IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.4.2018
COM(2018) 229 final
2018/0109(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar pjan pluriennali għall-irkupru tal-pixxispad tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 u r-Regolament (UE) 2017/2107
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-“Regolament Bażiku”), l-għan tal-politika komuni tas-sajd (il-PKS) huwa li tiżgura li r-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jiġu sfruttati b’mod li jipprovdi sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali fit-tul.
Bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE, l-Unjoni approvat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar li, fost affarijiet oħrajn, fiha l-prinċipji u r-regoli għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar. Fil-kuntest tal-obbligi internazzjonali aktar ġenerali tagħha, l-Unjoni tieħu sehem fl-isforzi li jsiru fl-ibħra internazzjonali għall-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut.
Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 86/238/KEE, l-Unjoni ilha mill-14 ta’ Novembru 1997 Parti Kontraenti fil-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (“il-konvenzjoni ICCAT”).
Il-Konvenzjoni ICCAT tipprevedi qafas għall-kooperazzjoni reġjonali dwar il-konservazzjoni u l-ġestjoni tat-tonn u tal-ispeċijiet li jixbhuh fl-Oċean Atlantiku u fl-ibħra ta’ madwaru permezz tat-twaqqif ta’ Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (l-“ICCAT”).
L-ICCAT għandha s-setgħa tadotta deċiżjonijiet obbligatorji (rakkomandazzjonijiet) għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tas-sajd li jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, li jorbtu legalment lill-Partijiet Kontraenti. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet huma maħsubin b’mod ewlieni għall-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni ICCAT, iżda jinkludu wkoll ċerti obbligi għall-operaturi privati (pereżempju għall-kaptani tal-bastimenti). Ir-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT jidħlu fis-seħħ sitt xhur wara li jiġu adottati u, fil-każ tal-Unjoni, iridu jiddaħħlu fil-liġi tal-Unjoni malajr kemm jista’ jkun.
Waqt il-laqgħa annwali tal-ICCAT tal-2016 li saret f’Vilamoura (fil-Portugall), il-PKK tal-ICCAT ħadu pass importanti ’l quddiem biex jindirizzaw is-sitwazzjoni allarmanti tal-pixxispad tal-Mediterran (Xiphias gladius) billi, fir-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT, adottaw pjan ta’ rkupru ta’ 15-il sena. Din ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi r-regoli għall-konservazzjoni, għall-ġestjoni u għall-kontroll tal-istokk tal-pixxispad fil-Mediterran sabiex jinkiseb livell tal-bijomassa li jkun jikkorrispondi mar-rendiment massimu sostenibbli sal-2031 u jkun hemm probabbiltà ta’ mill-inqas 60 % li jintlaħaq dan il-għan.
Permezz ta’ ittra indirizzata lis-Segretarjat tal-ICCAT, f’Diċembru tal-2016 l-Unjoni Ewropea kkonfermat li kienet se tibda timplimenta r-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT mill-1 ta’ Jannar 2017 ’il quddiem.
L-għan ta’ din il-proposta huwa li r-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT tiġi trasposta fil-liġi tal-UE sabiex l-Unjoni tkun tista’ tikkonforma mal-obbligi internazzjonali tagħha u sabiex l-operaturi jingħataw iċ-ċertezza legali dwar ir-regoli u l-obbligi tagħhom.
Ir-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT li tistabbilixxi pjan pluriennali għall-irkupru tal-pixxispad tal-Mediterran teżiġi li l-pixxispad jiġi skartat u rrilaxxat f’ċerti ċirkustanzi. Għall-finijiet tal-konformità tal-Unjoni mal-obbligi internazzjonali tagħha fil-kuntest tal-ICCAT, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/191 jipprevedi derogi mill-obbligu ta’ ħatt l-art għall-pixxispad tal-Mediterran, kif mogħti fl-Artikolu 15 tar-Regolament Bażiku. B’hekk, dan ir-Regolament li jistabbilixxi pjan għall-irkupru tal-pixxispad tal-Mediterran ma hemmx bżonn li jkopri t-tali obbligi ta’ skartar u ta’ rilaxx u se jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/191.
Skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Bażiku, l-obbligu ta’ ħatt l-art irid jiġi implimentat mingħajr preġudizzju għall-obbligi internazzjonali tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati biex timplimenta t-tali obbligi internazzjonali fil-liġi tal-Unjoni, fosthom, b’mod partikulari, id-derogi mill-obbligu ta’ ħatt l-art.
Ir-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT toħloq l-obbligu li jiġi skartat il-pixxispad li jkun abbord il-bastimenti, fosthom dawk tas-sajd sportiv u rikreattiv, li jaqbeż il-kwota allokata għall-bastiment u/jew il-livell massimu tal-qabdiet aċċessorji permessi. Il-pixxispad tal-Mediterran li jkun inqabad u ttella’ abbord il-bastimenti u li jkun iżgħar mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni wkoll se jkollu jiġi skartat, ħlief għal ċertu limitu ta’ qabdiet aċċessorji stabbilit mill-Istati Membri fil-pjanijiet annwali tas-sajd tagħhom.
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/127 jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2017 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni. Is-soltu, dawn l-opportunitajiet tas-sajd jiġu emendati diversi drabi fil-perjodu li matulu jkunu fis-seħħ.
Bl-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT ġiet stabbilita qabda totali permissibbli (TAC) ta’ 10 500 tunnellata għall-pixxispad tal-Mediterran. Madankollu, l-ICCAT ma qassmitx it-TAC fost il-PKK tagħha u għalhekk, meta ġie ppubblikat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/127, is-sehem tal-Unjoni minn din it-TAC kien għadu ma ġiex stabbilit. L-ICCAT kellha tlaqqa’ grupp ta’ ħidma biex jiddefinixxi skema ta’ allokazzjoni ġusta u ekwa tat-TAC għall-pixxispad tal-Mediterran u biex jistabbilixxi kwota għall-PKK għall-2017.
Il-Grupp ta’ Ħidma ltaqa’ f’Madrid bejn l-20 u t-22 ta’ Frar 2017 u matul din il-laqgħa l-Partijiet ftiehmu bejniethom dwar l-allokazzjoni tal-kwoti għall-2017 u laħqu kompromess dwar il-ġestjoni tal-użu tal-kwoti għall-2017.
Għalhekk kien importanti li r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/127 jiġi emendat biex l-operaturi jingħataw iċ-ċertezza legali kemm dwar il-kwantitajiet ta’ pixxispad tal-Mediterran li setgħu jaqbdu fl-2017, kif ukoll dwar l-istabbiliment ta’ żoni fejn hemm limiti tal-qbid. Dan sar permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1398.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti f’dan il-qasam ta’ politika
Il-pixxispad fil-Mediterran kien irregolat biss permezz tal-miżuri tekniċi msemmijin fl-Artikolu 25 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran, u wara bl-Artikoli 20 sa 26 tar-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017 li jistabbilixxi l-miżuri ta’ ġestjoni, ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1936/2001, (KE) Nru 1984/2003 u (KE) Nru 520/2007.
Matul in-negozjati, il-pożizzjoni tal-UE kienet tikkonforma mal-għanijiet tal-Artikolu 2(2), tal-Artikolu 28(1) u (2) u tal-Artikoli 29 u 33 tar-Regolament Bażiku.
Il-miżuri li ġew adottati permezz tar-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT, li dan ir-Regolament qed jittrasponi, huma iktar restrittivi jew iktar preċiżi mill-miżuri li huma diġà fis-seħħ (ara hawn fuq), sabiex l-istokk ikun jista’ jirkupra. Id-differenzi ewlenin ta’ bejniethom jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:
(a) id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni: l-Artikolu 11 ta’ dan ir-Regolament jiddefinixxi d-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni bħala tul tal-ħut ta’ inqas minn 100 cm mix-xedaq ta’ isfel sal-furketta, jew piż ħaj tal-ħut ta’ inqas minn 11,4 kg jew piż tal-ħut ta’ inqas minn 10,2 kg wara li jkunu tneħħewlu l-garġi u jkun issewwa. Għalhekk, dan l-Artikolu huwa iktar restrittiv mill-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2017/2107 li jiddefinixxi d-daqs minimu bħala tul tal-ħut ta’ inqas minn 90 cm mix-xedaq ta’ isfel sal-furketta jew, b’mod alternattiv, piż ħaj tal-ħut ta’ inqas minn 10 kg jew piż tal-ħut ta’ inqas minn 9 kg wara li jkunu tneħħewlu l-garġi u jkun issewwa, jew piż ta’ inqas minn 7,5 kg wara l-ipproċessar (wara li jkunu tneħħewlu l-garġi, jkun issewwa u jkunu tneħħewlu l-pinen u parti mir-ras);
(b) l-għadd massimu ta’ snanar: l-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament jistabbilixxi l-għadd massimu ta’ snanar li l-bastimenti tas-sajd li jkunu qed jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran jistgħu jkalaw jew jieħdu abbord bħala 2 500 sunnara. Għalhekk, dan l-Artikolu huwa iktar restrittiv mill-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2017/2107, li jgħid hekk: “B’deroga mill-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, l-għadd massimu ta’ snanar li jistgħu jiġu kalati jew jittieħdu abbord il-bastimenti li jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran għandu jkun iffissat għal 2 800 sunnara”;
(c) il-perjodu tal-għeluq: il-perjodu tal-għeluq mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena diġà ġie adottat permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1398 tal-25 ta’ Lulju 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/127 fir-rigward ta’ ċerti opportunitajiet tas-sajd u permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/120 tat-23 ta’ Jannar 2018 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għal bastimenti tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni. Għalhekk, il-perjodi tal-għeluq iddefiniti fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2017/2107 ma għadhomx validi;
(d) id-definizzjoni tat-TAC u l-allokazzjoni tal-kwoti diġà ġew trasposti fl-2017 u issa jinsabu fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/120 tat-23 ta’ Jannar 2018 li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni. Għalhekk ma hemmx bżonn li t-traspożizzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd tkun inkluża hawnhekk.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Fil-paragrafu 1 tagħha, ir-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT, li qed tiġi trasposta hawnhekk, tgħid biċ-ċar li l-Partijiet Kontraenti li l-bastimenti tagħhom diġà jistadu b’mod attiv għall-pixxispad fil-Mediterran għandhom jimplimentaw pjan ta’ rkupru ta’ 15-il sena li jibda fl-2017 u li jkompli għaddej sal-2031, sabiex ikun hemm probabbiltà ta’ mill-inqas 60 % li jintlaħaq il-Bmsy. L-għan u t-tul ta’ żmien massimu tal-pjan (sal-2031) jidhru li jmorru kontra l-għan tal-politika komuni tas-sajd li tintlaħaq rata ta’ sfruttament tar-rendiment massimu sostenibbli (Fmsy) sa mhux iktar tard mill-2020. Madankollu, skont l-Artikolu 28(1) u (2) u l-Artikoli 29 u 33 tar-Regolament Bażiku, iridu jitqiesu ċerti elementi sabiex tiġi ġġustifikata d-deroga mill-Artikolu 2 tar-Regolament Bażiku:
(a) l-istokk ma jiġix sfruttat biss mill-Unjoni Ewropea iżda mill-pajjiżi kollha ta’ max-xatt tal-Mediterran, xi wħud fil-kuntest tas-sajd dirett (bħal fil-każ tal-Marokk, tal-Alġerija, tat-Tuneżija u tat-Turkija) u xi wħud fil-kuntest tal-qabdiet inċidentali;
(b) il-ġestjoni tal-istokk tinsab f’idejn il-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (l-ICCAT) li fiha l-Unjoni Ewropea hija waħda mill-51 Parti Kontraenti;
(c) kien f’Novembru tal-2016 li ġie rrakkomandat pjan ta’ rkupru wara li l-Kumitat permanenti dwar ir-riċerka u l-istatistika (l-SCRS, li huwa l-korp xjentifiku tal-ICCAT) ressaq il-valutazzjoni tiegħu tal-istokk;
(d) id-dinamika tal-popolazzjoni u x-xejra tal-isfruttament ta’ din l-ispeċi ma jippermettux li l-livell tal-bijomassa jiżdied minn issa sal-2020 u jitolbu perjodu itwal taż-żmien li ġie stabbilit bħala perjodu ta’ 15-il sena fil-parir xjentifiku;
(e) anke jekk wieħed japplika l-iktar miżuri ħorox għall-flotta tal-UE (jiġifieri l-għeluq totali tas-sajd), il-livelli tal-bijomassa li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli mhux se jkunu jistgħu jintlaħqu sal-2020;
(f) diġà kien hemm pjan ta’ rkupru li l-ICCAT adottat u li ġie traspost fil-leġiżlazzjoni tal-UE. Dan kien il-pjan għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran li ġie stabbilit fl-2006 permezz tar-Rakkomandazzjoni 06-05 tal-ICCAT u li wkoll kien għal 15-il sena (sal-2022). Dan il-pjan ta’ rkupru ġie implimentat fl-Unjoni permezz tar-Regolament (UE) 2016/1627. Fl-2017 (ħames snin qabel id-data ta’ limitu biex jintlaħaq l-għan b’rabta mal-bijomassa), kien diġà ntlaħaq qbil, fid-dawl tal-iktar parir xjentifiku riċenti tal-SCRS, li ma kienx għad hemm bżonn tal-miżuri inklużi fil-pjan ta’ rkupru.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 43(2) tat-TFUE minħabba li tistabbilixxi dispożizzjonijiet li huma meħtieġa biex jiġu segwiti l-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd.
•
Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Il-proposta tidħol fl-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni (l-Artikolu 3(1)(d) tat-TFUE). Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.
•Proporzjonalità
Il-proposta se tiżgura li l-liġijiet tal-Unjoni b’rabta mal-ġestjoni tas-sajd tal-pixxispad fil-Mediterran u, b’mod partikulari, ir-regoli u l-obbligi kollha tal-pjan ta’ rkupru approvat mill-ICCAT, jikkonformaw mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, u se tiżgura li l-Unjoni tikkonforma mad-deċiżjonijiet li jieħdu l-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd li fihom l-Unjoni hija Parti Kontraenti. Dan se jitwettaq billi jsir biss dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq l-għan mixtieq.
