Brussell, 8.5.2018

COM(2018) 261 final

2018/0124(CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi 2006/112/KE u 2008/118/KE dwar l-inklużjoni tal-muniċipalità Taljana ta’ Campione d’Italia u l-ilmijiet Taljani tal-Lag ta’ Lugano fit-territorju doganali tal-Unjoni u fl-applikazzjoni territorjali tad-Direttiva 2008/118/KE


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Fuq talba tal-Italja, jenħtieġ li l-muniċipalità Taljana ta’ Campione d’Italia u l-ilmijiet Taljani tal-Lag ta’ Lugano jiġu inklużi fit-territorju doganali tal-UE u fit-territorju tal-Unjoni li għalihom tapplika d-Direttiva 2008/118/KE dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa 1 (“id-Direttiva dwar id-dazju tas-sisa”). Il-pożizzjoni ġeografika taż-żewġ territorji bħala esklavi Taljani fit-territorju tal-Iżvizzera, iġġustifikat mil-lat storiku l-esklużjoni tagħhom mit-territorju doganali tal-UE, iżda l-Italja tqis li din l-esklużjoni ma għadhiex meħtieġa, b’mod partikolari għax inkella l-Iżvizzera issa tixtieq tinkludihom fit-territorju doganali tagħha. Għalhekk din titlob li dawn iż-żewġ territorji jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-territorju doganali tal-UE u t-territorju tal-Unjoni li għalihom tapplika d-Direttiva dwar id-dazju tas-sisa. Qed jiġi propost li din l-emenda tapplika mill-1 ta’ Jannar 2019.

L-Italja hija tal-fehma li l-inklużjoni tal-muniċipalità ta’ Campione d’Italia u tal-ilmijiet Taljani tal-Lag ta’ Lugano fit-territorju doganali tal-UE u fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar id-dazju tas-sisa hija kompatibbli maż-żamma tal-applikazzjoni ta’ sistema ta’ taxxa speċjali fuq il-valur miżjud, u b’mod partikolari, bil-fatt li dawn it-territorji jibqgħu jiġu esklużi mill-applikazzjoni territorjali tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 2 (“id-Direttiva tal-VAT”). Dan hu essenzjali biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi mal-kuntest ekonomiku Żvizzeru tal-madwar bl-applikazzjoni tat-tassazzjoni indiretta lokali b’konformità mat-taxxa fuq il-valur miżjud Żvizzera. Għalhekk l-inklużjoni ta’ dawn it-territorji fit-territorju doganali tal-UE u fit-territorju tal-Unjoni fejn tapplika d-Direttiva dwar id-dazju tas-sisa, teħtieġ biss bidla formali tad-Direttiva tal-VAT, jiġifieri li isimhom jiċċaqlaq mill-Artikolu 6(2) (territorji li ma jiffurmawx parti mit-territorju doganali tal-UE li huma esklużi mill-applikazzjoni territorjali tad-Direttiva tal-VAT) għall-Artikolu 6(1) (territorji li jiffurmaw parti mit-territorju doganali tal-UE li huma esklużi mill-applikazzjoni territorjali tad-Direttiva tal-VAT).

Il-proposta għal emenda tad-Direttiva dwar id-dazju tas-sisa u d-Direttiva tal-VAT hija marbuta strettament mal-emenda tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Għalhekk, dawn l-emendi jenħtieġ li japplikaw mill-istess data. Biex jitjiebu l-ġestjoni u l-organizzazzjoni amministrattiva, l-Italja indikat li dawn l-emendi se jkollhom jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar ta’ wara l-adozzjoni tagħhom u, f’kull każ, mhux qabel l-1 ta’ Jannar 2019.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-bidliet fid-Direttiva dwar id-dazju tas-sisa u fid-Direttiva tal-VAT huma konsegwenza tal-bidliet fir-Regolament (UE) Nru 952/2013 3 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dan l-Artikolu jipprevedi li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu skont proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jkun ikkonsulta mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, jadotta d-dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-ambitu ġeografiku tal-applikazzjoni tad-Direttiva dwar id-dazju tas-sisa u tad-Direttiva tal-VAT huwa armonizzat. L-Istati Membri ma jistgħux japplikaw ambitu ġeografiku differenti.

