistemi tal-ilqugħ tat-triq.

7.    Intersezzjonijiet:

(a)    it-tip ta’ intersezzjoni u l-għadd ta’ daħliet/ħarġiet (innota b’mod partikolari t-tip ta’ kontroll u l-preżenza ta’ dawriet protetti);

(b)    jekk hemmx direzzjonament tal-karreġġati (channelisation);

(c)    kwalità tal-intersezzjoni;

(d)    volum tat-triq tal-intersezzjoni;

(e)    il-preżenza ta’ intersezzjonijiet ferrovjarji mat-toroq.

8.    Manutenzjoni:

(a)    difetti tal-bankini;

(b)    reżistenza tal-bankina kontra ż-żliq;

(c)    kundizzjoni tax-shoulder (inkluża l-veġetazzjoni);

(d)    kundizzjoni tas-sinjali, tal-marki u d-delinjazzjoni;

(e)    kundizzjoni tas-sistemi tal-ilqugħ tat-triq.

9.    Faċilitajiet għall-utenti vulnerabbli tat-triq:

(a)    postijiet fejn jaqsmu l-persuni bil-mixi (fil-livell tat-triq jew fuq livell differenti);

(b)    barrikati għall-persuni bil-mixi;

(c)    eżistenza ta’ bankini jew faċilità separata;

(d)    faċilitajiet għar-roti;

(e)    il-kwalità tal-post fejn jaqsmu l-persuni bil-mixi f’dak li jirrigwarda l-viżibbiltà u s-sinjali tal-faċilità;

(f)    il-faċilità għall-qsim tat-triq fuq id-daħla ta’ triq minuri li tingħaqad man-netwerk.”;

(5)fl-Anness IV, il-punt 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1. il-pożizzjoni preċiża kemm jista’ jkun tal-inċident, inklużi l-koordinati tal-GNSS;”.