•Għażla tal-istrument
L-istrument magħżul huwa Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATTI
•Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
L-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri ġew infurmati dwar din il-proposta waqt il-laqgħa tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura li saret fit-8 ta’ Settembru 2017. Il-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar Mediterran (il-MEDAC) ġie infurmat dwar din il-proposta waqt il-laqgħa li saret fl-10 ta’ Ottubru 2017.
•Ġbir u użu tal-kompetenzi
Din il-proposta tittrasponi rakkomandazzjoni li ġiet adottata fil-livell ta’ organizzazzjoni reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd (l-ICCAT) skont il-parir xjentifiku tal-Kumitat permanenti dwar ir-riċerka u l-istatistika tal-ICCAT.
•Valutazzjoni tal-impatti
Mhix rilevanti. Din il-proposta tittrasponi rakkomandazzjoni li tapplika direttament għall-Istati Membri.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Din il-proposta mhijiex marbuta mar-REFIT.
•Drittijiet fundamentali
Din il-proposta ma għandha l-ebda konsegwenza fuq il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja.
5.
ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
L-Unjoni kitbet lis-Segretarjat tal-ICCAT u qaltlu li hija qed tapplika r-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT, li issa ilha trasposta sa mill-1 ta’ Jannar 2017.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
(a) Deroga mill-obbligu ta’ ħatt l-art
Skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Bażiku, l-obbligu ta’ ħatt l-art irid jiġi implimentat mingħajr preġudizzju għall-obbligi internazzjonali tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati biex timplimenta t-tali obbligi internazzjonali fil-liġi tal-Unjoni, fosthom, b’mod partikulari, id-derogi mill-obbligu ta’ ħatt l-art.
Ir-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT toħloq l-obbligu li jiġi skartat il-pixxispad li jkun abbord il-bastimenti, fosthom dawk tas-sajd sportiv u rikreattiv, li jaqbeż il-kwota allokata għall-bastiment u/jew il-livell massimu tal-qabdiet aċċessorji permessi. Il-pixxispad tal-Mediterran li jkun inqabad u ttella’ abbord il-bastimenti u li jkun iżgħar mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni wkoll se jkollu jiġi skartat, ħlief għal ċertu limitu ta’ qabdiet aċċessorji stabbilit mill-Istati Membri fil-pjanijiet annwali tas-sajd tagħhom.
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/191 li jemenda r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/98 dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Bażiku, jippermetti li l-pixxispad tal-Mediterran jiġi skartat fil-każijiet previsti fir-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT.
(b) Traspożizzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd għall-2017 u għall-2018
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/127 jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2017 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u għal ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni. Is-soltu, dawn l-opportunitajiet tas-sajd jiġu emendati diversi drabi fil-perjodu li matulu jkunu fis-seħħ.
Bl-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT ġiet stabbilita qabda totali permissibbli (TAC) ta’ 10 500 tunnellata għall-pixxispad tal-Mediterran. Madankollu, l-ICCAT ma qassmitx it-TAC fost il-PKK tagħha u għalhekk, meta ġie ppubblikat ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/127, is-sehem tal-Unjoni minn din it-TAC kien għadu ma ġiex stabbilit. L-ICCAT kellha tlaqqa’ grupp ta’ ħidma biex jiddefinixxi skema ta’ allokazzjoni ġusta u ekwa tat-TAC għall-pixxispad tal-Mediterran u biex jistabbilixxi kwota għall-PKK għall-2017.
Il-Grupp ta’ Ħidma ltaqa’ f’Madrid bejn l-20 u t-22 ta’ Frar 2017 u matul din il-laqgħa l-Partijiet ftiehmu bejniethom dwar l-allokazzjoni tal-kwoti għall-2017 u laħqu kompromess dwar il-ġestjoni tal-użu tal-kwoti għall-2017.
Għalhekk kien importanti li r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/127 jiġi emendat biex l-operaturi jingħataw iċ-ċertezza legali kemm dwar il-kwantitajiet ta’ pixxispad tal-Mediterran li setgħu jaqbdu fl-2017, kif ukoll dwar l-istabbiliment ta’ żoni fejn hemm limiti tal-qbid. Dan sar permezz tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1398.
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/120 jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-2018 għal ċerti stokkijiet tal-ħut u ċerti gruppi ta’ stokkijiet tal-ħut, applikabbli fl-ilmijiet tal-Unjoni u, għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni, f’ċerti ilmijiet mhux tal-Unjoni, u jemenda r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/127. B’segwitu għall-paragrafu 4 tar-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT, it-TAC tnaqqset bi 3 % meta mqabbla ma’ dik adottata fl-2017.
(c) Setgħat delegati
L-Artikolu 34 ta’ dan ir-Regolament jistabbilixxi lista eżawrjenti ta’ każijiet li għalihom qed jintalbu setgħat delegati sabiex jiġu ttrattati l-bidliet spissi fir-rakkomandazzjonijiet li l-ICCAT tadotta. Il-fatturi ewlenin li jistgħu jispjegaw il-lista ta’ sitwazzjonijiet li għalihom qed jintalbu s-setgħat delegati jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:
(a) il-fatt li pjan jiġi stabbilit għal 15-il sena ma jfissirx li l-Partijiet Kontraenti ma jippruvawx jerġgħu jżidu l-livell tal-bijomassa u jġibu l-livell tal-istokk malajr kemm jista’ jkun fil-limiti bijoloġiċi sikuri sabiex jintlaħqu malajr kemm jista’ jkun l-għanijiet tal-pjan mil-lat bijoloġiku. F’dan il-kuntest, l-esperjenza wriet li, wara ftit tas-snin, il-miżuri adottati u, b’mod partikulari, il-miżuri tekniċi u ta’ kontroll, ikollhom bżonn jissaħħu, l-iktar meta x-xejriet juru li jkun għad hemm ħafna x’isir biex jintlaħqu l-għanijiet tal-irkupru u li l-livell tal-istokk ma jkunx qed jiżdied bir-rata mistennija. Għalhekk, jista’ jkun hemm bżonn li jiġu implimentati bidliet speċifiċi u regolari fit-terminu qasir taż-żmien u li dawn jiġu adottati bi proċedura aċċellerata;
(b) l-esperjenzi li nkisbu mill-ICCAT u minn organizzazzjonijiet oħrajn b’rabta mal-pjanijiet ta’ rkupru s’issa juru li ta’ spiss ikun hemm bidliet fit-test u li jkun pjuttost urġenti li r-regoli jiddaħħlu fis-seħħ għalkollox. Pereżempju, it-test tal-pjan għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran inbidel sitt darbiet minn meta l-ICCAT irrakkomandatu fl-2006 (fl-2006, fl-2008, fl-2010, fl-2012, fl-2014 u fl-2017).
2018/0109 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar pjan pluriennali għall-irkupru tal-pixxispad tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 u r-Regolament (UE) 2017/2107
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(2) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-għan tal-politika komuni tas-sajd (“il-PKS”) huwa li tiżgura li r-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jiġu sfruttati b’mod li jipprovdi kundizzjonijiet ambjentali, ekonomiċi u soċjali sostenibbli.
(2)L-Unjoni hija Parti tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (“l-ICCAT”).
(3)Waqt il-laqgħa annwali tal-ICCAT tal-2016 li saret f’Vilamoura (fil-Portugall), il-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni ICCAT u l-partijiet, l-entitajiet jew l-entitajiet tas-sajd mhux kontraenti tagħha li jikkooperaw magħha (“il-PKK”) għarfu l-bżonn li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni allarmanti tal-pixxispad tal-Mediterran (Xiphias gladius). Għal dak il-għan, l-ICCAT adottat pjan ta’ rkupru li beda fl-2017 u li se jibqa’ għaddej sal-2031, minħabba li l-bijoloġija, l-istruttura u d-dinamika attwali tal-popolazzjoni tal-istokk tal-pixxispad fil-Mediterran ma jippermettux li jintlaħqu livelli tal-bijomassa li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (l-MSY) fit-terminu qasir taż-żmien, anke jekk jiġu adottati miżuri drastiċi u urġenti ta’ ġestjoni (jiġifieri l-għeluq totali tas-sajd). Ir-Rakkomandazzjoni tal-ICCAT dwar il-pjan ta’ rkupru ġiet adottata fl-20 Laqgħa Speċjali tagħha, wara li ġie analizzat il-parir xjentifiku tal-Kumitat permanenti dwar ir-riċerka u l-istatistika (l-SCRS). Dik ir-Rakkomandazzjoni (bin-numru 16-05) daħlet fis-seħħ fit-12 ta’ Ġunju 2017 u torbot lill-Unjoni.
(4)F’Diċembru tal-2016, l-Unjoni infurmat lis-Segretarjat tal-ICCAT, permezz ta’ ittra, li ċerti miżuri mogħtija fir-Rakkomandazzjoni 16-05 kellhom jidħlu fis-seħħ f’Jannar tal-2017, b’mod partikulari b’rabta mal-perjodu tal-għeluq mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu u mal-allokazzjoni tal-kwoti għas-sajd tal-pixxispad tal-Mediterran. Jenħtieġ li l-miżuri l-oħrajn kollha tar-Rakkomandazzjoni 16-05 jiġu inklużi fil-pjan ta’ rkupru tal-Unjoni.
(5)Skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-pożizzjoni tal-Unjoni fl-organizzazzjonijiet reġjonali tal-ġestjoni tas-sajd għandha tkun ibbażata fuq l-aħjar parir xjentifiku disponibbli sabiex ikun żgurat li r-riżorsi tas-sajd ikunu ġestiti b’mod konformi mal-għanijiet tal-PKS, b’mod partikulari mal-għan li jerġgħu jiżdiedu bil-mod il-mod il-popolazzjonijiet tal-istokkijiet tal-ħut u li dawn jinżammu f’livelli tal-bijomassa li jkunu ’l fuq minn dawk li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli, anke jekk l-iskadenza stabbilita hija sal-2031, u mal-għan li, fl-istess ħin, jinħolqu l-kundizzjonijiet biex ikun hemm industrija tas-sajd li fiha l-qbid u l-ipproċessar tal-ħut ikunu ekonomikament vijabbli u kompetittivi u attività tas-sajd relatata li ssir fuq l-art li wkoll tkun ekonomikament vijabbli u kompetittiva, u b’hekk, b’konformità mal-Artikolu 28(1) u (2) u mal-Artikoli 29 u 33 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jiġu promossi kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tal-Unjoni.
(6)Il-pjan ta’ rkupru jqis l-ispeċifiċitajiet tat-tipi ta’ rkaptu u ta’ tekniki tas-sajd differenti. Huma u jimplimentaw il-pjan ta’ rkupru, jenħtieġ li l-Unjoni u l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex jippromwovu l-attivitajiet tas-sajd ta’ mal-kosta u l-użu ta’ rkaptu u ta’ tekniki tas-sajd li jkunu selettivi u li jkollhom impatt ambjentali mnaqqas, fosthom ta’ rkaptu u ta’ tekniki li jintużaw fis-sajd tradizzjonali u artiġjanali, biex b’hekk jikkontribwixxu għal livell ġust ta’ għajxien għall-ekonomiji lokali.
(7)Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jistabbilixxi l-kunċett ta’ daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, jenħtieġ li l-kunċett tal-ICCAT ta’ daqsijiet minimi jiġi traspost fil-liġi tal-Unjoni bħala daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni.
(8)Il-pixxispad tal-Mediterran li jkun inqabad u li jkun iżgħar mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni se jkollu jiġi skartat, skont il-punt 17 tar-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT, sakemm dan ma jkunx jidħol fil-limiti tal-qabdiet aċċessorji stabbiliti mill-Istati Membri fil-pjanijiet annwali tas-sajd tagħhom. Għall-finijiet tal-konformità tal-Unjoni mal-obbligi internazzjonali tagħha fil-kuntest tal-ICCAT, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/191 jipprevedi derogi mill-obbligu ta’ ħatt l-art għall-pixxispad tal-Mediterran, bi qbil mal-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/191 jimplimenta ċerti dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT u jistabbilixxi l-obbligu li l-bastimenti jiskartaw il-pixxispad li jkollhom abbord li jkun jaqbeż il-kwota allokata għalihom u/jew il-livell massimu ta’ qabdiet aċċessorji permessi tagħhom. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament Delegat jinkludi l-bastimenti li jintużaw għas-sajd rikreattiv.
(9)Minħabba li l-pjan tal-irkupru se jimplimenta r-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet dwar il-pixxispad tal-Mediterran mogħtija fir-Regolament (UE) 2017/2107 jitħassru.
(10)Fl-imgħoddi, l-attivitajiet tas-sajd bl-għeżula tat-tisqif żdiedu ferm f’termini tal-isforz tas-sajd u tan-nuqqas ta’ biżżejjed selettività. Iż-żieda bla kontroll f’dawn l-attivitajiet ħolqot riskju serju għall-ispeċijiet fil-mira u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1239/98 ipprojbixxa li dawn jintużaw biex jinqabad il-ħut li jpassi ħafna, fosthom il-pixxispad.
(11)Biex tkun żgurata l-konformità mal-PKS, ġiet adottata leġiżlazzjoni tal-Unjoni sabiex tiġi stabbilita sistema ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ infurzar li tinkludi l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (is-sajd IUU). B’mod partikulari, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għall-kontroll, l-ispezzjoni u l-infurzar permezz ta’ approċċ globali u integrat sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-regoli kollha tal-PKS. Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina s-sajd IUU. Dawk ir-Regolamenti diġà fihom għadd ta’ miżuri stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT. Għalhekk ma hemmx bżonn li dawk id-dispożizzjonijiet jiddaħħlu f’dan ir-Regolament.