Proporzjonalità

L-emenda proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ikkonċernati u, b’dak il-mod, jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattat ta’ funzjonament tajjeb u effettiv tas-suq intern.

Din il-proposta tikkonforma mal-prinċipji ta’ proporzjonalità kif stabbiliti fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.Din l-emenda hija bbażata fuq deċiżjoni politika tal-gvern Taljan. Ma għandha l-ebda impatt fuq Stati Membri oħra.

Għażla tal-istrument

Direttiva tal-Kunsill.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

In-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni mill-Istati Membri ma teħtieġx li tkun akkumpanjata minn dokument ta’ spjegazzjoni li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti tad-Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali peress li l-bidliet jirrelataw biss ma’ dispożizzjoni waħda kemm tad-Direttiva dwar id-dazju tas-sisa kif ukoll tad-Direttiva tal-VAT.

2018/0124 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi 2006/112/KE u 2008/118/KE dwar l-inklużjoni tal-muniċipalità Taljana ta’ Campione d’Italia u l-ilmijiet Taljani tal-Lag ta’ Lugano fit-territorju doganali tal-Unjoni u fl-applikazzjoni territorjali tad-Direttiva 2008/118/KE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 4 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 5 ,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)Fl-ittra tagħha tat-18 ta’ Lulju 2017, l-Italja talbet li l-muniċipalità Taljana ta’ Campione d’Italia u l-ilmijiet Taljani tal-Lag ta’ Lugano jiġu inklużi fit-territorju doganali tal-Unjoni kif iddefiniti fir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 kif ukoll fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE 7 għall-finijiet tad-dazju tas-sisa, filwaqt li dawn it-territorji jitħallew barra mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 8 għall-finijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud.

(2)Il-muniċipalità Taljana ta’ Campione d’Italia, esklava Taljana fit-territorju tal-Iżvizzera u l-ilmijiet Taljani tal-Lag ta’ Lugano jenħtieġ li jiġu inklużi fit-territorju doganali tal-Unjoni għax ma għadhomx japplikaw ir-raġunijiet storiċi li jiġġustifikaw l-esklużjoni ta’ dawn it-territorji, bħall-iżolament u l-iżvantaġġi ekonomiċi tagħhom. Għall-istess raġunijiet dawn it-territorji jenħtieġ li jiġu inklużi fl-applikazzjoni territorjali tad-Direttiva 2008/118/KE.

(3)Madankollu, l-Italja trid tkompli bl-esklużjoni ta’ dawn it-territorji mill-applikazzjoni territorjali tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għax dan huwa essenzjali biex jinżammu kundizzjonijiet ekwi bejn l-operaturi ekonomiċi stabbiliti fl-Iżvizzera u fil-muniċipalità Taljana ta’ Campione d’Italia bl-applikazzjoni ta’ sistema ta’ tassazzjoni indiretta lokali b’konformità mas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud Żvizzera.

(4)L-emendi tad-Direttiva 2006/112/KE u 2008/118/KE huma strettament marbuta mal-emenda tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 9 fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tat-territorju doganali tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li l-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni relatati ma’ dawk l-emendi japplikaw mill-istess data tal-emenda tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

(5)Għaldaqstant, id-Direttivi 2006/112/KE u 2008/118/KE jenħtieġ li jiġu emendati skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

(1)    Fl-Artikolu 6(1), jiżdiedu l-punti (f) u (g) li ġejjin:

“(f)    Campione d’Italia;

(g)    l-ilmijiet Taljani tal-Lag ta’ Lugano.”

(2)    Fl-Artikolu 6(2) jitħassru l-punti (f) u (g).

Artikolu 2

Id-Direttiva 2008/118/KE hija emendata kif ġej:

(1)    Fl-Artikolu 5(3) jitħassru l-punti (f) u (g).

Artikolu 3

1.Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2018, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Dawn għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2019.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Għandhom jiddeċiedu l-Istati Membri kif issir dik ir-referenza.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li tħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12).
(2)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).
(3)    Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(4)    ĠU C , , p. .
(5)    ĠU C , , p. .
(6)    Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).
(7)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU L 9, 14.1.2009, p. 12).
(8)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).
(9)    Kif emendat bir-Regolament (UE) Nru XXX