(12)Fl-arranġamenti tal-kiri, ta’ spiss ma jkunux ċari r-relazzjonijiet bejn is-sid, in-noleġġatur u l-Istat tal-bandiera, u ċerti sajjieda tas-sajd IUU jevadu l-kontrolli billi jabbużaw mill-arranġamenti tal-kiri tal-bastimenti tas-sajd. Ir-Regolament (UE) 2016/1627, li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, jipprojbixxi l-kiri. Għalhekk, bħala miżura ta’ prevenzjoni sabiex jitħares stokk li qed jirkupra u sabiex ikun hemm il-konsistenza mal-liġijiet tal-Unjoni, huwa xieraq li tiġi adottata projbizzjoni simili fil-pjan pluriennali għall-irkupru tal-pixxispad tal-Mediterran.
(13)Jenħtieġ li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT sabiex tpoġġi lis-sajjieda tal-Unjoni u lil dawk ta’ pajjiżi terzi fuq l-istess livell u sabiex tiżgura li r-regoli jkunu jistgħu jiġu aċċettati minn kulħadd.
(14)Sabiex l-emendi tar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT li jista’ jkun hemm fil-ġejjieni jiġu implimentati malajr fil-liġi tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea b’rabta mal-emendar tal-Annessi ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll tad-dispożizzjonijiet imniżżlin fl-Artikolu 34(1) tiegħu. Huwa importanti ferm li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet ix-xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet twettaqhom skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikulari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ndaqs fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iridu jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li fih jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom irid ikollhom aċċess b’mod sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.
(15)Sabiex ikunu żgurati l-istess kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni b’rabta mar-rapport annwali li l-Istati Membri jibagħtu dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawk is-setgħat jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(16)L-atti delegati u l-atti ta’ implimentazzjoni previsti f’dan ir-Regolament huma mingħajr preġudizzju għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT li jista’ jkun hemm fil-ġejjieni fil-liġi tal-Unjoni permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.
(17)L-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 jippermetti lill-bastimenti li jkunu qed jistadu għall-pixxispad jieħdu abbord jew ikalaw għadd massimu ta’ 3 500 sunnara, filwaqt li r-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT tippermetti għadd massimu ta’ 2 500 sunnara. Sabiex dik ir-Rakkomandazzjoni tiġi implimentata sewwa fil-liġi tal-Unjoni, jeħtieġ li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 jiġi emendat kif xieraq.
(18)It-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tistabbilixxi ċerti miżuri tekniċi u ta’ kontroll għall-pixxispad tal-Mediterran. Il-miżuri li ġew adottati permezz tar-Rakkomandazzjoni 16-05 tal-ICCAT, li dan ir-Regolament qed jittrasponi, huma iktar restrittivi jew iktar preċiżi mill-miżuri li huma diġà fis-seħħ, sabiex l-istokk ikun jista’ jirkupra. Għalhekk jenħtieġ li t-Taqsima 2 tal-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2017/2107 titħassar u tiġi sostitwita bil-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament.
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
TITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-implimentazzjoni, min-naħa tal-Unjoni, tal-pjan pluriennali għall-irkupru tal-pixxispad tal-Mediterran (Xiphias gladius), irrakkomandat mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (l-ICCAT), li jibda fl-2017 u li jkompli għaddej sal-2031 (“il-pjan ta’ rkupru”).
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament japplika:
(a)
għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni u għall-bastimenti tal-Unjoni li jintużaw għas-sajd rikreattiv:
(i)li jistadu għall-pixxispad fiż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT fil-Mediterran;
jew
(ii)li jittrażbordaw, anke ’l barra miż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT, il-pixxispad maqbud fil-Mediterran;
(b)
għall-bastimenti tas-sajd ta’ pajjiżi terzi u għall-bastimenti ta’ pajjiżi terzi li jintużaw għas-sajd rikreattiv li jistadu għall-pixxispad fl-ilmijiet tal-Unjoni fil-Mediterran;
(c)
għall-bastimenti ta’ pajjiżi terzi li jiġu spezzjonati fil-portijiet tal-Istati Membri u li jkollhom abbord pixxispad maqbud fil-Mediterran jew prodotti tas-sajd li joriġinaw mill-pixxispad maqbud fil-Mediterran li ma jkunux inħattu l-art jew ġew ittrażbordati fil-portijiet qabel.
Artikolu 3
Għan
B’deroga mill-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jinkiseb livell tal-bijomassa tal-pixxispad fil-Mediterran li jkun jikkorrispondi mar-rendiment massimu sostenibbli sal-2031 u li jkun hemm probabbiltà ta’ mill-inqas 60 % li jintlaħaq dan il-għan.
Artikolu 4
Rabta ma’ liġijiet oħrajn tal-Unjoni
Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament japplikaw minbarra d-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolamenti li ġejjin jew, meta dawk ir-Regolamenti jkunu jipprevedu dan, b’deroga minnhom:
(1)ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd;
(2)ir-Regolament (UE) 2017/2403 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-flotot esterni;
(3)ir-Regolament (UE) 2017/2107 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-miżuri ta’ ġestjoni, ta’ konservazzjoni u ta’ kontroll applikabbli fiż-żona tal-Konvenzjoni tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (l-ICCAT).
Artikolu 5
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“bastiment tas-sajd” tfisser kull bastiment mgħammar għall-isfruttament kummerċjali tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar;
(2)“bastiment tas-sajd tal-Unjoni” tfisser bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru u li jkun irreġistrat fl-Unjoni;
(3)“iż-żona tal-Konvenzjoni ICCAT” tfisser l-ilmijiet kollha tal-Oċean Atlantiku u tal-ibħra ta’ madwaru;
(4)“il-Baħar Mediterran” tfisser l-ilmijiet marittimi tal-Mediterran li jinsabu fil-Lvant tal-linja 5°36’ tal-Punent;
(5)“PKK” tfisser il-Partijiet Kontraenti tal-Konvenzjoni ICCAT u l-partijiet, l-entitajiet jew l-entitajiet tas-sajd mhux kontraenti tagħha li jikkooperaw magħha;
(6)“awtorizzazzjoni tas-sajd” tfisser awtorizzazzjoni maħruġa għal bastiment tas-sajd tal-Unjoni li tagħtih id-dritt iwettaq attivitajiet speċifiċi tas-sajd tul perjodu speċifikat, f’żona partikulari jew għal sajd partikulari, b’kundizzjonijiet speċifiċi;
(7)“awtorizzazzjoni speċjali tas-sajd” tfisser awtorizzazzjoni maħruġa għal bastiment tas-sajd tal-Unjoni li tagħtih id-dritt iwettaq attivitajiet speċifiċi tas-sajd bl-użu ta’ rkaptu speċifiku tul perjodu speċifikat, f’żona partikulari u għal sajd partikulari, b’kundizzjonijiet speċifiċi;
(8)“opportunità tas-sajd” tfisser dritt legali kkwantifikat għas-sajd, mogħti f’termini tal-qabdiet u/jew tal-isforz tas-sajd;
(9)“stokk” tfisser riżorsa bijoloġika tal-baħar li tinsab f’żona ta’ ġestjoni partikulari;
(10)“prodotti tas-sajd” tfisser l-organiżmi akkwatiċi li jirriżultaw minn kull attività tas-sajd jew il-prodotti li ġejjin minnha;
(11)“qbid skartat” tfisser il-qabdiet li jintefgħu lura fil-baħar;
(12)“sajd rikreattiv” tfisser attivitajiet tas-sajd mhux kummerċjali li jisfruttaw ir-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar għar-rikreazzjoni, għat-turiżmu jew għall-isport;
(13)“dejta tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti” tfisser id-dejta dwar l-identifikazzjoni, il-pożizzjoni ġeografika, id-data, il-ħin, ir-rotta u l-veloċità tal-bastiment tas-sajd li l-apparat ta’ lokalizzazzjoni permezz tas-satellita installat abbord il-bastiment tas-sajd jittrażmetti liċ-Ċentru tal-Monitoraġġ tas-Sajd tal-Istat Membru tal-bandiera;
(14)“ħatt l-art” tfisser il-ħatt inizjali ta’ kull kwantità ta’ prodotti tas-sajd minn abbord bastiment tas-sajd għal fuq l-art;
(15)“trażbord” tfisser il-ħatt tal-prodotti kollha tas-sajd li jkunu abbord bastiment, jew ta’ parti minnhom, minn fuq dak il-bastiment għal fuq bastiment ieħor;
(16)“kiri” tfisser arranġament li permezz tiegħu bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera ta’ Stat Membru jingħata b’kuntratt għal perjodu ddefinit lil operatur li jkun jinsab fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz, mingħajr ma l-bastiment tinbidillu l-bandiera tiegħu;
(17)“bastiment kbir tas-sajd bil-konz tal-wiċċ” tfisser bastiment tas-sajd bil-konz tal-wiċċ li b’kollox ikun itwal minn 24 metru;
(18)“konzijiet” tfisser irkaptu tas-sajd li jinkludi lett prinċipali b’ħafna snanar fuq lettijiet sekondarji iqsar imdendlin minnu (brazzoli) ta’ tul u spazjar varjabbli skont l-ispeċijiet fil-mira;
(19)“sunnara” tfisser fidiferru tal-azzar mgħawweġ li jkun ġej għall-ponta;
(20)“qasba u xlief” tfisser xlief imqabbad ma’ qasba li jintuża mis-sajjieda li jistadu bil-qasba u li jkun imdawwar fuq mekkaniżmu ta’ tidwir (ril) li jintuża biex jitkebbeb ix-xlief.
TITOLU II
MIŻURI TA’ ĠESTJONI, MIŻURI TEKNIĊI TA’ KONSERVAZZJONI U MIŻURI TA’ KONTROLL
KAPITOLU 1
Miżuri ta’ ġestjoni
Artikolu 6
Sforz tas-sajd
1.Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jiżgura li l-isforz tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tiegħu jkun proporzjonat mal-opportunitajiet tas-sajd għall-pixxispad tal-Mediterran li huwa jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu.
2.Għandu jkun ipprojbit it-trasferiment minn sena għall-oħra tal-kwoti li ma jintużawx.
Artikolu 7
Allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd
1.B’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, huma u jallokaw l-opportunitajiet tas-sajd li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom, l-Istati Membri għandhom jużaw kriterji trasparenti u oġġettivi, inklużi dawk ta’ natura ambjentali, soċjali u ekonomika, u għandhom ukoll jagħmlu ħilithom biex iqassmu l-kwoti nazzjonali b’mod ġust fost id-diversi segmenti tal-flotta, filwaqt li jqisu s-sajd tradizzjonali u artiġjanali, u biex jipprovdu inċentivi għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jużaw irkaptu selettiv tas-sajd jew li jużaw tekniki tas-sajd b’impatt ambjentali mnaqqas.
2.Kull Stat Membru għandu jipprevedi l-qabdiet aċċessorji tal-pixxispad fil-kwota tiegħu tal-pixxispad u għandu javża lill-Kummissjoni b’dan meta jkun qed jibagħtilha l-pjan tas-sajd tiegħu skont l-Artikolu 9. It-tali dispożizzjoni għandha tiżgura li l-ħut mejjet kollu jitnaqqas mill-kwota.
Artikolu 8
Limiti fuq il-kapaċità
1.Għandu jkun hemm limitu fuq il-kapaċità tal-bastimenti tas-sajd skont it-tip ta’ rkaptu għall-perjodu kollu li matulu jdum għaddej il-pjan ta’ rkupru. L-Istati Membri għandhom jillimitaw skont it-tip ta’ rkaptu, l-għadd ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom li jkunu awtorizzati jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran abbażi ta’ waħda mill-miżuri li ġejjin, skont liema minnhom twassal għall-inqas għadd:
(a)l-għadd medju annwali ta’ bastimenti tagħhom li jkunu stadu għall-pixxispad tal-Mediterran, żammewh abbord, ittrażbordawh, ittrasportawh jew ħattewh l-art fil-perjodu mill-2013 sal-2016;
jew
(b)l-għadd ta’ bastimenti tas-sajd tagħhom li jkunu stadu għall-pixxispad tal-Mediterran, żammewh abbord, ittrażbordawh, ittrasportawh jew ħattewh l-art fl-2016.
2.L-Istati Membri jistgħu japplikaw tolleranza ta’ 5 % għal-limitu fuq il-kapaċità msemmi fil-paragrafu 1 għall-2018 u l-2019.
3.L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bil-miżuri li jkunu ħadu biex jillimitaw l-għadd ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom li jkunu awtorizzati jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran sal-15 ta’ Frar ta’ kull sena.
Artikolu 9
Pjanijiet annwali tas-sajd
1.L-Istati Membri għandhom jibagħtu l-pjanijiet tas-sajd tagħhom lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Marzu ta’ kull sena. It-tali pjanijiet għandhom ikunu skont il-Linji Gwida tal-ICCAT għat-tressiq tad-dejta u tal-informazzjoni, u għandu jkun fihom informazzjoni ddettaljata dwar il-kwota tal-pixxispad tal-Mediterran allokata skont it-tip ta’ rkaptu, fosthom dik allokata għas-sajd rikreattiv, meta dan ikun rilevanti, u dik allokata għall-qabdiet aċċessorji.
2.Il-Kummissjoni għandha tiġbor flimkien il-pjanijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 u tintegrahom fil-pjan tas-sajd tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat il-pjan tas-sajd tal-Unjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-15 ta’ Marzu ta’ kull sena.
KAPITOLU 2
Miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni
Taqsima 1
Staġuni tas-sajd
Artikolu 10
Staġuni magħluqin għas-sajd
1.
Il-pixxispad tal-Mediterran ma għandux jinqabad, la bħala speċi fil-mira u lanqas bħala qabda aċċessorja, u ma għandux jinżamm abbord, jiġi ttrażbordat jew jinħatt l-art bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Marzu ta’ kull sena.
2.Sabiex jitħares il-pixxispad tal-Mediterran, għandu jkun hemm perjodu ta’ għeluq tas-sajd mill-1 ta’ Ottubru sat-30 ta’ Novembru ta’ kull sena għall-bastimenti tas-sajd bil-konz li jkunu qed jistadu għall-alongi (Thunnus alalunga) fil-Mediterran.
3.L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw l-effettività tal-perjodi tal-għeluq imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2, u kull sena, tal-inqas xahrejn u ħmistax-il ġurnata qabel il-laqgħa annwali tal-ICCAT, għandhom jibagħtu l-informazzjoni kollha rilevanti lill-Kummissjoni dwar il-kontrolli u l-ispezzjonijiet ix-xierqa li huma jkunu wettqu fis-sena ta’ qabel sabiex jiżguraw li jitħarsu dawk il-paragrafi. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT mill-inqas xahrejn qabel il-laqgħa annwali tal-ICCAT kull sena.
Taqsima 2
Daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni, qabdiet inċidentali u qabdiet aċċessorji
Artikolu 11
Daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni għall-pixxispad tal-Mediterran
1.B’deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, għandu jkun ipprojbit li jiġu mistada jew li jinżammu abbord, jiġu ttrażbordati, jinħattu l-art, jiġu ttrasportati, jinħażnu, jinbiegħu, jintwerew jew jiġu offruti għall-bejgħ il-qabdiet u l-qabdiet aċċessorji ta’ pixxispad, inkluż mis-sajd rikreattiv:
(a)li jkun twil inqas minn 100 cm mix-xedaq ta’ isfel sal-furketta;
jew
(b)li jkollu piż ħaj ta’ inqas minn 11,4 kg jew piż ta’ inqas minn 10,2 kg wara li jkunu tneħħewlu l-garġi u jkun issewwa.
2.Jista’ jinżamm abbord, jinħatt l-art, jiġi ttrażbordat jew jinġarr waqt l-ewwel trasport wara l-ħatt l-art biss il-pixxispad sħiħ li ma tkun tneħħietlu l-ebda parti esterna, jew il-pixxispad li jkunu tneħħewlu l-garġi u jkun issewwa.
Artikolu 12
Qabdiet aċċessorji inċidentali ta’ pixxispad li jkun iżgħar mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni
Minkejja l-Artikolu 11(1), il-bastimenti tal-qbid li jkunu qed jistadu b’mod attiv għall-pixxispad jistgħu jżommu abbord, jittrażbordaw, jittrasferixxu, iħottu l-art, jittrasportaw, jaħżnu, jbigħu, juru jew joffru għall-bejgħ il-qabdiet inċidentali ta’ pixxispad li jkun iżgħar mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni, sakemm dawn il-qabdiet ma jkunux jaqbżu l-5 % skont il-piż jew l-għadd ta’ ħut tal-qabda totali tal-pixxispad tat-tali bastimenti.
Artikolu 13
Qabdiet aċċessorji
1.Fi kwalunkwe ħin wara sajda, il-qabdiet aċċessorji tal-pixxispad ma għandhomx jaqbżu l-għadd totali tal-qabda abbord skont il-piż jew l-għadd ta’ ħut maqbud waqt is-sajd bil-konz.
2.B’deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-bastimenti tal-qbid li ma jkunux qegħdin jistadu b’mod attiv għall-pixxispad ma għandhomx iżommu abbord pixxispad li jaqbeż il-limitu tal-qabdiet aċċessorji li l-Istati Membri jkunu stabbilixxew fil-pjanijiet annwali tas-sajd tagħhom għall-qabda totali abbord skont il-piż jew l-għadd ta’ ħut.
3. B’deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, fil-każ tas-sajd rikreattiv għandhom ikunu pprojbiti l-qbid, iż-żamma abbord, it-trażbord jew il-ħatt l-art ta’ aktar minn pixxispad wieħed għal kull bastiment kuljum. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw u jiffaċilitaw ir-rilaxx tal-pixxispad maqbud ħaj waqt is-sajd rikreattiv.
4.B’deroga mill-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jekk il-kwota allokata lill-Istat Membru tal-bandiera tiġi eżawrita, il-pixxispad kollu li jinqabad ħaj għandu jinħeles.
5.Meta l-kwota allokata lill-Istat Membru tal-bandiera tiġi eżawrita, il-pixxispad mejjet għandu jinħatt l-art sħiħ u minħajr ma jkun ipproċessat, u dan għandu jiġi kkonfiskat u għandha tittieħed l-azzjoni x-xierqa ta’ segwitu b’rabta miegħu. Kull sena, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni dwar il-kwantità tat-tali pixxispad mejjet lill-Kummissjoni, li għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT skont l-Artikolu 21.
Taqsima 3
Karatteristiċi tekniċi tal-irkaptu tas-sajd
Artikolu 14
Karatteristiċi tekniċi tal-irkaptu tas-sajd
1.L-għadd massimu ta’ snanar li l-bastimenti tas-sajd li jkunu qed jistadu għall-pixxispad fil-Mediterran jistgħu jkalaw jew jieħdu abbord għandu jkun ta’ 2 500 sunnara.
2.B’deroga mill-paragrafu 1, il-bastimenti tas-sajd għandhom jitħallew ikollhom abbord 2 500 sunnara ta’ sostituzzjoni mhux imqabbdin mal-irkaptu għal vjaġġi ta’ iktar minn jumejn.
3.It-tul tas-snanar ma għandux ikun ta’ inqas minn 7 cm.
4.Il-konzijiet tal-wiċċ ma għandhomx ikunu itwal minn 30 mil nawtiku (55,56 km).
KAPITOLU 3
Miżuri ta’ kontroll
Taqsima 1
Reġistru tal-bastimenti
Artikolu 15
Awtorizzazzjonijiet tas-sajd
1.L-Istati Membri għandhom joħorġu l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għall-qbid tal-pixxispad tal-Mediterran għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2017/2403:
(a)għall-bastimenti tas-sajd li jkunu qed jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran;
(b)għall-bastimenti tas-sajd li jkunu qed jaqbdu l-pixxispad tal-Mediterran bħala qabda aċċessorja; u
(c)għall-bastimenti li jintużaw għas-sajd rikreattiv.
2.L-Istati Membri għandhom joħorġu awtorizzazzjoni speċjali tas-sajd għall-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jkunu qed jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran bil-ħarpuni jew bil-konzijiet tal-wiċċ.
3.Il-bastimenti tal-Unjoni mniżżlin fir-reġistru tal-bastimenti tal-ICCAT skont il-proċedura stabbilita fl-Artikoli 16 u 17 biss għandhom ikunu awtorizzati jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran, iżommuh abbord, jittrażbordawh, jittrasportawh, jipproċessawh jew iħottuh l-art.
4.Il-bastimenti l-kbar tas-sajd awtorizzati mill-Istati Membri għandhom ikunu rreġistrati fir-reġistru tal-bastimenti tas-sajd li b’kollox huma itwal minn 20 metru tal-ICCAT, sabiex l-ICCAT tkun tista’ tawtorizzahom jistadu għat-tonn u għall-ispeċijiet li jixbhuh, iżommuhom abbord, jittrażbordawhom u jħottuhom l-art.
Artikolu 16
Informazzjoni dwar il-bastimenti awtorizzati jaqbdu l-pixxispad u l-alongi fis-sena attwali
1.Kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni li ġejja b’mod elettroniku lill-Kummissjoni, fil-format stabbilit fil-Linji Gwida tal-ICCAT għat-tressiq tad-dejta u tal-informazzjoni:
(a)sal-1 ta’ Jannar, l-informazzjoni dwar il-bastimenti tal-qbid li jtajru l-bandiera tagħhom u li jkunu awtorizzati jaqbdu l-pixxispad tal-Mediterran, anke bħala qabda aċċessorja u fil-kuntest tas-sajd rikreattiv. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-15 ta’ Jannar ta’ kull sena;
(b)sal-1 ta’ Marzu, l-informazzjoni dwar il-bastimenti tal-qbid li jtajru l-bandiera tagħhom u li jkunu awtorizzati jistadu għall-alongi fil-Mediterran. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-15 ta’ Marzu ta’ kull sena.
2.L-informazzjoni dwar il-bastimenti tal-qbid imsemmija fil-paragrafu 1(a) u (b) għandu jkun fiha isem il-bastiment u n-numru tiegħu tar-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni (in-numru tas-CFR), kif iddefinit fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/218 dwar ir-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni.
3.Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’kull informazzjoni addizzjonali, informazzjoni mħassra jew informazzjoni emendata dwar il-bastimenti tal-qbid imsemmija fil-paragrafu 1, sa mhux aktar tard minn 30 ġurnata minn meta jsir dak it-tibdil fl-informazzjoni. Sa mhux aktar tard minn 45 ġurnata minn meta tiżdied, titħassar jew tiġi emendata l-informazzjoni dwar dawk il-bastimenti tal-qbid, il-Kummissjoni għandha tavża lis-Segretarjat tal-ICCAT b’dan.
4.B’konformità mal-Artikolu 7(6) tar-Regolament (UE) 2017/2403, matul is-sena l-Kummissjoni għandha temenda l-informazzjoni dwar il-bastimenti tal-qbid imsemmija fil-paragrafu 1 jekk ikun hemm bżonn, billi tibgħat l-informazzjoni aġġornata lis-Segretarjat tal-ICCAT.
Artikolu 17
Informazzjoni xjentifika dwar il-bastimenti li kienu awtorizzati jistadu għall-pixxispad bl-użu ta’ ħarpuni jew ta’ konzijiet tal-wiċċ fis-sena ta’ qabel
1.Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni li ġejja b’mod elettroniku lill-Kummissjoni dwar il-bastimenti tal-qbid li jtajru l-bandiera tagħhom li kienu awtorizzati jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran bil-konzijiet tal-wiċċ jew bil-ħarpuni fis-sena ta’ qabel:
(a)isem il-bastiment (jekk il-bastiment ma jkollux isem, għandu jingħata n-numru ta’ reġistrazzjoni tiegħu mingħajr l-inizjali tal-pajjiż);
(b)in-numru tar-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni kif iddefinit fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/218;
(c)in-numru fir-reġistru tal-ICCAT.
2.L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tintbagħat fil-format stabbilit fl-aħħar verżjoni tal-Linji Gwida tal-ICCAT għat-tressiq tad-dejta u tal-informazzjoni.
3.Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-31 ta’ Lulju ta’ kull sena.
Taqsima 2
Monitoraġġ u sorveljanza
Artikolu 18
Sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti
1.Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jkunu mniżżlin fir-reġistru tal-bastimenti tal-ICCAT u li jkunu awtorizzati jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran, u l-bastimenti ta’ pajjiżi terzi li jkunu awtorizzati jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran fl-ilmijiet tal-Unjoni u li b’kollox ikunu itwal minn 12-il metru, għandu jkollhom installat abbord apparat li jiffunzjona għalkollox li jippermetti lill-bastiment jiġi awtomatikament lokalizzat u identifikat permezz tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti billi jittrażmetti d-dejta dwar il-pożizzjoni tal-bastiment f’intervalli regolari, bi qbil mal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.
2.Għall-finijiet tal-kontroll, it-trażmissjoni tad-dejta tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti mill-bastimenti tal-qbid li huma awtorizzati jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran ma għandhiex tiġi interrotta meta l-bastimenti jkunu fil-port.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-Ċentri tal-Monitoraġġ tas-Sajd tagħhom jibagħtu l-messaġġi tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti li jaslulhom mingħand il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom lill-Kummissjoni u lil korp magħżul minnha, f’ħin reali u billi jużaw il-format “https data feed”. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dawk il-messaġġi b’mod elettroniku lis-Segretarjat tal-ICCAT.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw dan li ġej:
(a)li l-messaġġi tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti mingħand il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom jintbagħtu lill-Kummissjoni tal-inqas kull sagħtejn;
(b)li, f’każ ta’ ħsara teknika fis-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti, il-messaġġi alternattivi li jaslulhom skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 mingħand il-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom jintbagħtu lill-Kummissjoni fi żmien 24 siegħa minn meta ċ-Ċentri tal-Monitoraġġ tas-Sajd tagħhom jirċevuhom;
(c)li l-messaġġi li jintbagħtu lill-Kummissjoni jingħataw numru sekwenzjali (b’identifikatur uniku) sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni;
(d)li l-messaġġi li jintbagħtu lill-Kummissjoni jkunu skont l-Artikolu 24(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011.
5.Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-messaġġi kollha li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-bastimenti ta’ spezzjoni tiegħu jiġu ttrattati b’mod kunfidenzjali u jkunu limitati biss għall-attivitajiet ta’ spezzjoni fuq il-baħar.
Artikolu 19
Kiri ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni
Għandu jkun ipprojbit il-kiri ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni għas-sajd tal-pixxispad tal-Mediterran.
Artikolu 20
Programmi ta’ osservaturi nazzjonali għall-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ
1.Kull Stat Membru tal-bandiera li jkollu kwota tal-pixxispad tal-Mediterran għandu jimplimenta programm ta’ osservaturi nazzjonali għall-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ li jkunu qed jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran skont dan l-Artikolu. Il-programm tal-osservaturi nazzjonali għandu jikkonforma mal-istandards minimi stabbiliti fl-Anness I.
2.Kull Stat Membru kkonċernat għandu jiżgura li jintbagħtu l-osservaturi xjentifiċi nazzjonali fuq tal-inqas 20 % mill-bastimenti kollha tas-sajd bil-konz tal-wiċċ li jkunu qed jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran. Il-perċentwal ta’ kopertura se jitkejjel f’jiem tas-sajd, f’għadd ta’ kalati jew f’għadd ta’ vjaġġi.
3.B’deroga mill-paragrafu 2, għall-bastimenti li b’kollox ikunu iqsar minn 15-il metru, meta jista’ jkun hemm tħassib straordinarju dwar is-sikurezza li jipprekludi li jintbagħat osservatur abbord il-bastiment, Stat Membru jista’ juża metodu alternattiv għall-monitoraġġ xjentifiku. Dak il-metodu alternattiv għandu jiżgura kopertura li tkun tixbah lil dik speċifikata fil-paragrafu 2 u ġbir ekwivalenti tad-dejta. L-Istat Membru kkonċernat għandu jippreżenta d-dettalji tal-metodu alternattiv lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.
4.Il-Kummissjoni għandha tibgħat id-dettalji tal-metodu alternattiv imsemmi fil-paragrafu 3 lill-Kumitat permanenti dwar ir-riċerka u l-istatistika tal-ICCAT minnufih biex dan jevalwah. Il-metodi alternattivi għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni tal-ICCAT waqt il-laqgħa annwali tal-ICCAT qabel ma jiġu implimentati.
5.Lill-osservaturi nazzjonali l-Istati Membri għandhom joħorġulhom dokumenti uffiċjali ta’ identifikazzjoni.
6.Minbarra l-kompiti tal-osservaturi xjentifiċi stabbiliti fl-Anness I, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-osservaturi xjentifiċi jivvalutaw u jirrappurtaw id-dejta li ġejja dwar il-pixxispad tal-Mediterran:
(a)il-livell ta’ skartar ta’ ħut li jkun żgħir wisq;
(b)id-daqs u l-età tal-ħut meta jilħqu l-istat adult f’dak ir-reġjun partikulari;
(c)l-użu tal-ħabitat biex titqabbel id-disponibbiltà tal-pixxispad għat-tipi ta’ sajd differenti, fosthom tqabbil bejn il-konzijiet tradizzjonali u dawk mesopelaġiċi;
(d)l-impatt tas-sajd bil-konzijiet mesopelaġiċi f’termini tal-kompożizzjoni tal-qabdiet, tas-serje tal-qabda għal kull unità tal-isforz u tat-tqassim tad-daqs tal-qabdiet; u
(e)l-istima tal-proporzjon, ta’ kull xahar, ta’ ħut riproduttiv u ta’ rekluti fil-qabdiet.
7.Sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni li tkun inġabret fil-programmi tal-osservaturi xjentifiċi nazzjonali tagħhom tas-sena ta’ qabel lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-31 ta’ Lulju ta’ kull sena.
Taqsima 3
Kontroll tal-qabdiet
Artikolu 21
Reġistrazzjoni u rappurtar tal-qabdiet
1.Il-kaptan ta’ kull bastiment li jkun awtorizzat jaqbad il-pixxispad tal-Mediterran għandu jżomm ġurnal ta’ abbord dwar is-sajd skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II u għandu jibgħat l-informazzjoni tal-ġurnal ta’ abbord lill-Istat Membru tal-bandiera tiegħu.
2.Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tar-rappurtar tal-Istati Membri stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, kull tliet xhur l-Istati Membri għandhom jibagħtu rapporti lill-Kummissjoni dwar il-qabdiet kollha tal-pixxispad tal-Mediterran li l-bastimenti awtorizzati u li jtajru l-bandiera tagħhom ikunu għamlu. Dawk ir-rapporti ta’ kull tliet xhur għandhom jintbagħtu sa mhux aktar tard minn 15-il jum wara li jintemm kull perjodu ta’ tliet xhur (jiġifieri sal-15 ta’ April, sal-15 ta’ Lulju u sal-15 ta’ Ottubru ta’ kull sena u sal-15 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara). Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT sat-30 ta’ April, sat-30 ta’ Lulju u sat-30 ta’ Ottubru ta’ kull sena u sat-30 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.
3.Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, sat-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-informazzjoni li ġejja lill-Kummissjoni dwar il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li kienu awtorizzati jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran bil-konzijiet tal-wiċċ jew bil-ħarpuni fis-sena ta’ qabel:
(a)informazzjoni marbuta mal-attivitajiet tas-sajd ibbażata fuq il-kampjunar jew fuq il-flotta kollha, fosthom:
(i)
il-perjodu jew il-perjodi tas-sajd u l-għadd totali annwali ta’ jiem tas-sajd tal-bastiment, skont l-ispeċi fil-mira u ż-żona;
(ii)
iż-żoni ġeografiċi, skont ir-rettangoli statistiċi tal-ICCAT, għall-attivitajiet tas-sajd li wettaq il-bastiment, skont l-ispeċi fil-mira u ż-żona;
(iii)
it-tip ta’ bastiment, skont l-ispeċi fil-mira u ż-żona;
(iv)
l-għadd ta’ snanar li uża l-bastiment, skont l-ispeċi fil-mira u ż-żona;
(v)
l-għadd ta’ konzijiet individwali li uża l-bastiment, skont l-ispeċi fil-mira u ż-żona;
(vi)
it-tul kollu tal-konzijiet individwali kollha li għandu l-bastiment, skont l-ispeċi fil-mira u ż-żona;
(b)id-dejta dwar il-qabdiet, fl-iżgħar unità temporali/spazjali possibbli, fosthom:
(i)
it-tqassim tad-daqs u, jekk inhu possibbli, tal-età tal-qabdiet;
(ii)
il-qabdiet ta’ kull bastiment u l-kompożizzjoni tagħhom;
(iii)
l-isforz tas-sajd (l-għadd medju ta’ jiem tas-sajd għal kull bastiment, l-għadd medju ta’ snanar għal kull bastiment, l-għadd medju ta’ konzijiet individwali għal kull bastiment u t-tul medju tal-konzijiet kollha f’daqqa għal kull bastiment).
4.Il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-31 ta’ Lulju ta’ kull sena.
5.L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandha tintbagħat fil-format stabbilit fl-aħħar verżjoni tal-Linji Gwida tal-ICCAT għat-tressiq tad-dejta u tal-informazzjoni.
Artikolu 22
Informazzjoni dwar l-eżawriment tal-kwota u l-għeluq tas-sajd
1.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, kull Stat Membru għandu jgħarraf lill-Kummissjoni mingħajr dewmien meta jqis li l-kwota allokata għal tip ta’ rkaptu partikulari tkun laħqet it-80 %.
2.Meta l-qabdiet akkumulati tal-pixxispad tal-Mediterran ikunu laħqu l-limitu ta’ 80 % tal-kwota nazzjonali, l-Istat Membru tal-bandiera għandu jibgħat id-dejta dwar il-qabdiet lill-Kummissjoni kull ġimgħa.
Taqsima 4
Ħatt l-art u trażbord
Artikolu 23
Portijiet magħżulin
1.Il-qabdiet tal-pixxispad tal-Mediterran, inklużi l-qabdiet aċċessorji u l-pixxispad tal-Mediterran maqbud fil-kuntest tas-sajd rikreattiv mingħajr marka fuq kull ħuta kif imsemmi fl-Artikolu 30, għandhom jinħattu l-art fil-portijiet magħżulin biss.
2.Kull Stat Membru għandu jagħżel il-portijiet li fihom għandu jsir il-ħatt l-art imsemmi fil-paragrafu 1 u għandu jispeċifika meta u fejn hu permess li jsir il-ħatt l-art u t-trażbord u l-proċeduri ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza li japplikaw f’dawk il-portijiet.
3.Sal-15 ta’ Frar ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lista tal-portijiet magħżulin tagħhom lill-Kummissjoni. Sal-1 ta’ Marzu ta’ kull sena, il-Kummissjoni għandha tibgħat dik l-informazzjoni lis-Segretarjat tal-ICCAT.
Artikolu 24
Notifika minn qabel
1.L-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 għandu japplika għall-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li b’kollox ikunu twal 12-il metru jew iktar u li huma inklużi fil-lista tal-bastimenti msemmija fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament. In-notifika qabel il-wasla msemmija fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 għandha tintbagħat lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru (inkluż l-Istat Membru tal-bandiera) jew tal-PKK li l-portijiet jew il-faċilità tal-ħatt l-art tagħha huma jkun beħsiebhom jużaw.
2.Mill-inqas erba’ sigħat qabel il-ħin stmat tal-wasla tagħhom fil-port, il-kaptani tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li b’kollox ikunu iqsar minn 12-il metru li huma inklużi fil-lista tal-bastimenti msemmija fl-Artikolu 16 għandhom jgħarrfu lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru (inkluż l-Istat Membru tal-bandiera) jew tal-PKK li l-portijiet jew il-faċilità tal-ħatt l-art tagħha huma jkunu jixtiequ jużaw, bl-informazzjoni li ġejja:
(a)il-ħin stmat tal-wasla tagħhom;
(b)il-kwantità stmata ta’ pixxispad tal-Mediterran li għandhom abbord; u
(c)l-informazzjoni dwar iż-żona ġeografika minn fejn ikun inqabad il-ħut.
3.L-awtoritajiet tal-Istati Membri tal-port għandhom iżommu reġistru tan-notifiki kollha minn qabel għas-sena attwali.
Artikolu 25
Trażbord
1.Għandu jkun ipprojbit it-trażbord fuq il-baħar, f’kull ċirkustanza, min-naħa ta’ bastimenti tas-sajd tal-Unjoni li jkollhom abbord il-pixxispad tal-Mediterran.
2.Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 51, 52, 54 u 57 tar-Regolament (UE) 2017/2107, il-bastimenti tas-sajd għandhom jittrażbordaw il-pixxispad tal-Mediterran f’portijiet magħżulin biss.
Taqsima 5
Spezzjonijiet
Artikolu 26
Pjanijiet annwali ta’ spezzjoni
1.Sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-pjanijiet annwali ta’ spezzjoni tagħhom lill-Kummissjoni. Il-pjanijiet ta’ spezzjoni għandhom jiġu stabbiliti skont:
(a)l-għanijiet, il-prijoritajiet u l-proċeduri, kif ukoll il-punti ta’ riferiment għall-attivitajiet ta’ spezzjoni stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/17; u
(b)il-programm ta’ azzjoni nazzjonali għall-kontroll għall-pixxispad tal-Mediterran stabbilit skont l-Artikolu 46 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.
2.Il-Kummissjoni għandha tiġbor flimkien il-pjanijiet nazzjonali ta’ spezzjoni u tintegrahom fil-pjan ta’ spezzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tibgħat il-pjan lis-Segretarjat tal-ICCAT biex l-ICCAT tkun tista’ tapprovah, flimkien mal-pjanijiet annwali tas-sajd imsemmijin fl-Artikolu 9.
Artikolu 27
Skema tal-ICCAT għal spezzjonijiet internazzjonali konġunti
1.L-attivitajiet internazzjonali konġunti ta’ spezzjoni għandhom jitwettqu skont l-iskema tal-ICCAT għal spezzjonijiet internazzjonali konġunti (imsejħa “l-iskema tal-ICCAT”) stabbilita fl-Anness III.
2.L-Istati Membri li l-bastimenti tas-sajd tagħhom huma awtorizzati jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran għandhom jassenjaw lill-ispetturi u jwettqu l-ispezzjonijiet fuq il-baħar skont l-iskema tal-ICCAT. Il-Kummissjoni jew korp magħżul minnha jistgħu jaħtru spetturi tal-Unjoni għall-iskema tal-ICCAT.
3.Meta, fi kwalunkwe ħin, ikun hemm iktar minn 50 bastiment tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru partikulari li jkunu qed jistadu għall-pixxispad fil-Mediterran fiż-żona tal-Konvenzjoni, dak l-Istat Membru għandu jibgħat bastiment ta’ spezzjoni għall-finijiet tal-ispezzjoni u l-kontroll fuq il-baħar fil-Mediterran għall-perjodu kollu li matulu dawk il-bastimenti jkunu hemmhekk. Dak l-obbligu għandu jitqies li jkun tħares ukoll f’każijiet fejn l-Istati Membri jikkooperaw biex jibagħtu bastiment ta’ spezzjoni jew f’każijiet fejn jintbagħat bastiment ta’ spezzjoni tal-Unjoni fil-Mediterran.
4.Il-Kummissjoni jew korp magħżul minnha għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet ta’ sorveljanza u ta’ spezzjoni għall-Unjoni. Flimkien mal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni tista’ tfassal programmi ta’ spezzjoni konġunta biex l-Unjoni tkun tista’ twettaq l-obbligu tagħha fil-kuntest tal-iskema tal-ICCAT. L-Istati Membri li l-bastimenti tas-sajd tagħhom ikunu qed jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ dawk il-programmi, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżorsi umani u materjali meħtieġa u mal-perjodi meta jridu jintużaw dawk ir-riżorsi u maż-żoni ġeografiċi fejn iridu jintużaw.
5.Sal-1 ta’ Diċembru ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-ismijiet tal-ispetturi u tal-bastimenti ta’ spezzjoni li beħsiebhom jassenjaw għall-iskema tal-ICCAT fis-sena ta’ wara. Permezz ta’ dan it-tagħrif, il-Kummissjoni għandha tfassal, flimkien mal-Istati Membri, pjan annwali għall-parteċipazzjoni tal-Unjoni fl-iskema tal-ICCAT, li hija għandha tibgħat lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-1 ta’ Jannar ta’ kull sena.
Artikolu 28
Spezzjonijiet f’każ ta’ ksur
1.Kull Stat Membru tal-bandiera għandu jieħu l-azzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jekk bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu jkun kiser id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.
2.Kull Stat Membru tal-bandiera għandu jiżgura li ssir spezzjoni fiżika fil-portijiet tiegħu taħt l-awtorità tiegħu jew, meta bastiment tas-sajd li jtajjar il-bandiera tiegħu ma jkunx jinsab f’xi wieħed mill-portijiet tiegħu, minn persuna li huwa jaħtar.
KAPITOLU 4
Is-sajd rikreattiv
Artikolu 29
Miżuri ta’ ġestjoni
1.Kull Stat Membru għandu jipprevedi kwota għas-sajd rikreattiv fil-kwota nazzjonali tiegħu u għandu javża lill-Kummissjoni b’dan meta jkun qed jibagħtilha l-pjan tas-sajd tiegħu skont l-Artikolu 9. It-tali dispożizzjoni għandha tiżgura li l-ħut mejjet kollu jitnaqqas mill-kwota.
2.Waqt is-sajd rikreattiv għandhom ikunu pprojbiti l-qbid, iż-żamma abbord, it-trażbord jew il-ħatt l-art ta’ aktar minn pixxispad wieħed għal kull bastiment kuljum.
3.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, kemm jista’ jkun, il-pixxispad li jinqabad ħaj waqt is-sajd rikreattiv jiġi rrilaxxat.
4.Għandhom ikunu pprojbiti l-bejgħ tal-pixxispad tal-Mediterran maqbud waqt is-sajd rikreattiv u kull tip ta’ kummerċjalizzazzjoni oħra tiegħu.
Artikolu 30
Miżuri ta’ kontroll
1.Il-bastimenti li jużaw “qasba u xlief” biss għandhom ikunu awtorizzati jistadu għall-pixxispad tal-Mediterran waqt is-sajd rikreattiv.
2.L-informazzjoni dwar il-bastimenti awtorizzati li jintużaw għas-sajd rikreattiv li tintbagħat lis-Segretarjat tal-ICCAT skont l-Artikolu 16(1)(a) għandha tinkludi dan li ġej:
(a)isem il-bastiment (jekk il-bastiment ma jkollux isem, għandu jingħata n-numru ta’ reġistrazzjoni tiegħu mingħajr l-inizjali tal-pajjiż);
(b)in-numru tar-reġistru tal-flotta tas-sajd tal-Unjoni kif iddefinit fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/218;
(c)l-isem preċedenti tal-bastiment, meta dan ikun rilevanti;
(d)it-tul totali tal-bastiment;
(e) l-isem u l-indirizz tas-sid jew tas-sidien u tal-operatur jew tal-operaturi tal-bastiment tas-sajd.
3.Id-dejta dwar il-qabdiet, fosthom il-piż ħaj u t-tul (mix-xedaq ta’ isfel sal-furketta) ta’ kull pixxispad tal-Mediterran li jinqabad, jinżamm abbord u jinħatt l-art fil-kuntest tas-sajd rikreattiv, għandha tiġi rreġistrata u rrappurtata skont l-Artikolu 21.
4.Il-pixxispad tal-Mediterran jista’ jinħatt l-art biss sħiħ jew bil-garġi mneħħijin u msewwi, u jista’ jinħatt l-art jew f’port magħżul skont l-Artikolu 23 jew b’marka fuq kull ħuta. Kull marka għandu jkollha numru uniku speċifiku għall-pajjiż u tkun imħarsa mit-tbagħbis.
5.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu programm ta’ mmarkar tal-ħut għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinkludu l-ispeċifikazzjonijiet tat-tali programm fil-pjanijiet annwali tas-sajd tagħhom imsemmijin fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament.
6.L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-użu tal-marki tal-ħut biss meta l-ammonti akkumulati tal-qabdiet ikunu fil-limiti tal-kwota allokata lilhom.
7.Xahrejn u ħmistax-il ġurnata qabel il-laqgħa annwali tal-ICCAT kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport annwali lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-programm tal-immarkar tal-ħut. Il-Kummissjoni għandha tiġbor flimkien l-informazzjoni li tirċievi mingħand l-Istati Membri u tibgħatha lis-Segretarjat tal-ICCAT xahrejn qabel il-laqgħa annwali tal-ICCAT kull sena.
TITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 31
Rapport annwali
1.Sal-15 ta’ Settembru ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport annwali lill-Kummissjoni, għas-sena kalendarja ta’ qabel, dwar l-implimentazzjoni tagħhom ta’ dan ir-Regolament, u kull informazzjoni oħra rilevanti.
2.Ir-rapport annwali għandu jinkludi informazzjoni dwar il-miżuri li jkunu ttieħdu biex jiġu mmitigati l-qabdiet aċċessorji u biex jitnaqqas l-iskartar ta’ pixxispad tal-Mediterran li jkun żgħir wisq, u informazzjoni dwar kull riċerka rilevanti f’dak il-qasam.
3.Il-Kummissjoni għandha tiġbor flimkien l-informazzjoni li tirċievi skont il-paragrafi 1 u 2 u għandha tibgħatha lis-Segretarjat tal-ICCAT sal-15 ta’ Ottubru ta’ kull sena.
4.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni b’rabta mar-regoli ddettaljati għall-format tar-rapport annwali msemmi f’dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 36.
Artikolu 32
Analiżi
Sal-31 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tal-pjan għall-irkupru tal-pixxispad tal-Mediterran skont dan ir-Regolament.
Artikolu 33
Finanzjament
Għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, il-pjan pluriennali għall-irkupru tal-pixxispad tal-Mediterran għandu jitqies li huwa pjan pluriennali skont it-tifsira tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.
Artikolu 34
Proċedura għall-emendi
1.Meta jkun hemm bżonn biex, fil-liġi tal-Unjoni, jiġu implimentati l-emendi tar-rakkomandazzjonijiet eżistenti tal-ICCAT li jsiru jorbtu lill-Unjoni, jew biex dawn jiġu ssupplimentati, u sakemm l-emendi tal-liġi tal-Unjoni ma jmorrux lil hinn mir-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta atti delegati, b’konformità mal-Artikolu 35, biex temenda:
(a)l-iskadenzi għar-rappurtar tal-informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 9(1) u (2), fl-Artikolu 10(3), fl-Artikolu 16(1) u (3), fl-Artikolu 17(1) u (3), fl-Artikolu 21(2) u (3), fl-Artikolu 22(2), fl-Artikolu 23(3), fl-Artikolu 26(1), fl-Artikolu 27(5) u fl-Artikolu 31(1) u (3);
(b)il-perjodi taż-żmien tal-għeluq mogħtija fl-Artikolu 10(1) u (2);
(c)id-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni stabbilit fl-Artikolu 11(1);
(d)il-livelli ta’ tolleranza msemmijin fl-Artikoli 12 u 13;
(e)il-karatteristiċi tekniċi tal-irkaptu tas-sajd stabbiliti fl-Artikolu 14(1) sa (4);
(f)il-perċentwal ta’ eżawriment tal-kwota stabbilit fl-Artikolu 22(1) u (2);
(g)l-informazzoni dwar il-bastimenti tal-qbid imsemmija fl-Artikolu 16(2), fl-Artikolu 17(1), fl-Artikolu 21(1), (2), (3) u (4) u fl-Artikolu 23(3); u
(h)l-Annessi I, II u III ta’ dan ir-Regolament.
2.Kull emenda li tiġi adottata skont il-paragrafu 1 għandha tkun strettament limitata għall-implimentazzjoni tal-emendi tar-rakkomandazzjonijiet rispettivi tal-ICCAT fil-liġi tal-Unjoni u/jew taż-żidiet magħhom.
Artikolu 35
Eżerċizzju tad-delega
1.Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmijin fl-Artikolu 34 għal perjodu ta’ ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport b’rabta mad-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel ma jintemm il-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi tal-istess tul ta’ żmien, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għat-tali estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel ma jintemm kull perjodu.
3.Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jirrevokaw id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 34 f’kull mument. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-Deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li jkunu diġà fis-seħħ.
4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti maħturin minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess ħin dwaru.
6.Att delegat adottat skont l-Artikolu 34 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jqajmu oġġezzjoni għalih fi żmien xahrejn minn meta dak l-att jiġi mgħarraf lilhom jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw għalih. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 36
Proċedura ta’ kumitat
Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura mwaqqaf bl-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 37
Emendi fir-Regolament (UE) 2017/2107
Fir-Regolament (UE) 2017/2107 jitħassru l-Artikoli 20 sa 26.
Artikolu 38
Emendi fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006
Fl-Anness II tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, il-punt 6(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:
–“2. 2 500 sunnara għall-bastimenti li jkunu qed jimmiraw lejn il-pixxispad (Xiphias gladius) fejn dawn l-ispeċi jagħmlu minn tal-inqas 70 % tal-qabda f’piż ħaj wara li jiġu magħżula;”.
Artikolu 39
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell,24.4.2018
COM(2018) 229 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
dwar pjan pluriennali għall-irkupru tal-pixxispad tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 u r-Regolament (UE) 2017/2107
L-istandards minimi tal-ICCAT għall-programmi tal-osservaturi xjentifiċi tal-bastimenti tas-sajd
ANNESS I
L-istandards minimi tal-ICCAT għall-programmi tal-osservaturi xjentifiċi tal-bastimenti tas-sajd
Dispożizzjonijiet ġenerali
1. Dawn huma l-istandards minimi għall-programmi tal-osservaturi xjentifiċi tal-bastimenti tas-sajd stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 16-14 tal-ICCAT.
Il-kwalifiki tal-osservaturi
2. Mingħajr preġudizzju għal kull taħriġ jew kwalifika teknika rrakkomandati mill-Kumitat permanenti dwar ir-riċerka u l-istatistika (l-SCRS), il-PKK għandhom jiżguraw li l-osservaturi tagħhom ikollhom il-kwalifiki minimi li ġejjin biex iwettqu l-kompiti tagħhom:
a) biżżejjed għarfien u esperjenza biex ikunu jafu jidentifikaw l-ispeċijiet u l-konfigurazzjonijiet tal-irkaptu tas-sajd tal-ICCAT;
b) il-ħila li josservaw u jirreġistraw b’mod preċiż l-informazzjoni li trid tinġabar skont il-Programm;
c) il-ħila li jwettqu l-kompiti mniżżlin fil-paragrafu 7 ta’ hawn taħt;
d) il-ħila li jiġbru l-kampjuni bijoloġiċi; u
e) taħriġ minimu u xieraq fis-sikurezza u fis-sopravvivenza fuq il-baħar.
3. Barra minn hekk, biex jiżguraw l-integrità tal-programm domestiku tal-osservaturi tagħhom, il-PKK għandhom jiżguraw li l-osservaturi:
a) ma jkunux membri tal-ekwipaġġ tal-bastiment li jkun qed jiġi osservat;
b) ma jkunux impjegati tas-sid jew tas-sid benefiċjarju tal-bastiment tas-sajd li jkun qed jiġi osservat; u
c) ma jkollhomx interessi finanzjarji jew benefiċjarji attwali fis-sajd li jkun qed jiġi osservat.
L-affarijiet li jkopru l-programmi tal-osservaturi
4. Kull PKK għandha tiżgura dawn li ġejjin rigward il-programmi domestiċi tal-osservaturi tagħha:
a) kopertura minima ta’ 5% tal-programmi tal-osservaturi tal-isforz tas-sajd f’kull sajd bil-konzijiet tal-wiċċ, u, skont kif inhuma ddefiniti fil-glossarju tal-ICCAT, f’kull sajd bix-xlief u l-qasba, f’kull sajd bin-nases, f’kull sajd bl-għeżula, u f’kull sajd bix-xbieki tat-tkarkir. Il-perċentwal tal-kopertura se jitkejjel kif ġej:
i. għas-sajd bil-konzijiet tal-wiċċ, f’jiem tas-sajd, f’għadd ta’ kalati, jew f’għadd ta’ vjaġġi;
ii. għas-sajd bix-xlief u l-qasba u għas-sajd bin-nases, f’jiem tas-sajd;
iii. għas-sajd bl-għeżula, f’għadd ta’ sigħat jew f’jiem tas-sajd; u
iv. għas-sajd bix-xbieki tat-tkarkir, f’għadd ta’ rfigħ tax-xbieki jew f’jiem tas-sajd;
b) minkejja l-paragrafu a), fil-każ ta’ bastimenti li jkunu iqsar minn 15-il metru, u li fihom jista’ jkun hemm tħassib straordinarju dwar is-sikurezza li ma jippermettix li jintbagħat osservatur abbord il-bastiment, PKK tista’ tuża metodu alternattiv għall-monitoraġġ xjentifiku li jiġbor dejta ekwivalenti speċifikata f’din ir-Rakkomandazzjoni, b’mod li jiżgura l-istess kopertura. F’każ bħal dan, il-PKK li tkun tixtieq tuża metodu alternattiv għall-monitoraġġ trid tressaq id-dettalji tal-metodu lill-SCRS biex dan jevalwah. L-SCRS jagħti l-parir tiegħu lill-Kummissjoni tal-ICCAT dwar kemm il-metodu alternattiv ikun addattat biex jintlaħqu l-obbligi tal-ġbir tad-dejta stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni. Il-metodi alternattivi li jintużaw skont din id-dispożizzjoni għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni tal-ICCAT waqt il-laqgħa annwali tagħha qabel ma jiġu implimentati;
c) kopertura rappreżentattiva temporali u spazjali tal-ħidma tal-flotta biex ikun żgurat li tinġabar biżżejjed dejta xierqa, kif meħtieġ skont din ir-Rakkomandazzjoni, u skont kull rekwiżit ieħor tal-programmi domestiċi tal-osservaturi tal-PKK, li tqis il-karatteristiki tal-flotot u tas-sajd;
d) il-ġbir tad-dejta dwar l-aspetti rilevanti tal-ħidma tas-sajd, fosthom dwar il-qabdiet, kif speċifikat fil-paragrafu 7.
5. Il-PKK jistgħu jikkonkludu arranġamenti bilaterali bejniethom, li bihom PKK waħda tibgħat l-osservaturi domestiċi tagħha fuq bastimenti li jtajru l-bandiera ta’ PKK oħra, dment li jitħarsu d-dispożizzjonijiet kollha ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.
6. Il-PKK għandhom jagħmlu ħilithom biex jiżguraw li l-osservaturi jintbagħtu fuq bastimenti differenti wara li jispiċċaw ħidmiethom fuq bastiment partikulari.
Il-kompiti tal-osservaturi
7. Il-PKK għandhom jitolbu lill-osservaturi jwettqu, fost affarijiet oħra, il-kompiti li ġejjin:
a) li jirreġistraw l-attività tas-sajd tal-bastiment li jkunu qed osservaw u jagħmlu rapport dwarha, li għall-inqas għandu jinkludi dawn li ġejjin:
i. li jiġbru d-dejta, fost l-oħrajn, dwar il-kwantitajiet totali tal-qabdiet tal-ispeċijiet fil-mira, tal-qbid skartat u tal-qabdiet aċċessorji (li jinkludu l-klieb il-baħar, il-fkieren tal-baħar, il-mammiferi tal-baħar, u l-għasafar tal-baħar), li jistmaw jew ikejlu l-kompożizzjoni tal-qabda skont id-daqsijiet fejn dan ikun jista’ jsir, u l-istat tal-ħut maqbud (jiġifieri miżmum, skartat, mejjet jew meħlus ħaj), li jiġbru l-kampjuni bijoloġiċi għall-istudji tal-istorja tal-ħajja (eż. il-gonadi, l-otoliti, ix-xewk tad-dahar u l-qxur);
ii. li jiġbru l-marki tal-ħut kollha li jsibu u jirrappurtaw dwarhom;
iii. li jiġbru l-informazzjoni dwar l-attivitajiet tas-sajd, li tkun tinkludi dan li ġej, u jirrappurtaw dwarha:
- fejn saret il-qabda skont il-latitudni u l-lonġitudni;
- l-informazzjoni dwar l-isforz tas-sajd (eż. l-għadd ta’ kalati, l-għadd ta’ snanar, eċċ.);
- id-data ta’ kull attività tas-sajd, u fejn ikun rilevanti, il-ħinijiet tal-bidu u tat-tmiem tal-attività tas-sajd;
- informazzjoni dwar l-użu ta’ oġġetti biex jinġabar il-ħut, fosthom l-irkapti biex jinġema’ l-ħut; u
- informazzjoni dwar il-kundizzjoni ġenerali tal-annimali li jinħelsu b’rabta mar-rati tas-sopravvivenza (jiġifieri jkunux ħajjin jew mejtin, midrubin, eċċ.);
b) li josservaw u jirreġistraw il-miżuri ta’ mitigazzjoni tal-qabdiet aċċessorji li jintużaw, u informazzjoni rilevanti oħra;
c) sa fejn ikun possibbli, li josservaw il-kundizzjonijiet ambjentali (eż. l-istat tal-baħar, il-klima, u l-parametri idroloġiċi, eċċ.) u jirrappurtaw dwarhom;
d) li josservaw l-irkaptu biex jinġema’ l-ħut u jirrappurtaw dwaru, bi qbil mal-programm tal-osservaturi tal-ICCAT li ġie adottat skont il-programm pluriennali għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tat-tonn tropikali; u
e) li jwettqu l-kompiti xjentifiċi l-oħrajn irrakkomandati mill-SCRS u approvati mill-Kummissjoni tal-ICCAT.
L-obbligi tal-osservaturi
8. Il-PKK għandhom jiżguraw li l-osservaturi:
a) ma jbagħbsux it-tagħmir elettroniku tal-bastiment;
b) ikunu jafu l-proċeduri ta’ emerġenza ta’ abbord il-bastiment, fost l-oħrajn, fejn jinsabu ċ-ċattri tas-salvataġġ, l-apparati tat-tifi tan-nar u l-kaxxi għall-ewwel għajnuna;
c) jikkomunikaw, skont il-bżonn, mal-kaptan dwar kwistjonijiet u kompiti li huma rilevanti għalihom;
d) ma jfixklux l-attivitajiet tas-sajd u l-attivitajiet normali tal-bastiment u lanqas ma jindaħlu fihom;
e) jieħdu sehem fis-sessjonijiet ta’ informazzjoni mar-rappreżentanti rilevanti tal-istitut xjentifiku jew tal-awtorità domestika responsabbli mill-implimentazzjoni tal-programm tal-osservaturi.
L-obbligi tal-kaptan
9. Il-PKK għandhom jiżguraw li l-kaptan tal-bastiment li fuqu jkun assenjat l-osservatur:
a) jippermetti l-aċċess ix-xieraq għall-bastiment u għall-attivitajiet ta’ fuqu;
b) jippermetti lill-osservatur iwettaq dmirijietu b’mod effettiv, fost affarijiet oħra billi:
i. jipprovdi l-aċċess ix-xieraq għall-irkaptu tal-bastiment, għad-dokumenti tiegħu (inklużi l-ġurnali ta’ abbord, kemm dawk elettroniċi, kif ukoll dawk fuq il-karta), u għall-qabdiet tiegħu;
ii. jiffaċilita l-komunikazzjoni fi kwalunkwe ħin mar-rappreżentanti rilevanti tal-istitut xjentifiku jew tal-awtorità domestika;
iii. jiżgura l-aċċess ix-xieraq għat-tagħmir elettroniku u għal tagħmir ieħor rilevanti għas-sajd, li jinkludi t-tagħmir li ġej, iżda li mhuwiex limitat għalih:
- it-tagħmir ta’ navigazzjoni bis-satellita;
- il-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi;
iv. jiżgura li l-ebda persuna li tkun abbord il-bastiment li jkun qed jiġi osservat ma timmanipula jew teqred xi apparat jew xi dokument tal-osservaturi; ma timpedixxi lill-osservaturi milli jwettqu dmirijiethom, jew tindaħal jew tagħmel xi ħaġa oħra biex ma tħallihomx jagħmlu xogħolhom; b’xi mod tbeżża’, tagħti fastidju, jew tweġġa’ lill-osservaturi; jew ixxaħħamhom jew tipprova xxaħħamhom;
c) jagħti l-akkomodazzjoni lill-osservaturi, inkluż xi mkien fejn joqogħdu, ikel u faċilitajiet sanitarji u mediċi xierqa, li tkun l-istess bħalma jingħataw l-uffiċjali;
d) jagħti biżżejjed spazju lill-osservaturi biex iwettqu l-kompiti tagħhom fuq il-pont tan-navigazzjoni jew fil-kamra tat-tmunier, u biżżejjed spazju fuq il-gverta sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti ta’ osservazzjoni tagħhom.
Id-dmirijiet tal-PKK
10. Kull PKK għandha:
a) teżiġi li meta l-bastimenti tagħha jkunu qed jistadu għall-ispeċijiet tal-ICCAT, ikollhom abbord osservatur xjentifiku bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;
b) tissorvelja s-sikurezza tal-osservaturi tagħha;
c) fejn ikun fattibbli u xieraq, tħeġġeġ lill-istitut xjentifiku jew lill-awtorità domestika tagħha jagħmlu ftehimiet mal-istituti xjentifiċi jew mal-awtoritajiet domestiċi ta’ PKK oħrajn biex jiskambjaw ir-rapporti u d-dejta tal-osservaturi bejniethom;
d) tipprovdi, fir-Rapport Annwali tagħha lill-Kummissjoni tal-ICCAT u lill-SCRS, informazzjoni speċifika dwar l-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, li għandha tinkludi:
i. dettalji dwar l-istruttura u t-tfassil tal-programmi tal-osservaturi xjentifiċi tagħha li għandhom jinkludu, fost affarijiet oħra:
- il-livell fil-mira tal-kopertura tal-osservaturi skont it-tipi ta’ sajd u t-tipi ta’ rkaptu, kif ukoll kif dan se jitkejjel;
- id-dejta li jenħtieġ li tinġabar;
- il-protokolli fis-seħħ għall-ġbir tad-dejta u għall-manipulazzjoni tal-kampjuni;
- l-informazzjoni dwar kif jintagħżlu l-bastimenti li jkunu se jiġu koperti biex jintlaħaq il-livell fil-mira tal-kopertura tal-osservaturi tal-PKK;
- ir-rekwiżiti marbutin mat-taħriġ tal-osservaturi; u
- ir-rekwiżiti marbutin mal-kwalifiki tal-osservaturi;
ii. l-għadd ta’ bastimenti ssorveljati u l-livell ta’ kopertura li jinkiseb, skont it-tipi ta’ sajd u t-tipi ta’ rkaptu; u
iii. dettalji dwar kif ġew ikkalkulati dawk il-livelli ta’ kopertura;
e) wara l-ewwel preżentazzjoni tal-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafu 10(d)(i), tirrapporta l-bidliet fl-istruttura u/jew fit-tfassil tal-programmi tal-osservaturi tagħha fir-Rapporti Annwali tagħha meta jseħħu dawn il-bidliet biss. Kull sena, il-PKK għandhom jibqgħu jirrappurtaw l-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafu 10(d)(ii) lill-Kummissjoni tal-ICCAT;
f) kull sena, bl-użu tal-formati elettroniċi magħżulin li jiġu żviluppati mill-SCRS, tirrapporta lill-SCRS l-informazzjoni li tkun inġabret permezz tal-programmi domestiċi tal-osservaturi tagħha biex din tintuża mill-Kummissjoni tal-ICCAT, b’mod partikolari għall-valutazzjoni tal-istokkijiet u għal skopijiet xjentifiċi oħra, bi qbil mal-proċeduri fis-seħħ għar-rekwiżiti l-oħrajn dwar ir-rappurtar tad-dejta u b’konsistenza mar-rekwiżiti domestiċi tal-kunfidenzjalità;
g) tiżgura l-implimentazzjoni ta’ protokolli sodi għall-ġbir tad-dejta mill-osservaturi tagħha waqt li dawn ikunu qegħdin iwettqu l-kompiti tagħhom imsemmija fil-paragrafu 7, inkluż, meta jkun hemm bżonn, li jittieħdu r-ritratti.
Id-dmirijiet tas-segretarju eżekuttiv
11. Is-segretarju eżekuttiv jiffaċilita l-aċċess tal-SCRS u tal-Kummissjoni tal-ICCAT għad-dejta u għall-informazzjoni rilevanti li titressaq skont din ir-Rakkomandazzjoni.
Id-dmirijiet tal-SCRS
12. L-SCRS għandu:
a) jiżviluppa skont il-bżonn u r-rilevanza, manwal ta’ ħidma għall-osservaturi li jista’ jintuża b’mod fakultattiv mill-PKK fil-programmi domestiċi tal-osservaturi tagħhom. Dan ikun jinkludi mudelli tal-formuli għall-ġbir tad-dejta u proċeduri standardizzati għall-ġbir tad-dejta, li jkunu tfasslu filwaqt li tqiesu l-manwali għall-osservaturi u l-materjali relatati li diġà jkunu jeżistu minn sorsi oħrajn, fosthom mingħand il-PKK, il-korpi reġjonali u sottoreġjonali u organizzazzjonijiet oħrajn;
b) jiżviluppa linji gwida speċifiċi għas-sajd dwar is-sistemi elettroniċi ta’ monitoraġġ;
c) jipprovdi sommarju tad-dejta xjentifika u tal-informazzjoni li tkun inġabret u ġiet irrappurtata skont din ir-Rakkomandazzjoni, u kull sejba assoċjata rilevanti lill-Kummissjoni tal-ICCAT;
d) jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet neċessarji u rilevanti dwar kif tiżdied l-effikaċja tal-programmi tal-osservaturi xjentifiċi biex jintlaħqu l-bżonnijiet tad-dejta tal-Kummissjoni tal-ICCAT, inklużi r-reviżjonijiet possibbli ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, u/jew dwar l-implimentazzjoni mill-PKK ta’ l-istandards u l-protokolli minimi mniżżlin f’dan l-Anness.
Is-sistemi elettroniċi ta’ monitoraġġ
13. Is-sistemi elettroniċi ta’ monitoraġġ jistgħu jiġu installati abbord il-bastimenti tas-sajd biex jikkumplimentaw ix-xogħol tal-osservaturi umani abbord il-bastiment jew biex joħdulu postu, sakemm jinħareġ il-parir tal-SCRS u tittieħed deċiżjoni mill-Kummissjoni tal-ICCAT, meta l-SCRS ikun stabbilixxa li dawn is-sistemi huma effettivi għal ċertu tip ta’ sajd partikulari.
14. Jeħtieġ li l-PKK jikkunsidraw il-linji gwida applikabbli li jkun approva l-SCRS dwar l-użu tas-sistemi elettroniċi ta’ monitoraġġ.
15. Il-PKK huma mħeġġa jirrappurtaw lill-SCRS l-esperjenzi tagħhom b’rabta mal-użu tas-sistemi elettroniċi ta’ monitoraġġ fis-sajd tal-ICCAT tagħhom biex jikkumplimentaw il-programmi tal-osservaturi umani tagħhom. Il-PKK li għadhom ma implimentawx dawn is-sistemi huma mħeġġa jippruvaw jużawhom u jirrappurtaw is-sejbiet tagħhom lill-SCRS.
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell,24.4.2018
COM(2018) 229 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
dwar pjan pluriennali għall-irkupru tal-pixxispad tal-Mediterran u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 u r-Regolament (UE) 2017/2107
L-iskema tal-ICCAT ta’ spezzjoni internazzjonali konġunta
ANNESS III
L-iskema tal-ICCAT ta’ spezzjoni internazzjonali konġunta
Skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu IX tal-Konvenzjoni, il-Kummissjoni tal-ICCAT tirrakkomanda li jiġu stabbiliti l-arranġamenti li ġejjin għall-kontrolli internazzjonali fl-ilmijiet li ma jidħlux fil-ġuriżdizzjoni nazzjonali, biex ikun żgurat li l-Konvenzjoni u l-miżuri li huma fis-seħħ abbażi tagħha jiġu applikati:
I. Ksur serju
1. Għall-finijiet ta’ dawn il-proċeduri, ksur serju jfisser il-ksur li ġej tad-dispożizzjonijiet tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni tal-ICCAT adottati mill-Kummissjoni:
(a) is-sajd mingħajr liċenzja, permess jew awtorizzazzjoni maħruġa mill-PKK tal-Istat tal-bandiera;
(b) in-nuqqas ta’ żamma ta’ biżżejjed rekords tad-dejta dwar il-qabdiet u tad-dejta marbuta mal-qabdiet bi qbil mar-rekwiżiti tar-rappurtar tal-Kummissjoni, jew rappurtar żbaljat sinifikanti tat-tali dejta dwar il-qabdiet u/jew tat-tali dejta marbuta mal-qabdiet;
(c) is-sajd f’żona magħluqa għas-sajd;
(d) is-sajd waqt staġun magħluq għas-sajd;
(e) it-teħid jew iż-żamma intenzjonati ta’ speċijiet bi ksur ta’ kwalunkwe miżura ta’ konservazzjoni u ta’ ġestjoni applikabbli adottata mill-ICCAT;
(f) ksur sinifikanti tal-limiti tal-qbid jew tal-kwoti li jkunu fis-seħħ skont ir-regoli tal-ICCAT;
(g) l-użu ta’ rkaptu tas-sajd li jkun ipprojbit;
(h) il-falsifikazzjoni jew il-ħabi intenzjonat tal-marki, tal-identità jew tar-reġistrazzjoni ta’ bastiment tas-sajd;
(i) il-ħabi, it-tbagħbis jew it-twarrib tal-provi marbutin mal-investigazzjoni ta’ ksur;
(j) diversi każijiet ta’ ksur li, meta jittieħdu flimkien, jikkostitwixxu nuqqas serju ta’ ħarsien tal-miżuri li jkunu fis-seħħ skont l-ICCAT;
(k) l-attakk, ir-reżistenza, l-intimidazzjoni, il-fastidju sesswali, l-indħil, jew it-tfixkil jew it-tidwim bla bżonn fil-konfront ta’ spettur jew ta’ osservatur awtorizzat;
(l) it-tbagħbis jew id-diżattivazzjoni intenzjonati tas-sistema ta’ monitoraġġ tal-bastiment;
(m) kull ksur ieħor li jista’ jiġi stabbilit mill-ICCAT, ladarba dan jiġi inkluż u ċċirkolat f’verżjoni riveduta ta’ dawn il-proċeduri;
(n) l-indħil fis-sistema tal-monitoraġġ bis-satellita u/jew l-użu ta’ bastiment mingħajr sistema ta’ monitoraġġ tal-bastiment;
(o) it-trażbord fuq il-baħar.
2. Jekk jinqala’ l-każ li waqt li l-ispetturi awtorizzati jkunu qed jimbarkaw fuq bastiment tas-sajd jew jispezzjonawh, huma josservaw attività jew kundizzjoni li tista’ tikkostitwixxi ksur serju kif iddefinit fil-paragrafu 1, l-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment ta’ spezzjoni għandhom jgħarrfu minnufih lill-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd b’dan, kemm b’mod dirett kif ukoll permezz tas-Segretarjat tal-ICCAT. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, jeħtieġ li l-ispettur jgħarraf ukoll lil kull bastiment ta’ spezzjoni tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd li jkun jaf li jinsab fil-qrib.
3. Jeħtieġ li l-ispetturi tal-ICCAT jirreġistraw l-ispezzjonijiet li jkunu saru u l-ksur li jkun instab (jekk ikun sar ksur) fil-ġurnal ta’ abbord tal-bastiment tas-sajd.
4. Il-PKK tal-Istat tal-bandiera għandhom jiżguraw li, wara l-ispezzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Anness, il-bastiment tas-sajd ikkonċernat iwaqqaf kull attività tas-sajd. Il-PKK tal-Istat Membru tal-bandiera għandhom jeżiġu li, fi żmien 72 siegħa, il-bastiment tas-sajd imur f’port magħżul minnhom, fejn għandha tinbeda investigazzjoni.
5. F’każ li waqt spezzjoni jiġu nnutati attività jew kundizzjoni li jistgħu jikkostitwixxu ksur serju, jeħtieġ li l-bastiment jiġi evalwat skont il-proċeduri deskritti fir-Rakkomandazzjoni tal-ICCAT li tkompli temenda r-Rakkomandazzjoni 09-10 li tistabbilixxi lista tal-bastimenti li hu meqjus li wettqu attivitajiet tas-sajd illegali, mhux irrapportati u mhux irregolati fiż-Żona tal-Konvenzjoni tal-ICCAT (ir-Rakkomandazzjoni 11-18), filwaqt li jitqiesu kull azzjoni li tkun ittieħdet bi tweġiba għal dan u kull segwitu ieħor li jkun hemm għal dan.
II. Twettiq tal-ispezzjonijiet
6. L-ispezzjonijiet għandhom jitwettqu mill-ispetturi maħturin mill-Gvernijiet Kontraenti. L-ismijiet tal-aġenziji tal-gvern awtorizzati u ta’ kull spettur maħtur għal dak il-għan mill-gvern rispettiv tiegħu għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni tal-ICCAT.
7. Il-bastimenti li jwettqu dmirijiet ta’ imbarkazzjoni u ta’ spezzjoni internazzjonali skont dan l-Anness għandhom itajru bandiera jew fjamma speċjali approvata mill-Kummissjoni tal-ICCAT u maħruġa mis-Segretarjat tal-ICCAT. L-ismijiet tal-bastimenti li jintużaw b’dan il-mod għandhom jintbagħtu lis-Segretarjat tal-ICCAT malli jkun jista’ jsir dan qabel jibdew l-attivitajiet ta’ spezzjoni. Is-Segretarjat tal-ICCAT għandu jqiegħed it-tagħrif dwar il-bastimenti ta’ spezzjoni maħturin għad-dispożizzjoni tal-PKK kollha, fosthom billi jqiegħed dan it-tagħrif fis-sit elettroniku tiegħu li huwa protett b’password.
8. Kull spettur għandu jġorr dokument tal-identità xieraq maħruġ mill-awtoritajiet tal-Istat tal-bandiera, li għandu jkun fil-forma li tidher fil-paragrafu 21 ta’ dan l-Anness.
9. Suġġett għall-arranġamenti miftiehma fil-kuntest tal-paragrafu 16 ta’ dan l-Anness, bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ Gvern Kontraenti u li jkun qed jistad għat-tonn jew għall-ħut li jixbah lit-tonn fiż-żona tal-Konvenzjoni barra l-ilmijiet li huma fil-ġuriżdizzjoni nazzjonali tiegħu għandu jieqaf meta jingħata s-sinjal rilevanti tal-Kodiċi Internazzjonali tas-Sinjali minn bastiment li jtajjar il-fjamma tal-ICCAT deskritta fil-paragrafu 7 u li jkollu spettur abbord, sakemm il-bastiment ma jkunx qed iwettaq attivitajiet tas-sajd dak il-ħin stess, f’liema każ għandu jieqaf minnufih hekk kif itemm it-tali attivitajiet. Kif speċifikat fil-paragrafu 10 ta’ dan l-Anness, il-kaptan tal-bastiment għandu jippermetti lit-tim tal-ispezzjoni jimbarka u għandu jipprovdilu sellum biex jitla’ abbord. Il-kaptan għandu jippermetti lit-tim tal-ispezzjoni jeżamina t-tagħmir, il-qabda jew l-irkaptu u kull dokument rilevanti, hekk kif l-ispettur iqis li jkun meħtieġ biex tiġi vverifikata l-konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-ICCAT li jkunu fis-seħħ għall-Istat tal-bandiera tal-bastiment li jkun qed jiġi spezzjonat. Barra minn hekk, l-ispettur jista’ jitlob kwalunkwe spjegazzjoni li huwa jqis li tkun meħtieġa.
10. L-uffiċjal kmandant tal-bastiment tal-ispezzjoni għandu jiddeċiedi kemm għandu jkun kbir it-tim tal-ispezzjoni, filwaqt li jqis iċ-ċirkostanzi rilevanti. It-tim tal-ispezzjoni jrid ikun żgħir kemm jista’ jkun biex iwettaq il-kompiti stabbiliti f’dan l-Anness b’mod sikur u fis-sikurezza.
11. Meta jimbarkaw abbord il-bastiment, l-ispetturi għandhom juru d-dokumenti tal-identità deskritti fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Anness. L-ispetturi għandhom iħarsu r-regoli, il-proċeduri u l-prattiki internazzjonali ġeneralment aċċettati li jirrigwardaw is-sikurezza tal-bastiment li qed jiġi spezzjonat u tal-ekwipaġġ tiegħu, u għandhom inaqqsu kemm jista’ jkun l-interferenza fl-attivitajiet tas-sajd jew fl-istivar tal-prodotti u, sa fejn ikun fattibbli, għandhom jevitaw li jieħdu azzjonijiet li jistgħu jaffettwaw ħażin il-kwalità tal-qabda li jkun hemm abbord. L-ispetturi għandhom jillimitaw l-inkjesti tagħhom għall-aċċertazzjoni li qed jitħarsu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-ICCAT li jkunu fis-seħħ għall-Istat tal-bandiera tal-bastiment ikkonċernat. Huma u jwettqu l-ispezzjoni, l-ispetturi jistgħu jitolbu kull għajnuna li jista’ jkollhom bżonn mingħand il-kaptan tal-bastiment tas-sajd. L-ispetturi għandhom iħejju rapport tal-ispezzjoni f’forma approvata mill-Kummissjoni tal-ICCAT. L-ispetturi għandhom jiffirmaw ir-rapport fil-preżenza tal-kaptan tal-bastiment, li għandu jkollu d-dritt iżid mar-rapport kwalunkwe osservazzjoni li jaħseb li hija xierqa, jew li jitlob li din tiżdied mar-rapport, u li għandu jiffirma ħdejn it-tali osservazzjonijiet.
12. Għandhom jingħataw kopji tar-rapport lill-kaptan tal-bastiment u lill-gvern tat-tim tal-ispezzjoni, li, min-naħa tiegħu, għandu jgħaddi kopji tiegħu lill-awtoritajiet ix-xierqa tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat u lill-Kummissjoni tal-ICCAT. Meta jiġi nnotat xi ksur tar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT, l-ispetturi għandhom jgħarrfu b’dan ukoll lil kull bastiment ta’ spezzjoni tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment tas-sajd li jkunu jafu li jinsab fil-qrib, meta dan ikun possibbli.
13. L-Istat tal-bandiera tal-bastiment spezzjonat għandu jittratta kull reżistenza għall-ispetturi jew kull nuqqas ta’ konformità mal-istruzzjonijiet tagħhom bl-istess mod li bih jittratta t-tali aġir meta dan isir fil-konfront ta’ spettur nazzjonali.
14. L-ispetturi għandhom jaqdu dmirijiethom fil-kuntest ta’ dawn l-arranġamenti skont ir-regoli stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni, iżda għandhom jibqgħu taħt il-kontroll operattiv tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom u għandhom ikunu responsabbli lejhom.
15. Il-Gvernijiet Kontraenti għandhom iqisu r-rapporti ta’ spezzjoni, il-folji tat-tagħrif dwar il-lemħ skont ir-Rakkomandazzjoni 94-09 u d-dikjarazzjonijiet li ġejjin mill-ispezzjonijiet tad-dokumenti ta’ spetturi barranin fil-kuntest ta’ dawn l-arranġamenti u jaġixxu fuqhom bl-istess mod li bih iqisu r-rapporti tal-ispetturi nazzjonali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u li bih jaġixxu fuq dawn ir-rapporti. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu ma għandhom jimponu l-ebda obbligu fuq xi Gvern Kontraenti li jagħti valur ogħla lir-rapport ta’ spettur barrani bħala prova mill-valur li dan ikollu fil-pajjiż tal-ispettur stess. Il-Gvernijiet Kontraenti għandhom jikkollaboraw bejniethom biex jiffaċilitaw il-proċedimenti ġudizzjarji jew proċedimenti oħrajn li jirriżultaw minn rapport ta’ spettur li jkun sar fil-kuntest ta’ dawn l-arranġamenti.
16.
(a) Sal-1 ta’ Jannar ta’ kull sena, il-Gvernijiet Kontraenti għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni tal-ICCAT bil-pjanijiet proviżorji tagħhom għat-twettiq tal-attivitajiet ta’ spezzjoni fil-kuntest ta’ din ir-Rakkomandazzjoni f’dik is-sena kalendarja, u l-Kummissjoni tal-ICCAT tista’ tagħti s-suġġerimenti tagħha lill-Gvernijiet Kontraenti għall-koordinament tal-attivitajiet nazzjonali f’dan il-qasam, fosthom dwar l-għadd ta’ spetturi u l-għadd ta’ bastimenti li jkollhom l-ispetturi abbord;
(b) l-arranġamenti stipulati f’din ir-Rakkomandazzjoni u l-pjanijiet għall-parteċipazzjoni għandhom japplikaw bejn il-Gvernijiet Kontraenti, sakemm dawn ma jiftehmux mod ieħor bejniethom, f’liema każ il-Kummissjoni tal-ICCAT għandha tiġi mgħarrfa bit-tali ftehim. Madankollu, sakemm jitlesta l-ftehim, l-implimentazzjoni tal-iskema għandha tkun sospiża bejn żewġ Gvernijiet Kontraenti jekk xi wieħed minnhom jgħarraf lill-Kummissjoni tal-ICCAT li jkun se jsir hekk.
17.
(a) L-irkaptu tas-sajd għandu jiġi spezzjonat skont ir-regolamenti li jkunu fis-seħħ għas-subżona li fiha sseħħ l-ispezzjoni. Fir-rapport tal-ispezzjoni, l-ispetturi għandhom iniżżlu f’liema subżona tkun seħħet l-ispezzjoni u jiddeskrivu kull ksur li jkunu sabu waqt dik l-ispezzjoni;
(b) l-ispetturi għandu jkollhom l-awtorità jispezzjonaw l-irkaptu kollu tas-sajd li jkun qed jintuża jew li jkun hemm abbord il-bastiment.
18. L-ispetturi għandhom iwaħħlu marka tal-identifikazzjoni approvata mill-Kummissjoni tal-ICCAT ma’ kull irkaptu tas-sajd spezzjonat li jidher li jkun qed jikser ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tal-ICCAT li jkunu fis-seħħ għall-Istat tal-bandiera tal-bastiment ikkonċernat u għandhom jirreġistraw dan il-fatt fir-rapport tal-ispezzjoni tagħhom.
19. L-ispetturi jistgħu jieħdu ritratti tal-irkaptu, tat-tagħmir, tad-dokumentazzjoni u ta’ kull element ieħor li huma jqisu li jkun meħtieġ, b’tali mod li jiġu żvelati dawk il-karatteristiċi li, fl-opinjoni tagħhom, ma jkunux jikkonformaw mar-regolament fis-seħħ, u f’dan il-każ l-oġġetti li jkun itteħdilhom ritratt għandhom jitniżżlu fir-rapport u għandhom jinhemżu kopji tar-ritratti mal-kopja tar-rapport li tkun maħsuba għall-Istat tal-bandiera.
20. L-ispetturi għandhom jispezzjonaw il-qabdiet kollha li jkun hemm abbord il-bastiment, skont il-bżonn, biex jistabbilixxu l-konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT.
21. Il-mudell tal-Karta tal-Identità tal-ispetturi huwa mogħti hawn taħt:
Dimensjonijiet: wisa’: 10,4 cm, għoli: 7 cm.